31998F0733



Official Journal L 351 , 29/12/1998 P. 0001 - 0003


Azzjoni konġunta

tal-21 ta' Diċembru 1998

adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar li tkun magħmula reat kriminali l-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea

(98/733/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu K.3(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rapport tal-grupp ta' livell għoli dwar il-kriminalità organizzata, approvat mill-Kunsill Ewropew ta' Amsterdam fis-16 u s-17 ta' Ġunju 1997, u partikolarment ir-Rakkomandazzjoni Nru 17 tal-pjan ta' azzjoni,

Billi l-Kunsill jikkunsidra li s-serjeta' u l-iżvilupp ta' ċertu forom ta' kriminalità organizzata jeħtieġu li tkun imsaħħa l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, partikolarment dwar r-reati li ġejjin: traffikar ta' drogi, traffikar ta' bnedmin, terroriżmu, traffikar ta' opri ta' l-arti, ħasil ta' flus, kriminalità ekonomika serja, estorsjoni u atti oħra ta' vjolenza kontra l-ħajja, l-integrità fiżika jew il-libertà tal-persuna, jew il-ħolqien ta' periklu kollettiv għall-persuni;

Billi, sabiex ikun imwieġeb għat-theddid varju li l-Istati Membri qed jikkonfrontaw, approċċ komuni għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet kriminali huwa neċessarju;

Billi l-Istati Membri ser jippruvaw, meta jimplimentaw din l-azzjoni konġunta, li japplikaw jew jiffaċilitaw il-miżuri dwar il-protezzjoni ta' xhieda u/jew individwi li jikkoperaw mal-proċess ġudizzjarju fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali organizzata mniżżla fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 1995 [1] u tal-20 ta' Diċembru 1996 [2];

Filwaqt li jerġa' jtenni l-kunfidenza tiegħu fl-istruttura u l-funzjoni tas-sistemi legali tal-Istati Membri u fl-abilità tagħhom li jiggarantixxu proċess imparzjali;

Billi l-Istati Membri għandhom l-intenzjoni li jiżguraw li dawk li jieħdu sehem fl-attivijajiet ta' organizzazzjonijiet kriminali ma jaħarbux l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni dwar reati li jaqgħu taħtdin l-azzjoni konġunta; għal dan l-għan, l-Istati Membri ser jiffaċċilitaw koperazzjoni mal-proċess ġudizzjarju fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dawn ir-reati;

Filwaqt li jfakkar li l-Unjoni Ewropea tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif deskritti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali ta' l-Individwu, għal liema l-Istati Membri kollha huma partijiet, u partikolarment id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda u l-libertà ta' assoċjazzjoni;

Wara li eżamina il-veduti tal-Parlament Ewropew wara konsultazzjoni skond l-Artikolu K.6 tat-Trattat [3],

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Fis-sens ta' din l-azzjoni konġunta, organizzazzjoni kriminali għandha tfisser organizzazzjoni strutturata, stabbilita fuq perjodu ta' żmien, ta' mhux aktar minn żewġ persuni, li jaġixxu bi ftehim bil-ħsieb li jwettqu reati li huma punibbli bit-teħid tal-libertà jew b'ordni ta' detenzjoni għal massimu ta' mhux anqas minn erba' snin jew penali aktar serja, kemm jekk dawn ir-reati huma istantanji jew mezz biex jintlaħqu benefiċċji materjali u, fejn approprjat, biex jiġi influwenzat b'mod improprju l-operat ta' awtoritajiet pubbliċi.

Ir-reati msemmija fl-ewwel sub-paragrafu jinkludu dawk imsemmija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Europol u fl-Anness taghħa u li jġorru sentenza li hi għall-anqas ekwivalenti għal dik imsemmija fl-ewwel sub-paragrafu.

