SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla) ( i )

17 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1151/2012 – Artikolu 4(c) u l-Artikolu 7(1)(e) – Sistemi ta’ kwalità applikabbli għall-prodotti agrikoli u għall-prodotti tal-ikel – Kompetizzjoni leali – Mozzarella di bufala Campana DOP – Obbligu ta’ separazzjoni tal-ispazji ta’ produzzjoni tal-‘Mozzarella di bufala Campana DOP’”

Fil-Kawża C‑569/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura

Caseificio Cirigliana Srl,

Mail Srl,

Sorì Italia Srl

vs

Ministero delle Politiche agricole, alimentari e forestali,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero della Salute,

fil-preżenza ta’:

Consorzio di Tutela del Formaggio Mozzarella di Bufala Campana,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn, S. Rodin (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Peluso u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Bianchi u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-Artikoli 3, 26, 32, 40 u 41 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 1, 3 sa 5 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, u r-rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, u fil-ĠU 2015, L 191, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Caseificio Cirigliana Srl, Mail Srl u Sorì Italia Srl (iktar ’il quddiem, flimkien, “Caseificio Cirigliana et”) u l-Ministero delle Politiche agricole, alimentari e forestali (il-Ministeru għall-Politika Agrikola, għall-Ikel u Forestali, l-Italja), il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja) u l-Ministero della Salute (il-Ministeru tas-Saħħa, l-Italja), fir-rigward ta’ proċedura intiża għall-bidla ta’ sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale Lazio, sede di Roma, sez. II ter (il-Qorti Amministrattiva Raġjonali tal-Lazio, sede ta’ Ruma, sezzjoni II ter, l-Italja), tad‑19 ta’ Novembru 2015, relatata mad-decreto ministeriale n. 76262/2014, 9 settembre 2014 – Modalità per l’attuazione delle disposizioni di cui all’articolo 4 del decreto-legge 24 giugno 2014, n.° 91, recante: « Misure per la sicurezza alimentare e la produzione della Mozzarella di bufala Campana DOP » (id-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014, tad‑9 ta’ Settembru 2014, li jipprovdi modalitajiet għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tad-Digriet Liġi Nru 91 tal‑24 ta’ Ġunju 2014: “Miżuri għas-Sigurtà tal-Ikel u l-Produzzjoni tal-“Mozzarella di bufala Campana DOP”) (GURI no 219, tal‑20 ta’ Settembru 2014, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 76262/2014”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 47 tar-Regolament Nru 1151/2012 tiddikjara:

“Sabiex il-konsumatur ikun żgurat li l-prodotti jkollhom il-karatteristiċi speċifiċi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti, l-operaturi għandhom ikunu soġġetti għal sistema li tivverifika l-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jgħin lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel jikkomunikaw lix-xerrejja u lill-konsumaturi l-karatteristiċi tal-prodotti u l-attributi tal-biedja ta’ dawk il-prodotti u oġġetti tal-ikel, u b’hekk jiżgura:

a)

kompetizzjoni ġusta għall-bdiewa u għall-produtturi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li jkollhom karatteristiċi u attributi li jżidu l-valur;

[…]”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jiddikjara:

“B’dan hija stabbilita skema għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti sabiex tgħin lill-produtturi ta’ prodotti relattivi għal żona ġeografika billi:

a)

tiżgura li jkollhom dħul ġust għall-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom;

b)

tiżgura li jkun hemm protezzjoni uniformi tal-ismijiet bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali fit-territorju tal-Unjoni;

c)

tipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni ċara dwar l-attributi li jżidu l-valur tal-prodott.”

6

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Speċifikazzjoni tal-prodott”, jipprevedi:

