7.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/70


DIRETTIVA (UE) 2019/882 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ April 2019

dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tapprossimizza l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal ċerti prodotti u servizzi billi, b’mod partikolari, telimina u tevita ostakli għall-moviment liberu ta’ ċerti prodotti u servizzi aċċessibbli li jirriżultaw minn rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà diverġenti fl-Istati Membri. Dan iżid id-disponibbiltà ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli fis-suq intern u jtejjeb l-aċċessibbiltà ta’ informazzjoni rilevanti.

(2)

Id-domanda għal prodotti u servizzi aċċessibbli hija għolja u l-għadd ta’ persuni b’diżabilità huwa projettat li jiżdied b’mod sinifikanti. Ambjent fejn il-prodotti u s-servizzi jkunu aktar aċċessibbli jippermetti li jkun hemm soċjetà aktar inklużiva u jiffaċilita l-għajxien indipendenti għall-persuni b’diżabilità. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jitqies il-fatt li l-prevalenza ta’ diżabilità fl-Unjoni hija ogħla fost in-nisa milli fost l-irġiel.

(3)

Din id-Direttiva tiddefinixxi l-persuni b’diżabilità f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità adottata fit-13 ta’ Diċembru 2006 (UN CRPD), li għaliha l-Unjoni ilha Parti sa mill-21 ta’ Jannar 2011 u li ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha. Il-UN CRPD tiddikjara li l-persuni b’diżabilità “jinkludu dawk li għandhom indeboliment fiżiku, mentali, intellettwali jew sensorju fit-tul li meta jinteraġixxi ma’ diversi ostakli jista’ jxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq l-istess livell ma’ ħaddieħor”. Din id-Direttiva tippromwovi l-parteċipazzjoni ugwali sħiħa u effettiva billi ttejjeb l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi konvenzjonali li, permezz tat-tfassil inizjali jew l-adattament sussegwenti tagħhom, jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari tal-persuni b’diżabilità.

(4)

Persuni oħra li jesperjenzaw limitazzjonijiet funzjonali, bħal persuni anzjani, nisa tqal jew persuni li jivvjaġġaw b’bagalji, jibbenefikaw ukoll minn din id-Direttiva. Il-kunċett ta’ “persuni b’limitazzjonijiet funzjonali” kif imsemmi f’din id-Direttiva, tinkludi persuni li jkollhom xi indebolimenti fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorji, indebolimenti relatati mal-età, jew kawżi relatati mal-prestazzjoni tal-ġisem tal-bniedem, permanenti jew temporanji, li, meta jinteraġixxu ma’ ostakli differenti, jirriżultaw f’anqas aċċess għall-prodotti u s-servizzi, u dan iwassal għal sitwazzjoni li tirrikjedi li dawk il-prodotti u servizzi jiġu adattati għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom.

(5)

Id-disparitajiet bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-aċċessibbiltà ta’ prodotti u servizzi għal persuni b’diżabilità, joħolqu ostakli għall-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi u jfixklu l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern. Għal xi prodotti u servizzi, dawk id-disparitajiet x’aktarx jiżdiedu fl-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-UN CRPD. L-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), huma partikolarment milquta minn dawk l-ostakli.

(6)

Minħabba d-differenzi fir-rekwiżiti nazzjonali ta’ aċċessibbiltà, il-professjonisti individwali, l-SMEs u l-mikrointrapriżi b’mod partikolari huma skoraġġuti milli jidħlu fi proġetti kummerċjali barra mis-swieq domestiċi tagħhom. Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà nazzjonali, jew anki reġjonali jew lokali, li l-Istati Membri daħħlu fis-seħħ attwalment ivarjaw kemm fil-kopertura kif ukoll fil-livell ta’ dettall. Dawk id-differenzi jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetittività u t-tkabbir, minħabba l-ispejjeż addizzjonali mġarrba fl-iżvilupp u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli għal kull suq nazzjonali.

(7)

Il-konsumaturi ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli u ta’ teknoloġiji ta’ assistenza qed jiffaċċjaw prezzijiet għolja minħabba kompetizzjoni limitata fost il-fornituri. Il-frammentazzjoni fost ir-regolamenti nazzjonali tnaqqas il-benefiċċji potenzjali li jirriżultaw mill-qsim ma’ pari nazzjonali u internazzjonali l-esperjenzi dwar ir-rispons tagħhom għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-soċjetà.

(8)

L-approssimazzjoni tal-miżuri nazzjonali fil-livell tal-Unjoni hija għalhekk meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern sabiex tintemm il-frammentazzjoni fis-suq ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli, biex jinħolqu ekonomiji ta’ skala, biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u l-mobbiltà transkonfinali, kif ukoll biex l-operaturi ekonomiċi jiġu megħjuna jikkonċentraw ir-riżorsi fuq l-innovazzjoni minflok ma jużaw dawk ir-riżorsi biex ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw minn leġislazzjoni frammentata madwar l-Unjoni.

(9)

Il-benefiċċji tal-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għas-suq intern intwerew mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-liftijiet u r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fil-qasam tat-trasport.

(10)

Fid-Dikjarazzjoni Nru 22, dwar il-persuni b’diżabilità,annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri qablet li, fit-tfassil tal-miżuri skont l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jridu jqisu l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità.

(11)

L-għan ġenerali tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2015“Strateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”, huwa li jipprovdi benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn suq uniku diġitali konness, biex b’hekk jiffaċilita l-kummerċ u jsaħħaħ l-impjiegi fl-Unjoni. Il-konsumaturi tal-Unjoni għadhom mhux qed igawdu l-benefiċċji kollha ta’ prezzijiet u għażla li jista’ joffri s-suq uniku, minħabba li t-tranżazzjonijiet online transkonfinali għadhom limitati ħafna. Il-frammentazzjoni tillimita wkoll id-domanda għal tranżazzjonijiet transkonfinali tal-kummerċ elettroniku. Hemm ukoll il-ħtieġa għal azzjoni miftiehma biex jiġi żgurat li l-kontenut elettroniku, is-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva jkunu disponibbli b’mod sħiħ għall-persuni b’diżabilità. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu armonizzati r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fis-suq uniku diġitali kollu u li jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, irrispettivament mill-kapaċitajiet tagħhom, ikunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tiegħu.

(12)

Billi l-Unjoni saret Parti għall-UN CRPD, id-dispożizzjonijiet tagħha saru parti integrali tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni u huma vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fuq l-Istati Membri tagħha.

(13)

Il-UN CRPD titlob lill-Partijiet biex jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess, fuq bażi ugwali mal-oħrajn, għall-ambjent fiżiku, għat-trasport, għall-informazzjoni u għall-komunikazzjoni, inkluż għat-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u għal faċilitajiet u servizzi oħra miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku, kemm f’żoni urbani kif ukoll rurali. Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità identifika l-ħtieġa li jinħoloq qafas leġislattiv b’parametri referenzjarji konkreti, infurzabbli u marbuta biż-żmien għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni gradwali tal-aċċessibbiltà.

(14)

Il-UN CRPD tesiġi li l-Partijiet tagħha jwettqu jew jippromwovu riċerka u żvilupp ta’, u jippromwovu d-disponibbiltà u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-għajnuniet tal-mobbiltà, l-apparati u t-teknoloġiji ta’ assistenza, xierqa għall-persuni b’diżabilità. Il-UN CRPD tesiġi wkoll li tingħata prijorità lit-teknoloġiji affordabbli.

(15)

Id-dħul fis-seħħ tal-UN CRPD fl-ordnijiet ġuridiċi tal-Istati Membri jimplika l-ħtieġa li jiġu adottati dispożizzjonijiet nazzjonali addizzjonali dwar l-aċċessibbiltà ta’ prodotti u servizzi.Mingħajr azzjoni tal-Unjoni, dawk id-dispożizzjonijiet ikomplu jżidu d-differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri.

(16)

Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni fl-Unjoni tal-UN CRPD billi jiġu pprovduti regoli tal-Unjoni komuni. Din id-Direttiva tappoġġa wkoll lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jissodisfaw l-impenji nazzjonali tagħhom, kif ukoll l-obbligi tagħhom skont il-UN CRPD rigward l-aċċessibbiltà b’mod armonizzat.

(17)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2010“Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 – Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli ” – f’konformità mal- UN CRPD, tidentifika l-aċċessibbiltà bħala waħda mit-tmien oqsma ta’ azzjoni, tindika li din hija prekondizzjoni bażika għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà, u għandha l-għan li tiżgura l-aċċessibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi.

(18)

Id-determinazzjoni tal-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva hija bbażata fuq eżerċizzju ta’ skrinjar li twettaq matul it-tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt li identifikat prodotti u servizzi rilevanti għall-persuni b’diżabilità, u li għalihom l-Istati Membri adottaw jew x’aktarx jadottaw rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà nazzjonali diverġenti li jfixklu l-funzjonament tas-suq intern.

(19)

Sabiex tkun żgurata l-aċċessibbiltà tas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ ukoll li l-prodotti użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi li jinteraġixxi magħhom il-konsumatur jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ din id-Direttiva.

(20)

Anki jekk servizz, jew parti minn servizz, jiġi sottokuntrattat lil parti terza, jenħtieġ li l-aċċessibbiltà ta’ dan is-servizz ma jiġix kompromess u jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi jikkonformaw mal-obbligi ta’ din id-Direttiva. Il-fornituri ta’ servizzi jenħtieġ li jiżguraw ukoll taħriġ xieraq u kontinwu tal-persunal tagħhom sabiex jiżguraw li dawn ikunu infurmati sew dwar kif jużaw prodotti u servizzi aċċessibbli. Dak it-taħriġ jenħtieġ li jkopri kwistjonijiet bħall-għoti ta’ informazzjoni, pariri u reklamar.

(21)

Jenħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà bl-eħfef mod għall-operaturi ekonomiċi u għall-Istati Membri.

(22)

Jenħtieġ li jiġu speċifikati r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tagħhom fis-suq intern.

(23)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tagħmel ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà funzjonali obbligatorji u dawn għandhom jiġu formulati f’termini ta’ objettivi ġenerali. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu preċiżi biżżejjed biex joħolqu obbligi legalment vinkolanti u jkunu dettaljati biżżejjed biex jagħmluha possibbli li tiġi vvalutata l-konformità sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti u għas-servizzi koperti b’din id-Direttiva, kif ukoll biex jitħalla ċertu grad ta’ flessibbiltà sabiex tkun possibbli l-innovazzjoni.

(24)

Din id-Direttiva fiha għadd ta’ kriterji funzjonali dwar il-prestazzjoni relatati mal-modalitajiet ta’ tħaddim ta’ prodotti u servizzi. Dawk il-kriterji mhumiex intenzjonati li jkunu alternattiva ġenerali għar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva iżda jenħtieġ li jintużaw biss f’ċirkostanzi speċifiċi ħafna. Dawk il-kriterji jenħtieġ li japplikaw għal funzjonijiet jew karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti jew servizzi, biex isiru aċċessibbli, meta r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva ma jindirizzawx wieħed jew aktar minn dawk il-kriterji jew karatteristiċi speċifiċi. Barra minn hekk, fil-każ li rekwiżit ta’ aċċessibbiltà jkun fih rekwiżiti tekniċi speċifiċi, u soluzzjoni teknika alternattiva għal dawk ir-rekwiżiti tekniċi tkun provduta fil-prodott jew servizz, jenħtieġ li din is-soluzzjoni teknika alternattiva xorta tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà relatati, u jenħtieġ li tirriżulta f’aċċessibbiltà ekwivalenti jew miżjuda, bl-applikazzjoni tal-kriterji funzjonali tal-prestazzjoni rilevanti.

(25)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri sistemi ta’ hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur. Biex dawk is-sistemi jiffunzjonaw b’mod aċċessibbli, jenħtieġ li s-sistemi operattivi tagħhom ikunu aċċessibbli wkoll. Sistemi ta’ hardware tal-kompjuter bħal dawn huma kkaratterizzati min-natura multifunzjonali tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jwettqu, bis-software adatt, l-aktar kompiti informatiċi komuni mitluba mill-konsumaturi u huma intenzjonati li jiġu mħaddma mill-konsumaturi. Il-kompjuters personali, inkluż desktops, notebooks, smartphones u tablets huma eżempji ta’ sistemi ta’ hardware tal-kompjuter bħal dawn. Kompjuters speċjalizzati inkorporati fi prodotti elettroniċi tal-konsumatur ma jikkostitwixxux sistemi ta’ hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tkoprix, fuq bażi individwali, komponenti uniċi b’funzjonijiet speċifiċi, bħal mainboard jew ċippa tal-memorja, li jintużaw jew li jistgħu jintużaw f’sistema bħal din.

(26)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri wkoll terminals ta’ ħlas, li jinkludu kemm il-hardware kif ukoll is-software tagħhom, u ċerti terminals self-service interattivi, inkluż kemm il-hardware kif ukoll is-u software tagħhom, dedikati li għandhom jintużaw għall-provvista ta’ servizzi koperti minn din id-Direttiva, pereżempju Mmagni Aawtomatiċi tal-fFlus, magni tal-biljetti li joħorġu biljetti fiżiċi li jagħtu aċċess għal servizzi bħal magni tal-biljetti tal-ivvjaġġar; magni tal-biljetti għall-kju f’uffiċċju ta’ bank; u terminals self-service interattivi li jipprovdu informazzjoni, inkluż skrins tal-informazzjoni interattivi.

(27)

Madankollu, jenħtieġ li ċerti terminals self-service interattivi li jipprovdu informazzjoni installati bħala partijiet integrati ta’ vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti jew vetturi ferrovjarji jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, peress li dawn jifformaw parti minn dawk il-vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti jew vetturi ferrovjarji li mhumiex koperti b’din id-Direttiva.

(28)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri wkoll servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika inkluż komunikazzjonijiet ta’ emerġenza kif definit fid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Bħalissa, il-miżuri meħudin mill-Istati Membri biex jiġi pprovdut l-aċċess għal persuni b’diżabilità huma diverġenti u mhumiex armonizzati fis-suq intern kollu. L-iżgurar li l-istess rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà japplikaw fl-Unjoni kollha ser iwassal għal ekonomiji ta’ skala għal operaturi ekonomiċi attivi f’aktar minn Stat Membru wieħed u jiffaċilita l-aċċess effettiv għal persuni b’diżabilità fl-Istati Membri tagħhom stess u meta jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri. Sabiex servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż komunikazzjonijiet ta’ emerġenza, ikunu aċċessibbli, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi, minbarra komunikazzjoni bil-vuċi, jipprovdu servizzi ta’ test f’ħin reali, u konverżazzjoni sħiħa fejn jipprovdu vidjo, sabiex tiġi żgurata s-sinkronizzazzjoni ta’ dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha. Jenħtieġ li l-Istati Membri, minbarra r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972, ikunu kapaċi jiddeterminaw fornitur ta’ servizz ta’ trażmissjoni li jista’ jintuża minn persuni b’diżabilità.

(29)

Din id-Direttiva tarmonizza r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u prodotti relatati u tikkomplementa d-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi rekwiżiti dwar aċċess u għażla ekwivalenti għal utenti aħħarin b’diżabilità. Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tistabbilixxi wkoll rekwiżiti taħt l-obbligi ta’ servizz universali dwar l-affordabbiltà tal-aċċess għall-Internet u l-komunikazzjonijiet bil-vuċi u dwar l-affordabbiltà u d-disponibbiltà ta’ tagħmir tat-terminals relatat, tagħmir speċifiku u servizzi għall-konsumaturi b’diżabilità.

(30)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri wkoll it-tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità tal-informatika interattiva prevedibbilment biex jiġi użat primarjament għal aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li dak it-tagħmir jinkludi tagħmir użat bħala parti mill-arranġament ta’ aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika msemmija bħal router jew modem.

(31)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva jenħtieġ li tfisser li l-aċċess għal kontenut awdjoviżiv ikun aċċessibbli, kif ukoll mekkaniżmi li jippermettu lill-utenti b’diżabilità li jużaw it-teknoloġiji ta’ assistenza tagħhom. Servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva jistgħu jinkludu siti web, applikazzjonijiet online, applikazzjonijiet ibbażati fuq set-top tat-televiżjoni, applikazzjonijiet li jistgħu jitniżżlu, servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile inkluż applikazzjonijiet mobbli u plejers tal-media relatati kif ukoll servizzi ta’ televiżjoni konnessi. L-aċċessibbiltà ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva hija regolata mid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), bl-eċċezzjoni tal-aċċessibbiltà tal-gwidi elettroniċi tal-programmi (EPGs) li huma inklużi fid-definizzjoni ta’ servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva li għalihom tapplika din id-Direttiva.

(32)

Fil-kuntest tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, bix-xarabank, bil-ferrovija u fuq l-ilma jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri inter alia l-għoti tal-informazzjoni dwar is-servizz tat-trasport inkluż informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali permezz ta’ siti web, servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile, skrins tal-informazzjoni interattivi u terminals self-service interattivi, meħtieġa minn passiġġieri b’diżabilità sabiex jivvjaġġaw. Dan jista’ jinkludi informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri tal-fornitur tas-servizz, informazzjoni ta’ qabel il-vjaġġ, informazzjoni matul il-vjaġġ u informazzjoni pprovduta meta servizz jiġi kkanċellat jew meta jkun hemm dewmien fit-tluq. Elementi oħra ta’ informazzjoni jistgħu jinkludu wkoll informazzjoni dwar prezzijiet u promozzjonijiet.

(33)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri wkoll siti web, servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile inkluż applikazzjonijiet mobbli żviluppati jew magħmula disponibbli minn operaturi tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew f’isimhom, servizzi tal-biljetti elettroniċi, biljetti elettroniċi u terminals self-service interattivi.

(34)

Id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward tas-servizzi tat-trasport għall-passiġġieri bl-ajru, bix-xarabank, bil-ferrovija u fuq l-ilma jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-leġislazzjoni settorjali eżistenti marbuta mad-drittijiet tal-passiġġieri. Meta din id-Direttiva ma tapplikax għal ċerti tipi ta’ servizzi tat-trasport, jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-fornituri tas-servizzi japplikaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti stabbiliti f’din id-Direttiva.

(35)

Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) diġà tipprevedi obbligi għal korpi tas-settur pubbliku li jipprovdu servizzi tat-trasport, inkluż servizzi tat-trasport urban u suburban u servizzi ta’ trasport reġjonali, biex jagħmlu s-siti web tagħhom aċċessibbli. Din id-Direttiva fiha wkoll eżenzjonijiet għal mikrointrapriżi li jipprovdu servizzi, inkluż servizzi tat-trasport urban u suburban u servizzi ta’ trasport reġjonali. Fl-istess waqt, din id-Direttiva tinkludi obbligi biex jiġi żgurat li siti web tal-kummerċ elettroniku jkunu aċċessibbli. Peress li din id-Direttiva fiha obbligi għall-maġġoranza l-kbira tal-fornituri privati ta’ servizzi tat-trasport li jagħmlu s-siti web tagħhom aċċessibbli, meta jbiegħu biljetti onlajn, mhuwiex neċessarju li jiġu introdotti f’din id-Direttiva rekwiżiti ulterjuri għas-siti web ta’ fornituri ta’ servizzi tat-trasport urban u suburban u fornituri ta’ servizzi tat-trasport reġjonali.

