26.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 66/1 |
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030)
(2021/C 66/01)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
FILWAQT LI JFAKKAR
— |
fl-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' Barċellona ta' Marzu 2002 tal-programm ta' ħidma "Edukazzjoni u Taħriġ 2010" ("ET 2010"), l-istabbiliment ta' ċiklu ġdid permezz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("Edukazzjoni u Taħriġ 2020" – "ET 2020") u l-valutazzjoni li saret permezz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020") – li flimkien jistabbilixxu u taw kontinwità għal qafas solidu fil-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, abbażi ta' objettivi komuni, bil-għan li primarjament jiġi appoġġat it-titjib ta' sistemi nazzjonali ta' edukazzjoni u taħriġ permezz tal-iżvilupp ta' għodod komplementari fil-livell tal-UE, tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prassi permezz tal-użu tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, |
— |
l-isfond politiku ta' din il-kwistjoni kif jidher fl-Anness I, |
u JIRRIKONOXXI
— |
li fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma ta' Marzu 2017, il-mexxejja tal-UE wegħdu li jaħdmu favur Unjoni li fiha ż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu, |
— |
li l-mexxejja tal-UE pproklamaw b'mod konġunt, fis-Summit Soċjali tal-2017 ta' Gothenburg, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jistabbilixxi d-dritt għal edukazzjoni u taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi għal kulħadd bħala l-ewwel prinċipju tiegħu, id-dritt għal assistenza f'waqtha u mfassla apposta biex jittejbu l-impjiegi jew il-prospetti ta' impjieg indipendenti, li jinkludi taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid, bħala r-raba' prinċipju tiegħu, kif ukoll id-dritt tat-tfal għal edukazzjoni bikrija tat-tfal kura affordabbli u ta' kwalità tajba, u d-dritt tat-tfal minn ambjenti żvantaġġati għal miżuri speċifiċi biex jissaħħu l-opportunitajiet indaqs bħala l-ħdax-il prinċipju tiegħu, |
— |
li l-edukazzjoni ġiet individwata fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 bħala element ewlieni għall-bini ta' soċjetajiet inklużivi u koeżivi u għas-sostenn tal-kompetittività Ewropea, filwaqt li l-edukazzjoni u t-taħriġ tqiegħdu fil-qalba tal-aġenda politika Ewropea għall-ewwel darba, |
— |
il-progress miksub taħt il-programm ta' ħidma ET 2010 u l-qafas ET 2020, speċjalment b'appoġġ għar-riformi nazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi li għad fadal sfidi sostanzjali jekk l-Ewropa trid tikseb l-ambizzjonijiet stabbiliti fil-proklamazzjonijiet imsemmija hawn fuq, |
— |
li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, bdiet azzjonijiet biex tikseb din il-viżjoni għall-futur tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-istabbiliment ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (1), mill-2018 'il quddiem, li għaliha l-Kunsill wieġeb permezz tal-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-mixja lejn viżjoni ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġu appoġġati sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ orjentati lejn il-futur, |
— |
il-ħidma żviluppata taħt il-Proċess ta' Bolonja, imsaħħa permezz tal-Komunikat Ministerjali ta' Ruma ta' Novembru 2020, kif ukoll taħt il-Proċess ta' Copenhagen, li dan l-aħħar ukoll issaħħaħ bid-Dikjarazzjoni ta' Osnabrück ta' Novembru 2020, |
— |
li l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021 tenfasizza l-importanza li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u edukazzjoni inklużiva, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi żvantaġġati u l-investiment fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet, |
JENFASIZZA li:
— |
L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol vitali x'jaqdu fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa, fi żmien meta huwa imperattiv li s-soċjetà u l-ekonomija tagħha jsiru aktar koeżivi, inklużivi, diġitali, sostenibbli, ekoloġiċi u reżiljenti, u għaċ-ċittadini biex isibu sodisfazzjon u benesseri personali, biex ikunu lesti jadattaw u jaħdmu f'suq tax-xogħol li qed jinbidel u biex jinvolvu ruħhom f'ċittadinanza attiva u responsabbli. |
— |
Il-pandemija tal-COVID-19 poġġiet pressjoni mingħajr preċedent fuq is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ u wasslet għal bidla mifruxa lejn it-tagħlim u l-apprendiment mill-bogħod u dak imħallat. Din il-bidla ġabet magħha sfidi u opportunitajiet differenti għas-sistemi u l-komunitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, għax kixfet l-impatt tad-distakk diġitali u d-differenzi fil-konnettività fl-Istati Membri, kif ukoll l-inugwaljanzi fost gruppi differenti ta' ġid u l-ambjenti urbani u rurali, filwaqt li enfasizzat ukoll il-potenzjal tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-bini tar-reżiljenza u t-trawwim ta' tkabbir sostenibbli u inklużiv. |
— |
Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ser tippermetti lill-istudenti jkomplu l-istudji tagħhom fi stadji differenti tal-ħajja u jfittxu impjieg madwar l-UE, u l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jikkooperaw, sabiex l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja, innovattivi u inklużivi, li jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku u l-opportunitajiet ta' impjieg ta' kwalità għolja, kif ukoll l-iżvilupp personali, soċjali u kulturali, isiru realtà fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha madwar l-UE. |
— |
Barra minn hekk, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ser tkun qasam fejn l-istudenti u l-persunal mill-qasam tal-edukazzjoni jistgħu jikkooperaw u jikkomunikaw faċilment bejn id-dixxiplini, il-kulturi u l-fruntieri, u fejn il-kwalifiki u l-eżiti tat-tagħlim minn perijodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż jiġu rikonoxxuti awtomatikament (2). |
JIRRIKONOXXI li:
— |
Il-qafas strateġiku preċedenti għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) għen fil-promozzjoni tat-tagħlim reċiproku fl-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta' objettivi strateġiċi komuni, għodod u approċċi ta' referenza komuni, evidenza u data mill-aġenziji Ewropej u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha u l-iskambju ta' prattiki tajbin u tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri tal-UE u partijiet ikkonċernati oħra u appoġġa l-implimentazzjoni ta' riformi nazzjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ. |
— |
Qafas strateġiku aġġornat ta' kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ – filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-diversità tas-sistemi edukattivi nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll jibni fuq il-kisbiet ta' oqfsa preċedenti – ser itejjeb din il-kooperazzjoni f'oqsma bħall-koordinazzjoni msaħħa, inkluż fil-livell politiku, sinerġiji akbar bejn politiki differenti li jikkontribwixxu għat-tkabbir soċjali u ekonomiku u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u komunikazzjoni u disseminazzjoni msaħħa tar-riżultati, fi ħdan perspettiva aktar innovattiva u orjentata lejn il-futur ta' appoġġ għal riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ. |
— |
Il-kriżi tal-COVID-19 uriet li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu flessibbli u reżistenti biżżejjed għal interruzzjonijiet fiċ-ċikli regolari tagħhom, u wriet li l-pajjiżi tal-UE għandhom il-kapaċità li jsibu soluzzjonijiet biex ikomplu bil-proċessi tat-tagħlim u tal-apprendiment b’modi u f’kuntesti differenti, u biex jiżguraw li l-istudenti kollha, irrispettivament mill-ambjent soċjoekonomiku jew mill-ħtiġijiet tat-tagħlim tagħhom, ikomplu jitgħallmu. L-istess japplika għall-qafas tal-kooperazzjoni Ewropea, li għandu jibqa' flessibbli biżżejjed biex jirreaġixxi għall-isfidi kemm attwali kif ukoll futuri, inkluż fil-kuntest taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. |
JILQA' u JIEĦU NOTA SEW TA'
l-elementi ewlenin u, b'mod partikolari, tal-viżjoni stabbilita fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni" tat-30 ta' Settembru 2020 (3), li tiddeskrivi kif il-kooperazzjoni Ewropea tista' tkompli tarrikkixxi l-kwalità, l-inklużività u d-dimensjoni diġitali u ekoloġika tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE. Din il-komunikazzjoni tipproponi qafas li jiffaċilita l-kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-involviment mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż struttura ta' rappurtar u analiżi, bi proposti mmirati għall-edukazzjoni biex jinkoraġġixxu u jsegwu r-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex tinkiseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025.
