SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Frar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 13 TFUE – Benesseri tal-annimali – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla – Metodi partikolari ta’ qatla preskritti minn riti reliġjużi – Regolament (KE) Nru 834/2007 – Artikolu 3 u Artikolu 14(1)(b)(viii) – Kompatibbiltà mal-produzzjoni organika – Regolament (KE) Nru 889/2008 – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 – Logo ta’ produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑497/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Œuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (OABA)

vs

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,

Bionoor SARL,

Ecocert France SAS,

Institut national de l’origine et de la qualité (INAO),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, viċi President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, L. Bay Larsen, D. Šváby (Relatur), C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2018;

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

Għal Œuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (OABA), minn A. Monod, avukat,

għal Bionoor SARL, minn N. Gardères, avukat,

għal Ecocert France SAS, minn D. de Laforcade, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Horrenberger kif ukoll minn E. de Moustier, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn A. Dalheim Jacobsen kif ukoll minn T. Bjerre Leming u D. Sørlie Lund, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet u A. Lewis kif ukoll minn B. Eggers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 TFUE, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008, tal-5 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 834/2007 (ĠU 2008, L 250, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 271/2010, tal-24 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 84, p. 19) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 889/2008”), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU 2009, L 303, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-assoċjazzjoni Œuvre d’Assistance aux bêtes d’Abattoirs (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni OABA”), minn naħa, u l-ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation (iktar ’il quddiem il-“ministre de l’Agriculture”), Bionoor SARL, Ecocert France SAS (iktar ’il quddiem “Ecocert”) u l-Institut national de l’origine et de la qualité (INAO), min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ talba min-naħa tal-assoċjazzjoni OABA intiża sabiex jiġu preklużi r-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti derivanti mil-laħam taċ-ċanga tat-trade mark “Tendre France”, iċċertifikati “halal” u li jinkludu r-referenza “agrikoltura organika” (iktar ’il quddiem ir-“r-referenza ‘AO’”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 834/2007

3

Il-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 834/2007 jipprovdu:

“(1)

Il-produzzjoni organika hija sistema ġenerali tal-ġestjoni ta’ impriżi agrikoli u l-produzzjoni ta’ l-ikel li tgħaqqad flimkien l-aħjar prattiċi ambjentali, livell għoli ta’ bijodiversità, il-preservazzjoni ta’ riżorsi naturali, l-applikazzjoni ta’ standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali u l-produzzjoni f’konformità mal-preferenza ta’ ċerti konsumaturi għall-prodotti li ġejjin mill-użu ta’ sustanzi u proċessi naturali. Il-metodu tal-produzzjoni organika għalhekk għandu rwol soċjali doppju, fejn min-naħa l-waħda huwa jipprovdi għal suq speċifiku li jirrispondi għad-domanda tal-konsumatur għall-prodotti organiċi, u min-naħa l-oħra jwassal oġġetti pubbliċi li jikkontribwixxu għall-ħarsien ta’ l-ambjent u l-benesseri ta’ l-annimali, kif ukoll għall-iżvilupp rurali.

[…]

(3)

Il-qafas legali Komunitarju li jirregola s-settur tal-produzzjoni organika għandu jsegwi l-objettiv li jiżgura kompetizzjoni ġusta u funzjonament xieraq tas-suq intern fi prodotti organiċi, u li jżomm u jiġġustifika l-kunfidenza tal-konsumatur fi prodotti ttikkettati bħala organiċi. Għandu wkoll jimmira li jipprovdi kondizzjonijiet li taħthom dan is-settur jista’ jimxi ’l quddiem skond l-iżviluppi tal-produzzjoni u tas-suq.”

4

Intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ produzzjoni organika waqt li jiżgura l-iffunzjonar effettiv tas-suq intern, jiggarantixxi kompetizzjoni ġusta, jiżgura l-kunfidenza tal-konsumatur u jipproteġi l-interessi tal-konsumatur.

Huwa jistabbilixxi objettivi komuni u prinċipji komuni biex jiġu sostnuti r-regoli stabbiliti taħt dan ir-Regolament dwar:

a)

l-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-kontroll tagħhom;

b)

l-użu ta’ indikazzjonijiet li jirreferu għal produzzjoni organika fit-tikettar u r-reklamar.

