15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/280


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1222/2009”

(COM(2018) 296 final — 2018/0148 (COD))

(2019/C 62/44)

Relatur:

András EDELÉNYI

Konsultazzjonijiet

Parlament Ewropew, 11.6.2018

Kunsill, 14.6.2018

Bażi legali

L-Artikoli 194(2), 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

4.10.2018

Adottata fil-plenarja

17.10.2018

Sessjoni plenarja Nru

538

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

215/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ir-rieżami l-ġdid mil-leġislatur Ewropew tal-prestazzjoni u tal-kwalità globali kif ukoll tat-tikkettar tat-tajers użati fl-UE, skont ir-rekwiżiti tagħha. It-tajers, bħala l-uniku punt ta’ kuntatt bejn il-vettura u t-triq, jikkontribwixxu konsiderevolment għas-sikurezza ġenerali tat-trasport u għall-konsum tal-fjuwil.

1.1.1.

Il-KESE jaqbel li t-titjib tat-tikkettar tat-tajers għandu jagħti lill-konsumaturi aktar informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, is-sikurezza u l-istorbju. B’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni rilevanti u komparabbli meta jixtru tajers ġodda u jieħdu deċiżjoni informata.

1.1.2.

Aspett ieħor importanti huwa li tikkettar tajjeb jippermetti lill-konsumatur jagħmel l-għażla tiegħu bbażata fuq bilanċ aktar realistiku bejn il-kriterji tad-deċiżjonijiet li huma d-data tal-prestazzjoni, l-immaġni tal-marka u l-livelli tal-prezzijiet. Dan jgħin ukoll lix-xerrejja informati biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri profitabbli u favur l-ambjent, li huma kemm tajbin għall-ambjent kif ukoll jiffrankaw il-flus, li huwa fattur sinifikanti.

1.1.3.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-proposta għal Regolament se tgħin biex issaħħaħ l-effettività tal-iskema tat-tikkettar tat-tajers sabiex tiżgura vetturi aktar nodfa, aktar sikuri u inqas storbjużi, filwaqt li tkattar kemm jista’ jkun is-sistema għall-immodernizzar u d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport.

1.1.4.

L-iżvilupp, il-produzzjoni u l-ittredjar mill-ġdid tat-tajers ta’ kwalità għolja jistgħu indirettament jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għaż-żamma ta’ manifattura Ewropea ta’ valur miżjud għoli u, konsegwentement, impjieg ta’ kwalità għolja. Fir-rigward tas-soċjetà fit-totalità tagħha, dan jista’ jnaqqas il-kostijiet totali għall-utenti aħħarija kif ukoll l-infiq, kemm mill-perspettiva finanzjarja kif ukoll fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza kontra l-inċidenti.

1.1.5.

Il-KESE japprova r-rieżami tas-sistema tat-tikkettar tat-tajers, peress li dan tikkontribwixxi għall-isforzi magħmula mill-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u t-tniġġis tal-arja u b’hekk jittejbu s-sikurezza tat-trasport bit-triq, il-protezzjoni tas-saħħa kif ukoll l-effiċjenza ekonomika u ambjentali.

1.1.6.

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li s-sistema tal-mobbiltà tal-ġejjieni tkun sikura, nadifa, u effiċjenti għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. L-għan huwa li l-mobbiltà Ewropea ssir aktar sikura u aktar aċċessibbli, li l-industrija Ewropea ssir aktar kompetittiva, li l-impjiegi Ewropej ikunu aktar sikuri, u li t-trasport fl-UE jkun aktar nadif u adattat aħjar għall-ġlieda obbligatorja kontra t-tibdil fil-klima. Biex jintlaħaq dan l-għan jinħtieġ l-impenn sħiħ tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati.

1.2.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir it-tisħiħ tal-obbligu li titwaħħal it-tikketta f’sitwazzjonijiet fejn il-konsumaturi ma jarawx it-tajer jew it-tajers li qed jikkunsidraw li jixtru (meta t-tajers ikunu maħżuna x’imkien ieħor jew meta jinxtraw mill-bogħod jew fuq l-Internet).

1.2.1.

