27.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Qafas għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni

(2014/C 198/01)

KONTENUT

Introduzzjoni 2

1.

Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet 3

1.1.

Kamp ta’ applikazzjoni 3

1.2.

Miżuri ta’ għajnuna koperti mill-qafas 4

1.3.

Definizzjonijiet 5

2.

Għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat 8

2.1.

Organizzazzjonijiet ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien u infrastrutturi ta’ riċerka bħala destinatarji tal-għajnuna mill-istat 8

2.1.1.

Finanzjament pubbliku għal attivitajiet mhux ekonomiċi 8

2.1.2.

Finanzjament pubbliku ta’ attivitajiet ekonomiċi 9

2.2.

Għajnuna mill-istat indiretta lil impriżi permezz ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien u infrastrutturi ta’ riċerka ffinanzjati b’fondi pubbliċi 10

2.2.1.

Riċerka f’isem impriżi (riċerka kuntrattwali jew servizzi ta’ riċerka) 10

2.2.2.

Kollaborazzjoni ma’ impriżi 10

2.3.

Akkwist pubbliku ta’ riċerka u servizzi ta’ żvilupp 11

3.

Prinċipji komuni tal-valutazzjoni 12

4.

Valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-RŻI 13

4.1.

Il-kontribut lejn objettiv ta’ interess komuni definit sew 13

4.1.1.

Kundizzjonijiet ġenerali 13

4.1.2.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali 14

4.2.

Ħtieġa ta’ intervent mill-istat 14

4.2.1.

Kundizzjonijiet ġenerali 14

4.2.2.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali 15

4.3.

Adegwatezza tal-miżura ta’ għajnuna 16

4.3.1.

Adegwatezza fost strumenti politiċi alternattivi 16

4.3.2.

Adegwatezza fost strumenti differenti ta’ għajnuna 16

4.4.

Effett ta’ inċentiv 17

4.4.1.

Kundizzjonijiet ġenerali 17

4.4.2.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali 17

4.5.

Proporzjonalità tal-għajnuna 18

4.5.1.

Kundizzjonijiet ġenerali 18

4.5.1.1.

Intensitajiet massimi ta’ għajnuna 19

4.5.1.2.

Avvanzi ripagabbli 19

4.5.1.3.

Miżuri fiskali 20

4.5.1.4.

Kumulazzjoni ta’ għajnuna 20

4.5.2.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali 20

4.6.

Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ 21

4.6.1.

Kunsiderazzjonijiet ġenerali 21

4.6.1.1.

Effetti fuq is-swieq tal-prodotti 22

4.6.1.2.

Effetti fuq il-kummerċ u l-għażla tal-lokalizzazzjoni 22

4.6.1.3.

Effetti negattivi evidenti 22

4.6.2.

Skemi ta’ għajnuna 23

4.6.3.

Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali 23

4.6.3.1.

Distorsjonijiet fis-swieq tal-prodotti 23

4.6.3.2.

Effetti fuq il-lokalizzazzjoni 25

4.7.

Trasparenza 25

5.

Evalwazzjoni 25

6.

Rapportar u Monitoraġġ 26

7.

Applikabilità 26

8.

Reviżjoni 26

INTRODUZZJONI

1.

Sabiex jiġi evitat li s-sussidji mill-istat jikkawżaw distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jmur kontra l-interess komuni, l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) jistabbilixxi l-prinċipju li l-għajnuna mill-istat hija pprojbita. F’ċerti każijiet, madankollu, din l-għajnuna tista’ tkun kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikoli 107(2) u 107(3) tat-Trattat.

2.

Il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (“RŻI”) hija mira importanti tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 179 tat-Trattat, li jgħid li “l-Unjoni għandu jkollha l-objettiv li ssaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta’ riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament, u li tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-kompetittività tagħha u tal-industrija tagħha, kif ukoll li tippromwovi l-attivitajiet kollha ta’ riċerka li huma meqjusa meħtieġa (…)”. L-Artikoli minn 180 sa 190 tat-Trattat jiddeterminaw l-attivitajiet li għandhom jitwettqu f’dan ir-rigward u l-ambitu u l-implimentazzjoni tal-programm qafas pluriennali.

3.

L-istrateġija Ewropa 2020 (1) tidentifika r-riċerka u l-iżvilupp (“RŻ”) bħala mutur fundamentali biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-mira ewlenija li sal-2020 3 % tal-prodott domestiku gross tal-Unjoni (“PDG”) għandu jiġi investit fir-RŻ. Sabiex jitrawwem il-progress fil-qasam tar-RŻI, l-istrateġija Ewropa 2020 b’mod partikolari tressaq l-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni” (2) bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet qafas u l-aċċess għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni biex ikun żgurat li l-ideat innovattivi jkunu jistgħu jinbidlu fi prodotti u servizzi li joħolqu t-tkabbir u x-xogħol (3). Il-komunikazzjoni Ewropa 2020 nnotat li l-politika tal-għajnuna mill-istat tista’ “tikkontribwixxi b’mod attiv u pożittiv (…) billi tinċita u tappoġġa inizjattivi għal teknoloġiji innovattivi, effiċjenti u aktar ekoloġiċi, filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għal appoġġ pubbliku għall-investiment, kapital tar-riskju u ffinanzjar tar-riċerka u l-iżvilupp”.

4.

Għalkemm huwa ġeneralment aċċettat li swieq kompetittivi għandhom tendenza li jwasslu għal riżultati effiċjenti f’termini ta’ prezzijiet, produzzjoni u użu tar-riżorsi, fil-preżenza ta’ fallimenti tas-suq (4) intervent mill-istat jista’ jtejjeb il-funzjonament tas-swieq u, b’hekk, jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Fil-kuntest tar-RŻI, fallimenti tas-suq jistgħu jseħħu pereżempju għaliex l-atturi fis-suq normalment ma jqisux l-esternalitajiet (pożittivi) li jirriżultaw fuq atturi oħra fl-ekonomija, u għalhekk jinvolvu ruħhom f’livell ta’ attivitajiet tar-RŻI li huwa baxx wisq mill-perspettiva tas-soċjetà. Bl-istess mod, proġetti RŻI jistgħu jbatu minn aċċess insuffiċjenti għall-finanzi (minħabba informazzjoni asimmetrika) jew minn problemi ta’ koordinazzjoni bejn id-ditti. Għalhekk, l-għajnuna mill-istat għar-RŻI tista’ tkun kompatibbli mas-suq intern meta tista’ tkun mistennija jtaffi falliment tas-suq fil-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni jew fil-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi u meta d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ li tirriżulta ma tmurx kontra l-interess komuni.

5.

Għajnuna għar-RŻI se tkun primarjament ġustifikata abbażi tal-Artikoli 107(3)(b) u 107(3)(c) tat-Trattat, li skonthom il-Kummissjoni tista’ tqis kompatibbli mas-suq intern għajnuna mill-istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni jew biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni, fejn din l-għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

6.

Fil-Komunikazzjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-istat (5), il-Kummissjoni ħabbret tliet għanijiet li se jintlaħqu permezz tal-modernizzazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-istat:

(a)

it-trawwim ta’ tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv f’suq intern kompetittiv;

(b)

skrutinju ex ante ffukat fuq il-każijiet bl-akbar impatt fuq is-suq intern, filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri fl-infurzar tal-għajnuna mill-istat;

(c)

ir-razzjonalizzazzjoni tar-regoli u provvedimenti biex id-deċiżjonijiet jittieħdu aktar malajr.

7.

B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni sejħet għal approċċ komuni fir-reviżjoni tal-linji gwida u l-oqfsa differenti bbażat fuq it-tisħiħ tas-suq intern, il-promozzjoni ta’ aktar effikaċja fl-infiq pubbliku permezz ta’ kontribut aħjar mill-għajnuna mill-istat għall-objettivi ta’ interess komuni, u eżerċitar ta’ iktar skrutinju fuq l-effett ta’ inċentiv, fuq li l-għajnuna tkun limitata għall-inqas possibbli, u fuq l-effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Il-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà stipulati f’dan il-qafas huma bbażati fuq dak l-approċċ komuni.

1.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

1.1.   Kamp ta’ applikazzjoni

8.

Il-prinċipji stipulati f’dan il-qafas japplikaw għal għajnuna mill-istat fis-setturi kollha tar-RŻI regolati mit-Trattat. Għalhekk japplika għal dawk is-setturi li huma suġġetti għal regoli speċifiċi tal-Unjoni għall-għajnuna mill-istat, sakemm dawn ir-regoli ma jipprovdux mod ieħor.

9.

Il-finanzjament tal-Unjoni, immaniġġat ċentralment minn istituzzjonijiet, aġenziji, impriżi konġunti jew korpi oħra tal-Unjoni li huma direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istati Membri (6), ma jikkostitwixxix għajnuna mill-istat. Meta dan il-finanzjament tal-Unjoni jkun flimkien ma’ għajnuna mill-istat, tal-aħħar biss jitqies għad-determinazzjoni ta’ jekk il-livelli massimi ta’ notifika u l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna humiex rispettati jew, fil-kuntest ta’ dan il-qafas, għandhiex issirilhom valutazzjoni tal-kompatibbiltà.

10.

Għajnuna għar-RŻI għal ditti f’diffikultà, kif spjegat għall-għanijiet ta’ dan il-qafas mil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (7), kif emendati jew mibdula, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-qafas.

11.

Meta tkun qed tiġi vvalutata għajnuna għar-RŻI favur benefiċjarju li huwa soġġett għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara li għajnuna hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni tqis l-ammont ta’ għajnuna li tkun għadha trid tiġi rkuprata (8).

1.2.   Miżuri ta’ għajnuna koperti mill-qafas

12.

Il-Kummissjoni identifikat serje ta’ miżuri RŻI li għalihom l-għajnuna mill-istat tista’, b’kundizzjonijiet speċifiċi, tkun kompatibbli mas-suq intern:

(a)

għajnuna għal proġetti ta’ RŻ meta l-parti li tirċievi l-għajnuna tal-proġett ta’ riċerka taqa’ fil-kategoriji ta’ riċerka fundamentali u riċerka applikata, li minnhom din tal-aħħar tista’ tinqasam f’riċerka industrijali u żvilupp sperimentali (9). Din l-għajnuna hija mmirata prinċipalment lejn il-falliment tas-suq b’rabta mal-esternalitajiet pożittivi (konsegwenza tal-għarfien), iżda tista’ wkoll tindirizza falliment tas-suq ikkawżat minn informazzjoni imperfetta u asimmetrika jew (l-aktar fi proġetti ta’ kollaborazzjoni) minn koordinazzjoni li ma ħadmitx;

(b)

għajnuna għal studji ta’ fattibbiltà relatata ma’ proġetti ta’ RŻ, li jimmiraw li jegħlbu l-falliment ta’ suq, prinċipalment b’rabta ma’ informazzjoni imperfetta u asimmetrika;

(c)

għajnuna għall-bini u t-titjib tal-infrastrutturi tar-riċerka , li prinċipalment tindirizza l-falliment tas-suq li jirriżulta minn diffikultajiet fil-koordinazzjoni. Infrastrutturi tar-riċerka ta’ kwalità għolja qegħdin isiru dejjem aktar meħtieġa għal riċerka rivoluzzjonarja minħabba li jattiraw talent globali u huma essenzjali, pereżempju għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u għat-teknoloġiji abilitanti ewlenin (10);

(d)

għajnuna għal attivitajiet tal-innovazzjoni , li hija prinċipalment immirata lejn il-fallimenti tas-suq relatati mal-esternalitajiet pożittivi (għarfien konsegwenzjali), diffikultajiet fil-koordinazzjoni u, sa ċertu punt, l-informazzjoni asimmetrika. Fir-rigward ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) din l-għajnuna għall-innovazzjoni tista’ tingħata biex jinkisbu, jiġu vvalidati u difiżi privattivi u assi intanġibbli oħra, għall-issekondar ta’ persunal bi kwalifiki għolja, u għall-akkwist ta’ servizzi ta’ konsulenza u appoġġ għall-innovazzjoni. Barra minn hekk, sabiex jinkoraġġixxu intrapriżi kbar jikkollaboraw ma’ SMEs f’attivitajiet ta’ innovazzjoni tal-proċessi u organizzazzjonali, tista’ wkoll tingħata għajnuna għall-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet kemm mill-SMEs kif ukoll mill-intrapriżi kbar;

(e)

għajnuna għal raggruppamenti innovattivi li timmira li tittratta l-fallimenti tas-suq marbuta ma’ problemi ta’ koordinazzjoni li jfixklu l-iżvilupp ta’ raggruppamenti, jew li jillimitaw l-interazzjonijiet u l-flussi tal-għarfien fir-raggruppamenti. L-għajnuna mill-istat tista’ tikkontribwixxi biex tissolva din il-problema, l-ewwel billi tgħin l-investiment f’infrastrutturi miftuħa u kondiviżi għal raggruppamenti tal-innovazzjoni, u t-tieni billi tgħin, għal mhux aktar minn 10 snin, l-operat ta’ raggruppamenti għat-titjib tal-kollaborazzjoni, in-networking u t-tagħlim.

13.

L-Istati Membri jridu jinnotifikaw l-għajnuna għar-RŻI skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, bl-eċċezzjoni ta’ miżuri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (11).

14.

Dan il-qafas jistipula l-kriterji tal-kompatibbiltà għall-iskemi ta’ għajnuna għar-RŻI u għajnuna individwali li hija soġġetta għar-rekwiżit tan-notifika u jrid jiġi vvalutat skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat (12).

1.3.   Definizzjonijiet

15.

Għall-finijiet ta’ dan il-qafas, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għajnuna ad hoc ” tfisser għajnuna li ma tingħatax abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

(b)

għajnuna” tfisser kull miżura li tissodisfa l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

(c)

intensità tal-għajnuna” tfisser l-ammont gross tal-għajnuna espress bħala perċentwali tal-ispejjeż eliġibbli, qabel kull tnaqqis ta’ taxxa jew imposta ieħor. Meta l-għajnuna tingħata f’forma oħra li mhijiex għotja, l-ammont tal-għajnuna jkun l-ekwivalenti tal-għotja tal-għajnuna. L-għajnuna pagabbli f’bosta pagamenti parzjali tiġi skontata għall-valur tagħha fid-data tal-għotja. Ir-rata tal-imgħaxx li għandha tintuża għal dan il-għan hija r-rata skontata (13) applikabbli fid-data tal-għotja. L-intensità tal-għajnuna tiġi kkalkolata għal kull benefiċjarju;

(d)

skema ta’ għajnuna” tfisser kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri oħra ta’ implimentazzjoni, għotjiet ta’ għajnuna individwali jistgħu jingħataw lil impriżi definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu tista’ tingħata għajnuna li mhijiex marbuta ma’ proġett speċifiku lil impriża waħda jew aktar;

(e)

riċerka applikata” tfisser riċerka industrijali, żvilupp sperimentali, jew kull kombinazzjoni tagħhom;

(f)

distakkament (arm’s length)” tfisser li l-kundizzjonijiet tat-tranżazzjoni bejn il-partijiet kontraenti ma jvarjawx minn dawk li jsiru bejn impriżi indipendenti u ma fihom ebda element ta’ kollużjoni. Kull tranżazzjoni li tirriżulta minn proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja titqies li tilħaq il-prinċipju tad-distakkament;

(g)

data tal-għoti tal-għajnuna” tfisser id-data li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna skont ir-reġim legali nazzjonali applikabbli;

(h)

kollaborazzjoni effettiva” tfisser kollaborazzjoni bejn mill-inqas żewġ partijiet indipendenti biex jiskambjaw għarfien jew teknoloġija, jew biex jintlaħaq għan komuni bbażata fuq id-diviżjoni tax-xogħol fejn il-partijiet b’mod konġunt jiddefinixxu l-ambitu tal-proġett kollaborattiv, jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tiegħu u jaqsmu r-riskji u r-riżultati tiegħu. Parti waħda jew aktar jistgħu jġorru l-ispejjeż sħaħ tal-proġett u b’hekk jeħilsu partijiet oħra mir-riskji finanzjarji tiegħu. Riċerka kuntrattwali u l-forniment ta’ servizzi ta’ riċerka mhumiex meqjusa forom ta’ kollaborazzjoni.