(36)

Ċerti elementi tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, b’mod partikolari b’rabta mal-forniment ta’ informazzjoni kif stabbiliti f’din id-Direttiva, huma diġà koperti mil-liġi eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri. Dan jinkludi elementi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u r-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Dan jinkludi wkoll atti rilevanti adottati abbażi tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza regolatorja, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti f’dawk ir-Regolamenti u dawk l-atti jenħtieġ li jkomplu jiġu applikati bħal qabel. Madankollu, ir-rekwiżiti addizzjonali ta’ din id-Direttiva jissupplimentaw ir-rekwiżiti eżistenti, filwaqt li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tat-trasport u jkunu ta’ benefiċċju għall-persuni b’diżabilità.

(37)

Jenħtieġ li ċerti elementi tas-servizzi tat-trasport ma jkunux koperti minn din id-Direttiva meta jiġu pprovduti barra mit-territorju tal-Istati Membri anki fejn is-servizz ikun ġie dirett lejn is-suq tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ dawk l-elementi, jenħtieġ li operatur ta’ servizz tat-trasport tal-passiġġieri jkun obbligat biss jiżgura li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva jiġu ssodisfati fir-rigward tal-parti tas-servizz offrut fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, fil-każ tat-trasport bl-ajru, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni jiżguraw li r-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva jkunu ssodisfati wkoll fuq titjiriet li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz u li jtiru lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru kollha, inkluż dawk li mhumiex liċenzjati fl-Unjoni, jiżguraw li r-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva jiġu ssodisfati f’każijiet fejn it-titjiriet jitilqu minn territorju tal-Unjoni għal territorju ta’ pajjiż terz.

(38)

L-awtoritajiet urbani jenħtieġ li jiġu mħeġġa jintegraw l-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għas-servizzi tat-trasport urban fil-Pjanijiet ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs) tagħhom, kif ukoll li jippubblikaw regolarment listi tal-aħjar prattiki rigward l-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għat-trasport urban pubbliku u għall-mobbiltà.

(39)

Il-liġi tal-Unjoni dwar servizzi bankarji u finanzjarji għandha l-għan li tipproteġi u tipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi ta’ dawk is-servizzi madwar l-Unjoni iżda ma tinkludix ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà. Bil-għan li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jużaw dawk is-servizzi madwar l-Unjoni, inkluż fejn ipprovduti permezz ta’ siti web u ta’ servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile inkluż applikazzjonijiet mobbli, jieħdu deċiżjonijiet infurmati tajjeb, u jħossuhom kunfidenti li huma mħarsa b’mod adegwat fuq bażi ugwali ma’ konsumaturi oħra, kif ukoll biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi għall-fornituri ta’ servizzi, jenħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà komuni għal ċerti servizzi bankarji u finanzjarji pprovduti lill-konsumaturi.

(40)

Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità xierqa jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-metodi ta’ identifikazzjoni, il-firma elettronika u s-servizzi ta’ ħlas, peress li dawn huma meħtieġa biex jiġu konklużi tranżazzjonijiet bankarji tal-konsumatur.

(41)

Il-fajls tal-kotba elettroniċi huma bbażati fuq kodifikazzjoni elettronika tal-kompjuter li tippermetti ċ-ċirkolazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ xogħol intellettwali fil-biċċa l-kbira testwali u grafiku. Il-grad ta’ preċiżjoni ta’ din il-kodifikazzjoni tiddetermina l-aċċessibbiltà tal-fajls tal-kotba elettroniċi, b’mod partikolari rigward il-kwalifika tal-elementi kostituttivi differenti tax-xogħol u d-deskrizzjoni standardizzata tal-istruttura tagħha. L-interoperabilità f’termini ta’ aċċessibilità jenħtieġ li tottimizza l-kompatibbiltà ta’ dawk il-fajls mal-aġenti tal-utenti u mat-teknoloġiji ta’ assistenza attwali u futuri. Jenħtieġ li karatteristiċi speċifiċi ta’ volumi speċjali bħal komiks, kotba għat-tfal u kotba tal-arti jiġu kkunsidrati fid-dawl tar-rekwiżiti kollha ta’ aċċessibbiltà applikabbli. Rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà diverġenti fl-Istati Membri jagħmluha diffiċli għall-pubblikaturi u operaturi ekonomiċi oħrajn li jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-suq intern, jistgħu joħolqu problemi ta’ interoperabbiltà mal-qarrejja elettroniċi u jillimitaw l-aċċess għall-konsumaturi b’diżabilità. Fil-kuntest tal-kotba elettroniċi, il-kunċett ta’ fornitur tas-servizzi jista’ jinkludi pubblikaturi u operaturi ekonomiċi oħra involuti fid-distribuzzjoni tagħhom.

Huwa rikonoxxut li persuni b’diżabilità jkomplu jiffaċċaw ostakli biex jaċċessaw kontenut li jkun protett bi drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u li ċerti miżuri diġà ttieħdu biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni per eżempju permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), u wkoll li jistgħu jittieħdu miżuri ulterjuri tal-Unjoni f’dan ir-rigward fil-futur.

(42)

Din id-Direttiva tiddefinixxi s-servizzi tal-kummerċ elettroniku bħala servizz ipprovdut mill-bogħod, permezz ta’ siti web u servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ konsumatur, bil-ħsieb li jiġi konkluż kuntratt tal-konsumatur. Għall-finijiet ta’ dik id-definizzjoni “mill-bogħod” tfisser li servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament; “b’mezzi elettroniċi” tfisser li s-servizz inizjalment jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluż il-kompressjoni diġitali) u l-ħżin tad-data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut kollu kemm hu permezz ta’ wajers, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi elettromanjetiċi oħra; “fuq it-talba individwali ta’ konsumatur” tfisser li s-servizz jiġi pprovdut fuq talba individwali. Minħabba r-rilevanza akbar tas-servizzi tal-kummerċ elettroniku u n-natura teknoloġika għolja tagħhom, huwa importanti li jkun hemm rekwiżiti armonizzati għall-aċċessibbiltà tagħhom.

(43)

Jenħtieġ li l-obbligi ta’ aċċessibbiltà tas-servizzi tal-kummerċ elettroniku ta’ din id-Direttiva japplikaw għall-bejgħ online ta’ kwalunkwe prodott jew servizz u għalhekk jenħtieġ li japplikaw għall-bejgħ ta’ prodott jew servizz kopert fih innifsu minn din id-Direttiva.

(44)

Il-miżuri marbuta mal-aċċessibbiltà tat-tweġib tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza jenħtieġ li jiġu adottati mingħajr preġudizzju għal, u jenħtieġ li ma jkollhom l-ebda impatt fuq, l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ emerġenza nnifishom, li jibqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri.

(45)

F’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-aċċess minn utenti aħħarin b’diżabilità għal servizzi ta’ emerġenza jkun disponibbli permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza u li huwa ekwivalenti għal dak li jitgawda minn utenti aħħarin oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni li jarmonizza r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtorità regolatorja nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħra għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li, huma u jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra, l-utenti aħħarin b’diżabilità jkollhom aċċess għal servizzi ta’ emerġenza fuq bażi ekwivalenti ma’ utenti aħħarin oħra, fejn fattibbli, mingħajr ebda reġistrazzjoni minn qabel. Dawk il-miżuri jippruvaw jiżguraw l-interoperabbiltà fost l-Istati Membri u jenħtieġ li jkunu bbażati, sa fejn hu l-aktar possibbli, fuq standards jew speċifikazzjonijiet Ewropej stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 39 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Tali miżuri ma jipprevjenux lill-Istati Membri milli jadottaw rekwiżiti addizzjonali sabiex jilħqu l-objettivi li jinsabu f’dik id-Direttiva. Bħala alternattiva għall-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fir-rigward tat-tweġib ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għall-utenti b’diżabilità stabbiliti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw fornitur terz ta’ servizz ta’ trażmissjoni li għandu jintuża minn persuni b’diżabilità biex jikkomunikaw maċ-ċentru ta’ tweġib tas-sikurezza pubblika, sakemm dawk iċ-ċentri ta’ tweġib tas-sikurezza pubblika jkunu jistgħu jużaw servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika permezz ta’ protokolli għall-iżgurar tal-aċċessibbiltà tat-tweġib tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-obbligi ta’ din id-Direttiva ma jinftehmux bħala li jillimitaw jew inaqqsu kwalunkwe obbligu għall-benefiċċju ta’ utenti aħħarin b’diżabilità, inkluż l-aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u servizzi ta’ emerġenza kif ukoll l-obbligi ta’ aċċessibbiltà kif stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/1972.

(46)

Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tiddefinixxi r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal siti web u applikazzjonijiet mobbli ta’ korpi tas-settur pubbliku u aspetti relatati oħra, b’mod partikolari r-rekwiżiti relatati mal-konformità tas-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli rilevanti. Madankollu, dik id-Direttiva fiha lista speċifika ta’ eċċezzjonijiet. Eċċezzjonijiet simili huma rilevanti għal din id-Direttiva. Xi attivitajiet li jsiru permezz ta’ siti web u applikazzjonijiet mobbli ta’ korpi tas-settur pubbliku, bħal pereżempju servizzi tat-trasport tal-passiġġieri jew servizzi tal-kummerċ elettroniku, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jkunu konformi wkoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli li jinsabu f’din id-Direttiva sabiex jiġi żgurat li l-bejgħ online ta’ prodotti u servizzi jkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità irrispettivament minn jekk il-bejjiegħ huwiex operatur pubbliku jew privat. Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li jinsabu f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu allinjati mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/2102, minkejja differenzi, pereżempju, fil-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-infurzar.

(47)

L-erba’ prinċipji ta’ aċċessibbiltà għas-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli, kif użati fid-Direttiva (UE) 2016/2102, huma: il-perċezzjoni, jiġifieri li l-komponenti tal-interfaċċa mal-informazzjoni u l-utent iridu jkunu preżentabbli għall-utenti f’diversi modi li jistgħu jipperċepixxu; l-operabbiltà, jiġifieri li l-komponenti tal-interfaċċa mal-utenti u n-navigazzjoni jridu jkunu operabbli; il-fehim, jiġifieri li l-informazzjoni u t-tħaddim ta’ interfaċċa tal-utent iridu jkunu faċli biex jinftiehmu; u s-saħħa, jiġifieri li l-kontenut irid jkun b’saħħtu biżżejjed li jkun jista’ jiġi interpretat b’mod affidabbli permezz ta’ varjetà wiesgħa ta’ aġenti għall-utenti, inklużi teknoloġiji assistivi. Dawk il-prinċipji huma wkoll rilevanti għal din id-Direttiva.

(48)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li, fejn il-prodotti u s-servizzi koperti minn din id-Direttiva jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, il-moviment liberu tagħhom fi ħdan l-Unjoni ma jkunx ostakolat minħabba raġunijiet relatati ma’ rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.

(49)

F’ċerti sitwazzjonijiet, ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà komuni tal-ambjent mibni jiffaċilitaw il-moviment liberu tas-servizzi relatati u tal-persuni b’diżabilità. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jinkludu l-ambjent mibni użat fl-għoti tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness III.

(50)

Jenħtieġ li l-aċċessibbiltà tinkiseb permezz tat-tneħħija u l-prevenzjoni sistematika tal-ostakli, preferibbilment permezz ta’ disinn universali jew approċċ ta’ “disinn għal kulħadd”, li jikkontribwixxi biex ikun żgurat l-aċċess għal persuni b’diżabilità fuq bażi ndaqs ma’ oħrajn. Skont il-UN CRPD, dak l-approċċ ” ifisser id-disinn ta’ prodotti, ambjenti, programmi u servizzi biex ikunu jistgħu jintużaw mill-persuni kollha, sa fejn l-aktar possibbli, mingħajr il-bżonn għal adattament jew disinn speċjalizzat”. F’konformità mal-UN CRPD, “disinn universali” ma għandux jeskludi apparat ta’ għajnuna għal gruppi partikolari ta’ persuni b’diżabilità meta dan ikun meħtieġ”. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aċċessibbiltà ma teskludix il-forniment ta’ soluzzjonijiet raġonevoli meta jkunu meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Jenħtieġ li l-aċċessibbiltà u d-disinn universali jiġu interpretati f’konformità mal-Kumment Ġenerali Nru 2 (2014) l-Artikolu 9: Aċċessibbilità kif miktub mill-Kumitat dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

(51)

Prodotti u servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jaqgħux awtomatikament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE (16). Madankollu, xi teknoloġiji ta’ assistenza li huma apparati mediċi, jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

(52)

Il-biċċa l-kbira tal-impjiegi fl-Unjoni huma pprovduti mill-SMEs u mill-mikrointrapriżi. Dawn għandhom importanza kruċjali għat-tkabbir futur, iżda ħafna drabi jiffaċċjaw diffikultajiet u ostakli fl-iżvilupp tal-prodotti jew is-servizzi tagħhom, b’mod partikolari fil-kuntest transkonfinali. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi billi jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-aċċessibbiltà filwaqt li jinżammu s-salvagwardji neċessarji.

(53)

Sabiex il-mikrointrapriżi u l-SMEs jibbenefikaw minn din id-Direttiva jeħtieġ li tassew jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (17) u l-ġurisprudenza rilevanti, li għandhom l-għan li jipprevjenu ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli tagħha.

(54)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun ibbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) peress li tikkonċerna prodotti li huma diġà soġġetti għal atti oħra tal-Unjoni, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-karatteristiċi speċifiċi tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva.

(55)

L-operaturi ekonomiċi kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u li jintervjenu fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni jenħtieġ li jiżguraw li jagħmlu disponibbli fis-suq dawk il-prodotti biss li jkunu konformi ma’ din id-Direttiva. L-istess jenħtieġ li japplika għal operaturi ekonomiċi li jipprovdu servizzi. Jeħtieġ li tiġi prevista distribuzzjoni ċara u proporzjonata tal-obbligi li jikkorrispondu għar-rwol ta’ kull operatur ekonomiku fil-proċess tal-provvista u tad-distribuzzjoni.

(56)

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu responsabbli għall-konformità tal-prodotti u tas-servizzi, fir-rigward tar-rwoli rispettivi tagħhom fil-katina tal-provvista, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-aċċessibbiltà u biex tiġi garantita l-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni.

(57)

L-obbligi ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw b’mod ugwali għall-operaturi ekonomiċi mis-settur pubbliku u dak privat.

(58)

Il-manifattur, li jkollu għarfien dettaljat tad-disinn u tal-proċess tal-produzzjoni huwa fl-aħjar pożizzjoni biex iwettaq il-valutazzjoni kollha tal-konformità. Filwaqt li r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodotti tibqa’ tal-manifattur, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq jaqdu rwol kruċjali fil-verifika ta’ jekk il-prodotti li saru disponibbli fl-Unjoni humiex manifatturati f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(59)

Jenħtieġ li l-importaturi u d-distributuri jkunu involuti fil-kompiti ta’ sorveljanza tas-suq li jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali, u jenħtieġ li jieħdu sehem b’mod attiv billi jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-prodott ikkonċernat.

(60)

L-importaturi jenħtieġ li jiżguraw li l-prodotti minn pajjiżi terzi li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jkunu konformi ma’ din id-Direttiva u b’mod partikolari li l-manifatturi jwettqu l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità xierqa fir-rigward ta’ dawk il-prodotti.

(61)

Meta jqiegħed prodott fis-suq, jenħtieġ li l-importaturi jindikaw, fuq il-prodott, isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali rreġistrata, u l-indirizz fejn jistgħu jiġu kkuntattjati.

(62)

Jenħtieġ li d-distributuri jiżguraw li t-trattament tagħhom tal-prodott ma jaffettwax ħażin il-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva.

(63)

Kwalunkwe operatur ekonomiku li jew iqiegħed fis-suq prodott f’ismu jew bil-marka kummerċjali tiegħu jew jimmodifika prodott li jkun diġà tqiegħed fis-suq b’mod li dan jista’ jaffettwa l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli jenħtieġ li jitqies bħala l-manifattur u jenħtieġ li jassumi l-obbligi tal-manifattur.

(64)

Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà japplikaw biss sa fejn ma jimponux piż sproporzjonat fuq l-operatur ekonomiku kkonċernat, jew sa fejn li ma jirrikjedux bidla sinifikanti fil-prodotti u fis-servizzi li tirriżulta fit-trasformazzjoni fundamentali tagħhom fid-dawl ta’ din id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li jkunu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ kontroll sabiex jiġi verifikat id-dritt għal eċċezzjonijiet għall-applikabbiltà tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.

(65)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ssegwi l-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” u tqis il-piżijiet amministrattivi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs. Jenħtieġ li tistabbilixxi regoli ħfief f’termini tal-valutazzjoni tal-konformità u tistabbilixxi klawżoli ta’ salvagwardja għall-operaturi ekonomiċi, minflok ma tistipula eċċezzjonijiet u derogi ġenerali għal dawk l-intrapriżi. Konsegwentement, jenħtieġ li meta jiġu stabbiliti r-regoli għall-għażla u għall-implimentazzjoni tal-aktar proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità xierqa, titqies is-sitwazzjoni tal-SMEs filwaqt li l-obbligi biex tiġi vvalutata l-konformità tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà jenħtieġ li jiġu limitati sa fejn dawn ma joħolqux piż sproporzjonat fuq l-SMEs. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq joperaw b’mod proporzjonat fir-rigward tad-daqs tal-intrapriżi u tan-natura ta’ serje żgħira jew bla serje tal-produzzjoni kkonċernata, mingħajr ma jinħolqu ostakli bla bżonn għall-SMEs u mingħajr ma tiġi kompromessa l-protezzjoni tal-interess pubbliku.

(66)

F’każijiet eċċezzjonali, fejn il-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva jimponu piż sproporzjonat fuq l-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu meħtieġa jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti biss sal punt li ma jimponux piż sproporzjonat. F’każijiet debitament ġustifikati bħal dawn, ma jkunx raġonevolment possibbli li operatur ekonomiku japplika wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal din id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jagħmel servizz jew prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva kemm jista’ jkun aċċessibbli billi japplika dawk ir-rekwiżiti sal-punt li ma jimponux piż sproporzjonat. Jenħtieġ li japplikaw bis-sħiħ dawk ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li ma tqisux mill-operatur ekonomiku bħala li jimponu piż sproporzjonat. L-eċċezzjonijiet għall-konformità ma’ wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà minħabba l-piż sproporzjonat li jimponu jenħtieġ li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jiġi limitat dak il-piż fir-rigward tal-prodott jew is-servizz partikolari kkonċernat f’kull każ individwali. Miżuri li jimponu piż sproporzjonat jenħtieġ li jinftiehmu bħala miżuri li jkunu jimponu piż organizzattiv jew finanzjarju eċċessiv addizzjonali fuq l-operatur ekonomiku, b’kont meħud tal-benefiċċju li x’aktarx jirriżulta għall-persuni b’diżabilità f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’din id-Direttiva. Il-kriterji bbażati fuq dawn il-konsiderazzjonijiet jenħtieġ li jiġu definiti sabiex ikun possibbli għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet rilevanti li jqabblu sitwazzjonijiet differenti u li jivvalutaw b’mod sistematiku jekk jeżistix sproporzjonat. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati biss raġunijiet leġittimi fi kwalunkwe valutazzjoni sa fejn ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ma jistgħux jintlaħqu minħabba li jkunu jimponu piż sproporzjonat. Nuqqas ta’ prijorità, ħin jew għarfien jenħtieġ li ma jitqisux li huma raġunijiet leġittimi.

