SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

Werrej

 

I. Il‑kuntest ġuridiku

 

II. Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

III. Fuq ir‑rikors

 

A. Fuq l‑ewwel ilment ibbażat fuq l‑assenza ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

B. Fuq it‑tieni lment ibbażat fuq l‑assenza ta’ stabbiliment tal‑għanijiet ta’ konservazzjoni

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

C. Fuq it‑tielet ilment ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ stabbiliment tal‑miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

a) Is‑Siti li, skont il-Kummissjoni, ma huma s-suġġett ta’ ebda miżura ta’ konservazzjoni jew li huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni parzjali

 

b) Is‑siti li, skont il‑Kummissjoni, huma s‑suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex ibbażati fuq l‑għanijiet ta’ konservazzjoni

 

c) Prattika persistenti u sistematika li tikkonsisti fl‑istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex preċiżi biżżejjed u li ma jippermettux li jiġu affaċċjati l‑pressjonijiet u t‑theddid sinjifikattivi kollha

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

a) Osservazzjonijiet preliminari

 

b) Is‑siti li ma huma s‑suġġett ta’ ebda miżura ta’ konservazzjoni jew li huma s‑suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni inkompleti

 

c) Is‑siti li huma s‑suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex ibbażati fuq l‑għanijiet ta’ konservazzjoni

 

d) Prattika persistenti u sistematika li tikkonsisti fl‑istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex preċiżi biżżejjed u li ma jippermettux li jiġu affaċċjati l‑pressjonijiet u t‑theddid sinjifikattivi kollha

 

Fuq l‑ispejjeż

“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku – Artikolu 4(4) u Artikolu 6(1) – Assenza ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni u ta’ stabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni – Assenza jew insuffiċjenza ta’ miżuri ta’ konservazzjoni”

Fil-Kawża C‑444/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fis‑16 ta’ Lulju 2021,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes u M. Noll-Ehlers u, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne, A. Joyce, M. Lane u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn E. Barrington, SC, A. Carroll, BL u M. Gray, SC,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

peress li naqset milli tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin, 217 mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja fir-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku li kienu ġew elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tas‑7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU 2005, L 269M, p. 150), kif aġġornat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/23/KE tat‑12 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku (ĠU 2008, L 12, p. 1) u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/96/KE tat‑12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku (ĠU 2009, L 43, p. 466) (iktar ’il quddiem is-“siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni”);

peress li naqset milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati speċifiċi għal kull sit għal 140 sit mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni, u

peress li naqset milli tadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali indikati fl-Anness I u tal-ispeċi indikati fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43 tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE, tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”), eżistenti fl‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni,

l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

I. Il‑kuntest ġuridiku

2

It-tielet u t-tmien premessa tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdu li:

“Billi, l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; billi l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani.

[…]

Billi jixraq li, f’kull żona nominata, jiġu mħaddma l-miżuri meħtieġa bbażati fuq l-għanjiet ta’ konservazzjoni segwiti”.

3

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

l)

żona speċjali ta’ konservazzjoni tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat”.

4

Skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva:

“Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.”

5

L-Artikolu 3(1) u (2) tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva 79/409/KEE.

2.   Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000 skond ir-rappreżentanza fit-territorju tiegħu tat-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan kull Stat Membru għandu jinnomina, skond l-Artikolu 4, xi siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni waqt li jitqiesu l-għanjiet stabbiliti fil-paragrafu 1.”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdi:

“1.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. Għall-ispeċi akwatiċi mifruxa fuq żoni kbar, dawk is-siti jiġu proposti biss fejn hemm żona li tista’ tkun identifikata b’mod ċar li tirrappreżenta l-fattura fiżiċi u bioloġiċi essenzjali għall-għixien u r-riproduzzjoni tagħhom. Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. Dik l-informazzjoni jrid ikun fiha mappa tas-sit, isimha, il-post, id-daqs u l-fatti magħrufa li jirriżultaw mill-applikar tal-kriterji speċifikati fl-Anness III (Stadju 1) mogħtija f’għamla stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

2.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mid-disgħa reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

L-Istati Membri li s-siti tagħhom li jilqgħu fihom wieħed jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u l-ispeċi ta’ priorità jirrappreżentaw aktar minn 5 % tat-territorju nazzjonali tagħhom jistgħu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jitolbu li l-kriterji mniżżla fl-Anness III (Stadju 2) ikunu mħaddna b’mod iktar flessibbli meta jintagħżlu s-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità fit-territorju tagħhom.

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

3.   Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi stabbilita fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva.

4.   Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

5.   Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

7

Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. […]

[…]”

II. Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

8

Permezz tad-Deċiżjoni 2004/813, il-Kummissjoni adottat lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku, li 413 minnhom jinsabu fit-territorju tal-Irlanda. It-terminu ta’ sitt snin għall-identifikazzjoni ta’ dawn is-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, skada fis‑7 ta’ Diċembru 2010. Din il-lista ġiet aġġornata bid-Deċiżjonijiet 2008/23 u 2009/96, li jgħaqqdu, f’dak li jirrigwarda l-Irlanda, żewġ siti u jżidu fiha 11‑il sit, sabiex iġġib in-numru totali ta’ siti li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għal 423.

9

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ April 2013, il-Kummissjoni talbet lill-Irlanda tipprovdilha informazzjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) kif ukoll mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats u, b’mod partikolari, dwar l-istat ta’ progress tal-identifikazzjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni tas-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni, kif ukoll dwar l-istat ta’ preparazzjoni tal-għanijiet u tal-miżuri ta’ konservazzjoni.

10

Fid-dawl tar-risposta tal-Irlanda, tal‑11 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni qieset li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u bagħtitlu, fis‑27 ta’ Frar 2015, ittra ta’ intimazzjoni.

11

Wara li eżaminat ir-risposta mogħtija mill-Irlanda permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Mejju 2015 kif ukoll permezz ta’ rapporti ta’ progress ippreżentati minn dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ħarġet, fid‑29 ta’ April 2016, opinjoni motivata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, fejn ilmentat li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq:

l-obbligu li, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, jidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin, 401 mis-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni;

l-obbligu li jistabbilixxi, skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal 335 minn dawn is-siti ta’ importanza Komunitarja;

l-obbligu li jadotta, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-imsemmija siti ta’ importanza Komunitarja kollha.

12

Fir-risposta tagħha tas‑27 ta’ Ġunju 2016, l-Irlanda, f’dak li jikkonċerna l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, enfasizzat il-kumplessità tal-proċess ta’ identifikazzjoni tas-siti ta’ importanza Komunitarja bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Dan l-Istat Membru kien jipprevedi għalhekk li jlesti l-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni matul is-sena 2017. Madankollu, huwa qies li s-siti inkwistjoni kienu diġà protetti mil-liġi Irlandiża bħala “siti kandidati għall-identifikazzjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni” (iktar ’il quddiem is-“siti kandidati”).

13

Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Novembru 2018, li l-Irlanda rċeviet fl-istess jum, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata addizzjonali. Hija talbet lill-awtoritajiet Irlandiżi jikkonformaw ruħhom ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċivuha. Hija qieset issa li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dan l-Istat Membru kien jikkonċerna:

255 sit ta’ importanza Komunitarja minħabba n-nuqqas ta’ identifikazzjoni tas-siti ta’ importanza Komunitarja bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni,

198 sit ta’ importanza Komunitarja, f’dak li jirrigwarda n-nuqqas tal-istabbiliment ta’ għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni,

l‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni kollha minħabba n-nuqqas ta’ stabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni.

14

Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Jannar 2019, l-Irlanda indikat li hija kienet tipprevedi li twettaq l-identifikazzjoni tas-siti rimanenti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni u li tistabbilixxi l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal dawn is-siti sa mhux iktar tard mill‑2020 u li dawn kienu diġà protetti bħala siti kandidati. Hija indikat ukoll programm ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni.

15

Permezz ta’ messaġġi elettroniċi tas‑26 ta’ April, tat‑2 ta’ Mejju, tal‑11 ta’ Ottubru u tat‑12 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll tal‑14 ta’ Jannar u tal‑14 ta’ April 2020, l-Irlanda informat lill-Kummissjoni dwar l-istat ta’ progress tal-proċeduri dwar l-identifikazzjoni tas-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni u dwar l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni.

16

Peress li qieset li l-Irlanda ma kinitx, għalhekk, ħadet il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, fis‑16 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Diċembru 2021, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Irlanda.

III. Fuq ir‑rikors

18

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet ilmenti, l-ewwel tnejn, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats u, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Hija tallega, l-ewwel, li 217 mis-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni ma ġewx identifikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, it-tieni, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma ġewx stabbiliti fir-rigward ta’ 140 mis-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni u, it-tielet, li ma ġew stabbiliti l-ebda miżuri ta’ konservazzjoni suffiċjenti għas-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

19

L-Irlanda titlob li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi miċħud. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li intervjeniet insostenn tagħha, madankollu tieħu pożizzjoni biss fir-rigward tat-tielet ilment.

A.   Fuq l‑ewwel ilment ibbażat fuq l‑assenza ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni

1. L‑argumenti tal‑partijiet

20

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, billi naqset milli tidentifika 217‑il sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin mid-dati tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2004/813 u 2009/96.