u JILQA' WKOLL
— |
l-elementi ewlenin tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza" ta' Lulju 2020 (4). |
— |
l-elementi ewlenin tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 - Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali" ta' Settembru 2020 (5). |
JAQBEL li:
1. |
Sal-2030, il-kisba u l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ser ikunu l-objettiv politiku ġenerali tal-qafas strateġiku l-ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li jinfirex fil-prijoritajiet strateġiċi u l-oqsma ta' prijorità kollha, kif stabbilit f'din ir-Riżoluzzjoni, b'kont meħud li l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ser ikun l-għodda ewlenija biex tiġi appoġġata u implimentata ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li tikkontribwixxi għall-kisba b'suċċess tagħha u l-iżvilupp ulterjuri ambizzjuż tagħha (6), permezz tal-inizjattivi u viżjoni komuni tagħha, fi spirtu ta' kokreazzjoni. |
2. |
Filwaqt li jsir progress lejn il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, l-għan ewlieni tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jkun li jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri li għandhom l-għan li jiżguraw:
|
3. |
Il-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu sal-2030 għandha tiġi stabbilita fil-kuntest ta' qafas strateġiku li jkopri s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala ħaġa sħiħa, f'perspettiva ta' tagħlim inklużiva, olistika u tul il-ħajja. Dan għandu jiġi enfasizzat bħala l-prinċipju bażiku li jirfed il-qafas kollu, li għandu l-għan li jkopri t-tagħlim, it-taħriġ u l-apprendiment fil-kuntesti u l-livelli kollha — kemm jekk formali, mhux formali jew informali — mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sat-tagħlim għall-adulti, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u l-edukazzjoni għolja, kif ukoll f'ambjenti diġitali. Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tikkontribwixxi wkoll għall-prijoritajiet rilevanti tas-Semestru Ewropew. |
4. |
Il-ħidma żviluppata taħt dan il-qafas il-ġdid jenħtieġ li tikkontribwixxi għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, f'konformità mal-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" ta' Diċembru 2019 (7), kif ukoll l-elementi ewlenin stabbiliti fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa" ta' Frar 2020 (8). |
5. |
Dawn l-għanijiet għandhom jitqiesu wkoll f'perspettiva globali, meta wieħed iqis li l-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ gradwalment saret strument importanti għall-implimentazzjoni tal-politiki esterni tal-UE, abbażi tal-valuri, il-fiduċja u l-awtonomija Ewropej. Dan ser jgħin biex l-UE ssir destinazzjoni u sieħeb saħansitra aktar attraenti, kemm fit-tellieqa globali għat-talent kif ukoll fil-promozzjoni ta' sħubiji strateġiċi ma' sħab internazzjonali li jipprovdu edukazzjoni inklużiva ta' kwalità għal kulħadd, fil-kuntesti u l-livelli kollha ta' edukazzjoni. Bħala tali, il-kooperazzjoni hija dimensjoni essenzjali għall-kisba tal-prijoritajiet ġeopolitiċi tal-Unjoni, kif ukoll l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU għall-2030, kemm globalment kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri tal-UE. It-trawwim ta' koordinazzjoni akbar fost l-UE u l-Istati Membri ser isaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala sieħeb ewlieni fl-edukazzjoni fil-livell globali u jgħin biex jissaħħu r-rabtiet bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-bqija tad-dinja. |
6. |
Investiment effettiv u effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa prerekwiżit għat-tisħiħ tal-kwalità u l-inklużività tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u għat-titjib tal-eżiti tal-edukazzjoni, kif ukoll biex jiġi xprunat it-tkabbir sostenibbli, jittejjeb il-benesseri u tinbena soċjetà aktar inklużiva. Waqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ħidma intensifikata fuq l-investiment għandha l-potenzjal li tgħin l-irkupru mill-kriżi attwali u tikkontribwixxi għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ. |
7. |
Il-monitoraġġ perjodiku tal-progress lejn l-objettivi stabbiliti permezz ta' ġbir sistematiku u ta' analiżi ta' data komparabbli internazzjonalment jipprovdi kontribut essenzjali lejn it-tfassil ta' politika mnebbaħ mill-evidenza. Il-prijoritajiet strateġiċi msemmija hawn taħt għandhom għalhekk jiġu akkumpanjati matul il-perijodu 2021-2030 minn indikaturi u minn miri fil-livell tal-UE, kif imniżżlin fl-Anness II għal din ir-Riżoluzzjoni. Filwaqt li jibnu fuq ir-riżultati miksuba matul l-aħħar ċiklu ta' kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, dawn ser jgħinu biex jitkejjel il-progress ġenerali li sar fil-livell Ewropew, u biex jintwera dak li nkiseb, kif ukoll biex jitrawmu u jiġu appoġġati l-iżvilupp u r-riformi tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. |
8. |
B'mod speċifiku, matul id-deċennju li jmiss, il-qafas strateġiku ser jindirizza l-ħames prijoritajiet strateġiċi li ġejjin: |
– Prijorità strateġika 1: It-titjib tal-kwalità, l-ekwità, l-inklużjoni u s-suċċess għal kulħadd fl-edukazzjoni u t-taħriġ
Biex jirnexxu fid-dinja tal-lum, u biex ilaħħqu mat-trasformazzjonijiet futuri fis-soċjetà, l-ekonomija u s-suq tax-xogħol, l-individwi kollha għandhom ikunu mgħammra bl-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-attitudnijiet xierqa. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma kruċjali għall-iżvilupp personali, ċiviku u professjonali taċ-ċittadini Ewropej.
Fil-livell tal-UE, il-viżjoni għall-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ tagħmel il-ħakma tal-kompetenzi ewlenin, inkluż il-ħiliet bażiċi, bażijiet fundamentali għas-suċċess futur (9), bl-appoġġ ta' għalliema u ħarrieġa bi kwalifiki għolja u motivati, kif ukoll persunal ieħor mill-qasam tal-edukazzjoni.
It-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, li jesponi liż-żgħażagħ u lill-adulti għal tnaqqis fl-opportunitajiet soċjoekonomiċi, għalkemm naqas f'dawn l-aħħar għaxar snin, jibqa' sfida, b'mod partikolari meta wieħed jaħseb dwar il-konsegwenzi mistennija tal-pandemija tal-COVID-19. L-isforzi għandhom ikomplu biex inaqqsu r-rata ta' tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ u bil-għan li aktar żgħażagħ jiksbu kwalifika ta' edukazzjoni sekondarja għolja.
Is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ kienu kapaċi jtejbu l-prestazzjoni tagħhom f'dawn l-oqsma, iżda għad hemm il-ħtieġa li jiġu identifikati miżuri politiċi li jistgħu jagħtu spinta lis-suċċess edukattiv għall-istudenti kollha.
Billi jiżguraw edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u inklużivi għal kulħadd, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali, ekonomiċi u kulturali. Madankollu, madwar l-Ewropa, studenti minn ambjenti żvantaġġati, inkluż minn żoni rurali u remoti, huma rrappreżentati żżejjed fost dawk li ma jiksbux biżżejjed riżultati u l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat b'mod aktar qawwi l-importanza tal-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ.
Sabiex jiġu żgurati edukazzjoni verament inklużiva u opportunitajiet indaqs għall-istudenti kollha fil-livelli u t-tipi kollha ta' edukazzjoni u taħriġ, ir-riżultati u l-kisbiet akkademiċi jenħtieġ li jkunu mifruda mill-istatus soċjali, ekonomiku u kulturali, jew minn ċirkostanzi personali oħra.
Edukazzjoni u kura bikrija ta' kwalità għat-tfal għandhom rwol partikolarment importanti, u għandhom jissaħħu aktar bħala bażi għas-suċċess edukattiv fil-futur.
L-azzjonijiet l-oħra kollha lejn inklużjoni usa' għandhom jiġu mħeġġa, bħal pereżempju l-appoġġ għall-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità inklużiva għall-persuni b'diżabbiltà (10), persuni bi ħtiġijiet ta' tagħlim speċifiċi, studenti li ġejjin minn ambjenti ta' migrazzjoni u gruppi vulnerabbli oħra, l-appoġġ għad-dħul mill-ġdid fl-edukazzjoni f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja u l-għoti ta' opportunitajiet għad-dħul fis-suq tax-xogħol permezz ta' perkorsi differenti ta' edukazzjoni u taħriġ.