[…]

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe operatur involut f’attivitajiet fi kwalunkwe stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, relatata mal-prodotti mniżżla fil-paragrafu 2.

[…]

4.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet komunitarji jew dispożizzjonijiet nazzjonali oħrajn, b’mod konformi mal-liġi Komunitarja dwar prodotti speċifikati f’dan l-Artikolu, bħal dispożizzjonijiet li jirregolaw il-produzzjoni, il-preparazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, it-tikkettar u l-kontroll, inkluża l-leġislazzjoni dwar oġġetti ta’ l-ikel u n-nutriment ta’ l-annimali.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi Regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

a)

‘produzzjoni organika’ tfisser l-użu tal-metodu ta’ produzzjoni b’mod konformi mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament fl-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni;

b)

‘stadji ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni’ tfisser kwalunkwe stadju li jinkludi u jibda mill-produzzjoni primarja ta’ prodott organiku sal-ħażna, l-iproċessar, it-trasport, il-bejgħ jew il-forniment, inklużi, lill-konsumatur aħħari, u fejn relevanti, it-tikkettar, ir-reklamar, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-attivitajiet ta’ subcontracting;

[…]

i)

‘preparazzjoni’ tfisser l-operazzjonijiet ta’ preservazzjoni u/jew proċessar ta’ prodotti organiċi (inkluż il-qtil u l-qtugħ ta’ prodotti tal-bhejjem), u wkoll l-ippakkjar, l-ittikkettar u/jew l-alterazzjonijiet magħmula lit-tikkettar dwar il-metodu tal-produzzjoni organika;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-istess regolament jistabbilixxi l-għanijiet tal-produzzjoni organika fit-termini li ġejjin:

“Is-sistema ta’ produzzjoni organika għandha ssegwi l-objettivi ġenerali li ġejjin:

a)

li tiġi stabbilita sistema ta’ ġestjoni sostenibbli għall-agrikultura li:

[…]

iv)

tirrispetta standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali u b’mod partikolari tilħaq il-ħtiġijiet ta’ l-imġiba speċifiċi skond l-ispeċi ta’ l-annimali;

[…]

ċ)

timmira li tipproduċi varjetà kbira ta’ ikel u prodotti agrikoli oħrajn li jwieġbu għad-domanda tal-konsumaturi għal oġġetti prodotti bl-użu ta’ proċessi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, lis-saħħa tal-bniedem, lis-saħħa tal-pjanti jew lis-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali.”

7

Intitolat “Prinċipji speċifiċi applikabbli għall-biedja”, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 834/2007 jindika, fil-punt (h) tiegħu, li l-biedja organika għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji speċifiċi li jikkonsistu “[f]l-osservanza ta’ benesseri ta’ l-annimali ta’ livell għoli filwaqt li jiġu rrispettati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ l-ispeċi”.

8

Billi għandu bħala suġġett ir-“[r]egoli tal-produzzjoni tal-bhejjem”, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Flimkien mar-regoli ġenerali ta’ produzzjoni ta’ l-impriżi agrikoli stabbiliti fl-Artikolu 11, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-bhejjem:

[…]

b)

rigward prattiki ta’ trobbija u kondizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni:

[…]

viii)

kwalunkwe sofferenza, inkluża l-mutilazzjoni, għandha tinżamm għal minimu matul il-ħajja intiera ta’ l-annimal, inkluż fil-ħin ta’ qatla;

[…]”

9

Iddedikat għal-“Logo ta’ produzzjoni organika”, l-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Il-logo Komunitarju ta’ produzzjoni organika jista’ jintuża fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li jissodisfaw il-ħtiġiet imniżżla f’dan ir-Regolament.

Il-logo [ta’ produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea] ma’ għandux jintuża fil-każ ta’ prodotti f’konverżjoni u ikel ipproċessat kif imsemmi fl-Artikolu 23(4)(b) u (ċ).