(i)

akkwist prekummerċjali” tfisser l-akkwist pubbliku ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp li minnhom il-benefiċċji kollha jkunu dovuti lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti, u li tista’ tużahom fit-twettiq tal-operat tagħha bil-kundizzjoni li tirremunerahom bis-sħiħ;

(j)

żvilupp sperimentali” tfisser l-akkwist, il-kombinament, l-iffurmar u l-użu ta’ għarfien u ħiliet xjentifiċi, teknoloġiċi, kummerċjali u oħrajn rilevanti eżistenti bil-għan li jiġu żviluppati, jew imtejbin, prodotti, proċessi jew servizzi ġodda. Dan jista’ jinkludi wkoll, pereżempju, attivitajiet immirati lejn id-definizzjoni kunċettwali, l-ippjanar u d-dokumentazzjoni ta’ prodotti, proċessi jew servizzi ġodda. L-iżvilupp sperimentali jista’ jinkludi prototipi, dimostrazzjoni, pilotaġġ, ittestjar u validazzjoni ta’ prodotti, proċessi jew servizzi ġodda jew imtejba f’ambjenti rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet operazzjonali reali fejn l-għan ewlieni jkun li jsir aktar titjib tekniku fil-prodotti, il-proċessi jew s-servizzi li għadhom mhumiex sostanzjalment stabbiliti. Dan jista’ jinkludi l-iżvilupp ta’ prototip jew pilota li jkun kummerċjalment utilizzabbli u li huwa neċessarjament il-prodott kummerċjali finali u li huwa għali wisq biex jiġi prodott biex jintuża biss għal finijiet ta’ dimostrazzjoni u validazzjoni. L-iżvilupp sperimentali ma jinkludix tibdiliet ta’ rutina jew perjodiċi magħmula lil prodotti, linji ta’ produzzjoni, proċessi ta’ manifattura, servizzi u operazzjonijiet eżistenti oħra fis-seħħ, anki jekk dawn it-tibdiliet jistgħu jirrappreżentaw titjib;

(k)

studju tal-fattibbiltà” tfisser l-evalwazzjoni u l-analiżi tal-potenzjal ta’ proġett, li għandu l-għan jgħin il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi b’mod oġġettiv u razzjonali jikxef il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu, l-opportunitajiet u r-riskji, kif ukoll jidentifika r-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq u fl-aħħar mill-aħħar il-prospetti tiegħu li jkun suċċess;

(l)

allokazzjoni sħiħa” tfisser li l-organizzazzjoni tar-riċerka, l-infrastruttura tar-riċerka jew l-akkwirent pubbliku jgawdi l-benefiċċju ekonomiku sħiħ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali billi jżomm id-dritt li jiddisponi minnhom bla restrizzjoni, partikolarment id-dritt ta’ sjieda u d-dritt li jagħti liċenzja. Dan jista’ wkoll ikun il-każ meta l-organizzazzjoni tar-riċerka jew l-infrastruttura tar-riċerka (rispettivament, l-akkwirent pubbliku) tiddeċiedi li tikkonkludi kuntratti oħra li jikkonċernaw dawk id-drittijiet, inkluż li tagħti liċenzja għalihom lil sieħeb f’kollaborazzjoni (rispettivament, impriżi).

(m)

riċerka fundamentali” tfisser xogħol sperimentali jew teoriku magħmul primarjament sabiex jinkiseb għarfien ġdid tal-fundamenti sottostanti ta’ fenomeni u fatti osservabbli, mingħajr ma tkun prevista xi applikazzjoni jew użu kummerċjali dirett;

(n)

għotja grossa ekwivalenti” tfisser l-ammont tal-għajnuna, jekk tkun ingħatat fil-forma ta’ għotja, qabel kull tnaqqis ta’ taxxi jew imposti oħra;

(o)

persunal bi kwalifiki għolja” tfisser persunal b’lawrija ta’ edukazzjoni terzjarja u b’mill-anqas ħames snin esperjenza professjonali rilevanti li jistgħu jinkludu wkoll taħriġ fil-livell ta’ dottorat;

(p)

għajnuna individwali” tfisser għajnuna mogħtija lil impriża speċifika u tinkludi għajnuna ad hoc u għajnuna mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

(q)

riċerka industrijali” tfisser ir-riċerka ppjanata jew l-investigazzjoni kritika mmirata lejn il-kisba ta’ għarfien u ħiliet ġodda għall-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi jew servizzi ġodda jew sabiex isir titjib sinifikanti fi prodotti, proċessi jew servizzi eżistenti. Tinkludi l-ħolqien ta’ partijiet ta’ komponenti ta’ sistemi kumplessi, u tista’ tinkludi l-kostruzzjoni ta’ prototipi f’ambjent ta’ laboratorju jew f’ambjent b’interfaċċji simulati ma’ sistemi eżistenti kif ukoll ta’ linji pilota, meta jkun meħtieġ għar-riċerka industrijali u notevolment għall-validazzjoni ġenerika tat-teknoloġija;

(r)

servizzi ta’ konsulenza dwar l-innovazzjoni” tfisser konsulenza, assistenza u taħriġ fl-oqsma tat-trasferiment tal-għarfien, ix-xiri, il-protezzjoni u l-isfruttament tal-assi intanġibbli, l-użu ta’ standards u r-regoli li jinkorporawhom;

(s)

raggruppamenti tal-innovazzjoni” tfisser strutturi jew gruppi organizzati ta’ partijiet indipendenti (bħal intrapriżi innovattivi li għadhom jibdew, dawk żgħar, medji u kbar, kif ukoll organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-tixrid tal-għarfien, organizzazzjonijiet bla skop ta’ profitt u atturi ekonomiċi oħra relatati) maħsuba biex jistimolaw l-attività innovattiva billi jippromwovu l-qsim tal-faċilitajiet u l-iskambju tal-għarfien u l-kompetenzi, u billi jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-trasferiment tal-għarfien, in-networking, id-dissiminazzjoni tal-informazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-impriżi u organizzazzjonijiet oħra fir-raggruppament;

(t)

servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni” tfisser il-forniment ta’ spazju għall-uffiċċji, banek tad-dejta, libreriji, riċerka tas-suq, laboratorji, tikkettar tal-kwalità, ittestjar u ċertifikazzjoni għall-fini li jiġu żviluppati aktar prodotti, proċessi jew servizzi effettivi;

(u)

assi intanġibbli” tfisser assi li ma jkollhomx karattru fiżiku jew finanzjarju bħal privattivi, liċenzji, għarfien espert jew proprjetà intellettwali oħra;

(v)

trasferiment tal-għarfien” tfisser kull proċess li għandu l-għan jakkwista, jiġbor u jikkondividi għarfien espliċitu u taċitu, inklużi ħiliet u kompetenza kemm f’attivitajiet ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi bħal kollaborazzjonijiet fir-riċerka, konsulenza, liċenzjar, ħolqien ta’ effetti sekondarji, pubblikazzjoni u mobbiltà tar-riċerkaturi u l-persunal l-ieħor involut f’dawk l-attivitajiet. Minbarra l-għarfien xjentifiku u teknoloġiku, tinkludi tipi oħra ta’ għarfien bħall-għarfien dwar l-użu tal-istandards u r-regolamenti li jinkorporawhom u dwar il-kundizzjonijiet tal-ambjenti tal-operat fil-ħajja reali u metodi għall-innovazzjoni organizzazzjonali, kif ukoll l-immaniġġar tal-għarfien relatat mal-identifikazzjoni, l-akkwist, il-protezzjoni, id-difiża u l-isfruttament tal-assi intanġibbli;

(w)

intrapriżi kbar” tfisser impriżi li ma jaqgħux fid-definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar u medji;

(x)

spejjeż netti żejda” tfisser id-differenza bejn il-valuri netti attwali mistennija tal-proġett jew l-attività megħjuna u investment vijabbli kontrofattwali li l-benefiċjarju kien iwettaq fl-assenza tal-għajnuna.

(y)

innovazzjoni organizzazzjonali” tfisser l-implimentazzjoni ta’ metodu organizzazzjonali ġdid fil-prassi tal-operat tal-impriża, l-organizzazzjoni fil-post tax-xogħol jew ir-relazzjonijiet esterni u teskludi bidliet li huma bbażati fuq metodi organizzazzjonali diġà użati fl-impriża, bidliet fl-istrateġija tal-maniġment, fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet, it-tmiem ta’ proċess, il-bdil jew l-estensjoni sempliċi tal-kapital, bidliet li jirriżultaw purament mill-bidliet fil-prezzijiet tal-fatturi, personalizzazzjoni, post, bidliet regolari ċikliċi u staġonali oħrajn u l-kummerċ ta’ prodotti ġodda jew imtejba b’mod sinifikanti;

(z)

spejjeż tal-persunal” tfisser l-ispiża tar-riċerkaturi, it-tekniċi u l-persunal ta’ appoġġ ieħor sal-punt li jkunu impjegati fuq il-proġett jew l-attività rilevanti;

(aa)

akkwist prekummerċjali” tfisser l-akkwist pubbliku ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti ma tirriżervax ir-riżultati u l-benefiċċji kollha tal-kuntratt għall-użu esklussiv tagħha fit-twettiq tal-operat tagħha, iżda tikkondividihom mal-fornituri skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Il-kuntratt, li l-għan tiegħu jaqa’ f’xi kategorija jew aktar tar-riċerka u l-iżvilupp definiti f’dan il-qafas irid ikun ta’ żmien limitat u jista’ jinkludi l-iżvilupp ta’ prototi jew volumi limitati tal-ewwel prodotti jew servizzi fil-forma ta’ serje tal-ittestjar. Ix-xiri ta’ volumi kummerċjali ta’ prodotti jew servizzi ma jistax ikun għan tal-istess kuntratt;

(bb)

innovazzjoni tal-proċess” tfisser l-implimentazzjoni ta’ metodu ta’ produzzjoni jew ta’ twassil ġdid jew imtejjeb b’mod sinifikanti (inkluż tibdil sinifikanti fit-tekniki, it-tagħmir jew is-softwer), esklużi bidliet jew titjib minuri, żieda fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ servizz permezz taż-żieda fis-sistemi ta’ manifattura jew loġistiċi li huma simili ħafna għal dawk li diġà qegħdin jintużaw, it-tmiem tal-użu ta’ proċess, il-bdil jew l-estensjoni sempliċi tal-kapital, il-bidliet li jirriżultaw purament mill-bidliet fil-prezzijiet tal-fatturi, il-personalizzazzjoni, il-post, bidliet staġonali u ċikliċi oħra u kummerċ ta’ prodotti ġodda jew imtejba b’mod sinifikanti;

(cc)

Proġett ta’ RŻ” tfisser operazzjoni li tinkludi attivitajiet li jvarjaw minn kategorija waħda jew aktar ta’ riċerka u żvilupp definiti f’dan il-qafas, u li hija maħsuba biex twettaq ħidma li ma tistax tinqasam ta’ natura ekonomika, xjentifika jew teknika preċiża, b’għanijiet definiti b’mod ċar minn qabel. Proġett ta’ RŻ jista’ jikkonsisti f’diversi pakketti ta’ ħidma, attivitajiet jew servizzi, u jinkludi miri ċari, attivitajiet li jridu jitwettqu biex jintlaħqu dawk il-miri (inklużi l-ispejjeż mistennija tagħhom), u riżultati konkreti biex jiġu identifikati r-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet u jitqabblu mal-miri relevanti. Meta żewġ proġetti ta’ RŻ jew aktar ma jkunux separabbli minn xulxin b’mod ċar u b’mod partikolari meta ma jkollhomx probabbiltajiet indipendenti ta’ suċċess teknoloġiku, jitqiesu bħala proġett wieħed.

(dd)

avvanz prepagabbli” tfisser għoti ta’ self għal proġett li jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti parzjali u li l-kundizzjonijiet għar-rimborż tiegħu jiddependu fuq ir-riżultat tal-proġett;

(ee)

organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” jew “organizzazzjoni ta’ riċerka” tfisser entità (bħal universitajiet jew istituti ta’ riċerka, aġenziji tat-trasferiment tat-teknoloġija, intermedjarji tal-innovazzjoni, entitajiet kollaborattivi fiżiċi jew virtwali orjentati lejn ir-riċerka), irrispettivament mill-istatus legali tagħha (organizzata skont il-liġi pubblika jew privata) jew il-mod ta’ finanzjament, li l-iskop ewlieni tagħha jkun li twettaq riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet permezz ta’ tagħlim, pubblikazzjoni jew trasferiment tal-għarfien b’mod indipendenti; Meta tali entità twettaq ukoll attivitajiet ekonomiċi, il-finanzjament, l-ispejjeż u d-dħul ta’ dawk l-attivitajiet ekonomiċi għandhom ikunu kontabilizzati b’mod separat. Impriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq entità bħal din, pereżempju fil-kapacità tagħhom bħala azzjonisti jew membri, ma jistgħux igawdu aċċess preferenzjali għar-riżultati ġenerati minnha.

(ff)

infrastruttura tar-riċerka” tfisser faċilitajiet, riżorsi u servizzi relatati li jintużaw mill-komunità xjentifika sabiex issir riċerka fl-oqsma rispettivi tagħhom u tkopri tagħmir xjentifiku jew sett ta’ strumenti, riżorsi bbażati fuq l-għarfien bħal ġabriet, arkivji jew informazzjoni xjentifika strutturata sabiex tgħin infrastutturi bbażati fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni bħall-grilja, l-informatika, is-softwer u l-komunikazzjoni, jew kull entità oħra ta’ natura unika essenzjali għat-twettiq tar-riċerka. Tali infrastruttura tista’ tkun “f’sit wieħed” jew “imqassma” (netwerk organizzat ta’ riżorsi) (14);

(gg)

sekondar” tfisser l-impjieg temporanju ta’ persunal minn benefiċjarju bi dritt tal-persunal li jmur lura għand l-impjegatur ta’ qabel;

(hh)

intrapriżi żgħir u medji” jew “SMEs”, “intrapriżi żgħar” u “intrapriżi medji” tfisser impriżi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (15);

(ii)

bidu tal-ħidma” jew “bidu tal-proġett” tfisser jew il-bidu tal-attivitajiet ta’ RŻI, jew l-ewwel ftehim bejn il-benefiċjarju u l-kuntratturi biex jitwettaq il-proġett, skont liema minnhom jiġi l-ewwel. Ħidma preparatorja, bħall-kisba ta’ permessi u t-twettiq ta’ studji ta’ fattibbiltà ma jitqisux bħala l-bidu tal-ħidma;

(jj)

assi tanġibbli” tfisser assi magħmula minn art, bini u impjanti, makkinarju u tagħmir.

2.   GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT IT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TRATTAT

16.

Ġeneralment kull miżura li tilħaq il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat tikkostitwixxi għajnuna mill-istat. Filwaqt li avviż separat mill-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-istat tiċċara kif il-Kummissjoni tifhem il-kunċett ta’ għajnuna mill-istat b’mod ġenerali, sitwazzjonijiet li tipikament jinqalgħu fil-qasam tal-attivitajiet tar-RŻI huma kkunsidrati f’din it-Taqsima mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.1.   Organizzazzjonijiet ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien u infrastrutturi ta’ riċerka bħala destinatarji tal-għajnuna mill-istat

17.

L-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-tixrid tal-għarfien (“organizzazzjonijiet tar-riċerka”) u l-infrastrutturi tar-riċerka jkunu destinatarji ta’ għajnuna mill-istat jekk il-finanzjament pubbliku tagħhom jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Kif spjegat fl-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-istat, u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-benefiċjarju jrid jikkwalifikaw bħala impriża, iżda dik il-kwalifika ma tiddependix fuq l-istatus legali tiegħu, jiġifieri jekk huwiex organizzat skont il-liġi pubblika jew privata, jew min-natura ekonomika tiegħu, jiġifieri jekk huwiex bi skop ta’ profitt jew le. Minflok, il-fattur deċiżiv għal dik il-kwalifika bħala impriża huwa jekk iwettaqx attività ekonomika li tikkonsisti f’li joffri podotti jew servizzi f’suq partikolari (16).

2.1.1.   Finanzjament pubbliku għal attivitajiet mhux ekonomiċi

18.

Meta l-istess entità twettaq attivitajiet ta’ natura kemm ekonomika kif ukoll mhux ekonomika, il-finanzjament pubbliku tal-attivitajiet mhux ekonomiċi mhux se jaqa’ taħt l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, jekk iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet u l-ispejjeż, il-finanzjar u d-dħul tagħhom jista’ jiġi sseparat b’mod li jiġi evitat b’mod effettiv it-transsussidjar tal-attività ekonimka. Evidenza tal-allokazzjoni dovuta tal-ispejjeż, il-finanzjament u d-dħul tista’ tikkonsisti f’rapporti finanzjarji annwali tal-entità rilevanti.

19.

Il-Kummissjoni tqis li l-attivitajiet li ġejjin huma ġeneralment ta’ natura mhux ekonomika:

(a)

l-attivitajiet primarji tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u tal-infrastrutturi ta’ riċerka, b’mod partikolari:

edukazzjoni għal riżorsi umani b’ħiliet aħjar u aktar kwalifikati. F’konformità mal-ġurisprudenza (17) u l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni (18), u kif spjegat fl-Avviż dwar il-kunċett tal-għajnuna mill-istat u l-Komunikazzjoni SGEI (19), l-edukazzjoni pubblika organizzata fis-sistema edukattiva nazzjonali, iffinanzjata totalment jew fil-biċċa l-kbira tagħha mill-Istat u taħt is-superviżjoni tal-Istat titqies bħala attività mhux ekonomika (20);

RŻ indipendenti għal aktar għarfien u fehim aħjar, fosthom RŻ kollaborattivi fejn organizzazzjoni ta’ riċerka jew infrastruttura ta’ riċerka tinvolvi ruħha f’kollaborazzjoni effettiva (21);

tixrid wiesa’ tar-riżultati tar-riċerka fuq bażi mhux esklużiva u mhux diskriminatorja, pereżempju tagħlim, bażijiet tad-dejta b’aċċess miftuħ, pubblikazzjonijiet miftuħa jew softwer miftuħ.