L-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi jinvolvu wkoll l-iżvilupp ta' sensittività tal-ġeneru fil-proċessi tat-tagħlim u fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-isfidar u l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tal-ġeneru, speċjalment dawk li jillimitaw l-għażliet tas-subien u l-bniet għall-qasam ta' studju tagħhom. Il-professjonijiet li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel jew min-nisa għandhom jiġu promossi iktar għal persuni tas-sess li mhuwiex irrappreżentat biżżejjed. Hemm bżonn ukoll ta' aktar ħidma lejn bilanċ xieraq bejn il-ġeneri f'pożizzjonijiet ta' tmexxija fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
It-teknoloġiji diġitali għandhom rwol importanti biex l-ambjenti tat-tagħlim, il-materjali tat-tagħlim u l-metodi tat-tagħlim isiru adattabbli u adattati għal studenti differenti. Huma jistgħu jippromwovu inklużjoni ġenwina – dment li l-kwistjonijiet ta' distakk diġitali, kemm f'termini ta' infrastruttura kif ukoll ta' ħiliet diġitali, jiġu indirizzati b'mod parallel.
– Prijorità strateġika 2: Li t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà jsiru realtà għal kulħadd
L-isfidi soċjetali, teknoloġiċi, diġitali, ambjentali u ekonomiċi qed jaffettwaw dejjem aktar il-mod kif ngħixu u naħdmu, inkluż id-distribuzzjoni tal-impjiegi u d-domanda għall-ħiliet u l-kompetenzi. L-għadd kbir ta' tranżizzjonijiet fil-karriera li ċ-ċittadin Ewropew medju huwa mistenni li jgħaddi minnu, flimkien maż-żieda fl-età tal-irtirar, jagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja u l-gwida tal-karriera tul il-ħajja, inkluż b'attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, essenzjali għal tranżizzjoni ġusta, peress li l-livelli tal-edukazzjoni u tal-ħiliet, inkluż il-ħiliet diġitali, għadhom fattur fundamentali fis-suq tax-xogħol.
It-tagħlim tul il-ħajja huwa mifrux fil-viżjoni u l-objettivi ġenerali għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE u jinkludi l-livelli u t-tipi kollha ta' edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll it-tagħlim mhux formali u informali, b'mod olistiku.
Għadu meħtieġ aktar progress fl-għoti ta' tagħlim ta' kwalità tul il-ħajja għall-istudenti kollha, inkluż permezz tal-iżgurar tal-permeabbiltà u l-flessibbiltà bejn mogħdijiet differenti ta' tagħlim f'diversi forom u livelli ta' edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.
Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom isiru aktar flessibbli, reżiljenti, validi għall-futur u attraenti, filwaqt li jilħqu korp ta' studenti aktar varjat u joffru rikonoxximent u validazzjoni ta' tagħlim preċedenti, opportunitajiet ta' taħriġ għat-titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, inkluż f'livelli ta' kwalifiki ogħla u matul il-ħajja tax-xogħol (11), appoġġati minn inizjattivi bħall-Universitajiet Ewropej u ċ-Ċentri ta' eċċellenza vokazzjonali, li tnedew permezz tal-programm Erasmus+.
Bħalissa qed naraw żieda fil-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol għal taħlita differenti ta' ħiliet u kwalifiki, kif ukoll bidliet strutturali fix-xenarju tal-VET. Iż-żewġ żviluppi jindikaw il-ħtieġa għal VET modernizzati, effettivi, inklużivi u eċċellenti li jkollhom impatt fuq l-indirizzar tal-isfidi fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. Jeħtieġ li l-VET ikomplu jiġu żviluppati bħala perkors attraenti u ta' kwalità għall-impjiegi u għall-ħajja.
Il-parteċipazzjoni medja tal-adulti fit-tagħlim fl-UE għadha baxxa, u dan ipoġġi f'riskju tkabbir ekonomiku verament sostenibbli u ġust fl-Unjoni. L-innovazzjonijiet fil-perkorsi tat-tagħlim, approċċi edukattivi ġodda, inkluż approċċi individwali, u fl-ambjenti tat-tagħlim fl-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll f'ambjenti tax-xogħol u tal-komunità, huma prekondizzjoni biex jiġu akkomodati aħjar il-ħtiġijiet ta' firxa usa' ta' studenti, peress li għadd dejjem jikber ta' adulti ser jeħtieġu taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet.
Barra minn hekk, għandhom jissaħħu l-miżuri biex l-adulti jkunu jistgħu jiksbu ħiliet bażiċi u jiġu motivati jagħmlu dan, sabiex ikunu jistgħu jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs u tkun tista' tiġi żgurata parteċipazzjoni soċjali akbar, biex b'hekk ikun possibbli approċċ olistiku għat-tagħlim għall-adulti.
Bħala element essenzjali tat-tagħlim tul il-ħajja u mezz importanti għat-tisħiħ tal-iżvilupp personali, l-impjegabbiltà u l-adattabbiltà, il-mobbiltà għall-istudenti, l-għalliema, u l-ħarrieġa tal-għalliema u l-persunal għandha tkompli tespandi bħala element ewlieni tal-kooperazzjoni tal-UE u għodda biex issaħħaħ il-kwalità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ u tippromwovi l-multilingwiżmu fl-UE. Huwa importanti li jsir sforz għal bilanċ fil-flussi tal-mobbiltà sabiex tiġi stimulata l-aħjar ċirkolazzjoni tal-imħuħ u li din isir monitoraġġ tagħha, inkluż bl-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati.
Għandhom isiru aktar sforzi biex jitneħħew l-ostakli u l-barrieri eżistenti għat-tipi kollha ta' mobbiltà fir-rigward tat-tagħlim u l-apprendiment, inkluż kwistjonijiet relatati mal-aċċess, il-gwida, is-servizzi għall-istudenti u r-rikonoxximent, kif ukoll fid-dawl tal-impatt ta' kwalunkwe restrizzjoni attwali jew futura fuq l-ivvjaġġar.
Barra minn hekk, biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u titrawwem il-mobbiltà, għad hemm xogħol xi jsir f'oqsma bħar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki u l-perijodi ta' studju barra mill-pajjiż u l-assigurazzjoni tal-kwalità. Jeħtieġ jitkomplew l-isforzi biex jintużaw l-inizjattivi Ewropej għall-faċilitazzjoni tal-mobbiltà, inkluż dawk iffinanzjati taħt Erasmus+.
– Prijorità strateġika 3: Jittejbu l-kompetenzi u l-motivazzjoni fil-professjoni tal-edukazzjoni
L-għalliema, il-ħarrieġa, il-persunal edukattiv u pedagoġiku u l-mexxejja fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-livelli kollha, huma fil-qalba tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Biex jappoġġaw l-innovazzjoni, l-inklużjoni, il-kwalità u l-kisba fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-edukaturi għandhom ikunu kompetenti u motivati ħafna, u dan jeħtieġ firxa ta' opportunitajiet ta' tagħlim professjonali u appoġġ matul il-karrieri tagħhom.
Aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li tingħata attenzjoni għall-benesseri tal-għalliema, ta' min iħarreġ u tal-persunal edukattiv fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li huwa fattur importanti wkoll għall-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ, peress li jaffettwa mhux biss is-sodisfazzjon tal-għalliema iżda wkoll il-kwalità tat-tagħlim.
Hemm ukoll il-ħtieġa li tiżdied l-attrazzjoni tal-professjoni tat-tagħlim u li din tiġi rivalorizzata, li qed issir dejjem aktar importanti hekk kif il-pajjiżi tal-UE qed jiffaċċjaw nuqqasijiet ta' għalliema u t-tixjiħ tal-għalliema (12).
Barra minn hekk, ir-rwol ċentrali tat-tmexxija fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jitqies meta jiġu żviluppati ambjenti u kondizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tal-kompetenzi u l-motivazzjoni tal-għalliema, il-ħarrieġa u l-persunal edukattiv, biex b'hekk jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ joperaw bħala organizzazzjonijiet tat-tagħlim. Inizjattivi bħall-Akkademji tal-Għalliema Ewropej, li ser jiġu mnedija permezz tal-programm Erasmus+, ser jiffaċilitaw in-networking, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-mobbiltà fost l-istituzzjonijiet li jipprovdu lill-għalliema u l-ħarrieġa opportunitajiet ta' tagħlim fil-fażijiet kollha tal-karrieri tal-għalliema u l-ħarrieġa, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u pedagoġiji innovattivi, u b'hekk jippermettu t-tagħlim reċiproku fuq skala Ewropea.
– Prijorità strateġika 4: Tissaħħaħ l-edukazzjoni għolja Ewropea
Is-settur tal-edukazzjoni għolja u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja nfushom urew ir-reżiljenza u l-kapaċità tagħhom li jlaħħqu ma' bidliet mhux previsti, bħall-pandemija tal-COVID-19. Il-kriżi saħħet l-isfidi li għad fadal, iżda ħolqot ukoll opportunitajiet għal aktar żvilupp fi ħdan l-aġenda prevista għat-trasformazzjoni tal-edukazzjoni għolja.