Artikolu 2

1. Biex tkun assistita l-ġlieda kontra organizzazzjonijiet kriminali, kull Stat Membru għandu jintrabat, skond il-proċedura imniżżla fl-Artikolu 6, li jiżgura li wieħed jew iż-żewġ tipi ta' kondotta deskritti hawn taħt ikunu punibbli permezz ta' penalitajiet effettivi, proporzjonati u disswasivi:

(a) kondotta minn kwalunkwe persuna li, b'intenzjoni u b'għarfien ta' jew l-għan u l-attività kriminali tal-organizzazzjoni jew l-intenzjoni ta' l-organizzazzjoni li tikkommetti r-reati msemmija, attivament jieħu parti:

- fl-attivitajiet kriminali tal-organizzazzjoni li jaqgħu fl-Artikolu 1, anke meta dik il-persuna ma tiħux sehem fl-esekuzzjoni proprja tar-reati kkonċernati u, suġġett għall-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali tal-Istat Membru kkonċernat, anke meta r-reati kkonċernati ma jkunux realment magħmula,

- f'attivitajiet oħra tal-organizzazzjoni bl-għarfien ulterjuri li l-parteċipazzjoni tiegħu ser tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-attivitajiet kriminali ta' l-organizzazzjoni li jaqgħu fl-Artikolu 1;

(b) kondotta minn kwalunkwe persuna li tikkonsisti fi ftehim ma' persuna jew aktar biex tkun magħmula attività li, jekk tkun magħmula, tkun tammonta għall-kummissjoni ta' reati li jaqgħu taħt l-Artikolu 1, anke jekk dik il-persuna ma tiħux sehem fl-esekuzzjoni proprja ta' l-attività.

2. Irrispettivament jekk iddeċidewx li jagħmlu reat kriminali dak it-tip ta' kondotta msemmi fil-paragrafu 1(a) jew (b), l-Istati Membri għandhom joffru lil xulxin l-assistenza l-aktar komprensiva possibli dwar r-reati li jaqgħu taħt dan l-Artikolu, kif ukoll dawk ir-reati li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(4) tal-Konvenzjoni dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, magħmula mill-Kunsill fis-27 ta' Settembru 1996.

Artikolu 3

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-persuni legali jistgħu jiġu miżmuma kriminalment responsabbli jew, fin-nuqqas ta' dan, responsabbli għal reati li jaqgħu fl-Artikolu 2(1) li huma kommessi minn dik il-persuna legali, skond proċeduri mniżżla fil-liġi nazzjonali. Din ir-responsabbilità tal-persuna legali għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbilità kriminali tal-persuni naturali li kienu dawk li wettqu r-reati jew il-kompliċi tagħhom. Kull Stat Membru għandu jiżgura, partikolarment, li persuni legali jistgħu jkunu penalizzati b'mod effettiv, proporzjonat u disswasiv u li sanzjonijiet materjali u ekonomiċi jistgħu jkunu imposti fuqhom.

Artikolu 4

Kull Stat Membru għandu jiżgura li t-tipi ta' kondotta msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) jew (b) li jseħħu fit-territorju tagħhom ikunu suġġetti għall-prosekuzzjoni ikun xi jkun it-territorju tal-Istati Membri l-organizzazzjoni tkun ibbażata jew issegwi l-attivitajiet kriminali tagħha, jew tukun xi tkun l-attività li taqa' taħt il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b) isseħħ.

Meta bosta Stati Membri għandhom ġurisdizzjoni fuq atti ta' parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-ħsieb li jikkordinaw l-azzjoni tagħhom sabiex ikun hemm prosekuzzjoni effettiva, u jieħdu akkont, partikolarment, tal-lokazzjoni tad-diversi komponenti ta' l-organizzazzjoni fit-territorju ta' l-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 5

1. Fil-każijiet fejn il-Konvenzjoni dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, magħmula mill-Kunsill fis-27 ta' Settembru 1996, tapplika, din l-azzjoni konġunta m'għandhiex taffetwa bl-ebda mod l-obbligazzjonijiet taħt il-Konvenzjoni jew l-interpretazzjoni ta' l-imsemmija.

2. Xejn f'din l-azzjoni konġunta m'għandu jimpedixxi Stat Membru milli jagħmel punibbli kondotta li għandha x'taqsam ma' organizzazzjoni kriminali li hija ta' skop aktar wiesa' minn dak definit fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 6

Matul is-sena ta' wara d-dħul fis-seħħ ta' din l-azzjoni konġunta, proposti xierqa għall-implimentazzjoni għandhom ikunu ippreżentati minn kull Stat Membru għall-konsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti bil-ħsieb li jkunu adottati.

Artikolu 7

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha.

Artikolu 8

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Bartenstein

[1] ĠU C 327, tas-7.12.1995, p. 5.

[2] ĠU C 10, tal-11.1.1997, p. 1.

[3] Opinjoni mogħtija fl-20 ta' Novembru 1997.

--------------------------------------------------