21

Din l-istituzzjoni tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑415/01, EU:C:2003:118, punti 2223), kif ukoll tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, (C‑535/07, ECLI:EU:C:2010:602, punt 64), dwar iż-żoni ta’ protezzjoni speċjali previsti fid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva 2013/17 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”), tista’ tiġi applikata f’dan il-każ fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni segwiti mid-Direttivi dwar il-habitats u dwar l-għasafar. Permezz tal-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, id-delimitazzjoni ta’ dawn iż-żoni u l-ispeċi protetti għandha tiġi ppubblikata sabiex tibbenefika minn forza vinkolanti indiskutibbli, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali.

22

Kif jirriżulta min-nota tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, tal‑14 ta’ Mejju 2012, l-isem u l-post tas-sit, tal-ispeċi u tat-tipi ta’ habitats li għalihom iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni hija indikata għandhom jiġu indikati b’mod ċar, bl-istess mod bħall-konfini tal-imsemmija żona, l-għan tal-identifikazzjoni, kif ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni applikabbli għal tali żona.

23

L-Irlanda informat lill-Kummissjoni li din l-identifikazzjoni kienet ser issir permezz ta’ atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. Mingħajr ma topponi tali metodu ta’ identifikazzjoni, hija tenfasizza madankollu li din kienet tikkonċerna biss 206 mis-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni fi tmiem it-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata addizzjonali, li minnu kellu jiġi evalwat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, l-Irlanda rrikonoxxiet li kienet identifikat biss 212‑il sit, fosthom sitt siti, jiġifieri Hempton’s Turbot Bank SAC, Porcupine Bank Canyon SAC, South-East Rockall Bank, Codling Fault Zone SAC, Blackwater Bank SAC u West Connacht Coast SAC, li ma jagħmlux parti mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni. Fid-data tal-preżentata tar-rikors, 154 sit għadhom għaddejjin mill-proċess ta’ identifikazzjoni.

24

L-għoti ta’ protezzjoni lis-siti hekk kif jiġu inklużi fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja ma jqigħedx inkwistjoni l-obbligu li jiġu identifikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats.

25

Fir-risposta tagħha, l-Irlanda tfakkar li l-għan ġenerali tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats huwa li tiġi imposta fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi intiżi għaż-żamma, jew għall-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi li huma ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, sabiex jintlaħaq l-għan iktar ġenerali ta’ din id-direttiva li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 106, kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2018, Holohan et, C‑461/17, EU:C:2018:883, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Dan l-Istat Membru jsostni, fl-ewwel lok, li l-miżuri msemmija mill-Kummissjoni u mfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza ttieħdu għas-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni kollha permezz tal-protezzjoni offruta mid-dritt Irlandiż lis-“siti Ewropej” kollha, kunċett tad-dritt Irlandiż li jinkludi wkoll is-siti kandidati u, bl-istess mod, is-siti ta’ importanza Komunitarja. L-għan li huwa li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u sabiex jingħata kontribuzzjoni għall-ħolqien tan-network Natura 2000 kien għalhekk ġie ssodisfatt għas-siti kollha ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

27

Għalhekk, sit kandidat jibbenefika mill-istess protezzjoni bħaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

28

Bħala eżempju, ir-raba’ u l-ħames parti tal-European Communities (Birds and Natural Habitats) Regulations 2011 (ir-Regolamenti tal‑2011 li jittrasponu d-Direttivi tal-għasafar u tal-habitats tal-Komunitajiet Ewropej, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ traspożizzjoni”) jimponu fuq il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, il-Gvern Lokali u l-Wirt Kulturali (iktar ’il quddiem il-“Ministru kompetenti”) ċerti obbligi li jikkonċernaw l-attivitajiet, il-pjanijiet jew il-proġetti li jistgħu jaffettwaw is-siti Ewropej. Għaldaqstant, huma jipproteġu bl-istess mod is-siti, irrispettivament minn jekk ġewx formalment identifikati jew le bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

29

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 28 tar-regolament ta’ traspożizzjoni jimponi fuq il-Ministru kompetenti, meta jqis li attività jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq sit Ewropew, l-obbligu li jipprojbixxi, bħala prinċipju, din l-attività. L-imsemmi regolament jinkludi, għal dan l-għan, lista ta’ attivitajiet suġġetti għal awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom iqisu l-lista tal-attivitajiet suġġetti għal awtorizzazzjoni meta jeżaminaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni taħt kwalunkwe skema leġiżlattiva jew meta jipproponu l-adozzjoni tal-pjanijiet jew tal-proġetti tagħhom stess.

30

Barra minn hekk, il-ħames parti ta’ dan ir-regolament tipprevedi proċedura li permezz tagħha awtorità pubblika twettaq, jekk ikun il-każ, evalwazzjoni xierqa ta’ pjan jew ta’ proġett li fir-rigward tiegħu din l-awtorità pubblika tkun irċeviet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew li hija tixtieq twettaq.

31

Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, l-identifikazzjoni ta’ sit bħala sit kandidat għall-identifikazzjoni tiegħu bħala sit ta’ importanza Komunitarja għandha tkun disponibbli fl-uffiċċju tal-ministru kompetenti, fuq l-internet, u għandha tkun ikkomunikata lill-organi speċifikati, lill-proprjetarji tal-artijiet u lill-popolazzjoni kollha. L-informazzjoni disponibbli b’dan il-mod għandha tinkludi, b’mod partikolari, mappa li tiddefinixxi il-konfini tas-sit, ismu, il-post fejn jinsab u d-daqs tiegħu, kif ukoll ir-raġunament li abbażi tiegħu tkun seħħet l-identifikazzjoni tas-sit bħala sit kandidat għall-identifikazzjoni bħala sit ta’ importanza Komunitarja.

32

Fit-tieni lok, l-Irlanda tenfasizza, bla ħsara għal dak li ntqal iktar ’il fuq, il-kumplessità tal-proċedura ta’ identifikazzjoni formali tas-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, li ħafna drabi tinkludi l-obbligu li l-proprjetarji kkonċernati jiġu informati u li tippermettilhom li joġġezzjonaw għal din l-indikazzjoni, ħaġa li hija essenzjali sabiex jiġu ggarantiti protezzjoni legali. Għalhekk, l-identifikazzjoni formali tas-siti kkonċernati kienet timplika n-neċessità ta’ djalogu ma’ 18 516‑il proprjetarju u li jiġu ttrattati s-674 rikors ippreżentati minn dawn il-proprjetarji.

33

Barra minn hekk, fuq is-siti li għadhom ma ġewx identifikati, 20 sit huma bogs għoljin li t-tmiem tal-proċedura ta’ identifikazzjoni tagħhom jiddependi minn ftehim mal-Kummissjoni dwar is-soluzzjoni ta’ ġestjoni globali tan-network ta’ tali bogs għoljin li hija s-suġġett ta’ djalogu fil-fond mal-imsemmija istituzzjoni.

34

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta li l-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ dawn l‑20 bogs għoljin jiddependi mill-eżitu tad-diskussjonijiet dwar il-mod kif dawn għandhom jiġu amministrati, u tirrileva li, fir-rigward tal-eventwali kumplessità tal-proċess ta’ identifikazzjoni formali fid-dritt Irlandiż, pereżempju n-neċessità li jiġu ttrattati r-rikorsi ppreżentati mill-proprjetarji tal-artijiet, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma jistgħux jeċċepixxu dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tagħhom sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Impjant ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Din l-istituzzjoni tqis li mill-kuntest tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jirriżulta li jeżisti obbligu li jitlesta l-proċess previst f’dan l-artikolu permezz tal-identifikazzjoni ta’ sit bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni. L-interpretazzjoni kuntrarja sottomessa mill-Irlanda għandha t-tendenza li ċċaħħad il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu minn kull effett utli.

36

L-obbligu li jiġu protetti s-siti qabel l-identifikazzjoni tagħhom bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni huwa, barra minn hekk, previst fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva dwar il-habitats.

37

Barra minn hekk, il-protezzjoni offruta lis-siti kandidati skont id-dritt Irlandiż hija inqas minn dik li għandha tiġi offruta liż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, li huma biss ikkonċernati mill-obbligu tal-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

38

Barra minn hekk, din il-protezzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, il-lista tas-siti kandidati tista’ tevolvi skont oġġezzjonijiet ifformulati mill-persuni kkonċernati.

39

Fil-kontroreplika tagħha, l-Irlanda tenfasizza li min-nota tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-proċedura għall-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni taqa’ taħt id-dritt intern tal-Istati Membri. B’mod konformi mal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, l-Irlanda għażlet li tidentifika ż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni billi tathom, bħala siti Ewropej, il-protezzjonijiet kollha meħtieġa.

40

Skont dan l-Istat Membru, l-affermazzjoni tal-evoluzzjoni possibbli tal-perimetru tas-siti qabel l-identifikazzjoni formali ma hijiex issostanzjata. Barra minn hekk, l-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ma tirrendix il-konfini tagħhom definittivi, peress li dawn jistgħu jiġu emendati wara l-klassifikazzjoni tagħhom f’każ ta’ żball xjentifiku.