(67)

Jenħtieġ li l-valutazzjoni ġenerali ta’ piż sproporzjonat issir bl-użu tal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI. Jenħtieġ li l-valutazzjoni ta’ piż sproporzjonat tiġi dokumentata mill-operatur ekonomiku filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji rilevanti. Jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi jġeddu l-valutazzjoni ta’ piż sproporzjonat mill-inqas kull ħames snin.

(68)

Jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jinforma lill-awtoritajiet rilevanti li jkun ibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatati mat-trasformazzjoni fundamentali u/jew il-piż sproporzjonat. Jenħtieġ li fuq talba mill-awtoritajiet rilevanti biss l-operatur ekonomiku jipprovdi kopja tal-valutazzjoni li tispjega għaliex il-prodott jew is-servizz tiegħu ma jkunx kompletament aċċessibbli u li tipprovdi evidenza tal-piż sproporzjonat jew it-trasformazzjoni fundamentali, jew it-tnejn li huma.

(69)

Jekk abbażi tal-valutazzjoni meħtieġa, fornitur ta’ servizz jikkonkludi li jkun jikkostitwixxi piż sproporzjonat li jinħtieġ li t-terminali self-service kollha, użati fil-provvista tas-servizzi ta’ din id-Direttiva, jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva, il-fornitur ta’ servizz jenħtieġ li japplika xorta waħda dawk ir-rekwiżiti sa fejn dawk ir-rekwiżiti ma jimponux tali piż sproporzjonat fuqu. Konsegwentement, il-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jivvalutaw sa fejn livell limitat ta’ aċċessibbiltà fit-terminals self-service kollha jew numru limitat ta’ terminals self-service aċċessibbli b’mod sħiħ jippermettilhom jevitaw piż sproporzjonat li inkella jkun impost fuqhom, u jenħtieġ li jkunu meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva biss sa dak il-punt.

(70)

Il-mikrointrapriżi huma distinti mill-intrapriżi l-oħra kollha minħabba r-riżorsi umani limitati tagħhom u l-fatturat annwali jew il-karta tal-bilanċ annwali tagħhom. Il-piż ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal mikrointrapriżi, għalhekk, b’mod ġenerali, ser jieħu sehem akbar tar-riżorsi finanzjarji u umani tagħhom milli għal intrapriżi oħra u huwa aktar probabbli li jirrappreżenta sehem sproporzjonat tal-ispejjeż. Proporzjon sinifikanti tal-ispiża għall-mikrointrapriżi jirriżulta mit-tlestija jew iż-żamma tad-dokumenti u r-rekords li juru l-konformità mar-rekwiżiti differenti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni. Filwaqt li l-operaturi ekonomiċi kollha koperti minn din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu kapaċi jivvalutaw il-proporzjonalità ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’aċċessibbiltà stabbiliti f’din id-Direttiva u jenħtieġ li jkunu konformi magħhom biss sa fejn dawn ma jkunux sproporzjonati, it-talba ta’ tali valutazzjoni mill-mikrointrapriżi li jipprovdu s-servizzi fiha nnifisha tikkostitwixxi piż sproporzjonat. Għaldaqstant jenħtieġ li r-rekwiżiti u l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva ma japplikawx għal mikrointrapriżi li jipprovdu s-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(71)

Għall-mikrointrapriżi li jitrattaw prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva r-rekwiżiti u obbligi ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu eħfef sabiex jiiġi mnaqqas il-piż amministrattiv.

(72)

Filwaqt li xi mikrointrapriżi jkunu eżentati mill-obbligi ta’ din id-Direttiva, il-mikrointrapriżi kollha jenħtieġ li jiġu inkoraġġuti jimmanifatturaw, jimportaw jewjiddistribwixxu l-prodotti u li jipprovdu s-servizzi li jkunu f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva, sabiex tiżdied il-kompetittività tagħhom kif ukoll it-tkabbir potenzjali tagħhom fis-suq intern. Jenħtieġ, għalhekk, li l-Istati Membri jipprovdu linji gwida u għodod lill-mikrointrapriżi biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

(73)

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi kollha jaġixxu b’mod responsabbli u f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti legali applikabbli meta prodotti jitqiegħdu jew isiru disponibbli fis-suq jew meta jiġu pprovduti servizzi fis-suq.

(74)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli jkun meħtieġ li tiġi prevista preżunzjoni tal-konformità għall-prodotti u għas-servizzi li jkunu f’konformità mal-istandards armonizzati volontarji li jiġu adottati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) bl-għan li jitfasslu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati ta’ dawk ir-rekwiżiti. Il-Kummissjoni diġà ħarġet għadd ta’ talbiet għal standardizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni dwar l-aċċessibbiltà, bħall-mandati ta’ standardizzazzjoni M/376, M/473 u M/420, li jkunu rilevanti għat-tħejjija ta’ standards armonizzati.

(75)

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jipprevedi proċedura għal oġġezzjonijiet formali għall-istandards armonizzati li huma kkunsidrati bħala mhux konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

(76)

Jenħtieġ li l-istandards Ewropej ikunu mmexxija mis-suq, jieħdu kont tal-interess pubbliku, kif ukoll l-objettivi dwar il-politika ddikjarati b’mod ċar fit-talba tal-Kummissjoni lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jiġu abbozzati standards armonizzati, u jkunu bbażati fuq il-kunsens. Fin-nuqqas ta’ standards armonizzati u fejn meħtieġ għal finijiet ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta f’ċerti każijiet atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li r-rikors għal speċifikazzjonijiet tekniċi jiġi limitat għal tali każijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi per eżempju meta l-proċess ta’ standardizzazzjoni jkun imblukkat minħabba nuqqas ta’ kunsens bejn il-partijiet ikkonċernati jew ikun hemm dewmien żejjed fl-istabbiliment ta’ standard armonizzat, pereżempju minħabba li ma tkunx inkisbet il-kwalità meħtieġa. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħalli biżżejjed żmien bejn l-adozzjoni ta’ talba lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jiġu abbozzati standards armonizzati u l-adozzjoni ta’ speċifikazzjoni teknika relatata mal-istess rekwiżit ta’ aċċessibbiltà. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tadotta speċifikazzjoni teknika jekk qabel ma tkunx ippruvat ikollha r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà koperti permezz tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea, ħlief meta l-Kummissjoni ma tkunx tista’ turi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jirrispettaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

(77)

Bil-ħsieb li jiġu stabbiliti, bl-aktar mod effiċjenti, standards armonizzati u speċifikazzjonijiet tekniċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti ta’ din id-Direttiva għall-prodotti u għas-servizzi, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fejn dan ikun fattibbli, tinvolvi organizzazzjonijiet Ewropej umbrella tal-persuni b’diżabbiltà u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha fil-proċess.

(78)

Sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-informazzjoni għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq, jenħtieġ li l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi ddikjarata l-konformità mal-atti applikabbli kollha tal-Unjoni tkun disponibbli f’dikjarazzjoni unika ta’ konformità tal-UE. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li dawn ikunu jistgħu jinkludu fid-dikjarazzjoni unika ta’ konformità tal-UE, id-dikjarazzjonijiet individwali rilevanti kollha ta’ konformità.

(79)

Għall-valutazzjoni ta’ konformità tal-prodotti, jenħtieġ li din id-Direttiva tuża l-kontroll intern tal-produzzjoni tal-“Modulu A”, stabbilit fl-Anness II għad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, billi dan jgħin lill-operaturi ekonomiċi juru, u lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw, li l-prodotti li jsiru disponibbli fis-suq ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà filwaqt li ma jimponux piż żejjed.

(80)

Meta jwettqu sorveljanza tas-suq tal-prodotti u jivverifikaw il-konformità tas-servizzi, jenħtieġ li l-awtoritajiet jivverifikaw ukoll il-valutazzjonijiet tal-konformità, inkluż jekk il-valutazzjoni rilevanti ta’ trasformazzjoni fundamentali jew piż sproporzjonat kenitx twettqet kif meħtieġ. Meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom jenħtieġ li l-awtoritajiet jagħmlu dan ukoll f’kooperazzjoni ma’ persuni b’diżabbiltà u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lilhom u l-interessi tagħhom.

(81)

Għas-servizzi, jenħtieġ li l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva tingħata fit-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali, jew f’dokument ekwivalenti mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

(82)

It-tikketta CE, li tindika l-konformità ta’ prodott mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva, hija l-konsegwenza viżibbli ta’ proċess sħiħ li jinkludi l-valutazzjoni ta’ konformità f’sens wiesa’. Jenħtieġ li din id-Direttiva ssegwi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw it-tikketta CE tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti. Minbarra li jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ konformità, jenħtieġ li l-manifattur jinforma lill-konsumaturi b’mod kosteffikaċi dwar l-aċċessibbiltà tal-prodotti tagħhom.

(83)

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008, bit-twaħħil tat-tikketta CE ma’ prodott, il-manifattur jiddikjara li l-prodott huwa f’konformità mar-rekwiżiti kollha ta’ aċċessibbiltà applikabbli u li l-manifattur jieħu r-responsabbiltà sħiħa għalihom.

(84)

F’konformità mad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw sorveljanza tas-suq rigoruża u effiċjenti tal-prodotti fit-territorji tagħhom u jenħtieġ li jallokaw setgħat u riżorsi suffiċjenti lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tagħhom.

(85)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jivverifikaw il-konformità ta’ servizzi mal-obbligi ta’ din id-Direttiva u jenħtieġ li jsegwu lmenti jew rapporti relatati man-nonkonformità sabiex jiżguraw li tkun ittieħdet azzjoni korrettiva.

(86)

Fejn adatt il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, tista’ tadotta linji gwida mhux vinkolanti li jappoġġaw il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet responsabbli li jivverifikaw il-konformità tas-servizzi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu inizjattivi bl-għan li jiġu kondiviżi r-riżorsi u l-għarfien espert tal-awtoritajiet.

(87)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet responsabbli mill-verifika ta’ konformità tas-servizzi jivverifikaw il-konformità tal-operaturi ekonomiċi mal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI f’konformità mal-Kapitolu VIII u IX. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħtru korp speċjalizzat għat-twettiq tal-obbligi tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jew awtoritajiet responsabbli għall-verifika ta’ konformità tas-servizzi skont din id-Direttiva. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-kompetenzi ta’ tali korp speċjalizzat ikunu limitati għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew ċerti partijiet minnha, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

(88)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta’ salvagwardja li tapplika f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri dwar miżuri meħuda minn Stat Membru li permezz tagħha partijiet interessati jiġu infurmati bil-miżuri maħsuba biex jittieħdu fir-rigward ta’ prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li din tippermetti lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, f’kooperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi rilevanti, li jaġixxu fi stadju aktar bikri fir-rigward ta’ tali prodotti.

(89)

Fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqblu li miżura meħuda minn Stat Membru tkun ġustifikata, jenħtieġ li ebda involviment ulterjuri tal-Kummissjoni ma tkun meħtieġa, ħlief fejn in-nonkonformità tkun tista’ tiġi attribwita għan-nuqqasijiet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(90)

Id-Direttivi 2014/24/UE (22) u 2014/25/UE (23) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku, li jiddefinixxu l-proċeduri għall-akkwist ta’ kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn għal ċerti provvisti (prodotti), servizzi u xogħlijiet, jistabbilixxu li, għall-akkwisti kollha maħsuba għall-użu minn persuni fiżiċi, kemm jekk il-pubbliku ġenerali jew il-persunal tal-awtorità jew l-entità kontraenti, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jridu, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, jitfasslu b’mod li jieħdu kont tal-kriterji ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità jew disinn għall-utenti kollha. Barra minn hekk, dawk id-Direttivi jirrikjedu li, fejn ir-rekwiżiti obbligatorji ta’ aċċessibbiltà huma adottati permezz ta’ att legali tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jridu, sa fejn tkun konċernata l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità jew id-disinn għal kulħadd, jiġu stabbiliti b’referenza għalihom. Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi r-rekwiżiti obbligatorji ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi koperti minnha. Għall-prodotti u s-servizzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, mhumiex vinkolanti r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva. Madankollu, l-użu ta’ dawk ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà biex jiġu ssodisfati l-obbligi rilevanti stabbiliti fl-atti tal-Unjoni minbarra din id-Direttiva jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-aċċessibilità u jikkontribwixxi għal ċertezza legali u l-approssimazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà madwar l-Unjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ma jinżammux milli jistabbilixxu rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I għal din id-Direttiva.

(91)

Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tbiddilx in-natura obbligatorja jew volontarja tad-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċessibbiltà f’atti oħra tal-Unjoni.

(92)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal proċeduri ta’ akkwist li għalihom intbagħtet is-sejħa għal kompetizzjoni jew, f’każijiet fejn ma tkunx prevista sejħa għal kompetizzjoni, fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tkun bdiet il-proċedura ta’ akkwist wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(93)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’: l-ispeċifikazzjoni ulterjuri tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li, minnhom infushom, ma jistgħux jipproduċu l-effett maħsub tagħhom sakemm ma jiġux speċifikati ulterjorment f’atti legali vinkolanti tal-Unjoni; il-bdil tal-perijodu li matulu l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jidentifikaw kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor li jkun fornihom bi prodott jew li jkunu fornew prodott lilu; u l-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji rilevanti li jrid jittieħed kont tagħhom mill-operatur ekonomiku għall-valutazzjoni ta’ jekk il-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà timponix piż sproporzjonat. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (24). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(94)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

(95)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effikaċi biex jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva u għalhekk jenħtieġ li b’hekk jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ kontroll adatti, bħall-kontroll a posteriori mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, sabiex jiġi verifikat li tkun ġustifikata l-eżenzjoni mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà. Meta jindirizzaw l-ilmenti relatati mal-aċċessibbiltà, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkonformaw mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, u b’mod partikolari mal-obbligu li l-uffiċjali jiżguraw li tittieħed deċiżjoni dwar kull ilment f’limitu ta’ żmien raġonevoli.

(96)

Sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta’ ħidma li jikkonsisti mill-awtoritajiet u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki u biex jiġu pprovduti pariri. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni titrawwem bejn l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż persuni b’diżabbiltà u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, fost oħrajn biex tittejjeb il-koerenza fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u biex ikun hemm monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar trasformazzjoni fundamentali u piż sproporzjonat.

(97)

Minħabba l-qafas legali eżistenti dwar rimedji fl-oqsma koperti mid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatati mal-infurzar u l-penali ma jkunux applikabbli għall-proċeduri ta’ akkwist soġġetti għall-obbligi imposti minn din id-Direttiva. Tali esklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont it-Trattati li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni.

(98)

Jenħtieġ li l-penali jkunu adegwati b’rabta man-natura tal-ksur u maċ-ċirkostanzi sabiex ma jkunux ta’ alternattiva għall-issodisfar mill-operaturi ekonomiċi tal-obbligu tagħhom li jagħmlu aċċessibbli l-prodotti jew is-servizzi tagħhom.

(99)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, f’konformità mad-dritt eżistenti tal-Unjoni, ikunu fis-seħħ mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jippermettu r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe nonkonformità allegata għal din id-Direttiva qabel ma titressaq azzjoni quddiem qrati jew korpi amministrattivi kompetenti.

(100)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (26), l-Istati Membri ħadu l-impenn li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li tkun iġġustifikata t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti.

(101)

Sabiex il-fornituri ta’ servizzi jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, huwa meħtieġ li jiġi previst perijodu tranżitorju ta’ ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li matulu prodotti użati għall-forniment ta’ servizz li tqiegħdu fis-suq qabel dik id-data ma jkunx meħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti f’din id-Direttiva sakemm ma jiġux sostitwiti mill-fornituri ta’ servizzi matul il-perijodu tranżitorju. Minħabba l-ispejjeż u ċ-ċiklu tal-ħajja twil ta’ terminals self-service, huwa adatt li jiġi previst li, meta tali terminals jintużaw għall-forniment ta’ servizzi, jistgħu jkomplu jintużaw sa tmiem il-ħajja ekonomika tagħhom, sakemm ma jiġux sostitwiti matul dak il-perijodu, iżda mhux għal aktar minn 20 sena.

(102)

(45) Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti ta’ din id-Direttiva japplikaw għall-prodotti li jitqiegħdu fis-suq u s-servizzi pprovduti wara d-data ta’ applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, inkluż il-prodotti użati importati minn pajjiż terz u mqiegħda fis-suq wara dik id-data.

(103)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità biex jibbenefikaw minn miżuri mfassla biex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 21, 25 u 26 tal-Karta.

(104)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri, l-eliminazzjoni ta’ ostakli għall-moviment liberu ta’ ċerti prodotti u servizzi aċċessibbli, sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li jirrikjedi l-armonizzazzjoni ta’ regoli differenti li bħalissa jeżistu fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, iżda jista’, billi jiġu definiti r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u r-regoli għall-funzjonament tas-suq intern, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tapprossimizza l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal ċerti prodotti u servizzi billi, b’mod partikolari, telimina u tevita ostakli għall-moviment liberu ta’ prodotti u servizzi koperti minn din id-Direttiva li jirriżultaw minn rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà diverġenti fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għall-prodotti li ġejjin imqiegħda fis-suq wara t-28 ta’ Ġunju 2025:

(a)

sistemi ta’ hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur u sistemi operattivi għal dawn is-sistemi ta’ hardware;

(b)

it-terminals self-service li ġejjin:

(i)

terminals ta’ pagament;

(ii)

it-terminals self-service li ġejjin iddedikati għall-forniment ta’ servizzi koperti minn din id-Direttiva:

magni tal-flus awtomatiċi;

magni tal-biljetti;

magni taċ-check-in;

terminals self-service interattivi li jipprovdu informazzjoni, eskluż magni installati bħala partijiet integrati ta’ vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti jew vetturi ferrovjarji;

(c)

tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità informatika interattiva, użat għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika;

(d)

tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità informatika interattiva, użat għall-aċċess ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva; u

(e)

qarrejja elettroniċi.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32, din id-Direttiva tapplika għas-servizzi li ġejjin ipprovduti lill-konsumaturi wara t-28 ta’ Ġunju 2025:

(a)

servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika bl-eċċezzjoni ta’ servizzi ta’ trasmissjoni użati għall-għoti ta’ servizzi minn magna għal oħra;

(b)

servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi ta’ media awdjoviżiva;

(c)

l-elementi li ġejjin ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, bix-xarabank, bil-ferrovija u fuq l-ilma, ħlief għal servizzi tat-trasport urban, suburban u reġjonali li għalihom japplikaw biss l-elementi taħt il-punt v:

(i)

siti web;

(ii)

servizzi bbażati fuq tagħmir mobbli inkluż applikazzjonijiet mobbli;

(iii)

biljetti elettroniċi u servizzi elettroniċi tal-ħruġ tal-biljetti;

(iv)

forniment ta’ informazzjoni dwar servizzi tat-trasport, inkluż informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali; fir-rigward tal-iskrins tal-informazzjoni, dan għandu jkun limitat għal skrins interattivi li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni; u

(v)

it-terminals self-service interattivi li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, ħlief dawk installati bħala partijiet integrali minn vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti u vetturi ferrovjarji użati fil-forniment ta’ kwalunkwe parti minn tali servizzi tat-trasport tal-passiġġieri.