Matul l-għaxar snin li ġejjin, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja ser jiġu mħeġġa jsibu forom ġodda ta' kooperazzjoni aktar profonda, b'mod speċifiku billi joħolqu alleanzi tranżnazzjonali, jiġbru flimkien l-għarfien u r-riżorsi tagħhom u jiġġeneraw aktar opportunitajiet għall-mobbiltà u l-parteċipazzjoni tal-istudenti u l-persunal, kif ukoll jagħtu spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz tal-introduzzjoni sħiħa tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej.
Diġà saret ħidma b'suċċess biex tinħoloq Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA), fi ħdan il-proċess ta' Bolonja. Fil-futur ser ikun importanti li titkompla l-ħidma fi ħdan il-proċess ta' Bolonja, filwaqt li jinħolqu aktar sinerġiji u li jkunu aktar b'saħħithom maż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), u jiġu evitati strutturi jew strumenti paralleli jew doppji.
– Prijorità strateġika 5: Jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll permezz tagħhom
It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali huma l-fokus ewlieni tal-aġenda tal-Unjoni għad-deċennju li jmiss. Kemm it-tranżizzjoni lejn ekonomija ambjentalment sostenibbli, ċirkolari u newtrali għall-klima kif ukoll dinja aktar diġitali, ser ikollhom impatti sinifikanti soċjali, ekonomiċi u fuq l-impjiegi. Mingħajr ma jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jiksbu l-għarfien, il-kompetenzi, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa biex ilaħħqu ma' dawn il-bidliet, trasformazzjoni soċjalment ġusta tal-UE ser tkun impossibbli.
Hemm il-ħtieġa li tiġi mħeġġa bidla profonda fl-imġiba u fil-ħiliet tal-individwi, li tibda bis-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala katalizzaturi. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jinkludu d-dimensjonijiet ekoloġiċi u diġitali fl-iżvilupp organizzattiv tagħhom. Dan jirrikjedi investimenti, b'mod speċifiku fl-ekosistemi tal-edukazzjoni diġitali, mhux biss biex tiġi integrata perspettiva ta' sostenibbiltà ambjentali u ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati fil-livelli u t-tipi kollha ta' edukazzjoni u taħriġ, iżda wkoll biex jiġi żgurat li l-infrastrutturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu ppreparati kif xieraq biex jittrattaw u jedukaw għal dawn il-bidliet. L-orjentazzjoni mill-ġdid tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ lejn approċċ ta' skola sħiħa u l-ħolqien ta' ambjenti edukattivi inklużivi, sani u sostenibbli huma kruċjali biex jinkisbu l-bidliet meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Barra minn hekk, in-negozji, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jeħtieġ li jiżviluppaw strateġiji u sjieda kondiviża kif xieraq. F'dan il-kuntest, huwa importanti li jiġu modernizzati l-oqsma ta' studju tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM).
JAQBEL UKOLL li:
1. |
Fl-isforzi għal ħidma fi ħdan il-qafas strateġiku, abbażi tal-prijoritajiet strateġiċi deskritti hawn fuq u sabiex jinkisbu ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri tagħha, għandhom jiġu osservati l-prinċipji li ġejjin fil-perijodu sal-2030:
|
2. |
L-użu b'suċċess tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fi ħdan il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ jiddependi fuq l-impenn politiku tal-Istati Membri u fuq gwida msaħħa mill-Kunsill u metodi ta' ħidma effettivi fil-livell Ewropew, li għandhom ikunu bbażati fuq dan li ġej:
|
3. |
Fl-2025, il-Kummissjoni ser tippubblika rapport sħiħ dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Abbażi ta' din l-evalwazzjoni, il-Kunsill għandu jirrevedi l-qafas strateġiku — inkluż il-miri fil-livell tal-UE, l-istruttura ta' governanza, u l-metodi ta' ħidma — u jagħmel kwalunkwe aġġustament meħtieġ għat-tieni ċiklu, kif xieraq, biex jadatta għar-realtà u l-ħtiġijiet taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni jew kwalunkwe żvilupp maġġuri ieħor fl-Unjoni Ewropea. |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, F'KONFORMITA MAĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI biex:
1. |
Jaħdmu flimkien, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u bl-użu tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni kif imniżżel f'din ir-Riżoluzzjoni, biex tittejjeb il-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-perijodu sal-2030 abbażi tal-ħames prijoritajiet strateġiċi, il-prinċipji u l-metodi ta' ħidma deskritti hawn fuq, u tal-oqsma prijoritarji maqbula għal kull ċiklu (dawk għall-ewwel ċiklu 2021-2025 huma mniżżlin fl-Anness III). |
2. |
Jikkunsidraw, abbażi tal-prijoritajiet nazzjonali u b'rispett debitu għall-kompetenzi nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, miżuri f'livell nazzjonali mmirati lejn il-ksib ta' progress fi ħdan il-prijoritajiet strateġiċi mniżżlin fil-qafas strateġiku u lejn kontribut għall-ksib kollettiv tal-miri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u dawk fil-livell tal-UE identifikati fl-Anness II. Jispiraw ruħhom mit-tagħlim reċiproku fil-livell Ewropew, meta jfasslu politiki nazzjonali dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ. |
3. |
Fejn xieraq, jikkunsidraw kif u sa liema punt jistgħu jikkontribwixxu għall-ksib kollettiv tal-miri fil-livell tal-UE permezz ta' miżuri u azzjonijiet nazzjonali, biex b'hekk jiġu stabbiliti miri nazzjonali f'konformità mal-ispeċifiċitajiet tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u b'kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali, inkluż l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fl-ekonomija u s-soċjetà, u fis-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ innifsu. |
4. |
Jappoġġaw l-istruttura ta' governanza ppreżentata hawn fuq u l-metodi ta' ħidma magħżula, filwaqt li jieħdu s-sjieda tal-proċess. |
5. |
Jagħmlu użu effettiv mill-politiki u l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' miżuri u azzjonijiet nazzjonali biex jinkiseb progress fil-prijoritajiet strateġiċi u l-miri relatati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-irkupru u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. |
JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI, F'KONFORMITÀ MAT-TRATTATI U B'RISPETT SĦIĦ GĦAS-SUSSIDJARJETÀ biex:
1. |
Tappoġġa u taħdem mal-Istati Membri — matul il-perijodu sal-2030 — fil-kooperazzjoni f'dan il-qafas fuq il-bażi tal-ħames prijoritajiet strateġiċi, il-prinċipji u l-metodi ta' ħidma deskritti hawn fuq, u l-miri fil-livell tal-UE u l-oqsma prijoritarji maqbula mniżżlin rispettivament fl-Annessi II u III. |
2. |
Taħdem mal-Istati Membri sa tmiem l-2021, sabiex jintlaħaq qbil dwar struttura ta' governanza xierqa biex tiġi kkoordinata l-ħidma u jitmexxa l-iżvilupp tal-qafas strateġiku, fi ħdan l-objettiv ġenerali li tinkiseb u tiġi żviluppata aktar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, filwaqt li tirrifletti wkoll dwar il-kwistjonijiet li jeħtieġ li jitressqu f'livell ta' diskussjoni politika saħansitra ogħla, mingħajr ma toħloq piżijiet addizzjonali għall-Istati Membri, filwaqt li tiżgura s-sjieda tagħhom tal-proċess. |
3. |
Taħdem mal-Istati Membri u tipprovdi appoġġ speċifiku lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jiġu ffaċilitati t-tagħlim reċiproku, l-analiżi u l-kondiviżjoni ta' prattiki tajbin dwar l-investiment fl-infrastruttura tal-edukazzjoni. |
4. |
Tanalizza, b'mod partikolari permezz tar-rappurtar ta' progress, il-grad sa fejn intlaħqu l-prijoritajiet strateġiċi ta' dan il-qafas fir-rigward tal-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, iżda wkoll fil-qasam tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell nazzjonali. |
5. |
Twettaq ħidma fuq proposti, abbażi tal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta' Riferiment u bl-opinjoni esperta tiegħu, għal indikaturi possibbli jew miri fil-livell tal-UE fl-oqsma tal-inklużjoni u l-ekwità, tal-professjoni tat-tagħlim kif ukoll tas-sostenibbiltà, inkluż l-ekoloġizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. |
6. |
Taħdem mal-Istati Membri biex tanalizza kif ittejjeb il-ġbir u l-analiżi tad-data għall-miri u l-indikaturi eżistenti fil-livell tal-UE, bil-ħsieb li trawwem tfassil ta' politika mnebbaħ mill-evidenza, inkluż bl-għarfien espert tal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta' Riferiment, u tirrapporta lura lill-Kunsill dwar dawn id-diskussjonijiet. |
7. |
Taħdem mal-Istati Membri biex teżamina, wara l-2025, il-miri u l-indikaturi tal-UE li għalihom l-iskedi ta' żmien stabbiliti ma jikkoinċidux mal-perijodu ta' għaxar snin kopert minn dan il-qafas, u tirrapporta lura lill-Kunsill dwar valuri ġodda possibbli għal dawn il-miri u l-indikaturi. |
8. |
Tippreżenta u taġġorna regolarment ħarsa ġenerali sistematika u pjan direzzjonali tal-politiki, l-għodod ta' kooperazzjoni, l-istrumenti ta' finanzjament, l-inizjattivi u s-sejħiet immirati li għaddejjin bħalissa u dawk ippjanati fil-livell tal-Unjoni, li jikkontribwixxu għall-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ. |
9. |
Tippreżenta l-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u b'mod partikolari l-ewwel, ir-raba' u l-ħdax-il prinċipju tiegħu. |
10. |
Tistabbilixxi Pjattaforma taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni bħala portal pubbliku interattiv biex tappoġġa l-aċċess tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għall-informazzjoni, l-azzjonijiet, is-servizzi, l-istrumenti, ir-riżultati, kif ukoll biex tippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambji. |
(1) COM(2017) 673 final.
