31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/34


REGOLAMENT (KE) Nru 1334/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Fid-dawl ta’ l-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi, jeħtieġ li d-Direttiva tal-Kunsill 88/388/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ aromatizzanti għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel u mal-materjali ta’ sors għall-produzzjoni tagħhom (3) tiġi aġġornata. Fl-interessi taċ-ċarezza u ta’ l-effiċjenza d-Direttiva 88/388/KEE għandha tiġi sostitwita bir-Regolament preżenti.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/389/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar l-istabbiliment, mill-Kummissjoni, ta’ inventarju tal-materjali u s-sustanzi ta’ sors użati fil-preparazzjoni ta’ aromatizzanti (4) tipprevedi l-istabbiliment ta’ dak l-inventarju fi żmien 24 xahar mill-adozzjoni tagħha. Dik id-Deċiżjoni issa għadda żmienha u għandha tiġi revokata.

(3)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/71/KEE tas-16 ta’ Jannar 1991 li tikkompleta d-Direttiva tal-Kunsill 88/388/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ aromatizzanti għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel u mal-materjali ta’ sors għall-produzzjoni tagħhom (5) tistabbilixxi r-regoli dwar l-ittikkettar tal-aromatizzanti. Dawk ir-regoli ġew sostitwiti bir-Regolament preżenti u d-Direttiva issa għandha titħassar.

(4)

Il-moviment liberu ta’ ikel sikur u sustanzjuż huwa aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-saħħa u għall-benesseri taċ-ċittadini, u għall-interessi soċjali u ekonomiċi tagħhom.

(5)

Sabiex tkun imħarsa s-saħħa tal-bniedem, dan ir-Regolament għandu jkopri l-aromatizzanti, il-materjali mis-sors għall-aromatizzanti u l-ikel li fih l-aromatizzanti. Għandu jkopri wkoll ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li jiġu miżjuda ma’ l-ikel bl-għan prinċipali li tiżdied l-aroma u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-preżenza fl-ikel ta’ ċerti sustanzi mhux mixtieqa li jseħħu b’mod naturali (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti”), il-materjal mis-sors tagħhom u l-ikel li jinstabu fih.

(6)

Oġġetti ta’ l-ikel fi stat naturali li m’għaddew mill-ebda trattament ta’ pproċessar u oġġetti ta’ l-ikel mhux komposti bħal ħwawar, ħxejjex aromatiċi, tejiet u infużjonijiet (per eżempju tè tal-frott jew tal-ħxejjex aromatiċi) kif ukoll taħlitiet ta’ ħwawar u/jew ħxejjex aromatiċi, taħlitiet ta’ tè u taħlitiet għall-infużjoni, sakemm dawn jiġu kkunsmati kif inhuma u/jew m’humiex miżjuda ma’ l-ikel, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(7)

L-aromatizzanti għandhom jintużaw biex jimmodifikaw ir-riħa u/jew it-togħma għall-benefiċċju tal-konsumaturi. L-aromatizzanti u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għandhom jintużaw biss jekk jissodisfaw il-kriterji li ġew stabbiliti f’dan ir-Regolament. Iridu jkunu mingħajr periklu meta jiġu użati, u għalhekk ċerti aromatizzanti għandha ssirilhom valutazzjoni tar-riskju qabel ma jistgħu jkunu permessi fl-ikel. Fejn ikun possibbli l-attenzjoni għandha tiġi ffukata fuq jekk l-użu ta’ ċerti aromatizzanti jistgħax ikollu xi konsegwenzi negattivi fuq il-gruppi vulnerabbli. L-użu ta’ aromantizzanti m’għandux jiżgwida lill-konsumatur, u għalhekk il-preżenza tagħhom fl-ikel għandha dejjem tkun indikata permezz ta’ ttikkettar xieraq. L-aromatizzanti, m’għandhomx, b’mod partikolari, jintużaw b’mod li jiżgwidaw il-konsumatur rigward kwistjonijiet relatati, fost affarijiet oħrajn, man-natura, ma’ kemm huwa frisk, mal-kwalità ta’ l-ingredjenti wżati u man-naturalezza tal-prodott jew tal-proċess ta’ produzzjoni, jew il-kwalità nutrittiva tal-prodott. L-approvazzjoni ta’ aromatizzanti għandha tieħu wkoll kont ta’ fatturi oħrajn rilevanti għall-kwistjoni taħt konsiderazzjoni, inklużi fatturi soċjetali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali, il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-fattibbiltà tal-kontrolli.

(8)

Sa mill-1999, il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, u sussegwentement l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sikurezza ta’ l-ikel (6), esprimew opinjonijiet dwar numru ta’ sustanzi li jseħħu b’mod naturali f’materjali ta’ sors għall-aromatizzanti u għall-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li, skond il-Kumitat ta’ l-Esperti tas-Sustanzi ta’ Aromatizzanti tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, iqajmu tħassib tossikoloġiku. Sustanzi li għalihom kien ikkonfermat it-tħassib tossikoloġiku mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel għandhom jitqiesu bħala sustanzi mhux mixtieqa li bħala tali m’għandhomx jiġu miżjuda ma’ l-ikel.

(9)

Minħabba li jseħħu b’mod naturali fil-pjanti, is-sustanzi mhux mixtieqa jistgħu jkunu preżenti fi preparazzjonijiet ta’ aromatizzanti u f’ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti. Tradizzjonalment, il-pjanti jintużaw bħala ikel jew bħala ingredjenti ta’ l-ikel. Għandhom jiġu stabbiliti livelli massimi xierqa għall-preżenza ta’ dawn is-sustanzi mhux mixtieqa fl-ikel li l-iktar li jikkontribwixxi għall-konsum mill-bniedem ta’ dawn is-sustanzi, fejn jitqiesu kemm il-ħtieġa li tiġi mħarsa s-saħħa tal-bniedem kif ukoll il-preżenza inevitabbli tagħhom fl-ikel tradizzjonali.

(10)

Livelli massimi għal ċerti sustanzi mhux mixtieqa li jseħħu b’mod naturali għandhom jiffukaw fuq l-ikel jew il-kategoriji ta’ l-ikel li jikkontribwixxu l-aktar għall-konsum ta’ l-ikel. Jekk sustanzi oħra naturali joħolqu riskju għas-saħħa tal-konsumaturi, il-livelli massimi għandhom ikunu ffissati wara li tingħata l-opinjoni ta’ l-Awtorità. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw kontrolli abbażi ta’ riskju f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (7). Il-produtturi ta’ l-ikel huma obbligati li jieħdu kont tal-preżenza ta’ dawn is-sustanzi meta jużaw ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti u/jew aromatizzanti għall-preparazzjoni ta’ l-ikel kollu sabiex jiġi żgurat li l-ikel li mhux sikur ma jitqegħidx fis-suq.

(11)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet fuq livell Komunitarju biex ikun ipprojbit jew ristrett l-użu ta’ ċerti materjali ta’ pjanti, ta’ annimali, mikrobijoloġiċi jew minerali li jqajmu tħassib għas-saħħa tal-bniedem fil-produzzjoni ta’ aromatizzanti u ta’ ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti u fl-applikazzjoni tagħhom fil-produzzjoni ta’ l-ikel.

(12)

Għandhom isiru valutazzjonijiet tar-riskju mill-Awtorità.

(13)

Biex tkun żgurata l-armonizzazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-approvazzjoni ta’ l-aromatizzanti u tal-materjali ta’ sors li jeħtieġ li ssirilhom evalwazzjoni, għandhom jitwettqu skond il-proċedura stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008. li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, għall-enzimi ta’ l-ikel u għall-aromatizzanti ta’ l-ikel (8).

