31999L0034



Official Journal L 141 , 04/06/1999 P. 0020 - 0021


Id-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-10 Mejju 1999

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

(1) Billi s-sigurtà tal-prodotti u l-kumpens għall-ħsara kkawżata minn prodotti difettużi huma obbligi soċjali li għandhom jiġu osservati mis-suq intern; billi l-Komunità wieġbet għal dawk ir-rekwiżiti permezz tad-Direttiva 85/374/KEE [4] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE tad-29 ta' Ġunju 1992 fuq is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [5];

(2) Billi d-Direttiva 85/374/KEE stabbiliet distribuzzjoni imparzjali tar-riskji intrinsiċi f'soċjetà moderna li fiha hemm livell għoli ta' teknikalità; billi dik id-Direttiva għalhekk stabbiliet bilanċ raġonevoli bejn l-interessi involuti, b'mod partikulari l-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur, waqt li tinkoraġġixxi innovazzjoni u żvilupp xjentifiku u teknoloġiku, li jiggarantixxu li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jħaffu l-kummerċ f'sistema armonizzata ta' responsabbiltà legali ċivili; billi dik id-Direttiva għalhekk għenet biex tkabbar il-konsapevolezza fost in-negozjanti dwar il-kwistjoni ta' sigurtà tal-prodotti u l-importanza mogħtija lilha;

(3) Billi l-livell ta' konformità tal-liġijiet ta' l-Istati Membri milħuq mid-Direttiva 85/374/KEE mhijiex kompluta in vista tad-derogi li hemm previsti, b'mod partikulari rigward il-fini tagħha, li minnha huma esklużi prodotti agrikoli mhux proċessati;

(4) Billi l-Kummissjoni tosserva kontinwament l-implimentazzjoni u l-effetti tad-Direttiva 85/374/KEE u b'mod partikulari l-aspetti tagħha rigward il-protezzjoni tal-konsumatur u l-operat tas-suq intern, li diġa kienu t-tema ta' rapport minn qabel; billi, f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija meħtieġa mill-Artikolu 21 ta' dik id-Direttiva li tissottometti t-tieni rapport fuq l-applikazzjoni tiegħu;

(5) Billi l-inklużjoni tal-prodotti primarji agrikoli fl-iskop tad-Direttiva 85/374/KEE tista’ tgħin biex iġġib mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumatur fis-sigurtà ta' prodotti agrikoli; billi din il-miżura tkun tissodisfa r-rekwiżiti ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;

(6) Billi ċ-ċirkostanzi jeħtieġu li d-Direttiva 85/374/KEE tkun emendata sabiex tħaffef, għall-benefiċċju tal-konsumaturi, kumpens leġittimu għall-ħsara għas-saħħa kawżata minn prodotti agrikoli difettużi;

(7) Billi din id-Direttiva għandha impatt fuq l-operat tas-suq intern sakemm kummerċ fi prodotti agrikoli ma jkunx aktar effettwat minn differenzi bejn ir-regoli fuq ir-responsabbiltà legali tal-produttur;

(8) Billi l-prinċipju tar-responsabbiltà legali mingħajr tort stipulat fid-Direttiva 85/374/KEE għandu jiġi estiż għat-tipi kollha ta' prodotti, inklużi prodotti agrikoli kif imfissra mit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 32(1) tat-Trattat u dawk elenkati fl-Anness I tat-Trattat imsemmi;

(9) Billi, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq sabiex tilħaq l-għanijiet fundamentali tas-suq intern biex jinkludi prodotti agrikoli fl-iskop tad-Direttiva 85/374/KEE; billi din id-Direttiva hija limitata għal dak li hu meħtieġ biex jilħaq l-għanijiet segwiti skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 85/374/KEE hija b'din emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 2

Għall-fini ta' din id-Direttiva, "prodott" tfisser il-mobbli kollha anke jekk ikunu inklużi f'mobbli jew f'immobbli oħra. "Prodott" jinkludi l-elettriku."

2. Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1(a) għandu jitħalla barra.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu bihom minnufih lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawn il-miżuri mill-4 ta' Diċembru 2000.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li sussegwentement jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fl-10 ta' Mejju 1999.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

F'isem il-Kunsill

Il-President

H. Eichel

[1] ĠU C 337, tas-7.11.1997, p. 54.

[2] ĠU C 95, tat-30.3.1998, p. 69.

[3] Il-fehma tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Novembru 1998 (ĠU C 359, tat-23.11.1998, p. 25), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 1998 (ĠU C 49, tat-22.2.1999, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Marzu 1999 (għadhom mhumiex ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' April 1999.

[4] ĠU L 210, tas-7.8.1985, p. 29. Id-Direttiva kif emendata bl-Att dwar l-Adeżjoni ta' l-1994.

[5] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 24.

--------------------------------------------------