(d)

servizzi bankarji għall-konsumatur;

(e)

kotba elettroniċi u software ddedikat; u

(f)

servizzi tal-kummerċ elettroniku.

3.   Din id-Direttiva tapplika għat-tweġib għal komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza ‘112’.

4.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-kontenut tas-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli li ġej:

(a)

media temporali rrekordjata minn qabel ippubblikata qabel t-28 ta’ Ġunju 2025;

(b)

formati ta’ fajls burokratiċi ppubblikati qabel t-28 ta’ Ġunju 2025;

(c)

servizzi ta’ mapep u mmappjar online, jekk l-informazzjoni essenzjali tkun ipprovduta b’mod diġitali aċċessibbli għal mapep maħsuba għal użu ta’ navigazzjoni;

(d)

kontenut ta’ parti terza li la jkun iffinanzjat u lanqas żviluppat mill-operatur ekonomiku, u lanqas ma jkun taħt il-kontroll tal-operatur ekonomiku kkonċernat;

(e)

kontenut ta’ siti web u applikazzjonijiet mobbli li jikkwalifika bħala arkivji, jiġifieri li jkun fihom biss kontenut li mhuwiex aġġornat jew editjat wara t-28 ta’ Ġunju 2025.

5.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2017/1564 u r-Regolament (UE) 2017/1563.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“persuni b’diżabbiltà” tfisser persuni li jkollhom indeboliment fiżiku, mentali, intellettwali jew sensorju fit-tul li, meta jinteraġixxi ma’ diversi ostakli, jista’ jxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq l-istess livell ma’ ħaddieħor;

(2)

“prodott” tfisser sustanza, preparat, jew oġġett prodott permezz ta’ proċess ta’ manifattura, għajr ikel, għalf, pjanti ħajjin jew annimali ħajjin, prodotti ta’ oriġini umana u prodotti tal-pjanti u tal-annimali relatati direttament mar-riproduzzjoni futura tagħhom;

(3)

“servizz” tfisser servizz kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27);

(4)

“fornituri ta’ servizzi” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz fis-suq tal-Unjoni jew tagħmel offerti biex tipprovdi tali servizz lil konsumaturi fl-Unjoni;

(5)

“servizzi tal-media awdjoviżiva” tfisser servizzi kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13/UE;

(6)

“servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva” tfisser servizzi trażmessi b’netwerk tal-komunikazzjoni elettronika li jintużaw biex jiġu identifikati s-servizzi tal-media awdjoviżiva, biex dawn jintgħażlu, biex tasal informazzjoni dwarhom u biex wieħed jarahom, kif ukoll kwalunkwe karatteristika pprovduta, bħal sottotitoli għal dawk neqsin mis-smigħ u dawk b’diffikultajiet ta’ smigħ, deskrizzjoni bl-awdjo, sottotitoli mitkellma u interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ miżuri biex is-servizzi jsiru aċċessibbli kif imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/13/UE; u tinkludi l-gwidi elettroniċi tal-programmi (EPGs);

(7)

“tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità informatika interattiva, użat għall-aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva” tfisser kwalunkwe tagħmir li l-għan prinċipali tiegħu jkun li jipprovdi aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva;

(8)

“servizz ta’ komunikazzjoni elettronika” tfisser servizz ta’ komunikazzjoni elettronika kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(9)

“servizz ta’ konverżazzjoni totali” tfisser servizz ta’ konverżazzjoni totali kif definit fil-punt 35 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(10)

“ċentru li jwieġeb is-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika” jew “PSAP” tfisser ċentru li jwieġeb is-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika jew PSAP kif definit fil-punt 36 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(11)

“l-aktar PSAP adatt” tfisser l-aktar PSAP adatt kif definit fil-punt 37 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(12)

“komunikazzjoni ta' emerġenza” tfisser komunikazzjoni ta' emerġenza kif definit fil-punt 38 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(13)

“servizz ta’ emerġenza” tfisser servizz ta’ emerġenza kif definit fil-punt 39 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(14)

“test f’ħin reali” tfisser forma ta’ konverżazzjoni fl-għamla ta’ test f’sitwazzjonijiet minn punt għal punt jew f’konferenza bejn diversi punti fejn it-test li jiddaħħal jintbagħat karattru b’karattru, b’tali mod li l-komunikazzjoni tiġi perċepita mill-utent bħala kontinwa;

(15)

“tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq” tfisser kwalunkwe forniment ta’ prodott għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali, kemm jekk isir bi ħlas kif ukoll jekk ikun mingħajr ħlas;

(16)

“tqegħid fis-suq” tfisser li prodott isir disponibbli għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni;

(17)

“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodott, jew li għandha prodott iddisinjat jew immanifatturat u li tikkummerċjalizzah f’isimha jew bit-trade mark tagħha;

(18)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand manifattur sabiex taġixxi f’ismu b’rabta ma’ kompiti determinati;

(19)

“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed prodott minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

(20)

“distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, minbarra l-manifattur jew l-importatur, li tagħmel prodott disponibbli fis-suq;

(21)

“operatur ekonomiku” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur, id-distributur, jew il-fornitur tas-servizz;

(22)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li tixtri l-prodott rilevanti jew li tirċievi s-servizz rilevanti għal finijiet li huma barra mill-kummerċ, min-negozju, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;

(23)

“mikrointrapriża” tfisser intrapriża li timpjega inqas minn 10 persuni u li jkollha fatturat annwali li ma jaqbiżx l-EUR 2 miljuni jew karta tal-bilanċ annwali li ma taqbiżx l-EUR 2 miljuni;

(24)

“intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju” (SMEs) tfisser intrapriżi li jħaddmu inqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx l-EUR 50 miljun, jew karta tal-bilanċ annwali b’total li ma jaqbiżx l-EUR 43 miljun, iżda teskludi l-mikrointrapriżi;

(25)

“standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt 1(c) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(26)

“speċifikazzjonijiet tekniċi ” tfisser speċifikazzjoni teknika kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 li tipprovdi mezz biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli għal prodott jew servizz;

(27)

“irtirar” tfisser kwalunkwe miżura maħsuba biex prodott fil-katina tal-provvista ma jitħalliex isir disponibbli fis-suq;

(28)

“servizzi bankarji għall-konsumatur” tfisser il-provvista lill-konsumaturi tas-servizzi bankarji u finanzjarji li ġejjin:

(a)

ftehimiet ta’ kreditu koperti mid-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) jew id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29);

(b)

servizzi kif definit fil-punti 1, 2, 4 u 5 fit-Taqsima A u l-punti 1, 2, 4 u 5 fit-Taqsima B tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30);

(c)

servizzi ta’ pagament kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31);

(d)

servizzi marbuta mal-kont tal-ħlas kif definit fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32); u

(e)

flus elettroniċi kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33);

(29)

“terminal ta’ ħlas” tfisser tagħmir li l-għan prinċipali tiegħu jkun li jippermetti li jsiru ħlasijiet bl-użu ta’ strumenti ta’ pagament kif definit fil-punt 14 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 f’punt ta’ bejgħ fiżiku iżda mhux f’ambjent virtwali;

(30)

“servizzi ta’ kummerċ elettroniku” tfisser servizzi pprovduti mill-bogħod, permezz ta’ siti web u servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ konsumatur bl-għan li jiġi konkluż kuntratt mal-konsumatur;

(31)

“servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru” tfisser servizzi kummerċjali tal-ajru għall-passiġġieri, kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, li jitilqu minn, li jittransitaw minn, jew li jaslu f’ajruport, meta l-ajruport jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, inklużi titjiriet li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru fejn is-servizzi jitħaddmu minn trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni;

(32)

“servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank” tfisser servizzi koperti bl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 181/2011;

(33)

“servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija” tfisser is-servizzi kollha tal-passiġġieri bil-ferrovija kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007, bl-eċċezzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(2) tiegħu;

(34)

“servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma” tfisser servizzi koperti bl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010, bl-eċċezzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament;

(35)

“Servizzi tat-trasport urban u suburban” tfisser servizzi tat-trasport urban u suburban kif definiti fil-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34); iżda għall-finijiet ta’, din id-Direttiva, tinkludi biss il-mezzi ta’ trasport li ġejjin: bil-ferrovija, bix-xarabank u bil-kowċ, bil-metro, bit-tram u bit-trolley bus;

(36)

“servizzi tat-trasport reġjonali” tfisser servizzi reġjonali kif definit fil-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE; iżda għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, tinkludi biss il-mezzi ta’ trasport li ġejjin: bil-ferrovija, bix-xarabank u bil-kowċ, bil-metro, bit-tram u bit-trolley bus;

(37)

“teknoloġija ta’ assistenza” tfisser kwalunkwe oġġett, tagħmir, servizz jew sistema ta’ prodott, inkluż software, li jintuża biex jiżdiedu, jinżammu jew jitjiebu l-kapaċitajiet funzjonali ta’ persuni b’diżabbiltà jew biex jittaffew u jiġu kkumpensati xi indebolimenti, limitazzjonijiet tal-attività jew restrizzjonijiet għall-parteċipazzjoni;

(38)

“sistema operattiva” tfisser software, li fost l-oħrajn, jittratta l-interfaċċa għal hardware periferali, jiskeda kompiti, jalloka l-ħżin, u jippreżenta interfaċċa prestabbilita lill-utent meta l-ebda programm ta’ applikazzjoni ma jkun qed jopera inkluż interfaċċa grafika tal-utent, irrispettivament minn jekk tali software jkun parti integrali tal-hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur, jew ikun software awtonomu li għandu jiġi operat fuq hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur, iżda bl-esklużjoni ta’ karigatur tas-sistema operattiva, sistema bażika ta’ input/output jew firmware ieħor meħtieġ meta s-sistema tistartja jew meta tiġi installata s-sistema operattiva;

(39)

“sistema ta’ hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur” tfisser it-taħlita ta’ hardware li tifforma kompjuter komplet, ikkaratterizzata min-natura multifunzjonali tagħha, il-kapaċità tagħha li twettaq, bis-software adatt, l-aktar kompiti informatiċi komuni mitluba mill-konsumaturi u maħsuba biex titħaddem mill-konsumaturi, inklużi kompjuters personali, b’mod partikolari kompjuters desktop, notebooks, smartphones u tablets;

(40)

“kapaċità informatika interattiva” tfisser funzjonalità li tappoġġa interazzjoni bejn it-tagħmir u l-bniedem li tippermetti l-ipproċessar u t-trasmissjoni ta’ data, vuċi jew video jew kwalunkwe taħlita tagħhom;

(41)

“ktieb elettroniku u software ddedikat” tfisser servizz, li jikkonsisti mill-provvista ta’ fajls diġitali li jagħtu verżjoni elettronika ta’ ktieb, li jista’ jiġi aċċessat, navigat, jinqara u jintuża u s-software inkluż servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile inklużi applikazzjonijiet mobbli ddedikat għall-aċċess, in-navigazzjoni u l-qari u l-użu ta’ dawk il-fajls diġitali, u teskludi software kopert skont id-definizzjoni fil-punt (42);

(42)

“qarrej elettroniku” tfisser tagħmir apposta, li jinkludi kemm hardware u software, użat għall-aċċess, in-navigazzjoni, il-qari u l-użu ta’ fajls ta’ kotba elettroniċi;

(43)

“biljetti elettroniċi” tfisser kwalunkwe sistema li fiha intitolament għall-ivvjaġġar, fil-forma ta’ biljetti tal-ivvjaġġar singoli jew multipli, abbonamenti tal-ivvjaġġar jew kreditu tal-ivvjaġġar, ikun maħżun elettronikament fuq kard tat-trasport fiżika jew tagħmir ieħor, minflok ma jiġi stampat fuq biljett tal-karti;

(44)

“servizzi ta’ ħruġ ta’ biljetti elettroniċi” tfisser kwalunkwe sistema li fiha biljetti tat-trasport tal-passiġġieri jinxtraw online inkluż billi jintuża tagħmir b’kapaċità informatika interattiva, u jitwasslu għand ix-xerrejja fil-forma elettronika, biex huma jkunu jistgħu jistampawhom fuq karta jew juruhom fuq tagħmir mobbli b’kapaċità informatika interattiva meta jivvjaġġaw.

KAPITOLU II

Rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u moviment liberu

Artikolu 4

Rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u soġġett għall-Artikolu 14, li l-operaturi ekonomiċi jpoġġu fis-suq biss il-prodotti u jipprovdu biss is-servizzi li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I.

2.   Il-prodotti kollha għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fit-Taqsima I tal-Anness I.

Il-prodotti kollha, bl-eċċezzjoni tat-terminals self-service, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fit-Taqsima II tal-Anness I.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, is-servizzi kollha, ħlief is-servizzi tat-trasport urban u suburban u s-servizzi tat-trasport reġjonali, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima III tal-Anness I.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, is-servizzi kollha għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fit-Taqsima IV tal-Anness I.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali, l-ambjent mibni użat mill-klijenti tas-servizzi koperti minn din id-Direttiva għandu jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness III, sabiex jiżdied l-użu tagħhom minn persuni b’diżabbiltà.

5.   Il-mikrointrapriżi li jipprovdu servizzi) għandhom ikunu eżentati milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u minn kwalunkwe obbligu relatat mal-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu linji gwida u għodod lill-mikrointrapriżi biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw dawk l-għodod f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

7.   L-Istati Membri jistgħu jinfurmaw lill-operaturi ekonomiċi bl-eżempji indikattivi, li jinsabu fl-Anness II, ta’ soluzzjonijiet possibbli li jikkontribwixxu biex jiġu sodifatti r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fl-Anness I.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tweġib għall-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza ‘112’ mill-aktar PSAP adatt, għandu jikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ aċċessibbiltà stipulati fit-Taqsima V tal-Anness I bl-aktar mod adatt għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta’ emerġenza.

9.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 biex tissupplimenta l-Anness I billi tispeċifika aktar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li, minnhom infushom, ma jistgħux jipproduċu l-effett mixtieq tagħhom sakemm ma jkunux speċifikati aktar f’atti legali vinkolanti tal-Unjoni, bħar-rekwiżiti relatati mal-interoperabbiltà.

Artikolu 5

Leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri

Is-servizzi li jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar l-għoti ta’ informazzjoni aċċessibbli u ta’ informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 261/2004, (KE) Nru 1107/2006, (KE) Nru 1371/2007, (UE) Nru 1177/2010 u (UE) Nru 181/2011 u l-atti rilevanti adottati abbażi tad-Direttiva 2008/57/KE għandhom jitqiesu bħala li jikkonformaw mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ din id-Direttiva. Fejn din id-Direttiva tipprevedi rekwiżiti addizzjonali għal dawk previsti f’dawk ir-Regolamenti u f’dawk l-atti, ir-rekwiżiti addizzjonali għandhom japplikaw b’mod sħiħ.

Artikolu 6

Moviment liberu

L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxi, għal raġunijiet relatati mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà,it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq fit-territorju tagħhom ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi fit-territorju tagħhom li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

KAPITOLU III

Obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jittrattaw prodotti

Artikolu 7

Obbligi tal-manifatturi

1.   Meta jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq, il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-prodotti tfasslu u ġew immanifatturati f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ din id-Direttiva.

2.   Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika f’konformità mal-Anness IV u jwettqu l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbilita f’dak l-Anness jew iqabbdu lil xi ħadd biex jagħmilha.

Fejn ikun intwera, permezz ta’ dik il-proċedura, li prodott huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE u jwaħħlu t-tikketta CE.

3.   Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għal ħames snin wara li l-prodott ikun tqiegħed fis-suq.

4.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti proċeduri biex il-produzzjoni tas-serje tibqa’ konformi ma’ din id-Direttiva. Għandu jittieħed kont b’mod adegwat tal-bidliet fid-disinn jew fil-karatteristiċi tal-prodott u tal-bidliet fl-istandards armonizzati, jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li b’referenza għalihom tiġi ddikjarata l-konformità ta’ prodott.

5.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikollhom fuqhom numru tat-tip, tal-lott jew tas-serje jew element ieħor li jippermetti l-identifikazzjoni tagħhom jew, fejn id-daqs jew in-natura tal-prodott ma jippermettux dan, li l-informazzjoni meħtieġa għandha tingħata fuq l-imballaġġ jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott.

6.   Il-manifatturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trade mark irreġistrata tagħhom u l-indirizz fejn jistgħu jiġu kkuntattjati rigward il-prodott jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott. L-indirizz irid jindika punt uniku fejn il-manifattur jista’ jiġi kkuntattjat. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti aħħarin u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

7.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni ta’ sikurezza b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti aħħarin oħra, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat. Dawn l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni, kif ukoll kwalunkwe tikkettar, għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u intelliġibbli.

8.   Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li prodott li jkunu qiegħdu fis-suq ma jkunx f’konformità ma’ din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak il-prodott jinġieb f’konformità, jew jekk adatt, jirtirawh. Barra minn hekk, fejn il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva, il-manifatturi għandhom minnufih jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu għamlu l-prodott disponibbli għal dak il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nonkonformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda. F’tali każijiet, il-manifatturi għandhom iżommu reġistru tal-prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli u tal-ilmenti relatati.

9.   Il-manifatturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex juru l-konformità tal-prodott, b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq it-talba tagħha, dwar kwalunkwe azzjoni meħuda biex tiġi eliminata n-nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ prodotti, li jkunu qiegħdu fis-suq, b’mod partikolari billi jġibu l-prodotti f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli.

Artikolu 8

Rappreżentanti awtorizzati

1.   Manifattur jista’, b’mandat bil-miktub, jaħtar rappreżentant awtorizzat.

L-obbligi stipulati fl-Artikolu 7(1) u t-tfassil ta’ dokumentazzjoni teknika ma għandhomx jiffurmaw parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

2.   Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jirċievi mingħand il-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat li jagħmel għall-inqas dan li ġej:

(a)

iżomm id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal perijodu ta’ ħames snin;

(b)

fuq talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdi lil dik l-awtorità l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità ta’ prodott;

(c)

jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq it-talba tagħhom, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex tiġi eliminata n-nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ prodotti koperti mill-mandat tagħhom.

Artikolu 9

Obbligi tal-importaturi

1.   L-importaturi għandhom iqiegħdu fis-suq biss prodotti konformi.

2.   Qabel ma jqiegħdu prodott fis-suq, l-importaturi għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun wettaq il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness IV. Għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun fassal id-dokumentazzjoni teknika meħtieġa minn dak l-Anness, li l-prodott ikollu fuqu t-tikketta CE u li jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa u li l-manifattur ikun issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(5) u (6).