(14)

Is-sustanzi aromatizzanti huma sustanzi kimiċi definiti, li jinkludu sustanzi aromatizzanti miksuba minn sintesi kimika jew iżolati permezz ta’ proċessi kimiċi, u sustanzi aromatizzanti naturali. Għaddej programm ta’ evalwazzjoni ta’ sustanzi aromatizzanti skond ir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 1996 li jistabbilixxi proċedura Komunitarja għas-sustanzi aromatizzanti użati jew maħsuba għall-użu fi jew fuq l-oġġetti ta’ l-ikel (9). Skond dak ir-Regolament għandha tiġi adottata lista ta’ sustanzi aromatizzanti fi żmien ħames snin mill-adozzjoni ta’ dak il-programm. Għandha tiġi ffissata skadenza ġdida għall-adozzjoni ta’ dik il-lista. Se jkun propost biex dik il-lista tiġi inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(15)

Il-preparazzjonijiet aromatizzanti huma aromatizzanti minbarra sustanzi definiti kimikament miksuba minn materjali b’oriġini veġetali, annimali u mikrobijoloġika, permezz ta’ proċessi fiżiċi, enzimatiċi jew mikrobijoloġiċi adatti, jew fl-istat naturali tal-materjal jew wara li jkun ġie pproċessat għall-konsum mill-bniedem. Il-preparazzjonijiet aromatizzanti li ġew prodotti mill-ikel mhemmx għalfejn jgħaddu minn proċedura ta’ evalwazzjoni jew approvazzjoni għall-użu fl-ikel jew fuq l-ikel sakemm ma jkunx hemm dubju dwar is-sikurezza tagħhom. Madankollu, is-sikurezza tal-preparazzjonijiet aromatizzanti prodotti minn materjal li mhux ikel għandha tiġi evalwata u approvata.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jiddefinixxi l-ikel bħala kwalunkwe sustanza, jew prodott, kemm jekk ipproċessat, ipproċessat b’mod parzjali jew mhux ipproċessat, li huwa maħsub, jew raġonevolment mistenni li jkun, għall-inġestjoni mill-bniedem jew le. Il-materjali b’oriġini veġetali, annimali jew mikrobijoloġika, li jista’ jiġi muri suffiċjentament li intużaw s’issa għall-produzzjoni ta’ l-aromatizzanti, għal dan l-għan jitqiesu bħala materjali ta’ l-ikel, anki jekk uħud minn dawn il-materjali ta’ sors, bħalma huma r-rose wood u l-weraq tal-frawli, jistgħu ma jkunux intużaw għall-ikel bħala tali. M’hemmx għalfejn jiġu evalwati.

(17)

Bl-istess mod, l-aromatizzanti li għaddew minn proċess termali prodotti minn ikel taħt kondizzjonijiet speċifikati m’hemmx għalfejn jgħaddu minn proċedura ta’ evalwazzjoni jew approvazzjoni għall-użu fl-ikel jew fuq l-ikel sakemm ma jkunx hemm dubju dwar is-sikurezza tagħhom. Madankollu, is-sikurezza ta’ l-aromatizzanti li għaddew minn proċess termali prodotti minn materjal li mhux ikel jew li m’humiex konformi ma’ ċerti kondizzjonijiet ta’ produzzjoni għandha tiġi evalwata u approvata.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Novembru 2003 dwar l-aromatizzanti bl-affumikazzjoni użat jew intiż għall-użu fi jew fuq l-ikel (10) jistabbilixxi proċedura għall-valutazzjoni tas-sikurezza u l-approvazzjoni ta’ aromatizzanti bl-affumikazzjoni u għandu l-għan li jistabbilixxi lista ta’ kondensati primarji tad-duħħan u frazzjonijiet primarji tal-qatran li l-użu tagħhom huwa awtorizzat bl-esklużjoni ta’ l-oħrajn kollha.

(19)

Il-prekursuri ta’ l-aromatizzanti bħall-karboidrati, l-oligo-peptidi u l-aċidi amini jagħtu l-aroma lill-ikel permezz ta’ reazzjonijiet kimiċi li jseħħu waqt l-ipproċessar ta’ l-ikel. Il-prekursuri ta’ l-aromatizzanti li ġew prodotti mill-ikel mhemmx bżonn jgħaddu minn proċedura ta’ evalwazzjoni jew approvazzjoni għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel sakemm ma jkunx hemm dubju dwar is-sikurezza tagħhom. Madankollu, is-sikurezza tal-prekursuri ta’ l-aromatizzanti prodotti minn materjal li mhux ikel għandha tiġi evalwata u approvata.

(20)

Aromatizzanti oħrajn li ma jaqgħux taħt id-definizzjonijiet ta’ l-aromatizzanti li ssemmew qabel jistgħu jintużaw fl-ikel u fuq l-ikel wara li jkunu għaddew minn proċedura ta’ evalwazzjoni u approvazzjoni. Eżempju jista’ jkun ta’ aromatizzanti li jiġu miksuba permezz tat-tisħin ta’ żejt jew xaħam sa temperaturi għoljin ħafna, għall-perijodu qasir ħafna li jirriżultaw f’aroma ta’ xiwi.

(21)

Il-materjal li ġej mill-veġetali, mill-annimali, li n-natura tiegħu hija mikrobijoloġika jew minerali li mhux ikel jista’ jiġi awtorizzat biss għall-produzzjoni ta’ l-aromatizzanti wara li s-sikurezza tiegħu ġiet evalwata b’mod xjentifiku. Jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jkun awtorizzat l-użu ta’ ċerti partijiet biss tal-materjal jew li jiġu ffissati kondizzjonijiet għall-użu.

(22)

L-aromatizzanti jista’ jkun fihom addittivi ta’ l-ikel kif permess mir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi ta’ l-ikel (11) u/jew ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn għal finijiet teknoloġiċi bħall-ħażna, l-istandardizzazzjoni, id-dilwizzjoni jew it-taħlil u l-istabbilizzazzjoni tagħhom.

(23)

Aromatizzanti jew materjal ta’ sors li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat (12) ġenetikament għandhom ikunu awtorizzati skond dak ir-Regolament kif ukoll taħt dan ir-Regolament.

(24)

L-aromatizzanti jibqgħu soġġetti għall-obbligi ġenerali ta’ l-ittikkettar kif previst fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 dwa l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (13) u, skond il-każ, fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti ta’ l-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament (14). Barra minn hekk, f’dan ir-Regolament għandhom ikunu inklużi d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-ittikkettar ta’ aromatizzanti mibjugħa bħala tali lill-manifattur jew lill-konsumatur finali.

(25)

Is-sustanzi aromatizzanti jew il-preparazzjonijiet aromatizzanti għandhom jiġu ttikkettati bħala “naturali” jekk jikkonformaw ma’ ċerti kriterji li jiżguraw li l-konsumaturi ma jiġux żgwidati.

(26)

Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ l-informazzjoni għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux żgwidati dwar il-materjal mis-sors użat għall-produzzjoni ta’ l-aromatizzanti naturali. B’mod partikolari, jekk it-terminu naturali jintuża biex jiddeskrivi aroma, il-komponenti ta’ l-aromatizzanti użati għandhom ikunu kollha ta’ oriġini naturali. Barra minn hekk, is-sors ta’ l-aromatizzanti għandhom ikunu ttikkettati, ħlief meta l-materjali ta’ sors imsemmijin ma jiġux rikonoxxuti fl-aroma jew fit-togħma ta’ l-ikel. Jekk jiġi msemmi sors, ta’ l-inqas 95 % tal-komponent aromatizzanti għandu jkun miksub mill-materjal imsemmi. Peress li l-użu ta’ aromatizzanti m’għandux jiżgwida l-konsumaturi, il-massimu l-ieħor ta’ 5 % jista’ jintuża biss għall-istandardizzazzjoni jew biex jagħti ftit togħma aktar friska, qawwija, matura, naturali eċċ lill-aromatizzanti. Meta jintuża anqas minn 95 % tal-komponent aromatizzanti miksub mis-sors imsemmi u l-aroma tas-sors xorta tista’ tkun rikonoxxuta, is-sors għandu jintwera flimkien ma’ dikjarazzjoni li ġew miżjuda aromatizzanti naturali oħrajn. Eżempju estratt tal-kakaw li fih ġew miżjuda aromatizzanti naturali oħrajn biex jagħtu ftit togħma ta’ banana.

