17.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/20


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja) fil-25 ta’ Jannar 2010 — Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, Elliniki Etaireia gia tin Prostasia tou Perivallontos kai tis Politistikis Klironomias et, u Pagkosmio Tameio gia ti Fysi — WWF Ellas vs Ipourgos Perivallontos, Khorotaxias kai Dimosion Ergon et

(Kawża C-43/10)

2010/C 100/32

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Symvoulio tis Epikrateias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias (Awtorità tal-Prefett ta’ Aitoloakarnania) et, Elliniki Etaireia gia tin Prostasia tou Perivallontos kai tis Politistikis Klironomias (Soċjetà Ellenika għall-Protezzjoni tal-Ambjent u tal-Wirt Kulturali) et, u Pagkosmio Tameio gia ti Fysi — WWF Ellas (Fond Dinji għan-Natura — WWF tal-Greċja)

Konvenuti: Ipourgos Perivallontos, Khorotaxias kai Dimosion Ergon (Ministru għall-Ambjent, Ippjanar Reġjonali u Xogħlijiet Pubbliċi) et

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275), jistabbilixxi sempliċi terminu finali (22 ta’ Diċembru 2009) għat-tħejjija tal-pjanijiet tal-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma jew jistabbilixxi, sa dik id-data, terminu speċjali għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 3, 4, 5, 6, 9, 13 u 15 ta’ din id-direttiva?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tiddeċiedi li d-dispożizzjoni msemmija tad-Direttiva 2000/60 tistabbilixxi sempliċi terminu finali għat-tħejjija tal-pjanijiet tal-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma:

(2)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-trasferiment minn baċin ta’ xmara partikolari għal baċin ta’ xmara ieħor, mingħajr ma jkunu għadhom tħejjew il-pjanijiet għad-distretti tal-baċin ta’ xmara li fihom jinsabu l-baċini ta’ xmara li minnhom u lejhom ser jiġi ttrasferit l-ilma, hija konformi mal-Artikoli 2, 3, 4, 5, 6, 9, 13 u 15 tad-Direttiva 2000/60 fid-dawl tal-fatt li, taħt l-Artikolu 2(15) ta’ din id-direttiva, l-unità prinċipali għall-immaniġġjar ta’ baċin ta’ xmara hija d-distrett tal-baċin ta’ xmara li minnu jkun jagħmel parti?

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv:

(3)

Fid-dawl tal-Artikoli 2, 3, 5, 6, 9, 13 u 15 tad-Direttiva 2000/60, huwa permess it-trasferiment ta’ ilma minn distrett ta’ baċin ta’ xmara lil distretti ta’ baċin ta’ xmara ieħor li jinsab fil-qrib? Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, l-iskop ta’ dan it-trasferiment jista’ jkun biss dak li jiġu sodisfatti bżonnijiet ta’ provvista ta’ ilma għax-xorb jew dan it-trasferiment jista’ jsir ukoll bl-iskop li jaqdi bżonnijiet ta’ irrigazzjoni u ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku? Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija ta’ din id-direttiva, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet amministrattivi jkunu ddeċidew, billi jagħtu r-raġunijiet tagħhom u abbażi tal-istudju xjentifiku meħtieġ, li d-distrett ta’ baċin ta’ xmara li lejh jiġi ttrasferit l-ilma ma jistax, bir-riżorsi tal-ilma tiegħu biss, jaqdi l-bżonnijiet tiegħu f’termini ta’ provvista ta’ ilma għax-xorb, irrigazzjoni, eċċ?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tiddeċiedi, fir-rigward tad-ewwel domanda, li l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 2000/60 ma jistabbilixxix sempliċi terminu finali (22 ta’ Diċembru 2009) għat-tħejjija tal-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-riżorsi tal-ilma iżda jistabbilixxi terminu speċjali għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 3, 4, 5, 6, 9, 13 u 15 ta’ din id-direttiva:

(4)

Leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata f’dan it-terminu speċjali għat-traspożizzjoni u li tippermetti t-trasferiment ta’ ilma minn baċin ta’ xmara partikolari għal baċin ta’ xmara ieħor, mingħajr ma jkunu għadhom tħejjew il-pjanijiet għad-distretti tal-baċin ta’ xmara li fihom jinsabu l-baċini ta’ xmara li minnhom u lejhom ser jiġi ttrasferit l-ilma, tippreġudika fiha nfisha l-effettività tad-Direttiva 2000/60 jew sabiex jiġi evalwat jekk hijiex ippreġudikata l-effettività ta’ din id-direttiva huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji bħall-portata tal-interventi previsti u l-iskopijiet tat-trasferiment tal-ilma?

(5)

Dispożizzjoni nazzjonali, adottata minn parlament nazzjonali u li tapprova pjanijiet tal-immaniġġjar ta’ baċin ta’ xmara mingħajr ma r-regoli nazzjonali rilevanti jipprevedu stadju għall-konsultazzjoni tal-pubbliku fil-proċedura quddiem il-parlament nazzjonali, u mingħajr ma jirriżulta mill-proċess li kienet osservata l-proċedura ta’ konsultazzjoni quddiem l-awtoritajiet amministrattivi prevista mid-Direttiva 2000/60, hija kompatibbli mal-Artikoli 13, 14 u 15 ta’ din id-direttiva, li jikkonċernaw il-proċeduri għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku?

