13.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/1


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar l-“Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”

(2018/C 247/01)

Relatur:

Dimitrios Kalogeropoulos (EL/PPE), Politikament responsabbli quddiem il-Kunsill Muniċipali ta’ Palaio Faliro

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-twettiq tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

COM(2017) 558 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti preliminari

1.

Jenfasizza li minħabba diversi raġunijiet varji l-movimenti migratorji huma parti integrali tal-istorja tal-bniedem u partikolarment tal-istorja Ewropea; jenfasizza li l-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa bħalissa jinsabu taħt pressjoni min-numru kbir ta’ migranti li jirriżulta mill-instabbiltà f’ pajjiżi barra l-UE. Il-kontinent tal-Ewropa, u b’mod partikolari r-reġjuni mal-konfini tan-Nofsinhar u tal-Lvant, u s-sena l-oħra l-Punent tal-Mediterran u l-kosta Spanjola, inkluża l-kosta Atlantika tan-Nofsinhar ta’ Spanja, ilhom għal żmien twil ċentru ta’ emigrazzjoni, iżda f’dawn l-aħħar snin saru punt ta’ wasla prinċipali għall-flussi migratorji u tar-refuġjati minn barra l-UE.

2.

In-numru ta’ migranti u refuġjati, l-aktar minn pajjiżi Afrikani u Asjatiċi, kif ukoll mil-Lvant Nofsani li jippruvaw jidħlu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) żdied drastikament f’dawn l-aħħar snin. Mill-2015, l-Ewropa rċeviet l-akbar numru ta’ migranti u refuġjati minn tmiem it-tieni gwerra dinjija. Fatturi bħalma huma l-kriżi kontinwa fis-Sirja, l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ nkwiet f’diversi reġjuni tal-Afrika u l-Asja, u t-tentattiv minn ħafna persuni f’dawk il-kontinenti biex ifittxu kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar fl-Ewropa, kienu kritiċi biex din it-tendenza tiggrava. Il-pajjiżi ewlenin tal-wasla fl-UE huma dawk bil-kosti mal-Baħar Mediterran, b’mod partikolari l-Greċja u l-Italja.

3.

Biex din l-isfida bla preċedent tiġi indirizzata kemm jista’ jkun b’mod effettiv, f’Mejju 2015, l-Unjoni Ewropea ħabbret Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (1). Il-prijorità immedjata kienet li jiġu salvati l-ħajjiet fil-baħar fid-dawl tat-traġedji umanitarji fil-Mediterran, u għalhekk biex tiġi żviluppata azzjoni Ewropea fl-oqsma li ġejjin: (1) li jittejbu l-operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ (2) li jiġu miġġielda n-netwerks kriminali ta’ dħul klandestin u traffikar tal-persuni; (3) li r-refuġjati jiġu rilokati fi ħdan il-fruntieri tal-UE; (4) li l-persuni spostati jirritornaw lejn il-post ta’ oriġini tagħhom; (5) li jkun hemm kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi sabiex jiġu indirizzati mill-iktar livell baxx il-flussi migratorji; u (6) li tingħata l-għajnuna lill-Istati Membri tal-UE li jkollhom l-ewwel responsabbiltà għall-wasla tal-migranti u r-refuġjati. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tistabbilixxi wkoll erba’ pilastri sabiex tiġi adottata politika komprensiva tal-UE dwar il-migrazzjoni: (1) li jitnaqqsu l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari; (2) li jiġu salvati l-ħajjiet u li l-fruntieri esterni jkunu aktar siguri; (3) li tiġi pprovduta l-bażi għall-implimentazzjoni koerenti ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Asil; u (4) li titfassal politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali.

4.

L-esperjenza tal-istorja turi li l-migranti huma sfurzati jfittxu rotot aktar perikolużi biex jidħlu fil-pajjiżi tad-destinazzjoni fin-nuqqas ta’ rotot legali għall-migrazzjoni. U dan jimbotta lill-persuni biex jirrikorru għand in-netwerks tat-traffikar, fejn jirriskjaw ħajjithom u s-sikurezza personali. Fil-każ tan-nisa tiżdied b’mod konsiderevoli l-vulnerabbiltà tagħhom;

Kummenti speċifiċi

5.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jinnota l-ewwel nett li filwaqt li l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni taqa’ prinċipalment fir-responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti f’dan il-qasam;

6.

jindika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni b’rabta mal-akkoljenza taż-żieda fin-numru ta’ refuġjati u migranti. Dan minħabba li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-korpi li jilqgħu r-refuġjati u l-migranti, li huma meħtieġa li jgħinu, jakkomodaw u jieħdu ħsieb f’kundizzjonijiet dinjitużi, ħafna drabi għal perjodi ta’ żmien indeterminat, u li f’ħafna każijiet ikollhom bżonn jgħinuhom biex jintegraw. B’mod partikolari, dan jaffettwa r-reġjuni fil-fruntieri esterni tal-UE (bħall-gżejjer tal-Eġew tal-Greċja qrib il-kosta tat-Turkija, ċerti reġjuni insulari tal-Italja, kif ukoll il-kosta tal-Andalucía, u speċjalment il-wasliet tal-migranti fil-provinċji ta’ Cádiz, Granada u Almería, it-territorji ta’ Ceuta u Melilla, u l-Gżejjer Kanarji) fejn il-migranti jaslu l-ewwel fit-territorju tal-UE;

