12.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/23


REGOLAMENT (UE) Nru 995/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ottubru 2010

li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-foresti jipprovdu varjetà wiesgħa ta’ benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali inklużi prodotti tal-foresta mill-injam u mhux mill-injam u servizzi ambjentali li huma essenzjali għall-bniedem, bħaż-żamma tal-bijodiversità u tal-funzjonijiet tal-ekosistemi u l-protezzjoni tas-sistema tal-klima.

(2)

Minħabba d-domanda li dejjem qed tiżdied mad-dinja kollha għall-injam u l-prodotti tal-injam, flimkien man-nuqqasijiet istituzzjonali u ta’ governanza li jinsabu fis-settur tal-foresta f’għadd ta’ pajjiżi li jipproduċu l-injam, il-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu saru kwistjonijiet li jagħtu lok għal dejjem aktar ta’ tħassib.

(3)

Il-qtugħ illegali hu problema mifruxa ta’ tħassib internazzjonali ewlieni. Huwa jippreżenta theddida sinifikanti għall-foresti għax jikkontribwixxi għall-proċess ta’ deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, li hu responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet globali ta’ CO2, jhedded il-bijodiversità, u jimmina l-ġestjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-foresti inkluż il-vijabbiltà kummerċjali tal-operaturi li jaġixxu f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Huwa jikkontribwixxi wkoll għad-deżertifikazzjoni u l-erożjoni tal-ħamrija u jista’ jħarrax ġrajjiet estremi tat-temp u għargħar. Barra minn hekk, għandu wkoll implikazzjonijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi, li sikwit jimminaw il-progress lejn tmexxija tajba u jheddu l-għajxien tal-komunitajiet lokali li jiddependu mill-foresti u jista’ jkollu rabta ma’ kunflitti armati. Il-ġlieda kontra l-problema tal-qtugħ illegali ta’ siġar fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament hija mistennija li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-istrateġiji tal-UE ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima b’mod effiċjenti meta mqabbel mal-infiq u għandha titqies bħala komplementari għall-azzjoni u l-impenn tal-UE fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali (3) tidentifika bħala azzjoni ta’ prijorità l-eżami tal-possibiltà li jittieħdu miżuri attivi biex jiġi evitat u jiġi miġġieled il-kummerċ ta’ injam maħsud b’mod illegali, kif ukoll it-tkomplija tal-parteċipazzjoni attiva tal-Unjoni u tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet globali u reġjonali u ta’ ftehimiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-foresti.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2003 intitolata “Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT): Pjan ta’ Azzjoni tal-UE” ipproponiet pakkett ta’ miżuri li jappoġġaw l-isforzi internazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-qtugħ illegali ta’ siġar u l-kummerċ marbut miegħu fil-kuntest tal-isforzi globali tal-Unjoni għall-kisba ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

(6)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laqgħu pożittivament dik il-Komunikazzjoni u rrikonoxxu l-ħtieġa li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-isforzi globali sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-qtugħ illegali.

(7)

F’konformità mal-għan ta’ dik il-Komunikazzjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li jidħlu biss fl-Unjoni prodotti tal-injam li ġew manifatturati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż produttur tal-injam, l-Unjoni qed tinnegozja Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja (FLEGT VPAs, Voluntary Partnership Agreements) ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam (pajjiżi msieħba), li jimponu obbligu legalment vinkolanti fuq il-partijiet li jimplimentaw skema ta’ liċenzjar u li jirregolaw il-kummerċ fl-injam u l-prodotti tal-injam identifikati f’ dawk l-FLEGT VPAs.

(8)

Minħabba l-kobor u l-urġenza tal-problema, jeħtieġ li tkun appoġġata b’mod attiv il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu, ikunu kkomplementati u msaħħa l-inizjattiva tal-FLEGT VPAs u jittejbu s-sinerġiji bejn il-linji politiċi li għandhom l-għan li jikkonservaw il-foresti u l-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità.

(9)

Għandhom ikunu rikonoxxuti l-isforzi li saru mill-pajjiżi li kkonkludew VPAs dwar il-FLEGT mal-Unjoni u l-prinċipji inkorporati fihom, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni ta’ injam prodott b’mod legali u għandu jingħata inkuraġġiment akbar biex pajjiżi jikkonkludu VPAs dwar il-FLEGT. Għandu jittieħed ukoll kont tal-fatt li taħt l-iskema ta’ liċenzjar tal-FLEGT, huma biss l-injam li jkun ġie maħsud f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u l-prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam li huma esportati fl-Unjoni. Għalhekk, l-injam imqiegħed fil-prodotti tal-injam elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar tal-FLEGT għal importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea (4), li joriġina fil-pajjiżi msieħba elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 għandhom jitqiesu li ġew maħsuda b’mod legali sakemm dawk il-prodotti tal-injam ikunu konformi ma’ dak ir-Regolament u kwalunkwe dispożizzjoni implimentattiva.

