SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ April 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Regolament (UE) Nru 1151/2012 – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) – Emenda fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott – Ħjar tal-pikles tal-iSpreewald (il‑Ġermanja) ‘Spreewälder Gurken (IGP)’ – Emendi li ma humiex minuri – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għat-talba għal emenda – Rikors kontra d-deċiżjoni li tilqa’ din it-talba – Kunċett ta’ ‘interess leġittimu’”

Fil-Kawża C‑53/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

Hengstenberg GmbH & Co. KG

kontra

Spreewaldverein eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Spreewaldverein eV, minn D. Terheggen, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou, A. Vasilopoulou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u C. Mosser, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Drexel, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis, B. Hofstötter u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1), moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Hengstenberg GmbH & Co. KG u Spreewaldverein eV, assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdanha l-produtturi kollha ta’ ħjar tal-pikles “Spreewälder Gurken (IGP)” (ħjar tal-pikles tal-iSpreewald (il‑Ġermanja), li għalihom hija rreġistrata indikazzjoni ġeografika protetta, rigward talba għal emenda tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ dan il-prodott, ippreżentata quddiem id-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem id-“DPMA”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92

3

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal‑14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4) kien jipprovdi:

“Kull persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu tista’ toġġezzjona għar-reġistrazzjoni proposta billi tibgħat dikjarazzjoni sostanzjata lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn jgħix jew huwa stabbilit. L-awtorità kompetenti għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra dawn il-kummenti jew l-oġġezzjoni fit-termini ta’ żmien stipulati.”

Ir-Regolament (KE) Nru 510/2006

4

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal‑20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 335M, p. 213, rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 74 u fil-ĠU 2011, L 293, p. 38), kien ifformulat kif ġej:

“Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu, hija stabbilita jew residenti fi Stat Membru ieħor minbarra dak li qed japplika għar-reġistrazzjoni jew f’pajjiż terz, tista’ toġġezzjona wkoll għar-reġistrazzjoni proposta billi tippreżenta dikjarazzjoni debitament sostanzjata.

[…]”

Ir-Regolament Nru 1151/2012

5

Il-premessi 17 sa 20 u 39 tar-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxu:

“(17)

L-ambitu tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għandu jkun limitat għal prodotti li għalihom teżisti rabta intrinsika bejn il-karatteristiċi tal-prodott jew tal-oġġett tal-ikel u l-oriġini ġeografika. L-inklużjoni fl-iskema preżenti ta’ ċerti tipi ta’ ċikkulata biss bħala prodotti tal-ħelu hija anomalija li għandha tiġi kkoreġuta.

(18)

L-objettivi speċifiċi tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi huma li jinkiseb dħul ġust għall-bdiewa u l-produtturi għall-kwalitajiet u l-karatteristiċi ta’ prodott partikolari, jew tal-mod ta’ produzzjoni tiegħu, u li jipprovdu informazzjoni ċara dwar il-prodotti li jkollhom karatteristiċi speċifiċi marbutin mal-oriġini ġeografika, u b’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati ta’ xiri.

(19)

Li fl-Unjoni [Ewropea] kollha jiġi żgurat rispett uniformi għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali marbutin ma’ ismijiet li huma protetti fl-Unjoni huwa prijorità li tista’ tintlaħaq b’mod aktar effettiv fil-livell tal-Unjoni.

(20

Qafas tal-Unjoni li jipproteġi d-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi billi jipprevedi l-inklużjoni tagħhom f’reġistru jiffaċilita l-iżvilupp ta’ dawk l-istrumenti, għaliex l-approċċ aktar uniformi li jirriżulta jkun jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi tal-prodotti li fuqhom ikollhom dawk l-indikazzjonijiet u jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-prodotti f’għajnejn il-konsumatur. Għandu jkun hemm provvediment għall-iżvilupp tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-livell tal-Unjoni u għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ mekkaniżmi għall-protezzjoni tagħhom f’pajjiżi terzi fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (WTO) jew ta’ ftehimiet multilaterali u bilaterali, sabiex b’hekk isir kontribut għar-rikonoxximent tal-kwalità tal-prodotti u tal-mudell ta’ produzzjoni tagħhom bħala fattur li jżid il-valur.