(2) F'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż (ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1).
(3) COM(2020) 625 final.
(4) COM(2020) 274 final.
(5) COM(2020) 624 final.
(6) Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġu appoġġati sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ orjentati lejn il-futur (ĠU C 389, 18.11.2019, p. 1).
(7) COM(2019) 640 final.
(8) COM(2020) 67 final.
(9) Kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja (ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1).
(10) F'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tat-13 ta' Diċembru 2006.
(11) F'konformità mal-objettivi stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1) u fid-Dikjarazzjoni ta' Osnabrück tat-30 ta' Novembru 2020.
(12) Kif enfasizzat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2020 dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur (ĠU C 193, 9.6.2020, p. 11).
(13) Wara l-adozzjoni u f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-Semestru Ewropew: niżguraw dibattiti infurmati dwar ir-riformi u l-investimenti (ĠU C 64, 27.2.2020, p. 1).
(14) Din il-ħidma tista' tiġi appoġġata fil-livell tekniku.
(15) Fil-livell tekniku, grupp ta' esperti dwar investiment ta' kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ ser jappoġġa dan il-proċess, u jgħin biex tinżamm l-enfasi fuq l-investiment nazzjonali u reġjonali.
ANNESS I
KUNTEST POLITIKU
1. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) (12 ta' Mejju 2009) |
2. |
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti (20 ta' Diċembru 2011) |
3. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (20 ta' Diċembru 2012) |
4. |
Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni (Pariġi, 17 ta' Marzu 2015) |
5. |
Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) – Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (23 u 24 ta' Novembru 2015) |
6. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u l-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola (23-24 ta' Novembru 2015) |
7. |
Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-inklużività soċjoekonomiċi fl-UE permezz tal-edukazzjoni: il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-Semestru Ewropew 2016 (24 ta' Frar 2016) |
8. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (10 ta' Ġunju 2016) |
9. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (19 ta' Diċembru 2016) |
10. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-inklużjoni fid-diversità biex tinkiseb edukazzjoni ta' kwalità għolja għal kulħadd (17 ta' Frar 2017) |
11. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (22 ta' Mejju 2017) |
12. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura: Il-Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f'Gothenburg (17 ta' Novembru 2017) |
13. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati (20 ta' Novembru 2017) |
14. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti (20 ta' Novembru 2017) |
15. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Aġenda mġedda Ewropea għall-edukazzjoni għolja (20 ta' Novembru 2017) |
16. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (14 ta' Diċembru 2017) |
17. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (17 ta' Jannar 2018) |
18. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (15 ta' Marzu 2018) |
19. |
Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas komuni għall-għoti ta' servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) (18 ta' April 2018) |
20. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (22 ta' Mejju 2018) |
21. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea fit-tagħlim (22 ta' Mejju 2018) |
22. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-mixja lejn viżjoni ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (22 ta' Mejju 2018) |
23. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perijodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż (26 ta' Novembru 2018) |
24. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (7 ta' Diċembru 2018) |
25. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill Lejn Unjoni dejjem aktar sostenibbli sal-2030 (9 ta' April 2019) |
26. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi (22 ta' Mejju 2019) |
27. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar sistemi ta' Edukazzjoni u Kura Bikrija ta' Kwalità Għolja tat-Tfal (22 ta' Mejju 2019) |
28. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-futur ta' Ewropa b'diġitalizzazzjoni għolja wara l-2020: "Tingħata spinta lill-kompetittività diġitali u ekonomika mal-Unjoni kollha u lill-koeżjoni diġitali" (7 ta' Ġunju 2019) |
29. |
Kunsill Ewropew: L-Aġenda Strateġika Ġdida 2019-2024 (20 ta' Ġunju 2019) |
30. |
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġu appoġġati sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ orjentati lejn il-futur (8 ta' Novembru 2019) |
31. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol ewlieni tal-politiki ta' tagħlim tul il-ħajja fl-għoti tas-setgħa lis-soċjetajiet biex jindirizzaw it-tranżizzjoni teknoloġika u ekoloġika favur tkabbir inklużiv u sostenibbli (8 ta' Novembru 2019) |
32. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (11 ta' Diċembru 2019) |
33. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - "Ewropa soċjali b'saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti" (14 ta' Jannar 2020) |
34. |
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-Semestru Ewropew: niżguraw dibattiti infurmati dwar ir-riformi u l-investimenti (20 ta' Frar 2020) |
35. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur (25 ta' Mejju 2020) |
36. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 fl-edukazzjoni u t-taħriġ (16 ta' Ġunju 2020) |
37. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Aġenda Ewropea tal-Ħiliet għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza" (1 ta' Lulju 2020) |
38. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni" (30 ta' Settembru 2020) |
39. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (30 ta' Settembru 2020) |
40. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta' Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 – Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali (30 ta' Settembru 2020) |
41. |
Komunikat Ministerjali ta' Ruma (19 ta' Novembru 2020) |
42. |
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (24 ta' Novembru 2020) |
43. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni diġitali fis-soċjetajiet tal-għarfien tal-Ewropa (24 ta' Novembru 2020) |
44. |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 (24 ta' Novembru 2020) |
45. |
Dikjarazzjoni ta' Osnabrück dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala faċilitatur tal-irkupru u ta' tranżizzjonijiet ġusti lejn ekonomiji diġitali u ekoloġiċi (30 ta' Novembru 2020) |
ANNESS II
MIRI FIL-LIVELL TAL-UE - Livelli ta' referenza tal-prestazzjoni medja Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ
Bħala mezz biex jiġi mmonitorjat il-progress u jiġu identifikati l-isfidi, kif ukoll bħala kontribut għat-tfassil ta' politika mnebbaħ mill-evidenza permezz tal-ġbir u l-analiżi sistematika ta' data komparabbli internazzjonalment, serje ta' livelli ta' referenza għall-prestazzjoni medja Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("miri fil-livell tal-UE") għandha tappoġġa l-prijoritajiet strateġiċi mniżżlin fir-Riżoluzzjoni għall-perijodu 2021-2030. Huma għandhom ikunu bbażati biss fuq data komparabbli u affidabbli u jieħdu kont tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri individwali (1). Huma m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala miri konkreti għal pajjiżi individwali li għandhom jintlaħqu sal-2025 jew l-2030. Kif deskritt f'din ir-Riżoluzzjoni, l-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw l-istabbiliment ta' miri nazzjonali ekwivalenti.
Abbażi ta' dan, l-Istati Membri jaqblu dwar is-seba' miri fil-livell tal-UE li ġejjin u li għandhom jintlaħqu:
1. Studenti ta' 15-il sena b'kisbiet baxxi fil-ħiliet bażiċi (2)
Il-porzjon ta' persuni ta' 15-il sena b'kisbiet baxxi fil-qari, il-matematika u x-xjenza għandu jkun anqas minn 15 %, sal-2030.