Il-Kumitat jaqbel li l-proposta tipprevedi l-inklużjoni ta’ tajers fil-bażi tad-data ta’ prodotti stabbilita reċentement skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 biex ittejjeb is-sorveljanza tas-suq u l-informazzjoni għall-konsumatur.

1.2.2.

Il-KESE huwa favur li l-fornituri jkollhom l-obbligu li tiddaħħal informazzjoni fil-bażi tad-data ġdida ta’ prodotti. Din hija informazzjoni li huma diġà għandhom jipprovdu, jekk jiġu mitluba, lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq. Il-piż addizzjonali impost jitqies għalhekk bħala minimu u proporzjonat għall-benefiċċji, b’mod partikolari meta f’dan il-kuntest huwa possibbli li tintuża l-konnessjoni mal-bażijiet tad-data eżistenti u jiġi evitat li l-konsumaturi jitgħabbew bl-informazzjoni.

1.2.3.

It-terminu għall-implimentazzjoni tar-Regolament għandu jiġi estiż b’sena sabiex tkun tista’ ssir preparazzjoni intensiva. Fir-rigward tad-data ta’ referenza, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata d-data ta’ manifattura indikata fuq il-prodott aktar milli d-data tat-tqegħid fis-suq, li twassal għal riskji ta’ duplikazzjonijiet.

1.2.4.

Inizjattiva pożittiva hija l-proposta biex fuq it-tikketta tal-prestazzjoni jkun hemm l-obbligu li tiddaħħal indikazzjoni ta' kif għandhom jintużaw it-tajers fuq il-borra u s-silġ, u l-proposta dwar logo ġdid rigward is-silġ (id-disinn għandu jiġi introdott mill-ISO sa Diċembru 2018), li huwa fuq kollox rilevanti għall-pajjiżi tal-Ewropa ta' fuq. Metodu ta' ttestjar sikur għall-prestazzjoni fuq is-silġ għadu jrid jiġi żviluppat u adottat definittivament, u introduzzjoni gradwali hija ġġustifikata.

1.2.5.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir iż-żieda fin-numru u fl-importanza tal-aspetti relatati mas-sikurezza fost il-parametri li jinsabu fuq it-tikketta. Madankollu, dan ma jidhirx kompatibbli mal-modifika proposta għall-format tat-tikketta, b’mod partikolari, il-proporzjonijiet interni u d-dimensjonijiet tagħha.

1.2.6.

Is-sistema ta’ rieżami regolari tar-Regolament, iffaċilitat mir-riċerka, il-valutazzjoni tal-impatt u l-konsultazzjoni, qed taħdem tajjeb u, minħabba li s-suġġett huwa kumpless ħafna, għandha tinżamm fil-futur, qabel kwalunkwe bidla teknika sostanzjali. Is-setgħat delegati tal-Kummissjoni bejn żewġ reviżjonijiet huma ġġustifikati għall-modifiki loġiċi minuri motivati mill-progress tekniku.

1.2.7.

Il-klassijiet tal-parametri eżistenti huma adattati għal mill-inqas ċiklu ta’ reviżjoni addizzjonali, peress li modifika fl-iskala mhijiex iġġustifikata minħabba klassijiet ogħla li issa huma prattikament vojta.

1.2.8.

Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jħeġġu lill-manifatturi biex jiksbu riżultati stabbli u ta’ kwalità tajba ta’ emissjonijiet u ta’ żvilupp tekniku, iżda dawn għandhom jinżammu fuq il-bażi ta’ prinċipji uniformi fil-livell tal-klassi C u lil hinn.

1.2.9.

Fil-futur, tista’ tiġi mħeġġa l-inklużjoni ta’ indikazzjonijiet tal-kilometraġġ u r-reżistenza għall-brix fuq it-tikketta jew fid-data teknika. Madankollu, sakemm ma jkollniex metodu ta’ ttestjar standardizzat adatt, ma nistgħux nippermettu li titnaqqas l-kredibilità tat-tikkettar minħabba informazzjoni inċerta u insuffiċjenti.

1.2.10.

