31996E0697



Official Journal L 322 , 12/12/1996 P. 0001 - 0002


Pożizzjoni komuni

tat-2 ta' Diċembru 1996

definita mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu J.2 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, dwar Kuba

(96/697/CFSP)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu J.2 miġjub fih,

IDDEFINIXXA L-POŻIZZJONI KOMUNI LI ĠEJJA:

1. L-għan ta' l-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħha ma' Kuba huwa li din tinkoraġġixxi proċess ta' transizzjoni lejn demokrazija pluralista u r-rispett lejn id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-kisba sostenibbli u t-titjib fil-livell ta' l-għajxien tal-poplu ta' Kuba. Jekk ir-reġim preżenti kellu jkun huwa stess li jagħti bidu jew jippermetti tali proċess, allura hemm ċans kbir li t-transizzjoni tkun waħda paċifika. Mhix il-politika ta' l-Unjoni Ewropea li ġġib bidla permezz ta' miżuri ta' sfurzar bir-riżultat li jista' jkun hemm diffikultajiet ekonomiċi kbar fuq il-poplu tal-Kuba.

2. L-Unjoni Ewropea tagħraf il-ftuħ tentattiv ta' l-ekonomija li għamlet Kuba s'issa. Hija x-xewqa tagħha li din tkun is-sieħba ta' Kuba fil-ftuħ progressiv u irriversibbli ta' l-ekonomija ta' Kuba. L-Unjoni Ewropea tikkunsidra li l-koperazzjoni sħiħa ma' Kuba tkun tiddependi mit-titjib li jkun sar fid-drittijiet tal-bniedem u fil-libertajiet politiċi, kif muri mill-Kunsill Ewropew ġewwa Firenze.

3. Biex jiġi faċilitat it-tibdil paċifiku f'Kuba, l-Unjoni Ewropea

(a) se tintensifika d-djalogu preżenti ma' l-awtoritajiet ta' Kuba kif ukoll mas-setturi kollha tas-soċjetà ta' dak il-pajjiż biex b'hekk jitmexxa 'l quddiem ir-rispett lejn id-drittijiet umani u l-progress veru lejn demokrazija pluralista;

(b) se tfittex opportunitajiet - anki b'mod attiv aktar minn qabel - biex tfakkar lill-awtoritajiet ta' Kuba, kemm pubblikament u privatament, dwar ir-responsabbiltajiet fundamentali fuq id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-dritt ħieles ta' l-espressjoni u ta' l-assoċjazzjoni;

(ċ) se tinkuraġġixxi r-riforma fil-leġislazzjoni interna b'rabta mad-drittjiet politiċi u ċivili, inkluż il-kodiċi kriminali ta' Kuba, u, bħala riżultat, l-abolizzjoni ta' l-offiżi politiċi kollha, ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi kollha, kif ukoll it-tmiem ta' l-atti ta' molestazzjoni u kastigi tad-dissidenti ta' dak il-pajjiż;

(d) tevalwa l-iżviluppi li jkunu saru fil-politika interna u estera ta' Kuba skond l-istess standards li jkunu japplikaw għall-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi oħra, b'mod partikolari r-ratifika u l-ħarsien tal-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet umani;

(e) se tibqa' lesta fl-istess waqt, permezz ta' l-Istati Membri, li tipprovdi għajnuna umanitarja ad hoc, soġġett għal ftehim minn qabel dwar id-distribuzzjoni; bħalissa, il-miżuri applikabbli biex tkun żgurata d-distribuzzjoni permezz ta' organizzazzjonijiet non-governattivi, il-knejjes u organizzazzjonijiet internazzjonali se jinżammu u, fejn ikun meħtieġ, ikunu nfurzati. Huwa nnutat li l-Kummissjoni qed tipproċedi fuq l-istess bażi;

(f) tibqa' lesta wkoll, permezz ta' l-Istati Membri, li twettaq azzjonijiet speċjalizzati dwar koperazzjoni ekonomika biex isostnu l-ftuħ ekonomiku li jkun qed jiġi implementat. Huwa nnutat li l-Kummissjoni qed tipproċedi fuq l-istess bażi.

4. Hekk kif l-awtoritajiet ta' Kuba jkunu qed jagħmlu progress lejn id-demokrazija, l-Unjoni Ewropea tagħti l-appoġġ kollu tagħha għal dan il-proċess, waqt li teżamina l-użu xieraq tal-mezzi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha għal dak il-għan, inklużi:

- l-intensifikazzjoni ta' djalogu politiku kostruttiv u li jwassal għal riżultat konkret bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba,

- l-intensifikazzjoni tal-koperazzjoni u, b'mod partikolari, dik ekonomika,

- it-tisħiħ tad-djalogu ma' l-awtoritajiet ta' Kuba, permezz tal-mezzi xierqa, biex ikunu esplorati aktar il-possibbiltajiet ta' negozjati fil-futur dwar Ftehim ta' Koperazzjoni ma' Kuba, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet relevanti tal-Kunsilli Ewropej li saru f'Madrid u ġewwa Firenze.

5. L-implimentazzjoni ta' din il-pożizzjoni komuni se tkun sorveljata mill-Kunsill. Se ssir evalwazzjoni ta' din il-poizzjoni komuni wara sitt xhur.

6. Din il-pożizzjoni komuni se tkun effettiva fit-2 ta' Diċembru 1996.

7. Din il-pożizzjoni komuni se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussell, fit-2 ta' Diċembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Quinn

--------------------------------------------------