(b)

attivitajiet ta’ trasferiment tal-għarfien, fejn isiru jew minn organizzazzjoni ta’ riċerka jew infrastruttura ta’ riċerka (inkluż id-dipartimenti jew is-sussidjarji tagħhom) jew flimkien ma’, jew f’isem entitajiet oħra bħal dawn, u fejn il-profit kollu minn dawk l-attivitajiet jiġi riinvestit fl-attivitajiet primarji tal-organizzazzjoni ta’ riċerka jew tal-infrastruttura ta’ riċerka. In-natura mhux ekonomika ta’ dawk l-attivitajiet ma tiġix preġudikata billi l-forniment ta’ servizzi korrispondenti jiġi kkuntrattat lil partijiet terzi permezz ta’ sejħiet miftuħa għall-offerti.

20.

Meta organizzazzjoni ta’ riċerka jew infrastruttura ta’ riċerka tkun użata kemm għal attivitajiet ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi, il-finanzjament pubbliku jaqa’ taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-istat biss sal-punt li dan ikopri spejjeż marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi (22). Meta l-organizzazzjoni ta’ riċerka jew l-infrastruttura ta’ riċerka tkun użata kważi esklussivament għal attività mhux ekonomika, il-finanzjament kollu tagħha jista’ ma jaqax taħt ir-regoli tal-għajnuna tal-istat, sakemm l-użu ekonomiku jibqa’ purament anċillari, jiġifieri jikkorrispondi għal attività li hija direttament relatata ma’ u neċessarja għall-operat tal-organizzazzjoni ta’ riċerka jew l-infrastruttura ta’ riċerka, jew ikun intrinsikament marbut mal-użu mhux ekonomiku ewlieni tagħha, u jkollu ambitu limitat. Għall-finijiet ta’ dan il-qafas, il-Kummissjoni se tikkunsidra li dan ikun il-każ meta l-attivitajiet ekonomiċi jikkunsmaw eżattament l-istess inputs (bħal materjal, tagħmir, xogħol u kapital fiss) bħall-attivitajiet mhux ekonomiċi u l-kapaċità allokata kull sena għal tali attivitajiet ekonomiċi ma jaqbiżx il-20 % tal-kapaċità kumplessiva annwali tal-entità relevanti.

2.1.2.   Finanzjament pubbliku ta’ attivitajiet ekonomiċi

21.

Mingħajr preġudizzju għall-punt 20, meta organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew infrastrutturi ta’ riċerka jintużaw biex jitwettqu attivitajiet ekonomiċi, bħall-kiri ta’ tagħmir jew laboratorji lil impriżi, jipprovdu servizzi lil impriżi jew iwettqu riċerka b’kuntratt, il-finanzjament pubbliku ta’ dawk l-attivitajiet ekonomiċi ġeneralment jitqies bħala għajnuna mill-istat.

22.

Madankollu, il-Kummissjoni ma tqisx l-organizzazzjoni ta’ riċerka jew l-infrastruttura ta’ riċerka bħala benefiċjarja ta’ għajnuna mill-istat jekk taġixxi biss bħala sempliċi intermedjarju li jgħaddi t-totalità tal-finanzjament pubbliku u kull vantaġġ miksub permezz ta’ dak il-finanzjament lid-destinatarju finali. Dan huwa ġeneralment il-każ meta:

(a)

kemm il-finanzjament pubbliku u kull vantaġġ miksuba permezz ta’ tali finanzjament ikunu kwantifikabbli u dimostrabbli, u hemm mekkaniżmu xieraq li jiżgura li dawn jiġu mgħoddija kollha lid-destinatarji finali, pereżempju permezz ta’ tnaqqis fil-prezzijiet, u

(b)

ma jingħata l-ebda vantaġġ ieħor lill-intermedjarju minħabba li jintgħażel permezz ta’ proċedura miftuħa ta’ sejħa għall-offerti jew billi l-finanzjament pubbliku jkun disponibbli għall-entitajiet kollha li jissodisfaw l-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa, sabiex il-konsumaturi, bħala d-destinatarji aħħarija jkunu intitolati jakkwistaw servizzi ekwivalenti mingħand kwalunkwe intermedjarju rilevanti.

23.

Meta l-kundizzjonijiet fil-punt 22 jiġu ssodisfati, japplikaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat fil-livell ta’ benefiċjajri aħħarija.

2.2.   Għajnuna mill-istat indiretta lil impriżi permezz ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien u infrastrutturi ta’ riċerka ffinanzjati b’fondi pubbliċi

24.

Il-kwistjoni ta’ jekk u f’liema kundizzjonijiet l-impriżi jiksbu vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat f’każijiet ta’ riċerka kuntrattwali jew servizzi ta’ riċerka provduti minn organizzazzjoni ta’ riċerka jew minn infrastruttura ta’ riċerka, kif ukoll f’każijiet ta’ kollaborazzjoni ma’ organizzazzjoni ta’ riċerka jew infrastrutturi ta’ riċerka trid titwieġeb skont il-prinċipji ġenerali tal-għajnuna mill-istat. Għal dan l-għan, kif spjegat fl-Avviż dwar il-kunċett tal-għajnuna mill-istat, jista’ b’mod partikolari jkun meħtieġ li jiġi vvalutat jekk l-imġiba tal-organizzazzjoni ta’ riċerka jew tal-infrastrutturi ta’ riċerka tistax tiġi attribwita lill-Istat (23).

2.2.1.   Riċerka f’isem impriżi (riċerka kuntrattwali jew servizzi ta’ riċerka)

25.

Meta organizzazzjoni ta’ riċerka jew infrastruttura ta’ riċerka tintuża biex titwettaq riċerka kuntrattwali jew biex tipprovdi servizzi ta’ riċerka lil xi impriża, li tipikament tispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt, tippossjedi r-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka, u ġġorr ir-riskju ta’ falliment, normalment l-ebda għajnuna mill-istat ma tiġi ttrasferita lill-impriża jekk l-organizzazzjoni ta’ riċerka jew l-infrastruttura tar-riċerka tirċievi ħlas ta’ rimunerazzjoni adegwata għas-servizzi tagħha, partikolarment meta tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni ta’ riċerka jew l-infrastruttura ta’ riċerka tipprovdi s-servizz ta’ riċerka jew riċerka kuntrattwali tagħha bil-prezz tas-suq (24), jew

(b)

meta ma jkunx hemm prezz tas-suq, l-organizzazzjoni ta’ riċerka jew l-infrastruttura ta’ riċerka tipprovdi s-servizz ta’ riċerka jew riċerka kuntrattwali tagħha bi prezz li:

jirrifletti l-ispejjeż kollha tas-servizz u ġeneralment jinkludi marġini stabbilit permezz ta’ referenza għal marġini komunament applikati minn impriżi attivi fis-settur tas-servizz konċernat, jew

ikun ir-riżultat ta’ negozjati distakkati fejn l-organizzazzjoni ta’ riċerka jew l-infrastruttura ta’ riċerka, fil-kapaċità tagħha ta’ fornitur ta’ servizz, tinnegozja sabiex tikseb il-benefiċċju ekonomiku massimu fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt u jkopri mill-inqas l-ispejjeż marġinali tagħha.

26.

Meta s-sjieda ta’, jew id-drittijiet ta’ aċċess għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (“DPI”) jibqgħu għand l-organizzazzjoni ta’ riċerka jew l-infrastruttura ta’ riċerka, il-valur tas-suq tagħhom jista’ jitnaqqas minn il-prezz pagabbli għas-servizzi konċernati.

2.2.2.   Kollaborazzjoni ma’ impriżi

27.

Proġett jitqies li twettaq permezz ta’ kollaborazzjoni effikaċi meta mill-inqas żewġ partijiet indipendenti jkollhom l-istess għan komuni billi jaqsmu x-xogħol u flimkien jiddefinixxu l-ambitu tiegħu, jipparteċipaw fid-disinn tiegħu, jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tiegħu u jaqsmu ir-riskji finanzjarji, teknoloġiċi, xjentifiċi u oħra tiegħu, kif ukoll ir-riżultati tiegħu. Parti waħda jew aktar jistgħu jġorru l-ispejjeż sħaħ tal-proġett u b’hekk jeħilsu partijiet oħra mir-riskji finanzjarji tiegħu. It-termini u l-kundizzjonijiet ta’ proġett ta’ kollaborazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tiegħu, il-kondiviżjoni tar-riskji u tar-riżultati, it-tixrid tar-riżultati, l-aċċess għal u r-regoli tal-allokazzjoni tad-DPI, iridu jiġu konklużi qabel jibda l-proġett (25). Riċerka kuntrattwali u l-forniment ta’ servizzi ta’ riċerka mhumiex meqjusa li huma forom ta’ kollaborazzjoni.

28.

Meta proġetti ta’ kollaborazzjoni jitwettqu konġuntament minn impriżi u organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew infrastrutturi ta’ riċerka, il-Kummissjoni tqis li ma ngħatax għajnuna indiretta mill-istat lill-impriżi parteċipanti permezz ta’ dawn l-entiajiet minħabba kundizzjonijiet favorevoli tal-kollaborazzjoni jekk tintlaħaq waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-impriża parteċipanti terfa’ l-ispiża sħiħa tal-proġett, jew

(b)

ir-riżultati tal-kollaborazzjoni li ma jwasslux għal DPI jkunu jistgħu jiġu mxerrda ma’ kulħadd u kull DPI li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew ta’ infrastrutturi ta’ riċerka jiġu allokati kollha lil dawk l-entitajiet, jew

(c)

kull DPI li jirriżulta mill-proġett, kif ukoll drittijiet ta’ aċċess relatati jiġu allokati lil sħab differenti fil-kollaborazzjoni b’mod li jirrifletti adegwament il-pakketti ta’ ħidma, il-kontribuzzjonijiet u l-interessi rispettivi tagħhom, jew

(d)

l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew l-infrastrutturi ta’ riċerka jirċievu kumpens ekwivalenti għall-prezz tas-suq għad-DPI li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħhom u li jiġu assenjati lill-impriżi parteċipanti, jew li l-impriżi parteċipanti jiġu allokati drittijiet ta’ aċċess għalihom. L-ammont assolut tal-valur ta’ kull kontribuzzjoni, kemm finanzjarja kif ukoll mhux finanzjarja, tal-impriżi parteċipanti fl-ispejjeż tal-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew ta’ infrastrutturi ta’ riċerka li rriżultaw fid-DPI konċernati, jista’ jitnaqqas minn dak il-kumpens.

29.

Għall-fini tal-punt 28(d), il-Kummissjoni tqis li l-kumpens irċevut huwa ekwivalenti għall-prezz tas-suq jekk jippermetti lil organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew infrastrutturi ta’ riċerka konċernati jgawdu l-benefiċċju ekonomiku sħiħ ta’ dawk id-drittijiet, meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont tal-kumpens ikun ġie stabbilit permezz ta’ proċedura ta’ bejgħ miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja u kompetittiva

(b)

valwazzjoni indipendenti minn espert tikkonferma li l-ammont tal-kumpens huwa talanqas ekwivalenti għall-prezz tas-suq, jew

(c)

l-organizzazzjoni ta’ riċerka jew l-infrastruttura ta’ riċerka, bħala bejjiegħ, tista’ turi li tkun effettivament innegozjat il-kumpens, b’kundizzjonijiet ta’ distakk, sabiex tikseb il-benefiċċju ekonomiku massimu fil-mument meta jkun konkluż il-kuntratt, filwaqt li jitqiesu l-objettivi statutorji tagħha, jew

(d)

f’każijiet fejn il-ftehim ta’ kollaborazzjoni jipprovdi lill-impriża li tkun qed tikkollabora bid-dritt tal-ewwel rifjut fir-rigward tad-DPI ġenerati mill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew mill-infrastrutturi ta’ riċerka li jkunu qed jikkollaboraw, meta dawk l-entitajiet jeżerċitaw dritt reċiproku li jissolliċitaw offerti ekonomikament aktar vantaġġużi minn partijiet terzi biex l-impriża li tkun qed tikkollabora jkollha jżid l-offerta tagħha skont dan.

30.

Jekk l-ebda kundizzjoni fil-punt 28 ma tkun issodisfata, il-valur sħiħ tal-kontribuzzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew tal-infrastrutturi ta’ riċerka lill-proġett jitqiesu bħala vantaġġ għall-impriżi li jkunu qed jikkollaboraw, li għalih japplikaw ir-regoli tal-għajnuna mill-istat.

2.3.   Akkwist pubbliku ta’ riċerka u servizzi ta’ żvilupp

31.

L-akkwirenti pubbliċi jistgħu jakkwistaw riċerka u servizzi ta’ żvilupp mingħand impriżi kemm permezz ta’ żvilupp esklussiv kif ukoll permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist prekummerċjali (26).

32.

Sakemm titwettaq proċedura miftuħa ta’ sejħa għall-offerti għall-akkwist pubbliku skont id-direttivi applikabbli (27), il-Kummissjoni ġeneralment tqis li ma ngħatax għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat lill-impriżi li jfornu s-servizzi rilevanti (28).

33.

Fil-każijiet l-oħra kollha, inkluż l-akkwist pubbliku prekummerċjali, il-Kummissjoni tqis li ma ngħatatx għajnuna mill-istat lill-impriżi meta l-prezz imħallas għas-servizzi rilevanti jirrifletti bis-sħiħ il-valur tas-suq tal-benefiċċji li jirċievi l-akkwirent pubbliku u tar-riskji meħuda mill-fornituri parteċipanti, b’mod partikolari meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-proċedura tal-għażla tkun miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, u tkun ibbażata fuq għażla oġġettiva u kriterji tal-għoti speċifikati qabel il-proċedura tal-offerti,

(b)

l-arranġamenti kuntrattwali previsti li jiddeskrivu d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet, inkluż fir-rigward tad-DPI, ikunu disponibbli għall-offerenti interessati kollha qabel il-proċedura tal-offerti,

(c)

l-akkwist pubbliku ma jagħti l-ebda trattament preferenzjali lil ebda fornitur parteċipant fil-provvista ta’ volumi kummerċjali tal-prodotti jew is-servizzi finali lill-akkwirent pubbliku fl-Istat Membru konċernat (29), u

(d)

tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

ir-riżultati kollha li ma joħolqux DPI jkunu jistgħu jiġu mxerrda ma’ kulħadd, pereżempju permezz ta’ pubblikazzjoni, tagħlim jew kontribuzzjoni lill-korpi ta’ standardizzazzjoni b’mod li jippermetti lil impriżi oħra jirripproduċuhom, u kwalunkwe DPI jiġi allokat bis-sħiħ lill-akkwirent pubbliku, jew

kull fornitur tas-servizzi li jingħatawlu riżultati li joħolqu DPI jkun meħtieġ jagħti lill-akkwirent pubbliku aċċess bla limitu għal dawn ir-riżultati mingħajr ħlas, u li jagħti aċċess lil partijiet terzi, pereżempju permezz ta’ liċenzji mhux esklussivi, skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

34.

Meta l-kundizzjonijiet fil-punt 33 ma jkunux issodisfati, l-Istati Membri jistgħu jużaw valutazzjoni individwali tat-termini tal-kuntratt bejn l-akkwirent pubbliku u l-impriża, mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali li tiġi nnotifikata għajnuna RŻI skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

3.   PRINĊIPJI KOMUNI TAL-VALUTAZZJONI

35.

Sabiex tivvaluta jekk miżura ta’ għajnuna notifikata tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni ġeneralment tanalizza jekk il-forma tal-miżura tal-għajnuna tiżgurax li l-impatt pożittiv tal-għajnuna lejn objettiv ta’ interess komuni jaqbiżx l-effetti negattivi potenzjali tiegħu fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

36.

Il-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Mejju 2012 dwar l-immodernizzar tal-għajnuna mill-istat sejħet għall-identifikazzjoni u d-definizzjoni tal-prinċipji komuni applikabbli għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kollha ta’ għajnuna mwettqa mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tqis miżura ta’ għajnuna bħala kompatibbli mat-Trattat biss jekk din tissodisfa kull wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

kontribuzzjoni għal objettiv definit kif suppost ta’ interess komuni: miżura ta’ għajnuna mill-istat għandha timmira lejn objettiv ta’ interess komuni skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat (it-Taqsima 4.1).

(b)

ħtieġa għal intervent mill-istat: miżura ta’ għajnuna mill-istat trid tkun immirata lejn sitwazzjoni fejn l-għajnuna tista’ ġġib titjib materjali li s-suq innifsu ma jkunx jista’ jikseb, pereżempju billi jiġi rrimedjat falliment tas-suq jew jiġi indirizzat tħassib dwar l-ekwità jew il-koeżjoni (it-Taqsima 4.2).

(c)

adegwatezza tal-miżura ta’ għajnuna: il-miżura ta’ għajnuna proposta trid tkun strument politiku xieraq biex jindirizza l-objettiv ta’ interess komuni (it-Taqsima 4.3).