(27)

Il-konsumaturi għandhom ikunu informati jekk it-togħma ta’ affumikat ta’ ikel partikolari hiex minħabba ż-żieda ta’ aromatizzanti bl-affumikazzjoni. Skond id-Direttiva 2000/13/KE, it-tikkettar m’għandux iħawwad lill-konsumatur dwar jekk il-prodott huwiex affumikat b’mod konvenzjonali b’duħħan frisk jew jekk huwiex ittrattat b’aromatizzanti bl-affumikazzjoni. Id-Direttiva2000/13/KE jeħtieġ li tiġi adattata għad-definizzjonijiet ta’ l-aromatizzanti, ta’ l-aromatizzanti bl-affumikazzjoni u tat-terminu “naturali” għad-deskrizzjoni ta’ l-aromatizzanti li ġew stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(28)

Għall-evalwazzjoni tas-sikurezza tas-sustanzi aromatizzanti minħabba s-saħħa tal-bniedem, l-informazzjoni dwar il-konsum u l-użu tas-sustanzi aromatizzanti hija kruċjali. L-ammonti ta’ sustanzi aromatizzanti miżjuda ma’ l-ikel għandhom għalhekk jiġu kkontrollati fuq bażi regolari.

(29)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (15).

(30)

B’mod partikolari għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda l-Annessi għal dan ir-Regolament u biex tadotta miżuri transitorji xierqa rigward l-istabbiliment tal-lista Komunitarja. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia, billi jissuplimentawh b’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(31)

Meta minħabba raġunijiet ta’ urġenza, il-limiti ta’ żmien normali għall-proċedura regolatorja bi skrutinju ma jkunux jistgħu jiġu rispettati, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tapplika l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għall-adozzjoni ta’ miżuri deskritti fl-Artikolu 8(2) u l-emendi għall-Annessi II sa V għal dan ir-Regolament.

(32)

L-Annessi II sa V għal dan ir-Regolament għandhom jiġu adattati kif meħtieġ għall-progress xjentifiku u tekniku, b’kont meħud ta’ l-informazzjoni provduta minn produtturi u utenti ta’ aromatizzanti u/jew li tirriżulta mill-monitoraġġ u l-kontrolli mill-Istati Membri.

(33)

Sabiex tkun żviluppata u aġġornata l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-aromatizzanti b’mod proporzjonat u effettiv, huwa meħtieġ li tinġabar id-data, ikun hemm qsim ta’ l-informazzjoni u tiġi kkoordinata l-ħidma bejn l-Istati Membri. Għal dak il-għan, jista’ jkun utli li jitwettqu studji biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa xieraq li l-Komunità tiffinanzja studji bħal dawn bħala parti mill-proċedura baġitarja tagħha. Il-finanzjament ta’ tali miżuri huwa kopert bir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

(34)

Sakemm titwaqqaf il-lista Komunitarja, għandu jsir provvediment għall-evalwazzjoni u għall-approvazzjoni ta’ sustanzi aromatizzanti li mhumiex koperti mill-programm ta’ evalwazzjoni previst fir-Regolament (KE) Nru. 2232/96. Għalhekk għandu jiġi stabbilit reġim tranżitorju. Taħt dak ir-reġim tali sustanzi aromatizzanti għandhom jiġu evalwati u approvati skond il-proċedura stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008. Madankollu m’għandhomx japplikaw il-perijodi ta’ żmien previsti f’dak ir-Regolament biex l-Awtorità tadotta l-opinjoni tagħha u biex il-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta’ Regolament li jaġġorna l-lista Komunitarja lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, għaliex il-prijorità għandha tingħata lill-programm ta’ evalwazzjoni li jkun għaddej.

(35)

Billi l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli Komunitarji dwar l-użu ta’ l-aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti fl-ikel u fuq l-ikel, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk fl-interess ta’ l-unità tas-suq u livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, jista’ jinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(36)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 ta’ l-10 ta’ Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti ta’ l-inbid (16) u r-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż (17) jeħtieġ li jiġu adattati għal ċerti definizzjonijiet ġodda li ġew stabbiliti fir-Regolament preżenti.

(37)

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1601/91, (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE għandhom jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar aromatizzanti u ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel bil-għan li jkun żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, inkluża l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi u l-prattiċi ġusti fil-kummerċ ta’ l-ikel, bit-teħid f’konsiderazzjoni, fejn xieraq, tal-ħarsien ta’ l-ambjent.

Għal dawn l-iskopijiet, dan ir-Regolament jipprovdi għal:

(a)

lista Komunitarja ta’ aromatizzanti u materjali ta’ sors approvati għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel, imniżżla fl-Anness I (minn hawn ‘il quddiem il-“lista Komunitarja”);

(b)

kondizzjonijiet ta’ l-użu ta’ aromatizzanti u ta’ ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti fl-ikel u fuq l-ikel;

(ċ)

regoli dwar l-ittikkettar ta’ aromatizzanti.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

aromatizzanti li jintużaw jew li huma maħsuba għall-użu fl-ikel jew fuq l-ikel, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar speċifiċi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2065/2003;

(b)

l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti;

(ċ)

ikel li fih aromatizzanti u/jew ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti;

(d)

materjali ta’ sors għal aromatizzanti u/jew materjali ta’ sors għal ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)

sustanzi li għandhom esklużivament togħma ħelwa, qarsa jew mielħa;

(b)

ikel fi stat naturali;

(ċ)

ikel mhux kompost u taħlitiet bħal, imma mhux esklużivament, ta’ ħwawar u/jew ta’ ħxejjex aromatiċi, taħlitiet ta’ tè u taħlitiet għall-infużjoni bħala tali friski, imnixxfa jew friżati, sakemm ma jkunux intużaw bħala ingredjenti ta’ l-ikel.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġew stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nri 178/2002 u 1829/2003 għandhom japplikaw.

2.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(a)

“aromatizzanti” għandha tfisser prodotti:

(i)

li m’humiex maħsuba biex jiġu kkunsmati bħala tali, li jiġu miżjuda ma’ l-ikel sabiex jagħtu jew jimmodifikaw ir-riħa u/jew togħma;

(ii)

li huma magħmulin jew li jikkonsistu mill-kategoriji li ġejjin: sustanzi ta’ taħwir, preparazzjonijiet ta’ taħwir, ħwawar li għaddew minn proċess termali, ħwawar bl-affumikazzjoni, prekursuri tal-benna jew ħwawar oħra jew taħlitiet tagħhom;

(b)

“sustanza ta’ taħwir” għandha tfisser sustanza ddefinita kimikament bi proprjetajiet ta’ taħwir;

(ċ)

“sustanza ta’ taħwir naturali” għandha tfisser sustanza ta’ taħwir li tinkiseb permezz ta’ proċessi fiżiċi, enzimatiċi jew mikrobijoloġiċi xierqa minn materjal li ġej mill-veġetali, mill-annimali jew li għandu oriġini mikrobijoloġika jew fl-istat nej jew wara li ġie pproċessat għall-konsum mill-bniedem permezz ta’ wieħed jew iktar mill-proċessi ta’ preparazzjoni ta’ l-ikel tradizzjonali li ġew elenkati fl-Anness II;

(d)

“preparazzjoni ta’ taħwir” għandha tfisser prodott, għajr għal sustanza ta’ taħwir, li nkiseb minn:

(i)

ikel permezz ta’ proċessi fiżiċi, enzimatiaċi jew mikrobijoloġiċi xierqa jew fl-istat nej tal-materjal jew wara li ġie pproċessat għall-konsum mill-bniedem permezz ta’ wieħed jew iktar mill-proċessi ta’ preparazzjoni ta’ l-ikel tradizzjonali li ġew elenkati fl-Anness II u/jew mill-proċessi fiżiċi xierqa;

u/jew

(ii)

materjal li ġej mill-veġetali, mill-annimali jew li għandu oriġini mikrobijoloġika, li mhux ikel, li nkiseb permezz ta’ wieħed jew iktar mill-proċessi ta’ preparazzjoni ta’ l-ikel tradizzjonali li ġew elenkati fl-Anness II u/jew mill-proċessi fiżiċi, enzimatiċi jew mikrobijoloġiċi xierqa;