L-introduzzjoni futura tat-tikkettar tat-tajers ittredjati mill-ġdid tal-klassi C3 hija milqugħa tajjeb. Hawnhekk ukoll, se jkun meħtieġ li l-ewwel jiġu żviluppati metodi ta’ ttestjar rilevanti u affidabbli. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġu protetti l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ ttredjar mill-ġdid kontra kull kost eċċessiv tal-metodi ta’ ttestjar.

1.2.11.

Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tar-regolamenti kollha, huwa essenzjali li tiġi pprovduta informazzjoni adatta u li jiġi żgurat li l-komunità tal-konsumaturi u tal-utenti jkollha l-għarfien meħtieġ u tkun imħejjija sew permezz tat-taħriġ u ta’ parteċipazzjoni wiesgħa tas-soċjetà ċivili.

2.   Introduzzjoni: kuntest u punti ewlenin tal-proposta

2.1.

Din il-proposta għal Regolament tħassar u tissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1222/2009 (1) dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers” jew “RTT”).

2.1.1.

Qabel l-implimentazzjoni tiegħu fl-2012, ir-RTT ġie emendat darbtejn fl-2011. L-ewwel darba biex jinkludi metodu ġdid ta’ ttestjar għall-qabda tat-tajers fuq l-imxarrab, imbagħad biex tiżdied proċedura aktar stretta ta’ allinjament tal-laboratorji għall-kejl tar-reżistenza għad-dawrien. Il-proposta li bħalissa qed titressaq mill-Kummissjoni tinkorpora dawn iż-żewġ modifiki.

2.2.

Fl-2009, l-Unjoni adottat żewġ settijiet ta’ regoli dwar it-tajers, filwaqt li qieset il-ħtiġijiet u l-opinjonijiet professjonali ġodda:

l-RTT, li stabbilixxa rekwiżiti tal-Unjoni li jarmonizzaw l-informazzjoni dwar il-parametri tat-tajers li għandha tingħata lill-utenti aħħarija biex ix-xerrej ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet infurmati; u

ir-Regolament (2) dwar ir-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi motorizzati (minn hawn ’il quddiem l-“RSĠ”), li stabbilixxa rekwiżiti tekniċi armonizzati li t-tajers għandhom jissodisfaw qabel ma jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

2.2.1.

Ir-RSĠ jistabbilixxi rekwiżiti minimi, fost l-oħrajn għat-tajers, rigward: i) ir-reżistenza għad-dawrien; ii) il-prestazzjoni tal-qabda fuq l-imxarrab; u iii) l-istorbju estern tad-dawrien tat-tajers.

2.3.

Dawn ir-rekwiżiti saru applikabbli mill-1 ta’ Novembru 2012, u t-tieni fażi ta’ rekwiżiti aktar stretti għar-reżistenza għad-dawrien bdiet tapplika fl-1 ta’ Novembru 2016 (b’aktar aġġustamenti li se jibdew japplikaw fl-2018 u fl-2020).

2.3.1.

Il-qafas ġenerali għat-tikkettar tal-enerġija ġie aġġornat fl-2017 bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1369 (3). Dan ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 2010/30/UE u daħħal għadd ta’ elementi ġodda, fosthom bażi tad-data tar-reġistrazzjoni tal-prodotti u regoli ġodda dwar ir-riklamar viżiv u dwar il-bejgħ mill-bogħod u bl-Internet.

2.4.

Fis-17 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill kien diġà kkonsulta mal-KESE dwar l-ewwel proposta, u s-sezzjoni kompetenti adottat l-Opinjoni tagħha fit-12 ta’ Marzu 2009 (TEN/369, relatur: Virgilio Ranocchiari). Il-KESE adotta l-opinjoni tiegħu fl-452 sessjoni plenarja tiegħu fil-25 ta’ Marzu 2009.

2.5.