(d)

effett ta’ inċentiv: l-għajnuna trid tbiddel l-imġiba tal-impriża/i konċernata/i b’tali mod li din/dawn tinvolvi/jinvolvu ruħha/ruħhom f’attività addizzjonali li li kieku ma tkunx/jkunu tista’/jistgħu tagħmel/jagħmlu mingħajr l-għajnuna jew li tkun/jkunu tista’/jistgħu tagħmilha/jagħmluha biss b’mod ristrett jew differenti jew f’post ieħor (it-Taqsima 4.4).

(e)

proporzjonalità tal-għajnuna (minimu ta’ għajnuna): l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ biex jistimula investiment jew attività addizzjonali mill-impriża/i konċernata/i (it-Taqsima 4.5).

(f)

evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri: l-effetti negattivi tal-għajnuna jridu jkunu limitati suffiċjentement biex il-bilanċ kumplessiv tal-miżura jkun pożittiv (it-Taqsima 4.6).

(g)

trasparenza tal-għajnuna: l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-operaturi ekonomiċi u l-pubbliku jrid ikollhom aċċess faċli għall-atti rilevanti u għall-informazzjoni pertinenti kollha dwar l-għajnuna mogħtija (it-Taqsima 4.7).

37.

Il-bilanċ kumplessiv ta’ ċerti kategoriji ta’ skemi ta’ għajnuna jista’ jiġi soġġett ukoll għal rekwiżit ta’ evalwazzjoni ex post kif deskritt fit-Taqsima 5. F’każijiet bħal dawn il-Kummissjoni tista’ tillimita t-tul taż-żmien ta’ dawk l-iskemi (normalment għal erba’ snin jew anqas) bil-possibbiltà li tirrinotifika estensjoni tagħhom wara.

38.

Jekk miżura ta’ għajnuna mill-istat jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha (inkluż il-metodu tal-finanzjament tagħha meta dan ikun jifforma parti integrali mill-miżura) jinvolvu ksur inseparabbli tal-liġi tal-Unjoni, l-għajnuna ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (30).

39.

Fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kull għajnuna individwali, il-Kummissjoni tqis kull proċediment li jikkonċerna ksur tal-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat li jista’ jirrigwarda lill-benefiċjarju tal-għajnuna u li jista’ jkun rilevanti għall-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat (31).

4.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TA’ GĦAJNUNA GĦAR-RŻI

40.

L-għajnuna mill-istat għar-RŻI tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat meta, fuq il-bażi tal-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni stabbiliti fit-Taqsima 3, twassal għal żieda fl-attivitajiet ta’ RŻI mingħajr ma taffettwa ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

41.

F’din it-taqsima, il-Kummissjoni tiċċara kif se tapplika dawk il-prinċipji komuni ta’ valutazzjoni u, fejn applikabbli, tistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-iskemi ta’ għajnuna u oħrajn addizzjonali għall-għajnuna individwali li huma soġġetti għall-obbligu ta’ notifika (32).

4.1.   Il-kontribut lejn objettiv ta’ interess komuni definit sew

4.1.1.   Kundizzjonijiet ġenerali

42.

L-objettiv ġenerali tal-għajnuna tar-RŻI huwa l-promozzjoni tar-RŻI fl-Unjoni. B’hekk, l-għajnuna tar-RŻI għandha tikkontribwixxi biex tinkiseb l-Istrateġija Ewropa 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

43.

L-Istati Membri li qed jikkunsidraw li jagħtu għajnuna mill-istat għar-RŻI jridu jiddefinixxu preċiżament l-objettiv li qed jimmiraw lejh, u b’mod partikolari jispjegaw kif il-miżura biħsiebha tippromwovi r-RŻI. Għal miżuri kofinanzjati mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment, l-Istati Membri jistgħu joqogħdu fuq ir-raġunament fil-Programmi Operazzjonali rilevanti.

44.

Fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna soġġetti għall-obbligu ta’ notifka (“skemi ta’ għajnuna notifikabbli”), il-Kummissjoni tifforma opinjoni favorevoli ta’ miżuri tal-għajnuna li jkunu parti integrali minn programm jew pjan ta’ azzjoni komprensiv biex jiġu stimulati l-attivitajiet ta’ RŻI jew strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, u jkunu sostnuti b’evalwazzjonijiet rigorużi ta’ miżuri ta’ għajnuna simili fl-imgħoddi li juru l-effettività tagħhom.

45.

Fir-rigward ta’ għajnuna mill-istat li tingħata għal proġetti jew attivitajiet li huma finanzjati wkoll mill-Unjoni, direttament jew indirettament (jiġifieri mill-Kummissjoni, mill-aġenziji eżekuttivi tagħha, minn impriżi konġunti stabbiliti abbażi tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat, jew minn kull korp ta’ implimentazzjoni ieħor fejn il-finanzjament tal-Unjoni ma jkunx direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istati Membri), il-Kummissjoni tqis li l-kontribuzzjoni lejn objettiv definit sew ta’ interess komuni jkun ġie stabbilit.

4.1.2.   Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali

46.

Biex juru li l-għajnuna individwali soġġetta għall-obbligu ta’ notifika (“għajnuna individwali notifikabbli”) tikkontribwixxi biex jiżdied il-livell tal-attivitajiet ta’ RŻI, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-indikaturi li ġejjin, flimkien ma’ elementi kwantitattivi jew kwalitattivi oħra rilevanti:

(a)

żieda fid-daqs tal-proġett: żieda fl-ispejjeż totali tal-proġett (mingħajr tnaqqis fl-infiq mill-benefiċjarju tal-għajnuna meta mqabbel mas-sitwazzjoni mingħajr għajnuna); żieda fl-għadd ta’ nies assenjati għal attivitajiet ta’ RŻI;

(b)

żieda fl-ambitu: żieda fl-għadd ta’ riżultati mistennija mill-proġett; żieda fil-livell ta’ ambizzjoni tal-proġett evidenzjata minn għadd akbar ta’ sħab involuti, probabbiltà ogħla ta’ avvanzi deċiżivi xjentifiċi jew teknoloġiċi jew riskju ogħla ta’ falliment (notevolment b’rabta man-natura fit-tul tal-proġett u l-inċertezza dwar ir-riżultati tiegħu);

(c)

tnaqqis taż-żmien meħtieġ: ikun meħtieġ inqas żmien biex jitlesta l-proġett meta mqabbel maż-żmien meħtieġ biex jitlesta l-istess proġett mingħajr għajnuna;

(d)

żieda fl-ammont totali minfuq: żieda fl-infiq totali għar-RŻI mill-benefiċjarju tal-għajnuna, f’termini assoluti jew bħala proporzjon tal-fatturat; bidliet fil-baġit impenjat għall-proġett (mingħajr tnaqqis korrispondenti fil-baġit allokat għal proġetti oħra).

47.

Sabiex jiġi konkluż li l-għajnuna tikkontribwixxi għaż-żieda fil-livell tar-RŻI fl-Unjoni, il-Kummissjoni mhux se tqis biss iż-żieda netta fir-RŻI mwettqa mill-impriża, iżda wkoll l-kontribuzzjoni tal-għajnuna għaż-żieda kumplessiva fl-infiq għar-RŻI fis-settur konċernat, kif ukoll għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tar-RŻI fil-kuntest internazzjonali. Tiġi fformata opinjoni favorevoli fir-rigward ta’ miżuri ta’ għajnuna, li għalihom tkun maħsuba evalwazzjoni ex post tal-kontribut tagħhom għall-interess komuni u li tkun disponibbli pubblikament.

4.2.   Ħtieġa ta’ intervent mill-istat

4.2.1.   Kundizzjonijiet ġenerali

48.

Kif spjegat fit-Taqsima 3, l-għajnuna mill-istat tista’ tkun neċessarja biex tiżdied ir-RŻI fl-Unjoni f’sitwazzjoni fejn is-suq waħdu, jonqos milli jagħti riżultati effiċjenti. Sabiex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna mill-istat hijiex effettiva biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess komuni, l-ewwel huwa meħtieġ li tiġi identifikata l-problema li hemm bżonn tiġi indirizzata. L-għajnuna mill-istat għandha tkun immirata lejn sitwazzjonijiet fejn tista’ ġġib titjib materjali li s-suq waħdu ma jistax iġib. L-Istati Membri għandhom jispjegaw kif il-miżura ta’ għajnuna tista’ timmitiga b’mod effikaċi l-fallimenti tas-suq assoċjati mal-ilħiq tal-objettiv ta’ interess komuni mingħajr dik l-għajnuna.

49.

Ir-RŻI jitwettqu permezz ta’ serje ta’ attvitajiet, li normalment ikunu upstream f’għadd ta’ swieq ta’ prodotti, u jisfruttaw il-kapaċitajiet disponibbli biex jiġu żviluppati prodotti, servizzi u proċessi ġodda jew aħjar f’dawn is-swieq ta’ prodotti jew fi swieq kompletament ġodda, u b’hekk irawmu t-tkabbir ekonomiku u jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali u soċjali jew iżidu l-interess ġenerali tal-konsumaturi. Madankollu, fid-dawl tal-kapaċitajiet disponibli ta’ RŻI, il-fallimenti tas-suq jistgħu jkunu ta’ ostaklu biex jintlaħqu riżultati ottimali u jistgħu jwasslu għal riżultati ineffiċjenti minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

—    fatturi esterni pożittivi/tixrid ta’ għarfien : Ir-RŻI ta’ spiss jiġġeneraw benefiċċji għas-soċjetà fil-forma ta’ effetti konsegwenzjali pożittivi, pereżempju effetti konsegwenzjali fuq l-għarfien jew opportunitajiet aħjar biex atturi ekonomiċi oħra jiżviluppaw prodotti u servizzi komplementari. Madankollu, meta jitħallew f’idejn is-suq, għadd ta’ proġetti jista’ jkollhom rata ta’ qligħ mhux attraenti mill-perspettiva privata, anki jekk il-proġetti jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà, minħabba li impriżi li jfittxu l-profitt ma jistgħux japproprjaw biżżejjed il-benefiċċju tal-azzjonijiet tagħhom meta jiddeċiedu dwar l-ammont ta’ RŻI li għandhom iwettqu. Għajnuna mill-istat tista’ għalhekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti li jwasslu għal benefiċċju soċjetali jew ekonomiku kumplessivi u li kieku ma jiġux segwiti.

Madankollu, il-benefiċċji tar-RŻI la huma kollha esternalitajiet ta’ attivitajiet u lanqas il-preżenza weħidha ta’ esternalitajiet ma tfisser awtomatikament li l-għajnuna mill-istat hija kompatibbli mas-suq intern. B’mod ġenerali, il-konsumaturi jkunu lesti jħallsu għall-benefiċċju dirett ta’ prodotti u servizzi ġodda filwaqt li l-kumpaniji jistgħu japproprjaw il-benefiċċji mill-investiment tagħhom permezz ta’ strumenti eżistenti oħra, bħad-DPI. F’xi każijiet, madankollu, dawk il-mezzi mhumiex perfetti u jħallu falliment tas-suq residwu li jista’ jiġi kkoreġut bl-għajnuna mill-istat. Pereżempju, kif inhuwa argumentat ta’ spiss għar-riċerka fundamentali, jista’ jkun diffiċli li terzi jiġu esklużi milli jiksbu aċċess għar-riżultati ta’ xi attivitajiet, u dan jista’ għalhekk ikun ta’ ġid pubbliku. Min-naħa l-oħra, għarfien aktar speċifiku marbut mal-produzzjoni jista’ ta’ spiss ikun protett sew, pereżempju permezz ta’ privattivi, u dan jippermetti lill-inventur jikseb qligħ ogħla fuq l-invenzjoni;

—    informazzjoni imperfetta u asimetrika : l-attivitajiet ta’ RŻI huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ inċertezza. F’ċerti ċirkostanzi, minħabba informazzjoni imperfetta u asimmetrika, l-investituri privati jistgħu ma jkunux daqshekk ħerqana jiffinanzjaw proġetti ta’ siwi u ħaddiema bi kwalifiki għoljin jistgħu ma jkunux konxji mill-possibbiltajiet ta’ reklutaġġ f’impriżi innovattivi. B’riżultat, l-allokazzjoni ta’ riżorsi umani u finanzjarji tista’ ma tkunx adegwata u proġetti li jistgħu jkunu ta’ siwi għas-soċjetà jew l-ekonomija jistgħu ma jitwettqux.

F’ċerti każijiet, informazzjoni imperfetta u asimmetrika tista’ wkoll tfixkel l-aċċess għall-finanzi. Madankollu, informazzjoni imperfetta u l-preżenza ta’ riskju ma jiġġustifikawx awtomatikament il-ħtieġa għal għajnuna mill-istat. Proġetti b’redditu fuq l-investiment privat anqas li mhux qed jiġu ffinanzjati jistgħu jkunu sinjal ta’ effiċjenza tas-suq. Barra minn hekk, ir-riskju huwa parti minn kull attività kummerċjali u mhuwiex falliment tas-suq fih innifsu. Madankollu, f’kuntest ta’ informazzjoni asimmetrika, ir-riskju jista’ jaggrava l-problemi ta’ finanzjament;

—    koordinazzjoni u fallimenti tan-netwerk : il-ħila tal-impriżi li jikkoordinaw ma’ xulxin jew li jinteraġixxu flimkien biex iwettqu RŻI tista’ tiġi mfixkla minħabba diversi raġunijiet, inklużi diffikultajiet fil-koordinazzjoni bejn għadd kbir ta’ sħab fil-kollaborazzjoni meta xi wħud minnhom ikollhom interessi diverġenti, problemi fit-tfassil ta’ kuntratti, u diffikultajiet fil-koordinazzjoni tal-kollaborazzjoni minħabba li pereżempju tiġi kondiviża informazzjoni sensittiva.

4.2.2.   Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali

50.

Filwaqt li ċerti fallimenti tas-suq jistgħu jtellfu l-livell kumplessiv tar-RŻI fl-Unjoni, mhux l-impriżi u s-setturi kollha tal-ekonomija jiġu affettwati minnhom bl-istess grad. Konsegwentement, għal għajnuna individwali notifikabbli, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni xierqa dwar jekk l-għajnuna tindirizzax falliment tas-suq ġenerali fir-rigward tar-RŻI fl-Unjoni, jew falliment ta’ suq speċifiku fir-rigward ta’ pereżempju settur jew linja kummerċjali partikolari.

51.

Skont il-falliment tas-suq speċifiku li jkun se jiġi indirizzat, il-Kummissjoni tqis l-elementi li ġejjin:

—    effetti konsegwenzjali tat-għarfien : il-livell previst ta’ tixrid ta’ għarfien; l-ispeċifiċità tal-għarfien iġġenerat; id-disponibilità tal-protezzjoni tad-DPI; il-grad ta’ kumplimentarjetà ma’ prodotti u servizzi oħra;

—    informazzjoni imperfetta u asimmetrika : il-livell ta’ riskju u l-kumplessità tal-attivitajiet ta’ RŻI; il-ħtieġa ta’ finanzi esterni; il-karatteristiċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna fir-rigward tal-aċċess għal finanzjament estern;

—    nuqqasijiet fil-koordinazzjoni : l-għadd ta’ impriżi fil-kollaborazzjoni; l-intensità tal-kollaborazzjoni; interessi diverġenti bejn is-sħab fil-kollaborazzjoni; problemi fit-tfassil tal-kuntratti; problemi fil-koordinazzjoni tal-kollaborazzjoni.

52.

Fl-analiżi tagħha ta’ allegat falliment tas-suq il-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari kull paragun settorjali disponibbli u studji oħra, li għandhom jiġu pprovduti mill-Istat Membru konċernat.

53.

Meta jinnotifikaw investiment jew għajnuna operazzjonali għal raggruppamenti, l-Istati Membri jridu jipprovdu informazzjoni dwar l-ispeċjalizzazzjoni ppjanata jew mistennija tar-raggruppament tal-innovazzjoni, il-potenzjal reġjonali eżistenti u l-preżenza ta’ raggruppamenti b’għanijiet simili fl-Unjoni.

54.

Fir-rigward ta’ għajnuna mill-istat li tingħata għal proġetti jew attivitajiet li huma finanzjati wkoll mill-Unjoni, direttament jew indirettament (jiġifieri mill-Kummissjoni, mill-aġenziji eżekuttivi tagħha, minn impriżi konġunti stabbiliti abbażi tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat, jew minn kull korp ta’ implimentazzjoni ieħor fejn il-finanzjament tal-Unjoni ma jkunx direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istati Membri), il-Kummissjoni tqis li tkun ġiet stabbilita l-ħtieġa li jintervjeni l-istat.

55.

Min-naħa l-oħra, meta l-għajnuna mill-istat tingħata għal proġetti jew attivitajiet li, fir-rigward il-kontenut teknoloġiku, il-livell ta’ riskju u d-daqs, huma simili għal dawk li diġà qed jitwettqu bil-kundizzjonijiet tas-suq fl-Unjoni, fil-prinċipju l-Kummissjoni tassumi li ma jeżistix falliment tas-suq u titlob aktar evidenza u ġustifikazzjoni għall-ħtieġa ta’ intervent mill-istat.