41

L-interpretazzjoni ppreżentata mill-Irlanda ma ċċaħħadx lill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats mill-effett utli tiegħu. Fil-fatt, id-dritt Irlandiż jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-paragrafu u jiżgura għalhekk il-protezzjoni tas-siti kkonċernati billi jimponi li jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni u li jsiru l-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

42

Il-protezzjoni offruta mil-leġiżlazzjoni Irlandiża lis-siti kandidati tmur lil hinn minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 4(5) tad-Direttiva dwar il-habitats, peress li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-pubblikazzjoni tad-dettalji u tad-daqs tas-sit ikkonċernat, tal-interessi eliġibbli kif ukoll ta’ lista ta’ attivitajiet li jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jiġu implimentati.

43

Fid-data tal-preżentata tal-kontroreplika, l-Irlanda tindika li temmet l-identifikazzjoni formali ta’ 339 mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

44

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-habitats jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu sabiex jikkontribwixxu għall-kostituzzjoni tan-network Natura 2000 skont ir-rappreżentanza, fit-territorji rispettivi tagħhom, tat-tipi ta’ habitats naturali li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva u tal-habitats tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, u li jindikaw, għal dan l-għan, konformement mal-Artikolu 4 tal-istess direttiva u fi tmiem il-proċedura stabbilita minnha, siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

45

Il-proċedura għall-identifikazzjoni tas-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kif prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitats, tiżvolġi f’erba’ stadji. Skont l-Artikolu 4(1), kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li tindika t-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċi indiġeni li fihom u din il-lista għandha tintbagħat lill-Kummissjoni (l-ewwel stadju). Konformement mal-Artikolu 4(2), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, abbozz ta’ lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja, ibbażata fuq il-listi tal-Istati Membri (it-tieni stadju). Fuq il-bażi ta’ dan l-abbozz ta’ lista, il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista tas-siti magħżula (it-tielet stadju). Skont il-paragrafu 4 tal-istess Artikolu 4, ladarba jkun intgħażel sit ta’ importanza Komunitarja, l-Istat Membru kkonċernat għandu jidentifika dan is-sit bħala sit ta’ importanza Komunitarja malajr kemm jista’ jkun u f’terminu massimu ta’ sitt snin, filwaqt li jistabbilixxi l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew għall-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali jew speċi u għall-koerenza ta’ Natura 2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE, C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 37).

46

L-Irlanda ma tikkontestax il-fatt li, fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata addizzjonali, il‑217‑il sit inkwistjoni kollha ma ġewx identifikati formalment bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Hija tinvoka, madankollu, il-fatt li l-protezzjoni li hija toffri lis-siti kandidati hija analoga għall-protezzjoni offruta liż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, b’tali mod li l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-habitats huma ssodisfatti.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Portugiża, dan l-Istat Membru kien ressaq, bħala motiv ta’ difiża, l-argument li l-miżuri u l-programmi ta’ konservazzjoni nazzjonali eżistenti, li jorbtu legalment lill-amministrazzjoni pubblika, japplikaw għas-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni sa mid-data tal-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-lista stabbilita mir-Repubblika Portugiża skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punt 31).

48

Bi tweġiba għal dan l-argument, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punt 35).

49

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-Repubblika Portugiża, billi sostniet il-proċeduri għall-identifikazzjoni tas-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni minn perspettiva formali ma kinux tlestew, ma kinitx qegħda tikkontesta li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, hija kienet għadha ma identifikatx dawn is-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punt 37).

50

Tali raġunament japplika wkoll għall-motiv ta’ difiża invokat mill-Irlanda li l-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni Irlandiża fir-rigward tas-siti ta’ importanza Komunitarja u tas-siti kandidati hija biżżejjed sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats.

51

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata mill-Irlanda, insostenn tar-risposta tagħha għall-ewwel ilment tar-rikors tal-Kummissjoni, li l-leġiżlazzjoni, skont dan l-Istat Membru, tagħti protezzjoni suffiċjenti lis-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni fl-assenza tal-identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, ma hijiex ta’ natura li tissodisfa l-obbligu speċifiku, previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, li jiġu formalment indikati s-siti ta’ importanza Komunitarja bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

52

Fil-fatt, tali obbligu jikkostitwixxi stadju obbligatorju tas-sistema tal-protezzjoni tal-habitats u tal-ispeċi previst minn din id-direttiva.

53

Ma’ dan l-obbligu għandhom jiżdiedu dawk relatati mad-determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, u mal-istabbiliment tal-miżuri ta’ konservazzjoni, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 50).

54

Dan l-aħħar obbligu, għall-Istati Membri, li jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji sabiex jipproteġu ż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, li huwa previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats, huwa distint mill-obbligu formali għal dawn l-Istati, previst fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva, li jidentifikaw is-siti ta’ importanza Komunitarja bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

55

Fir-rigward tal-kumplessità tal-proċedura ta’ identifikazzjoni formali enfasizzata mill-Irlanda, li tirriżulta b’mod partikolari mill-preżentata ta’ rikorsi legali mill-propjetarji tas-siti kkonċernati kontra tali identifikazzjoni, għandu jitfakkar li l-Istati Membri ma jistgħux jeċċepixxu dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tagħhom sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Impjant ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin, 217 mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats.

57

Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jintlaqa’.

B.   Fuq it‑tieni lment ibbażat fuq l‑assenza ta’ stabbiliment tal‑għanijiet ta’ konservazzjoni

1. L‑argumenti tal‑partijiet

58

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats billi naqset milli tistabbilixxi għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni għal 140 mis-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

59

Din l-istituzzjoni tiddeduċi l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni għal kull sit fit-terminu massimu ta’ sitt snin mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 46 sa 52).

60

Fid-data li fiha skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali, l-Irlanda naqset milli twettaq dan l-obbligu fir-rigward ta’ 140 mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

61

Fir-risposta tagħha, l-Irlanda tirrikonoxxi li ma lestietx il-proċedura ta’ identifikazzjoni u ta’ pubblikazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għall‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

62

Dan l-Istat Membru jindika li għamel sforzi kunsiderevoli sabiex jidentifika u jippubblika għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 dewmet it-tlestija tax-xogħlijiet. Fid-data tar-risposta tal-Irlanda, 371 sit għandhom għanijiet ta’ konservazzjoni. Fid-data tal-kontroreplika ta’ dan l-Istat Membru, l-għanijiet ta’ konservazzjoni ġew stabbiliti għas-siti kollha.

63

Fid-dawl tal-progress li sar, ma hemmx ksur sostanzjali tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

64

Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma ssemmix espressament l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni, din id-dispożizzjoni teżiġi, madankollu, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, meta jidentifikaw iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, jistabbilixxu l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat. Issa, l-istabbiliment ta’ dawn il-prijoritajiet jimplika li dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu diġà ġew stabbiliti (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 46).

65

Għalhekk, u billi ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest u l-għan tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, għalkemm minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni u d-determinazzjoni tal-prijoritajiet fil-qasam ta’ konservazzjoni għandhom isiru malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ f’terminu massimu ta’ sitt snin mill-mument li fih sit ta’ importanza Komunitarja jkun intgħażel fil-kuntest tal-proċedura prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, dan it-terminu japplika wkoll għall-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, peress li dawn huma neċessarji sabiex jiġu stabbiliti dawn il-prijoritajiet u għandhom, għaldaqstant, jippreċedu l-istabbiliment tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punti 47 sa 53).

66

Għandu jingħad ukoll li huma biss l-għanijiet speċifiċi u preċiżi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għanijiet ta’ konservazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 59).

67

F’dan il-każ, it-termini ta’ sitt snin li kienu ngħataw lill-Irlanda sabiex tidentifika s-siti li l-lista tagħhom tinsab fid-Deċiżjonijiet 2004/813 u 2009/96, skadew fis‑7 ta’ Diċembru 2007 u fit‑12 ta’ Diċembru 2014 rispettivament.

68

L-Irlanda tirrikonoxxi li, fl-iskadenza tat-terminu previst mill-opinjoni motivata addizzjonali, jiġifieri fid‑9 ta’ Jannar 2019, hija ma kinitx stabbilixxiet fl-ordinament legali nazzjonali l-għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni relatati mal‑140 sit ta’ importanza Komunitarja li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tqajjem it-tieni lment.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ddefinixxietx għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull sit għal 140 mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats.

70

Għaldaqstant, it‑tieni lment għandu jintlaqa’.

C.   Fuq it‑tielet ilment ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ stabbiliment tal‑miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji

1. L‑argumenti tal‑partijiet

71

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Irlanda li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats billi ma adottatx il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji. Qabel kollox, l-ebda miżura ta’ konservazzjoni ma ġiet adottata fir-rigward ta’ 230 sit. Sussegwentement, il-miżuri ta’ konservazzjoni adottati f’149 sit ieħor huma biss frammentarji. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ 44 sit li huma suġġetti għal miżuri ta’ konservazzjoni kompleti ma humiex validi peress li ġew adottati qabel l-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni. Fl-aħħar nett, l-Irlanda qegħda tiġi kkritikata li adottat prattika ġenerali li tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni mhux preċiżi biżżejjed.

a) Is‑siti li, skont il-Kummissjoni, ma huma s-suġġett ta’ ebda miżura ta’ konservazzjoni jew li huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni parzjali

72

Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa kellhom jiġu adottati fit-terminu ta’ sitt snin previst fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva applikabbli għall-identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Hija ssostni li l-miżuri ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom (skont is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669, punt 52, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 76), jiġu stabbiliti u implimentati fil-kuntest ta’ dawn iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni u għalhekk fit-terminu ta’ identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

73

Il-Kummissjoni tqis li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jirriżulta b’mod ċar li l-Istat Membru inkwistjoni għandu jimplimenta miżuri ta’ konservazzjoni għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni kollha tat-territorju tiegħu.

