29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/39


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Ottubru 2011

dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali

(2011/711/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tfittex li tottimizza l-vantaġġi tat-teknoloġiji informatiċi għat-tkabbir ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-kwalità tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej, bħala parti mill-istrateġija tal-Ewropa 2020. Id-diġitizzazzjoni u l-konservazzjoni tal-memorja kulturali tal-Ewropa, li tinkludi materjal stampat (kotba, rivisti, gazzetti), ritratti, oġġetti tal-mużewijiet, dokumenti f’arkivji, materjal awdjo u awdjoviżiv, monumenti u siti arkeoloġiċi (minn issa ’l quddiem, “materjal kulturali”), jikkostitwixxu qasam ewlieni minn dawk indirizzati mill-Aġenda Diġitali.

(2)

L-Istrateġija tal-UE għad-diġitizzazzjoni u l-konservazzjoni tibni fuq il-ħidma mwettqa tul l-aħħar ftit snin fl-inizjattiva tal-biblijoteki diġitali. L-azzjonijiet Ewropej f’dan il-qasam, li jinkludu l-iżvilupp tal-Europeana –l-arkivju tal-biblijoteka u l-mużew diġitali tal-Ewropa–, kellhom l-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-iktar riċenti f’Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta’ Mejju 2010, u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2010. Il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2011-2014, stabbilit mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Novembru 2010, jisħaq fuq il-bżonn ta’ sforzi koordinati fil-qasam tad-diġitizzazzjoni.

(3)

Fit-28 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri bil-għan li jitkattar, permezz tal-Internet, il-potenzjal ekonomiku u kulturali tal-wirt kulturali tal-Ewropa. Ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2008 u l-2010 juru li sar ċertu progress. Madankollu, il-progress mhuwiex konsistenti fost l-Istati Membri, u huwa żbilanċjat fost il-punti differenti tar-Rakkomandazzjoni.

(4)

Barra minn hekk, il-kuntest għall-isforzi ta’ diġitizzazzjoni u għall-kollaborazzjoni fuq il-livell Ewropew inbidel b’mod konsiderevoli matul l-aħħar ftit snin. Fost l-elementi ġodda ta’ min jissemmew it-tnedija tal-Europeana f’Novembru 2008, il-pubblikazzjoni tar-rapport “The New Renaissance” mill-‘Comité des Sages on bringing Europe’s cultural heritage online’ (minn hawn ’il quddiem, “il-Kumitat Espert”) tat-10 ta’ Jannar 2011, u l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar ix-Xogħlijiet Orfni tal-24 ta’ Mejju 2011.

(5)

Għaldaqstant, għandha tiġi rrakkomandata lill-Istati Membri sensiela aġġornata ta’ miżuri għad-diġitizzazzjoni u l-pubblikazzjoni fuq l-Internet tal-wirt kulturali, kif ukoll għall-konservazzjoni diġitali. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-materjal diġitali mill-biblijoteki, l-arkivji u l-mużewijiet għandu jkompli jitħeġġeġ sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa żżomm postha minn ta’ quddiem fix-xenarju internazzjonali tal-kultura u tal-kontenut kreattiv, kif ukoll li tuża r-rikkezza tal-materjal kulturali tagħha bl-aqwa mod possibbli. Kif ġie ssottolinjat mill-Kumitat Espert, l-Ewropa jeħtiġilha tieħu azzjoni minn issa jekk tixtieq taħsad il-frott tad-diġitizzazzjoni u tal-konservazzjoni diġitali. Jekk l-Istati Membri ma jkattrux l-investimenti tagħhom f’dan il-qasam, ikunu qed jissugraw li l-vantaġġi kulturali u ekonomiċi tal-“bidla diġitali” jsiru realtà f’kontinenti oħra u mhux fl-Ewropa.