4.3.   Adegwatezza tal-miżura ta’ għajnuna

4.3.1.   Adegwatezza fost strumenti politiċi alternattivi

56.

L-għajnuna mill-istat mhijiex l-uniku strument politiku disponibbli għall-Istati Membri biex jippromwovu l-attivitajiet ta’ RŻI. Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li jista’ jkun hemm strumenti oħrajn u aħjar bħal miżuri fuq in-naħa tad-domanda li jinvolvu regolamentazzjoni, l-akkwist pubbliku jew tal-istandardizzazzjoni, kif ukoll żieda fil-finanzjament tar-riċerka pubblika u l-edukazzjoni u miżuri fiskali ġenerali. L-adegwatezza ta’ strument politiku f’sitwazzjoni partikolari normalment tkun relatata mat-tip ta’ problema li tkun qed tiġi indirizzata. Pereżempju, it-tnaqqis tal-ostakli tas-suq jista’ jkun aktar adegwat mill-għajnuna mill-istat biex tiġi indirizzata d-diffikultà ta’ parteċipanti ġodda li jipproduċu riżultati xierqa ta’ RŻI. Iż-żieda fl-investiment fl-edukazzjoni tista’ tkun aktar xierqa biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ persunal kwalifikat milli l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat.

57.

Għajnuna għar-RŻI tista’ tiġi awtorizzata bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-istat, meta jkun meħtieġ li jintlaħaq għan ta’ interess komuni. Element importanti f’dan ir-rigward għalhekk huwa jekk u sa liema punt l-għajnuna mill-istat għar-RŻI tista’ titqies strument xieraq sabiex jiżdiedu l-attivitajiet ta’ RŻI, peress li strumenti oħra li jikkawżaw inqas distorsjoni jistgħu jiksbu l-istess riżultati.

58.

Fl-analiżi tal-kompatibbiltà, il-Kummissjoni tikkunsidra b’mod partikolari kull valutazzjoni tal-impatt tal-miżura proposta li jwettaq l-Istat Membru konċernat. Miżuri, li għalihom l-Istat Membru jkun qies alternattivi ta’ politika oħra u li għalihom il-vantaġġi li jintuża strument selettiv bħal għajnuna mill-istat huma stabbiliti u sottomessi lill-Kummissjoni, jitqiesu li jikkostitwixxu strument xieraq.

59.

Fir-rigward ta’ għajnuna mill-istat li tingħata għal proġetti jew attivitajiet li huma finanzjati wkoll mill-Unjoni, direttament jew indirettament (jiġifieri mill-Kummissjoni, mill-aġenziji eżekuttivi tagħha, minn impriżi konġunti stabbiliti abbażi tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat, jew minn kull korp ta’ implimentazzjoni ieħor fejn il-finanzjament tal-Unjoni ma jkunx direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istati Membri), il-Kummissjoni tqis li tkun ġie stabbilit li l-miżura mill-istat hija xierqa.

4.3.2.   Adegwatezza fost strumenti differenti ta’ għajnuna

60.

L-għajnuna mill-istat għar-RŻI tista’ tingħata f’diversi forom. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna tingħata f’forma li aktarx tiġġenera l-inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. F’dan ir-rigward, meta l-għajnuna tingħata f’forom li jipprovdu vantaġġ pekunarju dirett (pereż. għotjiet diretti, eżenzjonijiet jew tnaqqis fit-taxxi jew fl-imposti obbligatorji oħrajn, jew l-għoti ta’ art, prodotti jew servizzi bi prezzijiet favorevoli), l-Istat Membru konċernat irid jinkludi analiżi tal-alternattivi l-oħra u jispjega għala jew kif forom oħra ta’ għajnuna li huma potenzjalment inqas distortivi, bħal avvanzi ripagabbli jew forom ta’ għajnuna li huma bbażati fuq strumenti ta’ dejn jew ta’ ekwità (bħall-garanziji tal-istat, l-akkwist ta’ ishma jew forniment alternattiv ta’ dejn jew kapital b’termini favorevoli) huma anqas xierqa.

61.

L-għażla tal-istrument ta’ għajnuna għandha ssir fid-dawl tal-falliment tas-suq li għand l-għan tindirizza. Pereżempju, meta l-falliment tas-suq sottostanti jkun problema ta’ aċċess għal finanzjament estern tad-dejn minħabba informazzjoni asimmetrika, l-Istati Membri għandhom normalment jirrikorru għal għajnuna fil-forma ta’ sostenn tal-likwidità, bħal self jew garanzija, aktar milli għotja. Meta jkun meħtieġ li ditta tingħata wkoll ċertu grad ta’ kondiviżjoni tar-riskju, l-istrument ta’ għajnuna magħżul normalment għandu ikun avvanz ripagabbli. B’mod partikolari, meta l-għajnuna tingħata f’forma li mhijiex sostenn tal-likwidità jew avvanz ripagabbli għall-attivitajiet li huma qrib is-suq, l-Istati Membri jridu jiġġustifikaw kemm l-istrument magħżul huwa xieraq biex jindirizza l-falliment tas-suq speċifiku inkwistjoni. Għal skemi ta’ għajnuna li jimplimentaw l-objettivi u l-prijoritajiet ta’ Programmi Operazzjonali, l-istrument finanzjarju magħżul f’dawn il-programmi fil-prinċipju jiġi preżunt li jkun strument xieraq.

4.4.   Effett ta’ inċentiv

4.4.1.   Kundizzjonijiet ġenerali

62.

L-għajnuna għar-RŻI tista’ tinstab kompatibbli mat-Trattat biss jekk ikollha effett ta’ inċentiv. Effett ta’ inċentiv jokkorri meta l-għajnuna tbiddel l-imġiba ta’ impriża b’tali mod li din tinvolvi ruħha f’attivitajiet addizzjonali li mingħajr l-għajnuna kieku ma twettaqx jew li kieku twettaq b’mod ristrett jew differenti. L-għajnuna madankollu ma tridx tissussidja l-ispejjeż ta’ attività li impriża xorta waħda kienet iġġarrab u ma tridx tikkumpensa r-riskju kummerċjali normali ta’ attività ekonomika (33).

63.

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma tippreżentax inċentiv għall-benefiċjarju kull meta l-ħidma fuq l-attività ta’ RŻI rilevanti (34) tkun diġà bdiet qabel ma l-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna mingħand l-awtoritajiet nazzjonali (35). Meta l-ħidma tibda qabel ma l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi sottomessa mill-benefiċjarju għand l-awtoritajiet nazzjonali, il-proġett ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna.

64.

L-applikazzjoni għall-għajnuna trid tinkludi tal-anqas isem u d-daqs tal-applikant, deskrizzjoni tal-proġett, inkluż fejn jinsab u d-dati tal-bidu u tat-tmiem, l-ammont ta’ għajnuna pubblika meħtieġ biex jitwettaq, u lista ta’ spejjeż eliġibbli.

65.

Sal-punt li jikkostitwixxu għajnuna mill-istat, il-Kummissjoni tista’ tqis li miżuri fiskali jkollhom effett ta’ inċentiv, billi jistimulaw aktar infiq fir-RŻI mill-impriżi, abbażi ta’ studji ta’ evalwazzjoni (36) provduti mill-Istati Membri.

4.4.2.   Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali

66.

Għal għajnuna individwali notifikabbli, l-Istati Membri jridu juru lill-Kummissjoni li l-għajnuna għandha effett ta’ inċentiv u għalhekk jeħtieġ jipprovdu evidenza ċara li l-għajnuna għandha impatt pożittiv fuq id-deċiżjoni tal-impriża li twettaq attivitajiet ta’ RŻI li kieku ma kinux isiru. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq valutazzjoni komprensiva tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, l-Istat Membru konċernat irid jipprovdi mhux biss informazzjoni dwar il-proġett megħjun iżda wkoll, sa fejn ikun possibbli, deskrizzjoni komprensiva ta’ x’kien jiġri jew ta’ x’wieħed seta’ raġonevolment jistenna li jiġri mingħajr l-għajnuna, jiġifieri x-xenarju kontrofattwali. Ix-xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv jew ta’ proġett alternattiv definit b’mod ċar u prevedibbli biżżejjed kkunsidrat mill-benefiċjarju fit-teħid ta’ deċiżjonijiet interni tiegħu, u jista’ jkun marbut ma’ proġett alternattiv li huwa kompletament jew parzjalment mwettqa barra l-Unjoni.

67.

Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tqis l-elementi li ġejjin:

—    Speċifikazzjoni tal-bidla intenzjonata : trid tiġi speċifikata sew il-bidla fl-imġiba li hija mistennija tirriżulta mill-għajnuna mill-istat, jiġifieri jekk hijiex se tiskatta proġett ġdid, jew jekk hijiex se jittejjeb id-daqs, l-ambitu jew ir-rata tat-twettiq tal-proġett;

—    analiżi kontrofattwali : il-bidla fl-imġiba trid tiġi identifikata billi jitqabbel x’ikun ir-riżultat mistenni u l-livell ta’ attività maħsub bl-għajnuna u mingħajr l-għajnuna. Id-differenza bejn iż-żewġ xenarji turi l-impatt tal-miżura tal-għajnuna u l-effett ta’ inċentiv tagħha.

—    livell ta’ profittabbiltà : meta proġett, fih innifsu, ma jkunx ta’ profitt biex jitwettaq minn impriża, iżda jkun jiġġenera benefiċċji importanti għas-soċjetà, hemm iktar probabbiltà li l-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv;

—    ammont ta’ investiment u qafas ta’ żmien tal-flussi tal-flus : investiment tal-bidu għoli, livell baxx ta’ flussi ta’ flus approprjabbli u frazzjoni sinifikanti ta’ flussi ta’ flus fil-futur imbiegħed ħafna jew b’mod inċert ħafna, jitqiesu elementi pożittivi fil-valutazzjoni tal-effett ta’ inċentiv;

—    livell ta’ riskju involut : il-valutazzjonijiet tar-riskju tikkunsidra b’mod partikolari l-irriversibilità tal-investiment, il-probabilità ta’ falliment kummerċali, ir-riskju li l-proġett ikun inqas produttiv milli mistenni, ir-riskju li l-proġett jhedded attivitajiet oħra tal-benefiċjarju tal-għajnuna u r-riskju li l-ispejjeż tal-proġett jheddu l-vijabbiltà finanzjarja tiegħu.

68.

L-Istati Membri huma b’mod partikolari mistiedna jużaw dokumenti tal-bord, valutazzjonijiet tar-riskji, rapporti finanzjarji, pjanijiet ta’ negozju interni, opinjonijiet tal-esperti u studji oħra marbuta mal-proġett li qed jiġi vvalutat. Dokumenti li jkun fihom informazzjoni dwar previżjonijiet tal-ispejjeż, previżjonijiet finanzjarji, dokumenti li jiġu ppreżentati lill-kumitat għall-investiment u li jiddeskrivu fid-dettall diversi xenarji ta’ investiment, jew dokumenti pprovduti lil istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jgħinu lill-Istati Membri juru l-effett ta’ inċentiv.

69.

Sabiex jiġi żgurat li l-effett ta’ inċentiv jiġi stabbilit fuq bażi oġġettiva, il-Kummissjoni tista’ fil-valutazzjoni tagħha tqabbel dejta speċifika tal-kumpanija ma’ dejta dwar l-industrija li fiha ikun attiv il-benefiċjarju tal-għajnuna. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom, fejn possibbli, jipprovdu dejta speċifika għall-industrija li turi li x-xenarju kontrofattwali tal-benefiċjarju, il-livell ta’ profitabbiltà meħtieġ tiegħu u l-flussi ta’ flus mistennija tiegħu huma raġonevoli.

70.

F’dak il-kuntest, il-livell ta’ profittabbiltà jista’ jiġi evalwat b’referenza għal metodoloġiji li jista’ jintwera li tuża l-impriża benefiċjarja jew li huma prassi standard fl-industrija partikolari konċernata, u li jistgħu jinkludu metodi għall-evalwazzjoni tal-valur nett attwali tal-proġett (net present value, NPV) (37), ir-rata interna ta’ qligħ (internal rate of return, IRR) (38) jew il-qligħ medju fuq il-kapital użat (return on capital employed, ROCE).

71.

Jekk l-għajnuna ma tibdilx l-imġiba tal-benefiċjarju billi tistimula attivitajiet addiżżjonali ta’ RŻI, ma jkollha l-ebda effett pożittiv f’termini ta’ promozzjoni tar-RŻI fl-Unjoni. Għalhekk, l-għajnuna ma titqisx kompatibbli mas-suq intern f’każijiet fejn ikun jidher li l-istess attivitajiet jistgħu jitwettqu u se jitwettqu anki mingħajr għajnuna.

4.5.   Proporzjonalità tal-għajnuna

4.5.1.   Kundizzjonijiet ġenerali

72.

Biex kull għajnuna għar-RŻI titqies proporzjonata, l-ammont tagħha jrid ikun limitat għall-minimu meħtieġ biex titwettaq l-attività megħjuna.

4.5.1.1.   Intensitajiet massimi ta’ għajnuna

73.

Sabiex jiġi żgurat li l-livell ta’ għajnuna jkun proporzjonat mal-fallimenti tas-suq li tkun maħsuba biex tindirizza, l-għajnuna trid tkun stabbilita b’relazzjoni ma’ sett predefinit ta’ spejjeż eliġibbli u tkun limitata għal ċertu proporzjon ta’ dawk l-ispejjeż eliġibbli (“intensità tal-għajnuna”). L-intensità tal-għajnuna għandha tkun stabbilita għal kull benefiċjarju ta’ għajnuna, inkluż f’każ ta’ proġett ta’ kollaborazzjoni.

74.

Biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà u kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd, il-Kummissjoni tapplika l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna għall-għajnuna għar-RŻI, li huma stabbiliti fuq il-bażi ta’ tliet kriterji: (i) kemm l-għajnuna tkun qrib is-suq, bħala indikatur tal-effetti negattivi mistennija tagħha u l-ħtieġa tagħha, billi jitqies id-dħul potenzjalment ogħla li jista’ jkun mistenni mill-attivitajiet megħjuna; (ii) id-daqs tal-benefiċjarju bħala indikatur tad-diffikultajiet aktar akuti ġeneralment affrontati minn kumpaniji iżgħar biex jiffinanzjaw proġetti riskjużi; u (iii) l-intensità tal-falliment tas-suq, bħall-esternalitajiet mistennija f’termini ta’ tixrid tal-għarfien. Għaldaqstant, l-intensitajiet tal-għajnuna għandhom ġeneralment ikunu inqas għall-attivitajiet relatati mal-iżvilupp u l-innovazzjoni milli għall-attivitajiet relatati mar-riċerka.

75.

L-ispejjeż eliġibbli għal kull miżura ta’ għajnuna koperta minn dan il-qafas huma stipulati fl-Anness I. Meta proġett ta’ RŻ jiġbor fih kompiti differenti, kull kompitu eliġibbli jrid jaqa’ fil-kategoriji ta’ riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali (39). Meta tikklassifika attivitajiet differenti skont il-kategorija rilevanti, il-Kummissjoni tirreferi għall-prassi proprja tagħha kif ukoll għal eżempji u spjegazzjonijiet speċifiċi previsti fil-Manwal Frascati tal-OECD (40).

76.

L-intensitajiet massimi ta’ għajnuna applikabbli b’mod ġenerali għall-miżuri eliġibbli kollha ta’ RŻI huma stipulati fl-Anness II (41).

77.

Fil-każ ta’ għajnuna mill-istat għal proġett li jkun qed jitwettaq f’kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet ta’ riċerka u impriżi, l-għajnuna pubblika diretta kombinata u, meta jikkostitwixxu għajnuna, l-kontribuzzjonijiet minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka għall-istess proġett, ma jistgħux jaqbżu l-intensitajiet applikabbli ta’ għajnuna għal kull impriża benefiċjarja.

4.5.1.2.   Avvanzi ripagabbli

78.

Jekk Stat Membru jagħti avvanz ripagabbli li jikkwalifika bħala għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għandhom japplikaw ir-regoli stipulati f’din it-taqsima.

79.

Meta Stat Membru jista’ juri, fuq il-bażi ta’ metodoloġija valida bbażata fuq dejta verifikabbli, li huwa possibbli li jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-gross tal-għotja ta’ avvanz ripagabbli, huwa jista’ jinnotifika skema ta’ għajnuna u l-metodoloġija assoċjata lill-Kummissjoni. Jekk il-Kummissjoni taċċetta l-metodoloġija u tqis l-iskema kompatibbli, l-għajnuna tista’ tingħata abbażi tal-ekwivalenti tal-gross tal-għotja tal-avvanz ripagabbli, sal-intensitajiet tal-għajnuna stipulati fl-Anness II.

80.