74

Issa, minn naħa, l-Irlanda ma kkomunikatilha ebda miżura ta’ konservazzjoni fir-rigward ta’ 230 sit mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

75

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal‑193 sit rimanenti, li huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, il-Kummissjoni ssostni, fuq il-bażi tas-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), (C‑290/18, EU:C:2020:669, punt 55), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 86) li l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ kull speċi u ta’ kull tip ta’ habitat preżenti f’kull wieħed mis-siti inkwistjoni. Issa, l-Irlanda implimentat miżuri ta’ konservazzjoni biss għal parti mill-ispeċi u/jew mit-tipi ta’ habitats protetti f’149 sit.

76

Il-Kummissjoni tesponi li hija waslet għal din iċ-ċifra billi qabblet in-numru ta’ elementi eliġibbli tas-siti, indikat mill-Irlanda fil-formoli standard ta’ data rilevanti, u n-numru ta’ dawn l-elementi li għalihom l-Irlanda indikat li stabbilixxiet miżuri ta’ konservazzjoni.

77

Il-miżuri indikati mill-Irlanda fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni huma insuffiċjenti sabiex jitnaqqas in-numru ta’ siti suġġetti għal miżuri ta’ konservazzjoni parzjali. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-parti l-kbira ta’ dawn il-miżuri għadhom qegħdin jiġu żviluppati, u jinsabu preċiżament fl-istadju preparatorju. Barra minn hekk, l-Irlanda ma pprovdiet ebda informazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li l-miżuri msemmija jikkompletaw il-miżuri kollha ta’ konservazzjoni u għalhekk ikopru l-elementi kollha tas-siti kkonċernati li huma ta’ interess.

78

Fir-risposta tagħha, l-Irlanda tesponi li hija implimentat miżuri ta’ konservazzjoni globali u ddettaljati permezz ta’ għaxar programmi nazzjonali. L-imsemmija programmi huma mfassla skont it-tipi ta’ habitats u ta’ speċi u mhux skont is-sit. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-imsemmija programmi hija mwettqa b’mod speċifiku għal kull sit. Dawn l-elementi juru li dan l-Istat Membru mhux biss josserva l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, iżda għandu jrid ukoll jissodisfa iktar ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni b’mod pragmatiku billi jiggarantixxi protezzjoni adegwata tal-ispeċi u tal-habitats ikkonċernati.

79

B’mod iktar partikolari, dan l-Istat Membru jindika li adotta miżuri ta’ konservazzjoni kompleti għal 79 sit li jidhru fl-anness tar-risposta u pproduċa l-miżuri adottati għal kampjun ta’ 6 siti bħala eżempju. Miżuri ta’ konservazzjoni tal-inqas parzjali huma fis-seħħ f’diversi siti.

80

L-Irlanda tindika li r-regolament ta’ traspożizzjoni fih miżuri ta’ konservazzjoni sa fejn jimponi awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju ta’ attività u b’hekk huwa intiż sabiex jevita li s-sit inkwistjoni jġarrab ħsara. Għalhekk, kull wieħed mis-siti inkwistjoni huwa s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni.

81

L-Irlanda tirrikonoxxi li l-mod kif l-informazzjoni tiġi trażmessa lill-Kummissjoni jista’ jkun difettuż. Fid-dawl tal-assenza ta’ sistema ċċentralizzata ta’ ġestjoni tad-data sabiex jiddaħħlu l-interventi u l-miżuri ta’ ġestjoni tas-siti inkwistjoni, huwa diffiċli għaliha li tittrasferixxi b’mod eżawrjenti r-riżultati, abbażi ta’ provi, tal-livell lokali ta’ ġestjoni tas-siti lejn il-livell nazzjonali. Hija prevista pjattaforma ċċentralizzata tad-data.

82

Il-Kummissjoni tirrileva li l-10 programmi nazzjonali msemmija mill-Irlanda u l-lista ta’ 79 sit li allegatament huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni kompleti jikkonċernaw biss, flimkien, 137 sit. L-Irlanda tammetti għalhekk li hemm mill-inqas 286 sit mingħajr miżuri ta’ konservazzjoni.

83

Fir-rigward ta’ dawn id-79 sit kif ukoll is-siti addizzjonali msemmija fl-10 programmi nazzjonali invokati mill-Irlanda b’riferiment għall-kontenut tad-dokumenti annessi mar-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li dan l-Istat Membru ma jindikax, fir-risposta tiegħu, f’liema parti tal-annessi hija indirizzata n-natura allegatament “eżawrjenti u kompleta” tal-miżuri ta’ konservazzjoni relatati ma’ dawn id-79 sit, u lanqas ma jirreferi għall-10 programmi, li huwa ġabar fil-qosor f’wieħed minn dawn l-annessi, sabiex jikkonfuta, b’mod partikolari, n-natura inkompleta tal-miżuri ta’ konservazzjoni. Għalhekk, skont l-Artikolu 124(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tinsab f’dawn l-annessi.

84

Barra minn hekk, erba’ minn dawn l-għaxar programmi ġew adottati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali. Mill-anness tar-risposta jirriżulta wkoll li wħud minn dawn il-programmi jkopru biss parzjalment l-elementi eliġibbli tas-siti.

85

Fil-kontroreplika tagħha, l-Irlanda ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats issuġġerita mill-Kummissjoni, li abbażi tagħha din id-dispożizzjoni teżiġi fis-sens li jintwera li miżuri ta’ konservazzjoni jkunu ġew implimentati fis-siti kollha u li dawn il-miżuri ma jaħdmu hija impossibbli u tinjora l-kuntest reali. Din l-interpretazzjoni la ssib bażi fid-direttiva u lanqas fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

86

Il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom bżonn, min-natura tagħhom, aġġustamenti b’tali mod li l-identifikazzjoni ta’ miżuri addizzjonali jew differenti ma hijiex biżżejjed sabiex jintwera nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tal-Irlanda. Ikun biżżejjed li l-Irlanda tiżgura kontinwament sorveljanza tal-miżuri ta’ konservazzjoni implimentati fin-network Natura 2000 kollu, sabiex tiżgura ruħha li t-theddid u l-pressjonijiet li jkunu ġew identifikati għad-diversi siti jittieħdu inkunsiderazzjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikoli 11 u 17 tad-Direttiva dwar il-habitats, li jipprevedu l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni kif ukoll, jekk meħtieġ, l-aġġustament tal-implimentazzjoni tagħhom sabiex tiġi ggarantita l-effettività tagħhom.

87

Il-fatt li l-programmi ta’ konservazzjoni ma humiex espliċitament marbuta mal-konfini tas-siti ma jqigħedx inkwistjoni l-effettività ta’ dawn il-miżuri. Għall-kuntrarju, l-implimentazzjoni ta’ programmi globali, u mhux ta’ miżuri individwali għal kull sit, ikollha konsegwenzi globali fuq il-protezzjoni tal-ispeċi u tal-habitats u tirrifletti l-koordinazzjoni neċessarja tal-azzjonijiet sabiex tiġi indirizzata l-kumplessità tal-għan ta’ konservazzjoni.

88

Bħala anness mal-kontroreplika tagħha, l-Irlanda tipproduċi l-miżuri ta’ konservazzjoni adottati fir-rigward ta’ 6 siti addizzjonali, inklużi fil-lista ta’ 79 sit, u 21 sit relatati farfett il-lejl Rhinolophus hipposideros, kif ukoll elementi addizzjonali li jikkonċernaw il-ftit siti li hija kienet għażlet bħala eżempju fir-risposta tagħha.

89

Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja topponi l-interpretazzjoni li l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jirrigwardaw kull speċi jew kull tip ta’ habitat preżenti fis-siti kkonċernati.

90

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal obbligu li jittieħdu miżuri ta’ konservazzjoni mhux speċifiċi jew individwali għal kull speċi jew tip ta’ habitat, iżda stabbiliti skont ir-rekwiżiti ekoloġiċi ta’ kull speċi u ta’ kull tip ta’ habitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669, punt 55).

91

Fis-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑374/98, EU:C:2000:670, punt 20), li tirrigwarda d-Direttiva dwar l-għasafar, iżda applikabbli għad-Direttiva dwar il-habitats, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-ilment invokat kontra r-Repubblika Franċiża, li abbażi tiegħu l-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali kienu insuffiċjenti fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għal kull speċi ta’ għasafar selvaġġi preżenti fiż-żona kkonċernata minħabba li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, sa fejn kienu jipprevedu l-projbizzjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jippreġudikaw l-integrità tal-bijotopi inkwistjoni, kienu ta’ benefiċċju għall-għasafar kollha li jiffrekwentaw iż-żoni koperti minn din il-leġiżlazzjoni.

92

Skont il-kuntest, jew projbizzjonijiet ġenerali huma suffiċjenti sabiex jiġu evitati r-riskji jew it-theddid prinċipali fis-sit, jew huma neċessarji miżuri ddifferenzjati. Għalhekk ikun eċċessivament formalistiku li jkunu meħtieġa b’mod sistematiku miżuri speċifiċi għal kull żona.