“1.   Denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta, għandha tkun konformi ma’ speċifikazzjoni li għandu jkun fiha mill-inqas:

a)

l-isem li għandu jiġi protett bħala denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika, kif jintuża, kemm jekk fil-kummerċ kif ukoll jekk fil-lingwaġġ komuni, u bil-lingwi biss li huma jew li kienu storikament użati biex jiddeskrivu l-prodott speċifiku fiż-żona ġeografika ddefinita;

b)

deskrizzjoni tal-prodott, inkluża materja prima, jekk ikun opportun, kif ukoll il-karatteristiċi prinċipali fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tal-prodott;

c)

id-definizzjoni taż-żona ġeografika delimitata fir-rigward tar-rabta msemmija fil-punt (f)(i) jew (ii) [fl-inċiż (i) jew (ii) tal-punt (f)] ta’ dan il-paragrafu, u, fejn ikun opportun, id-dettalji li jindikaw konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3);

d)

evidenza li l-prodott joriġina fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fl-Artikolu 5(1) jew (2);

e)

deskrizzjoni tal-metodu kif jinkiseb il-prodott u, fejn ikun opportun, tal-metodi lokali awtentiċi u li ma jinbidlux kif ukoll informazzjoni dwar l-ippakkjar, jekk il-grupp applikant jiddetermina hekk u jagħti ġustifikazzjoni suffiċjenti speċifika għall-prodott għaliex l-ippakkjar ikun irid isir fiż-żona ġeografika ddefinita biex tiġi salvagwardata l-kwalità, biex tkun żgurata l-oriġini jew ikun żgurat il-kontroll, b’kont meħud tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari dik dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-forniment liberu tas-servizzi;

f)

dettalji li jistabbilixxu dan li ġej:

i)

ir-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku msemmi fl-Artikolu 5(1); jew

ii)

fejn ikun oppoprtun, ir-rabta bejn kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra speċifika tal-prodott u l-oriġini ġeografika msemmija fl-Artikolu 5(2);

g)

l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet jew, jekk disponibbli, l-isem u l-indirizz tal-korpi li jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott skont l-Artikolu 37 u l-kompiti speċifiċi tagħhom;

h)

kwalunkwe regola ta’ ttikkettar speċifika għall-prodott ikkonċernat.

2.   Biex ikun żgurat li l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott jipprovdu informazzjoni rilevanti u konċiża, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, li jistipulaw regoli li jillimitaw l-informazzjoni li tinsab fl-ispeċifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn dik il-limitazzjoni tkun meħtieġa biex ikunu evitati applikazzjonijiet eċċessivament voluminużi għar-reġistrazzjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar il-forma tal-ispeċifikazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).”

7

Fil-25 ta’ April 2007 ġiet ippubblikata talba għal emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott “Mozzarella di bufala Campana DOP” (ĠU 2007, C 90, p. 5). L-imsemmija emenda ġiet approvata permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 103/2008 tal‑4 ta’ Frar 2008 li japprova emendi sostanzjali fl-ispeċifikazzjoni ta’ isem imniżżel fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta’ l-oriġini u ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti – Mozzarella di Bufala Campana (DPO) (ĠU 2008, L 31, p. 31) (iktar ’il quddiem l-“ispeċifikazzjoni tal-prodott ‘Mozzarella di bufala Campana DOP’”).

8

Skont il-punti 4.4. u 4.5. tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott “Mozzarella di bufala Campana DOP”:

“4.4. Prova tal-oriġini: Kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni għandu jiġi kkontrollat permezz ta’ deskrizzjoni preċiża tal-prodotti mad-dħul u mal-ħruġ. Dan il-monitoraġġ, kif ukoll l-inklużjoni f’reġistri speċifiċi, ġestiti mill-organu ta’ kontroll, tal-bdiewa, tal-produtturi u tal-persuni li jippakkjaw, jippermetti li tiġi ggarantita t-traċċabbiltà tal-prodott kemm fil-parti inizjali kif ukoll fil-parti finali tal-linja ta’ produzzjoni. Il-materja prima nnifisha hija kkontrollata bir-reqqa mill-organu kompetenti fl-istadji kollha tal-produzzjoni. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha mniżżla f’dawn ir-reġistri differenti huma suġġetti għall-kontroll tal-organu kompetenti skont il-modalitajiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u tal-pjan ta’ kontroll stabbilit. Jekk l-organu inkwistjoni jikkonstata irregolaritajiet u anki jekk dawn l-irregolaritajiet ikunu jirrigwardaw anell wieħed biss mil-linja ta’ produzzjoni, il-prodott ma jkunx jista’ jiġi kkummerċjalizzat taħt id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Mozzarella di bufala Campana’.