(6)

L-aċċessibbiltà tal-materjal kulturali fuq l-Internet ser tippermetti liċ-ċittadini mal-Ewropa kollha jaċċessawh u jużawh għall-gost, għall-istudju jew anki għal xogħolhom. Għandha tagħti lill-wirt divers u multilingwi tal-Ewropea profil ċar fuq l-Internet, filwaqt li d-diġitizzazzjoni tal-assi tagħhom se tgħin lill-istituzzjonijiet kulturali Ewropej ikomplu jwettqu l-missjoni tagħhom li jagħtu aċċess għal wirtna u jikkonservawh fl-ambjent diġitali.

(7)

Aktar minn hekk, il-materjal diġitizzat jista’ jerġa’ jintuża — għal skopijiet kummerċjali u mhux — f’għadd ta’ oqsma, fosthom l-iżvilupp ta’ kontenut edukattiv u tat-tagħlim, id-dokumentarji, it-turiżmu, il-logħob, l-animazzjoni u l-għodda tad-disinn, dejjem jekk dan isir b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-awtur u drittijiet simili. Dan se jagħti kontribut importanti lill-industriji kreattivi, li jirrappreżentaw 3,3 % tal-PDG tal-UE, u 3 % tal-impjiegi. Dawn l-industriji qed iħabbtu wiċċhom ma’ tranżizzjoni diġitali li qiegħda theżżeż il-mudelli tradizzjonali, u b’hekk qiegħda tittrasforma l-katini tal-valur u tindika l-ħtieġa ta’ mudelli ġoddi tan-negozju. Id-diġitizzazzjoni tar-riżorsi kulturali u l-għoti ta’ aċċess usa’ għalihom joffru opportunitajiet ekonomiċi tassew kbar, u huma kundizzjoni essenzjali biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet kulturali u kreattivi tal-Ewropa, kif ukoll tal-preżenza industrijali tagħha f’dan il-qasam.

(8)

Id-diġitizzazzjoni hija mezz importanti biex jiġi żgurat aktar aċċess għall-materjal kulturali, kif ukoll l-użu tiegħu. Azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri biex jidiġitizzaw il-wirt kulturali tagħhom tkun tista’ trodd aktar koerenza lill-għażla tal-materjal, u tevita d-duplikazzjoni fid-diġitizzazzjoni. Twassal ukoll għal klima aktar sikura għall-kumpaniji li jinvestu fit-teknoloġiji tad-diġitizzazzjoni. Stampa globali tal-attivitajiet kurrenti u ppjanati fid-diġitizzazzjoni, u miri kwantitattivi għad-diġitizzazzjoni, għandhom jikkontribwixxu għall-ilħiq ta’ dawk l-għanijiet.

(9)

L-ispejjeż tad-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali kollu tal-Ewropa huma għoljin, u ma jistgħux jiġu koperti mill-finanzjament pubbliku biss. L-isponsorjar tad-diġitizzazzjoni mis-settur privat, jew sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, jistgħu jinvolvu entitajiet privati fl-isforzi tad-diġitizzazzjoni, u għandhom jitħeġġew iktar. Biex ikunu ekwi u bbilanċjati, dawn is-sħubijiet għandhom isegwu għadd ta’ prinċipji importanti. B’mod partikulari, jeħtieġ li jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien għall-użu preferenzjali tal-materjal diġitizzat. Il-“Kumitat Espert” indika li ż-żmien massimu għall-użu preferenzjali tal-materjal diġitizzat fi sħubijiet pubbliċi privati ma għandux ikun itwal minn seba’ snin.

(10)

Il-Fondi Strutturali tal-UE jistgħu jintużaw, u qegħdin jintużaw, għall-kofinanzjament tal-attivitajiet ta’ diġitizzazzjoni, bħala parti minn proġetti li għandhom impatt fuq l-ekonomija reġjonali. Madankollu, tali użu jista’ jkompli jitwessa’, u jsir iktar sistematiku. Il-proċessi tad-diġitizzazzjoni tal-massa jistgħu jsiru iktar effiċjenti minħabba l-iskala tagħhom. Għaldaqstant, l-użu effiċjenti tal-kapaċità tad-diġitizzazzjoni, u fejn possibbli, it-taqsim tat-tagħmir tad-diġitizzazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kulturali u l-pajjiżi individwali, għandhom jitħeġġew.