3.   Fejn importatur iqis, jew ikollu raġuni biex jemmen, li prodott ma jkunx f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ din id-Direttiva, l-importatur ma għandux iqiegħed il-prodott fis-suq sakemm dan ikun inġieb f’konformità. Barra minn hekk, fejn il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, l-importatur għandu jinforma lill-manifattur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

4.   L-importaturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom u l-indirizz fejn jistgħu jiġu kkuntattjati rigward il-prodott jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti aħħarin u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

5.   L-importaturi għandhom jiżguraw li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti aħħarin oħra, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-importaturi għandhom jiżguraw li, waqt li prodott ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħżin jew ta’ trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli.

7.   L-importaturi għandhom, għal perijodu ta’ ħames snin, iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika tkun tista’ ssir disponibbli għal dawk l-awtoritajiet fuq talba.

8.   L-importaturi li jqisu, jew li jkollhom raġuni jemmnu, li prodott li jkunu qiegħdu fis-suq ma jkunx f’konformità ma’ din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak il-prodott jinġieb f’konformità, jew, jekk adatt, biex jirtirawh. Barra minn hekk, fejn il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, l-importaturi għandhom minnufih jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu għamlu l-prodott disponibbli għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nonkonformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda. F’tali każijiet, l-importaturi għandhom iżommu reġistru tal-prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, u tal-ilmenti relatati.

9.   L-importaturi għandhom, fuq talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u bid-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità ta’ prodott b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq it-talba tagħha, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex tiġi eliminata n-nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ prodotti, li jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 10

Obbligi tad-distributuri

1.   Meta jqiegħdu prodott għad-dispożizzjoni fis-suq id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni dovuta fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

2.   Qabel ma prodott jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq id-distributuri għandhom jivverifikaw li l-prodott ikollu fuqu t-tikketta CE, li jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa u minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti aħħarin oħra fl-Istat Membru li fih il-prodott ser jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq u li l-manifattur u l-importatur ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(5) u (6) u l-Artikolu 9(4) rispettivament.

3.   Fejn distributur iqis, jew ikollu raġuni biex jemmen, li prodott ma jkunx f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ din id-Direttiva, id-distributur ma għandux iqiegħed il-prodott għad-dispożizzjoni fis-suq qabel ma dan jinġieb f’konformità. Barra minn hekk, fejn il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, id-distributur għandu jinforma lill-manifattur jew lill-importatur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

4.   Id-distributuri għandhom jiżguraw li, waqt li prodott ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħżin jew ta’ trasport ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli.

5.   Id-distributuri li jqisu, jew li jkollhom raġuni biex jemmnu, li prodott li jkunu qiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq ma jkunx f’konformità ma’ din id-Direttiva għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak il-prodott jinġieb f’konformità, jew, jekk adatt, biex jirtirawh. Barra minn hekk, fejn il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, id-distributuri għandhom minnufih jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu għamlu l-prodott disponibbli għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nonkonformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.

6.   Id-distributuri għandhom, fuq talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità ta’ prodott. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq it-talba tagħha, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex tiġi eliminata n-nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ prodotti, li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq.

Artikolu 11

Każijiet li fihom l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u għad-distributuri

Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u għandu jkun soġġett għall-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 7, fejn iqiegħed prodott fis-suq taħt ismu jew bit-trademark tiegħu jew jimmodifika prodott li diġà jkun tqiegħed fis-suq b’tali mod li jista’ jaffettwa l-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 12

Identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jittrattaw prodotti

1.   L-operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikoli 7 sa 10 għandhom, fuq talba, jidentifikaw lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, dan li ġej:

(a)

kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor li jkun fornihom prodott;

(b)

kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor li jkunu fornewh bi prodott.

2.   L-operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikoli 7 sa 10 għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal perijodu ta’ ħames snin wara li jkunu ġew fornuti bil-prodott u għal perijodu ta’ ħames snin wara li jkunu fornew il-prodott.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26, biex temenda din id-Direttiva sabiex tbiddel il-perijodu msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għal prodotti speċifiċi. Dak il-perijodu emendat għandu jkun itwal minn ħames snin, u għandu jkun proporzjonat mal-ħajja ekonomikament utli tal-prodott ikkonċernat.

KAPITOLU IV

Obbligi tal-fornituri ta’ servizzi

Artikolu 13

Obbligi tal-fornituri ta’ servizzi

1.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jiżguraw li jfasslu u jipprovdu s-servizzi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom iħejju l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Anness V u għandhom jispjegaw kif is-servizzi jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli. L-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku f’format bil-miktub u bil-fomm, inkluż b’mod li jkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. Il-fornituri ta’ servizzi għandhom iżommu dik l-informazzjoni sakemm ikun qed jitħaddem is-servizz.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32, il-fornituri ta’ servizzi għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti proċeduri sabiex il-provvista ta’ servizzi tibqa’ f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli. IBidliet fil-karatteristiċi tal-provvista tas-servizz, bidliet fir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli u bidliet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li b’referenza għalihom servizz jiġi ddikjarat li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għandhom jitqiesu b’mod adatt mill-fornituri ta’ servizzi.

4.   Fil-każ ta’ nonkonformità, il-fornituri ta’ servizzi għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex iġibu s-servizz f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli. Barra minn hekk, fejn is-servizz ma jkunx f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, il-fornituri ta’ servizzi għandhom minnufih jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri, li fihom jiġi pprovdut is-servizz, għal dak l-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nonkonformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.

5.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom, fuq talba motivata minn awtorità kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità tas-servizz mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba ta’ dik l-awtorità, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex is-servizz jinġieb f’konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti.

KAPITOLU V

Trasformazzjoni fundamentali ta’ prodotti jew servizzi u piż sproporzjonat għall-operaturi ekonomiċi

Artikolu 14

Trasformazzjoni fundamentali u piż sproporzjonat

1.   Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà msemmija fl-Artikolu 4 għandhom japplikaw biss sa fejn il-konformità:

(a)

ma tkunx teħtieġ bidla sinifikanti fi prodott jew servizz li tirriżulta fit-trasformazzjoni fundamentali tan-natura bażika tiegħu; u

(b)

ma tirriżultax fl-impożizzjoni ta’ piż sproporzjonat fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

2.   L-operaturi ekonomiċi għandhom iwettqu valutazzjoni dwar jekk il-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà msemmija fl-Artikolu 4 tintroduċix trasformazzjoni fundamentali jew, abbażi tal-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness VI, timponix piż sproporzjonat, kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-operaturi ekonomiċi għandhom jiddokumentaw il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.. L-operaturi ekonomiċi għandhom iżommu r-riżultati rilevanti kollha għal perijodu ta’ ħames snin li għandu jiġi kkalkulat mill-aħħar darba li jkunu qiegħdu prodott għad-dispożizzjoni fis-suq jew wara l-aħħar darba li jkun ġie pprovdut servizz, kif applikabbli. Fuq talba mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq jew mill-awtoritajiet responsabbli mill-verifika tal-konformità tas-servizzi, kif applikabbli, l-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet b’kopja tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, il-mikrointrapriżi li jittrattaw prodotti għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jiddokumentaw il-valutazzjoni tagħhom. Madankollu, jekk awtorità tas-sorveljanza tas-suq titlob dan, mikrointrapriżi li jittrattaw prodotti u li jkunu għażlu li jserrħu fuq il-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lill-awtorità l-fatti rilevanti għall-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

5.   Il-fornituri ta’ servizzi li jserrħu fuq il-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom, fir-rigward ta’ kull kategorija jew tip ta’ servizz, iġeddu l-valutazzjoni tagħhom ta’ jekk il-piż ikunx sproporzjonat:

(a)

meta s-servizz offrut jiġi ttrasformat; jew

(b)

meta mitluba jagħmlu dan mill-awtoritajiet responsabbli mill-verifika tal-konformità tas-servizzi; u

(c)

fi kwalunkwe każ, mill-inqas kull ħames snin.

6.   Fejn l-operaturi ekonomiċi jirċievu finanzjament minn sorsi oħra għajr ir-riżorsi proprji tal-operatur ekonomiku, kemm pubbliċi kif ukoll privati, li jingħata għall-fini ta’ titjib tal-aċċessibbiltà, ma għandhomx ikunu intitolati jserrħu fuq il-punt (b) tal-paragrafu 1.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 biex tissupplementa l-Anness VI billi tispeċifika aktar il-kriterji rilevanti li għandu jittieħed kont tagħhom mill-operatur ekonomiku għall-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta tispeċifika aktar dawk il-kriterji, il-Kummissjoni għandha tqis mhux biss il-benefiċċji potenzjali għall-persuni b’diżabbiltà, iżda wkoll ta’ dawk għal persuni b’limitazzjonijiet funzjonali.

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel tali att delegat sat-28 ta’ Ġunju 2020. Tali att għandu jibda japplika, l-aktar kmieni fit-28 ta’ Ġunju 2025.

8.   Fejn l-operaturi ekonomiċi jserrħu fuq il-paragrafu 1 għal prodott jew servizz speċifiku għandhom jibagħtu l-informazzjoni għal dak l-għan lill-awtoritajiet rilevanti tas-sorveljanza tas-suq jew lill-awtoritajiet responsabbli għall-verifika tal-konformità tas-servizzi tal-Istat Membru fejn il-prodott speċifiku jitqiegħed fis-suq jew li jiġi pprovdut is-servizz speċifiku.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-mikrointrapriżi.

KAPITOLU VI

Standards armonizzati u speċifikazzjonijiet tekniċi ta’ prodotti u servizzi

Artikolu 15

Preżunzjoni ta’ konformità

1.   Il-prodotti u s-servizzi li jkunu f’konformità mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva sa fejn dawk l-istandards jew partijiet minnhom ikopru dawk ir-rekwiżiti.

2.   Il-Kummissjoni għandha, f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standards armonizzati għar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-prodott stabbiliti fl-Artikolu 4. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-ewwel tali abbozz ta’ talba lill-kumitat rilevanti sat-28 ta’ Ġunju 2021.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva fejn ikunu ġew issodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ma tkun ġiet ippubblikata ebda referenza għall-istandards armonizzati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012; u

(b)

jew:

(i)

il-Kummissjoni tkun talbet lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standard armonizzat u jkun hemm dewmien żejjed fil-proċedura ta’ standardizzazzjoni jew it-talba ma tkun ġiet aċċettata minn ebda organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni; jew

(ii)

il-Kummissjoni tista’ turi li speċifikazzjoni teknika tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, ħlief għar-rekwiżit li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kellhom jiġu żviluppati minn organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

4.   Il-prodotti u s-servizzi li jkunu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ma’ partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li jkunu f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva sa fejn dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew partijiet minnhom ikopru dawk ir-rekwiżiti.

KAPITOLU VII

Konformità tal-prodotti u t-tikketta CE

Artikolu 16

Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE tal-prodotti

1.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tiddikjara li jkun intwera li ġew issodisfatti r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbl. Fejn, bħala eċċezzjoni, ikun intuża l-Artikolu 14, id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tiddikjara liema rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà jkunu soġġetti għal dik l-eċċezzjoni.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura mudell stabbilita fl-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. Għandu jkun fiha l-elementi speċifikati fl-Anness IV għal din id-Direttiva u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Ir-rekwiżiti dwar id-dokumentazzjoni teknika għandhom jevitaw li jimponu kwalunkwe piż żejjed għall-mikrointrapriżi u l-SMEs. Għandha tiġi tradotta fil-lingwa jew fil-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru li fis-suq tiegħu jitqiegħed jew isir disponibbli fis-suq il-prodott.

3.   Fejn prodott ikun soġġett għal aktar minn att wieħed tal-Unjoni li jirrikjedi dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE unika fir-rigward tat-tali atti tal-Unjoni kollha. Dik id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha l-identifikazzjoni tal-atti kkonċernati inkluż ir-referenzi tal-pubblikazzjoni.

4.   Meta jfassal id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 17

Prinċipji ġenerali tat-tikketta CE tal-prodotti

It-tikketta CE għandha tkun soġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 18

Regoli u kondizzjonijiet għat-twaħħil tat-tikketta CE

1.   It-tikketta CE għandha titwaħħal b’mod viżibbli, leġġibbli u indelibbli mal-prodott jew mal-plakka tad-data tiegħu. Fejn dak ma jkunx possibbli, jew ma jkunx iġġustifikat, minħabba n-natura tal-prodott, għandha titwaħħal mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jakkumpanjawh.

2.   It-tikketta CE għandha titwaħħal qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq.

3.   L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-reġim li jirregola t-tikketta CE u għandhom jieħdu azzjoni adatta fil-każ ta’ użu ħażin ta’ dik it-tikketta.

KAPITOLU VIII

Sorveljanza tas-suq tal-prodotti u proċedura ta’ salvagwardja tal-Unjoni

Artikolu 19

Sorveljanza tas-suq tal-prodotti

1.   L-Artikolu 15(3), l-Artikoli 16 sa 19, l-Artikolu 21, l-Artikoli 23 sa 28 u l-Artikolu 29(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom japplikaw għall-prodotti.

2.   Meta jwettqu sorveljanza tas-suq tal-prodotti, l-awtoritajiet rilevanti tas-sorveljanza tas-suq għandhom, meta l-operatur ekonomiku jkun serraħ fuq l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva:

(a)

jivverifikaw li l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tkun twettqet mill-operatur ekonomiku;

(b)

jirrieżaminaw dik il-valutazzjoni u r-riżultati tagħha, inkluż l-użu korrett tal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI; u

(c)

jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni miżmuma minn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar il-konformità tal-operaturi ekonomiċi mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ din id-Direttiva u l-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 14, issir disponibbli lill-konsumaturi fuq talba u f’format aċċessibbli, ħlief fejn dik l-informazzjoni ma tkunx tista’ tingħata għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità kif previst fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 20

Proċedura fil-livell nazzjonali għat-trattament ta’ prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli

1.   Fejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru wieħed ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li prodott kopert minn din id-Direttiva ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, għandhom iwettqu evalwazzjoni b’rabta mal-prodott ikkonċernat li tkopri r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal dak l-għan.

Meta, matul l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq isibu li l-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, huma għandhom mingħajr dewmien jesiġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-azzjonijiet korrettivi kollha xierqa biex il-prodott isir konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, li jikkorrispondi għan-natura tan-nonkonformità, kif jista’ jkun preskritt minnhom.

L-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq għandhom jeħtieġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jirtira l-prodott mis-suq, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli addizzjonali, biss jekk l-operatur ekonomiku rilevanti jkun naqas milli jieħu azzjoni korrettiva adegwata fil-perijodu ta’ żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu.

L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ dan il-paragrafu.

2.   Meta l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq iqisu li n-nonkonformità mhix limitata biss għat-territorju nazzjonali tagħhom, dawn għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni u dwar l-azzjonijiet li huma talbu lill-operatur ekonomiku jieħu.

3.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed l-azzjoni korrettiva xierqa kollha fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kollha li jkun qiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq fl-Unjoni kollha.

4.   Meta l-operatur ekonomiku rilevanti ma jieħux azzjoni korrettiva xierqa fil-perijodu ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri proviżorji kollha xierqa biex jipprojbixxu jew jillimitaw il-prodotti li jkunu qed isiru disponibbli fis-swieq nazzjonali tagħhom jew biex jirtiraw il-prodott minn dak is-suq.

L-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dawk il-miżuri.

5.   L-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, b’mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-prodott mhux konformi, l-oriġini tal-prodott, in-natura tan-nonkonformità allegata u r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li l-prodott ma jikkonformax magħhom, in-natura u t-tul tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu u l-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku rilevanti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nonkonformità hix dovuta jew:

(a)

għan-nonkonformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli; jew

(b)

għan-nuqqasijiet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 15 li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità.

6.   L-Istati Membri, għajr l-Istat Membru li jkun beda l-proċeduraskont dan l-Artikolu għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe miżura adottata u dwar kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar in-nonkonformità tal-prodott ikkonċernat, u, jekk ma jaqblux mal-miżura nazzjonali notifikata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.

7.   Meta, fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la minn Stat Membru u lanqas mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ miżura proviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies bħala ġustifikata.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu mingħajr dewmien l-miżuri restrittivi xierqa, bħall-irtirar tal-prodott mis-suq, fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

Artikolu 21

Proċedura ta’ salvagwardja tal-Unjoni

1.   Meta, wara t-tlestija tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(3) u (4), jitressqu oġġezzjonijiet kontra miżura meħuda minn Stat Membru, jew meta l-Kummissjoni jkollha evidenza raġonevoli li tissuġġerixxi li miżura nazzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tikkonsulta mal-Istati Membri u mal-operatur ekonomiku jew mal-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.

Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti.

2.   Meta l-miżura nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 titqies ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-prodott li ma jkunx konformi jiġi rtirat mis-suq tagħhom, u għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni. Meta l-miżura nazzjonali titqies li ma tkunx ġustifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtira l-miżura.

3.   Meta l-miżura nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu titqies ġustifikata u n-nonkonformità tal-prodott tiġi attribwita għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 20(5), il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

4.   Meta l-miżura nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu titqies li hija ġustifikata u n-nonkonformità tal-prodott tiġi attribwita għal nuqqasijiet fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 20(5), il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jemendaw jew iħassru l-ispeċifikazzjoni teknika kkonċernata. Dawk l-att ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

Artikolu 22

Nonkonformità formali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, meta Stat Membru jasal għal xi waħda mill-konklużjonijiet li ġejjin, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jtemm in-nonkonformità kkonċernata:

(a)

it-tikketta CE tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew tal-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva;

(b)

it-tikketta CE ma tkunx twaħħlet;

(c)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx tfasslet;

(d)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx tfasslet b’mod korrett;

(e)

id-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompleta;

(f)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(6) jew fl-Artikolu 9(4) tkun nieqsa, falza jew mhux kompleta;

(g)

kwalunkwe rekwiżit amministrattiv ieħor previst fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 9 ma jkunx sodisfatt.

2.   Fejn tippersisti n-nonkonformità msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jillimita jew jipprojbixxi li l-prodott jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq jew biex jiżgura li dan jiġi rtirat mis-suq.

KAPITOLU IX

Konformità tas-servizzi

Artikolu 23

Konformità tas-servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jaġġornaw perjodikament il-proċeduri adegwati sabiex:

(a)

jiċċekkjaw il-konformità tas-servizzi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, inkluż il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 li għalihom għandu japplika l-Artikolu 19(2) mutatis mutandis;

(b)

isegwu l-ilmenti jew ir-rapporti dwar kwistjonijiet relatati man-nonkonformità tas-servizzi mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva;

(c)

jivverifikaw li l-operaturi ekonomiċi jkunu ħadu l-azzjoni korrettiva meħtieġa.

