Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 6(1) – Kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar – Artikolu 9(1) sa (3) – Proċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data – Data dwar is-saħħa – Evalwazzjoni tal-kapaċità għax-xogħol ta’ impjegat – Servizz mediku fil-qasam tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jittratta data dwar is-saħħa tal-impjegati tiegħu stess – Ammissibbiltà u kundizzjonijiet ta’ tali pproċessar – Artikolu 82(1) – Dritt għal kumpens u responsabbiltà – Kumpens għal dannu morali – Funzjoni kumpensatorja – Effett tan-nuqqas imwettaq mill-kontrollur”

Fil-Kawża C‑667/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura

ZQ

vs

Medizinischer Dienst der Krankenversicherung Nordrhein, Körperschaft des öffentlichen Rechts,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra, M. Safjan, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ZQ, minn E. Daun, Rechtsanwalt,

–        għal Medizinischer Dienst der Krankenversicherung Nordrhein, Körperschaft des öffentlichen Rechts, minn M. Wehner, Rechtsanwalt,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Lane, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, M. Heller u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1), (2)(h) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”) moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 82(1) tiegħu.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ZQ u l-persuna li timpjegah, il-Medizinischer Dienst der Krankenversicherung Nordrhein (is-Servizz Mediku tal-Assigurazzjoni għall-Mard ta’ Nordrhein, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“MDK Nordrhein”), dwar il-kumpens għad-dannu li l-ewwel wieħed jallega li ġarrab minħabba pproċessar ta’ data li tikkonċerna s-saħħa tiegħu li twettaq b’mod illegali mit-tieni waħda.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 4 sa 8, 10, 35, 51 sa 53, 75 u 146 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:

“(4)      L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, [...]

(5)      L-integrazzjoni ekonomika u soċjali li rriżultat mill-funzjonament tas-suq intern wasslet għal żieda sostanzjali fi flussi transkonfinali ta’ data personali. Żdied l-iskambju ta’ data personali bejn atturi pubbliċi u privati, inklużi l-persuni fiżiċi, l-assoċjazzjonijiet u l-impriżi fl-Unjoni [Ewropea] kollha. L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri qegħdin jintalbu bil-liġi tal-Unjoni biex jikkooperaw u jiskambjaw data personali sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom jew iwettqu kompiti f’isem awtorità fi Stat Membru ieħor.

(6)      L-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u l-globalizzazzjoni ġabu sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-data personali. L-iskala tal-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data personali żdiedet b’mod sinifikanti. It-teknoloġija tippermetti kemm lil kumpanniji privati kif ukoll lil awtoritajiet pubbliċi li jagħmlu użu minn data personali fuq skala mingħajr preċedenti sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Il-persuni fiżiċi qegħdin dejjem aktar jagħmlu l-informazzjoni personali disponibbli pubblikament u globalment. It-teknoloġija bidlet kemm l-ekonomija kif ukoll il-ħajja soċjali, u għandha tkompli tiffaċilita l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni u t-trasferiment lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali.

(7)      Dawk l-iżviluppi jeħtieġu qafas b’saħħtu u aktar koerenti għall-protezzjoni tad-data fl-Unjoni, appoġġat minn infurzar qawwi, minħabba l-importanza tal-ħolqien tal-fiduċja li ser tippermetti li l-ekonomija diġitali tiżviluppa fis-suq intern kollu. Il-persuni fiżiċi għandu jkollhom il-kontroll tad-data personali tagħhom. Għandha tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u prattika għall-persuni fiżiċi, l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet pubbliċi.

(8)      Fejn dan ir-Regolament jipprevedi speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet għar-regoli tiegħu mil-liġijiet tal-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu, sa fejn ikun meħtieġ għall-koerenza u biex id-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu komprensibbli għall-persuni li għalihom japplikaw, jinkorporaw elementi ta’ dan ir-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħhom.

[...]

(10)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. [...] Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll marġni ta’ manuvrar għall-Istati Membri biex jispeċifikaw ir-regoli tagħhom, inkluż għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali (‘data sensittiva’). [...]

[...]

(35)      Id-data personali dwar is-saħħa għandha tinkludi d-data kollha dwar l-istat tas-saħħa ta’ suġġett tad-data li tiżvela informazzjoni relatata mal-istat tas-saħħa fiżika jew mentali tas-suġġett tad-data fil-passat, fil-preżent jew fil-ġejjieni. [...]

[...]

(51)      Data personali, li min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. [...] Minbarra r-rekwiżiti speċifiċi għal dan l-ipproċessar, il-prinċipji ġenerali u regoli oħra ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet għal ipproċessar legali. Id-derogi mill-projbizzjoni ġenerali għall-ipproċessar ta’ tali kategoriji speċjali ta’ data personali għandhom jiġu previsti b’mod espliċitu, fost oħrajn fejn is-suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu jew tagħha jew fir-rigward ta’ ħtiġijiet speċifiċi [...]

(52)      Id-deroga mill-projbizzjoni dwar l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali għandha tkun permessa wkoll meta tkun prevista fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru u soġġett għal salvagwardji adatti, sabiex jiġu protetti d-data personali u drittijiet fundamentali oħra, fejn ikun fl-interess pubbliku li jsir hekk, b’mod partikolari l-ipproċessar ta’ data personali fil-qasam tal-liġi tal-impjiegi, il-liġi tal-protezzjoni soċjali, inkluż il-pensjonijiet u għas-sigurtà tas-saħħa, għal finijiet ta’ monitoraġġ u twissija, prevenzjoni u kontroll ta’ mard li jittieħed u ta’ theddid serju ieħor għas-saħħa. Tali deroga tista’ ssir għal finijiet ta’ saħħa, inkluża s-saħħa pubblika u l-ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, speċjalment sabiex tkun żgurata l-kwalità u l-kosteffettività tal-proċeduri użati għat-tpaċija ta’ talbiet għal benefiċċji u servizzi fis-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa, jew għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika. [...]

(53)      Il-kategoriji speċjali ta’ data personali li jistħoqqilhom aktar protezzjoni għandhom jiġu pproċessati biss għal finijiet relatati mas-saħħa fejn ikun meħtieġ biex jinkisbu dawk il-finijiet għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi u s-soċjetà inġenerali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa jew soċjali u sistemi, li jinkludu l-ipproċessar mill-awtoritajiet tal-ġestjoni u tas-saħħa nazzjonali ċentrali ta’ tali data għall-fini tal-kontroll tal-kwalità, l-informazzjoni ta’ ġestjoni u s-superviżjoni ġenerali nazzjonali u lokali tas-sistema tal-kura tas-saħħa jew soċjali, u billi tiġi żgurata kontinwità tal-kura tas-saħħa jew soċjali [...]. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jipprevedi kondizzjonijiet armonizzati għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali dwar is-saħħa, fir-rigward ta’ ħtiġijiet speċifiċi, b’mod partikolari fejn l-ipproċessar ta’ tali data jsir għal ċerti finijiet relatati mas-saħħa minn persuni soġġetti għal obbligu legali ta’ segretezza professjonali. Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru għandha tipprovdi għal miżuri speċifiċi u adatti sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali u d-data personali tal-persuni fiżiċi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika jew data dwar is-saħħa. [...]

[...]