Sabiex tiġi evalwata l-effettività tar-Regolament (KE) Nru 1222/2009, il-Kummissjoni Ewropea kkummissjonat studju u valutazzjoni tal-impatt dettaljati [SWD (2018) 189 final]. Il-konklużjonijiet tagħhom servew bħala l-bażi biex tiġi ppreżentata l-proposta għal emenda. Din żiedet żewġ parametri mar-RSĠ, jiġifieri, il-possibbiltà li tindika: iv. il-prestazzjoni fuq il-borra; u v. il-prestazzjoni fuq is-silġ. Il-korrelazzjoni bejn il-parametri mkejla u l-oqsma kkonċernati hija ppreżentata fit-tabella hawn taħt:

Erja

Parametru

Reżistenza għad-dawrien

Qabda fuq l-imxarrab

Ħsejjes

Borra

Silġ

Ambjent

X

 

X

 

 

Enerġija

X

 

 

 

 

Sikurezza

 

X

 

X

X

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

It-trasport jammonta għal aktar minn 30 % tal-konsum tal-enerġija fl-UE. It-trasport bit-triq huwa responsabbli għal madwar 22 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra. L-għan tal-Komunikazzjoni tal-2016 intitolata “Strateġija Ewropea għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi” huwa li, sal-2050, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġejjin mit-trasport jitnaqqsu b’tal-inqas 60 % meta mqabbla mal-livell tagħhom tal-1990. It-tielet pakkett dwar il-mobbiltà għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet mill-karozzi u l-vetturi tqal tal-merkanzija, itejjeb is-sikurezza tat-trasport bit-triq u jnaqqas it-tniġġis. Huwa jgħin ukoll biex inaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija. It-tajers tal-vetturi jaffettwaw il-konsum tal-fjuwil (u għalhekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra), l-istorbju u s-sikurezza.

3.2.

Analiżi tar-Regolament dwar it-Tikkettar tat-Tajers attwali wriet li dan ma kienx biżżejjed biex jintlaħaq bis-sħiħ l-għan li tiżdied l-effiċjenza ambjentali tat-trasport bit-triq billi jiġu promossi tajers sikuri, inqas storbjużi u effiċjenti fl-użu tal-fjuwil. Ir-raġunijiet prinċipali huma dawn li ġejjin:

(a)

it-tikkettar tat-tajers ftit li xejn huwa viżibbli u ftit hemm għarfien pubbliku dwaru;

(b)

hemm problemi ta’ konformità u l-Istati Membri ma jinfurzawx ir-regoli biżżejjed;

(c)

ċerti klassijiet ta’ prestazzjoni huma inċerti u hemm informazzjoni mhux kompluta u impreċiża.

3.3.

L-azzjoni regolatorja tal-Unjoni tiggarantixxi:

(a)

l-istess informazzjoni armonizzata għall-utenti aħħarija, ikun xi jkun l-Istat Membru li fih jixtru t-tajers tagħhom;

(b)

kostijiet aktar baxxi għall-fornituri, li jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw it-tajers tagħhom mal-UE kollha b’tikketta waħdanija.

3.4.

Dawn il-vantaġġi fl-aħħar mill-aħħar huma kollha ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, iżidu s-sikurezza u jsaħħu l- kompetittività tal-industrija Ewropea tat-tajers. Dawn jiffaċilitaw il-kummerċ tat-tajers fis-suq intern, filwaqt li joffru lill-konsumaturi kostijiet globali aktar baxxi u firxa usa’ ta’ prodotti. Biex l-azzjoni fil-livell tal-UE tkun effettiva, il-ħidma ta’ sorveljanza tas-suq għandha tkun konsistenti mal-UE kollha, b’mod li tappoġġa s-suq intern. Il-manifatturi għandhom jingħataw inċentivi biex jinvestu riżorsi fid-disinn, fil-manifattura u fil-bejgħ ta’ tajers effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

3.5.

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa wriet li hemm qbil dwar il-ħtieġa li jittejjeb il-livell ta’ għarfien dwar it-tikkettar, permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, tikkettar online obbligatorju u t-tikkettar ta’ tajers mibjugħa oriġinalment ma’ vetturi ġodda. Biex tittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi, dawk li wieġbu qablu li għandha tiżdied is-sorveljanza tas-suq u li trid tinħoloq pjattaforma aħjar biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jinfurzaw u jikkoordinaw l-attivitajiet.

3.6.