93

Fir-risposta tagħha għan-nota ta’ intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni tiddefendi ruħha minn kull formaliżmu.

94

Din l-istituzzjoni taqbel mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-fatt li miżura ta’ konservazzjoni tista’ tkun immirata lejn diversi elementi jekk dawn ikollhom rekwiżiti ekoloġiċi simili. Madankollu, kull habitat u speċi preżenti fis-sit għandhom jibbenefikaw mill-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa bbażati fuq għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk peress li l-Irlanda kkomunikat miżuri biss għal ġabra ta’ elementi rilevanti.

b) Is‑siti li, skont il‑Kummissjoni, huma s‑suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex ibbażati fuq l‑għanijiet ta’ konservazzjoni

95

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Irlanda li adottat miżuri ta’ konservazzjoni, filwaqt li l-għanijiet ta’ konservazzjoni kienu għadhom ma ġewx stabbiliti għal dak li jikkonċerna l‑44 sit inkwistjoni li kienu s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni kompleti.

96

Skont din l-istituzzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 46 sa 52), li l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni.

97

Minn dan, l-imsemmija istituzzjoni tiddeduċi l-obbligu legali li l-miżuri ta’ konservazzjoni jkunu bbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull sit u ddefiniti b’mod ċar, li jinkludu komponent materjali (l-għanijiet u l-miżuri għandhom ikunu konnessi) u komponent sekwenzjali (l-għanijiet ma għandhomx isegwu l-miżuri). Dan l-approċċ huwa kkonfermat mill-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats fid-dawl tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, li tipprevedi li l-evalwazzjoni tal-proġetti li jistgħu jaffettwaw żona speċjali ta’ konservazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni.

98

Fir-risposta tagħha, l-Irlanda tikkontesta l-interpretazzjoni tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047), issuġġerita mill-Kummissjoni, li hija wisq letterali u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispirtu u l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ma ġie stabbilit l-ebda għan ta’ konservazzjoni. Għandha ssir distinzjoni bejn tali każ u dak li fih l-għanijiet ta’ konservazzjoni ġew stabbiliti wara l-istabbiliment tal-miżuri ta’ konservazzjoni.

99

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni żżid li l-fatt li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jippreċedu l-miżuri ta’ konservazzjoni huwa neċessarju fid-dawl tal-għan u tal-iskop tad-Direttiva dwar il-habitats. Fil-fatt, l-għanijiet ta’ konservazzjoni jiddefinixxu l-parametri li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-miżuri ta’ konservazzjoni jilħqux dawn l-għanijiet. Jekk l-għanijiet ta’ konservazzjoni jiġu stabbiliti wara l-miżuri ta’ konservazzjoni, ikun hemm riskju li dawn l-għanijiet jirriflettu biss miżuri ta’ konservazzjoni ddefiniti minn qabel.

100

Fil-kontroreplika tagħha, l-Irlanda tenfasizza li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni twassal sabiex jitwarrbu l-miżuri ta’ konservazzjoni implimentati mill-Istati Membri għall-finijiet tad-Direttiva dwar il-habitats minħabba l-fatt li dawn huma preċedenti għall-pubblikazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni.

101

Issa, il-miżuri ta’ konservazzjoni inkwistjoni huma bbażati fuq evalwazzjoni xierqa tat-theddid u tal-pressjonijiet.

102

Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis, hija wkoll, li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ma kienx preċedenti għall-istabbiliment tal-miżuri ta’ konservazzjoni. L-element deċiżiv li fid-dawl tiegħu għandu jiġi evalwat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni, indipendentement mid-data li fiha jiġu adottati.

103

Interpretazzjoni oħra timponi, b’mod purament formali, li jerġgħu jittieħdu miżuri ta’ konservazzjoni minkejja li l-miżuri adottati huma effikaċi u jkunu jissodisfaw kompletament il-kriterji materjali tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. L-impożizzjoni ta’ dan ir-rekwiżit formali tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 213) li tipprovdi li l-element prinċipali huwa li l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji jittieħdu b’mod effettiv.

104

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipperċepixxi kontradizzjoni fir-raġunament tal-Kummissjoni. Minn naħa, din l-istituzzjoni tqis li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jiġu stabbiliti mill-mument meta sit jiġi identifikat bħala sit ta’ importanza Komunitarja. Min-naħa l-oħra, hija tammetti li għall-istabbiliment ta’ dawn l-għanijiet jiġi applikat it-terminu ta’ 6 snin previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats.

105

Fir-risposta tagħha għan-nota ta’ intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ssostni li l-ipoteżi, li fiha l-miżuri ta’ konservazzjoni, adottati qabel l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, jissodisfaw dawn l-għanijiet, tkun sempliċi koinċidenza. Għall-kuntrarju, ikun hemm riskju li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ex post ma jissodisfawx il-funzjoni tagħhom ta’ determinazzjoni tal-kontribuzzjoni potenzjali ta’ sit għan-network Natura 2000 peress li jirriflettu sempliċement l-ambizzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni eżistenti li ma kinux ibbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni u, għaldaqstant, ma kinux ibbażati fuq l-għan ġenerali segwit mid-Direttiva dwar il-habitats, jiġifieri ż-żamma u l-istabbiliment mill-ġdid ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Din il-problema hija enfasizzata meta, bħal f’dan il-każ, il-miżuri jkunu sistematikament preċedenti għall-istabbiliment tal-għanijiet.

106

L-imsemmija istituzzjoni tiċħad, barra minn hekk, kull kontradizzjoni fl-interpretazzjoni tagħha. L-ordni imposta mid-Direttiva dwar l-habitats issegwi l-formulazzjoni tal-Artikoli 4 u 6 ta’ din id-direttiva.

c) Prattika persistenti u sistematika li tikkonsisti fl‑istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex preċiżi biżżejjed u li ma jippermettux li jiġu affaċċjati l‑pressjonijiet u t‑theddid sinjifikattivi kollha

107

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom ikunu ċari u preċiżi. Miżuri ġeneriċi, ta’ orjentazzjoni jew li jeħtieġu miżuri ta’ konkretizzazzjoni għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom ma humiex suffiċjenti (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 7778 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

108

Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi wkoll rekwiżit kwalitattiv, jiġifieri li dawn il-miżuri għandhom jippermettu li jiġu indirizzati l-pressjonijiet jew it-theddid prinċipali kollha.

109

F’dan il-każ, il-miżuri ta’ konservazzjoni implimentati mill-Irlanda huma, b’mod sistematiku u persistenti, mhux preċiżi u ddettaljati biżżejjed sabiex jaffaċċjaw il-pressjonijiet u t-theddid importanti kollha.

110

Il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 258 TFUE, tikkonstata li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva ma ġewx osservati peress li prattika ġenerali li tmur kontrihom tkun ġiet adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li tagħhom l-imsemmija sitwazzjonijiet speċifiċi jikkostitwixxu, jekk ikun il-każ, l-eżempju (sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 27).

111

Għaldaqstant, din l-istituzzjoni ssostni, abbażi ta’ evalwazzjoni kwalitattiva ta’ firxa wiesgħa ta’ siti Irlandiżi li huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni eżistenti, li l-miżuri ta’ konservazzjoni fis-seħħ fis-siti Irlandiżi kienu b’mod sistematiku u persistenti ta’ kwalità insuffiċjenti peress li ma kinux preċiżi u ddettaljati biżżejjed, jew peress li kienu insuffiċjenti sabiex jindirizzaw il-pressjonijiet u theddid sinjifikattivi kollha.

112

Il-Kummissjoni turi dan in-nuqqas sistematiku permezz ta’ evalwazzjoni ddettaljata bbażata fuq żewġ tipi ta’ habitats prijoritarji importanti li jidhru f’firxa wiesgħa ta’ siti Irlandiżi, jiġifieri, minn naħa, il-laguni kostali kif ukoll bogs għoljin, u, min-naħa l-oħra, speċi partikolarment mhedda, il-perla tal-ilma ħelu.

113

Dawn l-eżempji huma rappreżentattivi u, konsegwentement, juru ksur ġenerali u persistenti mill-Irlanda tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. Dawn jikkonċernaw numru kbir ta’ siti, li ntgħażlu b’mod partikolari minħabba l-istat ta’ konservazzjoni sfavorevoli jew ħażin tagħhom irrilevati fir-rapporti tal-Irlanda stabbiliti skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva u minħabba l-importanza tal-habitats u tal-ispeċi inkwistjoni, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li l-Irlanda tospita parti kbira mill-bogs għoljin u perli ta’ ilma ħelu. Fl-aħħar nett, it-tqassim ġeografiku tas-siti eżaminati huwa rappreżentattiv tal-konfigurazzjoni ġeografika tan-network tas-siti ta’ importanza Komunitarja u taż-żoni speċjali ta’ protezzjoni fl-Irlanda.