[…]

(39)

Sabiex jiġi evitat li jinħolqu kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li mhumiex ġusti, kwalunkwe produttur, inkluż produttur ta’ pajjiż terz, għandu jkun jista’ juża isem irreġistrat ta’ speċjalità tradizzjonali garantita, dejjem jekk il-prodott konċernat ikun konformi mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni rilevanti u l-produttur ikun kopert minn sistema ta’ kontrolli. Għal speċjalitajiet tradizzjonali garantiti prodotti ġewwa l-Unjoni, is-simbolu tal-Unjoni għandu jkun indikat fuq it-tikketta u għandu jkun possibli li jiġi assoċjat mal-indikazzjoni ‘Speċjalità tradizzjonali garantita”.

6

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Objettivi”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu l-għan li jgħin lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel jikkomunikaw lix-xerrejja u lill-konsumaturi l-karatteristiċi tal-prodotti u l-attributi tal-biedja ta’ dawk il-prodotti u oġġetti tal-ikel, u b’hekk jiżgura:

(a)

kompetizzjoni ġusta għall-bdiewa u għall-produtturi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li jkollhom karatteristiċi u attributi li jżidu l-valur;

(b)

id-disponibbiltà għall-konsumaturi ta’ informazzjoni affidabbli li tappartjeni għal dawk il-prodotti;

(c)

rispett għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali; u

(d)

l-integrità tas-suq intern.

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma maħsubin biex jappoġġaw attivitajiet agrikoli u ta’ pproċessar kif ukoll is-sistemi tal-biedja assoċjati ma’ prodotti ta’ kwalità għolja, u b’hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika għall-iżvilupp rurali”.

7

L-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, ‘indikazzjoni ġeografika’ huwa isem li jidentifika prodott:

(a)

li joriġina f’post speċifiku, f’reġjun jew f’pajjiż;

(b)

li l-kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikulari tiegħu tista’ essenzjalment tiġi attribwita lill-oriġini ġeografika tiegħu; u

(c)

li jkollu għall-inqas waħda mill-fażijiet tal-produzzjoni tiegħu li sseħħ fiż-żona ġeografika ddefinita.”

8

L-Artikolu 10(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 51(2) għandha tkun ammissibbli biss jekk tasal għand il-Kummissjoni [Ewropea] fil-limitu taż-żmien stabbilit f’dak il-paragrafu u jekk hija:

(a)

turi li l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 u fl-Artikolu 7(1) ma jkunux ġew sodisfatti;

(b)

turi li r-reġistrazzjoni tal-isem propost tmur kontra l-Artikolu 6(2), (3) jew (4);

(c)

turi li r-reġistrazzjoni tal-isem propost thedded l-eżistenza ta’ isem li jkun kompletament jew parzjalment identiku jew ta’ trademark jew l-eżistenza ta’ prodotti li jkunu legalment fis-suq għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 50(2); jew

(d)

tagħti dettalji li permezz tagħhom wieħed jista’ jikkonkludi li l-isem li għalih qed tintalab ir-reġistrazzjoni huwa terminu ġeneriku”.

9

L-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“2.   Fejn l-applikazzjoni taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu II tkun relattiva għal żona ġeografika fi Stat Membru, jew fejn applikazzjoni taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu III tkun imħejjija minn grupp stabbilit fi Stat Membru, l-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru.

L-Istat Membru għandu jiskrutinja bir-reqqa l-applikazzjoni b’mezzi adatti sabiex jivverifika li din hija ġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva.

3.   Bħala parti mill-iskrutinju msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jagħti bidu għal proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali li tiżgura pubblikazzjoni adegwata tal-applikazzjoni u li tipprovdi għal perijodu raġonevoli taż-żmien li matulu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tiegħu tkun tista’ tressaq oppożizzjoni għall-applikazzjoni.