2. Studenti tat-tmien grad b'kisbiet baxxi fil-ħiliet diġitali (3)
Il-porzjon ta' studenti tat-tmien grad b'kisbiet baxxi fil-litteriżmu tal-kompjuter u tal-informazzjoni għandu jkun anqas minn 15 %, sal-2030.
3. Parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (4)
Mill-anqas 96 % tat-tfal bejn l-età ta' 3 snin u l-età meta t-tfal jibdew l-edukazzjoni primarja obbligatorja għandhom jipparteċipaw fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, sal-2030.
4. Persuni li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ (5)
Il-porzjon ta' persuni li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jkun inqas minn 9 %, sal-2030.
5. Kisba fil-livell terzjarju (6)
Il-porzjon ta' persuni ta' bejn il-25 u l-34 sena li kisbu edukazzjoni terzjarja għandu jkun mill-inqas 45 %, sal-2030.
6. L-esponiment tal-gradwati tal-VET għat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol (7)
Il-porzjon ta' gradwati reċenti mill-VET li jibbenefikaw minn esponiment għal tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol matul l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tagħhom għandu jkun mill-inqas 60 %, sal-2025.
7. Parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim (8)
Mill-inqas 47 % tal-adulti ta' bejn il-25 u l-64 sena għandhom ikunu pparteċipaw fit-tagħlim matul it-12-il xahar ta' qabel, sal-2025.
(1) Dawn il-miri għandhom iqisu il-kuntesti differenti tal-Istati membri u l-fatt li, skont tbassir internazzjonali, jista' jkun hemm bidla fid-data tal-bidu għas-snin 2020 u 2021, minħabba l-impatt serju tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE.
(2) Is-sors tad-data huwa l-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA), kif miġbur u amministrat mill-OECD. Il-mira tkejjel il-porzjon ta' studenti ta' 15-il sena li ma jirnexxielhomx jilħqu l-livell 2 fuq l-iskala PISA għall-qari, il-matematika jew ix-xjenza.
(3) Il-mira hija bbażata fuq l-istħarriġ tal-Litteriżmu fil-Kompjuter u l-Informazzjoni (CIL) mill-Istudju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuter u l-Informazzjoni (ICILS) imwettaq mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Kisbiet Edukattivi (IEA). Il-popolazzjoni fil-mira tal-ICILS tinkludi studenti fit-tmien sena skolastika tagħhom.
(4) Is-sors tad-data huwa l-Eurostat, il-kodiċi tad-data online: [educ_uoe_enra21].
(5) Eurostat, Stħarriġ tal-UE dwar il-Forza tax-Xogħol. Kodiċi tad-data online: [edat_lfse_14] jiġifieri l-porzjon tal-popolazzjoni bejn it-18 u l-24 sena li jkollhom biss edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas u li ma jkunux għadhom involuti fl-edukazzjoni jew it-taħriġ. Din il-mira fil-livell tal-UE ser tkun ikkomplementata minn indikatur ta' akkumpanjament dwar il-kisba tal-livell sekondarju għoli, li jkejjel is-sehem ta' persuni ta' bejn l-20 u l-24 sena b'tal-inqas kwalifika sekondarja għolja permezz ta' data disponibbli mill-Eurostat, Stħarriġ tal-UE dwar il-Forza tax-Xogħol. Kodiċi tad-data online: [edat_lfse_03].
(6) Eurostat, Stħarriġ tal-UE dwar il-Forza tax-Xogħol. Kodiċi tad-data online: [edat_lfse_03].
(7) Dan ser ikopri l-grupp ta' età bejn l-20 u l-34 li jkunu waqfu mill-edukazzjoni u t-taħriġ minn sena sa tliet snin qabel. L-indikatur ser jissejjes fuq data li ser tinġabar mill-2021 'il quddiem bħala parti mill-Istħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Forza tax-Xogħol tal-Eurostat (EU LFS) kif definit fl-identifikatur varjabbli "HATWORK" fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2240. Dan jirreferi għal esperjenzi ta' xogħol f'post tax-xogħol f'suq jew f'unità mhux tas-suq (jiġifieri f'kumpannija, istituzzjoni tal-gvern jew organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ) li kienu parti mill-kurrikulu tal-programm formali li wassal għall-ogħla livell ta' edukazzjoni li tlesta b'suċċess. Jekk rispondent kellu diversi esperjenzi ta' xogħol, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat it-tul kumulattiv tal-esperjenzi kollha tax-xogħol. L-esperjenzi tax-xogħol jenħtieġ li jiġu espressi f'ekwivalenti full-time.
(8) Eurostat, il-ġbir ta' data tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE mill-2022 'il quddiem. Minħabba li hemm il-pjan li s-sors tad-data jinbidel fl-2022 (mill-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti għall-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE), il-mira hija soġġetta għal konferma fl-2023 abbażi tal-esperjenza tas-sors il-ġdid tad-data. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-SGIB, ser tevalwa l-impatt ta' dawn il-bidliet billi tqabbel ir-riżultati tal-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti u l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol fl-2023 u tikkunsidra bidliet possibbli fil-metodoloġija tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, jew fil-livell tal-mira. Abbażi ta' din l-evalwazzjoni l-Kunsill ser jiddeċiedi dwar il-possibbiltà ta' adattazzjoni tal-livell tal-mira.
ANNESS III
OQSMA PRIJORITARJI GĦALL-KOOPERAZZJONI EWROPEA FL-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ MATUL L-EWWEL ĊIKLU: 2021-2025
Bil-ħsieb li jsir progress fil-ħames prijoritajiet strateġiċi taħt il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea, l-identifikazzjoni ta' oqsma prijoritarji, kwistjonijiet u azzjonijiet konkreti (1)għal ċiklu ta' ħidma speċifiku għandha ttejjeb l-effiċjenza tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll tirrifletti l-ħtiġijiet individwali tal-Istati Membri, inkluż meta jiffaċċjaw ċirkostanzi u sfidi ġodda.
L-oqsma prijoritarji, kif imsemmija f'din ir-Riżoluzzjoni, flimkien mal-kwistjonijiet u l-azzjonijiet konkreti l-aktar rilevanti jirriflettu l-ħtieġa li: (i) tiġi segwita l-kooperazzjoni f'oqsma fejn għad fadal sfidi ewlenin u li huma marbuta ma' sfidi aktar reċenti; (ii) tiġi żviluppata kooperazzjoni f'oqsma meqjusin partikolarment importanti matul dan iċ-ċiklu ta' ħidma.
Jekk l-Istati Membri jqisuha meħtieġa, il-ħidma dwar oqsma prijoritarji speċifiċi tista' titkompla f'ċikli ta' ħidma sussegwenti, bil-kunsiderazzjoni dovuta għas-sussidjarjetà u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.