114

Il-Kummissjoni tesponi, għalhekk, qabel kollox, l-eżempju tal-laguni kostali, li għalihom ġew ikkomunikati b’mod partikolari l-miżuri ta’ konservazzjoni ta’ “sedimentazzjoni ta’ xaħx” u ta’ “immersjoni” kif ukoll dawk ta’ “ġestjoni tal-livelli tal-ilma”. Dawn il-miżuri ma humiex speċifiċi biżżejjed f’termini kwantitattivi u ta’ indikazzjoni tal-atturi responsabbli jew tal-attivitajiet li għandhom jiġu implimentati u, b’mod partikolari, ma jindirizzawx il-pressjoni relatata mat-tniġġis tal-ilma.

115

Il-firxa wiesgħa ta’ pressjonijiet fuq dan it-tip ta’ habitat u l-insuffiċjenza ta’ dawn il-miżuri huma kkonfermati mir-rapport magħmul mill-Irlanda matul is-sena 2019 skont id-Direttiva dwar il-habitats, li jgħid li l-istat tal-laguni huwa ħażin u qiegħed jiddeterjora.

116

Il-Kummissjoni mbagħad tieħu l-eżempju ta’ bogs għoljin. Il-miżuri ta’ konservazzjoni tas-siti kkonċernati huma ġeneriċi wisq. F’dan il-kuntest, din l-istituzzjoni tiċċita elementi bħall-“ġbir mekkaniku tal-art imxarrba”, l-“estrazzjoni tal-art imxarrba”, il-“ħruq”, id-“deforestazzjoni”, ir-“ragħa”, il-“ġestjoni forestali ġenerali”, il-“ġestjoni tal-livelli tal-ilma”, il-“konsegwenzi oħra marbuta ma’ attivitajiet turistiċi u ta’ rikreazzjoni”, il-“kaċċa”, it-“tneħħija tal-arbuxxelli”, it-“tneħħija/il-kontroll tal-ispeċi veġetali”, kif ukoll l-“istallazzjoni ta’ reċint”.

117

Mir-rapport tal-Irlanda għas-sena 2013 skont id-Direttiva dwar il-habitats jirriżulta li dawn il-miżuri huma ffokati fuq it-theddida li tirrappreżenta r-ragħa żejda, iżda ma jindirizzawx biżżejjed il-pressjonijiet u theddid sinjifikattiv ieħor fuq il-bogs għoljin, bħal, kif jirriżulta mir-rapport tal-Irlanda għas-sena 2019, l-impjanti ta’ mtieħen tar-riħ u infrastrutturi oħra, il-qtugħ tal-art imxarrba, l-erożjoni, il-ħruq, l-afforestazzjoni, l-attivitajiet agrikoli li jwasslu għal depożitu ta’ nitroġenu jew għad-dranaġġ. Dawn ir-rapporti jindikaw li l-istat ta’ dawn il-bogs għoljin huwa ħażin u f’deterjorament.

118

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tieħu l-eżempju tas-siti ta’ protezzjoni tal-perla tal-ilma ħelu, u tqis li l-miżuri ta’ konservazzjoni ta’ dawn is-siti jirreferu, b’mod ġeneriku ħafna, għall-“iskariki”, għall-“eliminazzjoni tal-iskart domestiku”, għat-“tniġġis tal-ilma” jew għall-“irrigazzjoni” mingħajr ma huma previsti miżuri ta’ konservazzjoni b’termini kwantitattivi, atturi responsabbli jew kalendarji.

119

Barra minn hekk, hija tqis li dawn il-miżuri ma jindirizzawx il-pressjonijiet, identifikati mill-Irlanda, li jirriżultaw mit-“tniġġis imxerred tal-ilma tal-wiċċ dovut għall-attivitajiet agrikoli u forestali”, mill-“estrazzjoni ta’ ilma tal-wiċċ għall-provvista pubblika ta’ ilma”, ta’ “nirien” jew ta’ “tħawwil forestali fuq artijiet miftuħa”.

120

Il-miżuri tal-proġett KerryLIFE, li għalih tirreferi l-Irlanda fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata addizzjonali tal-Kummissjoni, huma insuffiċjenti, b’mod partikolari minħabba li ma jirrimedjawx għall-pressjoni eżerċitata mill-forestrija fis-siti kkonċernati. L-Irlanda tirreferi wkoll għall-proġett ta’ Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni li jikkonċerna seba’ siti ta’ protezzjoni tal-perla tal-ilma ħelu, iżda ma tipprovdix informazzjoni dwar il-mod kif il-miżuri assoċjati jindirizzaw kull waħda mill-pressjonijiet u mit-theddid prinċipali li l-ispeċi inkwistjoni taffaċċja f’dawn is-siti.

121

Ir-rapport imfassal mill-Irlanda għas-sena 2019 skont id-Direttiva dwar il-habitats jikkonferma l-pressjonijiet eżerċitati fuq l-imsemmija siti u juri l-insuffiċjenza tal-miżuri ta’ konservazzjoni tagħhom, peress li l-istat globali ta’ dawn tal-aħħar hemmhekk huwa evalwat bħala wieħed ħażin u fi “stat ta’ deterjorament”.

122

Fir-risposta tagħha, l-Irlanda tesponi, bħala eżempju, li pjanijiet ta’ stabbiliment mill-ġdid u ta’ drenaġġ speċifiċi għal kull sit ġew elaborati għan-network kollu ta’ bogs għoljin tal-Irlanda identifikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, fosthom it‑53 sit inkwistjoni, u miżuri ta’ konservazzjoni huma attwalment implimentati f’dan in-network kollu. Il-miżuri ta’ konservazzjoni esposti f’kull pjan huma maħsuba sabiex jintlaħqu, għal kull żona speċjali ta’ konservazzjoni, l-għanijiet previsti mill-għan ta’ konservazzjoni speċifiku għas-sit għall-habitat “bogs għoljin attivi” li jinsab fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats. Dawn il-pjanijiet huma attwalment implimentati b’applikazzjoni ta’ diversi partijiet tal-programm ta’ konservazzjoni tal-bogs għoljin.

123

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-ispjegazzjonijiet sommarji li jinsabu fir-risposta u l-annessi tagħha ma jurux li l-miżuri meħuda huma suffiċjentement preċiżi u ddettaljati għat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċi msemmija f’dan l-ilment. L-Irlanda naqset milli tippreċiża “min qiegħed jagħmel xiex, fejn u meta”, u jekk il-miżuri meħuda humiex suffiċjenti sabiex jiġu indirizzati l-pressjonijiet u t-theddid essenzjali kollha.

124

Barra minn hekk, fost is‑6 siti msemmija fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, li jagħmlu parti mid‑79 sit li fir-rigward tagħhom l-Irlanda tallega li adottat miżuri ta’ konservazzjoni kompleti, is-sit Carrownagappul Bog SAC huwa wieħed mis-siti ta’ bogs għoljin li għalihom il-pjanijiet ta’ stabbiliment mill-ġdid għadhom fl-istat ta’ proġett u s-sit Slieve Bloom Mountains jikkonċerna bogs għoljin, li jeħtieġ stabbiliment mill-ġdid attiv u li għalih għadu ma tfassal l-ebda pjan ta’ stabbiliment mill-ġdid.

125

L-assenza ta’ miżuri ta’ konservazzjoni intiżi sabiex jiġu indirizzati l-problemi maħluqa mill-forestrija fil-baċir ta’ siti fejn jeżistu perli tal-ilma ħelu hija, min-naħa tagħha, ikkorroborata mill-aħħar analiżi xjentifika fuq l-ispeċi u l-konservazzjoni tiegħu. Il-proġett KerryLIFE huwa kkritikat peress li ma ppermettiex li jiġu stabbiliti mill-ġdid żoni li ġew imnaddfa għall-forestrija.

126

Fil-kontroreplika tagħha, l-Irlanda tenfasizza x-xogħol tagħha ta’ titjib tal-miżuri ta’ konservazzjoni. Dan l-Istat Membru jqis li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jirrikjedix li l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom neċessarjament jindirizzaw it-theddid u l-pressjonijiet kollha għal sit f’mument partikolari.

127

Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-livell ta’ kompletezza u ta’ preċiżjoni meħtieġ mill-Kummissjoni u topponi t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti stabbiliti mill-Irlanda abbażi tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-habitats sabiex jintwera dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

128

Fir-rigward tan-natura eżawrjenti tal-miżuri, xi drabi jkun possibbli, permezz ta’ sempliċi projbizzjoni ġenerali tat-twettiq ta’ atti jikkawżaw ħsara, li jiġu evitati r-riskji u t-theddid prinċipali kollha. Li jinħtieġ b’mod ġenerali li miżuri speċifiċi u xierqa għal kull żona għandhom dejjem jittieħdu għal kull theddida jew għal kull speċi jew habitat naturali huwa purament formaliżmu.

129

Fir-rigward tal-livell ta’ preċiżjoni, dan l-Istat Membru jqis li ma għandux jiġi dedott mir-rekwiżit ta’ miżuri ta’ konservazzjoni ċari u preċiżi li dawn għandhom dejjem jinkludu għanijiet kwantitattivi, termini għal aġir jew jispeċifikaw “min għandu jagħmel xiex, fejn u meta”.

130

Fil-fatt, mis-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑508/04, EU:C:2007:274, punt 76), jirriżulta li d-Direttiva dwar il-habitats timponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji u tillimita l-eventwali possibbiltajiet regolamentari jew deċiżjonali tal-awtoritajiet nazzjonali għall-mezzi li għandhom jiġu implimentati u għall-għażliet tekniċi li għandhom isiru fil-kuntest tal-imsemmija miżuri. Barra minn hekk, fis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 60), dwar id-Direttiva dwar l-għasafar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-direttiva, billi torbot lil kull Stat Membru destinatarju fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza dwar il-forma u l-mezzi ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva.