(11)

Parti limitata mill-materjal miżmum fil-biblijoteki, fl-arkivji u fil-mużewijiet tinsab fid-dominju pubbliku, fis-sens illi mhijiex jew ma għadhiex koperta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li l-bqija hija protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Ġaladarba d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma strument ewlieni għall-istimolu tal-kreattività, il-materjal kulturali tal-Ewropa għandu jiġi ddiġitizzat, isir disponibbli u jiġi kkonservat fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati.

(12)

Fl-24 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva għax-Xogħlijiet Orfni. Sabiex din id-Direttiva jkollha l-effett kollu li jixirqilha, għandha tiġi adottata u implimentata mingħajr dewmien, u b’hekk jiġi żgurat approċċ armonizzat għall-kwistjoni tax-xogħlijiet orfni mal-UE kollha. Għad-diġitizzazzjoni fuq skala kbira tax-xogħlijiet li ma għadhomx fis-suq, x’aktarx li jenħtieġ appoġġ fl-Istati Membri għal soluzzjonijiet ta’ liċenzjar żviluppati b’mod volontarju mill-partijiet interessati, filwaqt li jitqies il-bżonn li jiġi żgurat effett transkonfinali. F’dan il-kuntest, l-approċċ li ġie segwit fid-djalogu fost il-partijiet interessati dwar il-kotba u r-rivisti akkademiċi li ma għadhomx fis-suq, sponsorjat mill-Kummissjoni, u li rriżulta fil-Memorandum ta’ Fehim iffirmat fi Brussell fl-20 ta’ Settembru 2011, għandu jitqies bħala mudell għad-djalogi ta’ tkomplija biex jiffaċilita l-ftehimiet favur id-diġitizzazzjoni tal-materjal kollu possibbli minn dak li ma għadux fis-suq. Bażijiet tad-dejta tal-informazzjoni dwar id-drittijiet fuq il-livell Ewropew jistgħu jniżżlu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għar-riżoluzzjoni tad-drittijiet. Għaldaqstant, għandu jitħeġġeġ dan it-tip ta’ mekkaniżmi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet kollha interessati.

(13)

Bil-għan li jingħata aċċess usa’ għall-kontenut fid-dominju pubbliku għall-konsultazzjoni kif ukoll għall-użu, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kontenut tad-dominju pubbliku jibqa’ fid-dominju pubbliku ladarba jkun ġie diġitizzat. Għandu jiġi evitat l-użu ta’ marki tal-ilma (watermarks) invażivi jew ta’ miżuri oħra ta’ protezzjoni viżiva fuq kopji tal-materjal fid-dominju pubbliku bħala sinjal tas-sjieda jew tal-provenjenza.

(14)

L-Europeana, il-biblijoteka, arkivju u mużew diġitali tal-Ewropa, tnediet fl-20 ta’ Novembru 2008. It-tkomplija tal-iżvilupp tal-pjattaforma tal-Europeana se tiddependi l-iktar minn kif l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali tagħhom jagħlfuha bil-kontenut, u minn kif jagħmluha viżibbli għaċ-ċittadini. Għandhom jitħeġġew miżuri għal dan il-għan.

(15)

Bħalissa, l-Europeana tagħti aċċess dirett għal iktar minn 19-il miljun oġġett diġitizzat. 2 % biss minn dawn l-oġġetti diġitizzati huma materjal awdjo jew awdjoviżiv. Iż-żieda tal-kontenut aċċessibbli mill-Europeana, inklużi tat-tipi ta’ materjal li bħalissa mhumiex irrappreżentati biżżejjed, għandha twassal għal sit iktar interessanti għall-utenti, u għaldaqstant għandha titħeġġeġ. Il-mira globali ta’ 30 miljun oġġett sal-2015 hija skont il-pjan strateġiku tal-Europeana, u tirrappreżenta pass importanti fit-triq lejn id-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali sħiħ tal-Ewropa sal-2025. Id-disponibbiltà tal-kapulavuri kollha fid-dominju pubbliku (jiġifieri, xogħlijiet u oġġetti kulturali jew storiċi ewlenin, kif iddefiniti u magħżula mill-Istati Membri) permezz tal-Europeana ser tkompli żżid u żżejjen il-kontenut tas-sit, kif jaqbel mal-aspettattivi tal-utenti. Dispożizzjonijiet fl-Istati Membri li jiżguraw li l-materjal kollu ddiġitizzat b’finanzjament pubbliku jsir disponibbli mill-Europeana jkunu ta’ xprun għall-iżvilupp tal-pjattaforma, u jkunu ta’ għajnuna biex jinħoloq qafas ċar għall-kontribuzzjoni tal-kontenut mingħand l-istituzzjonijiet kulturali. Għaldaqstant, l-introduzzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet għandha titħeġġeġ.