L-Istat Membru għandu jeżamina l-ammissibbiltà tal-oppożizzjonijiet riċevuti taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu II fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 10(1), jew l-ammissibbiltà ta’ oppożizzjonijiet riċevuti taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu III fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 21(1).

4.   Jekk, wara li jivvaluta kull oppożizzjoni li jkun irċieva, l-Istat Membru jqis bħala li ġew sodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, huwa jista’ jieħu deċiżjoni favorevoli u jippreżenta dossier ta’ applikazzjoni lill-Kummissjoni. F’tali każ huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-oppożizzjonijiet ammissibbli riċevuti minn xi persuna naturali jew ġuridika li tkun legalment ikkummerċjalizzat il-prodotti inkwistjoni, bl-użu tal-ismijiet ikkonċernati b’mod kontinwu għal mill-anqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

L-Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha opportunità biex tagħmel appell.

[…]”

10

L-Artikolu 51(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura ta’ oppożizzjoni”, jipprevedi:

“Fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita f’pajjiż terz jistgħu jippreżentaw avviż ta’ oppożizzjoni lill-Kummissjoni.

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, li tkun stabbilita jew residenti fi Stat Membru ieħor għajr dak minn fejn tkun saret l-applikazzjoni, tista’ tippreżenta avviż ta’ oppożizzjoni lill-Istat Membru li fih tkun stabbilita fil-limiti ta’ perijodu taż-żmien li jippermetti li tiġi ppreżentata oppożizzjoni taħt l-ewwel subparagrafu.

[…]”

11

L-Artikolu 53(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Grupp li jkollu interess leġittimu jista’ japplika għall-approvazzjoni ta’ emenda fi speċifikazzjoni ta’ prodott.

L-applikazzjonijiet għandhom jiddeskrivu u jagħtu raġunijiet għall-emendi mitlubin.

2.   Fejn l-emenda tkun tinvolvi emenda waħda jew aktar għall-ispeċifikazzjoni li ma jkunux minuri, l-applikazzjoni għall-emenda għandha ssegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 49 sa 52.

[…]

Biex emenda titqies bħala waħda minuri fil-każ tal-iskema tal-kwalità deskritta fit-Titolu II, din ma għandhiex:

[…]

(d)

taffettwa ż-żona ġeografika definita; jew […]

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

12

Il-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni tal-persuni li għandhom “interess leġittimu” fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u fil-proċedura applikabbli għat-talbiet ta’ emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti li jibbenefikaw minn tali indikazzjonijiet huma previsti, fid-dritt Ġermaniż, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 130(4) u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 133 tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (Markengesetz) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Trade marks u Sinjali Distintivi Oħra), tal‑25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl 1994 I, p. 3082, iktar ’il quddiem il-“MarkenG”), moqrija flimkien mal-Artikolu 132(1) ta’ dan.

13

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 130(4) tal-MarkenG, kull persuna li għandha “interess leġittimu” u li hija stabbilita jew residenti fit-territorju Ġermaniż tista’ tiddikjara l-oppożizzjoni tagħha għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta quddiem id-DPMA f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni ta’ din l-applikazzjoni.

14

Barra minn hekk, skont dawn l-indikazzjonijiet, l-Artikolu 132(1) tal-MarkenG, li jirreferi għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, jipprevedi li t-tieni sentenza tal-Artikolu 130(4) tal-MarkenG tapplika, mutatis mutandis, għat-talbiet għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodotti li jibbenefikaw minn indikazzjoni ġeografika protetta.