2.   Logos nazzjonali u privati jistgħu jintużaw fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li jissodisfaw il-ħtiġiet imniżżla f’dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 37(2), tistabbilixxi kriterji speċifiċi rigward il-preżentazzjoni, il-kompożizzjoni, daqs u t-tfassil tal-logo [ta’ produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea].”

Ir-Regolament Nru 889/2008

10

Il-Premessa 10 tar-Regolament Nru 889/2008 tippreċiża li waħda mill-prijoritajiet tal-agrikoltura organika hija li tiżgura “livell għoli ta’ benessri ta’ l-annimali”.

11

Intitolat “Il-logo organiku tal-Unjoni Ewropea”, l-Artikolu 57 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“Skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament [Nru 834/2007], il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea (minn issa ’l quddiem ‘Il-logo organiku tal-UE’) għandu jsegwi l-mudell stabbilit fil-Parti A tal-Anness XI għal dan ir-Regolament.

Il-logo organiku tal-UE għandu jintuża biss jekk il-prodott konċernat jiġi manifatturat skont ir-rekwiżiti tar-Regolament [Nru 2092/91] u r-regolamenti tal-implimentazzjoni tiegħu jew ir-Regolament [Nru 834/2007] u r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.”

Ir-Regolament Nru 1099/2009

12

Il-Premessi 2, 4, 18, 20, 24 u 43 tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprovdu:

“(2)

Il-qtil tal-annimali jista’ jwassal għal uġigħ, stress, biża’ jew forom oħra ta’ tbatija għall-annimali anke fl-aħjar kondizzjonijiet tekniċi disponibbli. Ċerti operazzjonijiet marbuta mal-qatla jistgħu jikkawżaw stress u kwalunkwe teknika ta’ sturdament tippreżenta ċerti żvantaġġi. L-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw l-uġigħ u jnaqqsu l-istress, t-tbatija tal-annimali waqt il-proċess tal-qtil jew l-qatla, filwaqt li jqisu l-aħjar prattika fil-qasam u l-metodi permessi skont dan ir-Regolament. Għalhekk, meta l-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali jiksru wieħed mir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew jużaw metodi ta’ prattika li ma jirriflettux l-aħħar żviluppi fil-qasam u b’hekk iwasslu għall-uġigħ, l-istress u t-tbatija minħabba negliġenza jew inkella intenzjonalment, l-uġigħ, l-istress jew it-tbatija għandhom jitqiesu li jistgħu jkunu evitati.

[…]

(4)

It-trattament xieraq tal-annimali huwa valur [tal-Unjoni] li huwa stabbilit fil-Protokoll (Nru 33) dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali anness mat-Trattat [KE]. […] Il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla hija kwistjoni ta’ interess pubbliku li taffettwa l-attitudnijiet tal-konsumatur lejn il-prodotti agrikoli. Barra minn hekk, it-titjib tal-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tal-qatla jikkontribwixxi għal laħam ta’ kwalità ogħla u indirettament għandu impatt pożittiv fuq is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-biċċeriji.

[…]

(18)

Ingħatat deroga mill-isturdament fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi li jseħħu fil-biċċeriji permezz tad-Direttiva [tal-Kunsill 93/119/KE tat-22 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 421)]. Minħabba li d-dispożizzjonijiet [tad-dritt tal-Unjoni] applikabbli għall-qatla għal raġunijiet reliġjużi ġew trasposti b’mod differenti skont il-kuntesti nazzjonali, u meta wieħed jikkunsidra li r-regoli nazzjonali jieħdu kont tad-dimensjonijiet li jmorru lil hinn mill-għan ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li tinżamm id-deroga mill-isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru. Bħala konsegwenza, ir-Regolament attwali jirrispetta l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li r-reliġjon jew twemmin jiġi manifestat fil-qima, tagħlim, prattika u osservanza, kif iddikjarat fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

[…]

(20)

Ħafna metodi ta’ qtil jikkawżaw uġigħ għall-annimali. L-isturdament huwa għalhekk meħtieġ sabiex jikkawża telf tas-sensi u nuqqas ta’ sensibbiltà fl-annimali qabel jinqatlu jew fl-istess ħin li jinqatlu. Il-kejl tat-telf tas-sensi u n-nuqqas ta’ sensibbiltà ta’ annimal huwa kumpless u jeħtieġ li jitwettaq skont metodoloġija approvata xjentifikament. Madankollu, għandu jitwettaq monitoraġġ permezz ta’ indikaturi sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tal-proċedura taħt kondizzjonijiet prattiċi.