(16)

Il-materjal diġitali jeħtieġ li jinżamm u jitmexxa sew, inkella l-fajls x’aktarx isiru illeġġibbli meta l-ħardwer u s-softwer imħaddem biex jaħżinhom ikun għadda żmienu, jew jista’ jintilef xi materjal meta t-tagħmir tal-ħżin jitherra maż-żmien, jew it-tagħmir tal-ħżin jista’ ma jlaħħaqx mal-volum kolossali tal-kontenut ġdid u aġġornat. Minkejja l-progress li sar mal-UE kollha fil-qasam tal-konservazzjoni tal-materjal diġitali, f’bosta Stati Membri, ma hemm l-ebda politika ċara u komprensiva fis-seħħ fir-rigward tal-konservazzjoni tal-kontenut diġitali. In-nuqqas ta’ tali politiki jhedded is-sopravvivenza tal-materjal diġitizzat, u jista’ jwassal għat-telf ta’ materjal prodott f’format diġitali (materjal b’oriġni diġitali). L-iżvilupp ta’ mezzi effettivi ta’ konservazzjoni diġitali fih implikazzjonijiet qawwija li jmorru lil hinn sew mill-istituzzjonijiet kulturali. Il-kwistjonijiet tal-konservazzjoni diġitali huma relevanti għal kull organizzazzjoni pubblika jew privata li jkollha l-obbligu jew ix-xewqa li tikkonserva l-materjal diġitali.

(17)

Il-konservazzjoni diġitali tippreżenta sfidi ta’ natura finanzjarja, teknika u organizzattiva, u minn żmien għal ieħor titlob aġġornament tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi. Bosta Stati Membri daħħlu jew qegħdin jikkunsidraw obbligi legali li jeżiġu li l-produtturi tal-materjal diġitali jagħmlu kopja jew għadd ta’ kopji tal-materjal tagħhom għad-dispożizzjoni ta’ entità maħtura ta’ depożitu. Dispożizzjonijiet u prattiki effiċjenti għad-depożitu legali jistgħu jimminimizzaw il-piż amministrattiv fuq id-detenturi tal-kontenut kif ukoll fuq l-istituzzjonijiet tad-depożitu, u għaldaqstant għandhom jitħeġġew. Teħtieġ kollaborazzjoni effikaċi fost l-Istati Membri biex tiġi evitata diverġenza kbira fir-regoli li jiggvernaw id-depożitu tal-materjal diġitali, u għalhekk għandha titħeġġeġ ukoll. Il-“web-harvesting” (“il-ħsad mill-internet”) huwa teknika ġdida għall-ġbir tal-materjal mill-Internet, għall-finijiet ta’ konservazzjoni. Jinvolvi l-ġbir attiv tal-materjal min-naħa tal-istituzzjonijiet maħturin, minflok ma jistennew li jiġi ddepożitat, u b’hekk jimminimizza l-piż amministrattiv fuq il-produtturi tal-materjal diġitali. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha toħloq dispożizzjonijiet għalih.