(75)      Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, bi probabbiltà u gravità li jvarjaw, jistgħu jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ data personali li tista’ twassal għal dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali, b’mod partikolari fejn l-ipproċessar jista’ jagħti lok għal diskriminazzjoni, serq ta’ identità jew frodi, telf finanzjarju, dannu għar-reputazzjoni, telf ta’ kunfidenzjalità ta’ data personali protetta mis-segretezza professjonali, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali sinifikanti ieħor; jew fejn is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu mċaħħda mid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom jew impediti milli jeżerċitaw kontroll fuq id-data personali tagħhom; fejn tiġi pproċessata data personali [...] dwar is-saħħa [...] ; fejn l-aspetti personali jiġu evalwati, b’mod partikolari l-analiżi jew it-tbassir ta’ aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, [...] sabiex jinħolqu jew jintużaw profili personali;

[...]

(146)      Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jikkumpensa għal kwalunkwe dannu li tista’ ssofri persuna b’riżultat ta’ pproċessar li jikser dan ir-Regolament. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk iġib provi li huwa mhuwiex responsabbli bl-ebda mod għad-dannu. Il-kunċett ta’ dannu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li jissodisfa b’mod sħiħ l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe talba għal kumpens għal danni li tirriżulta minn ksur ta’ regoli oħra fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. L-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament jinkludi wkoll l-ipproċessar li ma jkunx f’konformità mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-liġi tal-Istat Membru li jispeċifikaw ir-regoli ta’ dan ir-Regolament. Is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu. [...]”

4        Taħt il-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament, dwar id-“[d]ispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 2 tiegħu, li huwa stess huwa intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); [...]

2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom [...];

[...]

7)      ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; [...]

[...]

15)      ‘data dwar is-saħħa’ tfisser data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, inkluża l-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta’ saħħitha;

[...]”

6        Il-Kapitolu II tal-GDPR, dwar il-“[p]rinċipji”, stabbiliti minn dan tal-aħħar, jinkludi l-Artikoli 5 sa 11 ta’ dan.

7        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.      Id-data personali għandha:

a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

[...]

f)      tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).

2.      Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

8        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

d)      l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra;

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”

9        L-Artikolu 9 tal-istess regolament, bit-titolu “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.      L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

[...]

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi u l-eżerċizzju ta’ drittijiet speċifiċi tal-kontrollur jew tas-suġġett tad-data fil-qasam tal-liġi dwar l-impjiegi u dwar il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali sa fejn dan ikun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta’ Stat Membru jew minn ftehim kollettiv skont il-liġi ta’ Stat Membru li jipprevedu salvagwardji xierqa għad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

[...]

h)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ mediċina preventiva jew okkupazzjonali, għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ħaddiem għax-xogħol, dijanjosi medika, il-forniment ta’ kura tas-saħħa jew soċjali jew it-trattament jew il-ġestjoni ta’ sistemi u servizzi tal-kura tas-saħħa u soċjali abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi ta’ Stat Membru jew skont kuntratt ma’ professjonista fil-kura medika u soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 3;

[...]

3.      Id-data personali msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi pproċessata għall-finijiet imsemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 2 meta dik id-data tiġi pproċessata minn professjonista jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu li jkun soġġett għall-obbligu ta’ segretezza professjonali skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru jew regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali jew minn persuna oħra li tkun ukoll soġġetta għal obbligu ta’ segretezza skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru jew ir-regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali.

4.      L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika jew data dwar is-saħħa.”

10      Il-Kapitolu IV tal-GDPR, intitolat “Kontrollur u proċessur”, jinkludi l-Artikoli 24 sa 43.

11      L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Responsabbiltà tal-kontrollur”, li jinsab fit-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolat “Obbligi ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“B’kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta’ probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista’ juri li l-ipproċessar isir f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati fejn meħtieġ.”

12      Taħt it-Taqsima 2 tal-imsemmi kapitolu, intitolata “Sigurtà tad-data personali”, l-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Sigurtà tal-ipproċessar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      Filwaqt li jikkunsidraw l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u in-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta’ probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, biex jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju, inklużi inter alia kif xieraq:

a)      il-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ tad-data personali;

b)      il-kapaċità li jiġu żgurati l-kunfidenzjalità, l-integrità, id-disponibbiltà u r-reżiljenza kontinwi tas-sistemi u s-servizzi ta’ pproċessar;

[...]”

13      Il-Kapitolu VIII tal-GDPR, intitolat “Rimedji, responsabbiltà u pieni”, jinkludi l-Artikoli 77 sa 84 ta’ dan ir-regolament.

14      Skont l-Artikolu 82 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal kumpens u responsabbiltà”:

“1.      Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.

2.      Kwalunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament. [...]

3.      Kontrollur jew proċessur għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà taħt il-paragrafu 2 jekk jagħti prova li bl-ebda mod m’huwa responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu.

[...]”

15      L-Artikolu 83 tal-GDPR, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“1.      Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f’kull każ individwali.

2.      [...] Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f’kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:

a)      in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b’kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta’ suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta’ dannu mġarrab minnhom;

b)      il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

[...]

d)      il-grad ta’ responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur b’kont meħud tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati minnu skont l-Artikoli 25 u 32;

[...]

k)      kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.

3.      Jekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b’negliġenza, għall-istess operazzjonijiet ta’ pproċessar jew għal dawk b’rabta ma’ xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi.

[...]”

16      L-Artikolu 84 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Setgħat”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni oħrajn applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari għal ksur li ma jkunx soġġett għal multi amministrattivi skont l-Artikolu 83, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

 Id-dritt Ġermaniż

17      Skont l-Artikolu 275(1) tas-Sozialgesetzbuch, Fünftes Buch (il-Kodiċi Soċjali, il-Ħames Ktieb), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali, il-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja huma obbligati li jitolbu lil Medizinischer Dienst (servizz mediku) li jassistihom, b’mod partikolari, iwettqu perizja sabiex jitneħħew id-dubji dwar l-inkapaċità għax-xogħol ta’ persuna assigurata, fil-każijiet stabbiliti mil-liġi jew meta l-marda ta’ din tal-aħħar tkun teħtieġ dan.

18      L-Artikolu 278(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li tali servizz mediku għandu jiġi stabbilit f’kull Land, fil-forma ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku.

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

19      Il-MDK Nordrhein huwa organu irregolat mid-dritt pubbliku, inkwantu servizz mediku tal-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Bħala servizz mediku, huwa għandu bħala funzjoni legali, fost l-oħrajn, li jwettaq perizji mediċi sabiex ineħħi dubji dwar l-inkapaċità għax-xogħol ta’ persuni assigurati mal-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, inkluż meta dawn il-perizji jikkonċernaw l-impjegati tiegħu stess.

20      F’tali każ, huma biss il-membri ta’ unità speċjali, imsejħa “ċellola każijiet partikolari”, li huma awtorizzati jipproċessaw id-data msejħa “soċjali” ta’ dan l-impjegat, billi jużaw domain protett minn password tas-sistema informatika ta’ dan l-organu, u li jaċċedu għall-arkivji diġitali, wara l-għeluq tal-fajl ta’ perizja. Nota ta’ servizz intern dwar dawn il-każijiet tipprovdi, b’mod partikolari, li numru limitat ta’ membri tal-persunal awtorizzati, fosthom ċerti membri tal-persunal tas-servizz tal-informatika, għandhom aċċess għall-imsemmija data.