(e)

“ħwawar li għaddew minn proċess termali” għandha tfisser prodott li nkiseb wara trattament bis-sħana minn taħlita ta’ ingredjenti li mhux bilfors għandhom proprjetajiet ta’ taħwir huma stess, li minnhom għall-inqas wieħed fih in-nitroġenu (amminiku) u ieħor huwa zokkor li jnaqqas aġent ossidanti mhux qawwi (reducing sugar); l-ingredjenti għall-produzzjoni tal-ħwawar li għaddew minn proċess termali jistgħu jkunu:

(i)

ikel;

u/jew

(ii)

materjal mis-sors li mhux ikel;

(f)

“ħwawar bl-affumikazzjoni” għandha tfisser prodott li jinkiseb permezz tal-frazzjonament u tal-purifikazzjoni ta’ affumikazzjoni kondensata li tagħti kondensati primarji ta’ l-affumikazzjoni u frazzjonijiet primarji tad-duħħan tat-tabakk u/jew ħwawar bl-affumikazzjoni derivat kif ġie ddefinit fil-punti (1), (2) u (4) ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru. 2065/2003;

(g)

“prekursur ta’ l-aromatizzanti” għandha tfisser prodott, li mhux bilfors li huwa stess ikollu proprjetajiet aromatizzanti, li jinżdied intenzjonalment ma’ l-ikel għall-fini waħdieni li jaromatizza billi jitkissru jew ikun hemm reazzjoni ma’ komponenti oħrajn waqt l-ipproċessar ta’ l-ikel; jista’ jinkiseb minn:

(i)

ikel;

u/jew

(ii)

materjal ta’ sors li mhux ikel;

(h)

“aromatizzanti oħrajn” għandha tfisser aromatizzanti miżjuda jew maħsuba biex jinżdiedu ma’ l-ikel sabiex jagħtu riħa u/jew togħma u li ma jaqgħux taħt definizzjonijiet (b) sa (g);

(i)

“ingredjent ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti” għandha tfisser ingredjent ta’ l-ikel għajr għall-aromatizzanti li jistgħu jiżdiedu ma’ l-ikel bil-fini prinċipali li tiżdied l-aroma jew tiġi mmodifikata l-aroma ta’ l-ikel u li jikkontribwixxi b’mod sinjifikanti għall-preżenza fl-ikel ta’ ċerti sustanzi mhux mixtieqa li jseħħu b’mod naturali;

(j)

“materjal ta’ sors” għandha tfisser materjal b’oriġini veġetali, annimali, mikrobijoloġika jew minerali li minnu jiġu prodotti aromatizzanti jew ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti; dan jista’ jkun:

(i)

ikel;

jew

(ii)

materjal ta’ sors li mhux ikel;

(k)

“proċess fiżiku xieraq” għandha tfisser proċess fiżiku li ma jimmodifikax intenzjonalment in-natura kimika tal-komponenti aromatizzanti, bla ħsara għall-elenkar tal-proċessi għall-preparazzjoni ta’ l-ikel tradizzjonali fl-Anness II, u ma jinvolvix, inter alia, l-użu ta’ ossiġnu ta’ enerġija ogħla (singlet oxygen), ożonu, katalizzaturi inorganiċi, katalizzaturi metalliċi, reaġenti organometalliċi u/jew radjazzjoni UV.

3.   Għall-fini tad-definizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2 (d), (e), (g) u (j), il-materjali ta’ sors li sa issa hemm evidenza sinifikanti li ntużaw għall-produzzjoni ta’ l-aromatizzanti, għandhom jitqiesu bħala ikel għal fini ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-aromatizzanti jista’ jkun fihom addittivi ta’ l-ikel kif permess mir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u/jew ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn inkorporati għall-finijiet teknoloġiċi.

KAPITOLU II

IL-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TAL-ĦWAWAR, TA’ L-INGREDJENTI TA’ L-IKEL BI PROPRJETAJIET TA’ TAĦWIR U TAL-MATERJALI MIS-SORS

Artikolu 4

Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tal-ħwawar jew ta’ l- ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet ta’ taħwir

L-aromatizzanti jew l-ingredjenti ta’ l-ikel bi propjetajiet aromatizzanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ikel jew fuq l-ikel:

(a)

abbażi ta’ l-evidenza xjentifika disponibbli, m’humiex ta’ perikolu għas-saħħa tal-konsumatur u

(b)

l-użu tagħhom ma’ jqarraqx bil-konsumatur.

Artikolu 5

Projbizzjoni ta’ ħwawar mhux konformi u/jew ta’ oġġetti ta’ l-ikel mhux konformi

L-ebda persuna m’għandha tqiegħed fis-suq aromatizzanti, jew kwalunkwe ikel li fih hemm tali aromatizzanti u/jew ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti jekk l-użu tagħhom mhux konformi ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Il-preżenza ta’ ċerti sustanzi

1.   Is-sustanzi li ġew elenkati fil-Parti A ta’ l-Anness III m’għandhomx jiġu miżjuda bħala tali ma’ l-ikel.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-livelli massimi ta’ ċerti sustanzi, li huma preżenti b’mod naturali fl-aromatizzanti u/jew fl-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti, fl-ikel kompost elenkat fil-Parti B ta’ l-Anness III m’għandhomx jinqabżu minħabba l-użu ta’ aromatizzanti u/jew ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti f’dak l-ikel u fuq dak l-ikel. Il-livelli massimi tas-sustanzi mniżżlin fl-Anness III għandhom japplikaw għall-ikel kif ikkummerċjalizzat, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor. B’deroga minn dan il-prinċipju, għal ikel niexef u/jew ikkonċentrat li jeħtieġ li jiġi rikostitwit għandhom japplikaw il-livelli massimi għall-ikel kif rikostitwit skond l-istruzzjonijiet fuq it-tikketta, b’kont meħud tal-fattur ta’ dilwizzjoni minimu.

3.   Jistgħu jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(2), wara l-opinjoni ta’ l-Awtorità Europea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Awtorità”), fejn meħtieġ.

Artikolu 7

Użu ta’ ċerti materjali ta’ sors

1.   Il-materjali ta’ sors elenkati fil-Parti A ta’ l-Anness IV m’għandhomx jintużaw għall-produzzjoni ta’ aromatizzanti u/jew ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti.

2.   L-aromatizzanti u/jew l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti prodotti mill-materjali ta’ sors elenkati fil-Parti B ta’ l-Anness IV jistgħu jintużaw biss taħt il-kondizzjonijiet indikati f’dak l-Anness.

Artikolu 8

Aromatizzanti u ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzant li għalihom m’humiex meħtieġa evalwazzjoni u approvazzjoni

1.   L-aromatizzanti u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li ġejjin jistgħu jintużaw fl-ikel jew fuq l-ikel mingħajr evalwazzjoni u approvazzjoni taħt dan ir-Regolament, sakemm ikunu konformi ma’ l-Artikolu 4:

(a)

il-preparazzjonijiet aromatizzanti li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(d)(i);

(b)

l-aromatizzanti li għaddew minn proċess termali li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(e)(i) li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-produzzjoni ta’ aromatizzanti li għaddew minn proċess termali u mal-livelli massimi ta’ ċerti sustanzi fl-aromatizzanti li għaddew minn proċess termali li ġew stabbiliti fl-Anness V;

(c)

il-prekursuri ta’ l-aromatizzanti li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(g)(i);

(d)

l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, jekk il-Kummissjoni, Stat Membru jew l-Awtorità tesprimi dubji dwar is-sikurezza ta’ aromatizzanti jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti imsemmi fil-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tagħmel valutazzjoni tar-riskju ta’ tali aromatizzanti jew ingredjent ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti. Għandhom imbagħad japplikaw mutatis mutandis l-Artikoli 4, 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri, wara l-opinjoni ta’ l-Awtorità, li huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(3). Tali miżuri għandhom jiġu stabbiliti fl-Annessi III, IV u/jew V fejn adatt. Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 21(4).