(18)

F’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet ċinematografiċi, minn għadd ta’ aspetti, din ir-Rakkomandazzjoni tissupplimenta r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar il-patrimonju ċinematografiku u l-kompetittività ta’ attivitajiet industrijali relatati (1),

B’DAN TIRRAKKOMANDA LILL-ISTATI MEMBRI:

Id-diġitizzazzjoni: organizzazzjoni u finanzjament

1.

li jkomplu jiżviluppaw l-ippjanar u l-monitoraġġ tad-diġitizzazzjoni tal-kotba, rivisti, gazzetti, ritratti, oġġetti tal-mużewijiet, dokumenti ta’ arkivji, materjal awdjo u awdjoviżiv, monumenti u siti arkeoloġiċi (minn hawn ’il quddiem “materjal kulturali”), billi:

(a)

jistabbilixxu miri kwantitattivi ċari għad-diġitizzazzjoni tal-materjal kulturali, skont il-miri globali msemmija fil-punt 7, li jindikaw iż-żieda mistennija fil-materjal diġitizzat li jista’ jidħol fil-korpus tal-Europeana, kif ukoll il-baġits allokati mill-awtoritajiet pubbliċi,

(b)

joħolqu deskrizzjonijiet fil-qosor tal-materjal kulturali diġitizzat, u jikkontribwixxi lejn sforzi kollaborattivi biex jistabbilixxu deskrizzjoni fil-qosor fuq il-livell Ewropew, b’ċifri li jistgħu jitqabblu;

2.

iħeġġu s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet kulturali u s-settur privat, bil-għan li jinħolqu mezzi ġodda ta’ finanzjament tad-diġitizzazzjoni tal-materjal kulturali, kif ukoll li jiġu xprunati l-użu innovattivi tal-materjal, filwaqt li jiġi żgurat li s-sħubijiet pubbliċi privati għad-diġitizzazzjoni jkunu ekwi u bbilanċjati, u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness;

3.

jużaw fejn possibbli l-Fondi Strutturali tal-UE għall-kofinanzjament tal-attivitajiet tad-diġitizzazzjoni, fil-qafas ta’ strateġiji reġjonali tal-innovazzjoni għall-“ispeċjalizzazzjoni intelliġenti”;

4.

jikkunsidraw mezzi biex isir l-aqwa użu tal-kapaċità tad-diġitizzazzjoni u biex jinkisbu ekonomiji ta’ skala, li jistgħu jimplikaw li l-istituzzjonijiet kulturali jaqsmu l-isforzi ta’ diġitizzazzjoni tagħhom f’kollaborazzjoni transkonfinali, huma u jibnu fuq ċentri Ewropej li għandhom kompetenzi ta’ diġitizzazzjoni;

Id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet tal-materjal fid-dominju pubbliku

5.

itejbu l-aċċess u l-użu tal-materjal kulturali diġitizzat li jinsab fid-dominju pubbliku, billi:

(a)

jiżguraw li l-materjal fid-dominju pubbliku jibqa’ fid-dominju pubbliku wara li jkun ġie ddiġitizzat,

(b)

iħeġġu l-usa’ aċċess possibbli għall-materjal diġitizzat fid-dominju pubbliku, kif ukoll l-usa’ użu mill-ġdid possibbli tal-materjal għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali,

(c)

jieħdu miżuri biex jillimitaw l-użu tal-marki tal-ilma invażivi jew mezzi oħra ta’ protezzjoni viżiva li jnaqqsu l-użabbiltà tal-materjal diġitizzat tad-dominju pubbliku;

Id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet tal-materjal imħares bid-drittijiet tal-awtur

6.

itejbu l-kundizzjonijiet għad-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet tal-materjal kopert mid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’:

(a)

it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti u mingħajr dewmien tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ix-Xogħlijiet Orfni (ladarba tkun ġiet adottata), b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati qabel l-adozzjoni tagħha sabiex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni rapida; u monitoraġġ mill-qrib tal-applikazzjoni tad-Direttiva ladarba tkun ġiet adottata,

(b)

il-ħolqien ta’ qafas legali b’kundizzjonijiet li jirfdu l-mekkaniżmi ta’ liċenzjar identifikati u miftiehma mill-partijiet interessati għad-distribuzzjoni fuq skala kbira u l-aċċessibbiltà transkonfinali tax-xogħlijiet li ma jkunux fis-suq,

(c)

il-promozzjoni u l-kontribuzzjoni għad-disponibbiltà ta’ bażijiet tad-dejta bl-informazzjoni dwar id-drittijiet, imqabbda fuq il-livell Ewropew, bħal dik tal-ARROW;