(10)

Għandu jittieħed ukoll kont tal-fatt li l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) titlob mill-partijiet għall-Konvenzjoni sabiex jagħtu biss permess CITES għall-esportazzjoni meta speċi li tkun elenkata fis-CITES tkun ġiet maħsuda, inter alia, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-pajjiż tal-esportazzjoni. Għalhekk, l-injam tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness A, B jew C għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (5) għandu jkun ikkunsidrat bħala legalment maħsud sakemm dan jikkonforma ma’ dak ir-Regolament u ma’ kwalunkwe dispożizzjoni implimentattiva.

(11)

Meta wieħed jiftakar illi l-użu ta’ injam riċiklat u ta’ prodotti tal-injam riċiklati għandu jkun imħeġġeġ, u li l-inklużjoni ta’ dawn il-prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun tpoġġi piż sproporzjonat fuq l-operaturi, injam jew prodotti tal-injam użati li temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u li kieku jintremew bħala skart għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(12)

It-tqegħid fis-suq għall-ewwel darba ta’ injam maħsud b’mod illegali jew ta’ prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam għandu jiġi pprojbit bħala waħda mill-miżuri ta’ dan ir-Regolament. Filwaqt li jittieħed kont tal-komplessità tal-qtugħ illegali, ir-raġunjiet sottostanti u l-impatti tiegħu, għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi, bħal dawk li jiffukaw fuq l-imġiba tal-operaturi.

(13)

Fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT, il-Kummissjoni u, fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw u jwettqu studji u riċerka dwar il-livelli u x-xorta tal-qtugħ illegali fil-pajjiżi differenti u jagħmlu dan it-tagħrif disponibbli għall-pubbliku, kif ukoll jappoġġjaw l-għoti ta’ gwida prattika lill-operaturi dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiżi produtturi tal-injam.

(14)

Fin-nuqqas ta’ definizzjoni bi qbil internazzjonali, il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn l-injam ikun ġie maħsud, inklużi r-regolamenti kif ukoll l-implimentazzjoni f’dak il-pajjiż ta’ konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li tagħhom dak il-pajjiż ikun firmatarju, għandha tkun il-bażi sabiex jiġi ddefinit dak li jikkostitwixxi qtugħ illegali.

(15)

Ħafna prodotti tal-injam jgħaddu minn għadd ta’ proċessi qabel u wara li jitqiegħdu fis-suq intern għall-ewwel darba. Bil-għan li ma jiġix impost piż amministrattiv bla ħtieġa, l-operaturi li jqiegħdu fis-suq intern l-injam u l-prodotti tal-injam għall-ewwel darba biss għandhom ikunu soġġetti għas-sistema ta’ diliġenza dovuta, filwaqt li kummerċjant fil-katina ta’ forniment għandu jkun meħtieġ li jipprovdi tagħrif bażiku dwar il-fornitur u x-xerrej tiegħu biex tkun possibbli t-traċċabilità tal-injam u tal-prodotti tal-injam.

(16)

Fuq il-bażi ta’ approċċ sistematiku, l-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam ma jitqegħdux fis-suq intern. Għal dan il-għan, l-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta permezz ta’ sistema ta’ miżuri u proċeduri sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ tqegħid fis-suq intern ta’ injam li ġie maħsud b’mod illegali u ta’ prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam.

(17)

Is-sistema ta’ diliġenza dovuta tinkludi tliet elementi li huma parti integrali mill-immaniġġar tar-riskju: l-aċċess għall-informazzjoni, l-istima tar-riskju u l-mitigazzjoni tar-riskju identifikat. Is-sistema ta’ diliġenza dovuta għandha tipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar is-sorsi u l-fornituri tal-injam u l-prodotti tal-injam li jitqiegħdu fis-suq intern għall-ewwel darba, inkluża informazzjoni rilevanti bħall-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-pajjiż li fih sar il-ħsad, l-ispeċijiet, il-kwantità u, fejn applikabbli, ir-reġjun subnazzjonali fejn inħasad l-injam u l-konċessjoni tal-ħsad. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni l-operaturi għandhom iwettqu stima tar-riskju. Fejn ikun identifikat riskju, l-operaturi għandhom itaffu dak ir-riskju b’mod proporzjonat għar-riskju identifikat, bil-għan li jiġi pprevenut it-tqegħid fis-suq intern ta’ injam li ġie maħsud b’mod illegali u ta’ prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam.