Fil-każijiet l-oħra kollha, l-avvanz ripagabbli jiġi espress bħala perċentwali tal-ispejjeż eliġibbli u ma jistax jaqbeż l-intensitajiet massimi tal-għajnuna applikabbli b’aktar minn 10 punti perċentwali, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ eżitu b’suċċess, il-miżura trid tipprevedi li l-avvanz jrid jitħallas lura b’rata tal-imgħax li ma tkunx inqas mir-rata ta’ skont li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodu tar-reviżjoni għall-istabbiliment tar-rati ta’ referenza u ta’ skont (42);

(b)

fil-każ ta’ suċċess li jaqbeż l-eżitu definit suċċess, l-Istat Membru konċernat għandu jitlob pagamenti lil hinn mir-ripagament tal-ammont tal-avvanz inklużi l-interessi skont ir-rata ta’ skont applikabbli;

(c)

f’każ li l-proġett ifalli, l-avvanz ma għandux għalfejn jitħallas lura kollu. F’każ ta’ suċċess parzjali, ir-ripagament għandu jkun proporzjonali mal-grad ta’ suċċess miksub.

81.

Sabiex il-Kummissjoni tivvaluta l-miżura, hija trid tinkludi dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-ripagament f’każ ta’ suċċess, li jiddefinixxu b’mod ċar dak li jitqies eżitu suċċess, abbażi ta’ ipoteżi raġonevoli u prudenti.

4.5.1.3.   Miżuri fiskali

82.

Sal-punt li tikkostitwixxi għajnuna mill-istat, l-intensità tal-għajnuna ta’ miżura fiskali tista’ tiġi kkalkolata jew fuq il-bażi ta’ proġetti individwali jew, fuq livell ta’ impriża, bħala l-proporzjon bejn l-eżenzjoni kumplessiva mit-taxxa u s-somma tal-ispejjeż eliġibbli kollha tar-RŻI mġarrba f’perjodu li ma jaqbiżx tliet snin fiskali konsekuttivi. Fil-każ tal-aħħar, il-miżura fiskali tista’ tapplika mingħajr distinzjoni għall-attivitajiet eliġibbli kollha, iżda ma għandhiex taqbeż l-intensità tal-għajnuna applikabbli għal żvilupp sperimentali (43).

4.5.1.4.   Kumulazzjoni ta’ għajnuna

83.

Għajnuna tista’ tingħata fl-istess ħin skont diversi skemi ta’ għajnuna jew tkun kumulata ma’ għajnuna ad hoc, sakemm l-ammont totali ta’ għajnuna mill-istat għall-attività jew il-proġett ma jaqbiżx il-limiti massimi stabbiliti f’dan il-qafas. Kif imfakkar fil-punt 9 il-finanzjament tal-Unjoni, immaniġġat ċentralment minn istituzzjonijiet, aġenziji, impriżi konġunti jew korpi oħra tal-Unjoni li huma direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istati Membri, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-istat u ma għandux jitqies. Meta dan il-finanzjament tal-Unjoni jkun kombinat ma’ għajnuna mill-istat, l-ammont totali tal-finanzjament pubbliku mogħti f’relazzjoni mal-istess spejjeż eliġibbli, madankollu ma jridx jaqbeż l-aktar rata ta’ finanzjament favorevoli stipulata fir-regoli applikabbli tal-Unjoni.

84.

Meta n-nefqa eliġibbli għall-għajnuna għar-RŻI tkun potenzjalment eliġibbli wkoll bis-sħiħ jew parzjalment, għal għajnuna għal skopijiet oħra, il-parti komuni tkun soġġetta għal-limitu massimu l-aktar favorevoli skont kwalunkwe regoli rilevanti.

85.

L-għajnuna għar-RŻI ma tistax tiġi kumulata ma’ għajnuna de minimis marbuta mal-istess spejjeż eliġibbli jekk dak iwassal għal intensità tal-għajnuna li taqbeż dawk stabbiliti f’dan il-qafas.

4.5.2.   Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali

86.

Għal għajnuna individwali notifikabbli, sempliċi konformità ma’ sett ta’ intensitajiet massimi tal-għajnuna predefiniti mhijiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-proporzjonalità.

87.

Bħala regola ġenerali, u sabiex jiġi stabbilit jekk l-għajnuna hijiex proporzjonata, il-Kummissjoni se tivverifika li l-ammont tagħha ma jaqbiżx il-minimu meħtieġ għall-proġett megħjun biex ikun profitabbli biżżejjed, pereżempju billi tagħmel possibbli li tintlaħaq rata ta’ redditu interna li tikkorrispondi għal parametru referenzjarju jew rata minima ta’ redditu għas-settur jew id-ditta speċifika. Jistgħu jintużaw ukoll għal dan l-għan ir-rati normali ta’ redditu meħtieġa mill-benefiċjarju fi proġetti oħra ta’ RŻI, l-ispiża tal-kapital tiegħu fis-sħuħija tiegħu jew ir-redditu li jiġi osservat normalment fl-industrija konċernata. L-ispejjeż u l-benefiċċji rilevanti kollha mistennija jridu jitqiesu matul il-ħajja tal-proġett, inklużi l-ispejjeż u d-dħul li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ RŻI.

88.

Meta jintwera pereżempju permezz ta’ dokumenti interni tal-kumpanija, li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkollu għażla ċara bejn li jwettaq il-proġett megħjun jew wieħed alternattiv mingħajr għajnuna, l-għajnuna titqies li tkun limitata għall-minimu biss jekk l-ammont tagħha ma jaqbiżx l-ispejjeż netti addizzjonali tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet konċernati, meta mqabbel mal-proġett kontrofattwali li kieku jitwettaq mingħajr għajnuna. Sabiex jiġu stabbiliti l-ispejjeż netti żejda, il-Kummissjoni tipparaguna l-valuri netti attwali mistennija tal-investiment fil-proġett megħjun u fil-proġett kontrofattwali, filwaqt li tqis il-probabbiltajiet tax-xenarji kummerċjali differenti li jseħħu (44).

89.

Meta tingħata għajnuna għal proġetti ta’ RŻ jew għall-kostruzzjoni jew it-titjib ta’ infrastrutturi tar-riċerka u meta l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi, abbażi tal-metodoloġija stipulata fil-punti 87 jew 88, li l-għajnuna hija limitata strettament għall-minimu neċessarju, jistgħu jiġu permessi intensitajiet ta’ għajnuna massimi ogħla minn dawk stabbiliti fl-Anness II, sal-livelli stabbiliti fit-tabella li ġejja.

 

Intrapriża żgħira

Intrapriża ta’ daqs medju

Intrapriża kbira

Għajnuna għal proġetti ta’ RŻ

Riċerka fundamentali

100 %

100 %

100 %

Riċerka applikata

80 %

70 %

60 %

soġġetti għall-kollaborazzjoni effikaċi bejn l-impriżi (għall-intrapriżi kbar transfruntieri jew li jinvolvu tal-inqas SME waħda) jew bejn impriża u organizzazzjoni ta’ riċerka; jew

soġġett għat-tixrid fil-wiesgħa tar-riżultati

90 %

80 %

70 %

Għajnuna għall-kostruzzjoni u t-titjib ta’ infrastrutturi ta’ riċerka

60 %

60 %

60 %

90.

Sabiex juri li l-għajnuna hija limitata għall-minimu meħtieġ, l-Istati Membri jridu jispjegaw kif ġie stabbilit l-ammont ta’ għajnuna. Id-dokumentazzjoni u l-kalkoli użati għall-analiżi tal-effett ta’ inċentiv, jistgħu jintużaw ukoll biex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna hijiex proporzjonali. Sakemm il-bżonn identifikat għall-għajnuna jirrelata primarjament ma’ diffikultajiet biex jinstab finanzjament ta’ dejn mis-suq, partikolarment adattat biex jiġi żgurat li l-għajnuna tinżamm għall-minimu jista’ jkun li din tingħata f’forma ta’ self, garanzija jew avvanz ripagabbli minflok f’forma mhux ripagabbli, bħal għotja.

91.

Meta jkun hemm iktar minn kandidat potenzjali wieħed għat-twettiq tal-attività megħjuna, il-proporzjonalità meħtieġa x’aktarx tintlaħaq jekk l-għajnuna tingħata fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti, oġġettivi u mhux diskriminatorji.

92.

Sabiex jiġu indirizzati distorsjonijiet diretti jew indiretti, reali jew potenzjali, tal-kummerċ internazzjonali, jistgħu jiġu awtorizzati intensitajiet ogħla minn dawk ġeneralment permissibbli skont dan il-qafas, jekk kompetituri li jinsabu barra l-Unjoni, direttament jew indirettament, fl-aħħar tliet snin ikunu rċevew jew ikunu se jirċievu għajnuna ta’ intensità ekwivalenti għal proġetti simili. Madankollu, meta minħabba n-natura partikolari tas-settur inkwistjoni d-distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali x’aktarx li jseħħu wara aktar minn tliet snin, il-perjodu ta’ referenza jista’ jiġi estiż b’mod korrispondenti. Meta possibbli, l-Istat Membru konċernat jipprovdi lill-Kummissjoni b’biżżejjed informazzjoni biex jippermettilha tivvaluta s-sitwazzjoni, b’mod partikolari l-ħtieġa li jitqies il-vantaġġ kompetittiv li għandu kompetitur f’pajjiż terz. Meta l-Kummissjoni ma jkollhiex evidenza li tikkonċerna l-għajnuna mogħtija jew proposta, tista’ wkoll tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq evidenza ċirkostanzjali.

93.

Meta tiġbor evidenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-poteri investigattivi tagħha (45).

4.6.   Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

4.6.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

94.

Biex għajnuna għar-RŻI tkun kompatibbli mas-suq intern, l-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jridu jkunu limitati u ssuperati mill-effetti pożittivi f’termini ta’ kontribut lejn l-għan ta’ interess komuni.

95.

Il-Kummissjoni tidentifika żewġ distorzjonijiet ewlenin potenzjali għall-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri kkawżati minn għanjuna għar-RŻI, jiġifieri distorsjonijiet fis-suq tal-prodott u effetti tal-lokalizzazzjoni. It-tnejn li huma jwasslu għal ineffiċjenzi allokattivi, li jheddu l-prestazzjoni ekonomika tas-suq intern, u għal tħassib dwar id-distribuzzjoni, peress li l-għajnuna taffettwa id-distribuzzjoni tal-attività ekonomika madwar ir-reġjuni.

96.

Fir-rigward tad-distorsjonijiet fis-swieq tal-prodotti, l-għajnuna mill-istat għar-RŻI jista’ jkollha impatt fuq il-kompetizzjoni fil-proċessi tal-innovazzjoni u fis-swieq tal-prodotti fejn jiġu sfruttati r-riżultati tal-attivitajiet tar-RŻI.

4.6.1.1.   Effetti fuq is-swieq tal-prodotti

97.

L-għajnuna mill-istat għar-RŻI tista’ xxekkel l-kompetizzjoni fil-proċessi innovattivi u fis-swieq tal-prodotti bi tliet modi, jiġifieri billi toħloq distorsjoni fil-proċess tad-dħul u tal-ħruġ kompetittiv, billi toħloq distorsjoni fl-inċentivi għall-investiment dinamiku u billi toħloq jew isostni saħħa fis-suq.

(i)   Distorsjoni tal-proċessi tad-dħul u l-ħruġ kompetittiv

98.

L-għajnuna għar-RŻI tista’ tipprevjeni l-mekkaniżmu tas-suq milli jippremja lill-produtturi l-iktar effiċjenti u milli joħloq pressjoni fuq dawk l-inqas effiċjenti biex jitjiebu, jirristrutturaw jew joħorġu mis-suq. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn, minħabba l-għajnuna mogħtija, kompetituri li altrimenti setgħu jkomplu joperaw jiġu sfurzati joħorġu mis-suq, jew li lanqas biss jidħol fih. Bl-istess mod, l-għajnuna mill-istat tista’ tipprevjeni li ditti ineffiċjenti joħorġu mis-suq jew saħansitra tħajjarhom jidħlu fih u jiksbu sehem mis-suq ta’ kompetituri aktar effiċjenti. Jekk l-għajnuna għar-RŻI ma tintużax sew tista’ ssostni impriżi ineffiċjenti u twassal għal strutturi tas-suq fejn ħafna atturi tas-suq joperaw b’mod ineffiċjenti sinifikanti. Fuq medda twila ta’ żmien, l-interferenza fil-proċessi tad-dħul u tal-ħruġ kompetittiv jistgħu joħonqu l-innovazzjoni u jirrallentaw it-titjib fil-produttività fl-industrija kollha.

(ii)   Distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi

99.

Għajnuna għar-RŻI tista’ toħloq distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi biex il-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna jinvestu. Meta impriża tirċievi għajnuna, il-probabilità ta’ attivitajiet b’suċċess ta’ RŻI min-naħa tagħha ġeneralment jiżdiedu u dan iwassal għal preżenza akbar fis-suq/swieq tal-prodott rilevanti fil-futur. Din iż-żieda fil-preżenza tista’ twassal lill-kompetituri jnaqqsu l-ambitu tal-pjanijiet oriġinali tal-investiment tagħhom (l-effett crowding out).

100.

Barra minn hekk, il-preżenza tal-għajnuna tista’ tagħmel lill-benefiċjarji potenzjali kompjaċenti jew ifittxu riskji ikbar. L-effett fit-tul fuq il-prestazzjoni kumplessiva tas-settur f’dan il-każ x’aktarx tkun negattiva. L-għajnuna għar-RŻI tista’ għalhekk, jekk ma tkunx immirata sew, issostni impriżi ineffiċjenti u twassal għal strutturi tas-suq fejn ħafna atturi tas-suq joperaw b’mod ineffiċjenti sinifikanti.

(iii)   Ħolqien jew żamma ta’ saħħa fis-suq

101.

L-għajnuna għar-RŻI tista’ jkollha wkoll effetti ta’ distorsjoni f’termini ta’ żieda jew żamma tal-livell ta’ saħħa fis-suq fis-swieq tal-prodott. Saħħa fis-suq hija s-saħħa li wieħed jinfluwenza l-prezzijiet tas-suq, l-output, il-varjetà jew il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi, jew parametri oħra tal-kompetizzjoni, għal perjodu sinifikanti ta’ żmien, għad-detriment tal-konsumaturi. Anki meta l-għajnuna ma ssaħħaħx is-saħħa fis-suq direttament, tista’ tagħmel dan indirettament, billi tiskoraġġixxi l-espansjoni ta’ kompetituri eżistenti jew twassalhom biex joħorġu mis-suq jew tiskoraġġixxi d-dħul ta’ kompetituri ġodda.

4.6.1.2.   Effetti fuq il-kummerċ u l-għażla tal-lokalizzazzjoni

102.

L-għajnuna mill-istat għar-RŻI tista’ wkoll tagħti lok għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni meta tinfluwenza l-għażla ta’ lokalizzazzjoni. Dawk id-distorsjonijiet jistgħu jinħolqu fl-Istati Membri kollha, jew meta d-ditti jikkompetu fuq livell transfruntier jew meta jikkunsidraw lokalizzazzjonijiet differenti. Għajnuna mmirata lejn ir-rilokalizzazzjoni ta’ attività lejn reġjun ieħor fis-suq intern tista’ ma twassalx direttament għal distorsjoni tas-suq tal-prodotti, iżda tispostja attivitajiet jew investimenti minn reġjun għall-ieħor.

4.6.1.3.   Effetti negattivi evidenti

103.

Fil-prinċipju, miżura ta’ għajnuna u l-kuntest li fih tiġi applikata jeħtieġ li jiġu analizzati biex jiġi identifikat sa fejn tista’ tikkawża distorsjoni. Madankollu, jistgħu jiġu identifikati ċerti sitwazzjonijiet fejn l-effetti negattivi jegħlbu sew l-effetti pożittivi, li jfisser li l-għajnuna ma tistax tinsab kompatibbli mas-suq intern.

104.

Partikolarment, skont il-prinċipji ġenerali tat-Trattat, l-għajnuna mill-istat ma tistax titqies kompatibbli mas-suq intern jekk il-miżura ta’ għajnuna tkun diskriminatorja b’mod mhux ġustifikat min-natura tagħha ta’ għajnuna mill-istat. Kif spjegat fit-Taqsima 3, il-Kummissjoni għalhekk mhu se tippermetti l-ebda miżura fejn din il-miżura jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha jinvolvu ksur inseparabbli tal-liġi tal-Unjoni. Dan huwa partikolarment il-każ għal miżuri ta’ għajnuna meta l-għotja ta’ għajnuna tkun soġġetta għall-obbligu li l-benefiċjarju jkollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Istat Membru rilevanti (jew li jkun predominantament stabbilit f’dak l-Istat Membru) jew li juża oġġetti prodotti jew servizzi nazzjonali, kif ukoll għal miżuri ta’ għajnuna li jirrestrinġu l-possibbiltà li l-benefiċjarju jisfrutta r-riżultati tar-RŻI fi Stati Membri oħra.

105.

Bl-istess mod, għajnuna li sempliċiment twassal biex tinbidel il-lokalizzazzjoni tal-attivitajiet tar-RŻI fis-suq intern mingħajr ma tibdel in-natura, id-daqs jew l-għan tal-proġett mhijiex se titqies kompatibbli.

4.6.2.   Skemi ta’ għajnuna

106.