4.5. Metodu ta’ kisba: L-ispeċifikazzjonijiet jipprevedu b’mod partikolari li l-‘Mozzarella di bufala Campana’ għandha tiġi prodotta esklużivament mill-ħalib sħiħ frisk tal-bufla. Il-proċess ta’ elaborazzjoni jipprevedi l-użu ta’ ħalib mhux ippasturizzat, eventwalment issuġġettat għal trattament termiku jew ippasturizzat, provenjenti minn bufli mrobbija fiż-żona ddefinita fl-Artikolu 2.”

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt Taljan

9

L-Artikolu 4(1) u (3) tad-Digriet Liġi Nru 91 tal‑24 ta’ Ġunju 2014 (GURI Nru 144, tal‑24 ta’ Ġunju 2014), ikkonvertit u emendat bil-Liġi Nru 116, tal‑11 ta’ Awwissu 2014, (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 192, tal‑20 ta’ Awwissu 2014) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 91/2014”) huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-produzzjoni tal-‘Mozzarella di bufala Campana DOP’, irreġistrata bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) bis-saħħa tar-[Reglament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat‑12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 19, p. 176, u r-rettifiki fil-ĠU 2015, L 15, p. 106 u fil-ĠU 2015, L 60, p. 70)], għandha sseħħ fi spazju li fih jiġi pproċessat biss ħalib provenjenti minn irziezet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll tad-DOP ‘Mozzarella di bufala Campana’. F’dan l-ispazju jistgħu wkoll jiġu elaborati prodotti semi‑pproċessati u prodotti oħra bil-kundizzjoni li jiġu mmanifatturati esklużivament b’ħalib provenjenti minn irziezet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll tad-DOP ‘Mozzarella di bufala Campana’. L-elaborazzjoni ta’ prodotti li jinvolvu wkoll jew esklużivament l-użu ta’ ħalib differenti minn dak provenjenti mill-irziezet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll tad-DOP ‘Mozzarella di bufala Campana’ għandha sseħħ fi spazju differenti, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-digriet previsti fil-paragrafu 3.

[…]

3.   Permezz ta’ digriet tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, għall-Ikel u Forestali, adottat bi qbil mal-Ministru għas-Saħħa f’terminu ta’ 30 ġurnata mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, huma ddefiniti l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fit-tielet subparagrafu tal‑paragrafu 1 u fil-paragrafu 2, li jipprevedu li s-separazzjoni fl-ispazju tal-produzzjonijiet previsti fl-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 1 tipprekludi kull kuntatt, anki aċċidentali, bejn il-ħalib provenjenti minn irziezet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll tal-‘Mozzarella di bufala Campana DOP’ u ħalib ieħor, kif ukoll bejn il-‘Mozzarella di bufala Campana DOP’ u l-prodotti miksuba minn ħalib ieħor matul l-istadji kollha ta’ elaborazzjoni u ta’ ppakkjar.”

10

L-Artikolu 1(1) tad-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014 jipprovdi:

“Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Digriet Liġi Nru 91/2014 […], l-elaborazzjoni ta’ prodotti li tinvolvi wkoll jew esklużivament l-użu ta’ ħalib differenti minn dak provenjenti mill-irziezet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll tad-DOP ‘Mozzarella di bufala Campana’ għandha seħħ fi spazju differenti, fiżikament isseparat mill-ispazju li fih hija elaborata l-‘Mozzarella di bufala Campana DOP’ u l-prodotti magħmula esklużivament mill-ħalib provenjenti minn irziezet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll tad-DOP ‘Mozzarella di bufala Campana’. Is-separazzjoni fiżika għandha tipprekludi kull kuntatt, inkluż aċċidentali, bejn il-ħalib provenjenti mill-irziezet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll tal-‘Mozzarella di bufala Campana DOP’ u l-ħalib l-ieħor, kif ukoll bejn il-‘Mozzarella di bufala Campana DOP’ u l-prodotti miksuba minn ħalib ieħor, u, għalhekk, tirrigwarda l-installazzjonijiet ta’ ħażna, ta’ manutenzjoni, ta’ pproċessar tal-ħalib u ta’ ppakkjar tal-prodotti. L-installazzjonijiet u t-tagħmir li ma jidħlux f’kuntatt mal-ħalib u/jew mal-prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tiegħu jistgħu jintużaw għas-servizz tal-linji ta’ produzzjoni li jkunu jinsabu fi spazji differenti.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Fit‑18 ta’ Novembru 2014, Caseificio Cirigliana et, li jipproduċu u jbigħu il-mozzarella tal-bufla, iżda wkoll il-mozzarella tal-bufla li ma taqax taħt is-sistema tad-DOP (iktar ’il quddiem is-“sistema DOP”), ippreżentaw rikors kontra d-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale Lazio, sede di Roma, sez. II ter (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, sede ta’ Ruma, sezzjoni II ter).