(18)

Biex jevitaw piżijiet amministrattivi bla bżonn, l-operaturi li diġà jużaw sistemi jew proċeduri li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx ikollhom rekwiżit li jistabbilixxu sistemi ġodda.

(19)

Biex tkun rikonoxxuta l-prattika korretta fis-settur tal-foresti, fil-proċedura tal-istima tar-riskju jistgħu jintużaw skemi ta’ ċertifikazzjoni jew skemi oħrajn ta’ verifika minn partijiet terzi li jinkludu verifika tal-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

(20)

Is-settur tal-injam hu ta’ importanza ewlenija għall-ekonomija tal-Unjoni. L-organizzazzjonijiet tal-operaturi huma atturi importanti fis-settur minħabba li jirrappreżentaw l-interessi ta’ dan tal-aħħar fuq skala kbira u jinteraġixxu ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati. Dawk l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll il-ħila u l-kapaċità li janalizzaw il-leġiżlazzjoni rilevanti u jiffaċilitaw il-konformità tal-membri tagħhom, iżda m’għandhomx jużaw din il-kompetenza biex jiddominaw is-suq. Bil-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jsir kontribut għall-iżvilupp ta’ prattika tajba, huwa kunsiljabbli li jiġu rikonoxxuti l-organizzazzjonijiet li żviluppaw sistemi ta’ diliġenza dovuta li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Ir-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ għandu jitwettaq b’mod ġust u trasparenti. Lista ta’ dawn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti ser issir pubblika sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jużaw dawn l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ rikonoxxuti.

(21)

L-awtoritajiet kompenti għandhom iwettqu kontrolli fuq organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ, f’intervalli regolari, sabiex jivverifikaw li dawn qegħdin tassew iwettqu l-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu kontrolli meta jkollhom f’idejhom tagħrif rilevanti, inkluż tħassib issostanzjat minn partijiet terzi.

(22)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaraw li l-operaturi jissodisfaw effettivament l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali, skont pjan kif ikun xieraq, li jistgħu jinkludu verifiki fis-sit tal-operaturi u verifiki fuq il-post, u għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu lill-operaturi biex jieħdu azzjonijiet ta’ rimedju fejn ikun meħtieġ. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu kontrolli meta jkollhom f’idejhom tagħrif rilevanti, inkluż tħassib issostanzjat minn partijiet terzi.

(23)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu reġistri tal-kontrolli u l-informazzjoni rilevanti għandha ssir disponibbli f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (6).

(24)

B’kont meħud tan-natura internazzjonali tal-qtugħ illegali u l-kummerċ marbut miegħu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoperaw bejniethom u mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ pajjiżi terzi u mal-Kummissjoni.

(25)

Sabiex tkun iffaċilitata l-abbiltà tal-operaturi li jqiegħdu l-injam jew prodotti tal-injam fis-suq intern sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, u b’kunsiderazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni fejn xieraq, jistgħu jipprovdu lill-operaturi b’għajnuna teknika jew ta’ tip ieħor u b’hekk jiffaċilitaw l-iskambju ta’ tagħrif. Din l-għanjuna m’għandhiex teħles lill-operaturi mill-obbligu tagħhom li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta.

(26)

Kummerċjanti u organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ għandhom jevitaw miżuri li jistgħu jfixxklu l-ksib tal-objettiv ta’ dan ir-Regolament.

(27)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur ta’ dan ir-Regolament, inklużi dawk minn operaturi, kummerċjanti interni u minn organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ jiġi sanzjonat b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Ir-regoli nazzjonali jistgħu jistipulaw li, wara l-applikazzjoni ta’ pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi għal ksur tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq intern ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam, dawn l-injam u prodotti tal-injam m’għandhomx bilfors jiġu meqruda iżda minflok jistgħu jintużaw għal skopijiet ta’ interess pubbliku.

(28)

Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tadotta l-atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-proċeduri għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ, fir-rigward ta’ aktar kriterji rilevanti ta’ stima tar-riskju li jistgħu jkunu neċessarji biex jissupplimentaw dawk diġà previsti f’dan ir-Regolament u fir-rigward tal-lista ta’ injam u prodotti tal-injam li għaliha japplika dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa fil-ħidma preparatorja tagħha, inkluż f’livell ta’ esperti.

(29)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta regoli dettaljati fir-rigward tal-frekwenza u x-xorta tal-kontrolli mill-awtoritajiet kompetenti fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ u tas-sistemi ta’ diliġenza dovuta barra fir-rigward ta’ kriterji ulterjuri ta’ valutazzjoni tar-riskju rilevanti. Skont l-Artikolu 291 TFUE, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’regolament adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-regolament il-ġdid, tibqa’ tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7), bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, li mhix applikabbli.