7.

fid-dawl ta’ dawn il-fatti, josserva li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti f’kull stadju tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, inklużi l-istabbiliment tal-prijoritajiet, il-valutazzjoni tar-riżultati kif ukoll il-monitoraġġ tal-konsegwenzi, għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-politiki ta’ gvern f’dan il-qasam; dan il-proċess għandu jinkludi lil-livelli kollha ta’ governanza, f’manjiera trasparenti, l-ewwel nett bil-muniċipalitajiet u l-awtoritajiet lokali;

8.

jilqa’ l-isforzi tal-UE biex tappoġġja l-istabbiliment ta’ strutturi politiċi u amministrattivi sostenibbli fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u asil, u jqis li dawn l-isforzi għandhom jinkludu l-appoġġ tal-bini ta’ istituzzjonijiet reġjonali u lokali billi jingħata finanzjament effettiv, assistenza teknika u taħriġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-għan li jsir l-aħjar użu tal-għajnuna umanitarja u tar-riżorsi finanzjarji eżistenti u futuri, b’mod partikolari għall-akkoljenza inizjali; f’dan ir-rigward, ir-reġjuni li l-aktar jiġu affettwati minn flussi migratorji jew li jkollhom proporzjon għoli ta’ migranti għandu jkollhom aċċess dirett għall-finanzjament ta’ integrazzjoni tal-UE;

9.

jinnota li l-awtoritajiet sottonazzjonali rappreżentati fil-KtR qed jagħmlu sforz konsiderevoli u jinvestu wkoll riżorsi daqstant konsiderevoli biex jiġu indirizzati fil-livell lokali l-kwistjonijiet umanitarji li jirriżultaw mill-flussi tar-refuġjati u tal-migranti. F’dan il-kuntest il-KtR diġà wera li huwa msieħeb prezzjuż għall-korpi l-oħra kkonċernati (inkluża l-Kummissjoni Ewropea) fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;

Il-prijoritajiet

10.

iqis li huwa evidenti li, minn naħa, il-kumplessità ta’ din il-kwistjoni tirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri tal-UE u min-naħa l-oħra titlob li kwalunkwe azzjoni meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha għandha dejjem tkun irregolata mill-prinċipji globali ta’ konformità mal-liġi internazzjonali u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

11.

jemmen li huwa assolutament essenzjali li l-UE tkompli l-isforzi tagħha biex tistabbilixxi u ssaħħaħ il-qafas Ewropew komuni għall-migrazzjoni u għall-asil, kif ukoll l-azzjoni preventiva tagħha sabiex tgħin fl-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari, fil-promozzjoni tal-istabbiltà u fir-rispett għad-drittijiet fundamentali fil-viċinat tagħha. L-UE trid tkun f’pożizzjoni li toffri għajnuna lil dawk l-Istati Membri li jġorru piż akbar fir-rigward tal-flussi migratorji u tar-refuġjati, billi tibbaża l-politika tagħha fuq il-prinċipju fundamentali ta’ solidarjetà; iż-żona tal-Mediterran teħtieġ appoġġ fuq bażi wiesa’ f’dan ir-rigward, bħalma jeħtieġu t-territorji extra-Ewropej Spanjoli bħal Ceuta u Melilla;

12.

jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied l-azzjoni preventiva dwar il-migrazzjoni irregolari sabiex l-għajnuna tkun tista’ tiġi ffukata fuq dawk li verament jinsabu fil-bżonn ta’ protezzjoni. Jesprimi wkoll tħassib kbir dwar il-kummerċ tal-iskjavi li żviluppa f’ċerti pajjiżi fl-Afrika bħala riżultat tar-rotot u l-attivitajiet illegali tad-dħul klandestin, u b’mod partikolari t-traffikar tan-nisa u tat-tfajliet għall-finijiet ta’ sfruttament sesswali;

13.

jikkunsidra li l-UE, bħala l-akbar donatur internazzjonali, għandha tagħmel sforzi sabiex tiżgura li l-politika tal-migrazzjoni u l-kooperazzjoni tal-iżvilupp internazzjonali jkunu politiki pubbliċi kkoordinati. Fl-istess waqt, il-KtR jikkunsidra bħala perikoluża t-tendenza ta’ ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali (bħall-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD) li jippermettu li l-ispejjeż li jiġġarrbu mill-pajjiżi żviluppati fit-trattament tar-refuġjati jingħaddu bħala għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali;

14.

jenfasizza l-importanza kruċjali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp internazzjonali bħala politika pubblika mfassla sabiex tippromovi t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja fil-pajjiżi terzi, telimina l-inugwaljanzi u, fil-qasam tal-azzjoni umanitarja, tħalli impatt fuq sitwazzjonijiet li jwasslu għal migrazzjoni sfurzata;

15.