12

Caseificio Cirigliana et qiesu li d-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014 sempliċement irreveda u ppreżerva biss il-pożizzjoni tal-impriżi li jużaw esklużivament ħalib tal-bufla provenjenti minn żoni ta’ DOP (iktar ’il quddiem iż-“żoni DOP”), filwaqt li ħalla kif kienu l-problemi li nħolqu mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi preċedenti għall-impriżi li jużaw materja prima differenti mill-ħalib tal-bufla provenjenti miż-żoni DOP.

13

Skont Caseificio Cirigliana et, id-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014 kiser il-prinċipju ta’ diversifikazzjoni previst mir-Regolament Nru 1151/2012. Ir-rikorrenti qiesu li d-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014 ċaqlaq il-kriterju ta’ indikazzjoni tad-destinatarji tad-dispożizzjonijiet restrittivi, jiġifieri l-produtturi tal-“Mozzarella di bufala Campana DOP”, lejn dawk li jipproċessaw ħalib differenti minn dak provenjenti minn irziezet li jaqgħu taħt is-sistema DOP. Issa, l-imsemmi ċaqlieq ikun jikser l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1151/2012, jiġifieri dak tal-valorizzazzjoni tal-prodott “protett” sabiex jiġu kkompletati l-politika ta’ żvilupp rurali u l-politika agrikola, fuq kollox fir-rigward taż-żoni żvantaġġati.

14

Caseificio Cirigliana et qiesu li d-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014 huwa vvizzjat b’illegalità sa fejn dan jistabbilixxi d-destinazzjoni esklużiva tal-istabbilimenti li jipproċessaw ħalib tal-bufla provenjenti miż-żoni DOP u l-projbizzjoni sussegwenti, għal dawn tal-aħħar, li jżommu jew li jaħżnu, fi ħdanhom, materja prima jew baqta minbarra l-ħalib u el-baqta ta’ bufla miksubin esklużivament mill-ipproċessar ta’ ħalib provenjenti miż-żoni DOP, kif ukoll sottoprodotti jew prodotti dderivati mill-istess materja prima.

15

Fid‑19 ta’ Novembru 2015, it-Tribunale amministrativo regionale Lazio, sede di Roma, sez. II ter (il-Qorti Amministrattiva Raġjonali tal-Lazio, sede ta’ Ruma, sezzjoni II ter), ċaħdet ir-rikors billi bbażat lilha nnifisha fuq l-evalwazzjoni tagħha tan-natura raġonevoli tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija intiża li tiżgura l-għanijiet tas-sigurtà tal-ikel u tal-protezzjoni tal-konsumatur finali. Din il-qorti ma tatx deċiżjoni dwar il-motiv relatat mal-kompatibbiltà tad-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014 mar-Regolament Nru 1151/2012.

16

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, Caseificio Cirigliana et invokaw, l-ewwel nett, il-ksur ta-Artikoli 3, 26, 32, 40 u 41 TFUE minħabba l-fatt li bid-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014 huma tqiegħdu f’pożizzjoni sfavorevoli meta mqabbla mal-kumpanniji kompetituri li jipproduċu prodotti DOP u li fir-rigward tagħhom ma huma previsti la kontrolli addizzjonali u lanqas id-destinazzjoni esklużiva tal-linji ta’ produzzjoni lejn tipoloġija unika ta’ prodotti. It-tieni nett, dawn il-partijiet invokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-fatt li d-Digriet jiddiskrimina lill-kumpanniji li jużaw ħalib provenjenti minn barra ż-żoni DOP meta mqabbla ma’ dawk li jużaw esklużivament ħalib provenjenti minn tali żoni. It-tielet nett, ir-rikorrenti invokaw il-ksur tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1151/2012, kif ukoll tar-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (ĠU 2014, L 150, p. 1).