KAPITOLU III

IL-LISTA KOMUNITARJA TAL-ĦWAWAR U TAL-MATERJALI MIS-SORS LI ĠEW APPROVATI GĦALL-UŻU FL-IKEL U FUQ L-IKEL

Artikolu 9

Il-ħwawar u l-materjali mis-sors li għalihom huma meħtieġa evalwazzjoni u approvazzjoni

Dan il-Kapitolu japplika:

(a)

għas-sustanzi aromatizzanti;

(b)

għall-preparazzjonijiet aromatizzanti li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(d)(ii);

(ċ)

aromatizzanti li għaddew minn proċess termali miksuba billi jissaħħnu l-ingredjenti li jaqgħu, b’mod parzjali jew sħiħ, taħt l-Artikolu 3(2)(e)(ii) u/jew li għalihom ma ntlaħqux il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni ta’ aromatizzanti li għaddew minn proċess termali u/jew il-livelli massimi għal ċerti sustanzi mhux mixtieqa stabbiliti fl-Anness V;

(d)

għall-prekursuri ta’ l-aromatizzanti li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(g)(ii);

(e)

għal aromatizzanti oħrajn li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(h);

(f)

għall-materjali mis-sors, li mhumiex ikel, li jissemmew fl-Artikolu 3(2)(j)(ii).

Artikolu 10

Il-lista Komunitarja ta’ l-aromatizzanti u tal-materjali mis-sors

Mill-aromatizzanti u l-materjali ta’ sors imsemmija fl-Artikolu 9, dawk biss li huma inklużi fil-lista Komunitarja jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala tali u użati fl-ikel jew fuq l-ikel taħt il-kondizzjonijiet ta’ l-użu speċifikati hemmhekk, fejn applikabbli.

Artikolu 11

Inklużjoni ta’ aromatizzanti u materjali ta’ sors fil-lista Komunitarja

1.   L-aromatizzanti jew il-materjal mis-sors jistgħu jiġu inklużi fil-lista Komunitarja, skond il-proċedura li ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1331/2008, biss jekk jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġew stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-annotazzjoni għall-aromatizzanti jew għal materjal mis-sors fil-lista Komunitarja għandha tispeċifika:

(a)

l-identifikazzjoni ta’ l-aromatizzanti jew tal-materjal mis-sors approvat;

(b)

fejn ikun meħtieġ, il-kondizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu użati l-aromatizzanti.

3.   Il-lista Komunitarja għandha tiġi emendata skond il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

Artikolu 12

Aromatizzanti jew materjal ta’ sors li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003

1.   Aromatizzanti jew materjal ta’ sors li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jistgħu jiġu inklużi fil-lista Komunitarja fl-Anness I skond dan ir-Regolament biss meta huma koperti minn awtorizzazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

2.   Meta aromatizzant li jkun diġà inkluż fil-lista Komunitarja ikun prodott minn għejun li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nr 1829/2003, ma jkunx hemm bżonn li jiġi awtorizzat mill-ġdid skond dan ir-Regolament, u dan sakemm l-għajn il-ġdida tkun koperata minn awtorizzazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u l-aromatizzant jikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skond dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Deċiżjonijiet ta’ interpretazzjoni

Fejn meħtieġ, jista’ jiġi deċiż skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(2):

(a)

jekk sustanza jew taħlita ta’ sustanzi, materjal jew tip ta’ ikel partikolari jaqgħux fil-kategoriji elenkati fl-Artikolu 2(1);

(b)

għal liema kategorija speċifika definita fl-Artikolu 3(2)(b) sa (j) tappartjeni sustanza partikolari;

(ċ)

jekk prodott partikolari jappartjenix għal kategorija ta’ ikel jew huwa ikel imsemmi fl-Anness I jew Anness III, Parti B.

KAPITOLU IV

IT-TIKKETTAR

Artikolu 14

L-ittikkettar tal-ħwawar li mhumiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   L-aromatizzanti li m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss bit-tikketti previsti fl-Artikoli 15 u 16, li jridu jkunu viżibbli faċilment, jinqraw b’mod ċar u indelibbli. L-informazzjoni provduta fl-Artikolu 15 għandha tkun f’lingwa li tiftiehem faċilment mix-xerrejja.

2.   Skond it-Trattat, l-Istat Membru fejn il-prodott jiġi kummerċjalizzat jista’, fit-territorju tiegħu stess, jistipula li din l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 15 tiġi pprovduta b’waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità, li għandha tiġi ddeterminata minn dak l-Istat Membru. Dan m’għandux jipprekludi li tali informazzjoni tiġi indikata f’diversi lingwi.

Artikolu 15

Ħtiġijiet ġenerali tat-tikkettar għal ħwawar li m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Fejn aromatizzanti li m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali, jinbiegħu waħedhom jew imħalltin flimkien u/jew ma’ ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn u/jew li magħhom huma miżjuda sustanzi oħrajn skond l-Artikolu 3(4), l-imballaġġ jew il-kontenituri tagħhom għandu jkollhom fuqhom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-deskrizzjoni tal-bejgħ: jew it-terminu “aromatizzanti” jew isem jew deskrizzjoni iktar speċifiku ta’ l-aromatizzanti;

(b)

id-dikjarazzjoni jew “għall-ikel” jew id-dikjarazzjoni “użu ristrett fl-ikel” jew referenza aktar speċifika għall-użu ta’ l-ikel maħsub tagħhom;

(ċ)

jekk meħtieġ, il-kondizzjonijiet speċjali għall-ħażna u/jew l-użu;

(d)

marka li tidentifika l-lott;

(e)

fl-ordni mill-kbir għaż-żgħir tal-piż, lista ta’:

(i)

il-kategoriji ta’ l-aromatizzanti preżenti; kif ukoll

(ii)

l-ismijiet ta’ kull waħda mis-sustanzi l-oħra jew ta’ kull wieħed mill-materjali l-oħrajn fil-prodott jew, fejn ikun xieraq, in-numru E tagħhom;

(f)

l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indrizz tal-manifattur jew tal-persuna li tippakkja, jew ta’ bejjiegħ;

(g)

indikazzjoni tal-kwantità massima ta’ kull komponent jew grupp ta’ komponenti soġġett għal limitu kwantitattiv fl-ikel u/jew informazzjoni xierqa f’termini ċari u li jinftiehmu faċilment biex ikun possibbli li x-xerrej jikkonforma ma’ dan ir-Regolament jew ma’ leġislazzjoni Komunitarja rilevanti oħra;

(h)

il-kwantità netta;

(i)

data ta’ durabbiltà minima jew data sa meta jridu jintużaw;

(j)

fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar aromatizzanti jew sustanzi oħrajn imsemmijin f’dan l-Artikolu u elenkati fl-Anness III a għad-Direttiva 2000/13/KE fir-rigward ta’ l-indikazzjoni ta’ l-ingredjenti preżenti fl-oġġetti ta’ l-ikel.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-informazzjoni meħtieġa fil-punti (e) u (g) ta’ dak il-paragrafu tista’ tidher biss fuq id-dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-konsenja li għandhom ikunu pprovduti ma’ jew qabel il-konsenja, sakemm l-indikazzjoni “mhux għall-bejgħ bl-imnut” tidher fuq parti viżibbli faċilment ta’ l-imballaġġ jew tal-kontenitur tal-prodott ikkonċernat.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, fejn l-aromatizzanti jiġu fornuti f’tankers, l-informazzjoni kollha tista’ tidher biss fuq id-dokumenti li jakkumpanjawhom relatati mal-konsenja li għandhom jiġu pprovduti mal-konsenja.

Artikolu 16

Ħtiġiet speċifiċi għall-użu tat-terminu “naturali”

1.   Jekk it-terminu “naturali” jintuża biex jiġu deskritti l-aromatizzanti fid-deskrizzjoni tal-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 15(1)(a) għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   It-terminu “naturali” għad-deskrizzjoni ta’ l-aromatizzanti jista’ tintuża biss jekk il-komponent aromatizzanti jinkludi biss preparazzjonijiet aromatizzanti u/jew sustanzi aromatizzanti naturali.