21      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħadem fi ħdan is-servizz tal-informatika tal-MDK Nordrhein, qabel ma tqiegħed f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol għal raġuni medika. Fi tmiem is-semestru li matulu dan l-organu, bħala persuna li timpjega, kompla jħallsu, il-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa obbligatorja li miegħu kien affiljat beda jħallsu kumpens għall-mard.

22      Dan il-fond għalhekk talab lill-MDK Nordrhein sabiex jagħmel perizja dwar l-inkapaċità għax-xogħol tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Tabib li jeżerċita fi ħdan iċ-“ċellola każijiet partikolari” tal-MDK Nordrhein wettaq il-perizja, b’mod partikolari, billi kiseb informazzjoni mingħand it-tabib li kien qiegħed jikkura lir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Meta dan tal-aħħar ikun ġie informat mit-tabib tiegħu, huwa kkuntattja lil waħda mill-kollegi tiegħu tas-servizz tal-informatika u talabha tieħu, u sussegwentement tibgħatlu, ritratti tar-rapport tal-perizja li kien jinsab fl-arkivji diġitali tal-MDK Nordrhein.

23      Peress li qies li d-data dwar is-saħħa tiegħu kienet għalhekk is-suġġett ta’ pproċessar illegali mill-persuna li timpjegah, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lil din tal-aħħar tħallsu kumpens fl-ammont ta’ EUR 20 000, ħaġa li l-MDK Nordrhein irrifjuta.

24      Sussegwentement, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali adixxa lill-Arbeitsgericht Düsseldorf (il-Qorti Industrijali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) sabiex jikseb, abbażi tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż, li l-MDK Nordrhein jiġi kkundannat jikkumpensa d-dannu li huwa jsostni li ġarrab minħabba l-ipproċessar ta’ data personali hekk imwettaq. Huwa essenzjalment sostna, minn naħa, li l-perizja inkwistjoni kellha titwettaq minn servizz mediku ieħor sabiex jiġi evitat li l-kollegi tiegħu jkollhom aċċess għal data dwar is-saħħa tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-miżuri ta’ sigurtà relatati mal-arkivjar tar-rapport dwar din il-perizja kienu insuffiċjenti. Huwa sostna wkoll li dan l-ipproċessar kien jikkostitwixxi ksur tar-regoli tad-dritt li jipproteġu tali data li kkawżatlu danni kemm morali kif ukoll materjali.

25      Fid-difiża tiegħu, il-MDK Nordrhein prinċipalment sostna li l-ġbir u ż-żamma tad-data dwar is-saħħa tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kienu twettqu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ tali data.

26      Peress li t-talba tiegħu fl-ewwel istanza ġiet miċħuda, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella quddiem il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li ċaħdet ukoll ir-rikors tiegħu. Huwa għalhekk ippreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

27      Din il-qorti tal-aħħar titlaq mill-premessi li, fil-kawża prinċipali, il-perizja mwettqa mill-MDK Nordrhein, bħala servizz mediku, tikkostitwixxi “pproċessar” ta’ “data personali” u, b’mod iktar partikolari, ta’ “data dwar is-saħħa”, fis-sens tal-punti 1, 2 u 15 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, b’tali mod li din l-operazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tiegħu. Barra minn hekk, hija tqis li l-MDK Nordrhein hija l-“kontrollur” ikkonċernat, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

28      Id-domandi tagħha jirrigwardaw, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-GDPR, dwar l-ipproċessar li jirrigwarda kategoriji partikolari ta’ data personali, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq minn organu li huwa wkoll il-persuna li timpjega lill-persuna kkonċernata, kif iddefinita fil-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

29      Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tiddubita li l-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jaqa’ taħt waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 9 tal-GDPR. Skont din il-qorti, huma biss l-eċċezzjonijiet li jinsabu fil-punti (b) u (h) ta’ dan il-paragrafu 2 li huma rilevanti f’dan il-każ. Madankollu, hija teskludi mill-bidu l-applikazzjoni tad-deroga prevista f’dan il-punt (b) f’dan il-każ, minħabba li l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx neċessarju għall-finijiet tad-drittijiet u tal-obbligi tal-kontrollur, meħud fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li timpjega lill-persuna kkonċernata. Fil-fatt, dan l-ipproċessar inbeda minn organu ieħor, li talab lill-MDK Nordrhein sabiex iwettaq kontroll fil-kwalità tiegħu ta’ servizz mediku. Min-naħa l-oħra, filwaqt li hija inklinata li lanqas ma tapplika d-deroga prevista f’dan il-punt (h), peress li jidhrilha li huwa biss ipproċessar imwettaq minn “terz newtrali” li jista’ jaqa’ taħtha u li organu ma jistax jibbaża ruħu fuq il-“funzjoni doppja” tiegħu bħala persuna li timpjega u ta’ servizz mediku sabiex jevita l-projbizzjoni ta’ tali pproċessar, il-qorti tar-rinviju ma turix li hija kategorika f’dan ir-rigward.

30      Sussegwentement, fil-każ li l-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa jkun awtorizzat f’tali ċirkustanzi skont l-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-regoli relatati mal-protezzjoni tad-data dwar is-saħħa li għandhom jiġu osservati f’dan il-kuntest. Fl-opinjoni tagħha, dan ir-regolament jimplika li ma huwiex biżżejjed li l-kontrollur jissodisfa r-rekwiżiti fl-Artikolu 9(3) tiegħu. Dan il-kontrollur għandu, barra minn hekk, jiggarantixxi li ebda wieħed mill-kollegi tal-persuna kkonċernata ma jista’ jkollu kwalunkwe aċċess għad-data li tikkonċerna l-istat tas-saħħa ta’ din tal-aħħar.

31      Fl-aħħar nett, dejjem fl-istess ipoteżi, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandhiex, barra minn hekk, tiġi ssodisfatta sabiex tali pproċessar ikun legali. Fil-fehma tagħha, dan għandu jkun il-każ u, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huma biss il-punti (ċ) u (e) ta’ dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) li jistgħu a priori jkunu rilevanti. Madankollu, dawn iż-żewġ punti (c) u (e) ma għandhomx japplikaw, minħabba li l-ipproċessar ikkonċernat ma huwiex “meħtieġ”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li jista’ jsir minn servizz mediku ieħor kif ukoll mill-MDK Nordrhein.

32      Fit-tieni lok, fil-każ li jkun hemm ksur tal-GDPR f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kumpens possibbilment dovut lir-rikorrent fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament.

33      Minn naħa, hija tixtieq tkun taf jekk ir-regola prevista fl-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandhiex natura dissważiva jew punittiva, minbarra l-funzjoni riparatriċi tagħha, u, jekk ikun il-każ, jekk din in-natura għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tad-danni mogħtija fir-rigward ta’ dannu morali, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ ekwivalenza stabbiliti f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni.