2.   L-Istati Membri għandhom jaħtru lill-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-konformità tas-servizzi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jkun infurmat bl-eżistenza, ir-responsabbiltajiet, l-identità, ix-xogħol u d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu. Dawk l-awtoritajiet għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli f’formati aċċessibbli fuq talba.

KAPITOLU X

Rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà f’atti oħra tal-Unjoni

Artikolu 24

Aċċessibbiltà skont atti oħra tal-Unjoni

1.   Fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I tagħha għandhom jikkostitwixxu r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà obbligatorja fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/24/UE u tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2014/25/UE.

2.   Kwalunkwe prodott jew servizz, li l-karatteristiċi, l-elementi jew il-funzjonijiet tiegħu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I għal din id-Direttiva għandu jkun preżunt li jissodisfa l-obbligi rilevanti stabbiliti f’atti tal-Unjoni għajr din id-Direttiva, fir-rigward tal-aċċessibilità, għal dawk il-karatteristiċi, elementi jew funzjonijiet, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dawk l-atti l-oħra.

Artikolu 25

Standards armonizzati u speċifikazzjonijiet tekniċi għal atti oħra tal-Unjoni

Il-konformità mal-istandards armonizzati u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew partijiet minnhom li jiġu adottati skont l-Artikolu 15, għandhom joħolqu preżunzjoni ta’ konformità mal-Artikolu 24 sakemm dawk l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew partijiet minnhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva.

KAPITOLU XI

Atti delegati, setgħat ta’ implimentazzjoni u dispożizzjonijiet finali

Artikolu 26

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(9) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mis-27 ta’ Ġunju 2019.

Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 14(7) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-27 ta’ Ġunju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4(9), l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 14(7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 4(9), l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 14(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 27

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 28

Grupp ta’ ħidma

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq, tal-awtoritajiet responsabbli mill-konformità tas-servizzi u tal-partijiet ikkonċernati, inkluż rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Il-grupp ta’ ħidma għandu:

(a)

jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti;

(b)

irawwem il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti rigward kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva biex tittejjeb il-koerenza fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva u biex isir monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 14; u

(c)

jagħti pariri, b’mod partikolari lill-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 14.

Artikolu 29

Infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)

dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-konsumatur jista’ jieħu azzjoni skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jiġu rispettati;

(b)

dispożizzjonijiet li permezz tagħhom korpi pubbliċi jew assoċjazzjonijiet privati, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra li għandhom interess leġittimu, biex jiżguraw li din id-Direttiva tiġi rispettata, jistgħu jkunu involuti skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti jew f’isem l-ilmentatur jew b’appoġġ għalih, bl-approvazzjoni tiegħu, fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva prevista għall-infurzar tal-obbligi skont din id-Direttiva.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-kuntratti li huma soġġetti għad-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/25/UE.

Artikolu 30

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

2.   Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawk il-penali għandhom ikunu akkumpanjati minn azzjoni effettiva ta’ rimedju f’każ ta’ nonkonformità tal-operatur ekonomiku.

3.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, b’kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

4.   Il-penali għandhom iqisu l-livell ta’ nonkonformità, inkluż il-gravità tagħha, u l-għadd ta’ unitajiet ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati li mhumiex konformi, kif ukoll l-għadd ta’ persuni affettwati.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-kuntratti li huma soġġetti għad-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/25/UE.

Artikolu 31

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-28 ta’ Ġunju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

2.   Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-28 ta’ Ġunju 2025.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw il-miżuri fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4(8) sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Ġunju 2027.

4.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

6.   L-Istati Membri li jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 4(4) għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw għal dak l-għan u għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħhom.

Artikolu 32

Miżuri tranżitorji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jipprevedu perijodu tranżitorju li jagħlaq fit-28 ta’ Ġunju 2030, li matulu l-fornituri ta’ servizzi jistgħu jkomplu jipprovdu s-servizzi tagħhom bl-użu ta’ prodotti li kienu ntużaw legalment minnhom biex jipprovdu servizzi simili qabel dik id-data.

Il-kuntratti ta’ servizz miftiehma qabel it-28 ta’ Ġunju 2025 jistgħu jibqgħu mhux mittiefsa sakemm jiskadu, iżda mhux aktar tard minn ħames sena minn dik id-data.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li t-terminals self-service użati legalment minn fornituri ta’ servizzi għall-provvista ta’ servizzi qabel it-28 ta’ Ġunju 2025 jistgħu jibqgħu jintużaw fil-provvista ta’ servizzi simili sa tmiem il-ħajja ekonomikament utli tagħhom, iżda mhux aktar minn 20 sena minn meta jkunu bdew jintużaw.

Artikolu 33

Rapport u reviżjoni

1.   Sat-28 ta’ Ġunju 2030, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   Ir-rapporti għandhom, fost l-oħrajn, jindirizzaw fid-dawl tal-iżviluppi soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi, l-evoluzzjoni tal-aċċessibbiltà ta’ prodotti u ta’ servizzi, il-lock-in teknoloġiku jew l-ostakli għall-innovazzjoni possibbli u l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq l-operaturi ekonomiċi, u fuq persuni b’diżabbiltà. Ir-rapporti għandhom jivvalutaw jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tkunx ikkontribwiet għall-approssimazzjoni tar-rekwiżiti diverġenti ta’ aċċessibbiltà tal-ambjent mibni ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, servizzi bankarji għall-konsumatur u ċ-ċentri għas-servizz tal-konsumaturi tal-ħwienet tal-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, fejn possibbli, bil-ħsieb li jitħalla jsir l-allinjament progressiv tagħhom mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness III.

Ir-rapporti għandhom jivvalutaw ukoll jekk l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fakultattivi tagħha, ikunux ikkontribwew għall-approssimazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-ambjent mibni li jikkostitwixxu xogħlijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35), id-Direttiva 2014/24/UE, u d-Direttiva 2014/25/UE.

Ir-rapporti għandhom jindirizzaw ukoll l-effetti fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva, inkluż, meta disponibbli, abbażi ta’ informazzjoni li tkun waslet skont l-Artikolu 14(8), kif ukoll l-eżenzjoni għall-mikrointrapriżi. Ir-rapporti għandhom jikkonkludu jekk din id-Direttiva tkunx laħqet l-objettivi tagħha u jekk ikunx xieraq li jiġu inklużi prodotti u servizzi ġodda, jew li jiġu esklużi ċerti prodotti jew servizzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u dawn għandhom jidentifikaw, fejn dan ikun possibbli, oqsma għat-tnaqqis tal-piż bil-ħsieb ta’ reviżjoni possibbli ta’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tipproponi miżuri xierqa li jistgħu jinkludu miżuri leġislattivi.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fi żmien debitu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex tfassal rapporti bħal dawn.

4.   Ir-rapporti tal-Kummissjoni għandhom iqisu l-fehmiet tal-partijiet ekonomiċi kkonċernati u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti, inkluż l-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Artikolu 34

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 103.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2019 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ April 2019.

(3)  Id-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal liftijiet u komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 251).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(6)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

(13)  Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (Tfassil mill-ġdid), (ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabilità fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 6).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabilità fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 1).

(16)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1).

(17)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(18)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(20)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(22)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u-tal Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(23)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(24)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(25)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(26)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(27)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(28)  Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u-tal Kunsill tas-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(29)  Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).

(30)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u-tal Kunsill tas-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(31)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(32)  Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).

(33)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(34)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

(35)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).


ANNESS I

REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ GĦALL-PRODOTTI U GĦAS-SERVIZZI

Taqsima i

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ġenerali relatati mal-prodotti kollha koperti minn din id-direttiva f’konformità mal-artikolu 2(1)

Il-prodotti jridu jkunu ddisinjati u prodotti b’tali mod li jiġi massimizzat l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b’diżabilità u għandhom ikunu akkumpanjati fejn possibbli fil-prodott jew fuqu minn informazzjoni aċċessibbli dwar il-funzjonament tagħhom u dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tagħhom.

1.

Rekwiżiti dwar l-għoti ta’ informazzjoni:

(a)

l-informazzjoni dwar l-użu tal-prodott mogħtija fuq il-prodott innifsu (tikkettar, struzzjonijiet u twissija) għandha tkun:

(i)

magħmula disponibbli permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(ii)

ippreżentata b’mod li jinftiehem;

(iii)

ippreżentata lill-utenti b’mod li huma jistgħu jipperċepixxu;

(iv)

ippreżentata b’fonts ta’ daqs adegwat u forma adatta, b’kunsiderazzjoni ta’ kundizzjonijiet prevedibbli ta’ użu, u bl-użu ta’ kuntrast suffiċjenti, kif ukoll spazjar aġġustabbli bejn l-ittri, il-linji u l-paragrafi.

(b)

l-istruzzjonijiet għall-użu ta’ prodott, li ma jkunux mogħtija fuq il-prodott innifsu iżda jkunu disponibbli permezz tal-użu tal-prodott jew b’mezzi oħra bħal sit web, inkluż il-funzjonijiet tal-aċċessibbiltà tal-prodott, il-mod ta’ kif jiġu attivati u l-interoperabbiltà tagħhom b’soluzzjonijiet ta’ assistenza għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku meta l-prodott jitqiegħed fis-suq u għandhom:

(i)

jiġu magħmula disponibbli permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(ii)

ikunu ppreżentati b’mod li jinftiehem;

(iii)

ikunu ppreżentati lill-utenti b’modi li jistgħu jipperċepixxuh;

(iv)

ikunu ppreżentati b’fonts ta’ daqs adegwat u forma adatta, b’kunsiderazzjoni ta’ kundizzjonijiet prevedibbli ta’ użu, u bl-użu ta’ kuntrast suffiċjenti, kif ukoll spazjar aġġustabbli bejn l-ittri, il-linji u l-paragrafi;

(v)

rigward il-kontenut, ikun magħmul disponibbli f’formati tat-test li jistgħu jintużaw biex jiġu ġġenerati formati ta’ assistenza alternattivi li jiġu ppreżentati b’modi differenti u permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(vi)

ikunu akkumpanjati minn preżentazzjoni alternattiva ta’ kwalunkwe kontenut mhux testwali;

(vii)

jinkludu deskrizzjoni tal-interfaċċa tal-utent tal-prodott (trattament, kontroll u feedback, input u output) mogħtija f’konformità mal-punt 2; id-deskrizzjoni għandha tindika għall kull wieħed mill-punti fil-punt 2 jekk il-prodott jipprovdix tali karatteristiċi;

(viii)

jinkludu deskrizzjoni tal-funzjonalità tal-prodott li tingħata permezz ta’ funzjonijiet immirati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, f’konformità mal-punt 2; id-deskrizzjoni għandha tindika għal kull wieħed mill-punti fil-punt 2 jekk il-prodott jipprovdix dawk il-karatteristiċi;

(ix)

jinkludu deskrizzjoni tal-interfaċċar tas-software u l-hardware tal-prodott ma’ tagħmir ta’ assistenza; id-deskrizzjoni għandha tinkludi lista ta’ dak it-tagħmir ta’ assistenza li ġie ttestjat flimkien mal-prodott.

2.

Interfaċċa tal-utent u disinn tal-funzjonalità:

Il-prodott, inkluż l-interfaċċa tal-utent tiegħu, għandu jkun fih karatteristiċi, elementi u funzjonijiet, li jippermettu lill-persuni b’diżabilità jaċċessaw, jipperċepixxu, iħaddmu, jifhmu u jikkontrollaw il-prodott billi jiġi żgurat li:

(a)

meta l-prodott jipprevedi komunikazzjoni, inkluż komunikazzjoni interpersonali, operazzjoni, informazzjoni, kontroll u orjentazzjoni, huwa għandu jagħmel dan permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed; dan għandu jinkludi l-għoti ta’ alternattivi għall-elementi tal-vista, tas-smigħ, tad-diskors u tal-mess;

(b)

meta l-prodott juża d-diskors għandhom jiġu proposti alternattivi għad-diskors u għall-input bil-vuċi għall-komunikazzjoni, it-tħaddim, il-kontroll u l-orjentazzjoni;

(c)

meta l-prodott juża elementi viżivi huwa għandu jipprevedi tkabbir, dija u kuntrast flessibbli għall-komunikazzjoni, l-informazzjoni u l-użu, kif ukoll jiżgura l-interoperabbiltà mal-programmi u t-tagħmir ta’ assistenza biex tiġi nnavigata l-interfaċċa;

(d)

meta l-prodott juża l-kulur biex iwassal informazzjoni, jindika azzjoni, jitlob risposta jew jidentifika elementi, huwa għandu jipprovdi alternattiva għall-kulur;

(e)

meta l-prodott juża sinjali li jinstemgħu biex jagħti informazzjoni, jindika azzjoni, jitlob risposta jew jidentifika elementi, huwa għandu jipprovdi alternattiva għas-sinjali li jinstemgħu;

(f)

meta l-prodott juża elementi viżivi, huwa għandu jipprovdi modi flessibbli biex titjieb iċ-ċarezza tal-viżjoni;

(g)

meta l-prodott juża l-awdjo, huwa għandu jipprovdi kontroll mill-utent tal-volum u l-veloċità, u karatteristiċi awdjo msaħħa inkluż it-tnaqqis ta’ sinjali awdjo ta’ interferenza minn prodotti fil-madwar u ċ-ċarezza tal-awdjo;

(h)

meta l-prodott jeħtieġ operazzjoni u kontroll manwali, huwa għandu jipprevedi kontroll sekwenzjali u alternattivi għal kontroll ibbażat fuq kapaċitajiet motorji fiċ-ċokon, filwaqt li tiġi evitata l-ħtieġa għal kontrolli simultanji għall-manipulazzjoni, u għandu juża partijiet identifikabbli bil-mess;

(i)

il-prodott għandu jevita modi ta’ tħaddim li jeħtieġu moviment estensiv u saħħa kbira;

(j)

il-prodott għandu jevita li jikkawża kriżi fotosensittiva;

(k)

il-prodott għandu jipproteġi l-privatezza tal-utenti meta dawn jużaw l-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà;

(l)

il-prodott għandu jipprovdi alternattiva għall-identifikazzjoni u l-kontroll bijometriċi;

(m)

il-prodott għand jiżgura il-konsistenza tal-funzjonalità u għandu jipprovdi ammonti ta’ żmien suffiċjenti u flessibbli għall-interazzjoni;

(n)

il-prodott għandu jipprovdi software u hardware għall-interfaċċar mat-teknoloġija ta’ assistenza;

(o)

il-prodott għandu jkun konformi mar-rekwiżiti speċifiċi għas-settur li ġejjin:

(i)

terminals self-service:

għandhom jipprevedu teknoloġija tal-qari awtomatiku tat-test;

għandhom jippermettu l-użu ta’ kuffji personali;

meta jkun meħtieġ rispons bil-ħin, għandhom javżaw lill-utent permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

għandhom jagħtu l-possibbiltà li jiġi estiż iż-żmien li jingħata;

għandu jkollhom kuntrast adegwat u f’każ li jkunu disponibbli buttuni u kontrolli, dawn għandhom ikunu identifikabbli bil-mess;

m’għandhomx jeħtieġu li tkun attivata karatteristika ta’ aċċessibbiltà biex utent li jkun jeħtieġ dik il-karatteristika jkun jista’ jużahom;

meta l-prodott juża sinjali awdjo jew li jinstemgħu, dan għandu jkun kompatibbli mal-apparati u t-teknoloġiji ta’ assistenza disponibbli fil-livell tal-Unjoni, inkluż teknoloġiji tas-smigħ bħal apparat akustiku (hearing aids), telecoils, impjanti tal-koklea u tagħmir ta’ assistenza għas-smigħ;

(ii)

qarrejja elettroniċi għandhom jipprevedu teknoloġija tal-qari awtomatiku tat-test;

(iii)

tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità informatika interattiva użat għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika:

għandu, meta prodotti bħal dawn minbarra l-vuċi jkollhom l-kapaċità tat-test, jipprevedi li t-test jiġi ttrattat fil-ħin reali u kompatibbiltà ma’ awdjo hifi;

għandu, meta l-prodotti jkollhom kapaċitajiet vidjo flimkien ma’ jew f’taħlita ta’ test u vuċi, jipprevedi li tiġi ttrattata l-konverżazzjoni kollha inkluż vuċi sinkronizzata, test f’ħin reali, u vidjo b’riżoluzzjoni li tippermetti l-komunikazzjoni bil-lingwa tas-sinjali;

għandu jiżgura konnessjoni bla fili effikaċi għal teknoloġiji tas-smigħ;

għandu jevita interferenzi ma’ tagħmir ta’ assistenza;

(iv)

tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità informatika interattiva użat għal servizzi tal-media awdjoviżiva għandu jagħmel disponibbli lill-persuni b’diżabilità l-komponenti ta’ aċċessibbiltà pprovduti mill-fornitur tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, għall-aċċess, l-għażla, il-kontroll u l-personalizzazzjoni mill-utent u għat-trasmissjoni lejn tagħmir ta’ assistenza.

3.

Servizzi ta’ sostenn:

Fejn disponibbli, is-servizzi ta’ appoġġ (help desks, ċentri telefoniċi, appoġġ tekniku, servizzi ta’ trażmissjoni u servizzi ta’ taħriġ) għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tal-prodott u l-kompatibbiltà tiegħu ma’ teknoloġiji ta’ assistenza, b’modi ta’ komunikazzjoni aċċessibbli.

Taqsima ii

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà marbuta ma’ prodotti fl-artikolu 2(1), ħlief għat-terminals self-service msemmija fl-artikolu 2(1)(b)

Minbarra R-REKWIŻITI TAt-Taqsima I, l-imballaġġ u l-istruzzjonijiet tal-prodotti koperti minn din it-Taqsima għandhom isiru aċċessibbli, sabiex jiġi mmassimizzat l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b’diżabilità. Dan Ifisser li:

(a)

l-imballaġġ tal-prodott, inkluż l-informazzjoni pprovduta fih (pereżempju dwar kif jinfetaħ, jingħalaq, jintuża, jintrema), inkluż, fejn provduta, informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tal-prodott, għandhom isiru aċċessibbli; u, meta jkun fattibbli, li għandha tingħata informazzjoni fuq l-imballaġġ;

(b)

l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni u l-manutenzjoni, il-ħżin u r-rimi tal-prodott li ma jkunux provduti fuq il-prodott innifsu iżda jkunu disponibbli b’mezzi oħra bħal sit web għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku meta l-prodott jitqiegħed fis-suq u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

ikunu disponibbli permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(ii)

ikunu ppreżentati b’mod li jinftiehem;

(iii)

ikunu ppreżentati lill-utenti b’modi li jistgħu jipperċepixxuh;

(iv)

ikunu ppreżentati f’fonts ta’ daqs adegwat u forma adatta, b’kunsiderazzjoni ta’ kundizzjonijiet prevedibbli ta’ użu, u bl-użu ta’ kuntrast suffiċjenti, kif ukoll spazjar aġġustabbli bejn l-ittri, il-linji u l-paragrafi;

(v)

il-kontenut tal-istruzzjonijiet għandu jsir disponibbli f’formati tat-test li jistgħu jintużaw biex jiġu ġġenerati formati ta’ assistenza alternattivi li jridu jiġu ppreżentati b’modi differenti u permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed; u

(vi)

istruzzjonijiet li fihom kwalunkwe kontenut mhux testwali għandhom ikunu akkumpanjati minn preżentazzjoni alternattiva ta’ dak il-kontenut.