Għandha tiġi approvata ż-żieda fin-numru u fl-importanza tal-parametri relatati mas-sikurezza fost il-karatteristiċi li jinsabu fuq it-tikketta. Madankollu, dan ma jidhirx li huwa kompatibbli mat-tnaqqis relattiv fl-ispazju okkupat mir-rappreżentazzjoni ta’ dawn il-parametri, li jinvolvi modifika fid-dehra tat-tikketta. Mhuwiex ċar ukoll għalfejn id-dimensjonijiet tat-tikketta għandhom jinbidlu.

3.7.

Il-valutazzjoni tal-impatt fil-fond uriet li l-fiduċja fis-sistemi tat-tikkettar hija kwistjoni sensittiva u importanti, li tqiegħed responsabbiltà kbira fuq ir-regolamentazzjoni, peress li huwa meħtieġ li jintgħażel u jiġi kkomunikat numru żgħir ta’ parametri ta’ informazzjoni preċiżi u affidabbli. Barra minn hekk, dan huwa kompitu li jiswa l-flus għall-korpi nazzjonali rilevanti tas-sorveljanza tas-suq, peress li għandhom jipproteġu mhux biss lill-konsumaturi iżda wkoll lill-manifatturi onesti sabiex dawn tal-aħħar ma jsibux ruħhom fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ kumpaniji li huma inqas affidabbli, jew li m’huma xejn affidabbli, u għalhekk ibiegħu bi prezzijiet aktar baxxi.

3.8.

Il-koeżistenza tal-elementi kollha msemmija hawn fuq tista’ toħloq il-qafas adatt biex jappoġġja r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u jiggwida b’mod effettiv l-għanijiet u r- riżorsi ewlenin allokati lilhom.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Sabiex jiġu introdotti rekwiżiti ġodda u biex l-annessi jiġu adattati għall-progress tekniku, il-Kummissjoni Ewropea – fuq il-bażi ta’ delega ta’ setgħa – għandha tikkonsulta esperti. Madankollu, il-modifika ta’ dan ir-Regolament fuq il-bażi ta’ delega ta’ setgħa għandha tkun limitata għal miżuri li jirriżultaw minn progress teknoloġiku, u m’għandhiex tiffoka fuq bidliet sostanzjali bħal dispożizzjonijiet ġodda relatati mal-kilometraġġ, mar-reżistenza għall-brix jew mat-tajers ittredjati mill-ġdid, li għalihom hija proposta reviżjoni perjodika. Dan jippermetti tfassil aħjar ta’ liġijiet (4). F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li tiġi żgurata rappreżentazzjoni b’saħħitha ta’ organizzazzjonijiet professjonali tas-soċjetà ċivili. Fil-fatt, dawn l-organizzazzjonijiet – b’differenza minn istituzzjonijiet oħra, li għandhom data minn punt speċifiku, ċiklika u/jew indiretta – jirċievu informazzjoni diretta u aġġornata kontinwament permezz tal-komunità tal-utenti (konsumaturi individwali u maniġers tal-flotot ta’ vetturi).

4.2.

Fuq il-bażi tar-rapport ta’ riċerka mħejji għar-rieżami tar-Regolament u d-data minn stħarriġ tas-suq, il-KESE jemmen li għadu kmieni wisq biex jiġu mmodifikati l-klassijiet tal-parametri: fil-fatt, rigward il-klassijiet tar-reżistenza għad-dawrien u l-prestazzjoni tal-qabda fuq l-imxarrab, inqas minn 1 % tal-prodotti fis-suq jiksbu A, għalhekk din il-kategorija hija kważi vojta. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1369, modifika tal-iskala hija ġġustifikata biss jekk 30 % tal-prodotti jilħqu l-ogħla klassi. Min-naħa l-oħra, skala ta’ 6 sa 7 stadji, li l-ogħla tnejn minnhom ma jkunux użati, mhix motivanti ħafna. Minn perspettiva teknika, għandu jitqies ukoll il-fatt li testijiet imwettqa fuq l-istess serje ta’ tajers xi drabi jistgħu jwasslu għal żewġ klassifikazzjonijiet differenti.

4.3.