(30)

L-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw perijodu ta’ żmien raġonevoli bil-għan li jkunu jistgħu jħejju lilhom infushom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(31)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u kontra l-kummerċ relatat miegħu, ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri individwalment u jista’ għalhekk, minħabba d-daqs tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern, kif ukoll l-obbligi tal-kummerċjanti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“injam u prodotti tal-injam” tfisser l-injam u l-prodotti tal-injam stabbiliti fl-Anness, ħlief prodotti tal-injam jew komponenti ta’ dawk il-prodotti manifatturati minn injam jew prodotti tal-injam li temmew iċ-ċiklu tagħhom tal-użu u li kieku jintremew bħala skart, kif definiti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart (8);

(b)

“tqegħid fis-suq” tfisser provvista bi kwalunkwe mezz, irrispettivament mit-teknika ta’ bejgħ użata, ta’ injam jew prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern għad-distribuzzjoni jew l-użu waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas. Għandha tinkludi wkoll provvista permezz ta’ komunikazzjoni minn distanza kif definita fid-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (9). Il-provvista fis-suq intern ta’ prodotti tal-injam derivati minn injam jew minn prodotti tal-injam li diġà tqiegħdu fis-suq intern m’għandhiex titqies bħala “tqegħid fuq is-suq”;

(c)

“operatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq injam jew prodotti tal-injam;

(d)

“kummerċjant intern” tfisser kull persuna naturali u ġuridika li, waqt attività kummerċjali, tbigħ jew tixtri, fis-suq intern, injam jew prodotti tal-injam li diġà tqiegħdu fis-suq intern;

(e)

“pajjiż tal-ħsad” tfisser il-pajjiż jew it-territorju fejn ġie maħsud l-injam jew l-injam imqiegħed fil-prodotti tal-injam;

(f)

“maħsud b’mod legali” tfisser li ġie maħsud f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-ħsad;

(g)

“maħsud b’mod illegali” tfisser li ġie maħsud b’kontravenzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-ħsad;

(h)

“leġiżlazzjoni applikabbli” tfisser il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż tal-ħsad, li tkopri l-oqsma tal-liġi li ġejjin:

id-drittijiet għall-ħsad ta’ injam fi ħdan il-fruntieri ppubblikati legalment,

il-ħlasijiet għad-drittijiet ta’ ħsad u l-injam inklużi l-imposti relatati mal-ħsad tal-injam,

il-ħsad tal-injam, inkluża l-leġiżlazzjoni ambjentali u forestali inkluż il-ġestjoni tal-foresti u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, meta marbuta b’mod dirett mal-ħsad tal-injam,

id-drittijiet legali ta’ partijiet terzi dwar l-użu u l-pussess li jiġu affettwati mill-ħsad tal-injam, u

il-kummerċ u d-dwana, sa fejn hu kkonċernat is-settur tal-foresti.

Artikolu 3

Status tal-injam u tal-prodotti tal-injam koperti mill-FLEGT u s-CITES

Il-prodotti tal-injam elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005 li joriġinaw f’pajjiżi msieħba elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament u li jkunu f’konformità ma’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu għandhom jitqiesu li huma maħsuda b’mod legali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-injam tal-ispeċi elenkati fl-Anness A, B jew C għar-Regolament (KE) Nru 338/97 u li jikkonforma ma’ dak ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu għandu jitqies bħala legalment maħsud għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Obbligi tal-operaturi

1.   Għandu jkun ipprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam.

2.   L-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta meta jqiegħdu fis-suq injam jew prodotti tal-injam. Għal dak il-għan, huma għandhom jużaw qafas ta’ proċeduri u miżuri, minn issa ‘l quddiem imsejħa “sistema ta’ diliġenza dovuta” kif dispost fl-Artikolu 6.

3.   Kull operatur għandu jżomm u jevalwa regolarment is-sistema ta’ diliġenza dovuta li juża, ħlief jekk l-operatur juża sistema ta’ diliġenza dovuta stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 8. Is-sistemi ta’ superviżjoni eżistenti taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti u kull katina volontarja ta’ mekkaniżmu ta’ kustodja li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintużaw bħala bażi għal sistema ta’ diliġenza dovuta.

Artikolu 5

Obbligu ta’ traċċabilità

Il-kummerċjanti, tul il-katina ta’ forniment, għandhom ikunu kapaċi li jidentifikaw:

(a)

l-operaturi jew il-kummerċjanti li pprovdew injam u prodotti tal-injam; u

(b)

il-kummerċjanti li lilhom ikunu pprovdew injam jew prodotti tal-injam, fejn applikabbli.

Il-kummerċjanti għandhom iżommu t-tagħrif imsemmi fl-ewwel paragrafu għal mill-anqas ħames snin u għandhom jgħaddu dan it-tagħrif lill-awtoritajiet kompetenti li jitolbu dan.