3.   It-terminu “sustanza(i) aromatizzanti naturali” jista’ jintuża biss għall-aromatizzanti fejn il-komponent aromatizzanti fih esklużivament sustanzi aromatizzanti naturali.

4.   It-terminu “naturali” jista’ jintuża biss flimkien ma’ referenza għal ikel, kategorija ta’ ikel jew sors aromatizzanti veġetali jew mill-annimali jekk il-komponent aromatizzanti inkiseb esklussivament jew b’ta’ l-inqas 95 % ta’ w/w mill-materjal ta’ sors imsemmi.

Id-deskrizzjoni għandha taqra “aromatizzanti ‘ikel jew kategorija ta’ ikel jew sors/i’ naturali”.

5.   It-terminu “aromatizzanti ‘ikel jew kategorija ta’ ikel jew sors/i’ naturali b’aromatizzanti naturali oħrajn” jista’ tintuża biss jekk il-komponent aromatizzanti ġej parzjalment mill-materjal ta’ sors imsemmi, li l-aroma tiegħu tista’ tingħaraf faċilment.

6.   It-terminu “sustanza aromatizzanti naturali” jista’ jintuża biss jekk il-komponent aromatizzanti ġej minn materjali mis-sors differenti u fejn referenza għall-materjali mis-sors m’għandiex tirrifletti l-aroma jew it-togħma tagħhom.

Artikolu 17

L-ittikkettar tal-ħwawar maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 89/396/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett ta’ l-ikel (18) u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, aromatizzanti mibjugħa waħedhom jew imħalltin ma’ xulxin u/jew ma’ ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn u/jew li magħhom huma miżjuda sustanzi oħrajn u li huma maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss jekk l-imballaġġ tagħhom fih id-dikjarazzjoni jew “għall-ikel” jew id-dikjarazzjoni “użu ristrett fl-ikel” jew referenza speċifika aktar għall-użu ta’ l-ikel maħsub tagħhom, li trid tkun viżibbli faċilment, tinqara b’mod ċar u indelibbli.

2.   Jekk it-terminu “naturali” jintuża biex jiġu deskritti l-aromatizzanti fid-deskrizzjoni tal-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 15(1)(a), għandu japplika l-Artikolu 16.

Artikolu 18

Ħtiġiet ta’ tikkettar oħrajn

L-Artikoli 14 sa 17 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar dettaljati jew aktar estensivi fir-rigward ta’ toqol u daqs jew li japplikaw għall-preżentazzjoni, il-klassifika, l-imballaġġ u t-tikkettar ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi jew li japplikaw għat-trasport ta’ tali sustanzi u preparazzjonijiet.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 19

Rappurtaġġ mill-operaturi tal-kummerċ fl-ikel

1.   Produttur jew utent ta’ sustanza ta’ aromatizzanti, jew ir-rappreżentant ta’ dan il-produttur jew utent, għandu, fuq talba tal-Kummissjoni, jinfurmaha dwar l-ammont tas-sustanza miżjud ma’ l-ikel fil-Komunità f’perijodu ta’ 12-il xahar. L-informazzjoni provduta f’dan il-kuntest għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali sakemm din l-informazzjoni ma tkunx meħtieġa għall-evalwazzjoni ta’ sikurezza.

Informazzjoni dwar l-użu tal-livelli għal kategoriji speċifiċi ta’ l-ikel fil-Komunità għandha titpoġġja għad-disponibbli ta’ l-Istati Membri mill-Kummissjoni.

2.   Fejn applikabbli, għal aromatizzanti li huma diġà approvati taħt dan ir-Regolament li huma ppreparati b’metodi ta’ produzzjoni jew materjali tal-bidu li jkunu sinifikattivament differenti minn dawk inklużi fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ l-Awtorità, il-produttur jew l-utent għandu, qabel il-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-aromatizzanti, jippreżenta lill-Kummissjoni d-data meħtieġa biex tkun possibbli evalwazzjoni ta’ l-aromatizzanti li għandha titwettaq mill-Awtorità, fir-rigward tal-metodu ta’ produzzjoni jew il-karatteristiċi modifikati.

3.   Produttur jew utent ta’ aromatizzanti u/jew materjali ta’ sors għandu jinforma lill-Kummissjoni immedjatament dwar kwalunkwe informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li hija magħrufa u aċċessibbli għalih u li tista’ taffettwa l-valutazzjoni tas-sikurezza tas-sustanza aromatizzanti.

4.   Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 20

Monitoraġġ u rappurtaġġ mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi biex jimmonitorjaw il-konsum u l-użu ta’ l-aromatizzanti stabbiliti fil-lista Komunitarja u l-konsum tas-sustanzi elenkati fl-Anness III b’approċċ ibbażat fuq ir-riskju u għandhom jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom bi frekwenza xierqa lill-Kummissjoni u lill-Awtorità.

2.   Wara li l-Awtorità tkun ġiet ikkonsultata, għandha tiġi adottata metodoloġija komuni għall-ġbir mill-Istati Membri ta’ l-informazzjoni dwar il-konsum u l-użu ta’ l-aromatizzanti stabbiliti fil-lista Komunitarja u tas-sustanzi elenkati fl-Anness III, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(2) sa l-20 ta' Jannar 2011.

Artikolu 21

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 22

Emendi għall-Annessi II sa V

Emendi għall-Annessi II sa V għal dan ir-Regolament biex jirriflettu l-progress xjentifiku u tekniku li huma mfasslin biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(3), wara l-opinjoni ta’ l-Awtorità, fejn meħtieġ.

Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 21(4).

Artikolu 23

Finanzjament Komunitarju ta’ linji politiċi armonizzati

Il-bażi legali għall-iffinanzjar ta’ miżuri li jirriżultaw minn dan ir-Regolament huwa l-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 24

Revoki

1.   Id-Direttiva 88/388/KEE, id-Deċiżjoni 88/389/KEE u d-Direttiva 91/71/KEE għandhom jitħassru mill-20 ta' Jannar 2011.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru. 2232/96 għandu jitħassar mid-data ta’ l-applikazzjoni tal-lista li tissemma fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament.

3.   Ir-referenzi għall-atti mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 25

Introduzzjoni tal-lista ta’ sustanzi ta’ taħwir fil-lista Komunitarja ta’ ħwawar u materjali ta’ sors u reġim transitorju

1.   Il-lista Komunitarja għandha tiġi stabbilita billi tiġi introdotta l-lista tas-sustanzi aromatizzanti imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2232/96 fl-Anness I għal dan ir-Regolament waqt l-adozzjoni tiegħu.

2.   Sakemm tiġi stabbilita l-lista Komunitarja, għandu japplika r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 għall-evalwazzjoni u l-approvazzjoni ta’ sustanzi aromatizzanti li m’humiex koperti mill-programm ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2232/96.

B’deroga minn dik il-proċedura, il-perjodu ta’ disa’ xhur imsemmi fl-Artikolu 5(1) u 7 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 m’għandux japplika għal evalwazzjoni u approvazzjoni bħal din.

3.   Kwalunkwe miżura transitorja adatta li hija mfassla biex temenda l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi tissupplimentah għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(3).

Artikolu 26

Emenda għar-Regolament (KEE) Nru 1601/91

L-Artikolu 2(1) huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1.

Fil-punt (a), l-ewwel subinċiż tat-tielet inċiż għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“—

sustanzi aromatizzanti u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-aromatizzanti u ċertu ingredjenti ta’ l-ikel bi propjetajiet aromatizzanti għall-użu fi u fuq l-ikel (*), u/jew

(*)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34”;"

2.

Fil-punt b), l-ewwel subinċiż tat-tieni inċiż għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“—

sustanzi aromatizzanti u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, u/jew”;

3.

Fil-punt (c), l-ewwel subinċiż tat-tieni inċiż għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“—

sustanzi aromatizzanti u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, u/jew”.

Artikolu 27

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2232/96

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2232/96, għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandha tiġi adottata l-lista ta’ sustanzi aromatizzanti imsemmija fl-Artikolu 2(2) skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7 sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010.”.