34      Min-naħa l-oħra, din il-qorti għandha t-tendenza li tikkunsidra li r-responsabbiltà tal-kontrollur tista’ tiġi stabbilita abbażi tal-imsemmi Artikolu 82(1) mingħajr il-ħtieġa li jiġi stabbilit li huwa wettaq nuqqas. Madankollu, peress li kellha dubji, prinċipalment fid-dawl tar-regoli tad-dritt Ġermaniż, hija tistaqsi jekk għandux jiġi vverifikat li l-ksur tal-GDPR inkwistjoni huwa imputabbli lill-kontrollur minħabba att intenzjonali jew negliġenza min-naħa tiegħu u jekk il-livell ta’ gravità tan-nuqqas eventwalment imwettaq minnu għandux jinfluwenza d-danni mogħtija bħala kumpens għal dannu morali.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 9(2)(h) ta[l-GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lis-servizz mediku ta’ assigurazzjoni għall-mard milli jipproċessa d-data relatata mas-saħħa ta’ wieħed mill-impjegati tiegħu li fuqha tiddependi l-evalwazzjoni tal-kapaċità għax-xogħol ta’ dan l-impjegat?

2)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, b’tali mod li jista’ jitqies li hemm deroga mill-projbizzjoni tal-ipproċessar li jikkonċerna d-data relatata mas-saħħa stabbilita fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679, b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(h) tar-Regolament 2016/679, f’każ bħal dak ineżami, apparti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2016/679, hemm rekwiżiti oħra dwar il-protezzjoni tad-data li għandhom jiġu osservati u, jekk inhu hekk, liema huma dawn ir-rekwiżiti?

3)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, b’tali mod li jista’ jitqies li hemm deroga mill-projbizzjoni tal-ipproċessar li jikkonċerna d-data relatata mas-saħħa stabbilita fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679, b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(h) tar-Regolament 2016/679, f’każ bħal dak ineżami, il-legalità tal-ipproċessar tad-data relatata mas-saħħa tiddependi wkoll mill-osservanza ta’ minn tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679?

4)      L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679 għandu natura ta’ prevenzjoni speċjali jew ġenerali u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu morali li jista’ jiġi kkumpensat u li għandu jiġi kkumpensat, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, mill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar jew mill-proċessur?

5)      Il-livell ta’ gravità tan-nuqqas tal-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar jew tal-proċessur huwa rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dannu morali li jista’ jiġi kkumpensat abbażi tal-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679? B’mod iktar partikolari, assenza ta’ nuqqas jew nuqqas żgħir min-naħa tal-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar jew tal-proċessur jistgħu jiġu invokati favur tagħhom?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-projbizzjoni li tiġi pproċessata data dwar is-saħħa prevista fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR, il-paragrafu 2(h) ta’ dan l-artikolu għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni li huwa jipprevedi hija applikabbli għas-sitwazzjonijiet li fihom organu ta’ kontroll mediku jipproċessa data dwar is-saħħa ta’ wieħed mill-impjegati tiegħu fil-kwalità mhux ta’ persuna li timpjega, iżda ta’ servizz mediku, sabiex jevalwa l-kapaċità ta’ xogħol ta’ dan l-impjegat.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, kif ukoll l-għanjiet u l-iskop li jfittex li jilħaq l-att li minnu hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tas-16 ta’ Marzu 2023, Towercast, C‑449/21, EU:C:2023:207, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9 tal-GDPR jirrigwarda, kif jindika t-titolu tiegħu, il-“[i] pproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, ikklassifikata wkoll bħala data “sensittiva” fil-premessi 10 u 51 ta’ dan ir-regolament.

39      Il-premessa 51 tal-GDPR tipprovdi li d-data personali li, minn natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva mil-lat tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika, peress li l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinjifikattivi għal dawn il-libertajiet u għal dawn id-drittijiet.

40      B’hekk, l-Artikolu 9(1) tal-GDPR jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali li huwa jelenka. Fost dawn tal-aħħar, hemm id-“data dwar is-saħħa”, kif iddefinita fil-punt 15 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 35 tiegħu, li hija msemmija f’din il-kawża.

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-iskop tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament jikkonsisti f’li tiġi żgurata protezzjoni msaħħa fil-konfront ta’ tali pproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari tad-data, ikun jista’ jikkostitwixxi interferenza partikolarment serja fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 345 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      L-Artikolu 9(2)(a) sa (j) tal-GDPR jipprevedi, madankollu, lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-projbizzjoni li tiġi pproċessata din id-data sensittiva.

43      B’mod partikolari, l-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR jawtorizza tali pproċessar jekk ikun “meħtieġ għall-finijiet [b’mod partikolari] għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ħaddiem għax-xogħol [...] abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi ta’ Stat Membru jew skont kuntratt ma’ professjonista fil-kura medika”. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li kull ipproċessar ibbażat fuqha huwa, barra minn hekk, speċifikament “soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 3” ta’ dan l-Artikolu 9.

44      Mill-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR, moqri flimkien mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jirriżulta li l-possibbiltà li tiġi pproċessata data sensittiva, bħal dik li tikkonċerna s-saħħa, tinsab strettament irregolata minn sensiela ta’ kundizzjonijiet kumulattivi. Dawn tal-aħħar jirrigwardaw, l-ewwel nett, l-għanijiet elenkati fl-imsemmi punt (h) – li fosthom hemm l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ xogħol ta’ ħaddiem –, it-tieni nett, il-bażi legali ta’ dan l-ipproċessar – kemm fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, tad-dritt ta’ Stat Membru jew kuntratt konkluż ma’ professjonist tas-saħħa, skont l-istess punt (h) – u fl-aħħar, it-tielet nett, id-dmir ta’ kunfidenzjalità li għandhom il-persuni awtorizzati jwettqu tali pproċessar, skont dan l-Artikolu 9(3), dawn il-persuni kollha għandhom ikunu suġġetti għal obbligu ta’ sigriet konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni.

45      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-formulazzjoni tal-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR u lanqas l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprovdu elementi ta’ natura li jqisu li l-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-imsemmija dispożizzjoni hija rriżervata, bħalam tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, għall-każijiet fejn l-ipproċessar jitwettaq minn “parti terza newtrali u mhux mill-persuna li timpjega” lis-suġġett tad-data, kif iddefinita fil-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

46      Fid-dawl tal-opinjoni tal-qorti tar-rinviju li, essenzjalment, organu ma għandux ikun jista’ jibbaża ruħu fuq il-“funzjoni doppja” tiegħu bħala persuna li timpjega lis-suġġett tad-data u lil servizz mediku sabiex jevita l-prinċipju tal-projbizzjoni li tiġi pproċessata data dwar is-saħħa, stabbilit fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR, għandu jiġi ppreċiżat li huwa determinanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod li bih jitwettaq l-ipproċessar ta’ din id-data.

47      Fil-fatt, għalkemm dan l-Artikolu 9(1) jipprojbixxi, bħala prinċipju, l-ipproċessar tad-data dwar is-saħħa, il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprevedi, fil-punti (a) sa (j) tiegħu, għaxar derogi li huma indipendenti minn xulxin u li għalhekk għandhom jiġu evalwati b’mod awtonomu. Minn dan isegwi li l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ waħda mid-derogi previsti f’dan il-paragrafu 2 ma humiex issodisfatti ma jistax jipprekludi li kontrollur ikun jista’ jinvoka deroga oħra msemmija f’din id-dispożizzjoni.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR, moqri flimkien mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, bl-ebda mod ma jeskludi l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni stabbilita f’dan il-punt (h) għal sitwazzjonijiet li fihom organu ta’ kontroll mediku jipproċessa data dwar is-saħħa ta’ wieħed mill-impjegati tiegħu bħala servizz mediku, u mhux fil-kwalità ta’ persuna li timpjega, sabiex jevalwa l-kapaċità għax-xogħol ta’ dan l-impjegat.