Artikolu 6

Sistemi ta’ diliġenza dovuta

1.   Is-sistema ta’ diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

miżuri u proċeduri li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni li ġejja dwar il-forniment ta’ injam jew prodotti tal-injam tal-operatur imqiegħda fis-suq:

deskrizzjoni, inkluż l-isem kummerċjali u t-tip ta’ prodott, kif ukoll l-isem komuni tal-ispeċi tas-siġar u, fejn ikun applikabbli, l-isem xjentifiku sħiħ,

il-pajjiż tal-ħsad, u fejn ikun applikabbli:

(i)

ir-reġjun sub-nazzjonali fejn l-injam ġie maħsud; u

(ii)

il-konċessjoni tal-ħsad,

il-kwantità (espressa f’volum, piż jew numru ta’ unitajiet),

l-isem u l-indirizz tal-fornitur għall-operatur,

l-isem u l-indirizz tal-kummerċjant intern li jkunu ġew ipprovduti lilu l-injam jew il-prodotti tal-injam,

dokumenti jew informazzjoni oħra li tindika l-konformità ta’ dak l-injam u tal-prodotti tal-injam mal-leġiżlazzjoni applikabbli;

(b)

proċeduri ta’ stima tar-riskju li jippermettu lill-operatur janalizza, u jagħmel stima tar-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam.

Dawk il-proċeduri għandhom jieħdu kont tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) kif ukoll ta’ kriterji rilevanti ta’ stima tar-riskju, li jinkludu:

garanzija ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, li tista’ tinkludi ċertifikazzjoni jew skemi oħra verifikati minn parti terza li jkopru l-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli,

prevalenza ta’ ħsad illegali ta’ speċi ta’ siġar speċifiċi,

prevalenza ta’ ħsad jew prattika illegali fil-pajjiż tal-ħsad u/jew fir-reġjun sub-nazzjonali fejn ġie maħsud l-injam, inkluża l-kunsiderazzjoni tal-prevalenza ta’ kunflitt armat,

sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet tal-injam,

kumplessità tal-katina ta’ forniment tal-injam u prodotti tal-injam;

(c)

ħlief fejn ikun negliġibbli r-riskju identifikat matul il-proċeduri ta’ stima tar-riskju imsemmija fil-punt (b), il-proċeduri ta’ mitigazzjoni tar-riskju li huma magħmulin minn sett ta’ miżuri u proċeduri li huma adegwati u proporzjonati biex jimminimizzaw b’mod effettiv dak ir-riskju u li jistgħu jinkludu l-ħtieġa ta’ informazzjoni jew dokumenti addizzjonali u/jew il-ħtieġa ta’ verifika minn parti terza.

2.   Ir-regoli dettaljati meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tal-paragrafu 1, ħlief fir-rigward ta’ aktar kriterji ta’ stima tar-riskju msemmijin fit-tieni sentenza tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2). Dawk ir-regoli għandhom jiġu adottati sat-3 ta’ Ġunju 2012.

3.   B’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi tas-suq u l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari kif identifikati permezz tal-iskambju ta’ tagħrif imsemmi fl-Artikolu 13 u tar-rappurtar imsemmi fl-Artikolu 20(3), il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE rigward kriterji rilevanti oħrajn ta’ stima tar-riskju li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu ssupplimentati dawk imsemmijin fit-tieni sentenza tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bil-għan li tkun żgurata l-effettività tas-sistema ta’ diliġenza dovuta.

Għall-atti delegati msemmijin f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15, 16 u 17.

Artikolu 7

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti sat-3 ta’ Ġunju 2011. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fl-ismijiet jew l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-disponibilità tal-pubbliku, inkluż fuq l-Internet, lista tal-awtoritajiet kompetenti. Il-lista għandha tiġi aġġornata regolarment.

Artikolu 8

Organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ

1.   Organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandha:

(a)

iżżomm u tevalwa regolarment sistema ta’ diliġenza dovuta kif stabbilit fl-Artikolu 6 u tagħti d-dritt lill-operaturi biex jużawha;

(b)

tivverifika l-użu korrett tas-sistema tagħha ta’ diliġenza dovuta minn dawk l-operaturi;

(c)

tieħu miżuri adatti fil-każ fejn operatur jonqos milli juża korrettament is-sistema tagħha ta’ diliġenza dovuta, inkluża n-notifika tal-awtoritajiet kompetenti fil-każ ta’ nuqqas sinifikanti jew ripetut mill-operatur.

2.   Organizzazzjoni tista’ tapplika biex tiġi tikonoxxuta bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ jekk tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollha personalità ġuridika u tkun stabbilita legalment fl-Unjoni;

(b)

ikollha għelm xieraq u l-kapaċità li teżerċita l-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1; u

(c)

tiżgura l-assenza ta’ kull kunflitt ta’ interess fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha.