15

Il-qorti tar-rinviju tispjega, barra minn hekk, li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 133 tal-MarkenG, moqrija flimkien mal-Artikolu 132(1) tagħha, jekk id-DPMA tadotta, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 130(5) tal-MarkenG, moqrija flimkien mal-Artikolu 132(1) tagħha, deċiżjoni li tiddikjara li t-talba għal emenda tal-ispeċifikazzjoni hija konformi mal-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1151/2012 u mad-dispożizzjonijiet adottati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dan ir-regolament, ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni huwa miftuħ għal kull persuna li tkun iddikjarat l-oppożizzjoni tagħha għal din l-applikazzjoni fit-termini preskritti jew li l-“interess leġittimu” tagħha huwa affettwat mill-imsemmija deċiżjoni minħabba l-emenda ppubblikata skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 130(5) tal-MarkenG.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

L-isem “Spreewälder Gurken (IGP)” huwa rreġistrat fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti tal-Kummissjoni bħala indikazzjoni ġeografika protetta għall-“frott, ħaxix u ċereali”, kif inhuma jew ipproċessati, mid‑19 ta’ Marzu 1999.

17

Fit‑18 ta’ Frar 2012, Spreewaldverein ressqet talba għal emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat quddiem id-DPMA, intiża għall-modifika tal-metodu ta’ manifattura ta’ dawn il-ħjar tal-pikles, b’mod partikolari bl-użu ta’ ċerti addittivi tal-ikel.

18

Wara l-pubblikazzjoni, fit‑22 ta’ Awwissu 2014, ta’ din it-talba għal emenda, Hengstenberg iddikjarat, fis‑16 ta’ Ottubru 2014, l-oppożizzjoni tagħha għaliha.

19

Permezz tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2015, id-DPMA ddeċidiet li l-imsemmija talba għal emenda tal-ispeċifikazzjonijiet kienet konformi mar-Regolament Nru 1151/2012.

20

Hengstenberg ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi, il-Ġermanja) li din tal-aħħar ċaħdet minħabba li, minn naħa, Hengstenberg ma kinitx iġġustifikat “interess leġittimu”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 133 tal-MarkenG, moqrija flimkien mal-Artikolu 132(1) tagħha, u, min-naħa l-oħra, li dan l-appell, fi kwalunkwe każ, ma kienx fondat. Madankollu, il-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi) awtorizzat li jiġi ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju.

21

Il-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi) qieset li kellha ssir distinzjoni bejn żewġ każijiet, skont jekk l-oppożizzjoni hijiex iddikjarata kontra applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta jew jekk din hijiex iddikjarata kontra talba għal emenda tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li jibbenefika minn tali indikazzjoni, sitwazzjoni li fiha l-persuni li ma humiex stabbiliti fiż-żona ġeografika kkonċernata u li ma humiex awtorizzati jużaw l-isem protett ma jiġġustifikawx, fil-fehma tagħha, l-“interess leġittimu” meħtieġ. La l-fatt li jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti li huma s-suġġett ta’ indikazzjoni ġeografika protetta u lanqas is-sitwazzjoni ġenerali tas-suq u tal-kompetizzjoni ma jistgħu jkunu ta’ bażi għal tali “interess leġittimu”.

22

Il-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi) ikkonkludiet li l-uniċi persuni li jistgħu jiġu affettwati minn allegat żvalutament ta’ indikazzjoni ġeografika protetta jew minn ħsara għar-reputazzjoni jew għar-reputazzjoni tal-prodott ikkonċernat wara emenda fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar kienu l-produtturi stabbiliti fiż-żona ġeografika tal-oriġini.

23

Adita bl-appell mis-sentenza tal-Bundespatentgericht, (il-Qorti Federali tal-Privattivi), il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tindika, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta r-Regolament Nru 1151/2012, li r-rikors kontra deċiżjoni li tiddikjara li t-talba għal emenda tal-ispeċifikazzjoni hija konformi mal-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament huwa miftuħ għal kull persuna li tkun iddikjarat l-oppożizzjoni tagħha għal din it-talba għal emenda fit-termini previsti jew li l-“interess leġittimu” tagħha huwa affettwat mid-deċiżjoni li tilqa’ l-imsemmija talba.