L-Europeana

7.

jikkontribwixxu għall-iżvilupp kontinwu tal-Europeana, billi:

(a)

iħeġġu lill-istituzzjonijiet kulturali, lill-pubblikaturi u lid-detenturi l-oħra tad-drittijiet tal-awtur li l-materjal diġitizzat tagħhom jagħmluh aċċessibbli permezz tal-Europeana, u b’hekk jgħinu lill-pjattaforma toffri aċċess dirett għal 30 miljun oġġett diġitizzat sal-2015, inklużi żewġ miljun oġġett awdjo jew awdjoviżiv,

(b)

jagħmlu l-finanzjament pubbliku għal proġetti futuri tad-diġitizzazzjoni kundizzjonali fuq l-aċċessibbiltà tal-materjal diġitali mill-Europeana,

(c)

jiżguraw li sal-2015 il-kapulavuri kollha fid-dominju pubbliku jsiru aċċessibbli mill-Europeana,

(d)

jistabbilixxu jew isaħħu l-aggregaturi nazzjonali li jwasslu kontenut minn dominji differenti għal ġol-Europeana, u jikkontribwixxu għall-aggregaturi transkonfinali f’dominji speċifiċi jew għal suġġetti speċifiċi, li jistgħu jwasslu għal ekonomiji ta’ skala,

(e)

jiżguraw l-użu ta’ standards komuni tad-diġitizzazzjoni, iddefiniti mill-Europeana bi sħab mal-istituzzjonijiet kulturali, sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà tal-materjal diġitizzat fuq il-livell Ewropew, kif ukoll l-użu sistematiku tal-identifikaturi permanenti,

(f)

jiżguraw id-disponibbiltà wiesgħa u ħielsa tal-metadejta eżistenti (id-deskrizzjonijiet tal-oġġetti diġitali) prodotta mill-istituzzjonijiet kulturali, għall-użu mill-ġdid permezz ta’ servizzi bħall-Europeana, kif ukoll għal applikazzjonijiet innovattivi,

(g)

jistabbilixxu pjan ta’ komunikazzjoni biex joħolqu iktar kuxjenza dwar l-Ewropeana qalb il-pubbliku ġenerali, u speċifikament fl-iskejjel, bi sħab mal-istituzzjonijiet kulturali li jikkontribwixxu kontenut għas-sit;

Il-konservazzjoni diġitali

8.

isaħħu l-istrateġiji nazzjonali għall-konservazzjoni fit-tul tal-materjal diġitali, jaġġornaw il-pjanijiet ta’ azzjoni li jimplimentaw dawk l-istrateġiji, u jiskambjaw tagħrif ma’ xulxin dwar l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni;

9.

jipprovdu fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom dispożizzjoni ċara u espliċita li tippermetti l-ikkupjar multiplu u l-migrazzjoni tal-materjal kulturali diġitali min-naħa tal-istituzzjonijiet pubbliċi għall-finijiet ta’ konservazzjoni, fir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

10.

iħejju l-arranġamenti meħtieġa għad-depożitu tal-materjal maħluq f’format diġitali sabiex tiġi ggarantita l-konservazzjoni tiegħu fit-tul, u sabiex titjieb l-effikaċja tal-arranġamenti eżistenti għad-depożitu tal-materjal maħluq f’format diġitali, billi:

(a)

jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet iwasslu x-xogħlijiet lill-biblijoteki ta’ depożitu legali mingħajr miżuri ta’ protezzjoni teknika, jew inkella, li d-detenturi tad-drittijiet iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-biblijoteki ta’ depożitu legali l-mezzi biex jiżguraw li l-miżuri ta’ protezzjoni teknika ma jfixklux l-azzjonijiet li jridu jwettqu l-biblijoteki għall-finijiet tal-konservazzjoni, fir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

(b)

fejn relevanti, joħolqu dispożizzjoni legali li tippermetti t-trasferiment tax-xogħlijiet diġitali ta’ depożitu legali minn biblijoteka ta’ depożitu legali waħda għal biblijoteki ta’ depożitu oħrajn li jkollhom ukoll id-dritt li jużaw dawk ix-xogħlijiet,