Sabiex ikunu kompatibbli mas-suq intern, l-iskemi ta’ għajnuna notifikabbli ma jridux iwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni u l-kummerċ. B’mod partikolari, anki meta d-distorsjonijiet jistgħu jitqiesu bħala limitati fuq livell individwali (sakemm l-għajnuna tkun meħtieġa u proporzjonata biex jintlaħaq l-objettiv komuni), fuq bażi kumulattiva skemi ta’ għajnuna xorta jistgħu jwasslu għal livelli għolja ta’ distorsjonijiet. Dawn id-distorsjonijiet jistgħu, pereżempju, jirriżultaw minn għajnuna li taffettwa b’mod negattiv l-inċentivi dinamiċi għall-innovazzjoni min-naħa tal-kompetituri. F’każ ta’ skema li tiffoka fuq ċerti setturi, ir-riskju ta’ dik it-tip ta’ distorsjoni jinħass iktar.

107.

Mingħajr ħsara għall-punt 122, l-Istati Membri jridu għalhekk juru li kull effett negattiv se jkun limitat għall-minimu filwaqt li jitqiesu, pereżempju, id-daqs tal-proġetti konċernati, l-ammonti tal-għajnuna individwali u kumulattiva, l-għadd ta’ benefiċjarji mistennija, kif ukoll il-karatteristiċi tas-setturi fil-mira. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-effetti negattivi notifikabbli probabbli, l-Istat Membru jista’ jissottometti kull valutazzjoni tal-impatt, kif ukoll evalwazzjonijiet ex post li saru għal skemi simili ta’ qabel.

4.6.3.   Kundizzjonijiet addizzjonali għal għajnuna individwali

4.6.3.1.   Distorsjonijiet fis-swieq tal-prodotti

108.

Għal għajnuna individwali notifikabbli, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tidentifika u tivvaluta d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni u l-kummerċ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar (i) is-swieq tal-prodotti konċernati, jiġifieri s-swieq affettwati mill-bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju tal-għajnuna, u (ii) il-kompetituri u l-konsumaturi jew il-konsumaturi affettwati.

109.

Meta tivvaluta l-effetti negattivi tal-miżura tal-għajnuna, il-Kummissjoni tiffoka l-analiżi tagħha tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq l-impatt prevedibbli tal-għajnuna għar-RŻI fuq il-kompetizzjoni bejn impriżi fis-swieq tal-prodott konċernat. Il-Kummissjoni tagħti aktar piż lir-riskji għall-kompetizzjoni u l-kummerċ li jirriżultaw fil-futur qrib u bi probabbiltà partikolari.

110.

Sal-punt li attività innovattiva speċifika tkun assoċjata ma’ swieq multipli ta’ prodotti futuri, l-impatt tal-għajnuna mill-istat titqies fuq is-sett ta’ swieq konċernat. F’ċerti każijiet ir-riżultati tal-attivitajiet għar-RŻI, pereżempju fil-forma ta’ DPI, ikunu huma stess innegozjati fis-swieq teknoloġiċi, pereżempju permezz ta’ liċenzjar jew negozjar ta’ privattivi. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tista’ tqis ukoll l-effett tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni fis-swieq tat-teknoloġija.

111.

Il-Kummissjoni tuża diversi kriterji biex tevalwa d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, jiġifieri distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi, ħolqien jew żamma ta’ saħħa tas-suq, u żamma ta’ strutturi tas-suq ineffiċjenti.

(i)   Distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi

112.

Fl-analiżi tagħha tad-distorsjoni potenzjali tal-inċentivi dinamiċi, il-Kummissjoni tqis l-elementi li ġejjin:

—    Tkabbir tas-suq : aktar ma s-suq hu mistenni jikber fil-ġejjieni, anqas huwa probabbli li l-inċentivi tal-kompetituri se jiġu affettwati ħażin mill-għajnuna, sakemm jibqgħu bosta opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ negozju li jrendi profitt;

—    Ammont tal-għajnuna : miżuri ta’ għajnuna li jinvolvu ammonti sinifikanti ta’ għajnuna għandhom iktar ċans li jwasslu għal effetti sinifikanti ta’ crowding out. Kemm l-ammont tal-għajnuna huwa sinifikanti jitkejjel prinċipalment b’referenza għall-ammont minfuq mill-operaturi ewlenin tas-suq fuq proġetti ta’ tip simili;

—    Kemm l-għajnuna tkun qrib is-suq/kategorija tal-għajnuna : iktar mal-miżura tal-għajnuna tkun immirata lejn attivitajiet qrib is-suq, iktar hemm ċans li jiżviluppaw effetti sinifikanti ta’ crowding out;

—    Proċeess tal-għażla miftuħ : Meta l-għotja tingħata abbażi ta’ kriterji trasparenti, oġġettivi u mhux diskriminatorji, il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni aktar pożittiva;

—    Ostakli għall-ħruġ : huwa aktar probabbli li l-kompetituri jżommu jew saħansitra jżidu l-pjanijiet ta’ investiment tagħhom meta l-ostakli għall-ħruġ fil-proċess ta’ innovazzjoni jkunu kbar. Dan jista’ jkun il-każ meta bosta mill-investimenti tal-passat tal-kompetituri jkunu maqbuda fi trajettorja partikolari ta’ RŻI;

—    Inċentivi biex ikun hemm kompetizzjoni f’suq future : L-għajnuna għar-RŻI tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn il-kompetituri ta’ benefiċjarju tal-għajnuna jirrinunzjaw li jikkompetu għal suq ġejjieni tat-tip “min jirbaħ jieħu kollox”, peress li l-vantaġġ provdut mill-għajnuna f’termini tal-grad ta’ avvanz teknoloġiku, ekonomiji ta’ skala, effetti ta’ netwerk jew il-waqt inaqqsu l-possibilità tagħhom li potenzjalment jidħlu b’suċċess fis-suq ġejjieni;

—    Differenzazzjoni tal-prodott u intensità tal-kompetizzjoni : meta l-innovazzjoni tal-prodott tkun iktar marbuta mal-iżvilupp ta’ prodotti differenzjati, relatati, pereżempju, ma’ ditti, standards, teknoloġiji jew gruppi ta’ konsumaturi distinti hemm inqas ċans li l-kompetituri jkunu effettwati. L-istess sitwazzjoni tinħoloq meta jkun hemm ħafna kompetituri effettivi fis-suq.

(ii)   Ħolqien jew żamma ta’ saħħa fis-suq

113.

Il-Kummissjoni hija mħassba l-aktar dwar dawk il-miżuri ta’ RŻI li jippermettu lill-benefiċjarju tal-għajnuna jsaħħaħ is-saħħa fis-suq li jkollu fi swieq eżistenti tal-prodott jew li jittrasferixxiha fi swieq futuri tal-prodott. Il-Kummissjoni, għalhekk x’aktarx li mhux se ssib problemi ta’ kompetizzjoni relatati mas-saħħa fis-suq f’każijiet fejn is-sehem mis-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna jkun ta’ inqas minn 25 % u fi swieq b’konċentrazzjoni tas-suq taħt l-2 000 bl-Indiċi Herfindahl-Hirschmann (HHI).

114.

Fl-analiżi tagħha tas-saħħa tas-suq, il-Kummissjoni tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

—    Saħħa tas-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna u l-istruttura tas-suq : meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun diġà dominanti fis-suq tal-prodott, il-miżura tal-għajnuna tista’ tkompli ssaħħaħ dik id-dominanza billi ddgħajjef iktar l-isforz kompetittiv li l-kompetituri jistgħu jeżerċitaw fuq l-impriża benefiċjarja. Bl-istess mod, il-miżuri ta’ għajnuna mill-istat jista’ jkollhom impatt sinifikanti fi swieq oligopolistiċi fejn ikunu attivi biss ftit operaturi;

—    Livell tal-ostakli għad-dħul : fil-qasam tar-RŻI, jista’ jkun hemm ostakli sinifikanti li jfixklu d-dħul ta’ operaturi ġodda. Dawn l-ostakli jinkludu ostakli ġuridiċi għad-dħul (b’mod partikolari għad-DPI), ekonomiji ta’ skala u ambitu, ostakli għall-aċċess għal netwerks u infrastruttura, u ostakli strateġiċi oħra għad-dħul jew l-espansjoni;

—    Saħħa tax-xerrej : is-saħħa fis-suq ta’ impriża tista’ wkoll tkun limitata mill-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja. Il-preżenza ta’ xerrejja b’saħħithom tista’ sservi biex tpatti għal sejba ta’ pożizzjoni fis-suq b’saħħitha jekk ikun probabbli li x-xerrejja jfittxu li jippreservaw biżżejjed kompetizzjoni fis-suq;

—    Proċess tal-għażla : miżuri ta’ għajnuna li jippermettu lill-impriżi b’pożizzjoni fis-suq b’saħħietha li jinfluwenzaw il-proċess tal-għażla, pereżempju, billi jkollhom id-dritt jirrakkomandaw impriżi fil-proċess tal-għażla jew jinfluwenzaw il-perkors tar-riċerka b’mod li jisfavorixxi perkorsi oħra mingħajr raġunijiet ġustifikati, jistgħu jiġbdu l-interess tal-Kummissjoni.

(iii)   Żamma ta’ strutturi tas-suq ineffiċjenti

115.

Fl-analiżi tagħha tal-istrutturi tas-suq, il-Kummissjoni tikkunsdira jekk l-għajnuna tingħatax fi swieq li jkollhom soprakapaċità jew f’industriji li sejrin lura. Sitwazzjonijiet fejn is-suq ikun qed jikber jew fejn l-għajnuna mill-istat għar-RŻI x’aktax li tibdel id-dinamiċi tat-tkabbir kumplessiv tas-settur, notevolment bl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, huma inqas probabbli li jwasslu għal tħassib.

4.6.3.2.   Effetti fuq il-lokalizzazzjoni

116.

B’mod partikolari meta l-għajnuna għar-RŻI tkun qrib is-suq, tista’ twassal biex xi territorji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aktar favorevoli fir-rigward tal-produzzjoni sussegwenti, partikolarment minħabba spejjeż ta’ produzzjoni komparattivament aktar baxxi b’riżultat tal-għajnuna, jew minħabba livelli ogħla ta’ attivitajiet ta’ RŻI mwettqa permezz tal-għajnuna. Dan jista’ jwassal lill-impriżi biex jirrilokaw lejn dawk it-territorji.

117.

Effetti ta’ lokalizzazzjoni jistgħu wkoll ikunu rilevanti għall-infrastrutturi ta’ riċerka. Jekk l-għajnuna tintuża primarjament biex tiġi attirata l-infrastruttura lejn reġjun partikolari bi ħsara għal ħaddieħor, din ma tkunx qed tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ aktar attivitajiet ta’ RŻI fl-Unjoni.

118.

Fl-analiżi tagħha ta’ għajnuna individwali notifikabbli, il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra kull evidenza li l-benefiċjarju tal-għajnuna qies lokalizzazzjonijiet alternattivi.

4.7.   Trasparenza

119.

Mill-1 ta’ Lulju 2016, u bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna individwali taħt EUR 500 000, l-Istati Membri jridu jippublikaw f’websajt komprensiva dwar l-għajnuna mill-istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, mill-inqas l-informazzjoni li ġejja dwar il-miżuri ta’ għajnuna mill-istat notifikati: it-test sħiħ tal-iskema ta’ għajnuna u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, jew il-bażi ġuridika għall-għajnuna individwali, jew ħolqa għaliha; l-identità tal-awtorità li qed tagħti l-għajnuna; l-identità tal-benefiċjarji individwali; l-għamla u l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju; id-data tal-għotja; it-tip ta’ benefiċjarju (SME jew intrapriża kbira); ir-reġjun fejn jinsab il-benefiċjarju (fil-livel II tan-NUTS); u s-setturi ekonomiċi prinċipali li fihom għandu l-attivitajiet tiegħu l-benefiċjarju (fil-livell tal-grupp NACE) (46). Din l-informazzjoni trid tkun ippublikata fi żmien sitt xhur mid-deċiżjoni tal-għotja, jew għal miżuri fiskali fi żmien sena mid-data tad-dikjarazzjoni tat-taxxa, trid tinżamm għal mill-inqas 10 snin u trid tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet (47).

5.   EVALWAZZJONI

120.

Biex ikun żgurat aktar li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kummerċ ikunu limitati, il-Kummissjoni tista’ titlob li skemi ta’ għajnuna notifikabbli jkunu soġġetti għal limitu ta’ żmien u għall-evalwazzjoni msemmija fil-punt 37. L-evalwazzjonijiet għandhom b’mod partikolari jitwettqu għal skemi fejn id-distorsjonijiet potenzjali jkunu partikolarment għoljin, jiġifieri skemi fejn ikun hemm riskju ta’ restrizzjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni jekk l-implimentazzjoni tagħhom ma tiġix analizzata f’waqtha.

121.

Minħabba l-objettivi tagħha u sabiex ma tpoġġix piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri u fuq miżuri ta’ għajnuna iżgħar, ir-rekwiżit imsemmi fil-punt 120 se japplika biss għal skemi ta’ għajnuna b’baġits kbar, li jkollhom karatteristiċi ġodda jew meta jkunu previsti bidliet sinifikanti fis-suq, fit-teknoloġija jew fir-regoli. L-evalwazzjoni trid ssir minn espert indipendenti mill-awtorità li tagħti l-għajnuna abbażi ta’ metodoloġija komuni pprovduta mill-Kummissjoni (48), u trid tkun pubblika. L-Istati Membri jridu jinnotifikaw, flimkien mal-iskema ta’ għajnuna rilevanti, abbozz ta’ pjan ta’ evalwazzjoni, li se jkun parti integrali mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-iskema.

122.

Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna esklużi mill-ambitu tar-Regolament tal-eżenzjoni ta’ kategorija minħabba li jkollhom baġit kbir, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà tagħhom unikament abbażi tal-pjan ta’ evalwazzjoni.

123.

L-evalwazzjoni trid tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni fil-ħin biex tkun tista’ ssir il-valutazzjoni tal-estensjoni possibbli tal-iskema tal-għajnuna u f’kull każ sa meta tispiċċa. L-ambitu u l-modalitajiet preċiżi ta’ kull evalwazzjoni jkunu definiti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-iskema tal-għajnuna. Kull miżura ta’ għajnuna b’għan simili, inkluża kull alterazzjoni fl-iskemi tal-għajnuna msemmija fil-punt 122, trid tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni.

6.   RAPPORTAR U MONITORAĠĠ

124.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (49) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (50) u l-emendi sussegwenti tagħhom, l-Istati Membri jridu jissottomettu rapport annwali lill-Kummissjoni.

125.

L-Istati Membri jridu jżommu reġistri ddettaljati rigward il-miżuri ta’ għajnuna kollha. Dawn ir-reġistri jridu jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-ispejjeż eliġibbli u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna ġew issodisfati. Dawn ir-reġistri jridu jinżammu għal 10 snin mid-data tal-għoti tal-għajnuna u meta jintalbu jridu jiġu pprovduti lill-Kummissjoni.

7.   APPLIKABILITÀ

126.

Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stipulati f’dan il-qafas għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-RŻI kollha notifikata li fir-rigward tagħha hija obbligata tieħu deċiżjoni wara l-1 ta’ Lulju 2014. Għajnuna illegali għar-RŻI se tiġi vvalutata skont ir-regoli applikabbli fid-data li fiha ngħatat l-għajnuna.

127.

Skont l-Artikolu 108(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Istati Membri jemendaw, fejn meħtieġ, l-iskemi tal-għajnuna eżistenti tagħhom għar-RŻI biex iġibuhom konformi ma’ dan il-qafas sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2015.

128.

L-Istati Membri huma mistiedna jagħtu l-approvazzjoni espliċita u bla kundizzjoni tagħhom għall-miżuri xierqa proposti fil-punt 127 fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan il-qafas f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ risposta minn kwalunkwe Stat Membru, il-Kummissjoni tassumi li l-Istat Membru inkwistjoni ma jaqbilx mal-miżuri proposti.

8.   REVIŻJONI

129.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrieżamina jew temenda dan il-qafas f’kull ħin jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet marbuta mal-politika tal-kompetizzjoni jew biex tqis politiki tal-Unjoni u impenji internazzjonali oħra jew għal kull raġuni ġustifikata oħra.


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, COM(2010) 2020 final, 3.3.2010.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 — Unjoni tal-Innovazzjoni”, COM(2010) 546 final, 6.10.2010.

(3)  In-nefqa kumplessiva fir-RŻ fl-Unjoni (li minnha bejn wieħed u ieħor 1/3 hija pubblika u 2/3 privata) kienet ta’ 2,06 % tal-PDG fl-2012, u żdiedet b’0,24 punti perċentwali mill-2005 (l-istatistika tal-Eurostat dwar l-indikaturi ewlenin: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/europe_2020_indicators/headline_indicators). Anki jekk in-nefqa privata fir-RŻ bħala sehem tal-PDG żdiedet bi ftit mill-2008, madankollu, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri, setturi industrijali u atturi individwali (il-Kummissjoni Ewropea, “Research and Innovation performance in EU Member States and Associated Countries 2013”).

(4)  It-terminu “falliment tas-suq” jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn is-swieq, meta jitħallew għar-rashom, x’aktarx ma jipproduċux riżultati effiċjenti.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)”, COM(2012) 209 final, 8.5.2012.