(6)

Fid-dawl tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151), stima dwar l-impatt fuq l-ambjent li tikkonċerna l-bini ta’ digi u t-trasferiment ta’ ilma u li tressqet għall-approvazzjoni tal-parlament nazzjonali wara li deċiżjoni ġudizzjarja annullat il-miżura li kienet approvat din l-istima preċedentement u li fil-konfront tagħha ma kinitx preċedentement osservata l-proċedura ta’ informazzjoni lill-pubbliku, u dan mingħajr ma din il-proċedura kienet osservata sussegwentement, tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 1, 2, 5, 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2000/60 fir-rigward tal-informazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku?

(7)

Pjan biex tiġi ddevjata xmara jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157) meta dan il-pjan: (a) jikkonċerna l-bini ta’ digi u t-trasferiment ta’ ilma minn distrett ta’ baċin ta’ xmara għal distrett ieħor, (b) jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/60, (c) jikkonċerna xogħlijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 85/337 u (d) jista’ jkollu effetti ambjentali fuq żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102)?

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv:

(8)

Fid-dawl tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2001/42, atti li kienu jikkonċernaw il-proġett inkwistjoni u li ġew annullati b’effett retroattiv permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala atti preparatorji formali maħruġa qabel il-21 ta’ Lulju 2004 b’tali mod li ma hemm ebda obbligu li titħejja stima ambjentali strateġika?

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fin-negattiv:

(9)

Fid-dawl tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42, jekk proġett jaqa’ fl-istess ħin fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u f’dak tad-Direttivi 2000/60 u 85/337, li wkoll jeħtieġu stima tal-effetti ambjentali ta’ dan il-proġett, l-istimi mħejjija abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2000/60 u 85/337 huma suffiċjenti sabiex ikunu osservati r-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/42 jew huwa meħtieġ li titħejja stima ambjentali strateġika separata?

(10)

Fid-dawl tal-Artikoli 3, 4 u 6 tad-Direttiva 92/43, iż-żoni inklużi fil-listi nazzjonali ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità (SIK) u, eventwalment, inklużi fil-lista Komunitarja ta’ SIK kienu koperti mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 92/43 qabel il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/613/KE, tad-19 ta’ Lulju 2006, li adottat il-lista ta’ SIK protetti għar-reġjun bijoġeografiku Mediterranju?

(11)

Fid-dawl tal-Artikoli 3, 4 u 6 tad-Direttiva 92/43, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-twettiq ta’ proġett għad-devjazzjoni ta’ ilmijiet li ma jkunx marbut direttament ma’ jew ma jkunx meħtieġ għall-konservazzjoni ta’ distrett inkluż f’żona ta’ protezzjoni speċjali meta mill-istudji kollha inklużi fil-fajl marbut ma’ dan il-proġett jirriżulta li ma kien hemm ebda informazzjoni jew li ma kienx hemm data affidabbli u aġġornata fir-rigward tal-għasafar f’dan id-distrett?

(12)

Fid-dawl tal-Artikoli 3, 4 u 6 tad-Direttiva 92/43, raġunijiet marbuta prinċipalment mal-irrigazzjoni u, sussidjarjament, mal-provvista tal-ilma għax-xorb, mogħtija bħala r-raġunijiet għat-twettiq ta’ proġett ta’ devjazzjoni ta’ ilmijiet, jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku meħtieġa minn din id-direttiva sabiex il-proġett inkwistjoni jkun jista’ jitħalla jitwettaq minkejja l-effetti negattivi tiegħu kollha fuq żoni protetti minn din id-direttiva?

Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv:

(13)

Fid-determinazzjoni tal-miżuri kumpensatorji suffiċjenti meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-koerenza globali ta’ żona Natura 2000 li tkun affettwata b’mod ħażin minn proġett ta’ devjazzjoni ta’ ilmijiet, fid-dawl tal-Artikoli 3, 4 u 6 tad-Direttiva 92/43, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji bħalma huma l-portata ta’ din id-devjazzjoni u l-ammont ta’ xogħlijiet li tinvolvi din id-devjazzjoni?

(14)

Fid-dawl tal-Artikoli 3, 4 u 6 tad-Direttiva 92/43, interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat KE, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-twettiq ta’ proġett ta’ devjazzjoni ta’ ilmijiet f’żona Natura 2000 li ma jkunx marbut direttament ma’ jew ma jkunx meħtieġ għall-konservazzjoni tal-koerenza ta’ dik iż-żona, meta mill-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent tal-proġett jirriżulta li l-proġett ser jirriżulta fil-konverżjoni ta’ ekosistema tax-xmajjar naturali għal ekosistema tax-xmajjar u tal-lagi artifiċjali?