49      Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni hija sostnuta mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sistema li jagħmel parti minnha l-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament u minn din id-dispożizzjoni.

50      L-ewwel nett, sa fejn jipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali, l-Artikolu 9(2) tal-GDPR għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 76).

51      Madankollu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ projbizzjoni stabbilit fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR ma tistax twassal sabiex jitnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament b’mod li jmur kontra l-formulazzjoni ċara ta’ dan tal-aħħar. Issa, l-interpretazzjoni ssuġġerita, fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista f’dan l-Artikolu 9(2)(h) għandu jkun limitat għall-każijiet fejn “terz newtrali” jipproċessa data dwar is-saħħa għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità għax-xogħol ta’ ħaddiem, iżżid rekwiżit li bl-ebda mod ma jirriżulta mill-kliem ċar ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

52      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li f’dan il-każ, fil-każ li l-MDK Nordrhein jiġi pprojbit milli jwettaq il-funzjoni tiegħu ta’ servizz mediku meta jkun ikkonċernat wieħed mill-impjegati tiegħu stess, ikun hemm organu ieħor ta’ kontroll mediku li jkun jista’ jwettaq tali funzjoni. Għandu jiġi enfasizzat li din l-alternattiva, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, ma hijiex neċessarjament preżenti jew fattibbli fl-Istati Membri kollha u fis-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu jkunu koperti mill-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR. Issa, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tkun iggwidata minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq is-sistema tas-saħħa ta’ Stat Membru wieħed jew li jirriżultaw minn ċirkustanzi partikolari għall-kawża prinċipali.

53      It-tieni nett, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 48 ta’ din is-sentenza hija konformi mal-għanijiet tal-GDPR u ma’ dawk tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament.

54      Għalhekk, il-premessa 4 tal-GDPR tistabbilixxi li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex assolut iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u bbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħra skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara f’dan is-sens is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S (C‑579/21, EU:C:2023:501), punt 78). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li l-mekkaniżmi li jippermettu li jinstab bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet u interessi inkwistjoni huma inklużi fil-GDPR innifsu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 112).

55      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll meta d-data kkonċernata taqa’ taħt il-kategoriji partikolari msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ riferiment għal data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punti 57 u 66 sa 68), bħad-data dwar is-saħħa.

56      B’mod iktar speċifiku, mill-premessa 52 tal-GDPR jirriżulta li “deroga mill-projbizzjoni dwar l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data” għandha tkun permessa “fejn ikun fl-interess pubbliku li jsir hekk, b’mod partikolari [...] fil-qasam tal-liġi tal-impjiegi, il-liġi tal-protezzjoni soċjali,” kif ukoll “għal finijiet ta’ saħħa, [...] speċjalment sabiex tkun żgurata l-kwalità u l-kosteffettività tal-proċeduri użati għat-tpaċija ta’ talbiet għal benefiċċji u servizzi fis-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa”. Il-premessa 53 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi wkoll li l-ipproċessar imwettaq “fejn ikun meħtieġ biex jinkisbu dawk il-finijiet għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi u s-soċjetà inġenerali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa jew soċjali”.

57      Huwa f’din il-perspettiva globali u fid-dawl tad-diversi interessi leġittimi preżenti li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR, possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, bil-kundizzjoni li l-ipproċessar ikkonċernat jissodisfa l-kundizzjonijiet u l-garanziji espressament imposti minn dan il-punt (h) u mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament rilevanti, b’mod partikolari l-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 9, dispożizzjonijiet li fihom ma jirriżultax ir-rekwiżit li servizz mediku li jipproċessa tali data skont l-imsemmi punt (h) ikun entità distinta mill-persuna li timpjega lill-persuna kkonċernata.

58      Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, u bla ħsara għar-risposti li ser jingħataw għat-tieni u għat-tielet domanda, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli għas-sitwazzjonijiet li fihom organu ta’ kontroll mediku jipproċessa data dwar is-saħħa ta’ wieħed mill-impjegati tiegħu fil-kwalità mhux ta’ persuna li timpjega, iżda ta’ servizz mediku, sabiex tiġi evalwata l-kapaċità għax-xogħol ta’ dan l-impjegat, bil-kundizzjoni li l-ipproċessar ikkonċernat jissodisfa l-kundizzjonijiet u l-garanziji espressament imposti minn dan il-punt (h) u mill-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 9.

 Fuq it-tieni domanda

59      Skont il-qorti tar-rinviju, mill-premessi 35, 51, 53 u 75 tal-GDPR jirriżulta li ma huwiex biżżejjed li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(3) tiegħu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kontrollur huwa wkoll il-persuna li timpjega lill-persuna li l-kapaċità għax-xogħol tagħha hija evalwata. Dan ir-regolament jeżiġi, barra minn hekk, li jiġu esklużi mill-ipproċessar tad-data dwar is-saħħa l-impjegati kollha tal-kontrollur tad-data li jkollhom xi tip ta’ kuntatt professjonali ma’ din il-persuna. Skont din il-qorti, kull kontrollur li għandu diversi stabbilimenti, bħall-MDK Nordrhein, għandu jiżgura li l-entità inkarigata mill-ipproċessar tad-data dwar is-saħħa tal-impjegati ta’ dan il-kontrollur taqa’ dejjem taħt stabbiliment differenti minn dak li fih jaħdem l-impjegat ikkonċernat. Barra minn hekk, l-obbligu tas-sigriet professjonali impost fuq l-impjegati awtorizzati sabiex jipproċessaw tali data ma jipprekludix, fil-fatt, li kollega tal-persuna kkonċernata jkun jista’ jaċċedi għad-data li tikkonċernah, li jwassal għal riskji ta’ dannu, bħall-ħsara għar-reputazzjoni ta’ din tal-aħħar.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kontrollur ta’ data dwar is-saħħa, ibbażat fuq l-Artikolu 9(2)(h) ta’ dan ir-regolament, huwa obbligat li jiggarantixxi li ebda kollega tas-suġġett tad-data ma jkun jista’ jaċċedi għad-data relatata mal-istat ta’ saħħa tiegħu.

61      Għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 9(3) tal-GDPR, proċessar relatat mad-data u bl-għanijiet elenkati rispettivament fil-paragrafu (1) u fil-paragrafu (2)(h) ta’ dan l-Artikolu 9, fil-każ ta’ data dwar is-saħħa ta’ ħaddiem għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità għax-xogħol tiegħu, jista’ jsir biss jekk din id-data tiġi pproċessata minn professjonist tas-saħħa suġġett għal obbligu ta’ segretezza professjonali skont id-dritt tal-Unjoni, id-dritt ta’ Stat Membru jew regoli deċiżi mill-organi kompetenti nazzjonali, jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jew minn persuna oħra li tkun ukoll suġġetta għal obbligu ta’ segretezza skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt ta’ Stat Membru jew ir-regoli stabbiliti mill-organi kompetenti nazzjonali.

