19.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 14/27


Sejħa għal applikazzjonijiet dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/675/KE li tipprovdi għat-Twaqqif tal-Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin

(2008/C 14/10)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/675/KE (1) il-Kummissjoni waqqfet il-grupp ta' esperti dwar it-traffikar tal-bnedmin. Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-grupp dwar kull materja li jkollha x'taqsam mat-traffikar tal-bnedmin.

Ix-xogħol tal-grupp ta' esperti, b'mod partikolari, huwa:

(a)

li jistabbilixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, partijiet oħra kif imfisser fl-Artikolu 3 paragrafu 2(b) u l-Kummissjoni dwar il-firxa ta' kwistjonijiet relatati mat-traffikar tal-bnedmin;

(b)

li jassisti lill-Kummissjoni, billi joħroġ opinjonijiet marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, u jara li jkun hemm approċ koerenti għal dan is-suġġett;

(c)

li jgħin lill-Kummissjoni tevalwa l-evoluzzjoni tal-politika fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin fuq il-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali;

(d)

li jassisti lill-Kummissjoni tidentifika u tiddefinixxi miżuri possibbli rilevanti u azzjonijiet fuq livell Ewropew u nazzjonali madwar il-medda tal-politika kontra t-traffikar.

(e)

Il-Grupp ta' Esperti għandu joħroġ opinjonijjiet jew rapporti lill-Kummissjoni fuq talba ta' din ta' l-aħħar jew b'inizjattiva tiegħu stess, filwaqt li jikkonsidra l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri fil-livell ta' l-UE tal-Pjan ta' l-UE dwar l-aħjar prattiċi, standards u proċeduri fil-ġlieda kontra, u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin (2), u forom oħra relatati ta' sfruttament. Għandu jieħu wkoll f'kunsiderazzjoni d-dimensjoni ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tagħmel din is-sejħa għall-applikazzjonijiet bl-iskop li jkollha lista ta' kandidati biex tgħaqqad dan il-grupp ta' esperti.

1.

Il-grupp ta' esperti għandu jkun magħmul minn 21 membru maħtura fil-kapaċità personali tagħhom u, skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq, ikunu individwi kkwalifikati magħżula mill-Kummissjoni.

Esperti prospettivi huma mistennija li kollhom jew li kellhom pożizzjoni fi ħdan operatur relevanti mil-lista li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija huma mistennija li jkollhom:

Il-ħiliet u l-għarfien xieraq fl-oqsma ta' l-attivitajiet konnessi mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li fihom jistgħu jiġu msejħa biex jassistu,

livell għoli ta' suċċess professjonali fil-qasam ta' kontra t-traffikar u għandu jkollhom mill-anqas 5 snin esperjenza ta' xogħol fil-qasam relevanti,

ħila lingwistika xierqa, li tinkludi ħila ċara ta' ħidma bl-Ingliż.

Il-ħiliet imsemmija se jiġu eżaminati fuq il-bażi tas-CV mimlija u l-formola ta' l-applikazzjoni.

2.

Il-Kummissjoni ser tqis il-kriterji li ġejjin meta tivvaluta l-applikazzjonijiet:

kompetenza u esperjenza ppruvata, inkluż f'livell Ewropew u internazzjonali, f'oqsma relevanti għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin,

il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ fi ħdan il-grupp ta' esperti f'termini ta' rappreżentanza ta' l-applikanti, is-sess tal-persuni u l-oriġini ġeografika,

il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ tal-kompetenzi dwar forom differenti ta' traffikar, inkluż għal skop ta' sfruttament sesswali u fil-qasam tax-xogħol, dwar aspetti differenti bħall-prevenzjoni, prosekuzzjoni u assistenza lill-vittmi, kif ukoll fil-qasam tal-jeddijiet tal-bniedem, jeddijiet tat-tfal, liġi penali, xogħol u migrazzjoni,

il-ħtieġa li tiġi ffavorita l-kontinwità tax-xogħol tal-grupp preċedenti ta' esperti dwar traffikar tal-bnedmin (li twaqqaf permezz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2003),

il-membri tal-grupp ta' esperti għandhom ikunu persuni ta' nazzjonalità ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea jew, fejn huwa xieraq minn pajjiż li se jissieħeb jew pajjiż miż-Żona Ekonomika Ewropea.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi biss billi wieħed jimla l-formola mudell ta' l-applikazzjoni (Anness 1) u s-CV mudell (Anness 2). L-applikanti huma mitluba li fl-applikazzjoni tagħhom jindikaw b'mod ċar dak il-qasam tat-traffikar tal-bnedmin li dwaru għandhom kompetenza partikolari.

Minħabba l-politika ta' trasparenza ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-ħtieġa li l-pubbliku jkun informat bl-identità u l-kwalifiki ta' l-esperti li jagħtu pariri lill-Istituzzjoni, id-data ġenerali personali hawn fuq elenkata se ssir disponibbli pubblikament (3) skond il-provvedimenti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (4) fir-reġistru tal-gruppi ta' esperti sakemm ikun għad hemm sħubija u/jew sakemm tintalab it-tneħħija mis-sit pubbliku.

3.

L-applikazzjonijiet iffirmati kif imiss għandhom jintbagħtu mhux aktar tard mill-15 ta' Frar 2008 permezz ta' email jew ittra f'dan l-indirizz:

Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali Ġustizzja, Libertà u Sigurtà

Unità D2 Segretarjat

LX 46 3/131

B-1049 — Brussel

JLS-ANTITRAFFICKING@ec.europa.eu

4.

Il-Kummissjoni għandha tagħżel il-membri fil-kapaċità personali tagħhom għal perjodu ta' 3 snin li jista' jiġi mġedded. Huma għandhom jagħtu lill-Kummissjoni opinjoni indipendenti, ħeilsa minn influwenza barranija u għandhom jirrispettaw il-kundizzjojijiet tal-kunfidenzjalità imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li pprovidiet għat-twaqqif tal-grupp ta' esperti.

5.

Il-Kummissjoni tirrifondi l-ispejjeż ta' l-ivjaġġar u sussistenza li jkollhom x'jaqsmu ma' l-attivitajiet tal-grupp ta' esperti skond il-provvedimenti li huma fis-seħħ fil-Kummissjoni. Il-Membri ma jirċievu l-ebda rimunerazzjoni għall-qadi ta' dmirijiethom.

6.

Il-lista tal-membri tal-grupp ta' esperti tiġi ppubblikata fuq is-sit ta' l-Internet tad-DĠ JLS u fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea. L-ismijiet tal-membri jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

7.

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Sinjura Enikő FELFÖLDI, tel. (32-2) 29 54933, fax (32-2) 29 67633, email: eniko.felfoldi@ec.europa.eu


(1)  ĠU L 277, 20.10.2007, p. 29.

(2)  ĠU C 311, 9.12.2005, p. 1.

(3)  Id-data se tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-Gruppi ta' Esperti: http://ec.europa.eu/secretariat_general/regexp/.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta' din id-data (ĠU L 8 tat-12.1.2001, p.1)


ANNESS 1

Image

Image

Image


ANNESS 2

Image

Image