Taqsima iii

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ġenerali relatati mas-servizzi kollha koperti minn din id-direttiva f’konformità mal-artikolu 2(2)

Il-provvista ta’ servizzi sabiex jiġi massimizzat l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b’diżabilità, għandha titwettaq billi:

(a)

tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-prodotti użati fil-forniment tas-servizz, f’konformità mat-Taqsima I ta’ dan l-Anness, u fejn applikabbli, it-Taqsima II tiegħu;

(b)

tingħata informazzjoni dwar il-funzjonament tas-servizz, u fejn il-prodotti jintużaw fil-forniment tas-servizz, ir-rabta tiegħu ma’ dawn il-prodotti kif ukoll informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà u interoperabbiltà tagħhom ma’ tagħmir u faċilitajiet ta’ assistenza:

(i)

l-informazzjoni ssir disponibbli permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(ii)

il-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’mod li jinftiehem;

(iii)

il-preżentazzjoni tal-informazzjoni lill-utenti b’modi li huma jistgħu jipperċepixxu;

(iv)

il-kontenut tal-informazzjoni jsir disponibbli f’formati ta’ test li jistgħu jintużaw biex jiġġeneraw formati alternattivi ta’ assistenza li għandhom ikunu ppreżentati b’modi differenti mill-utenti u permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(v)

il-preżentazzjoni f’fonts ta’ daqs adegwat u forma adatta, li b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet prevedibbli ta’ użu u bl-użu ta’ kuntrast suffiċjenti, kif ukoll spazjar aġġustabbli bejn l-ittri, il-linji u l-paragrafi;

(vi)

kwalunkwe kontenut mhux testwali jiġi ssupplimentat bi preżentazzjoni alternattiva ta’ dak il-kontenut; u

(vii)

il-provvista ta’ informazzjoni elettronika meħtieġa fil-forniment ta’ servizz b’mod konsistenti u adegwat billi tagħmlu perċepibbli, operabbli, jinftiehem u robust;

(c)

is-siti web, inkluż l-applikazzjonijiet online marbuta magħhom, u s-servizzi bbażati fuq tagħmir mobbli, inkluż applikazzjonijiet mobbli, isiru aċċessibbli b’mod konsistenti u adegwat billi jsiru perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti;

(d)

fejn disponibbli, is-servizzi ta’ appoġġ (help desks, ċentri telefoniċi, appoġġ tekniku, servizzi ta’ trażmissjoni u servizzi ta’ taħriġ) li jipprovdu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tas-servizz u l-kompatibbiltà tiegħu ma’ teknoloġiji ta’ assistenza, b’modi ta’ komunikazzjoni aċċessibbli.

Taqsima iv

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà addizzjonali relatati ma’ servizzi speċifiċi

Il-provvista ta’ servizzi biex jiġi massimizzat l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b’diżabbiltà, għandha titwettaq billi jiġu inklużi funzjonijiet, prattiċi, politiki u proċeduri u trasformazzjonijiet fl-użu tas-servizz immirati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità u jiżguraw l-interoperabbiltà ma’ teknoloġiji ta’ assistenza:

(a)

Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż dawk il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 109(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972:

(i)

il-forniment ta’ test f’ħin reali flimkien ma’ komunikazzjoni bil-vuċi;

(ii)

il-forniment ta’ konverżazzjoni sħiħa fejn il-vidjo huwa provdut flimkien ma’ komunikazzjoni bil-vuċi;

(iii)

jiġi żgurat li l-komunikazzjoni ta’ emerġenza bl-użu tal-vuċi, it-test (inkluż test f’ħin reali) tkun sinkronizzata u fejn ikun provdut il-vidjo tkun sinkronizzata wkoll bħala konverżazzjoni sħiħa u trażmessa mill-fornituri ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika lill-PSAP l-aktar xieraq.

(b)

Servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva:

(i)

il-forniment ta’ gwidi tal-programmi elettroniċi (EPGs) li huma perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti u jipprovdu informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-aċċessibbiltà;

(ii)

l-iżgurar li l-komponenti ta’ aċċessibbiltà (servizzi ta’ aċċess) tas-servizzi tal-media awdjoviżiva bħal sottotitoli għall-persuni neqsin mis-smigħ u għal dawk b’diffikultajiet ta’ smigħ, deskrizzjoni awdjo, sottotitoli mitkellma u interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali huma trażmessi b’mod sħiħ bi kwalità adegwata biex jintwerew b’mod preċiż, u jkunu sinkronizzati mal-ħoss u l-vidjo, waqt li jkun possibbli kontroll mill-utent tal-wiri u l-użu tagħhom.

(c)

Servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bl-ajru, bix-xarabank, bil-ferrovija u fuq l-ilma, ħlief għal servizzi ta’ trasport urban u suburban u servizzi ta’ trasport reġjonali:

(i)

jiġi żgurat li tingħata informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tal-vetturi, l-infrastruttura tal-madwar u tal-ambjent mibni u dwar l-assistenza lill-persuni b’diżabilità;

(ii)

jiġi żgurat li tingħata informazzjoni dwar magni intelliġenti tal-biljetti (riservazzjoni elettronika, prenotazzjoni ta’ biljetti, eċċ.), informazzjoni tal-passiġġieri f’ħin reali (skedi, informazzjoni dwar tfixkil tat-traffiku, is-servizzi ta’ kollegament, vjaġġar ’il barra b’modi oħra ta’ trasport, eċċ.), u informazzjoni addizzjonali dwar is-servizz (eż. persunal ta’ stazzjonijiet, lifts li ma jaħdmux jew servizzi li huma temporanjament mhux disponibbli).

(d)

Servizzi ta’ trasport urban u suburban u servizzi ta’ trasport reġjonali: tiġi żgurata l-aċċessibbiltà ta’ terminals self-service użati fil-forniment tas-servizz f’konformità mat-Taqsima I ta’ dan l-Anness.

(e)

Servizzi bankarji għall-konsumatur:

(i)

jiġu provduti metodi ta’ identifikazzjoni, firem elettroniċi, sigurtà u servizzi ta’ pagament li huma perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti;

(ii)

jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun tinftiehem, mingħajr ma jinqabeż livell ta’ kumplessità aktar mil-livell B2 (intermedju għoli) tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi tal-Kunsill tal-Ewropa.

(f)

Kotba elettroniċi:

(i)

jiġi żgurat li meta ktieb elettroniku jkun fih awdjo flimkien ma’ test, dan imbagħad jipprovdi test u awdjo sinkronizzati;

(ii)

jiġi żgurat li fajls diġitali tal-ktieb elettroniku ma jżommux lit-teknoloġija ta’ assistenza milli topera tajjeb;

(iii)

jiġi żgurat aċċess għall-kontenut, in-navigazzjoni tal-kontenut tal-fajl u t-tqassim inkluż it-tqassim dinamiku, il-forniment tal-istruttura, il-flessibilità u l-għażla fil-preżentazzjoni tal-kontenut;

(iv)

jiġi permess twassil alternattiv tal-kontenut u l-interoperabbiltà tiegħu ma’ varjetà ta’ teknoloġiji ta’ assistenza, b’tali mod li jista’ jkun perċepibbli, li jinftiehem, operabbli u robust;

(v)

jiġi żgurat li dawn jinstabu billi tiġi provduta informazzjoni permezz ta’ metadata dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tagħhom;

(vi)

jiġi żgurat li miżuri ta’ ġestjoni ta’ drittijiet diġitali ma jimblokkawx fatturi ta’ aċċessibbiltà.

(g)

Servizzi ta’ kummerċ elettroniku:

(i)

tiġi pprovduta l-informazzjoni rigward l-aċċessibbiltà tal-prodotti u s-servizzi mibjugħa meta din l-informazzjoni tkun provduta mill-operatur ekonomiku responsabbli;

(ii)

jiġi żgurat li l-aċċessibbiltà tal-funzjonalità għall-identifikazzjoni, is-sigurtà u l-pagament meta jitwasslu bħala parti minn servizz minflok prodott billi jkunu perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti;

(iii)

jiġu provduti metodi ta’ identifikazzjoni, firem elettroniċi, u servizzi ta’ pagament li huma perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti.

Taqsima v

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà speċifiċi marbuta mat-tweġib tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fuq in-numru uniku ta’ emerġenza ewropew ‘112’ mill-psap l-aktar xieraq

Sabiex jiġi massimizzat l-użu previst tagħhom minn persuni b’diżabilità, it-tweġib ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fuq in-numru uniku ta’ emerġenza Ewropew ‘112’, mill-PSAP l-aktar xieraq, għandu jitwettaq billi jinkludi funzjonijiet, prattiċi, politiki u proċeduri u alterazzjonijiet immirati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fuq in-numru uniku ta’ emerġenza Ewropew ‘112’, għandhom jitwieġbu kif xieraq, bl-aħjar mod li jaqbel għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta’ emerġenza, bl-aktar PSAP xieraq bl-istess mezz ta’ komunikazzjoni kif waslu, jiġifieri bl-użu ta’ vuċi u test sinkronizzati (inkluż it-test f’ħin reali), jew, fejn huwa provdut vidjo, il-vuċi, it-test (inkluż it-test f’ħin reali) u l-vidjo sinkronizzati bħala konverżazzjoni sħiħa.

Taqsima vi

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-karatteristiċi, elementi jew funzjonijiet tal-prodotti u servizzi f’konformità mal-artikolu 24(2)

Il-preżunzjoni li jitwettqu l-obbligi rilevanti stabbiliti f’atti oħra tal-Unjoni dwar karatteristiċi, elementi jew funzjonijiet tal-prodotti u servizzi teħtieġ dan li ġej:

1.

Prodotti:

(a)

l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni li tikkonċerna l-karatteristiċi tal-funzjoni u tal-aċċessibbiltà marbuta mal-prodotti tikkonforma mal-elementi korrispondenti stabbiliti fil-punt 1 tat-Taqsima I ta’ dan l-Anness, jiġifieri l-informazzjoni dwar l-użu tal-prodott mogħtija fuq il-prodott innifsu u l-istruzzjonijiet għall-użu ta’ prodotti, mhux mogħtija fuq il-prodott innifsu iżda disponibbli permezz tal-użu tal-prodott jew b’mezzi oħra bħal sit web;

(b)

l-aċċessibbiltà ta’ karatteristiċi, elementi u funzjonijiet tal-interfaċċa tal-utent u tad-disinn tal-funzjonalità tal-prodotti tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ aċċessibbiltà għal tali interfaċċa tal-utent jew disinn tal-funzjonalità stabbiliti fil-punt 2 tat-Taqsima I ta’ dan l-Anness;

(c)

l-aċċessibbiltà tal-imballaġġ, inkluż l-informazzjoni mogħtija fih u l-istruzzjonijiet għall-istallazzjoni u l-manutenzjoni, il-ħżin u r-rimi tal-prodott mhux mogħtija fil-prodott innifsu iżda disponibbli permezz ta’ mezzi oħra bħal sit web, ħlief għal terminals self service, tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fit-Taqsima II ta’ dan l-Anness.

2.

Servizzi:

 

l-aċċessibbiltà tal-karatteristiċi, l-elementi u l-funzjonijiet tas-servizzi tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ aċċessibbiltà għal dawk il-karatteristiċi, l-elementi u l-funzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet marbuta mas-servizzi ta’ dan l-Anness.

Taqsima vii

kriterji tal-prestazzjoni funzjonali

Sabiex jiġi massimizzat l-użu prevedibbli minn persuni b’diżabilità, meta r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, stipulati fit-Taqsimiet I sa IV ta’ dan l-Anness, ma jindirizzawx funzjoni waħda jew aktar tad-disinn u l-produzzjoni ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi, dawk il-funzjonijiet jew il-mezzi għandhom ikunu aċċessibbli billi jikkonformaw mal-kriterji tal-prestazzjoni funzjonali relatati.

Dawk il-kriterji tal-prestazzjoni funzjonali jistgħu jintużaw biss bħala alternattiva għal rekwiżit tekniku speċifiku wieħed jew aktar, meta dawn jissemmew fir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, jekk u biss jekk l-applikazzjoni tal-kriterji tal-prestazzjoni funzjonali tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u tiddetermina li d-disinn u l-produzzjoni ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi tirriżulta f’aċċessibbiltà ekwivalenti jew miżjuda għall-użu prevedibbli minn persuni b’diżabilità.

(a)   Użu mingħajr viżjoni

Fejn il-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet viżwali ta’ tħaddim, dan għandu jipprovdi wkoll tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li ma tkunx tirrikjedi viżjoni.

(b)   Użu b’viżjoni limitata

Meta l-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet viżwali ta’ tħaddim, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li tippermetti lill-utenti jħaddmu l-prodott b’viżjoni limitata.

(c)   Użu mingħajr perċezzjoni tal-kulur

Fejn il-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet viżwali ta’ tħaddim, dan għandu jipprovdi wkoll tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li ma tkunx tirrikjedi perċezzjoni tal-utent tal-kulur.

(d)   Użu mingħajr smigħ

Meta l-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet tas-smigħ ta’ tħaddim, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li ma tkunx tirrikjedi smigħ.

(e)   Użu bi smigħ limitat

Meta l-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet tas-smigħ ta’ tħaddim, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim b’karatteristiċi awdjo mtejba li tippermetti li l-utenti bi smigħ limitat iħaddmu l-prodott.

(f)   Użu mingħajr kapaċitajiet vokali

Meta l-prodott jew is-servizz jirrikjedi input vokali mill-utenti, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li ma tkunx tirrikjedi input vokali. Input vokali jinkludi kwalunkwe ħoss iġġenerat mill-fomm bħal diskors, tisfir jew ċaqċiq.

(g)   Użu b’manipulazzjoni jew saħħa limitati

Meta l-prodott jirrikjedi jew is-servizz azzjonijiet manwali, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li tippermetti lill-utenti jagħmlu użu mill-prodott permezz ta’ azzjonijiet alternattivi li ma jirrikjedux kontroll u manipulazzjoni bil-ħiliet motorji żgħar, saħħa bl-idejn jew it-tħaddim ta’ aktar minn kontroll wieħed fl-istess ħin.

(h)   Użu b’firxa ta’ moviment limitat

L-elementi operazzjonali tal-prodotti għandhom ikunu jistgħu jintlaħqu mill-utenti kollha. Meta l-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet manwali ta’ tħaddim, dawn għandhom jipprovdu tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li titħaddem b’firxa ta’ moviment limitat u b’saħħa limitata.

(i)   Minimizzazzjoni tar-riskju li jiġu kkawżati kriżijiet fotosensittivi

Meta l-prodott jipprovdi modalitajiet viżwali ta’ tħaddim, dan għandu jevita modalitajiet ta’ tħaddim li jikkawżaw kriżijiet fotosensittivi.

(j)   Użu b’konjizzjoni limitata

Il-prodott jew is-servizz għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li tinkorpora karatteristiċi li jagħmluh aktar sempliċi u faċli biex jintuża.

(k)   Privatezza

Meta l-prodott jew is-servizz jinkorpora karatteristiċi li huma provduti għal aċċessibbiltà, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li tħares il-privatezza meta jintużaw dawk il-karatteristiċi li huma provduti għal aċċessibbiltà.


ANNESS II

EŻEMPJI INDIKATTIVI MHUX VINKOLANTI TA’ SOLUZZJONIJIET POSSIBBLI LI JIKKONTRIBWIXXU BIEX JINTLAĦQU R-REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ FL-ANNESS I

TAQSIMA I:

EŻEMPJI MARBUTA MAR-REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ ĠENERALI GĦALL-PRODOTTI KOLLHA KOPERTI MINN DIN ID-DIRETTIVA F’KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 2(1)

IR-REKWIŻITI F’SEZZJONI I TAL- ANNESS I

EŻEMPJI

1.

L-għoti ta’ informazzjoni

(a)

(i)

L-għoti ta’ informazzjoni viżwali u li tinħass bil-mess jew informazzjoni viżwali u li tinstema’ li tindika l-post fejn għandha tiġi introdotta kard f’terminal self service sabiex persuni neqsin mid-dawl u mis-smigħ ikunu jistgħu jużawha.

(ii)

L-użu tal-istess kliem b’mod konsistenti, jew bi struttura ċara u loġika, sabiex il-persuni b’diżabilità intellettwali jkunu jistgħu jifhmuha aħjar.

(iii)

Il-provvista ta’ format ta’ riljiev li jinħass bil-mess jew ħoss flimkien ma’ twissija testwali sabiex il-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jipperċepixxuha.

(iv)

Il-kapaċità għall-persuni b’vista batuta li jaqraw test.

(b)

(i)

Il-provvista ta’ fajls elettroniċi li jistgħu jinqraw minn kompjuter bl-użu ta’ qarrejja tal-iskrin sabiex il-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużaw l-informazzjoni.

(ii)

L-użu tal-istess kliem b’mod konsistenti, jew bi struttura ċara u loġika, sabiex il-persuni b’diżabilità intellettwali jkunu jistgħu jifhmuhom aħjar.

(iii)

Il-provvista ta’ sottotitoli meta jingħataw struzzjonijiet f’vidjo.

(iv)

Il-kapaċità għall-persuni b’vista batuta li jaqraw it-test.

(v)

L-istampar bil-Braille, sabiex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużawhom.

(vi)

Deskrizzjoni testwali flimkien ma’ dijagramma li tidentifika l-elementi ewlenin jew li tiddeskrivi l-azzjonijiet prinċipali.

(vii)

Ma ngħatax eżempju

(viii)

Ma ngħatax eżempju

(ix)

L-inklużjoni ta’ socket u software f’magni awtomatiċi tal-flus li jippermettu li titqabbad kuffja li tirċievi t-test fuq l-iskrin fil-forma ta’ ħoss.

2.

Eżempji marbuta mal-interfaċċa tal-utent u d-disinn tal-funzjonalità

(a)

L-għoti ta’ struzzjonijiet fil-forma ta’ vuċi u test, jew billi jiġu inkorporati sinjali li jinħassu f’tastiera, sabiex dawk il-persuni neqsin mid-dawl jew bi smigħ batut ikunu jistgħu jinteraġixxu mal-prodott.

(b)

F’terminal self-service, pereżempju minbarra struzzjonijiet mitkellma, jiġu offerti struzzjonijiet fil-forma ta’ test jew stampi sabiex persuni neqsin mis-smigħ ikunu jistgħu jwettqu l-azzjoni meħtieġa wkoll.

(c)

Il-possibbiltà li l-utenti jkabbru test, jiżżumjaw fuq pittogramma partikolari jew iżidu l-kuntrast, sabiex persuni b’vista batuta jkunu jistgħu jipperċepixxu l-informazzjoni.

(d)

Minbarra li tingħata l-għażla bejn l-għafsa tal-buttuna l-ħadra jew l-ħamra għall-għażla ta’ opzjoni, fuq il-buttuni jkun hemm miktub x’inhuma l-opzjonijiet, sabiex persuni li ma jagħrfux il-kuluri jkunu jistgħu jagħżlu.

