9.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/40


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI – EACEA/5/12

MEDIA 2007 – Żvilupp, distribuzzjoni, promozzjoni u taħriġ

Taħriġ

2012/C 35/07

1.   Għanijiet u deskrizzjoni

Dan l-avviż ta’ Sejħa għall-Proposti huwa bbażat fuq id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ lis- settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (1).

Waħda mill-miżuri li għandha tiġi implimentata skont din id-Deċiżjoni tinvolvi t-titjib tat-taħriġ professjonali kontinwu tal-professjonisti fis-settur awdjoviżiv, sabiex dawn jingħataw l-għarfien u l-kapaċitajiet li għandhom bżonn biex joħolqu prodotti kompetittivi fis-swieq Ewropej u oħrajn.

Il-sejħa għall-proposti EACEA/5/12 hija l-aħħar sejħa għal Taħriġ mnedija taħt il-programm MEDIA 2007 u toffri Ftehim Qafas ta' Sħubija għal 2 snin.

2.   Kandidati eliġibbli

Il-kandidati għandhom ikunu stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:

Is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea;

il-pajjiżi ż-ŻEE: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja;

l-Iżvizzera u l-Kroazja

Dan l-avviż huwa indirizzat lill-kandidati f’waħda mill-kategoriji ta’ stabbiliment imsemmija hawn taħt, li l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għall-miżuri msemmija fuq:

Skejjel taċ-ċinema u tat-televiżjoni

Universitajiet

Organizzazzjonijiet speċjalizzati fit-taħriġ professjonali

Kumpaniji privati fis-settur awdjoviżiv

Organizzazzjonijiet/assoċjazzjonijiet professjonali li jispeċjalizzaw fis-settur awdjoviżiv.

3.   Azzjonijiet eliġibbli

Huma eliġibbli l-azzjonijiet li ġejjin u l-attivitajiet tagħhom, li jseħħu fil-pajjiżi MEDIA.

Azzjonijiet immirati lejn l-iżvilupp tal-kapaċità tal-professjonisti awdjoviżivi biex jifhmu u jintegraw dimensjoni Ewropea f’xogħolhom billi jtejbu l-għarfien espert fl-oqsma li ġejjin:

Taħriġ fil-ġestjoni ekonomika, finanzjarja u kummerċjali

Taħriġ f’teknoloġiji awdjoviżivi ġodda

Taħriġ fl-iżvilupp ta’ proġetti ta’ skripts

It-tul massimu għall-proġetti huwa 12-il xahar.

4.   Kriterji għall-għoti

Il-punti għall-applikanti eliġibbli se jiġu allokati minn total ta' 100 fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

Il-kwalità tal-kontenut tal-attività (20 punt)

Il-ġestjoni tal-proġett (20 punt)

Il-kwalità tas-sħubija mal-industrija tal-awdjoviżiv (20 punt)

Id-dimensjoni Ewropea (20 punt)

L-Impatt (20 punt)

5.   Baġit

L-ammont massimu disponibbli fl-ambitu ta’ din is-sejħa għall-proposti huwa EUR 7 000 000.

L-appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni ma jistax jaqbeż il-50 %/60 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

L-Aġenzija żżomm il-possibbiltà li ma tattribwix il-fondi kollha disponibbli.

6.   Skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

Id-dati ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ser ikunu is-16 ta’ April 2012.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej:

Education, Audiovisual and Culture Executive Agency (EACEA)

Call for proposals EACEA/5/12

Mr Constantin DASKALAKIS

BOUR 3/30

Avenue du Bourget/Bourgetlaan 1

1140 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

L-applikazzjonijiet ippreżentati fuq il-formola adegwata, mimlijin kif xieraq, datati u ffirmati mill-persuna bis-setgħa li tirrappreżenta legalment il-korp li qiegħed jagħmel it-talba biss jistgħu jiġu aċċettati.

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-faks jew bil-posta elettronika ma jiġux aċċettati.

7.   Tagħrif sħiħ

Il-linji gwida ddettaljati għall-kandidati, kif ukoll il-formoli tal-applikazzjoni, jistgħu jinkisbu mill-indirizz li ġej

http://ec.europa.eu/culture/media/programme/training/forms/index_en.htm

Huwa obbligatorju li l-applikazzjonijiet jintbagħtu fuq il-formola pprovduta u jkollhom l-Annessi u l-informazzjoni kollha mitluba.


(1)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12.