24

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ “interess leġittimu”, li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012 u li għandu jiġi ssodisfatt minn kull persuna li tippreżenta rikors kontra deċiżjoni li tilqa’ talba għal emenda mhux minuri ta’ speċifikazzjonijiet tal-prodott ma huwiex, fil-preżent, iddefinit fid-dritt tal-Unjoni.

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu dwar il-legalità ta’ talba għal emenda tal-ispeċifikazzjoni ta’ prodott li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ stħarriġ bħal dawk irriżervati għal kull att definittiv li, adottat mill-istess awtorità nazzjonali, jista’ jikkawża preġudizzju għad-drittijiet li t-terzi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni.

26

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk, fil-proċedura applikabbli għal talba għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta, kull persuna fiżika jew ġuridika affettwata ekonomikament, b’mod reali jew potenzjali, mingħajr madankollu ma teċċedi kull plawżibbiltà, tistax tiġġustifika l-“interess leġittimu” meħtieġ sabiex tiġi ddikjarata oppożizzjoni għal tali talba jew sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni li tilqagħha, peress li definizzjoni daqstant wiesgħa tista’ tmur kontra r-rekwiżit tan-natura leġittima ta’ tali interess u ma tippermettix li jiġu ddelimitati b’mod suffiċjentement preċiż id-drittijiet ta’ oppożizzjoni u ta’ rikors korrispondenti.

27

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kunċett ta’ “interess leġittimu” għandux jiġi interpretat fis-sens li huma biss l-operaturi li jipproduċu prodotti jew prodotti tal-ikel paragunabbli ma’ dawk li għalihom indikazzjoni ġeografika protetta hija rreġistrata li jiġġustifikaw tali interess. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-grupp ta’ operaturi li jistgħu jiġġustifikaw “interess leġittimu”, il-kriterju tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni konkreta jista’ jiġi applikat.

28

Kuntrarjament għall-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi), il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-istabbiliment ta’ produttur fiż-żona ġeografika kkonċernata ma għandux jitqies bħala l-kriterju deċiżiv sabiex persuna tiġġustifika interess leġittimu li tiddikjara oppożizzjoni għal talba għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjoni ta’ prodott li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta, sa fejn l-osservanza ta’ tali speċifikazzjonijiet ta’ prodott għandha tkun tista’ wkoll tintalab minn produtturi kompetituri li ma humiex stabbiliti f’din iż-żona ġeografika, meta din l-emenda mhux minuri tkun tippreżenta r-riskju li l-kwalità jew ir-reputazzjoni tal-prodott ma tibqax marbuta mal-oriġini ġeografika tiegħu bi ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1151/2012.

29

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kliem stess tar-Regolament Nru 1151/2012 ma jsostnix l-approċċ li l-kunċett ta’ “interess leġittimu” għandu jiġi interpretat b’mod differenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta u fil-kuntest tal-proċedura applikabbli għat-talbiet għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjoni ta’ prodott li jibbenefika minn tali indikazzjoni.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fil-kuntest ta’ proċedura għal emenda fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li tinvolvi emendi li ma humiex minuri, kwalunkwe impatt ekonomiku fuq persuna fiżika jew ġuridika, reali jew potenzjali, li madankollu ma jmurx lil hinn minn kull probabbiltà, huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit l-interess leġittimu għall-finijiet ta’ oppożizzjoni għat-talba għal emenda jew sabiex jitressaq appell mid-deċiżjoni favorevoli mogħtija fir-rigward ta’ din l-applikazzjoni, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012?

2)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Fil-kuntest ta’ proċedura għal emenda fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li tinvolvi emendi li ma humiex minuri, il-kunċett ta’ interess leġittimu, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2), moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom tali interess leġittimu biss l-operaturi li jipproduċu prodotti jew oġġetti tal-ikel paragunabbli ma’ dawk li huma prodotti mill-operaturi li għall-benefiċċju tagħhom tkun irreġistrata indikazzjoni ġeografika protetta?