Qasam prijoritarju 1 - Kwalità, ekwità, inklużjoni u suċċess fl-edukazzjoni u t-taħriġ
Kwistjonijiet u azzjonijiet konkreti
i) |
Il-promozzjoni tal-ħakma ta' kompetenzi ewlenin (2), inkluż il-ħiliet bażiċi, li huma prerekwiżit biex il-persuni jirnexxu fil-ħajja, biex isibu jew joħolqu impjiegi sodisfaċenti u biex isiru ċittadini impenjati. |
ii) |
It-trawwim u l-appoġġ tat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi u l-multilingwiżmu, li jippermetti lill-istudenti, l-għalliema u l-ħarrieġa jibbenefikaw minn spazju ta' tagħlim Ewropew ġenwin, billi tiġi implimentata aktar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2019 dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, inkluż fil-VET. |
iii) |
It-twassil ta' perspettiva Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li tipprovdi lill-istudenti b'għarfien dwar xi tfisser l-Ewropa inġenerali, u l-Unjoni b'mod partikolari, fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, inkluż permezz tat-twessiegħ u t-tisħiħ tal-Azzjonijiet Jean Monnet. |
iv) |
Iż-żamma tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala ambjenti sikuri, ħielsa mill-vjolenza, il-bullying, id-diskors dannuż, id-diżinformazzjoni u kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluż permezz ta' implimentazzjoni ulterjuri tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva, u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim. |
v) |
L-istimular ta' ambjent skolastiku sikur u ta' appoġġ bħala kundizzjoni meħtieġa għal kwistjonijiet konkreti, bħall-indirizzar tad-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, is-sessiżmu, is-segregazzjoni, il-bullying (inkluż il-bullying ċibernetiku), il-vjolenza u l-isterjotipi, u għall-benesseri individwali tal-istudenti kollha. |
vi) |
L-għajnuna lill-istudenti kollha biex jilħqu livell bażi ta' profiċjenza fil-ħiliet bażiċi, b'attenzjoni speċjali fuq gruppi f'riskju ta' nuqqas ta' suċċess u ta' tluq bikri mill-iskola, inkluż l-identifikazzjoni ta' riformi ta' politika effettivi biex tiġi appoġġata kisba aħjar tal-ħiliet bażiċi, speċifikament b'rabta mal-kurrikulu u/jew il-valutazzjoni, kif ukoll il-kapaċità tal-istituzzjonijiet u tal-persunal li jkunu innovattivi u jiżviluppaw l-approċċi u l-ambjenti tat-tagħlim tagħhom. |
vii) |
Il-promozzjoni ta' strateġiji ta' suċċess edukattiv fil-livell nazzjonali sabiex titrawwem il-konklużjoni b'suċċess ta' perkorsi ta' edukazzjoni u taħriġ mill-istudenti kollha u sabiex jitnaqqsu t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ u r-riżultati baxxi, bl-appoġġ ta' approċċ ta' skola sħiħa b'viżjoni ġenerali inklużiva tal-edukazzjoni ċċentrata fuq l-istudent. |
viii) |
L-indirizzar tad-diversità dejjem akbar ta' studenti u t-titjib tal-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u inklużivi għall-istudenti kollha, inkluż gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, bħal studenti bi ħtiġijiet ta' tagħlim speċifiċi, minoranzi, persuni minn ambjent ta' migrazzjoni u Rom, u b'inqas opportunitajiet minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u/jew is-sitwazzjoni soċjoekonomikament żvantaġġata tagħhom. |
ix) |
L-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew ta' kwalità għal sistemi ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità għolja. |
x) |
L-indirizzar tal-kwistjoni tad-disparitajiet bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-opportunitajiet mhux indaqs għall-bniet u s-subien u għan-nisa u l-irġiel, permezz tal-promozzjoni ta' għażliet edukattivi aktar bilanċjati bejn il-ġeneri, l-isfidar u l-eliminazzjoni tal-isterjotipi marbuta mal-ġeneru fl-edukazzjoni u l-karrieri edukattivi, speċjalment fl-oqsma ta' studju tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEAM), l-indirizzar ta' kwistjonijiet bħall-insuffiċjenza fil-kisbiet tas-subien, il-bullying u l-fastidju sesswali, u l-iżvilupp ta' sensittività aħjar għal kwistjonijiet ta' ġeneru fil-proċessi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ. |
xi) |
L-appoġġ għall-ġbir tad-data u l-innovazzjoni għall-inklużjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni. |
xii) |
Il-promozzjoni tal-kompetenzi ċiviċi, interkulturali u soċjali, il-fehim u r-rispett reċiproku, u s-sjieda tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali fil-livelli u t-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ (3). |
xiii) |
It-trawwim, il-valorizzazzjoni u r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali, inkluż il-volontarjat, u t-titjib tal-inklużività, il-kwalità u r-rikonoxximent ta' attivitajiet ta' solidarjetà transfruntiera. |
xiv) |
L-iżvilupp ta' mġiba etika u t-titjib tal-ħsieb kritiku, flimkien mal-litteriżmu diġitali u medjatiku. |
xv) |
It-trawwim ta' investiment sostenibbli f'edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u inklużivi. |
Qasam prijoritarju 2 - Tagħlim tul il-ħajja u mobbiltà
Kwistjonijiet u azzjonijiet konkreti
i) |
It-tnedija mill-ġdid u l-kontinwazzjoni tal-istrateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja u l-indirizzar tal-fażijiet ta' tranżizzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li, permezz ta' gwida vokazzjonali ta' kwalità għolja, jiġu promossi t-tranżizzjonijiet lejn u bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja u t-tagħlim għall-adulti, inkluż it-tagħlim mhux formali u informali, u mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol. |
ii) |
L-istrateġiji għat-tagħlim tul il-ħajja jsiru aktar robusti u inklużivi sabiex dawk li telqu kmieni jkunu jistgħu jerġgħu jidħlu fl-edukazzjoni f'forom flessibbli tul il-ħajja, u dawk li jeħtiġuha biex ikunu jistgħu jaċċessaw l-edukazzjoni għolja u l-programmi tal-VET biex jaġġornaw jew jiksbu ħiliet (titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid) li l-impjiegi ta' għada jeħtieġu, fl-istadji kollha tal-ħajja. |
iii) |
L-iżgurar li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż is-sistemi tat-tagħlim għall-adulti, jappoġġaw lill-istudenti kollha biex jaċċessaw suq tax-xogħol li qed jinbidel u jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali tagħhom, isiru aktar aġli, reżiljenti, validi għall-futur, attraenti u mfassla għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, jipprovdu titjib tal-ħiliet u aġġornament tal-opportunitajiet ta' taħriġ tul il-ħajja tax-xogħol, u jsaħħu l-kooperazzjoni ma' partijiet ikkonċernati oħra, bħal kumpanniji jew postijiet tax-xogħol oħra. |
iv) |
L-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Osnabrück dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala faċilitatur tal-irkupru u ta' tranżizzjonijiet ġusti lejn ekonomiji diġitali u ekoloġiċi. |
v) |
It-tisħiħ tar-rwol ewlieni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja u tal-VET fl-appoġġ tat-tagħlim tul il-ħajja u fl-ilħuq ta' korp tal-istudenti aktar divers. L-esplorazzjoni tal-kunċett u l-użu tal-mikrokredenzjali tista' tgħin biex jitwessgħu l-opportunitajiet ta' tagħlim u tista' ssaħħaħ ir-rwol tal-edukazzjoni għolja u l-VET fit-tagħlim tul il-ħajja billi tipprovdi opportunitajiet ta' tagħlim aktar flessibbli u modulari, u toffri mogħdijiet ta' tagħlim aktar inklużivi. |
vi) |
L-aġġornament tal-aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti. |
vii) |
Il-promozzjoni tal-libertà għall-istudenti, l-għalliema u l-ħarrieġa, u persunal ieħor tal-edukazzjoni u t-taħriġ, biex ikunu mobbli u għall-istituzzjonijiet biex jassoċjaw ruħhom liberament ma' xulxin fl-Ewropa u lil hinn minnha, permezz tal-mobbiltà għat-tagħlim u l-kooperazzjoni transfruntiera. Għandhom isiru aktar sforzi biex jitneħħew l-ostakli eżistenti u l-ostakli għal kull tip ta' mobbiltà għall-apprendiment u t-tagħlim, inkluż kwistjonijiet relatati mal-aċċess, il-gwida, is-servizzi għall-istudenti u r-rikonoxximent. |
viii) |
L-aġġornament tal-qafas ta' mobbiltà għat-tagħlim li jakkumpanja l-programm Erasmus+ imsaħħaħ biex ikunu possibbli opportunitajiet ta' mobbiltà għal varjetà ħafna usa' ta' parteċipanti, titrawwem il-mobbiltà ekoloġika u diġitali, inkluż billi jitħalltu flimkien l-iskambji online u dawk fiżiċi, u tiġi inkoraġġuta mobbiltà bbilanċjata. |
ix) |
Titkompla l-ħidma lejn l-implimentazzjoni sħiħa tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż (26 ta' Novembru 2018). |
Qasam ta' prijorità 3 - Għalliema u Ħarrieġa
Kwistjonijiet u azzjonijiet konkreti
i) |
It-tisħiħ tar-reklutaġġ u tal-għażla tal-aħjar kandidati u l-iżjed kandidati adattati għall-professjoni tal-tagħlim u dik pedagoġika fil-livelli kollha u f'kull tip ta' edukazzjoni u taħriġ. |
ii) |