3.   Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istat(i) Membru(i) ikkonċernat(i) għandha tagħraf bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ applikant li jissodisfa r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 2.

Id-deċiżjoni li jingħata għarfien lil organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandha tiġi kkomunikata mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli f’intervalli regolari biex jivverifikaw li l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ li joperaw fil-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti jkomplu jissodisfaw il-funzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2. Jistgħu jitwettqu kontrolli wkoll meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jkollha tagħrif rilevanti f’idejha, inkluż tħassib sostanzjali minn partijiet terzi jew meta tiskopri nuqqasijiet mill-operaturi fl-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta maħluqa minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ. Għandu jkun disponibbli rapport tal-kontrolli skont id-Direttiva 2003/4/KE.

5.   Jekk awtorità kompetenti tiddetermina li organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ma għadhiex twettaq il-funzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jew ma għadhiex tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2, hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

6.   Il-Kummissjoni għandha tirtira rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ meta, b’mod partikolari fuq il-bażi tat-tagħrif provduta msemmija fil-paragrafu 5, tkun iddeterminat li l-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ma għadhiex twettaq il-funzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jew ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2. Qabel l-irtirar ta’ rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri konċernati.

Id-deċiżjoni li jiġi rtirat rikonoxximent lil organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandha tiġi kkomunikata mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.

7.   Sabiex tissupplimenta r-regoli proċedurali fir-rigward tar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ u, jekk l-esperjenza teħtieġ hekk, biex temendahom, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE, filwaqt li tiżgura li r-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent jitwettqu b’mod ġust u trasparenti.

Għall-atti delegati msemmijin f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15, 16 u 17. Dawk l-atti għandhom jiġu adottati sat-3 ta’ Marzu 2012.

8.   Ir-regoli dettaljati li jikkonċernaw il-frekwenza u n-natura tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 4, meħtieġa biex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ u l-implimentazzjoni uniformi ta’ dak il-paragrafu, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2). Dawk ir-regoli għandhom jiġu adottati sat-3 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 9

Lista ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, u għandha tagħmilha disponibbli fuq is-sit elettroniku tagħha. Il-lista għandha tiġi aġġornata regolament.

Artikolu 10

Kontrolli fuq l-operaturi

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw jekk l-operaturi humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6.

2.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu skont pjan rivedut perjodikament skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Barra minn hekk, jistgħu jitwettqu kontrolli wkoll meta awtorità kompetenti jkollha f’idejha tagħrif rilevanti, inkluż fuq il-bażi ta’ tħassib sostanzjali mogħti minn partijiet terzi, rigward il-konformità ta’ operatur ma’ dan ir-Regolament.

3.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu, inter alia:

(a)

eżami tas-sistema ta’ diliġenza dovuta, inklużi l-valutazzjoni tar-riskju u l-proċeduri tal-mitigazzjoni tar-riskju;

(b)

eżami ta’ dokumentazzjoni u rekords li juru t-tħaddim kif suppost tas-sistema u l-proċeduri ta’ diliġenza dovuta;

(c)

kontrolli għal għarrieda, inklużi verifiki fil-post.

4.   L-operaturi għandhom joffru kull għajnuna meħtieġa biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1, b’mod partikolari rigward l-aċċess għall-binjiet u l-preżentazzjoni ta’ dokumenti jew rekords.

5.   Bla ħsara għall-Artikolu 19, meta, wara l-kontrolli msemmijin fil-paragrafu 1, jinstabu xi nuqqasijiet, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu notifika ta’ azzjonijiet ta’ rimedju li jridu jittieħdu mill-operatur. Barra minn hekk, skont il-gravità tan-nuqqasijiet misjuba, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri interim immedjati inkluż inter alia:

(a)

il-konfiska tal-injam u tal-prodotti tal-injam;

(b)

il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-injam u l-prodotti tal-injam.

Artikolu 11

Rekords tal-kontrolli

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu rekords tal-kontrolli msemmijin fl-Artikolu 10(1), u jindikaw b’mod partikolari n-natura tagħhom u r-riżultati, kif ukoll ta’ kwalunkwe notifika ta’ azzjonijiet ta’ rimedju meħuda taħt l-Artikolu 10(5). Għandhom jinżammu rekords tal-kontrolli kollha għal mill-inqas ħames snin.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE.

Artikolu 12

Koperazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoperaw ma’ xulxin, mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ pajjiżi terzi u mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar nuqqasijiet serji li jinstabu permezz tal-kontrolli msemmijin fl-Artikoli 8(4) u 10(1) u dwar it-tipi ta’ pieni imposti f’konformità mal-Artikolu 17 mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni.