3)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda:

(a)

Fir-rigward tar-rekwiżiti marbuta mal-interess leġittimu fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, għandha ssir distinzjoni bejn il-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikoli 49 sa 52 ta’ dan ir-regolament, minn naħa, u l-proċedura għal emenda fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt prevista fl-Artikolu 53 tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra?

(b)

Konsegwentement, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ emenda tal-ispeċifikazzjoni li tinvolvi emendi li ma humiex minuri, il-kunċett ta’ interess leġittimu, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss il-produtturi li jipproduċu jew li jipprevedu b’mod konkret li jipproduċu prodotti konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott fiż-żona ġeografika kkonċernata, b’tali mod li ma huwiex eskluż minn qabel dan l-interess leġittimu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “interess leġittimu”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura applikabbli għat-talbiet għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta, kull persuna fiżika jew ġuridika affettwata ekonomikament, b’mod reali jew potenzjali, mingħajr madankollu ma teċċedi kull plawżibbiltà, mill-emendi mitluba tista’ tiġġustifika l-“interess leġittimu” meħtieġ sabiex issir oppożizzjoni għat-talba għal emenda magħmula jew għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tilqa’ din it-talba.

32

Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-talbiet għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma, abbażi tar-riferiment mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, suġġetti għall-istess proċedura bħal dik applikabbli għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, GAEC Jeanningros, C‑785/18, EU:C:2020:46, punt 29), b’tali mod li l-kunċett ta’ “interess leġittimu”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu, jitlob interpretazzjoni identika, kemm jekk il-proċedura mibdija tkun proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta kif ukoll jekk tkun proċedura ta’ talba għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li jibbenefika minn tali indikazzjoni.

33

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “interess leġittimu”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett la huwa ddefinit f’dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament.

34

Madankollu, huwa paċifiku li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti kif ukoll l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni.

35

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, kif ukoll tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li jista’ jeżerċita dritt ta’ oppożizzjoni u ta’ appell “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu”.

36

Għalkemm l-użu tal-kliem “interess leġittimu” ma jipprovdix indikazzjoni fir-rigward tal-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jressqu oppożizzjoni fil-kuntest tal-proċedimenti nazzjonali ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta jew għat-talbiet għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li jibbenefika minn tali indikazzjoni, iż-żieda tal-kliem “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika” mal-imsemmija dispożizzjonijiet tagħti x’tifhem madankollu li l-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jagħti tifsira stretta ta’ dan iċ-ċirku. Madankollu, minn din il-formulazzjoni jirriżulta b’mod ċar li dan l-“interess leġittimu” ma huwiex irriżervat biss għall-operaturi li jipproduċu prodotti jew prodotti tal-ikel paragunabbli ma’ dawk li jipproduċu l-operaturi li l-prodotti tagħhom jibbenefikaw mill-indikazzjoni ġeografika protetta kkonċernata u lanqas għal dawn il-produtturi tal-aħħar bl-esklużjoni tal-oħrajn kollha.

37

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxi sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi, fis-sens li, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li jiġi rreġistrat isem bħala indikazzjoni ġeografika protetta tista’ tittieħed mill-Kummissjoni biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ressqilha applikazzjoni għal dan il-għan u li tali applikazzjoni tista’ ssir biss jekk dan l-Istat Membru jkun ivverifika li din kienet iġġustifikata. Din is-sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi hija spjegata b’mod partikolari mill-fatt li r-reġistrazzjoni tippreżupponi l-verifika li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, u dan jirrikjedi, b’mod sinjifikattiv, għarfien iddettaljat ta’ elementi partikolari marbuta mal-Istat Membru kkonċernat, elementi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat huma fl-aħjar pożizzjoni li jivverifikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, GAEC Jeanningros, C‑785/18, EU:C:2020:46, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Barra minn hekk, mill-Artikolu 49(3) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012 jirriżulta li huwa l-Istat Membru li għandu janalizza l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fid-dawl tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, huwa previst fil-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni li dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni hija ammissibbli meta hija turi li r-reġistrazzjoni jew il-modifika tal-isem propost jippreġudikaw l-eżistenza ta’ denominazzjoni jew trade mark preċedenti, jew l-eżistenza ta’ prodotti li jinsabu legalment fis-suq għal mill-inqas ħames snin qabel id-data prevista fl-Artikolu 50(2)(a) tal-imsemmi regolament.