(c)

jippermettu l-konservazzjoni ta’ kontenuti tal-Internet min-naħa tal-istituzzjonijiet maħturin, bl-użu ta’ tekniki għall-ġbir tal-materjal mill-Internet bħall-web-harvesting (ħsad mill-Internet), fir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

11.

iqisu l-iżviluppi fi Stati Membri oħra meta jiġu biex jistabbilixxu jew jaġġornaw il-politiki u l-proċeduri għad-depożitu tal-materjal maħluq f’format diġitali mill-oriġni, sabiex jipprevjenu diverġenza wiesgħa fl-arranġamenti għad-depożitu;

Is-segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni

12.

jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-azzjoni meħuda b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni, 24 xahar mill-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u mbagħad kull sentejn.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi-President


(1)  ĠU L 323, 9.12.2005, p. 57.


ANNESS I

IS-SĦUBIJIET PUBBLIĊI-PRIVATI GĦAD-DIĠITIZZAZZJONI

Sabiex isir progress rapidu fid-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali tagħna, jeħtieġ li l-finanzjament pubbliku għad-diġitizzazzjoni jiġi ssupplimentat bl-investiment privat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tħeġġeġ il-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi-privati għad-diġitizzazzjoni tal-materjal kulturali.

Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jixprunaw tali sħubijiet, u li dawn isegwu l-prinċipji ewlenin li ġejjin:

1.   Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Is-sħubijiet pubbliċi-privati għad-diġitizzazzjoni tal-kollezzjonijiet fl-istituzzjonijiet kulturali għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

2.   Il-prinċipju tan-nonesklussività

Il-ftehimiet għad-diġitizzazzjoni tal-materjal fid-dominju pubbliku għandhom ikunu ta’ natura non-esklussiva, fis-sens illi kwalunkwe imsieħeb privat irid ikollu l-possibbiltà li jiddiġitizza l-istess materjal b’kundizzjonijiet simili.

Jista’ jkun meħtieġ perjodu ta’ użu preferenzjali jew ta’ sfruttament kummerċjali, bil-għan li lill-imsieħeb privat tingħatalu l-possibbiltà li jagħmel tajjeb għall-investiment tiegħu. Dan il-perjodu għandu jkun ta’ żmien limitat, u qasir kemm jista’ jkun, sabiex jirrispetta l-prinċipju li l-materjal fid-dominju pubbliku jibqa’ fid-dominju pubbliku ladarba jkun ġie diġitizzat. Il-perjodu tal-użu preferenzjali ma għandux ikun itwal minn seba’ snin.

Tali ftehimiet għandhom ikunu għalkollox konformi mar-regoli tal-UE dwar il-kompetittività.

3.   It-trasparenza tal-proċess

Il-ftehimiet għad-diġitizzazzjoni tal-kollezzjonijiet miżmuma mill-istituzzjonijiet kulturali għandhom jingħataw wara kompetizzjoni miftuħa fost l-imsieħba privati potenzjali.

4.   It-trasparenza tal-ftehimiet

Il-kontenut tal-ftehimiet bejn l-istituzzjonijiet kulturali u l-imsieħba privati għad-diġitizzazzjoni tal-kollezzjonijiet kulturali għandu jsir pubbliku.

5.   L-aċċessibbiltà mill-Europeana

Il-konklużjoni ta’ sħubija pubblika-privata għandha tiddependi, bħala kundizzjoni ewlenija, mill-aċċessibbiltà tal-materjal diġitizzat mill-Europeana.