[…]

(24)

Ċerti metodi ta’ sturdament, skont il-mod kif jintużaw waqt il-proċess tal-qatla jew tal-qtil, jistgħu jwasslu għall-mewt waqt li jiġi evitat l-uġigħ u jitnaqqas l-istress jew it-tbatija għall-annimali. Metodi oħra ta’ sturdament jistgħu ma jwasslux għall-qtil u l-annimali jistgħu jerġgħu jirkupraw jew jirkupraw is-sensibbiltà matul proċeduri sussegwenti li jġiegħluhom isofru l-uġigħ. Għalhekk, dawn il-metodi għandhom jiġu kkompletati minn metodi tekniċi oħra li jwasslu għal mewt ċert qabel ma l-annimali jerġgħu jirkupraw. Għaldaqstant, hu essenzjali li jiġi speċifikat liema metodi ta’ sturdament huma meħtieġa li jiġu kkompletati minn metodu ta’ qtil.

[…]

(43)

Il-qatla mingħajr l-isturdament jeħtieġ qatgħa preċiża tal-gerżuma b’sikkina taqta’ sabiex titnaqqas [kemm jista’ jkun] it-tbatija. Barra minn hekk, l-annimali li ma jkunux imrażżna mekkanikament wara li ssir il-qatgħa x’aktarx li jbatu proċess itwal ta’ fsada u, li b’hekk, titwal għalxejn is-sofferenza tagħhom. L-annimali tal-ispeċi bovina, ovina u kaprina huma l-ispeċi l-aktar komuni maqtula b’din il-proċedura. Għalhekk, ir-ruminanti maqtula mingħajr ma jiġu storduti għandhom jitrażżnu individwalment u mekkanikament.”

13

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1099/2009, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

f)

‘sturdament’ tfisser kwalunkwe proċess ikkaġunat intenzjonalment li jikkawża t-telf tas-sensi u s-sensibbiltà mingħajr uġigħ, inkluż kwalunkwe proċess li jirriżulta f’mewta istantanja;

g)

‘rit reliġjuż’ tfisser serje ta’ atti relatati mal-qatla ta’ annimali u preskritti minn reliġjon;

[…]”

14

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti ġenerali għal qtil u operazzjonijiet relatati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Waqt il-qatla u operazzjonijiet relatati, l-annimali għandhom jiġu protetti minn kwalunkwe uġigħ, stress jew tbatija li jistgħu jigu evitati.”

15

Iddedikat għall-“[m]etodi ta’ sturdament”, l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   L-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament konformement mal-metodi u r-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ dawk il-metodi kif imniżżel fl-Anness I. It-telf tas-sensi u s-sensibbiltà għandhom jinżammu sal-mewt tal-annimal.

Il-metodi msemmija fl-Anness I li ma jirriżultawx f’mewta istantanja (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘sturdament sempliċi’) għandhom ikunu segwiti kemm jista’ jkun malajr possibbli bi proċedura li tiżgura l-mewt bħall-fsada, l-enervazzjoni (pithing), l-elettrokuzzjoni jew l-espożizzjoni mtawla għal anossija.

[…]

4.   Fil-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn ċerti riti reliġjużi, ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu applikati bil-kondizzjoni li l-qatla issir f’biċċerija.”