62      Billi adotta l-Artikolu 9(3) ta’ dan ir-regolament li jirreferi preċiżament għall-paragrafu 2(h) tal-istess artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa l-miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi li huwa kellu l-intenzjoni li jimponi fuq il-kontrolluri ta’ tali data, li jikkonsistu f’li dawn tal-aħħar jiġu rriżervati għal persuni suġġetti għal obbligu ta’ segretezza, b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi paragrafu 3. Għaldaqstant, ma hemmx lok li ma din il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jiżdiedu rekwiżiti li din ma ssemmix.

63      Minn dan isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 9(3) tal-GDPR ma jistax iservi bħala bażi legali għal miżura li tiggarantixxi li ebda kollega tas-suġġett tad-data ma jkun jista’ jaċċedi għad-data relatata mal-istat ta’ saħħa tiegħu.

64      Madankollu, għandu jiġi evalwat jekk ir-rekwiżit li jiġi ggarantit li ebda kollega tas-suġġett tad-data ma jkollu aċċess għad-data relatata mal-istat ta’ saħħa tiegħu jistax jiġi impost fuq il-kontrollur ta’ data tas-saħħa, ibbażat fuq l-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR, abbażi ta’ dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-unika possibbiltà għall-Istati Membri li jżidu tali rekwiżit, meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, tinsab fil-possibbiltà li jagħtihom espliċitament il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu li “jżommu jew jintroduċu aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar [...] ta’ data dwar is-saħħa”.

66      Madankollu, dawn l-eventwali kundizzjonijiet addizzjonali ma jirriżultawx mid-dispożizzjonijiet tal-GDPR fihom infushom, iżda, jekk ikun il-każ, minn regoli tad-dritt nazzjonali li jirregolaw l-ipproċessar ta’ dan it-tip, regoli li fir-rigward tagħhom dan ir-regolament iħalli espressament marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2023, Hauptpersonalrat der Lehrerinnen und Lehrer (C‑34/21, EU:C:2017:270, punti 51 u 78).

67      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jagħmel użu mill-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 9(4) tal-imsemmi regolament għandu, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiżgura ruħu li l-konsegwenzi prattiċi, b’mod partikolari ta’ natura organizzattiva, ekonomika u medika, ikkawżati mir-rekwiżiti addizzjonali li dan l-Istat għandu l-intenzjoni jimponi l-osservanza tagħhom, ma jkunux eċċessivi għall-kontrolluri ta’ tali pproċessar, li ma jkollhomx neċessarjament dimensjonijiet jew riżorsi tekniċi u umani li jkunu suffiċjenti sabiex jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, dawn ma jistgħux jippreġudikaw l-effett utli tal-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar li hija espressament prevista fl-Artikolu 9(2)(h) tal-istess regolament u stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

68      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 32(1)(a) u (b) tal-GDPR, li jikkonkretizza l-prinċipji ta’ integrità u ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(f) ta’ dan ir-regolament, kull kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali huwa obbligat jimplimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiżgura livell ta’ sigurtà adattat għar-riskju, b’mod partikolari, il-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ ta’ tali data, kif ukoll mezzi li jippermettu li jiġu żgurati, b’mod partikolari, il-kunfidenzjalità u l-integrità tas-sistemi u tas-servizzi tal-ipproċessar. Sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet prattiċi ta’ dan l-obbligu, il-kontrollur għandu, konformement ma’ dan l-Artikolu 32(1), jieħu inkunsiderazzjoni l-istat tal-għarfien, tal-ispejjeż tal-implimentazzjoni u tan-natura, tal-portata, tal-kuntest u tal-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll tar-riskji, li l-grad ta’ probabbiltà u ta’ gravità tagħhom ivarja, għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni fiżiċi.

69      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-miżuri tekniċi u organizzattivi kollha implimentati, f’dan il-każ, mill-MDK Nordrhein humiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 32(1)(a) u (b) tal-GDPR.

70      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(3) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontrollur ta’ data dwar is-saħħa, ibbażat fuq l-Artikolu 9(2)(h) ta’ dan ir-regolament, ma huwiex obbligat, skont dawn id-dispożizzjonijiet, li jiggarantixxi li ebda kollega tas-suġġett tad-data ma jkun jista’ jaċċedi għad-data relatata mal-istat ta’ saħħa tiegħu. Madankollu, tali obbligu jista’ jiġi impost fuq il-kontrollur ta’ tali pproċessar jew skont leġiżlazzjoni adottata minn Stat Membru abbażi tal-Artikolu 9(4) tal-imsemmi regolament, jew skont il-prinċipji ta’ integrità u ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(f) tal-istess regolament u kkonkretizzati fl-Artikolu 32(1)(a) u (b) tiegħu.

 Fuq ittielet domanda

71      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk l-Artikolu 9(2)(h) u l-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li pproċessar ta’ data dwar is-saħħa bbażat fuq din l-ewwel dispożizzjoni għandu, sabiex ikun legali, mhux biss josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minnha, iżda wkoll jissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet ta’ legalità stabbiliti f’dan l-Artikolu 6(1).

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikoli 5, 6 u 9 tal-GDPR jinsabu fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji”, u jirrigwardaw, rispettivament, il-prinċipji dwar l-ipproċessar ta’ data personali, il-kundizzjonijiet tal-legalità tal-ipproċessar u l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali.

73      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 51 tal-GDPR tindika espliċitament li, “[m]inbarra r-rekwiżiti speċifiċi” għall-ipproċessar li jirrigwarda data “partikolarment sensittiva”, li huma stabbiliti fl-Artikolu 9(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għall-miżuri eventwalment adottati minn Stat Membru abbażi tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, “il-prinċipji ġenerali u regoli oħra [tal-imsemmi] Regolament għandhom japplikaw ukoll [għal tali pproċessar], b’mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar”, kif jirriżultaw mill-Artikolu 6 tal-istess regolament.

74      Għaldaqstant, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, ipproċessar li jirrigwarda data “partikolarment sensittiva”, bħal dik li tikkonċerna s-saħħa, huwa legali biss jekk tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (f) tal-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 6 tkun issodisfatta.

75      Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi lista eżawrjenti u limitata tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li huwa legali. Għaldaqstant, sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun jista’ jitqies li huwa leġittimu, dan għandu jkun kopert minn wieħed mill-każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2021:537, punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li kull ipproċessar ta’ data personali għandu jkun konformi mal-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-GDPR u għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar elenkati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, Bundesrepublik Deutschland (Kaxxa elettronika ġudizzjarja), C‑60/22, EU:C:2023:373, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li, sa fejn l-Artikoli 7 sa 11 tal-GDPR, li jinsabu, bħall-Artikoli 5 u 6 tiegħu, fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, għandhom l-għan li jippreċiżaw il-portata tal-obbligi imposti fuq il-kontrollur bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, l-ipproċessar ta’ data personali, sabiex ikun legali, għandu josserva wkoll, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi kapitolu li jikkonċernaw, essenzjalment, il-kunsens, l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali ta’ natura sensittiva u l-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kundanni kriminali u mal-ksur (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, Bundesrepublik Deutschland (Kaxxa elettronika ġudizzjarja), C‑60/22, EU:C:2023:373, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li, sa fejn l-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR għandu l-għan li jippreċiża l-portata tal-obbligi li għandu l-kontrollur skont l-Artikolu 5(1)(a) u l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa li huwa bbażat fuq din l-ewwel dispożizzjoni għandu josserva, sabiex ikun legali, kemm ir-rekwiżiti li jirriżultaw minnha kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar u, b’mod partikolari, jissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet ta’ legalità stabbiliti f’dan l-Artikolu 6(1).