Artikolu 13

Għajnuna teknika, gwida u skambju ta’ tagħrif

1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-operatur li jeżerċita d-diliġenza dovuta skont l-Artikolu 4(2), l-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni, jistgħu, fejn xieraq, jipprovdu għajnuna teknika u għajnuna u gwida oħrajn lill-operaturi, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ta’ impriżi ta’ daqs żgħir u medju, sabiex tkun iffaċilitata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, partikolarment b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta skont l-Artikolu 6.

2.   L-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni, jistgħu, fejn xieraq, jiffaċilitaw l-iskambju u t-tixrid tat-tagħrif rilevanti dwar il-qtugħ illegali, b’mod partikolari bil-għan li jgħinu lill-operaturi jivvalutaw ir-riskju kif stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 6(1), u dwar l-aħjar prattiki rigward l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-għajnuna għandha tingħata b’mod li ma tikkompromettix ir-responsabilitajiet tal-awtoritajiet kompetenti u li tħares l-indipendenza tagħhom fl-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Emendi tal-Anness

Sabiex jittieħed kont, min-naħa waħda, tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dik identifikata fir-rappurtar imsemmi fl-Artikolu 20(3) u (4) u permezz tal-iskambju ta’ tagħrif kif imsemmi fl-Artikolu 13, u min-naħa l-oħra, l-iżviluppi fir-rigward ta’ karatteristiċi tekniċi, l-utenti finali u l-proċessi ta’ produzzjoni tal-injam u l-prodotti tal-injam, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE billi temenda u tissupplimenta l-lista ta’ injam jew prodotti tal-injam stabbiliti fl-Anness. Dawn l-atti m’għandhomx joħolqu piż sproporzjonat fuq l-operaturi.

Għall-atti delegati msemmijin f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15, 16 u 17.

Artikolu 15

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħat ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 6(3), 8(7) u 14 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mit-2 ta’ Diċembru 2010. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport dwar is-setgħat delegati mhux iktar tard minn minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Id-delega tas-setgħat għandha tiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokahiex f’konformità mal-Artikolu 16.

2.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Is-setgħat ta’ adozzjoni tal-atti delegati għandhom jingħataw lill-Kummissjoni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17.

Artikolu 16

Revoka tad-delega

1.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 6(3), 8(7) u 14 tista’ tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’kull mument.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex tiddeċiedi jekk għandiex tirrevoka d-delega tas-setgħat għandha tagħmel ħilitha sabiex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħat iddelegati li jistgħu jkunu suġġetti għal revoka u r-raġunijiet possibbli għar-revoka.

3.   Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett immedjatament jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien xahrejn mid-data ta’ notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.   Jekk, meta jiskadi dan il-perijodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fih.

L-att iddelegat jista’ jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, l-att m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.

Artikolu 18

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) stabbilit taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005.

2.   Fejn ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.

Artikolu 19

Pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati.

2.   Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jistgħu jinkludu, inter alia:

(a)

multi proporzjonali għall-ħsara ambjentali, il-valur tal-injam jew tal-prodotti tal-injam konċernati u t-telf ta’ taxxi u d-detriment ekonomiku li jirriżultaw mill-ksur, bil-kalkolu tal-livell ta’ tali pieni isir b’tali mod li jiżgura li dawn iċaħħdu b’mod effikaċi lil min hu responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi li joriġinaw mill-ksur gravi tagħhom, bla ħsara għad-dritt leġittimu li jeżerċitaw professjoni u biż-żieda gradwali tal-limitu ta’ tali multi għal ksur gravi ripetut;

(b)

il-konfiska tal-injam u prodotti tal-injam konċernati;

(c)

is-sospensjoni immedjata tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċ.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 20

Rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sentejn wara t-3 ta’ Marzu 2013, rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sentejn ta’ qabel.

2.   Abbażi ta’ dawn ir-rapporti l-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jrid jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sentejn. Fit-tħejjija tar-Rapport, il-Kummissjoni għandha tqis il-progress li jkun sar rigward il-konklużjoni u l-operazzjoni tal-VPAs FLEGT skont ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 u l-kontribut tagħhom sabiex tkun imminizzata l-preżenza tal-injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam fis-suq intern.

3.   Sat-3 ta’ Diċembru 2015, u kull sitt snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrevedi, fuq il-bażi tar-rappurtar u l-esperjenza tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-funzjonament u l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament, inkluża l-prevenzjoni tat-tqegħid fis-suq intern ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam. B’mod partikulari għandha tqis il-konsegwenzi amministrattivi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-kopertura tal-prodott. Ir-rapporti jistgħu jkunu akkumpanjati, jekk meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi adegwati.