Il-liġi Franċiża

16

L-Artikolu L. 641–13 tal-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali:

“Jistgħu jibbenefikaw minn ‘agrikoltura organika’ l-prodotti agrikoli, pproċessati jew le, li jissodisfaw lir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi jew, fejn applikabbli, lill-kondizzjonijiet stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet approvati permezz ta’ digriet jew tal-Ministru jew Ministri interessati fuq proposta tal-[INAO]”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Fl-24 ta’ Settembru 2012, l-assoċjazzjoni OABA ressqet talba quddiem il-Ministru tal-Agrikoltura intiża biex ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ burgers taċ-ċanga tat-trade mark “Tendre France”, iċċertifikati “halal” u li jinkludu r-referenza “AO”, imsemmija fl-Artikolu L. 641–13 tal-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu u maħruġa minn Ecocert, il-korp ta’ ċertifikazzjoni tad-dritt privat li jopera f’isem u taħt l-awtorità tal-INAO. Fl-istess jum, din talbet lil dan tal-aħħar biex jipprojbixxi l-użu ta’ dik ir-referenza fil-każ ta’ ċanga li tkun ġejja mill-bhejjem maqtula mingħajr ma jiġu storduti qabel.

18

Peress li dawn it-talbiet ġew impliċitament miċħuda, l-assoċjazzjoni OABA, permezz ta’ rikors tat-23 ta’ Jannar 2013, ippreżentat rikors għal abbuż ta’ poter quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza).

19

Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2014, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda b’mod partikolari, minn naħa, f’dak li jirrigwarda t-talba tal-assoċjazzjoni OABA intiża għall-annullament tar-rifjut impliċitu tal-Ministru tal-Agrikoltura u tal-INAO li jipprojbixxu l-użu tar-referenza “AO” għall-prodotti mil-laħam taċ-ċanga li jkun ġej minn bhejjem maqtula mingħajr sturdament, li d-dritt tal-Unjoni stabbilixxa b’mod eżawrjenti r-regoli dwar il-produzzjoni agrikola organika ta’ bhejjem tal-ifrat, mingħajr ma jirreferi għall-adozzjoni ta’ testi ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri u mingħajr ma tali testi huma meħtieġa biex dan ikun kompletament effettiv. Għalhekk, is-setgħa regolatorja Franċiża ma hijiex kompetenti sabiex tadotta dispożizzjonijiet nazzjonali li jtennu, jippreċiżaw jew li jikkompletaw id-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad it-talbiet tal-assoċjazzjoni OABA.

20

Min-naħa l-oħra, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) qies li t-talba ta’ din l-assoċjazzjoni intiża għall-annullament tar-rifjut impliċitu ta’ Ecocert milli tieħu, skont ir-Regolament Nru 834/2007, miżuri li jġibu fi tmiem ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tat-trade mark “Tendre France” iċċertifikati “halal” u li jinkludu r-referenza “AO”, ma setgħetx tiġi milqugħa fl-ewwel u fl-aħħar istanza. Konsegwentement, huwa attribwixxa dan l-aspett tal-kawża lit-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil, Franza).

21

Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, it-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil) ċaħad din it-talba.

22

L-assoċjazzjoni OABA appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza). Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija tallega li r-referenza “AO” ma tistax tiġi applikata fuq il-prodotti li joriġinaw minn annimali maqtula mingħajr ma qabel jiġu sturduti, peress li tali metodu ta’ qtil ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ “standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali”, stabbilit fl-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament Nru 834/2007.

23

Din issostni wkoll li, għalkemm l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 jippermetti li jkun hemm deroga mill-prinċipju tal-isturdament qabel il-qatla fil-kuntest tat-tbiċċir ritwali tal-annimali tat-trobbija, din id-deroga tapplika biss għal għanijiet ta’ saħħa tal-annimali u ta’ rispett ugwali tat-twemmin u tat-tradizzjonijiet reliġjużi.

24

Barra minn hekk, iċ-ċertifikazzjoni mogħtija minn Ecocert lil-laħam iċċertifikat “halal” li ġej minn annimali maqtula mingħajr ma qabel jiġu sturduti tikser il-prinċipju ta’ aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-prodotti organiċi.

25

Kemm il-Ministru tal-Agrikoltura kif ukoll Bionoor, Ecocert u l-INAO jitolbu li r-rikors ippreżentat mill-assoċjazzjoni OABA jiġi miċħud.

26

Qabel kollox, il-Ministru tal-Agrikoltura jsostni li la r-Regolament Nru 834/2007 u lanqas ir-Regolament Nru 889/2008 ma jipprekludu b’mod espliċitu li ssir deroga, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, mir-regola ta’ sturdament minn qabel fil-kuntest partikolari ta’ tbiċċir ritwali.