17

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad, permezz tas-sentenza parzjali tal‑21 ta’ Awwissu 2018, l-ilmenti kollha relatati man-natura inkostituzzjonali tad-Digriet Ministerjali Nru 91/2014 fejn dan id-digriet ġie kkunsidrat minn din il-qorti bħala proporzjonat u raġonevoli. Madankollu, din il-qorti ddeċidiet li teżamina l-ilment relatat mal-kompatibbiltà tal-imsemmi digriet mad-dritt tal-Unjoni.

18

F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju ssostni li, kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti, id-Digriet Liġi Nru 91/2014 u d-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014 b’ebda mod ma imponew l-użu ta’ stabbilimenti separati għall-produzzjoni ta’ mozzarella DOP u mhux DOP, iżda biss “spazji” separati. Madankollu, skont l-istess qorti, tali interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mir-rikorrenti ma tqiegħedx inkwistjoni r-rilevanza tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, inkwantu s-sempliċi fatt li l-mozzarella tal-bufla mhux DOP tiġi prodotta f’binjiet differenti u separati minn dawk li jintużaw għall-produzzjoni ta’ “Mozzarella di bufala Campana DOP” ifisser fi kwalunkwe każ investimenti u, għaldaqstant, sagrifiċċji ekonomiċi, potenzjalment tali li jaffettwaw il-kompetizzjoni libera bejn l-operaturi fis-suq tal-mozzarella.

19

Billi tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-politika agrikola komuni, il-qorti tar-rinviju tqis li d-DOPs huma suġġetti għal protezzjoni partikolari, madankollu mingħajr tqiegħed inkwistjoni, b’mod sproporzjonat, il-libertà ta’ intrapriża u l-libertà ta’ kompetizzjoni.

20

Minn naħa, din il-qorti ssostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni relatata mad-DOPs tipproteġi l-benefiċjarji tal-imsemmija denominazzjonijiet kontra użu abbużiv tagħhom minn terzi, sa fejn id-DOPs jistgħu jgawdu minn reputazzjoni għolja mal-konsumaturi u jikkostitwixxu, għall-produtturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom, mezz essenzjali li jintrabtu ma’ klijentela. Ir-reputazzjoni tad-DOPs tinħoloq, skont l-imsemmija qorti, skont l-immaġini li minnha jgawdu dawn id-DOPs mal-konsumaturi u tiddependi, essenzjalment, mill-karatteristiċi partikolari, u b’mod iktar ġenerali mill-kwalità tal-prodott. B’hekk, fil-perċezzjoni tal-konsumatur, ir-rabta bejn ir-reputazzjoni tal-produtturi u l-kwalità tal-prodotti tiddependi, barra minn hekk, mill-konvinzjoni tiegħu li l-prodotti mibjugħa taħt DOP huma awtentiċi.

21

Min-naħa l-oħra, l-istess qorti tfakkar li r-rikorrenti jqisu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi protetta d-DOP “Mozzarella di bufala Campana”, sa fejn timponi li jiġu mmanifatturati l-prodotti li jinvolvu wkoll jew esklużivament l-użu ta’ ħalib differenti minn dak provenjenti mill-irziezet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll ta’ din id-DOP fi spazju separat, inkluż fi ħdan l-istess stabbiliment, sabiex jiġi evitat kull kuntatt bejn il-ħalib provenjenti minn irziezet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll tal-imsemmija DOP u ħalib ieħor u, a fortiori, kull kontrafazzjoni.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 3, 26, 32, 40 u 41 TFUE u l-Artikoli 1, 3, 4, 5 u 7 tar-Regolament Nru 1151/2012/UE dwar l-irregolar tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, li jimponu fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu kemm il-kompetizzjoni libera tal-prodotti ġewwa l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-protezzjoni tal-iskemi tal-kwalità sabiex jiġu sostnuti ż-żoni agrikoli żvantaġġati, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, skont id-d-dritt nazzjonali (l-Artikolu 4 tad-Digriet Liġi Nru 91 tal-24 ta’ Ġunju 2014, kif emendat bil-Liġi Nru 116 tal‑11 ta’ Awwissu 2014) tiġi stabbilita restrizzjoni fl-attività ta’ produzjoni tal-mozzarella di bufala Campana DOP li għandha ssir fi stabbilimenti esklużivament iddestinati għal din il-produzzjoni, u li fihom huma pprojbiti ż-żamma u l-ħażna ta’ ħalib li ġej minn irziezet li ma jaqgħux taħt is-sistema ta’ kontroll tad-DOP mozzarella di bufala Campana?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