Iż-żieda tal-attraenza u l-istatus tal-professjoni tat-tagħlim u dik pedagoġika, permezz tar-rivalorizzazzjoni tagħha f'termini soċjali kif ukoll f'termini finanzjarji, inkluż permezz tal-Premju Ewropew għat-Tagħlim Innovattiv. |
iii) |
L-esplorazzjoni tal-possibbiltà li tiġi żviluppata gwida Ewropea għall-iżvilupp ta' oqfsa nazzjonali tal-karrieri u gwida tul il-ħajja, biex b'hekk jiġi appoġġat il-progress fil-karriera tal-professjonisti tal-edukazzjoni fl-iskejjel. |
iv) |
L-esplorazzjoni tal-possibbiltà li jiġu żviluppati għodod ta' politika f'forma ta' oqfsa ta' kompetenza tal-għalliema biex tiżdied ir-rilevanza tal-programmi tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema kif ukoll l-iżvilupp ta' opportunitajiet ta' żvilupp professjonali kontinwu u biex tingħata gwida għall-għalliema biex javvanzaw fil-karriera tagħhom. |
v) |
L-appoġġ għall-edukazzjoni inizjali, l-induzzjoni u l-iżvilupp professjonali kontinwu fil-livelli kollha, speċjalment biex tiġi indirizzata ż-żieda fid-diversità tal-istudenti u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, jiġi indirizzat it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ u jiġi promoss it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, l-appoġġ għall-iżvilupp ta' kompetenzi diġitali bażiċi u avvanzati u pedagoġiji innovattivi, inkluż l-iżgurar li l-edukazzjoni tal-għalliema tindirizza l-kompetenzi tal-għalliema sabiex dawn ikunu jistgħu jgħallmu f'ambjenti diġitali. |
vi) |
Il-ħolqien ta' networks ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tal-għalliema, permezz tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus proposti, biex irawmu komunitajiet ta' prattika, jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim lill-għalliema, jappoġġaw l-innovazzjoni u jnebbħu l-politiki nazzjonali u Ewropej tal-edukazzjoni tal-għalliema. |
vii) |
L-appoġġ għall-promozzjoni tal-eċċellenza fit-tagħlim fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż permezz tal-organizzazzjoni effettiva tat-tagħlim u inċentivi strutturali, bil-promozzjoni ta' mekkaniżmi xierqa ta' appoġġ, infrastruttura, materjal tat-tagħlim u edukazzjoni tal-għalliema bbażata fuq ir-riċerka, kif ukoll l-esplorazzjoni ta' modi ġodda għall-valutazzjoni tal-kwalità tat-taħriġ tal-għalliema. |
viii) |
L-appoġġ lill-għalliema u l-ħarrieġa fil-ġestjoni tad-diversità lingwistika u kulturali fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ. |
ix) |
L-esplorazzjoni tal-possibbiltà li jiġi żviluppat qafas ta' politika biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-mobbiltà għat-tagħlim tal-għalliema fl-Ewropa abbażi tal-ħtiġijiet attwali tal-mobbiltà tagħhom. |
x) |
L-iżvilupp ta' miżuri u l-istabbiliment ta' mekkaniżmi biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jiġi indirizzat l-istress okkupazzjonali, sabiex jitrawwem il-benesseri tal-għalliema, il-ħarrieġa u l-persunal pedagoġiku u edukattiv. |
xi) |
L-istinkar biex jitnaqqsu l-iżbilanċi bejn il-ġeneri fil-livelli u t-tipi kollha ta' professjonijiet relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ. |
xii) |
L-iżgurar li l-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ għall-għalliema u l-ħarrieġa jħejju wkoll lill-għalliema u lill-ħarrieġa fil-livelli u fit-tipi kollha ta' programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għar-rwol ewlieni tagħhom biex jgħammru lill-istudenti bil-kompetenzi biex jgħixu, jaħdmu u jaġixxu favur l-iżvilupp sostenibbli u biex itejbu l-benesseri u s-saħħa mentali għall-istudenti kollha. |
Qasam ta' prijorità 4 - Edukazzjoni għolja
Kwistjonijiet u azzjonijiet konkreti
i) |
L-inkoraġġiment ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib u aktar profonda bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari billi tiġi promossa u titrawwem kooperazzjoni tranżnazzjonali bla xkiel, li tippermetti li l-alleanzi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, bħal dawk fl-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej, jisfruttaw il-qawwiet tagħhom u jipprovdu b'mod konġunt edukazzjoni għolja trasformattiva. |
ii) |
L-involviment fit-tnedija tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej fil-qafas tal-programm Erasmus+, f'sinerġija ma' Orizzont Ewropa u strumenti oħra ta' finanzjament. |
iii) |
L-istabbiliment ta' aġenda għat-trasformazzjoni tal-edukazzjoni għolja, b'enfasi fuq l-inklużjoni, l-innovazzjoni, il-konnettività, it-tħejjija diġitali u ekoloġika u l-kompetittività internazzjonali, kif ukoll valuri akkademiċi fundamentali u prinċipji etiċi għoljin, u anki l-impjiegi u l-impjegabbiltà. |
iv) |
L-inkoraġġiment ta' flussi tal-mobbiltà bbilanċjati u l-aħjar ċirkolazzjoni tal-imħuħ. |
v) |
It-trawwim tar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja bħala atturi ċentrali tal-"kwadru ta' għarfien" (l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-servizz għas-soċjetà), it-tisħiħ tas-sinerġiji u l-faċilitazzjoni ta' aktar ħidma bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerka. |
vi) |
It-tisħiħ tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki u l-perijodi ta' studju barra mill-pajjiż għall-fini tal-mobbiltà u t-tagħlim ulterjuri, filwaqt li jiġi żgurat li l-mekkaniżmi tal-assigurazzjoni tal-kwalità jipprovdu bażi soda għall-fiduċja tal-pubbliku għat-tagħlim ulterjuri u jissalvagwardjaw l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Fejn ikun adatt, għandhom jiġu żviluppati r-rikonoxximent awtomatiku ta' attivitajiet tranżnazzjonali konġunti u r-rikonoxximent u l-portabbiltà ta' korsijiet qosra. |
vii) |
L-inkoraġġiment ta' użu akbar tal-inizjattiva tal-Karta Ewropea tal-Istudenti bl-għan li l-istudenti mobbli kollha fl-Ewropa jibbenefikaw minnha. |
viii) |
It-trawwim tar-rilevanza tal-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol u s-soċjetà, eż. l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta' kurrikuli li jħeġġu aktar tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet u l-impjegaturi, b'rispett sħiħ tal-approċċ olistiku tal-edukazzjoni għolja u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u bl-esplorazzjoni tal-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu Ewropew ta' stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati. |
Qasam ta' prijorità 5 - Tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali
Kwistjonijiet u azzjonijiet konkreti
i) |
It-tisħiħ tad-disponibbiltà, l-aċċess u l-kwalità tat-tagħmir u l-infrastruttura diġitali, il-konnettività, ir-riżorsi edukattivi miftuħa u diġitali u l-pedagoġiji fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jiġu appoġġati fl-adattament għall-era diġitali. |
ii) |
L-indirizzar tal-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi diġitali bażiċi u avvanzati fil-livelli u t-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ (it-tagħlim formali, mhux formali u informali) kif ukoll it-tagħlim u l-apprendiment tradizzjonali, imħallta u mill-bogħod, sabiex tiġi ffaċċata u mwieġba t-trasformazzjoni teknoloġika u diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà. |
iii) |
L-intensifikazzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027, filwaqt li jiġu esplorati modi biex jitrawwem approċċ aktar integrat għall-iżvilupp tal-politika tal-edukazzjoni diġitali permezz tal-possibbiltà tal-istabbiliment ta' Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali. |
iv) |
Il-mobilizzazzjoni tal-għarfien espert u r-riżorsi għan-networking, u l-appoġġ ta' approċċi kreattivi fl-edukazzjoni ekoloġika, jiġifieri permezz tal-Koalizzjoni prevista "Edukazzjoni għall-Klima". |
v) |
Il-promozzjoni ta' perspettivi ta' sostenibbiltà ambjentali fil-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u fi ħdan approċċ interdixxiplinari, u l-promozzjoni ta' kunċetti edukattivi bħall-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċittadinanza Globali, sabiex iċ-ċittadini jingħataw is-setgħa biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli. |
vi) |
It-trawwim ta' infrastruttura ġdida sostenibbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ u r-rinnovazzjoni ta' binjiet eżistenti ("l-ekoloġizzazzjoni tal-infrastruttura tal-edukazzjoni"). |
(1) It-tismija ta' azzjonijiet jew inizjattivi futuri proposti fl-oqsma prijoritarji li ġejjin mhux bilfors twassal biex tittieħed deċiżjoni futura fil-livell xieraq.
(2) Kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja, ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.
(3) Kif imsemmi fid-"Dikjarazzjoni dwar il-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza u l-Valuri Komuni tal-Libertà, it-Tolleranza u n-Nondiskriminazzjoni permezz tal-Edukazzjoni".