27

Sussegwentement, Bionoor targumenta li ma teżisti ebda inkompatibbiltà, kemm fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt nazzjonali, bejn iċ-ċertifikazzjoni “halal” u r-referenza “AO”, peress li r-rekwiżit ta’ qatla permezz ta’ sturdament minn qabel jammonta għal żieda ta’ kundizzjoni li d-dritt pożittiv ma jipprevedix espressament.

28

Barra minn hekk, għalkemm id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-prinċipju tal-qatla bi sturdament minn qabel, tista’ ssir deroga minn dan f’isem il-prattika ħielsa tar-reliġjon.

29

Finalment, Ecocert, li magħha tingħaqad l-INAO fir-rigward tat-talbiet, tqis li mill-għanijiet tar-Regolament Nru 834/2007, inkluż l-għan li jintlaħqu “standards għoljin dwar il-benessri tal-annimali”, ma tirriżultax inkompatibbiltà ta’ prinċipju bejn il-produzzjoni organika u l-qtil ritwali intiż biex tiġi żgurata l-libertà tal-eżerċizzju ta’ reliġjon.

30

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ fiduċja tal-konsumatur ma jinkisirx, peress li l-użu tar-referenza “AO” ġie awtorizzat b’mod korrett.

31

Il-qorti tar-rinviju tosserva li ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nri 834/2007, 889/2008 u 1099/2009 ma tiddefinixxi espressament il-metodu jew il-metodi ta’ tbiċċir tal-annimali adattati biex jissodisfaw l-għanijiet ta’ benesseri tal-annimali u biex titnaqqas it-tbatija tal-annimali, stabbiliti għall-produzzjoni organika.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-użu tar-referenza “AO” ma jistax jibbenefika lil-laħam minn annimali li jkunu s-suġġett ta’ qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament minn qabel, li hija deċiżiva għall-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali, tippreżenta diffikultà serja ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

33

Huwa f’dan il-kuntest li cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell Amministrattiv ta’ Versailles) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Ir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirriżultaw, b’mod partikolari:

mill-Artikolu 13 [TFUE];

mir-Regolament [Nru 834/2007, li r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tiegħu huma stabbiliti bir-Regolament Nru 889/2008],

u mir-Regolament [Nru 1099/2009]

għandhom jiġu interpretati [fis-sens] li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-ħruġ tat-tikketta Ewropea ‘[AO]’ għal prodotti li joriġinaw minn annimali li ġew suġġetti għal qatla għal raġunijiet reliġjużi mingħajr sturdament minn qabel, imwettqa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1099/2009?”

Fuq id-domanda preliminari

34

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, billi tirreferi rispettivament għal tikketta Ewropea “AO” u għal referenza “AO”, il-qorti tar-rinviju u l-partijiet fil-kawża prinċipali fir-realtà għandhom l-intenzjoni li jirreferu għall-logo organiku tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 834/2007 u tal-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 889/2008.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 834/2007, b’mod partikolari l-Artikolu 3 u l-Artikolu 14(1)(b)(viii) tiegħu, moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza t-twaħħil tal-logo organiku tal-Unjoni Ewropea fuq prodotti derivanti minn annimali li kienu s-suġġett ta’ qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament minn qabel, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1099/2009, b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Premessa 1 tar-Regolament Nru 834/2007 tiddikjara li l-produzzjoni organika, li hija sistema globali ta’ ġestjoni agrikola u ta’ produzzjoni tal-ikel, hija kkaratterizzata mill-“applikazzjoni ta’ standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali”, filwaqt li l-Premessa 10 tar-Regolament Nru 889/2008 tirrikonoxxi l-benesseri tal-annimali bħala “waħda mill-prijoritajiet tal-agrikoltura organika”. L-Artikolu 3(a)(iv) u (c) tar-Regolament Nru 834/2007 jipprovdi wkoll li l-produzzjoni organika għandha l-għan, b’mod partikolari, “li tiġi stabbilita sistema ta’ ġestjoni sostenibbli għall-agrikultura li […] tirrispetta standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali” u li “tipproduċi varjetà kbira ta’ ikel u prodotti agrikoli oħrajn li jwieġbu għad-domanda tal-konsumaturi għal oġġetti prodotti bl-użu ta’ proċessi li ma jagħmlux ħsara lill-[…] benesseri ta’ l-annimali”. L-Artikolu 5(h) ta’ dan ir-regolament jipprevedi wkoll li l-agrikoltura organika hija intiża li tapplika “fl-osservanza ta’ benesseri ta’ l-annimali ta’ livell għoli filwaqt li jiġu rrispettati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ l-ispeċi”.