23

Il-Gvern Taljan jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi jinvoka l-fatt li, minn naħa, il-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni purament interna li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, dan il-gvern iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tidhirx li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà, imsemmija fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġaladarba l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li l-problema hija ta’ natura purament ipotetika.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ulterjorment meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012 fil-kuntest ta’ tilwima li fiha tqajmet il-kwistjoni tal-validità, fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tad-Digriet Ministerjali Nru 76262/2014 li jistabbilixxi miżuri għas-sigurtà tal-ikel u l-produzzjoni tal-“Mozzarella di bufala Campana DOP”.

26

Konformement mal-Artikolu 4(b) u (c) tar-Regolament Nru 1151/2012, dan ir-regolament huwa intiż li jistabbilixxi sistema ta’ DOP u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fit-territorju tal-Unjoni sabiex jiġu mgħejuna l-produtturi ta’ prodotti marbuta ma’ żona ġeografika billi tiġi ggaranita protezzjoni uniformi tad-denominazzjonijiet bħala proprjetà intellettwali fit-territorju tal-Unjoni u billi l-konsumaturi jingħataw informazzjoni ċara dwar il-proprjetajiet tal-prodott li jagħtuh valur miżjud.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-istess regolament ma għandha ebda relazzjoni mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li d-domanda hija ta’ natura ipotetika.

28

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 26, 32, 40 u 41 TFUE. Issa, hekk kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, din il-qorti la esponiet, fid-digriet tagħha ta’ rinviju, ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas ir-rabta li hija stabbilixxiet bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura u li din għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

29

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli biss sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012.

Fuq il-mertu

30

Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ tasal tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma għamlitx riferiment fid-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 20, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(c) u l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 1151/2012, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott “Mozzarella di bufala Campana DOP” għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-attività ta’ produzzjoni tal-“Mozzarella di bufala Campana DOP” għandha sseħħ fi spazji esklużivament intiżi għal din il-produzzjoni, inkluż fi ħdan stabbiliment wieħed biss, u li fihom huma pprojbiti ż-żamma u l-ħażna ta’ ħalib provenjenti minn irziezet li ma jaqgħux taħt is-sistema ta’ kontroll tad-DOP “Mozzarella di bufala Campana”.

32

Qabel kollox hekk kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4(c) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprovdi li sistema DOP u sistema ta’ indikazzjonijiet ġeorgrafiċi protetti hija stabbilita sabiex tgħin lill-produtturi ta’ prodotti marbuta ma’ żona ġeografika billi tipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni ċara dwar il-proprjetajiet tal-prodott li jagħtuh valur miżjud.

33

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 7(1)(e) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li DOP jew indikazzjoni ġeografika protetta tosserva speċifikazzjonijiet li jinkludu, b’mod partikolari, deskrizzjoni tal-metodu ta’ kisba tal-prodott. Mill-premessa 47 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-osservanza ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet mill-produtturi hija intiża sabiex tiggarantixxi lill-konsumatur li l-prodott għandu l-karatteristiċi speċifiċi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti.

34

B’hekk, il-punt 4.4. tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott “Mozzarella di bufala Campana DOP” jipprevedi li kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni inkwistjoni, kif ukoll il-materja prima użata għall-produzzjoni tagħha, huwa strettament ikkontrollat sabiex tiġi ggarantita t-traċċabbiltà ta’ dan il-prodott kemm fil-bidu kif ukoll fi tmiem il-katina ta’ produzzjoni u l-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet, anki jekk dawn jirrigwardaw biss anell tal-katina ta’ produzzjoni, tirriżulta fit-telf tad-DOP. Barra minn hekk, il-punt 4.5. ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet jipprovdi li l-“Mozzarella di bufala Campana DOP” għandha tiġi prodotta esklużivament mill-ħalib frisk tal-bufla mhux ipproċessat.