Artikolu 28

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 110/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 5(2), il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

ikun fihom sustanzi li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru. 1334/2008 tal-Parlament u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fi jew fuq l-ikel (**) u preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament;

(**)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34”;"

2.

Fl-Artikolu 5(3), il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

ikun fihom aromatizzant wieħed jew aktar kif definiti fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008”;

3.

Fl-Anness I, il-punt 9(a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(9)

Żieda ta’ sustanzi tat-taħwir

Aromtaizzant tfisser li fil-preparazzjoni ta’ xarba alkoħolika jintużaw aromatizzant wieħed jew aktar definiti fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008”;

4.

L-Anness II għandu jkun emendat kif ġej:

(a)

Il-Paragrafu 19(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi aromatizzanti oħra kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament, u/jew pjanti aromatiċi jew partijiet minn pjanti aromatiċi jistgħu jintużaw bħala żieda, imma l-karatteristiċi organolettiċi tal-ġnibru jridu jkunu dixxernibbli, anki jekk xi kultant ikunu mdgħajfa.”

(b)

Il-Paragrafu 20(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament biss għandhom jintużaw għall-produzzjoni tal-ġinn sabiex it-togħma predominanti tkun tal-ġnibru.”

(c)

Il-Paragrafu 21(a) (ii) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

it-taħlita tal-prodott ta’ distillazzjoni bħal din u ta’ l-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola bl-istess kompożizzjoni, purità u qawwa alkoħolika; is-sustanzi li jagħtu t-togħma u/jew il-preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif speċifikati fil-kategorija 20(c), jistgħu jintużaw ukoll sabiex jaromatizzaw il-ġinn iddistillat.”;

(d)

Il-Paragrafu 23(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi aromatizzanti oħrajn kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u/jew preparazzjonijiet aromatizzanti kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jintużaw addizzjonalment, imma jrid ikun hemm togħma predominanti ta’ anisi.”;

(e)

Il-Paragrafu 24(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi naturali oħrajn li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u/jew preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jintużaw addizzjonalment, iżda t-togħma ta’ dan ix-xorb trid tkun ġejja l-aktar minn distillati ta’ l-anisi (Carum carvi L.) u/jew miż-żerriegħa tax-xibt (Anethum graveolens L.), peress li l-użu taż-żjut essenzjali (essential oils) huwa projbit.”;

(f)

Il-Paragrafu 30(a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Ix-xorb alkoħoliku b’togħma morra jew il-bitter huma xarbiet alkoħoliċi li t-togħma predominanti tkun morra magħmula biż-żieda ta’ l-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola mħawwar b’sustanzi li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u/jew preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament.”;

(g)

Fil-paragrafu 32(c), l-ewwel subparagrafu u l-parti introduttorja tat-tieni subparagrafu għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru. 1334/2008 u l-preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jintużaw fil-preparazzjoni tal-likuri. Madankollu, huma biss is-sustanzi naturali li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u l-preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament li għandhom jintużaw fil-preparazzjoni tal-likuri li ġejjin:”;

(h)

Il-Paragrafu 41(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Sustanzi aromatizzanti biss kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u preparazzjonijiet aromatizzanti biss kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jintużaw fil-preparazzjoni tal-liqueur tal-bajd jew l-advocaat jew l-avocat jew l-advokat.”;

(i)

Il-Paragrafu 44(a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Väkevä glögi jew spritglögg huwa xarba alkoħolika prodotta biż-żieda ta’ aromatizzanti tal-qronfol u/jew tal-kannella ma’ l-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola bl-użu ta’ wieħed mill-proċessi li ġejjin: maċerazzjoni u/jew distillazzjoni, ridistillazzjoni ta’ l-alkoħol fil-preżenza tal-partijiet tal-pjanti speċifikati hawn fuq, żieda ta’ sustanzi aromatizzanti naturali kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru1334/2008 ta’ l-imsiemer tal-qronfol jew tal-kannella jew taħlita ta’ dawn il-metodi.”;

(j)

Il-Paragrafu 44(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Aromatizzanti, sustanzi li jagħtu t-togħma u/jew preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma oħrajn kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b), (d) u (h) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jistgħu jintużaw ukoll, imma jrid ikun hemm togħma predominanti tal-ħwawar speċifikati.”;

(k)

Fil-paragrafu (c) tal-paragrafi 25, 26, 27, 28, 29, 33, 34, 35, 36, 37, 38, 39, 40, 42, 43, 45 u 46, il-kelma “preparazzjonijiet” għandha tkun sostitwita bi “preparazzjonijiet aromatizzanti”.

Artikolu 29

Emenda għad-Direttiva 2000/13/KE

Fid-Direttiva 2000/13/KE, l-Anness III għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-ANNESS III

L-GĦAŻLA TA’ L-AROMATIZZANTI FIL-LISTA TA’ INGREDJENTI

1.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-ħwawar għandhom ikunu indikati bit-termini

‘ħwawar’ jew isem jew deskrizzjoni iktar speċifiku tal-ħwawar, jekk il-komponent ta’ taħwir fih il-ħwawar kif inhuma ddefiniti fl-Artikolu 3(2)(b), (c), (d), (e), (f), (g) u (h) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-aromatizzanti u ċertu ingredjenti ta’ l-ikel bi propjetajiet aromatizzanti għall-użu fi u fuq l-ikel (***);

‘taħwir bl-affumikazzjoni’, jew taħwir bl-affumikazzjoni prodotti minn ikel jew kategoriji jew għejun ta’ ikel (i.e. taħwir bl-affumikazzjoni prodott mill-fagu), jekk il-komponent ta’ l-aroma jkun fih aromi definiti fl-Artikolu 3(2)(f) tar-Regolament KE Nru 1334/2008 u jagħti biss togħma ta’ xiwi lill-ikel.

2.

It-terminu ‘naturali’ għad-deskrizzjoni ta’ l-aromatizzanti għandu jintuża f’konformità ma’ l-Artikolu 164 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-20 ta' Jannar 2011.

L-Artikolu 10 għandu japplika minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-lista Komunitarja.

L-Artikoli 26 u 28 għandhom japplikaw mid-data ta’ applikazzjoni tal-lista Komunitarja.

L-Artikolu 22 għandu japplika mill-20 ta' Jannar 2009. Ikel imqiegħed fuq is-suq jew ittikkettat legalment qabel l-20 ta' Jannar 2011 li mhux konformi ma’ dan ir-Regolament jista’ jiġi kummerċjalizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew sad-data sa meta jista’ jintuża.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, 16 ta' Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 34.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 (ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 176), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2008 (ĠU C 111 E, 6.5.2008, p. 46) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2008. (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2008.

(3)  ĠU L 184, 15.7.1988, p. 61.

(4)  ĠU L 184, 15.7.1988, p. 67.

(5)  ĠU L 42, 15.2.1991, p. 25.

(6)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni korretta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.

(8)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(9)  ĠU L 299, 23.11.1996, p. 1.

(10)  ĠU L 309, 26.11.2003, p. 1.

(11)  Ara paġna16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(12)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(13)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(14)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

(15)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(16)  ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1.

(17)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(18)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 21.