39

Għaldaqstant, minn dak li jippreċedi jirriżulta li, sa fejn l-istħarriġ tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew ta’ emenda mhux minuri ta’ indikazzjoni ġeografika protetta jaqa’ essenzjalment fuq l-Istat Membru kkonċernat, huwa partikolarment neċessarju li tinfetaħ b’mod wiesa’ l-possibbiltà għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jibbenefikaw jew, għall-kuntrarju, isofru minn perspettiva ekonomika tar-reġistrazzjoni jew tal-emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjoni ta’ prodott li joġġezzjonaw għaliha sabiex l-argumenti tagħhom ikunu jistgħu jiġu eżaminati matul il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni.

40

Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1151/2012.

41

Minn naħa, mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri fid-dawl tal-premessi 17, 18 u 20 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jistabbilixxi sistemi ta’ kwalità li jikkontribwixxu sabiex il-kwalità tal-prodotti u l-mod ta’ produzzjoni tagħhom jiġu rrikonoxxuti bħala fatturi ta’ valur miżjud.

42

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessi 20 u 39 tiegħu, jirriżulta li l-istess regolament huwa intiż ukoll sabiex jipprevjeni l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni żleali.

43

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012 huma intiżi sabiex jiġi evitat użu abbużiv tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetta, u dan mhux biss fl-interess tax-xerrejja, iżda wkoll fl-interess tal-produtturi li għamlu sforz sabiex jiggarantixxu l-kwalitajiet mistennija mill-prodotti li għandhom legalment tali indikazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-premessa 19 ta’ dan ir-regolament tesponi li r-rispett uniformi fl-Unjoni kollha tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali marbutin ma’ ismijiet li huma protetti fl-Unjoni huwa prijorità li tista’ tintlaħaq b’mod iktar effettiv fil-livell tal-Unjoni. Issa, tali għan jimmilita wkoll favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “interess leġittimu”. Tali rispett uniformi jippreżupponi, fil-fatt, li l-kontroll tal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta jew ta’ emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjoni ta’ prodott li jibbenefika minn tali protezzjoni jsir b’mod uniformi minn Stat Membru għal ieħor, li jmur kontra interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “interess leġittimu”. Tali interpretazzjoni tikkontradixxi l-possibbiltà offruta lil persuna stabbilita fi Stat Membru partikolari li tressaq oppożizzjoni quddiem il-Kummissjoni kontra applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew għal emenda mhux minuri relatata ma’ indikazzjoni ġeografika li taqa’ taħt it-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

45

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ interess leġittimu hija l-iktar xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, għaliex tiggarantixxi li ċirku kbir ta’ persuni jista’ jinkoraġġixxi, permezz ta’ oppożizzjoni jew ta’ rikors, ir-rispett tal-kwalità għolja u tal-metodu ta’ produzzjoni ta’ prodotti speċifiċi, filwaqt li jipprekludi lill-produtturi li l-prodotti tagħhom huma koperti minn denominazzjoni rreġistrata milli jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv permezz tat-tnaqqis tar-regoli ta’ kwalità wara r-reġistrazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija l-iktar waħda li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tkun informata sabiex tiddetermina, fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew it-talba għal emenda mhux minuri tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa u tivverifika jekk il-karatteristiċi tal-prodotti jew tal-prodotti tal-ikel għandhomx rabta inerenti ma’ territorju.