35

Sussegwentement jeħtieġ li jitfakkar li konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni timmanifesta tendenza ġenerali li tivvalorizza l-kwalità tal-prodotti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni sabiex tiġi inċentivata r-reputazzjoni tal-imsemmija prodotti b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini li jgawdu minn protezzjoni partikolari. Din tfittex ukoll li tissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi fil-qasam ta’ prodotti ta’ kwalità u ta’ oriġini ġeografika ċerta kif ukoll li tiffaċilita l-kisba mill-produtturi, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali, ta’ dħul aħjar minħabba sforz kwalitattiv reali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, S, C‑367/17, EU:C:2018:1025, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Finalment, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini jaqgħu taħt id-drittijiet ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipproteġi lill-benefiċjarji tagħhom minn użu abbużiv tal-imsemmija denominazzjonijiet minn terzi li jixtiequ japprofittaw mir-reputazzjoni li dawn ikunu kisbu. Dawn huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l-prodott kopert bihom ikun ġej minn żona ġeografika speċifika u jkollu ċerti karatteristiċi partikolari. Dawn jistgħu jgawdu minn reputazzjoni kbira fost il-konsumaturi u jistgħu jikkostitwixxu għall-produtturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jużawhom mezz essenzjali sabiex jattiraw klijentela. Ir-reputazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tiddependi mill-immaġni li dawn igawdu mal-konsumaturi. Din l-immaġni nnifisha tiddependi essenzjalment mill-karatteristiċi partikolari u, b’mod iktar ġenerali, mill-kwalità tal-prodott. Hija din tal-aħħar li, fl-aħħar mill-aħħar, tifforma l-bażi tar-reputazzjoni tal-prodott. Fil-perċezzjoni tal-konsumatur, ir-rabta bejn ir-reputazzjoni tal-produtturi u l-kwalità tal-prodotti tiddependi, barra minn hekk, mill-konvinzjoni tiegħu li l-prodotti mibjugħa bid-denominazzjoni tal-oriġini huma awtentiċi (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, C‑108/01, EU:C:2003:296, punt 64).

37

F’dan il-kuntest, l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott “Mozzarella di bufala Campana DOP”, jimponu fil-punt 4.4 tagħhom preskrizzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-prova tal-oriġini ta’ dan il-prodott u, b’mod partikolari, li l-materja prima tiġi kkontrollata bir-reqqa mill-organu kompetenti fl-istadji kollha tal-produzzjoni. Fil-każ ta’ irregolaritajiet u anki jekk dawn l-irregolaritajiet ikunu jirrigwardaw biss anell wieħed mill-katina ta’ produzzjoni, il-prodott ma jkunx jista’, skont l-imsemmija preskrizzjonijiet, jiġi kkummerċjalizzat taħt id-DOP “Mozzarella di bufala Campana”.

38

Dawn l-istess preskrizzjonijiet huma wkoll intiżi sabiex jiggarantixxu t-traċċabbiltà tal-prodott kemm fil-bidu kif ukoll fi tmiem il-katina ta’ produzzjoni u li l-prodott għandu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ din id-DOP u, b’mod partikolari, li jkun, konformement mal-punt 4.5 tal-ispeċifikazzjonijiet, esklużivament prodott minn ħalib frisk tal-bufla mhux ipproċessat.

39

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix kundizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja l-effetti restrittivi tagħha fuq il-kummerċ, jekk jiġi pprovat li tikkostitwixxi mezz neċessarju u proporzjonat ta’ natura li jissalvagwardja l-kwalità tal-prodott inkwistjoni, li jiggarantixxi l-oriġini tiegħu jew li jiżgura l-kontroll tal-ispeċifikazzjonijiet tad-din id-DOP (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, S, C‑367/17, EU:C:2018:1025, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, skont il-Gvern Taljan, u suġġett għal verifiki mill-qorti tar-rinviju, billi tirrikjedi li l-attività ta’ produzzjoni tal-“Mozzarella di bufala Campana DOP” issir fi spazji esklużivament iddedikati għaliha, u li fihom huma pprojbiti ż-żamma u l-ħażna ta’ ħalib provenjenti minn irziezet li ma jaqgħux taħt is-sistema ta’ kontroll ta’ din id-DOP, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-intenzjoni li tiżgura li l-kwalità ta’ dan il-prodott tikkorrispondi mar-rekwiżiti tal-elaborazzjoni tiegħu, iddikjarati fl-ispeċifikazzjonijiet tiegħu, billi jitnaqqas ir-riskju li dan il-ħalib jintuża, sew b’mod intenzjonat kif ukoll b’mod mhux intenzjonat, fil-produzzjoni ta’ din id-DOP. Din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkontribwixxi b’dan il-mod għall-kontroll effettiv tal-istadji ta’ produzzjoni ta’ dan il-prodott u, għalhekk, għall-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u għall-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni.