131

Fir-rigward tal-użu magħmul mir-rapporti stabbiliti mill-Irlanda abbażi tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-habitats, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li dawn ir-rapporti ma jirreferux speċifikament għas-sitwazzjoni tas-siti inkwistjoni, iżda għat-territorju kollu kkonċernat. Għaldaqstant, minn dan ma tistax tinsilet konklużjoni dwar l-effettività tal-miżuri meħuda fis-siti inkwistjoni.

132

Barra minn hekk, l-iżviluppi osservati f’dawn ir-rapporti jistgħu jirriżultaw mill-fatt li dawn huma popolazzjonijiet u ekosistemi naturali bi fluttwazzjoni kultant għolja (minħabba n-natura) jew dinamika proprja, li tista’, barra minn hekk, tissaħħaħ, tiġi sovrapposta jew imfixkla minn diversi influwenzi antropoġeniċi, li mhux dejjem jistgħu jiġu kkumpensati minn miżuri speċifiċi għaż-żoni protetti.

133

Fir-risposta tagħha għan-nota ta’ intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ssostni li huwa ċertament possibbli li miżura ta’ konservazzjoni timmira lejn diversi elementi jekk dawn ikollhom rekwiżiti ekoloġiċi simili. Madankollu, il-problema li tikkonċerna ħafna siti Irlandiżi kienet li l-Irlanda, f’dak li jirrigwarda ħafna siti, kkomunikat miżuri biss għal numru ta’ elementi rilevanti.

134

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesponi li l-marġni ta’ diskrezzjoni mħolli lill-Istati Membri fil-mezzi ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni huwa limitat. Qabel kollox, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jirriżulta li l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jindirizzaw il-pressjonijiet jew it-theddid prinċipali kollha li jistgħu jaffettwaw it-tipi ta’ habitats u l-ispeċi eżistenti fis-sit. Imbagħad, il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom ikunu ċari u preċiżi. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri ta’ konservazzjoni kienu insuffiċjenti jekk kienu ta’ natura ġenerika u ta’ orjentazzjoni jew jekk dawn kienu jeħtieġu miżuri ta’ konkretizzazzjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni effettiva tagħhom (sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punt 55, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 82). Il-kwalità tal-miżuri ta’ konservazzjoni, inkluża l-preċiżjoni tagħhom, ma titħalliex għall-evalwazzjoni libera tal-Istati Membri.

135

Barra minn hekk, ir-rapport stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-habitats jindika li l-istat ta’ konservazzjoni għat-tipi ta’ habitats “laguni kostali” u “bogs għoljin”, kif ukoll għal speċi partikularment mhedda, il-perla tal-ilma ħelu, jirreġistraw tendenza ta’ “deterjorament” fi ħdan in-network Natura 2000. Għalhekk, huwa jirreferi espressament għas-sitwazzjoni fiż-żoni Natura 2000.

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a) Osservazzjonijiet preliminari

136

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats jissuġġetta lill-Istati Membri għal sensiela ta’ obbligi u jipprevedi proċeduri speċifiċi maħsuba sabiex jiġu żgurati, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi ta’ interess għall-Unjoni, bil-għan li jintlaħaq l-għan iktar ġenerali ta’ din id-direttiva li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fir-rigward tas-siti protetti taħt din id-direttiva (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Holohan et, C‑461/17, EU:C:2018:883, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, għal kull żona speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva u tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva li jinsabu fis-sit ikkonċernat (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 207).

138

L-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats, inkluż l-obbligu li jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv u permezz ta’ miżuri kompleti, ċari u preċiżi (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u Protezzjoni taż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni), C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

139

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie kkonstatat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-Irlanda naqset milli tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin, 217 mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni. Issa, il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandhom jiġu stabbiliti u implimentati fil-kuntest ta’ dawn iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u Protezzjoni taż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punt 52).

140

Il-fatt li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats li tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni s-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni, ma jeliminax, fir-rigward ta’ dawn l-istess siti, l-obbligu ta’ stabbiliment tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva u l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-aħħar obbligu (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u Protezzjoni taż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punt 52 sa 54).

b) Is‑siti li ma huma s‑suġġett ta’ ebda miżura ta’ konservazzjoni jew li huma s‑suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni inkompleti

141

Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika minn din tal-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (Impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi), C‑22/20, EU:C:2021:669, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142

Madankollu, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw lill-Kummissjoni t-twettiq tal-missjoni tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari skont l-Artikolu 17(1) TUE, fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet abbażi tiegħu. B’mod partikolari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni korretta fil-prattika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ direttiva, il-Kummissjoni, li ma għandhiex setgħat investigattivi proprji f’dan il-qasam, tiddependi ħafna fuq il-provi prodotti minn eventwali lanjanti kif ukoll mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (Impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi), C‑22/20, EU:C:2021:669, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet provi suffiċjenti li juru ċerti fatti, huwa l-Istat Membru li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat id-data hekk ippreżentata (sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 44).

144

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tallega li l-Irlanda ma kkomunikatilha ebda miżura ta’ konservazzjoni fir-rigward ta’ 230 sit mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni. Barra minn hekk, hija tafferma, abbażi tal-paragun imsemmi fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li, fost il‑193 tas-siti rimanenti, li għalihom jeżistu miżuri ta’ konservazzjoni, 149 sit ma humiex is-suġġett ta’ miżuri kompleti, li jkopru kull speċi u kull tip ta’ habitat preżenti b’mod sinjifikattiv.

145

B’risposta għal dan l-argument, minn naħa, l-Irlanda ssostni li l-miżuri ta’ konservazzjoni huma implimentati permezz ta’ għaxar programmi nazzjonali mfassla skont it-tipi ta’ habitat u ta’ speċi, kif ukoll mil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni, li tipprovdi awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju ta’ attività li jista’ jkollha konsegwenzi sinjifikattivi jew dannużi jew deterjorament ta’ sit ta’ importanza Komunitarja.

146

Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru jindika li adotta miżuri ta’ konservazzjoni kompleti għal 79 mis-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

147

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-imsemmi regolament ta’ traspożizzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats iqassam il-miżuri fi tliet kategoriji, jiġifieri l-miżuri ta’ konservazzjoni, il-miżuri ta’ prevenzjoni u l-miżuri kumpensatorji, rispettivament previsti fil-paragrafi 1, 2 u 4 ta’ dan l-artikolu (sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 33).

148

Il-paragrafi (2) u (3) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedu rispettivament l-obbligu li jiġi evitat id-deterjorament tas-siti u l-evalwazzjoni xierqa tal-pjanijiet u tal-proġetti li jistgħu jaffettwaw is-siti b’mod sinjifikattiv. L-għan ta’ dawn iż-żewġ paragrafi huwa għalhekk li jiġu protetti s-siti minn deterjorament.

149

Għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats, jista’ ikun neċessarju li jittieħdu kemm miżuri intiżi sabiex jiġu evitati d-danni u l-problemi esterni kkawżati mill-bniedem kif ukoll miżuri intiżi sabiex jiġu evitati żviluppi naturali li jistgħu jiddeterjoraw l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi u ta’ habitats naturali fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 34).

150

Il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jistgħux, iktar u iktarm bħala prinċipju, ikunu limitati għall-miżuri intiżi sabiex jevitaw il-ħsara u t-tfixkil estern ikkawżati mill-bniedem u għandhom jinkludu, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri proattivi pożittivi għaż-żamma jew għall-istabbiliment mill-ġdid fi stat ta’ konservazzjoni tas-sit.

151

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ta’ traspożizzjoni, li jillimita ruħu li jipprevedi awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju ta’ attività li jista’ jkollha konsegwenzi sinjifikattivi jew dannużi jew deterjorament ta’ sit ta’ importanza Komunitarja, ma huwiex biżżejjed sabiex ikunu ssodisfatti l-obbligi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

152

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-10 programmi nazzjonali ppreparati mill-Irlanda skont it-tipi ta’ habitats u ta’ speċi, kif ukoll il-lista ta’ 79 sit li għalihom dan l-Istat Membru jallega li adotta miżuri ta’ konservazzjoni kompleti, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li l-informazzjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dan l-Istat Membru ma hijiex biżżejjed sabiex tikkonfuta l-argument tal-Kummissjoni li ma jeżistux miżuri ta’ konservazzjoni għall‑230 sit li huma s-suġġett ta’ dan l-ilment.

153

It-tieni, l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Irlanda ma tippermettix li jiġi stabbilit li l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru jinkludu, għall‑193 sit kollha msemmija fil-punt 144 ta’ din is-sentenza u lil hinn mill‑44 sit li l-Kummissjoni taċċettah, sistematikament miżuri ta’ konservazzjoni stabbiliti skont l-eżiġenzi ekoloġiċi ta’ kull speċi u ta’ kull tip ta’ habitat preżenti f’dawn is-siti. Issa, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jeżiġi li l-miżuri ta’ konservazzjoni jiġu stabbiliti skont ir-rekwiżiti ekoloġiċi ta’ kull speċi u ta’ kull tip ta’ habitat preżenti f’kull wieħed mis-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u Protezzjoni taż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punt 55).