4.   L-ewwel mir-rapporti msemmija fil-paragrafu 3 għandu jinkludi valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali attwali tal-Unjoni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ prodotti elenkati taħt il-Kapitolu 49 tan-Nomenklatura Magħquda, b’kunsiderazzjoni partikolari tal-kompetittività tas-setturi rilevanti, sabiex titqies l-inklużjoni possibbli tagħhom fil-lista ta’ injam u prodotti tal-injam stipulata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tal-effettività tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam kif stipulat fl-Artikolu 4(1) kif ukoll tas-sistemi ta’ diliġenza dovuta kif stipulat fl-Artikolu 6.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-3 ta’ Marzu 2013. Madankollu, l-Artikoli 6(2), 7(1), 8(7) u 8(8) għandhom japplikaw mit-2 ta’ Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 88.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 145), pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-1 ta’ Marzu 2010 (ĠU C 114 E, 4.5.2010, p. 17) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2010 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

(6)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(9)  ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.


ANNESS

Injam u prodotti tal-injam kif ikklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87  (1) , li għalihom japplika dan ir-Regolament

4401 Ħatab, fi zkuk, fi zkuk ħoxnin, fi friegħi, f’qatet ta’ għesieleġ jew forom simili; injam f’laqx jew fi frak; serratura u rimi tal-injam u skart, kemm jekk ikunu miġbura fi zkuk, trab tal-faħam ippressat, pritkuna jew forom bħal dawn,

4403 Injam mhux irfinat, anki jekk bil-qoxra, l-ilbieba jew skwerrat b’mod mhux preċiż,

4406 Travi tal-injam mimdudin (sleepers, cross-ties) għal-linji tal-ferrovija jew tat-tramm,

4407 Injam isserrat jew maqtugħ f’laqx għat-tul, imfellel jew imqaxxar, huwiex jew le inċanat, xkatlat jew imġannat fit-truf, eħxen minn 6 mm,

4408 Folji għall-kisi tal-injam (inklużi dawk li jinkisbu billi jkun imfettet l-injam laminat), għall-plajwud jew għal injam laminat simili u injam ieħor, maqtugħ għat-tul, imfettet jew imqaxxar, sew jekk illixxat, xkatlat, imwaħħal jew ġonġut mit-tarf u sew jekk le, ta’ ħxuna ta’ mhux iktar minn 6 mm,

4409 Injam (inklużi strixxi u freġji għal kisi ta’ art bil-parkè, mhux immuntat) b’forma kontinwa (mudullun, kanal, irbattut, ċanfrin, ingast-V, biż-żibeġ, iffurmat, ittundjat jew hekk) tul xi xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, inċanat, xkatlat jew imminċottat fit-truf jew le,

4410 Bord tal-injam mill-frak, bord tat-tip oriented strand board (OSB) u bord simili (per eżempju, waferboard) tal-injam jew ta’ materjali oħrajn għudin, magħqudin bir-rażi jew sustanzi organiċi oħrajn li jgħaqqdu jew le,

4411 Fibreboard tal-injam jew materjal ieħor tal-injam, sew jekk magħqud bir-raża jew sustanzi organiċi oħra jew le,

4412 Plajwud, pannelli miksija u injam laminat simili,

4413 00 00 Injam iddensifikat, fi blokki, folji, strixxi jew forom tal-profil,

4414 00 Gwarniċi tal-injam għal pitturi, ritratti, mirja jew oġġetti bħal dawn,

4415 Kontenituri għall-ippakkjar, kaxex, ċestuni, tankijiet u kontenituri simili, tal-injam; rukkelli tal-injam għall-kejbil; pallets, pallets forma ta’ kaxxa jew twavel oħrajn għat-tagħbija, tal-injam; għenuq tal-pallets tal-injam; twiebet,

(Materjal mhux tal-ippakkjar użat esklużivament bħala materjal tal-ippakkjar biex jirfed, jipproteġi jew iġorr prodott ieħor imqiegħed fis-suq.)

4416 00 00 Bittiji, bramel, tankijiet, tnellijiet u prodotti oħra tal-buttar, u partijiet tagħhom, tal-injam, inkluż injam imqawwes,

4418 Xogħol tal-mastrudaxxa u tal-karpentrija tal-injam għall-bennejja, inklużi pannelli ċellulari tal-injam, panelli mmuntati għall-art, twavel tal-kisi u shakes,

Polpa u karta tal-Kapitoli 47 u 48 tan-Nomenklatura Magħquda, għajr għal prodotti li għandhom bażi ta’ bambù u rkuprati (rimi u skart),

Għamara tal-injam 9403 30, 9403 40, 9403 50 00, 9403 60 u 9403 90 30,

9406 00 20 Bini prefabbrikat.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).