37

L-obbligu li tiġi mminimizzata t-tbatija tal-annimal, li hija stabbilita fl-Artikolu 14(1)(b)(viii) tar-Regolament Nru 834/2007, jikkontribwixxi sabiex jitwettaq dan l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ benesseri tal-annimali.

38

Billi enfasizza f’diversi okkażjonijiet l-impenn tiegħu li jiżgura livell għoli ta’ benesseri tal-annimali fil-kuntest tal-agrikoltura organika, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jenfasizza li dan il-metodu ta’ produzzjoni agrikola huwa kkaratterizzat mill-osservanza ta’ standards ogħla fil-qasam tal-benesseri tal-annimali fil-postijiet kollha u fl-istadji kollha ta’ din il-produzzjoni fejn dan il-benesseri jista’ jkompli jtejjeb iktar.

39

Konformement mal-Artikolu 1(3) tiegħu, ir-Regolament Nru 834/2007 japplika għal kull operatur involut f’attivitajiet fi kwalunkwe stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, relatata mal-prodotti agrikoli mniżżla fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni. Issa, skont l-Artikolu 2(i) tar-regolament imsemmi, il-“preparazzjoni” tinkludi, b’mod partikolari, il-qtil tal-annimali.

40

F’dan ir-rigward, dan ir-Regolament jillimita ruħu biex isostni, fl-Artikolu 14(1)(b)(viii) tiegħu, li “kwalunkwe sofferenza, inkluża l-mutilazzjoni, għandha tinżamm għal minimu matul il-ħajja intiera ta’ l-annimal, inkluż fil-ħin ta’ qatla”.

41

Ċertament, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 834/2007 jew tar-Regolament Nru 889/2008 ma tiddefinixxi espressament il-metodu jew il-metodi ta’ qtil tal-annimali adatti biex jimminimizzaw it-tbatija tal-annimali u, għaldaqstant, biex jintlaħaq l-għan li jkun żgurat livell għoli ta’ benesseri tal-annimali.

42

Madankollu, ir-Regolament Nru 834/2007 ma jistax jinqara indipendentement mir-Regolament Nru 1099/2009.

43

Fil-fatt, minn naħa, dan l-aħħar regolament jirregola b’mod speċifiku l-qtil tal-annimali.

44

Min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi l-għan prinċipali mfittex mir-Regolament Nru 1099/2009, kif jirriżulta mit-titolu stess ta’ dan ir-regolament u mill-premessa 2 tiegħu, u dan, b’mod konformi mal-Artikolu 13 TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod sħiħ ir-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali meta jifformulaw u jimplimentaw il-politika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 6364).

45

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1099/2009 jikkontribwixxi, hekk kif jistabbilixxu rispettivament il-Premessi 4 u 24 tiegħu, għat-“titjib tal-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tal-qatla” u biex jiffavorixxi “[ċ]erti metodi ta’ sturdament [li] jistgħu jwasslu għall-mewt waqt li jiġi evitat l-uġigħ u jitnaqqas l-istress jew it-tbatija għall-annimali”.

46

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1099/2009, “Waqt il-qatla […], l-annimali għandhom jiġu protetti minn kwalunkwe uġigħ, stress jew tbatija li jistgħu jigu evitati”. Dan ir-rekwiżit ġenerali applikabbli għall-qtil tal-annimali huwa, b’mod partikolari, ikkonkretizzat fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi, minn naħa, li “[l]-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament” u, min-naħa l-oħra, li “[i]t-telf tas-sensi u s-sensibbiltà għandhom jinżammu sal-mewt tal-annimal”.