(e)

Meta kompjuter jagħti sinjal ta’ żball, jingħata test bil-miktub jew immaġni li tindika l-iżball, sabiex persuni neqsin mis-smigħ ikunu jistgħu jintebħu li qed isir żball.

(f)

Il-possibbiltà ta’ żieda fil-kuntrast fi stampi fuq sfond sabiex persuni b’livell baxx tal-vista jkunu jistgħu jarawhom.

(g)

Il-possibbiltà li utenti tat-telefon jagħżlu l-volum tal-ħoss u jnaqqsu l-interferenza mal-apparat akustiku sabiex il-persuni bi smigħ batut ikunu jistgħu jużaw it-telefon.

(h)

Il-buttuni fuq l-iskrins li jitħaddmu bil-mess ikunu magħmula akbar u mifruda sew sabiex persuni bir-rogħda jkunu jistgħu jagħfsuhom.

(i)

Jiġi żgurat li l-buttuni li għandhom jingħafsu ma jkunux jeħtieġu ħafna forza sabiex persuni li għandhom indebolimenti motorji jkunu jistgħu jużawhom.

(j)

L-istampi li jteptpu jkunu evitati sabiex persuni li jista’ jaqbadhom attakk ta’ epilessja ma jkunux f’riskju.

(k)

Il-possibbiltà tal-użu ta’ kuffji meta tingħata informazzjoni mitkellma minn ATM.

(l)

Bħala alternattiva għall-qari tal-marki tas-swaba’, ikun possibbli għal utenti li ma jistgħux jużaw idejhom li jagħżlu password biex isakkru jew jiftħu apparat telefoniku.

(m)

Jiġi żgurat li software jirreaġixxi b’mod prevedibbli meta titwettaq azzjoni partikolari u jingħata ħin biżżejjed biex tiddaħħal il-password sabiex ikun faċli li jintuża minn persuni b’diżabilità intellettwali.

(n)

L-offerta ta’ konnessjoni ta’ wiri bil-Braille li jista’ jiġġedded sabiex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużaw il-kompjuter.

(o)

Eżempji ta’ rekwiżiti speċifiċi għas-settur

(i)

Ma ngħatax eżempju

(ii)

Ma ngħatax eżempju

(iii)

L-ewwel inċiż

Il-provvista ta’ telefon ċellulari li permezz tiegħu għandhom ikunu jistgħu jsiru konverżazzjonijiet b’test f’ħin reali sabiex il-persuni bi smigħ batut ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni b’mod interattiv.

(iii)

Ir-raba’ inċiż

Il-possibbiltà tal-użu simultanju ta’ vidjo biex jintwerew il-lingwa tas-sinjali u t-test biex jinkiteb messaġġ, sabiex żewġ persuni neqsin mis-smigħ ikunu jistgħu jikkomunikaw ma’ xulxin jew ma’ persuna li tisma’.

(iv)

Jiġi żgurat li s-sottotitoli jkunu trażmessi permezz tal-kaxxa tad-decoder għall-użu minn persuni neqsin mis-smigħ.

3.

Servizzi ta’ appoġġ Ma ngħatax eżempju

 

 

TAQSIMA II:

EŻEMPJI MARBUTA MAR-REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ GĦALL-PRODOTTI FL-ARTIKOLU 2(1), ĦLIEF GĦAT-TERMINALS SELF SERVICE MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1)(b)

IR-REKWIŻITI F’SEZZJONI II TAL- ANNESS I

EŻEMPJI

L-imballaġġ u l-istruzzjonijiet tal-prodotti

(a)

L-indikazzjoni fl-imballaġġ li t-telefon għandu karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità.

(b)

(i)

Il-provvista ta’ fajls elettroniċi li jistgħu jinqraw minn kompjuter bl-użu ta’ qarrejja tal-iskrin sabiex il-persuni għomja jkunu jistgħu jużaw l-informazzjoni.

(ii)

L-użu tal-istess kliem b’mod konsistenti, jew bi struttura ċara u loġika, sabiex il-persuni b’diżabilità intellettwali jkunu jistgħu jifhmuha aħjar.

(iii)

Il-provvista ta’ format ta’ riljiev li jinħass jew ħoss meta tkun preżenti twissija b’test sabiex il-persuni neqsin mid-dawl jirċievu t-twissija.

(iv)

Il-persuni b’vista batuta jingħataw il-possibbiltà li jaqraw it-test.

(v)

L-istampar bil-Braille, sabiex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jaqrawh.

(vi)

Is-supplementar ta’ dijagramma b’deskrizzjoni testwali li tidentifika l-elementi ewlenin jew li tiddeskrivi l-azzjonijiet prinċipali.

TAQSIMA III:

EŻEMPJI MARBUTA MAR-REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ ĠENERALI GĦAS-SERVIZZI KOLLHA KOPERTI MINN DIN ID-DIRETTIVA F’KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 2(2)

IR-REKWIŻITI F’SEZZJONI III TAL- ANNESS I

EŻEMPJI

L-għoti ta’ servizzi

(a)

Ma ngħatax eżempju

(b)

(i)

Il-provvista ta’ fajls elettroniċi li jistgħu jinqraw minn kompjuter bl-użu ta’ qarrejja tal-iskrin sabiex il-persuni għomja jkunu jistgħu jużaw l-informazzjoni.

(ii)

L-użu tal-istess kliem b’mod konsistenti, jew bi struttura ċara u loġika, sabiex il-persuni b’diżabilità intellettwali jkunu jistgħu jifhmuha aħjar.

(iii)

L-inklużjoni ta’ sottotitoli meta jingħata vidjo bl-istruzzjonijiet.

(iv)

Il-persuni neqsin mid-dawl jingħataw il-possibbiltà li jużaw fajl billi jistampawh bil-Braille.

(v)

Il-persuni b’vista batuta jingħataw il-possibbiltà li jaqraw it-test.

(vi)

Deskrizzjoni testwali flimkien ma’ dijagramma li tidentifika l-elementi ewlenin jew li tiddeskrivi l-azzjonijiet prinċipali.

(vii)

Meta fornitur ta’ servizz joffri USB-key b’informazzjoni dwar is-servizz, dik l-informazzjoni tkun aċċessibbli.

(c)

Il-provvista ta’ deskrizzjoni b’test ta’ stampi, il-funzjonalità kollha tkun disponibbli fuq tastiera, l-utenti jingħataw ħin biżżejjed biex jaqraw, il-kontenut ikun jidher u jopera b’mod prevedibbli, u tingħata kompatibbiltà ma’ teknoloġiji ta’ assistenza, sabiex il-persuni b’diżabilitajiet differenti jkunu jistgħu jaqraw u jinteraġixxu ma’ sit web.

(d)

Ma ngħatax eżempju

TAQSIMA IV:

EŻEMPJI MARBUTA MA’ REKWIŻITI ADDIZZJONALI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ GĦAL SERVIZZI SPEĊIFIĊI

IR-REKWIŻITI F’SEZZJONI IV TAL- ANNESS I

EŻEMPJI

Servizzi speċifiċi

(a)

(i)

Il-possibbiltà lill-persuni bi smigħ batut biex ikunu jistgħu jiktbu u jirċievu test b’mod interattiv u f’ħin reali.

(ii)

Il-possibbiltà lill-persuni neqsin mis-smigħ li jużaw il-lingwa tas-sinjali biex jikkomunikaw bejniethom.

(iii)

Il-possibbiltà li l-persuni b’diżabilità fit-taħdit u s-smigħ li jagħżlu li jużaw taħlita ta’ test, vuċi u vidjo, ikunu jafu li l-komunikazzjoni ntbagħtet lis-servizz ta’ emerġenza permezz tan-netwerk.

(b)

(i)

Il-possibbiltà li l-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jagħżlu l-programmi fuq it-televiżjoni.

(ii)

L-appoġġ tal-possibbiltà tal-għażla, tal-personalizzazzjoni u tal-wiri tas-“servizzi ta’ aċċess” bħal sottotitoli għal dawk neqsin mis-smigħ jew dawk bi smigħ batut, deskrizzjoni bl-awdjo, sottotitoli mitkellma u interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, bil-provvista ta’ mezzi għal konnessjoni mingħajr fili effettivi għat-teknoloġiji għas-smigħ jew bil-provvista ta’ kontrolli tal-utent biex jiġu attivati “servizzi ta’ aċċess” għal servizzi tal-media awdjoviżiva fl-istess livell ta’ prominenza bħall-kontrolli tal-media primarji.

(c)

(i)

Ma ngħatax eżempju

(ii)

Ma ngħatax eżempju

(d)

Ma ngħatax eżempju

(e)

(i)

Id-djalogi għall-identifikazzjoni fuq l-iskrin ikunu kapaċi jinqraw minn qarrejja tal-iskrin sabiex il-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużawhom.

(ii)

Ma ngħatax eżempju

(f)

(i)

Il-possibbiltà lill-persuni bid-dislessija li jaqraw u jisimgħu test fl-istess ħin.

(ii)

Il-kapaċità li t-test u l-awdjo joħorġu sinkronizzati jew tkun tista’ tingħata traskrizzjoni bil-Braille li tista’ tiġġedded.

(iii)

Il-possibbiltà lill-persuni neqsin mid-dawl li jkunu jistgħu jaċċessaw l-indiċi jew jibdlu l-kapitoli.

(iv)

Ma ngħatax eżempju

(v)

Jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tagħhom ikunu disponibbli fil-fajl elettroniku sabiex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jiġu infurmati.

(vi)

Jiġi żgurat li ma jkunx hemm ibblukkar, per eżempju li l-miżuri ta’ protezzjoni teknika, l-informazzjoni ta’ ġestjoni tad-drittijiet jew kwistjonijiet ta’ interoperabilità ma jostakolax li t-test jinqara b’vuċi għolja mit-tagħmir ta’ assistenza, biex l-utenti neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jaqraw il-ktieb.

(g)

(i)

Jiġi żgurat li l-informazzjoni disponibbli dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà ta’ prodott ma titħassarx.

(ii)

L-interfaċċa tal-utent għas-servizzi tal-ħlas issir disponibbli permezz tal-vuċi sabiex il-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jixtru online b’mod indipendenti.

(iii)

Id-djalogi għall-identifikazzjoni fuq l-iskrin ikunu kapaċi jinqraw minn qarrejja tal-iskrin sabiex il-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużawhom.


ANNESS III

REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ GĦALL-FINI TAL-ARTIKOLU 4(4) DWAR L-AMBJENT MIBNI FEJN JINGĦATAW IS-SERVIZZI LI JAQGĦU FIL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TA’ DIN ID-DIRETTIVA

Sabiex jiġi massimizzat l-użu prevedibbli b’mod indipendenti minn persuni b’disabilità tal-ambjent mibni li fih jingħata servizz u li jkun taħt ir-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizz, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4), l-aċċessibilità taż-żoni maħsuba għall-aċċess pubbliku għandha tinkludi l-aspetti li ġejjin:

(a)

l-użu ta’ faċilitajiet u żoni esterni relatati;

(b)

il-mogħdijiet biex tasal għall-bini;

(c)

l-użu ta’ postijiet ta’ dħul;

(d)

l-użu ta’ passaġġi ta’ ċirkolazzjoni orizzontali;

(e)

l-użu ta’ passaġġi ta’ ċirkolazzjoni vertikali;

(f)

l-użu ta’ kmamar mill-pubbliku;

(g)

l-użu ta’ tagħmir u faċilitajiet użati fl-għoti tas-servizz;

(h)

l-użu ta’ toilets u faċilitajiet sanitarji;

(i)

l-użu ta’ postijiet ta’ ħruġ, rotot ta’ evakwazzjoni u l-kunċetti ta’ ppjanar ta’ emerġenza;

(j)

komunikazzjoni u orjentazzjoni permezz ta’ aktar minn kanal sensorjali wieħed;

(k)

l-użu ta’ faċilitajiet u binjiet għall-iskop previst għalihom;

(l)

protezzjoni minn perikli fl-ambjent ta’ ġewwa u ta’ barra.


ANNESS IV

PROĊEDURIA TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ - PRODOTTI

1.   Il-kontroll intern tal-produzzjoni

Il-kontroll intern tal-produzzjoni huwa l-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3 u 4 ta dan l-Anness, u jiżgura u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li l-prodotti kkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti xierqa ta’ din id-Direttiva.

2.   Id-dokumentazzjoni teknika

Il-manifattur għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tippermetti li tiġi vvalutata l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti msemmija fl-Artikolu 4 u, f’każ li l-manifattur uża l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 14, biex juri li r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti jintroduċu bidla fundamentali jew jimponu piż sproporzjonat. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika biss ir-rekwiżiti applikabbli u tkopri, sakemm ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn, il-manifattura u t-tħaddim tal-prodott.

Kull fejn applikabbli, id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tal-prodott;

(b)

lista tal-istandards armonizzati u tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, applikati kompletament jew parzjalment, u deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti msemmija fl-Artikolu 4 jekk dawk l-istandards armonizzati jew speċifiċitajiet tekniċi ma jkunux ġew applikati; fil-każ ta’ standards armonizzati jew speċifikazzjonijiet tekniċi applikati parzjalment, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika l-partijiet li ġew applikati.

3.   Il-manifattura

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess ta’ manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tal-prodotti mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 ta’ dan l-Anness u mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva.

4.   L-immarkar CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE

4.1.

Il-manifattur għandu jwaħħal it-tikketta CE msemmija f’din id-Direttiva ma’ kull prodott individwali li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva.

4.2.

Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE bil-miktub għal mudell ta’ prodott. Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tidentifika l-prodott li għalih tkun tfasslet.

Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti.

5.   Ir-rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 4 jistgħu jiġu ssodisfati mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, dment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat.


ANNESS V

INFORMAZZJONI DWAR IS-SERVIZZI LI JISSODISFAW IR-REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ

1.

Il-fornitur tas-servizz għandu jinkludi fit-termini u fil-kondizzjonijiet ġenerali, jew f’dokument ekwivalenti, l-informazzjoni li tivvaluta kif is-servizz jissodisfa r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà msemmija fl-Artikolu 4. L-informazzjoni għandha tiddeskrivi r-rekwiżiti applikabbli u tkopri, sa fejn ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn u l-operazzjoni tas-servizz. Minbarra r-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-konsumaturi tad-Direttiva 2011/83/UE, l-informazzjoni għandha tinkludi, fejn applikabbli, tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tas-servizz f’formati aċċessibbli;

(b)

deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet neċessarji biex wieħed jifhem it-tħaddim tas-servizz;

(c)

deskrizzjoni ta’ kif ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà rilevanti stabbiliti fl-Anness I huma ssodisfati mis-servizz.

2.

Sabiex jikkonforma mal-punt 1 ta’dan l-Anness, il-fornitur tas-servizz jista’ japplika kompletament jew parzjalment l-istandards armonizzati u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.

Il-fornitur tas-servizz għandu jipprovdi l-informazzjoni li turi li l-proċess ta’ forniment tas-servizz u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tas-servizz mal-punt 1 ta’ dan l-Anness u mar-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva.

ANNESS VI

KRITERJI GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-PIŻ SPROPORZJONAT

Kriterji biex titwettaq u tiġi ddokumentata l-valutazzjoni:

1.

Il-proporzjon tal-ispejjeż netti tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà mal-ispejjeż globali (infiq operattiv u kapitali) tal-manifattura, id-distribuzzjoni jew l-importazzjoni tal-prodott jew l-għoti tas-servizz għall-operaturi ekonomiċi.

L-elementi li għandhom jintużaw biex jiġu vvalutati l-ispejjeż netti tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà:

(a)

kriterji relatati ma’ spejjeż organizzattivi ta’ darba biex fil-valutazzjoni jittieħed kont ta’:

(i)

l-ispejjeż relatati ma’ riżorsi umani addizzjonali b’għarfien espert dwar l-aċċessibbiltà;

(ii)

l-ispejjeż relatati mat-taħriġ tar-riżorsi umani u biex jinkisbu kompetenzi dwar l-aċċessibbiltà;

(iii)

l-ispejjeż tal-iżvilupp ta’ proċess ġdid biex tiġi inkluża l-aċċessibbiltà fl-iżvilupp tal-prodott jew fil-forniment tas-servizz;

(iv)

l-ispejjeż relatati mal-iżvilupp ta’ materjal ta’ gwida dwar l-aċċessibbiltà;

(v)

l-ispejjeż ta’ darba biex ikun hemm għarfien tajjeb tal-leġislazzjoni dwar l-aċċessibbiltà;

(b)

kriterji relatati mal-ispejjeż ta’ produzzjoni u żvilupp li għaddejjin sabiex fil-valutazzjoni jittieħed kont ta’:

(i)

l-ispejjeż marbuta mad-disinn tal-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tal-prodott jew tas-servizz;

(ii)

l-ispejjeż imġarrba fil-proċessi ta’ manifattura;

(iii)

l-ispejjeż relatati mal-ittestjar tal-prodott jew tas-servizz għall-aċċessibbiltà;

(iv)

l-ispejjeż relatati mal-istabbiliment ta’ dokumentazzjoni.

2.

L-istima tal-ispejjeż u tal-benefiċċji għall-operaturi ekonomiċi, inkluż proċessi ta’ produzzjoni u investimenti, b’rabta mal-benefiċċju stmat għall-persuni b’diżabilità, filwaqt li jitqiesu l-ammont u l-frekwenza tal-użu tal-prodott jew tas-servizz speċifiku.

3.

Il-proporzjon tal-ispejjeż netti tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà mal-fatturat nett tal-operatur ekonomiku.

Elementi li għandhom jintużaw biex jiġu vvalutati l-ispejjeż netti mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà:

(a)

kriterji relatati ma’ spejjeż organizzattivi ta’ darba biex fil-valutazzjoni jittieħed kont ta’:

(i)

l-ispejjeż relatati ma’ riżorsi umani addizzjonali b’għarfien espert dwar l-aċċessibbiltà;

(ii)

l-ispejjeż relatati mat-taħriġ tar-riżorsi umani u biex jinkisbu kompetenzi dwar l-aċċessibbiltà;

(iii)

l-ispejjeż tal-iżvilupp ta’ proċess ġdid biex tiġi inkluża l-aċċessibbiltà fl-iżvilupp tal-prodott jew fil-forniment tas-servizz;

(iv)

l-ispejjeż relatati mal-iżvilupp ta’ materjal ta’ gwida dwar l-aċċessibbiltà;

(v)

l-ispejjeż ta’ darba biex ikun hemm għarfien tajjeb tal-leġislazzjoni dwar l-aċċessibbiltà;

(b)

kriterji relatati mal-ispejjeż ta’ produzzjoni u żvilupp li għaddejjin sabiex fil-valutazzjoni jittieħed kont ta’:

(i)

l-ispejjeż marbuta mad-disinn tal-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tal-prodott jew tas-servizz;

(ii)

l-ispejjeż imġarrba fil-proċessi ta’ manifattura;

(iii)

l-ispejjeż relatati mal-ittestjar tal-prodott jew tas-servizz għall-aċċessibbiltà;

(iv)

l-ispejjeż relatati mal-istabbiliment ta’ dokumentazzjoni.