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(2)(h) u l-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li pproċessar ta’ data dwar is-saħħa bbażat fuq din l-ewwel dispożizzjoni għandu, sabiex ikun legali, mhux biss josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minnha, iżda għandu jissodisfa wkoll mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet ta’ legalità stabbiliti f’dan l-Artikolu 6(1).

 Fuq ir-raba’ domanda

80      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens previst f’din id-dispożizzjoni jissodisfa mhux biss funzjoni kumpensatorja, iżda wkoll funzjoni dissważiva jew punittiva u, fl-affermattiv, jekk din tal-aħħar għandhiex eventwalment tittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tad-danni mogħtija bħala kumpens għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

81      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 82 tal-GDPR jistabbilixxi li “[k]walunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab”.

82      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li s-sempliċi ksur tal-GDPR ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti dritt għal kumpens, wara li enfasizzat, b’mod partikolari, li l-eżistenza ta’ “dannu materjali” jew “dannu mhux materjali” li jkun ġie “mġarrab” tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tad-dritt għal kumpens previst f’dan l-Artikolu 82(1), bħall-eżistenza ta’ ksur ta’ dan ir-regolament u ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur, peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 32 u 42).

83      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-GDPR ma jinkludix dispożizzjoni li għandha l-għan li tiddefinixxi r-regoli dwar l-evalwazzjoni tad-danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, il-qrati nazzjonali għandhom għal dan l-għan japplikaw, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, ir-regoli interni ta’ kull Stat Membru dwar il-portata tal-kumpens pekunjarju, sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, kif iddefiniti mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 53, 54 u 59).

84      F’dan il-kuntest u fid-dawl tas-sitt sentenza tal-premessa 146 tal-GDPR, li tipprovdi li dan l-istrument huwa intiż li jiżgura “kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu [mġarrab]”, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fid-dawl tal-funzjoni kumpensatorja tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, kumpens pekunjarju bbażat fuq dan l-artikolu għandu jitqies li huwa “sħiħ u effettiv” jekk jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu konkretament imġarrab minħabba l-ksur tal-imsemmi regolament, mingħajr ma jkun neċessarju, għall-finijiet ta’ tali kumpens sħiħ, li jiġi impost il-ħlas ta’ danni punittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 57 u 58).

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 82 tal-GDPR ma għandux funzjoni punittiva iżda kumpensatorja, kuntrarjament għal dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament li jinsabu wkoll fil-Kapitolu VIII tiegħu, jiġifieri l-Artikoli 83 u 84 tiegħu, li għandhom, min-naħa tagħhom, essenzjalment għan punittiv, peress li dawn jippermettu rispettivament li jiġu imposti multi amministrattivi kif ukoll sanzjonijiet oħra. Ir-relazzjoni bejn ir-regoli stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 82 u dawk stabbiliti fl-imsemmija Artikoli 83 u 84 turi li teżisti differenza bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet, iżda wkoll komplementarjetà, f’termini ta’ inċentiv għall-osservanza tal-GDPR, filwaqt li għandu jiġi osservat li d-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal dannu jsaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli ta’ protezzjoni previsti minn dan ir-regolament u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi r-repetizzjoni ta’ aġir illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 38 u 40).

86      Peress li d-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) tal-GDPR ma jissodisfax funzjoni dissważiva, jew saħansitra punittiva, kif prevista mill-qorti tar-rinviju, il-gravità tal-ksur ta’ dan ir-regolament li kkawża d-dannu kkonċernat ma tistax tinfluwenza l-ammont tad-danni mogħtija skont din id-dispożizzjoni, anki fil-każ ta’ dannu mhux materjali iżda morali. Minn dan isegwi li dan l-ammont ma jistax jiġi ffissat f’livell li jeċċedi l-kumpens sħiħ ta’ dan id-dannu.

87      Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens previst f’din id-dispożizzjoni jissodisfa funzjoni kumpensatorja, sa fejn kumpens pekunjarju bbażat fuq l-imsemmija dispożizzjoni għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu konkretament imġarrab minħabba l-ksur ta’ dan ir-regolament, u mhux funzjoni dissważiva jew punittiva.

 Fuq ilħames domanda

88      Mill-elementi trażmessi mill-qorti tar-rinviju, b’risposta għal talba għal kjarifiki li saritilha konformement mal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-ħames domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk l-eżistenza u/jew il-prova ta’ nuqqas humiex kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ir-responsabbiltà tal-kontrollur jew tal-proċessur tkun tista’ tiġi stabbilita, u, min-naħa l-oħra, x’riperkussjoni l-grad ta’ gravità ta’ ħtija tal-kontrollur jew tal-proċessur jista’ jkollu fuq l-evalwazzjoni konkreta tad-danni li għandhom jitħallsu bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab.

89      Fid-dawl ta’ din ir-risposta tal-qorti tar-rinviju, il-ħames domanda għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf, minn naħa, jekk l-Artikolu 82 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-kontrollur huwiex suġġett għall-eżistenza ta’ nuqqas imwettaq minnu u, min-naħa l-oħra, jekk il-grad ta’ gravità ta’ dan in-nuqqas għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tad-danni mogħtija bħala kumpens għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

90      Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din il-kwistjoni, għandu jiġi osservat li, kif tfakkar fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 82(1) tal-GDPR jissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-eżistenza ta’ tliet elementi, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur ta’ dan ir-regolament, l-eżistenza ta’ dannu mġarrab kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan il-ksur u dan id-dannu.

91      L-Artikolu 82(2) tal-GDPR jipprovdi, min-naħa tiegħu, li kwalunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar huwa responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikkostitwixxi ksur ta’ dan ir-regolament. Issa, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tagħha, b’mod partikolari l-verżjoni Ġermaniża li hija l-lingwa tal-kawża f’din il-kawża, ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk il-ksur inkwistjoni għandux ikun imputabbli lill-kontrollur sabiex ikun jista’ jinżamm responsabbli.

92      F’dan ir-rigward, minn analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(2) tal-GDPR jirriżulta li l-kontrollur huwa preżunt li pparteċipa fl-ipproċessar li jikkostitwixxi l-ksur ta’ dan ir-regolament li huwa msemmi. Fil-fatt, filwaqt li l-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Franċiża jew Finlandiża huma fformulati b’mod miftuħ, ċertu numru ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra huma iktar preċiżi u jużaw fattur determinanti dimostrattiv għat-tielet darba li tidher il-kelma “ipproċessar”, jew għat-tielet riferiment għal dan it-terminu, b’tali mod li huwa ċar li din it-tielet okkorrenza jew riferiment jirreferi għall-istess operazzjoni bħat-tieni każ ta’ dan it-terminu. Dan huwa l-każ tal-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Estonjana, Griega, Taljana jew Rumena.

93      L-Artikolu 82(3) tal-GDPR jippreċiża, minn din il-perspettiva, li kontrollur huwa eżenti mir-responsabbiltà taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 82 jekk jagħti prova li bl-ebda mod ma huwa responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu.