47

B’hekk, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Premessa 20 tal-imsemmi regolament, jistabbilixxi l-prinċipju tal-isturdament tal-annimal qabel il-qtil tiegħu u saħansitra jistabbilixxih bħala obbligu. Fil-fatt, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, studji xjentifiċi stabbilixxew li l-isturdament huwa t-teknika li toħloq l-inqas preġudizzju għall-benesseri tal-annimali fil-ħin tal-qatla.

48

Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri fid-dawl tal-Premessa 18 ta’ dan ir-regolament, jirrikonoxxi l-prattika tal-qtil ritwali, li fil-kuntest tiegħu l-annimal jista’ jinqatel mingħajr ma jiġi stordut minn qabel, din il-forma ta’ qtil, li hija awtorizzata biss bħala deroga fl-Unjoni u unikament sabiex ikun żgurat ir-rispett tal-libertà tar-reliġjon (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 55 sa 57), ma hijiex ta’ natura li tnaqqas kull uġigħ, stress jew tbatija tal-annimali b’mod daqstant effettiv daqs qtil bi sturdament minn qabel, li, skont l-Artikolu 2(f) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-Premessa 20 tiegħu, huwa neċessarju sabiex jikkawża fl-annimal stat ta’ telf mis-sensi u telf ta’ sensittività li jistgħu jnaqqsu b’mod kunsiderevoli t-tbatija tiegħu.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm ir-Regolament Nru 1099/2009 jippreċiża, fil-Premessa 43 tiegħu, li l-qatla mingħajr sturdament minn qabel teħtieġ qatgħa preċiża tal-gerżuma b’sikkina taqta’ sabiex titnaqqas “[kemm jista’ jkun]” it-tbatija tal-annimal, l-użu ta’ tali teknika ma tippermettix li titnaqqas “għall-minimu” t-tbatija fis-sens tal-Artikolu 14(1)(b)(viii) tar-Regolament Nru 834/2007.

50

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll il-konvenuti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-metodi partikolari ta’ qtil stabbiliti minn riti reliġjużi, li jitwettqu mingħajr sturdament minn qabel u li huma permessi mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, ma humiex ekwivalenti, f’termini ta’ garanzija ta’ livell għoli ta’ benesseri tal-annimal fil-mument tal-qtil tiegħu, għall-metodu ta’ qatla bi sturdament minn qabel, li bħala prinċipju huwa impost mill-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament.

51

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Premessa 3 tar-Regolament Nru 834/2007 issemmi l-għan li “[tinżamm u tiġi ġġustifikata] l-kunfidenza tal-konsumatur fi prodotti ttikkettati bħala organiċi”. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jkun żgurat li l-konsumaturi jkollhom fiduċja li l-prodotti li jkollhom il-logo organiku tal-Unjoni Ewropea jkunu effettivament inkisbu skont l-ogħla standards, b’mod partikolari dwar il-benesseri tal-annimali.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 834/2007, b’mod partikolari l-Artikolu 3 u l-Artikolu 14(1)(b)(viii) tiegħu, moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax it-twaħħil tal-logo organiku tal-Unjoni Ewropea fuq prodotti dderivati minn annimali li kienu s-suġġett ta’ qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament minn qabel, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1099/2009, b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91, b’mod partikolari l-Artikolu 3 u l-Artikolu 14(1)(b)(viii) tiegħu, moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax it-twaħħil tal-logo organiku tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008, tal-5 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 834/2007, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 271/2010, tal-24 ta’ Marzu 2010, fuq prodotti dderivati minn annimali li kienu s-suġġett ta’ qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament minn qabel, fil-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla, b’mod partikolari mill-Artikolu 4(4) tiegħu.

 

Lenaerts

Silva de Lapuerta

Bonichot

Arabadjiev

Biltgen

Jürimäe

Lycourgos

Malenovský

Levits

Bay Larsen

Šváby

Vajda

Rodin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Frar 2019.

Reġistratur

A. Calot Escobar

Il-President

K. Lenaerts


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.