(6)  Bħall-finanzjament provdut taħt Orizzont 2020 jew il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME).

(7)  Il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ ditti f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

(8)  Ara l-Kawżi Konġunti T-244/93 u T-486/93, TWD Textilwerke Deggendorf GmbH v il-Kummissjoni [1995] Ġabra II-02265.

(9)  Il-Kummissjoni tqis li huwa utli li jinżammu kategoriji differenti ta’ attivitajiet ta’ RŻ irrispettivament mill-fatt li dawn l-attivitajiet jistgħu jsegwu mudell interattiv milli mudell lineari.

(10)  Teknoloġiji abilitanti ewlenin huma definiti u identifikati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ – Pont għat-tkabbir u l-impjiegi”, COM(2012) 341 final, 26.6.2012.

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna orizzontali mill-istat (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 733/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 (ĠU L 204, 31.7.2013, p. 15).

(12)  Il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern ta’ għajnuna mill-istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew, fosthom l-għajnuna għar-RŻI vvalutata skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, huma stipulati f’Komunikazzjoni separata mill-Kummissjoni.

(13)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(14)  Ara l-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1).

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(16)  Il-Kawża C-118/85, Il-Kummissjoni vs l-Italja [1987] Ġabra 2599, paragrafu 7; Il-Kawża C-35/96, Il-Kummissjoni vs l-Italja [1998] Ġabra I 3851, paragrafu 36; Il-Kawża C-309/99, Wouters [2002] Ġabra I-1577, paragrafu 46.

(17)  il-Kawża C-263/86 Humble u Edel [1988] Ġabra I-5365, paragrafi 9-10, 15-18; il-Kawża C-109/92 Wirth [1993] Ġabra I-06447, paragrafu 15.

(18)  Ara pereżempju l-Kawżi NN54/2006, Přerov logistics College, u Nru 343/2008, Individual aid to the College of Nyíregyháza for the development of the Partium Knowledge Centre.

(19)  Ara l-punti 26-29 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat tal-Unjoni Ewropea għal kumpens mogħti għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4).

(20)  Taħriġ tal-ħaddiema, fis-sens tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, ma jikkwalifikax bħala l-attività primarja mhux ekonomika tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka.

(21)  Forniment ta’ servizzi ta’ RŻ u RŻ imwettqa f’isem impriżi mhumiex meqjusa bħala RŻ indipendenti.

(22)  Meta organizzazzjoni ta’ riċerka jew infrastruttura ta’ riċerka tkun iffinanzjata kemm pubblikament kif ukoll privatament, il-Kummissjoni se tqis li dan huwa każ fejn il-fondi pubbliċi allokati lill-entità rilevanti għal perjodu ta’ kontabbiltà speċifiku jaqbżu l-ispejjeż tal-attivitajiet mhux ekonomiċi mġarrba f’dak il-perjodu.

(23)  Ara l-Kawża C-482/99 Franza v. il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-4397, paragrafu 24.

(24)  Meta l-organizzazzjoni ta’ riċerka jew l-infrastruttura ta’ riċerka tipprovdi servizz ta’ riċerka jew twettaq riċerka kuntrattwali speċifika għall-ewwel darba f’isem impriża partikolari, fuq bażi ta’ prova u matul perjodu ta’ żmien limitat b’mod ċar, il-Kummissjoni normalment tqis il-prezz mitlub bħala prezz tas-suq meta is-servizz ta’ riċerka jew ir-riċerka kuntrattwali tkun unika u jista’ jintwera li ma hemmx suq għaliha.

(25)  Dan ma jinkludix ftehimiet definiti dwar il-valur tas-suq tad-DPI li jirriżultaw u l-valur tal-kontribuzzjonijiet għall-proġett.

(26)  Ara l-Komunikazzjoni u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal assoċjat - Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjun, “L-akkwist pubbliku prekummerċjali: inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa”, COM(2007) 799 final, 14.12.2007.

(27)  Ara l-Artikolu 27 tad- Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65), u l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243). Bl-istess mod, fil-każ ta’ proċedura ristretta skont it-tifsira rispettiva tal-Artikoli 28 tad-Direttiva 2014/24/UE u 46 tad-Direttiva 2014/25/UE, il-Kummissjoni wkoll tqis li l-impriżi ma jingħatawx għajnuna mill-istat, sakemm il-fornituri interessati ma jinżammux milli jippreżentaw offerti mingħajr raġunijiet validi.

(28)  Dan ikun ukoll il-każ meta akkwirenti pubbliċi jakkwistaw soluzzjonijiet innovattivi li jirriżultaw minn akkwist pubbliku preċedenti ta’ RŻ, jew minn prodotti u servizzi mhux ta’ RŻ li jridu jkunu ta’ livell ta’ prestazzjoni li jkun jeħtieġ innovazzjoni ta’ prodott, ta’ proċess jew organizzazzjonali.

(29)  Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jkopru kemm l-iżvilupp kif ukoll l-akkwist sussegwenti ta’ prodotti jew servizzi uniċi jew speċjalizzati.

(30)  Ara pereżempju l-Kawża C-156/98 Il-Ġermanja v il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-6857, paragrafu 78 u l-Kawża C-333/07 Régie Networks v Rhone Alpes Bourgogne [2008] Ġabra I-10807, paragrafi 94-116.

(31)  Ara l-Kawża C-225/91 Matra vs il-Kummissjoni [1993] Ġabra I-3203, paragrafu 42.

(32)  Il-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà stipulati f’Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija jibqgħu applikabbli bis-sħiħ għal-każijiet l-oħrajn kollha ta’ għajnuna individwali, fosthom meta din l-għajnuna tingħata abbażi ta’ skema ta’ għajnuna li hija soġġetta għall-obbligu ta’ notifika.

(33)  Il-Kawżi Konġunti minn C-630/11 P sa C-633/11 P HGA u oħrajn v. il-Kummissjoni (għadhom mhux pubblikati).

(34)  Jekk l-applikazzjoni għall-għajnuna tkun għal proġett ta’ RŻI, dan ma jeskludix li l-benefiċjarju potenzjali jkun diġà wettaq studji ta’ fattibilità li ma humiex koperti mit-talba għall-għajnuna.

(35)  Fil-każ ta’ għajnuna għal proġetti jew attivitajiet li jitwettqu f’fażijiet suċċessivi li jistgħu jkunu soġġetti għal proċeduri tal-għoti ta’ għajnuna separati, ifisser li l-ħidma ma tistax tibda qabel l-ewwel applikazzjoni għal għanjuna. Fil-każ ta’ għajnuna mogħtija skont skema ta’ għajnuna fiskali awtomatika, din l-iskema trid tkun ġiet adottata u daħlet fis-seħħ qabel jibda kwalunkwe xogħol fuq il-proġett megħjun.

(36)  Anki jekk dan jista’ ma jkunx possibbli ex ante għal miżuri ta’ għajnuna li jkun kif għadhom ġew introdotti, l-Istati Membri jkunu mistennija jipprovdu studji ta’ evalwazzjoni dwar l-effett ta’ inċentiv tal-iskemi ta’ għajnuna fiskali tagħhom (b’hekk metodoloġiji ppjanati jew maħsuba għall-evalwazzjonijiet ex post għandhom normalment ikunu parti mit-tfassil ta’ tali miżuri). Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe studju ta’ evalwazzjoni, l-effett ta’ inċentiv tal-iskemi ta’ għajnuna fiskali jista’ jiġi preżunta biss għal miżuri inkrementali.

(37)  Il-valur nett attwali ta’ proġett huwa d-differenza bejn flussi ta’ flus pożittivi u negattivi matul il-ħajja tal-investiment, skontat għall-valur attwali tagħhom (bl-użu l-ispiża tal-kapital).

(38)  L-IRR mhijiex ibbażata fuq qligħ kontabbilizzat f’sena partikolari, imma tqis il-fluss tal-flussi ta’ flus futuri li l-investitur jistenna li jirċievi matul il-ħajja kollha tal-investiment. Hija definita bħala r-rata ta’ skont li għaliha l-NPV tal-fluss ta’ flussi ta’ flus ikun żero.

(39)  Din il-kwalifika mhux bilfors trid issegwi approċċ kronoloġiku, li jimxi b’sekwenza maż-żmien, mir-riċerka fundamentali għall-attivitajiet li huma eqreb għas-suq. Għaldaqstant, xejn ma jżomm lill-Kummissjoni milli tikklassifika kompitu li jitwettaq fi stadju aktar tard ta’ proġett bħala riċerka industrijali, waqt li ssib li attività mwettqa fi stadju aktar bikri tikkostitwixxi żvilupp sperimentali jew li ma għandha x’taqsam xejn mar-riċerka.

(40)  “The Measurement of Scientific and Technological Activities, Proposed Standard Practice for Surveys on Research and Experimental Development”, Manwal Frascati, OECD, 2002, kif emendat jew mibdul. Għal skopijiet prattiċi, u sakemm ma jintweriex li għandha tintuża skala differenti f’każijiet individwali, il-kategoriji differenti ta’ RŻ jistgħu wkoll jitqiesu li jikkorrispondu għal-Livelli nru 1 ta’ Preparazzjoni tat-Teknoloġija (riċerka fundamentali), 2-4 (riċerka industrijali) u 5-8 (żvilupp sperimentali)– ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ – Pont għat-tkabbir u l-impjiegi”, COM(2012) 341 final, 26.6.2012.

(41)  Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agrikolu u tas-sajd, kif stipulat f’Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

(42)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(43)  Għall-kuntrarju, meta miżura ta’ għajnuna fiskali tiddistingwi bejn kategoriji differenti ta’ RŻ, l-intensitajiet ta’ għajnuna rilevanti ma għandhomx jinqabżu.

(44)  Fil-każ partikolari meta l-għajnuna sempliċement tippermetti li l-proġett jitlesta qabel, il-paragun għandu jirrifletti l-aktar il-kronoloġiji differenti f’termini ta’ flussi ta’ flus u dħul fis-suq tard.

(45)  Ara l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 (ĠU L 204, 31.7.2013, p. 15).

(46)  Bl-eċċezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra f’każijiet ġustifikati kif dovut u soġġett għall-qbil tal-Kummissjoni (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1.12.2003 dwar is-sigriet professjonali fid-deċiżjonijiet tal-għajnuna mill-istat, C(2003) 4582 (ĠU C 297, 9.12.2003, p. 6)). Għall-miżuri fiskali, l-informazzjoni dwar l-ammonti ta’ għajnuna individwali tista’ tingħata fil-firxiet li ġejjin (f’EUR miljuni): [0,5-1]; [1-2]; [2-5]; [5-10]; [10-30]; [30 jew aktar].

(47)  Fil-każ ta’ għajnuna illegali, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jiżguraw pubblikazzjoni ex post tal-istess informazzjoni, tal-anqas sitt xhur wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Din l-informazzjoni tkun disponnibbli f’format li jippermetti li d-dejta titfittex, tiġi estratta u faċilment ippubblikata fuq l-Internet, pereżempju f’format CSV jew XML.

(48)  Ara l-Komunikazzjoni separata mill-Kummissjoni dwar gwida metodoloġika komuni dwar l-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-istat.

(49)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(50)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS I

Spejjeż eliġibbli

Għajnuna għal proġetti ta’ R&Ż

(a)

L-ispejjeż għall-persunal: riċerkaturi, tekniċi u persunal ieħor ta’ sostenn sal-punt li jkunu impjegati għall-proġett.

(b)

Spejjeż tal-istrumenti u t-tagħmir sal-punt u għall-perjodu użati għall-proġett. Jekk dawn l-istrumenti u t-tagħmir ma jintużawx tul ħajjithom kollha fil-proġett, jitqiesu eliġibbli biss l-ispejjeż ta’ deprezzament li jikkorrispondu sakemm idum il-proġett, kif ikkalkulati abbażi ta’ prassi tajba tal-kontabbiltà.

(c)

Spejjeż tal-bini u l-art, sal-punt u għall-perjodu użati għall-proġett. Fir-rigward tal-bini, jitqiesu eliġibbli biss l-ispejjeż ta’ deprezzament li jikkorrispondu sakemm idum il-proġett, kif ikkalkulati abbażi ta’ prassi tajba tal-kontabbiltà. Għall-artijiet, huma eliġibbli l-ispejjeż tat-trasferiment kummerċjali jew l-ispejjeż tal-kapital realment imġarrba.

(d)

L-ispejjeż tar-riċerka kuntrattwali, l-għarfien u l-privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi barranin b’kundizzjonijiet tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż tal-konsulenzi u s-servizzi ekwivalenti użati esklussivament għall-proġett.

(e)

Spejjeż ġenerali addizzjonali mġarrba direttament bħala riżultat tal-proġett.

(f)

Spejjeż operatorji oħra, li jinkludu spejjeż ta’ materjali, provvisti u prodotti simili mġarrba direttament bħala riżultat tal-proġett.

Għajnuna għal studji ta’ fattibbiltà

Spejjeż tal-istudju.

Għajnuna għall-kostruzzjoni u t-titjib ta’ infrastrutturi ta’ riċerka

Spejjeż tal-investiment f’assi tanġibbli u intanġibbli.

Għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs

(a)

L-ispejjeż għall-kisba, il-validazzjoni u d-difiża ta’ privattivi u assi intanġibbli oħrajn.

(b)

Spejjeż għall-issekondar ta’ persunal bi kwalifiki għolja minn organizzazzjoni ta’ riċerka u ta’ tixrid tal-għarfien jew intrapriża kbira, li jaħdmu fuq l-attivitajiet tar-R&Ż&I biex ikopru funzjoni ġdida li għadha kif inħolqot fi ħdan il-benefiċjarju u li ma jiħdux post persunal ieħor.

(c)

Spejjeż għal servizzi ta’ konsulenza dwar l-innovazzjoni u servizzi ta’ sostenn.

Għajnuna għall-innovazzjoni organizzazzjonali u tal-proċess

Spejjeż tal-persunal; spejjeż tal-istrumenti, it-tagħmir, il-bini u l-art sal-punt u għall-perjodu użat għall-proġett; spejjeż tar-riċerka kuntrattwali, għarfien u privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi barranin b’kundizjonijiet tas-suq; l-ispejjeż ġenerali addizzjonali u operazzjonali oħrajn, li jinkludu l-ispejjeż ta’ materjali, provvisti u prodotti simili, imġarrba direttament bħala riżultat tal-proġett.

Għajnuna għar-ragruppamenti tal-innovazzjoni.

Għajnuna għall-investiment

Spejjeż ta’ investiment f’assi tanġibbli u intanġibbli.

Għajnuna operatorja

Spejjeż tal-persunal u amministrattivi (inklużi spejjeż ġenerali) marbuta ma’:

(a)

l-animazzjoni tar-ragruppament biex tkun iffaċilitata l-kollaborazzjoni, il-qsim tal-informazzjoni u l-forniment jew is-servizzi ta’ sostenn kummerċjali speċjalizzati u personalizzati jingħataw direzzjoni;

(b)

kummerċjalizzazzjoni tar-ragruppament biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ intrapriżi jew organizzazzjonijiet ġodda u biex tiżdied il-viżibilità;

(c)

il-ġestjoni tal-faċilitajiet tar-ragruppament; kif ukoll

(d)

l-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ, workshops u konferenzi b’sostenn għall-kondiviżjoni tal-għarfien u n-netwerking u l-kooperazzjoni transnazzjonali.


ANNESS II

Intensitajiet massimi tal-għajnuna

 

Intrapriża żgħira

Intrapriża ta’ daqs medju

Intrapriża kbira

Għajnuna għal proġetti ta’ R&Ż

Riċerka fundamentali

100 %

100 %

100 %

Riċerka industrijali

70 %

60 %

50 %

soġġetti għal kollaborazzjoni effettiva bejn l-intrapriżi (għall-intrapriżi kbar, transfruntieri jew li jinvolvu tal-inqas SME waħda) jew bejn intrapriża u organizzazzjoni ta’ riċerka; jew

soġġetti għal tixrid wiesgħa tar-riżultati

80 %

75 %

65 %

Żvilupp sperimentali

45 %

35 %

25 %

soġġetti għal kollaborazzjoni effettiva bejn l-intrapriżi (għall-intrapriżi kbar, transfruntieri jew li jinvolvu tal-inqas SME waħda) jew bejn intrapriża u organizzazzjoni ta’ riċerka; jew

soġġetti għal tixrid wiesgħa tar-riżultati

60 %

50 %

40 %

Għajnuna għal studji ta’ fattibbiltà

70 %

60 %

50 %

Għajnuna għall-kostruzzjoni u t-titjib ta’ infrastrutturi ta’ riċerka

50 %

50 %

50 %

Għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs

50 %

50 %

-

Għajnuna għall-innovazzjoni organizzazzjonali u tal-proċess

50 %

50 %

15 %

Għajnuna għar-ragruppamenti tal-innovazzjoni.

Għajnuna għall-investiment

50 %

50 %

50 %

f’reġjuni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat

55 %

55 %

55 %

f’reġjuni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat

65 %

65 %

65 %

Għajnuna operatorja

50 %

50 %

50 %