46

Fl-aħħar nett, sa fejn it-talba għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjoni ta’ prodott li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta tista’, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 53(2)(d) tar-Regolament Nru 1151/2012, tirrigwarda l-perimetru taż-żona ġeografika li fuqha hija bbażata l-indikazzjoni kkonċernata, l-interpretazzjoni li tgħid li huma biss il-produtturi stabbiliti f’din iż-żona ġeografika li jistgħu jiġġustifikaw “interess leġittimu” sabiex jopponu għal din l-emenda ċċaħħad lill-produtturi stabbiliti sa dak iż-żmien barra mill-imsemmija żona ġeografika, iżda li jirrifjutaw li jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ speċifikazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, mid-dritt li jopponu emenda li tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-metodu ta’ produzzjoni tal-prodotti tagħhom.

47

Fir-raba’ lok, l-imsemmija interpretazzjoni hija sostnuta mill-oriġini tar-Regolament Nru 1151/2012.

48

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 2081/92, li tħassar bir-Regolament Nru 510/2006, hu stess imħassar bir-Regolament Nru 1151/2012 jirriżulta li d-dritt ta’ oppożizzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kien miftuħ għal “[k]ull persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu”, kunċett li ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li jinkludi l-eżistenza ta’ interess ekonomiku leġittimu (digriet tas-26 ta’ Ottubru 2000, Molkerei Großbraunshain u Bene Nahrungsmittel vs Il‑Kummissjoni, C‑447/98 P, EU:C:2000:586, punt 72).

49

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 510/2006 kien jipprovdi wkoll li d-dritt li ssir oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kien miftuħ għal “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu”.

50

Tali kunċett jinsab ukoll fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, li jipprovdi “l-Istat Membru għandu jagħti bidu għal proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali li tiżgura pubblikazzjoni adegwata tal-applikazzjoni u li tipprovdi għal perijodu raġonevoli taż-żmien li matulu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tiegħu tkun tista’ tressaq oppożizzjoni għall-applikazzjoni”.

51

L-għażla ta’ dan il-kunċett tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippermetti lil ċirku kbir ta’ persuni li jeżerċitaw id-dritt ta’ oppożizzjoni fil-kuntest tal-proċedimenti nazzjonali ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta jew tal-proċedura applikabbli għat-talbiet għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li jibbenefika minn tali indikazzjoni.

52

Fil-ħames u l-aħħar lok, għandu jiġi enfasizzat li l-eżistenza tad-dritt li tiġi ddikjarata oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta jew għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjoni ta’ prodott li jibbenefika minn tali indikazzjoni għandha tiġi eżaminata każ b’każ, skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull sitwazzjoni ta’ dan il-każ. Barra minn hekk, sabiex jiġi prekluż abbuż tal-imsemmi dritt, tali eżami għandu jippermetti li jiġi vverifikat konkretament li l-“interess leġittimu”, invokat minn persuna fiżika jew ġuridika, ma huwiex improbabbli jew ipotetiku.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura applikabbli għat-talbiet għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta, kull persuna fiżika jew ġuridika affettwata ekonomikament, b’mod reali jew potenzjali, mingħajr madankollu ma teċċedi kull plawżibbiltà, mill-emendi mitluba tista’ tiġġustifika l-“interess leġittimu” meħtieġ sabiex issir oppożizzjoni għat-talba għal emenda magħmula jew għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tilqa’ din it-talba, peress li r-riskju li jiġu mminati l-interessi ta’ tali persuna ma huwiex purament improbabbli jew ipotetiku, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

54

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda magħmula, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġettti tal-ikel, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura applikabbli għat-talbiet għal emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta, kull persuna fiżika jew ġuridika affettwata ekonomikament, b’mod reali jew potenzjali, mingħajr madankollu ma teċċedi kull plawżibbiltà, mill-emendi mitluba tista’ tiġġustifika l-“interess leġittimu” meħtieġ sabiex issir oppożizzjoni għat-talba għal emenda magħmula jew għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tilqa’ din it-talba, peress li r-riskju li jiġu mminati l-interessi ta’ tali persuna ma huwiex purament improbabbli jew ipotetiku, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Reġistratur


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.