94      Għalhekk, minn analiżi magħquda ta’ dawn id-diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82 tal-GDPR jirriżulta li dan l-artikolu jipprevedi sistema ta’ responsabbiltà għal ħtija li fiha l-oneru tal-prova jaqa’, mhux fuq il-persuna li ġarrbet dannu, iżda fuq il-kontrollur.

95      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jagħmel parti minnu dan l-Artikolu 82 kif ukoll mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-GDPR.

96      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-kliem tal-Artikoli 24 u 32 tal-GDPR jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet sempliċement jimponu fuq il-kontrollur l-obbligu li jadotta miżuri tekniċi u organizzattivi intiżi sabiex jiġi evitat, sa fejn ikun possibbli, kull ksur tad-data personali. In-natura xierqa ta’ tali miżuri għandha tiġi evalwata b’mod konkret, billi jiġi eżaminat jekk dawn il-miżuri ġewx implementati mill-kontrollur billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji differenti previsti fl-imsemmija artikoli u l-bżonnijiet ta’ protezzjoni tad-data speċifikament inerenti għall-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll għar-riskji li dan tal-aħħar iġib miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2023, Natsionalna agentsia za prihodite, C‑340/21, EU:C:2023:986, punt 30).

97      Issa, tali obbligu jitqiegħed f’dubju jekk il-kontrollur ikun, sussegwentement, obbligat li jikkumpensa kull dannu kkawżat minn ipproċessar imwettaq bi ksur tal-GDPR.

98      It-tieni nett, fir-rigward tal-għanijiet tal-GDPR, mill-premessi 4 sa 8 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan huwa intiż li jimplimenta bilanċ bejn l-interessi tal-kontrolluri ta’ data personali u d-drittijiet tal-persuni li tiġi pproċessata tali data tagħhom. L-għan huwa li jiġi permess l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali, filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-individwi. Huwa għalhekk l-ibbilanċjar, tal-interessi tal-kontrollur u tal-persuni li d-data personali tagħhom hija pproċessata, li huwa intiż. Issa, mekkaniżmu ta’ responsabbiltà għal ħtija akkumpanjat minn inverżjoni tal-oneru tal-prova, kif jipprevedi l-Artikolu 82 tal-GDPR, jippermetti preċiżament li jiġi żgurat tali bilanċ.

99      Minn naħa, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex konformi mal-għan ta’ tali protezzjoni għolja li wieħed jagħżel interpretazzjoni fis-sens li l-persuni kkonċernati li jkunu ġarrbu dannu minħabba ksur tal-GDPR għandhom, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 82 tiegħu, iġorru l-oneru li jipprovaw mhux biss l-eżistenza ta’ dan il-ksur u tad-dannu li rriżulta għalihom, iżda wkoll l-eżistenza ta’ nuqqas imwettaq mill-kontrollur deliberatament jew b’negliġenza, jew saħansitra l-grad ta’ gravità ta’ dan in-nuqqas, minkejja li l-imsemmi Artikolu 82 ma jifformax tali rekwiżiti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2023, Natsionalna agentsia za prihodite, C‑340/21, EU:C:2023:986, punt 56).

100    Min-naħa l-oħra, sistema ta’ responsabbiltà assoluta ma tiżgurax it-twettiq tal-għan ta’ ċertezza legali li huwa previst mil-leġiżlatur, kif jirriżulta mill-premessa 7 tal-GDPR.

101    Fir-rigward tat-tieni parti tal-ħames domanda, dwar l-iffissar tal-ammont tad-danni eventwalment dovuti skont l-Artikolu 82 tal-GDPR, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dawn id-danni, il-qrati nazzjonali għandhom japplikaw ir-regoli interni ta’ kull Stat Membru dwar il-portata tal-kumpens pekunjarju, sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, kif iddefiniti mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

102    Għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tal-funzjoni kumpensatorja tiegħu, l-Artikolu 82 tal-GDPR ma jirrikjedix li l-grad ta’ gravità tal-ksur ta’ dan ir-regolament, li l-kontrollur huwa preżunt li wettaq, jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tad-danni mogħtija bħala kumpens għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, iżda jeżiġi li dan l-ammont jiġi ffissat b’mod li jikkumpensa b’mod sħiħ id-dannu konkretament imġarrab minħabba l-ksur tal-imsemmi regolament, kif jirriżulta mill-punti 84 u 87 ta’ din is-sentenza.

103    Konsegwentement, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 82 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-kontrollur huwa suġġett għall-eżistenza ta’ nuqqas imwettaq minnu, li huwa preżunt sakemm dan tal-aħħar ma jipprovax li l-fatt li kkawża d-dannu bl-ebda mod ma huwa imputabbli lilu, u, min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 82 ma jeħtieġx li l-grad ta’ gravità ta’ dan in-nuqqas jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tad-danni mogħtija bħala kumpens għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

104    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 9(2)(h) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli għas-sitwazzjonijiet li fihom organu ta’ kontroll mediku jipproċessa data dwar is-saħħa ta’ wieħed mill-impjegati tiegħu fil-kwalità mhux ta’ persuna li timpjega, iżda ta’ servizz mediku, sabiex tiġi evalwata l-kapaċità għax-xogħol ta’ dan l-impjegat, bil-kundizzjoni li l-ipproċessar ikkonċernat jissodisfa l-kundizzjonijiet u l-garanziji espressament imposti minn dan il-punt (h) u mill-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 9.

2)      L-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kontrollur ta’ data dwar is-saħħa, ibbażat fuq l-Artikolu 9(2)(h) ta’ dan ir-regolament, ma huwiex obbligat, skont dawn id-dispożizzjonijiet, li jiggarantixxi li ebda kollega tas-suġġett tad-data ma jkun jista’ jaċċedi għad-data relatata mal-istat ta’ saħħa tiegħu. Madankollu, tali obbligu jista’ jiġi impost fuq il-kontrollur ta’ tali pproċessar jew skont leġiżlazzjoni adottata minn Stat Membru abbażi tal-Artikolu 9(4) tal-imsemmi regolament, jew skont il-prinċipji ta’ integrità u ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(f) tal-istess regolament u kkonkretizzati fl-Artikolu 32(1)(a) u (b) tiegħu.

3)      L-Artikolu 9(2)(h) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa bbażat fuq din l-ewwel dispożizzjoni għandu, sabiex ikun legali, mhux biss josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minnha, iżda għandu jissodisfa wkoll mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet ta’ legalità stabbiliti f’dan l-Artikolu 6(1).

4)      L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

id-dritt għal kumpens previst f’din id-dispożizzjoni jissodisfa funzjoni kumpensatorja, sa fejn kumpens pekunjarju bbażat fuq l-imsemmija dispożizzjoni għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu konkretament imġarrab minħabba l-ksur ta’ dan ir-regolament, u mhux funzjoni dissważiva jew punittiva.

5)      L-Artikolu 82 tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

minn naħa, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-kontrollur huwa suġġett għall-eżistenza ta’ nuqqas imwettaq minnu, li huwa preżunt sakemm dan tal-aħħar ma jipprovax li l-fatt li kkawża d-dannu bl-ebda mod ma huwa imputabbli lilu, u, min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 82 ma jeħtieġx li l-grad ta’ gravità ta’ dan in-nuqqas jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tad-danni mogħtija bħala kumpens għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.