ANNESS I

Il-lista Komunitarja tal-ħwawar u tal-materjali mis-sors approvati għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel


ANNESS II

Lista ta’ proċessi ta’ preparazzjoni ta’ ikel tradizzjonali

Qtugħ fi bċejjeċ

Kisi

Tisħin, tisjir, ħami, qali (sa 240 °C fi pressjoni atmosferika) u tisjir bi pressa (pressure cooking) (sa 120 °C)

Tibrid

Qtugħ

Distillazzjoni/rettifikazzjoni

Tnixxif

Emulsifikazzjoni

Evaporazzjoni

Estrazzjoni, inkluża l-estrazzjoni permezz ta’ solvent skond id-Direttiva 88/344/KEE

Fermentazzjoni

Filtrazzjoni

Tħin

 

Infużjoni

Maċerazzjoni

Proċessi Mikrobijoloġiċi

Taħlit

Tqaxxir

Perkolazzjoni

Għafis

Tkessiħ/Iffriżar

Inkaljar/Xiwi

Tgħasir

Tgħaddis

 


ANNESS III

Il-preżenza ta’ ċerti sustanzi

Parti A:   Sustanzi li ma jistgħux jiġu miżjuda bħala tali ma’ l-ikel

L-Aċidu agariku

Aloina

Il-Kapsajkin

1,2-Benzopyrone, coumarin

L-Iperiċin

Il-Beta-asarone

1-Allyl-4-methoxybenzene, estragole

L-Aċidu idroċijaniku

Il-Menthofuran

4-Allyl-1,2-dimethoxybenzene, methyleugenol

Il-Pulegone

Il-Kassin

L-1-Allyl-3,4-methylene dioxy benzene, safrole

Teucrin A

It-Tujone (alfa u beta)

Il-Parti B:   Il-livelli massimi ta’ ċerti sustanzi, li jkunu preżenti b’mod naturali fl-aromatizzanti u fl-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti, f’ċertu ikel kompost kif ikkunsmat li miegħu ġew miżjuda l-aromatizzanti u/jew l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti.

L-isem tas-sustanza

L-ikel kompost li l-preżenza tas-sustanza fih hija ristretta

Il-livell massimu mg/kg

Il-Beta-asarone

Ix-xorb alkoħoliku

1,0

1-Allyl-4-methoxybenzene,

Estragol (*)

Il-prodotti tal-ħalib

50

Il-frott, il-veġetali (inklużi l-faqqiegħ, il-fungi, l-għeruq, it-tuberi, il-pjanti tal-miżwed u tal-legumi), il-ġewż u ż-żrieragħ

50

Il-prodotti tal-ħut

50

Ix-xorb mhux alkoħoliku

10

L-Aċidu idroċijaniku

Il-qubbajt, il-marżipan jew is-sostituti tiegħu jew prodotti simili

50

Il-frott ta’ l-għadma fil-landi

5

Ix-xorb alkoħoliku

35

Il-Menthofuran

Il-ħelu li fih il-menta/pepermint, ħlief il-ħelu żgħir li jiffriska n-nifs

500

Il-ħelu żgħir li jiffriska n-nifs

3 000

Iċ-ċjuwing gamm

1 000

Ix-xorb alkoħoliku li fih il-menta/pepermint

200

4-Allyl-1,2-dimethoxy-benzene,

Methyleugenol (*)

Il-prodotti tal-ħalib

20

Preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam, inklużi t-tjur u s-selvaġġina

15

Preparazzjonijiet tal-ħut u prodotti tal-ħut

10

Is-sopop u z-zlazi

60

L-ikel mhux ħelu lest biex jittiekel.

20

Ix-xorb mhux alkoħoliku

1

Il-Pulegone

Il-ħelu li fih il-menta/pepermint, ħlief il-ħelu żgħir li jiffriska n-nifs

250

Il-ħelu żgħir li jiffriska n-nifs

2 000

Iċ-ċjuwing gamm

350

Ix-xorb mhux alkoħoliku li fih il-menta/pepermint

20

Ix-xorb alkoħoliku li fih il-menta/pepermint

100

Il-Kassin

Ix-xorb mhux alkoħoliku

0,5

L-oġġetti tal-bejgħ tal-furnara

1

Ix-xorb alkoħoliku

1,5

1-Allyl-3,4-methylene dioxy benzene, safrole (*)

Preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam, inklużi t-tjur u s-selvaġġina

15

Preparazzjonijiet tal-ħut u prodotti tal-ħut

15

Is-sopop u z-zlazi

25

Ix-xorb mhux alkoħoliku

1

Teucrin A

Xarbiet spiritużi b’togħma morra jew bitter (1)

5

Likuri (2) b’togħma morra

5

Xorb alkoħoliku ieħor

2

It-Tujone (alfa u beta)

Ix-xorb alkoħoliku, ħlief dak prodott mill-ispeċi Artemisia

10

Ix-xorb alkoħoliku, prodott mill-ispeċi Artemisia

35

Xorb mhux alkoħoliku prodott mill-ispeċi Artemisia

0,5

Coumarin

Prodotti tal-forn tradizzjonali u/jew staġonali li fihom referenza ghall-kannella fl-ittikkettar

50

Ċereali tal-kolazzjon inkluż il-meusli

20

Prodotti tal-forn fini, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti tal-forn tradizzjonali u/jew staġonali li fihom referenza għall-kannella fl-ittikkettar

15

Ħelu

5


(*)  Il-livelli massimi m’għandhomx japplikaw meta l-kompost ta’ l-ikel ma jkunx fih aromatizzanti miżjuda u l-uniċi ingredjenti ta’ l-ikel miżjuda jkunu ħwawar u aromatizzanti friski, imnixxfa jew friżati. Wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri u l-Awtorità, ibbażata fuq id-data mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri, dwar l-informazzjoni xjentifika l-aktar ġdida, u billi tqis l-użu ta’ ħwawar u aromatizzanti u preparazzjonijiet naturali ta’ aromatizzanti, il-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, tipproponi emendi għal din id-deroga.

(1)  Kif definiti fl-Anness II, il-paragrafu 30 tar-Regolament (KE) 110/2008.

(2)  Kif definiti fl-Anness II, il-paragrafu 32 tar-Regolament (KE) 110/2008.


ANNESS IV

Il-lista tal-materjali mis-sors li għalihom japplikaw ir-restrizzjonijiet dwar l-użu tagħhom fil-produzzjoni tal-ħwawar u ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet ta’ taħwir

Parti A:   Il-materjali mis-sors li m’għandhomx jintużaw għall-produzzjoni ta’ l-aromatizzanti u ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti

Il-materjal mis-sors

L-isem bil-Latin

L-isem komuni

Il-forma tetraplojda ta’ Acorus calamus L

Il-forma tetraplojda ta’ Calamus

Il-Parti B:   Il-kondizzjonijiet ta’ l-użu għall-aromatizzanti u għall-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li ġew prodotti minn ċerti materjali mis-sors

Il-materjal mis-sors

Kondizzjonijiet għal-użu

L-isem bil-Latin

L-isem komuni

Quassia amara L. u

Picrasma excelsa (Sw)

Kwassja

L-aromatizzanti u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li ġew prodotti mill-materjal mis-sors jistgħu jintużaw biss għall-produzzjoni tax-xorb u ta’ l-oġġetti tal-bejgħ tal-furnara.

Laricifomes officinalis (Vill.: Fr) Kotl.

jew

Fomes officinalis

Fomes officinales

L-aromatizzanti u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti li ġew prodotti mill-materjal mis-sors jistgħu jintużaw biss għall-produzzjoni tax-xorb alkoħoliku

Hypericum perforatum L

St Johns wort (xorta ta’ fexfiex)

Teucrium chamaedrys L

Il-ġermandrija


ANNESS V

Il-kondizzjonijiet għall-produzzjoni tal-ħwawar li għaddew minn proċess termali u l-livelli massimi għal ċerti sustanzi fil-ħwawar li għaddew minn proċess termali

Parti A:   Il-kondizzjonijiet għall-produzzjoni:

(a)

It-temperatura tal-prodotti waqt l-ipproċessar m’għandhiex taqbeż l-180 °C.

(b)

It-tul taż-żmien ta’ l-ipproċessar termali m’għandux jaqbeż il-15-il minuta f’temperatura ta’ 180 °C b’ħinijiet itwal li jikkorrispondu għal temperaturi iktar baxxi, jiġifieri rduppjar tal-ħin tat-tisħin għal kull tnaqqis fit-temperatura b’10 °C, sa massimu ta’ 12-il siegħa.

(ċ)

Matul l-ipproċessar il-pH m’għandux jaqbeż l-valur ta’ 8,0.

Il-Parti B:   Il-livelli massimi għal ċerti sustanzi

L-Oġġetti ta’

Livelli massimi µg/kg

2-amino-3,4,8-trimethylimidazo [4,5-f] quinoxaline (4,8-DiMeIQx)

50

2-amino-1-methyl-6-phenylimidazol [4,5-b]pyridine (PhIP)

50