Il-KESE jaqbel mal-ambizzjoni li fil-futur jiġu introdotti parametri relatati mal-kilometraġġ u mar-reżistenza għall-brix – sakemm tkun disponibbli data ċara u sinifikanti. Madankollu, jinnota li f’dan ir-rigward ma nstab l-ebda metodu ta’ ttestjar adatt u xieraq (minbarra t-test prattiku) fl-aħħar mitt sena. Dawn il-parametri ta’ ttestjar għandhom fil-fatt jirriflettu u jikkaratterizzaw użu sostenibbli, li jinbidel u fit-tul. L-immudellar fil-laboratorju ta’ dawn il-parametri kollha, b’mod effiċjenti u b’kost raġonevoli, jikkonsisti neċessarjament f’test ta’ tagħbija eċċessiva li ċertament mhux se jkun rappreżentattiv tad-diversità tal-ħtiġijiet reali u tal-imġiba naturali differenti f’dawn il-kondizzjonijiet. Dawn it-testijiet, imwettqa f’ċirkostanzi varji, jirriżultaw fi klassifikazzjoni differenti ta’ prodotti fir-rigward tal-kilometraġġ u l-livell tar-reżistenza għall-brix.

4.3.1.

Jista’ jiġi konkluż li jkun perikoluż u fatali għall-kredibilità tat-tikkettar, jekk il-konsumatur fil-prattika jsib servizzi li huma kuntrarji għall-informazzjoni fuq it-tikketta. Ma hemm l-ebda problema ta’ dan it-tip għall-parametri l-oħra, peress li hija l-imġiba ta’ darba, u iżolata li jsir l-immudellar u d-dimostrazzjoni tagħha. L-inklużjoni taż-żewġ parametri msemmija hawn fuq, fuq it-tikketta, hija riskjuża ħafna, u mhux rakkomandata għalissa.

4.3.2.

L-iskoperta ta’ bosta effetti negattivi fuq l-ambjent turi l-importanza li jitnaqqas l-użu: minn naħa waħda l-partiċelli tal-plastik preżenti fl-ilmijiet, anke jekk il-proporzjon tal-lasktu huwa relattivament baxx u, min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ benzopyrene fl-arja, għalkemm f’konċentrazzjonijiet baxxi ħafna, li x’aktarx tkun ir-riżultat ta’ rkupru tal-enerġija, li min-naħa tiegħu huwa responsabbli l-aktar għall-formazzjoni ta’ smog u ċertu mard respiratorju.

4.4.

F’termini ġenerali, il-KESE jaqbel mal-fehma li l-ittredjar mill-ġdid tat-tajers tal-klassi C3 jagħmilha possibbli li jsir iffrankar fil-materja prima u l-enerġija globalment. Madankollu, ta’ min jinnota, li huma biss it-tliet parametri li jidhru attwalment fuq it-tikketta li jistgħu jiġu applikati għal tajers ittredjati mill-ġdid, u sa ċertu punt biss. Fil-każ ta’ data dwar it-tul tal-ħajja u r-reżistenza għall-brix, ir-responsabbiltà tal-kwalità hija distribwita b’mod aktar vag bejn il-manifattur tal-qafas tat-tajer u min jittredja mill-ġdid. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ dawn il-parametri fuq it-tikketta mhix rakkomandata. Minħabba s-sehem negliġibbli tas-suq tagħhom, mhuwiex ekonomikament u ambjentalment raġonevoli li jiġu inklużi t-tajers ittredjati mill-ġdid C1 u C2 fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-RTT. Min-naħa l-oħra, għandha tingħata konsiderazzjoni għall-possibbiltà ta’ tikkettar volontarju mill-manifatturi ta’ dawn it-tajers ittredjati mill-ġdid C1 u C2, biex jissodisfaw id-domanda ta’ xerrejja għat-tikkettar minimu.

4.4.1.

Il-KESE jwissi dwar iż-żieda esponenzjali fin-numru ta’ entrati fil-bażi tad-data ta’ prodotti li jirriżultaw mill-inklużjoni ta’ tajers ittredjati mill-ġdid, meta mqabbla ma’ tajers ġodda. Il-kombinazzjoni ta’ min jittredja u l-manifattur tal-qafas, in-numru ta’ drabi ittredjar mill-ġdid u t-tekniki varji tal-ittredjar mill-ġdid huma kollha elementi li jiġġeneraw numru ġdid ta’ oġġetti. L-ammont kbir ta’ testijiet tal-prodotti jirrappreżenta piż finanzjarju għoli wisq għall-manifatturi, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom huma SMEs, u l-konsumatur ma jistax jifhem il-varjetà eċċessiva ta’ prodotti.