41

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni tidħol fl-għan ta’ garanzija tal-kwalità u tal-awtentiċità tal-prodott DOP, kif ukoll fl-għan tal-kontroll tal-osservanza min-naħa tal-produtturi li jibbenefikaw minn din id-DOP tal-ispeċifikazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom din id-DOP hija rreġistrata.

42

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura nazzjonali li skontha l-installazzjonijiet tal-impriżi li ma jipproduċux il-prodotti li jagħtu dritt għal DOP għandhom jiġu sseparati kompletament minn dawk fejn huma prodotti u maħżuna l-prodotti b’DOP hija ġġustifikata bl-għan ta’ żamma tar-reputazzjoni kbira ta’ prodott DOP (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2000, Il‑Belġju vs Spanja, C‑388/95, EU:C:2000:244, punti 7275).

43

Fir-rigward tan-natura neċessarja u proporzjonata tal-imsemmija leġiżlazzjoni fir-rigward tal-għan li tipprova tikseb, fl-osservazzjonijiet tiegħu l-Gvern Taljan jindika essenzjalment li l-kontroll tal-materja prima provenjenti mis-sistemi differenti, rikjest fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott “Mozzarella di bufala Campana DOP”, ikun impossibbli fil-prattika li kieku l-“Mozzarella di bufala Campana DOP” kienet elaborata fl-istess spazji bħall-prodotti li ma jaqgħux taħt l-imsemmija sistema.

44

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tan-natura speċifika tas-settur tal-produzzjoni tal-“Mozzarella di bufala Campana DOP” u ta’ riskji eventwali ta’ kontrafazzjoni li għalihom hija suġġetta din il-produzzjoni, jekk effettivament ma teżisti ebda miżura inqas restrittiva mis-separazzjoni tal-ispazji ta’ ħażna tal-ħalib u ta’ elaborazzjoni tal-prodotti sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli u, għaldaqstant, il-konformità ta’ dawn il-prodotti mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ din id-DOP.

45

Mill-osservazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 4(c) u l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 1151/2012, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott “Mozzarella di bufala Campana DOP” għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-attività ta’ produzzjoni tal-“Mozzarella di bufala Campana DOP” għandha sseħħ fi spazji esklużivament intiżi għal din il-produzzjoni, inkluż fi ħdan stabbiliment wieħed biss, u li fihom huma pprojbiti ż-żamma u l-ħażna ta’ ħalib provenjenti minn irziezet li ma jaqgħux taħt is-sistema ta’ kontroll tad-DOP “Mozzarella di bufala Campana”, jekk din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi mezz neċessarju u proporzjonat sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kwalità ta’ tali prodott jew sabiex jiġi żgurat il-kontroll tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ din id-DOP, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(c) u l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott “Mozzarella di bufala Campana DOP” għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-attività ta’ produzzjoni tal-“Mozzarella di bufala Campana DOP” għandha sseħħ fi spazji esklużivament intiżi għal din il-produzzjoni, inkluż fi ħdan stabbiliment wieħed biss, u li fihom huma pprojbiti ż-żamma u l-ħażna ta’ ħalib provenjenti minn irziezet li ma jaqgħux taħt is-sistema ta’ kontroll tad-DOP “Mozzarella di bufala Campana”, jekk din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi mezz neċessarju u proporzjonat sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kwalità ta’ tali prodott jew sabiex jiġi żgurat il-kontroll tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ din id-DOP, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( i ) Fil-bidu ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.

( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Taljan.