154

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, minn naħa, billi naqas milli jadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni għal 230 mill‑423 sit ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, billi naqas milli jadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni kompleti għal 149 mill‑193 sit rimanenti.

c) Is‑siti li huma s‑suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex ibbażati fuq l‑għanijiet ta’ konservazzjoni

155

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi, peress li l-identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar tippreżupponi l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 49).

156

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju fil-kuntest tal-istabbiliment tal-prijoritajiet u tal-miżuri ta’ konservazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 50).

157

Minn dan jirriżulta li l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni jikkostitwixxi stadju obbligatorju u neċessarju bejn l-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 52).

158

Ċertament, kif jirriżulta mill-punti 64 sa 70 ta’ din is-sentenza u mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 42 sa 61), l-assenza ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi u preċiżi għandha titqies li tikkostitwixxi ksur tal-obbligi imposti fuq dan l-Istat, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats.

159

Madankollu, kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 85 sa 88 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva ma jeżiġix li l-miżuri ta’ konservazzjoni jiġu adottati b’mod imperattiv wara l-adozzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni.

160

Xorta jibqa’ l-fatt li, anki fil-każ fejn l-imsemmija għanijiet huma ddefiniti wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni, huwa neċessarju li dawn il-miżuri jissodisfaw dawn l-għanijiet.

161

Issa, f’din il-kawża, fir-rigward tal‑44 sit li hija tqis li kienu s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni kompleti, il-Kummissjoni ma wrietx li l-miżuri ta’ konservazzjoni konkreti, adottati mill-Irlanda, ma jikkorrispondux għal għanijiet ta’ konservazzjoni ddefiniti wara l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

162

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li ġew adottati miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni qabel ma ġew iddefiniti l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, b’tali mod li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, għall‑44 sit ikkonċernati, li l-miżuri ta’ konservazzjoni adottati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni.

d) Prattika persistenti u sistematika li tikkonsisti fl‑istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex preċiżi biżżejjed u li ma jippermettux li jiġu affaċċjati l‑pressjonijiet u t‑theddid sinjifikattivi kollha

163

Għandu jitfakkar li d-Direttiva dwar il-habitats timponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa, li jeskludi kull tip ta’ marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward lill-Istati Membri u jillimata l-eventwali possibbiltajiet regolamentari jew deċiżjonali tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-mezzi għall-implimentazzjoni u tal-għażliet tekniċi li għandhom isiru fil-kuntest tal-imsemmija miżuri (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑508/04, EU:C:2007:274, punt 76).

164

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tippreżenta, bħala eżempju, tliet eżempji li jkopru, fil-fehma tagħha, firxa wiesgħa ta’ siti, u li huma relatati ma’ żewġ tipi ta’ habitats ta’ prijorità, jiġifieri l-laguni kostali u l-bogs għoljin, kif ukoll speċi ta’ prijorità, jiġifieri l-perla tal-ilma ħelu, sabiex turi li l-miżuri ta’ konservazzjoni adottati u applikati fl-Irlanda huma, b’mod sistematiku u persistenti, ta’ kwalità insuffiċjenti, peress li ma humiex preċiżi u ddettaljati biżżejjed jew huma insuffiċjenti sabiex jiġu indirizzati l-pressjonijiet u t-theddid importanti kollha.

165

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Kummissjoni li tissodisfa, f’kull każ, l-oneru tal-prova li jistrieħ fuqha, xejn ma jwaqqafha a priori milli tfittex simultanjament li jiġu kkonstatati n-nuqqasijiet li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva minħabba l-attitudni tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet konkreti, li huma identifikati b’mod speċifiku, u li jiġu kkonstatati n-nuqqasijiet għall-imsemmija dispożizzjonijiet minħabba li dawn l-awtoritajiet ikunu adottaw prattika ġenerali li tmur kontrihom ġiet adottata minn dawn l-awtoritajiet, li tagħhom l-imsemmija sitwazzjonijiet speċifiċi jikkostitwixxu, jekk ikun il-każ, l-eżempju (sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 27).

166

Meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet biżżejjed provi li juru li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru żviluppaw prattika repetuta u persistenti li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, huwa dan l-Istat Membru li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat l-informazzjoni hekk ipprovduta u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 47).

167

Fl-istess ħin, fid-dawl tal-obbligu impost fuqha li tipprova n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, il-Kummissjoni ma tistax, bl-iskuża li tikkritika lill-Istat Membru kkonċernat dwar nuqqas ta’ twettiq ġenerali u persistenti tal-obbligi imposti fuq dan tal-aħħar skont id-dritt tal-Unjoni, ma tosservax dan l-obbligu li tipproduċi l-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat abbażi ta’ elementi konkreti li jikkaratterizzaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li hija tinvoka u tibbaża ruħha fuq sempliċi preżunzjonijiet jew kawżali skematiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Bactérie Xylella fastidiosa), C‑443/18, EU:C:2019:676, punt 80).

168

Dan ir-rikors jirrigwarda 423 sit ta’ importanza Komunitarja tar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku.

169

L-imsemmi reġjun huwa kkaratterizzat minn numru kbir ta’ siti li huma s-suġġett tal-ilment imqajjem mill-Kummissjoni u, kif jirriżulta mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, minn diversità kbira tal-ispeċi u tal-habitats preżenti f’dawn is-siti.

170

F’każ bħal dan, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 167 ta’ din is-sentenza, hija l-Kummissjoni li għandha turi, kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-eżempji tal-ispeċi u tal-habitats ippreżentati minn din l-istituzzjoni, insostenn tal-ilment intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ġenerali u persistenti ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-habitats, huma rappreżentattivi għas-siti kollha ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

171

Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova msemmi fil-punt preċedenti.

172

Ċertament, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni sostniet li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali, hija qieset, abbażi ta’ evalwazzjoni kwalitattiva ta’ firxa wiesgħa ta’ siti Irlandiżi li huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni eżistenti, li l-miżuri ta’ konservazzjoni fis-seħħ kienu b’mod sistematiku u persistenti ta’ kwalità insuffiċjenti peress li ma kinux preċiżi u ddettaljati biżżejjed, jew peress li kienu insuffiċjenti sabiex jindirizzaw il-pressjonijiet u t-theddid sinjifikattivi kollha.

173

Madankollu, la fir-rikors u lanqas fir-replika tagħha l-Kummissjoni ma wriet suffiċjentement skont il-liġi, permezz ta’ argumenti u informazzjoni preċiża, ċara u ddettaljata biżżejjed, li l-eżempji li hija tippreżenta bħala eżempju, jiġifieri, f’dan il-każ, il-laguni kostali, il-bogs għoljin, kif ukoll il-perla tal-ilma ħelu, huma rappreżentattivi għas-siti kollha ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

174

B’mod partikolari, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li t-tqassim ġeografiku tas-siti eżaminati jirrappreżenta l-konfigurazzjoni ġeografika tan-network tas-siti ta’ importanza Komunitarja u taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni fl-Irlanda, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward għall-Annessi A.21 u A.22 tar-rikors tagħha li jinkludu mapep tal-Irlanda. Issa, l-eżami ta’ dawn il-mapep ma jippermettix fih innifsu, fl-assenza ta’ interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-informazzjoni li tinsab fihom, ippreżentata fir-rikors b’mod preċiż, iddettaljat u eżawrjenti, li tinsilet konklużjoni fir-rigward tal-punt dwar sa fejn it-tliet eżempji msemmija fil-punt preċedenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala rappreżentattivi għas-siti kollha ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

175

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni li l-miżuri ta’ konservazzjoni implimentati mill-Irlanda kienu b’mod ġenerali, sistematiku u persistenti ta’ kwalità insuffiċjenti, peress li ma kinux preċiżi u ddettaljati biżżejjed jew minħabba li kienu insuffiċjenti sabiex jindirizzaw il-pressjonijiet u theddid sinjifikattivi kollha, ma jistax jintlaqa’.

176

Konsegwentement, it-tielet ilment huwa fondat biss sa fejn l-Irlanda ma adottatx il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali msemmija fl-Anness I u tal-ispeċi msemmija fl-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitats għall‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni.

177

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li:

billi naqset milli tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin, 217 mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats;

billi ma ddefinixxietx għanijiet iddettaljati ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull sit għal 140 mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats;

billi naqset milli tadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali msemmija fl-Anness I u tal-ispeċi msemmija fl-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitats preżenti fl‑423 sit ta’ importanza Komunitarja inkwistjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

178

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Fuq l‑ispejjeż

179

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Irlanda tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

180

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi naqset milli tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin, 217 mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja li kienu ġew elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tas‑7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku, kif aġġornat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/23/KE tat‑12 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/96/KE tat‑12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE, tat‑13 ta’ Mejju 2013.

 

2)

Billi naqset milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati speċifiċi għal kull sit għal 140 sit mill‑423 sit ta’ importanza Komunitarja indikati fil-punt 1 tad-dispożittiv, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2013/17.

 

3)

Billi naqset milli tadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali indikati fl-Anness I u tal-ispeċi indikati fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17, eżistenti fl‑423 sit ta’ importanza Komunitarja indikati fil-punt 1 tad-dispożittiv, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/43, kif emendata.

 

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

5)

L-Irlanda hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

6)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.