4.5.

Il-KESE jemmen li ż-żmien meħtieġ għall-preparazzjoni għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament huwa qasir u għandu jiġi estiż b’sena. Ikun aktar sempliċi u aktar maniġġabbli għall-prodotti koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li titqies id-data tal-manifattura aktar milli d-data tat-tqegħid fis-suq. Fil-fatt, id-data tal-manifattura tidher fuq it-tajer b’mod permanenti u tnaqqas ir-riskju ta’ dħul doppju fil-bażi tad-data.

4.6.

Barra minn hekk, ir-Regolament il-ġdid xorta ma jħallix lill-konsumaturi jqabblu l-prestazzjoni u l-prezzijiet tat-tajers abbażi tal-konsum tal-fjuwil. Għalkemm ħafna drabi l-informazzjoni dwar il-konsum hija disponibbli fil-punti tal-bejgħ jew fl-istruzzjonijiet operattivi tal-vetturi, il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi għad m’għandhomx għarfien suffiċjenti jew informazzjoni kompluta dwar is-suġġett.

4.6.1.

Peress li l-prestazzjonijiet tat-tajers huma kemm marbuta, kif ukoll f’kunflitt ma’ xulxin, l-informazzjoni se tiffoka fuq l-aħjar ottimizzazzjoni possibbli tal-għażla bejn dawn il-parametri. Madankollu, dan ma jippermettix lill-konsumatur jagħmel għażla infurmata peress li mhux konxju tar-rabtiet bejn il-parametri pprovduti.

4.6.2.

Il-KESE jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet professjonali, nazzjonali u Ewropej, l-entitajiet ċivili u tal-pulizija responsabbli għas-sikurezza fit-toroq u t-trasport, u l-organizzazzjonijiet ta’ tagħlim tas-sewqan tal-vetturi għandhom jintegraw fil-programmi tagħhom ta’ edukazzjoni, ta’ komunikazzjoni u ta’ taħriġ kontinwu u fl-eżamijiet tagħhom, l-għarfien dwar it-tajers kif ukoll dwar il-parametri u s-simboli tekniċi kollha li se jkunu applikabbli fil-futur skont ir-Regolament.

4.6.3.

Se jkun ukoll importanti għall-manifattur li, min-naħa tiegħu għandu jiżgura li l-imsieħba kummerċjali tiegħu, li ħafna drabi jkunubejjiegħa tat-tajers, jinfurmaw lix-xerrej b’mod adatt dwar il-vettura mibjugħa jew it-tajers li jixtieq jakkwista u, sa fejn ikun possibbli, joffrulu għażliet oħra flimkien ma’ pariri.

4.6.4.

Skont il-KESE, l-UE għandha tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri biex iħejju kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni mhux biss dwar ir-Regolament, iżda wkoll dwar kwistjonijiet oħra relatati mat-tajers, bħall-użu ta’ tajers adattati għall-istaġun, l-użu ġenerali tat-tajers, eċċ.

4.7.   Rimarki biex jiġu kkunsidrati fil-futur

4.7.1.

Fuq medda itwal ta’ żmien, l-Unjoni għandha tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ informazzjoni konsultattiva rigward ir-riċiklabbiltà tat-tajers fi tmiem il-ħajja, mhux fuq it-tikketta iżda pjuttost fid-dokumentazzjoni teknika u fil-materjal promozzjonali tekniku.

4.7.2.

Wara l-perjodu ta’ rieżami li jmiss tar-Regolament, jista’ jkun siwi jerġa’ jiġi kkunsidrat jekk ikunx meħtieġ jiġi applikat divrenzjar addizzjonali fir-rigward ta’ tajers tal-borra (fit-testijiet, fid-dokumentazzjoni teknika u fil-materjal promozzjonali tekniku jew fuq it-tikketta).

Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 46.

(2)  ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1.

(4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.