6.   Kriterji ewlenin

Il-kriterji ewlenin għall-valutazzjoni tal-proposti għal sħubija pubblika-privata huma kif ġej:

L-investiment totali li għandu jsir mill-imsieħeb privat, b’qies tal-isforz mitlub mill-imsieħeb pubbliku,

L-aċċessibbiltà tal-materjal diġitizzat għall-pubbliku ġenerali, inkluż permezz tal-Europeana. Għandhom jitħeġġew mudelli ta’ sħubijiet li fihom l-utent aħħari jkollu aċċess ħieles għall-materjal diġitizzat, minflok mudelli li fihom l-utent aħħari jkollu jħallas biex ikollu aċċess għall-materjal,

L-aċċess transkonfinali: il-ftehimiet ta’ sħubija għandhom iwasslu għall-aċċess transkonfinali għal kulħadd,

It-tul tal-perjodu tal-użu kummerċjali preferenzjali tal-materjal diġitizzat mill-imsieħeb privat: dan il-perjodu għandu jinżamm qasir kemm jista’ jkun,

Il-kwalità maħsuba tad-diġitizzazzjoni, u l-kwalità tal-fajls li se jingħaddu lill-istituzzjonijiet kulturali: L-imsieħeb privat għandu jipprovdi lill-istituzzjonijiet kulturali b’fajls diġitizzati tal-istess kwalità bħal dawk li juża huwa stess,

L-użu li jistgħu jagħmlu l-istituzzjonijiet kulturali mill-materjal diġitizzat f’kuntesti mhux kummerċjali: Dan l-użu għandu jkun l-iktar wiesa’ possibbli, mingħajr limiti tekniċi jew kontrattwali,

L-iskeda taż-żmien tal-proġett tad-diġitizzazzjoni.


ANNESS II

MIRI INDIKATTIVI GĦALL-KONTRIBUT MINIMU TA’ KONTENUT LILL-EUROPEANA, GĦAL KULL STAT MEMBRU

 

Għadd ta’ oġġetti fl-Europeana għal kull SM (*)

Mira Indikattiva 2015 (**)

Il-BELĠJU

338 098

759 000

Il-BULGARIJA

38 263

267 000

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

35 490

492 000

ID-DANIMARKA

67 235

453 000

IL-ĠERMANJA

3 160 416

5 496 000

L-ESTONJA

68 943

90 000

L-IRLANDA

950 554

1 236 000

IL-GREĊJA

211 532

618 000

SPANJA

1 647 539

2 676 000

FRANZA

2 745 833

4 308 000

L-ITALJA

1 946 040

3 705 000

ĊIPRU

53

45 000

IL-LATVJA

30 576

90 000

IL-LITWANJA

8 824

129 000

IL-LUSSEMBURGU

47 965

66 000

L-UNGERIJA

115 621

417 000

MALTA

56 233

73 000

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

1 208 713

1 571 000

L-AWSTRIJA

282 039

600 000

IL-POLONJA

639 099

1 575 000

IL-PORTUGALL

28 808

528 000

IR-RUMANIJA

35 852

789 000

IS-SLOVENJA

244 652

318 000

IS-SLOVAKKJA

84 858

243 000

IL-FINLANDJA

795 810

1 035 000

L-ISVEZJA

1 489 488

1 936 000

IR-RENJU UNIT

944 234

3 939 000


(*)  Ottubru tal-2011. Oġġetti oħra jiġu kkontribwiti minn għadd ta’ pajjiżi barra mill-UE (partikularment in-Norveġja u l-Isvizzera), jew jaslu minn proġetti mifruxin mal-UE kollha, u għaldaqstant ma jiġux attribwiti ma’ Stat Membru partikulari.

(**)  Il-miri indikattivi għal kull Stat Membru jiġu kkalkulati abbażi ta’: a) id-daqs tal-popolazzjoni; u (b) il-PDG, skont il-mira globali li sal-2015 jsiru disponibbli 30 miljun oġġett diġitizzat permezz tal-Europeana. Għall-Istati Membri li jkunu diġà laħqu jew appik li jilħqu l-mira indikattiva issa, il-kalkolu huwa bbażat fuq l-għadd attwali ta’ oġġetti li jikkontribwixxu għall-Europeana, b’żieda ta’ 30 %. L-Istati Membri kollha huma mistiedna jħarsu lejn l-aspetti kwalitattivi, u jqisu l-bżonn li l-kapulavuri kollha fid-dominju pubbliku jsiru disponibbli mill-Europeana qabel l-2015.