kif inhuma l-affarijiet bħalissa, jidentifika sitt oqsma għall-azzjoni: (1) reazzjoni immedjata u l-għoti tal-għajnuna lill-Istati Membri fejn jeżistu sitwazzjonijiet urġenti minħabba żieda fil-flussi tar-refuġjati jew migratorji; (2) tnaqqis fl-inċentivi li jkomplu l-migrazzjoni irregolari; (3) ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE; (4) asil politiku; (5) ġestjoni tal-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetà u (6) kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini;

Reazzjoni għal sitwazzjonijiet urġenti

16.

jilqa’ l-azzjoni meħuda s’issa mill-UE biex tindirizza s-sitwazzjonijiet kritiċi li nqalgħu minħabba żieda fil-flussi migratorji u tar-refuġjati tul dawn l-aħħar snin, miżuri li jinkludu:

operazzjonijiet konġunti Triton u Poseidon fil-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant rispettivament;

l-għoti ta’ assistenza finanzjarja speċjali lill-Istati Membri li jinsabu fl-akbar diffikultà, li jridu jtejbu s-servizzi bażiċi tas-saħħa, soċjali u legali li jingħataw mir-reġjuni lil din il-popolazzjoni;

il-ħolqien u t-tmexxija ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza u ta’ identifikazzjoni (“hotspots”) fil-Greċja u l-Italja, kif ukoll punti ta’ wasla fl-Andalucia;

il-ftehim bejn l-UE u t-Turkija, li kellu l-effett li jillimita drastikament il-flussi migratorji mhux ikkontrollati mit-Turkija lejn il-Greċja (għalkemm dan ma għandux jiġi kkunsidrat bħala mudell sabiex jiġu ttrattati l-problemi tal-migrazzjoni) filwaqt li qanqal xi tħassib dwar il-kompatibbiltà tiegħu mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u s-“sostenibbiltà” tiegħu, bħala parti minn politika komprensiva tal-UE b’rispons għall-kriżi;

l-għoti ta’ għajnuna lill-gwardja tal-kosta Libjana, li kienet strumentali fit-tnaqqis tal-flussi lejn l-Italja fil-qafas tal-operazzjoni SOPHIA tal-EUNAVFOR MED;

iż-żieda tal-finanzjament lill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni tal-UE, li ppermettielu jipprovdi iktar għajnuna lill-Istati Membri; dawn il-fondi jridu jilħqu lir-reġjuni;

17.

jirrikonoxxi l-bżonn li l-UE tieħu aktar miżuri radikali biex:

tiżdied l-assistenza li tingħata lill-Istati Membri li jkunu l-aktar esposti li jilqgħu lill-migranti u r-refuġjati, b’enfasi partikolari li jiġu appoġġjati l-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-reġjuni (bħall-gżejjer tal-Eġew tal-Greċja u l-Italja, kif ukoll il-kosta fin-Nofsinhar ta’ Spanja u l-gżejjer) li jirċievu l-maġġoranza ta’ refuġjati u migranti minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom;

tittaffa l-pressjoni fuq ir-reġjuni li jirċievu l-parti l-kbira tar-refuġjati u l-migranti, filwaqt li jitqiesu fatturi bħalma huma ċ-ċirkustanzi partikolari tal-gżejjer;

tiġi żgurata implimentazzjoni stretta tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija, f’konformità sħiħa mal-istandards tad-dritt umanitarju u internazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet sabiex il-persuni jiġu ripatrijati lejn it-Turkija, filwaqt li jiġi żgurat aċċess għal proċeduri tal-asil adatti lil dawk li huma intitolati għalihom;

tingħata l-assistenza meħtieġa lill-gruppi ta’ nies li l-aktar ikunu ġew affettwati ħażin minn dawn il-movimenti, b’mod partikolari l-minorenni mhux akkumpanjati;

18.

jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol pożittiv li għandhom ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) fl-indirizzar tal-problemi serji ta’ akkomodazzjoni, ikel, kura tas-saħħa, eċċ. għar-refuġjati u l-migranti, speċjalment f’reġjuni li jirċievu l-akbar fluss ta’ refuġjati u migranti, iżda jinnota l-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-azzjoni tal-NGO fi sħubija mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali b’tali mod li l-kontribut tal-NGOs ikun aktar simplifikat u effettiv, kif ukoll ikun kompatibbli mal-ħtiġijiet u s-sitwazzjonijiet lokali, filwaqt li jkunu wkoll soġġetti għar-rekwiżiti neċessarji ta’ responsabbiltà soċjali; jikkunsidra li s-SVE jista’ jkollu rwol ċentrali fl-akkoljenza tar-refuġjati u tal-migranti, f’kooperazzjoni mal-NGOs u mal-amministraturi pubbliċi;

19.

jenfasizza l-importanza tal-għajnuna umanitarja internazzjonali li tingħata mill-UE u mill-Istati Membri tagħha lill-pajjiżi terzi fejn is-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jintrabtu mill-qrib maż-żieda fil-flussi tal-migranti;

L-iskoraġġiment tal-migrazzjoni irregolari

20.

iqis bħala essenzjali li l-UE tkompli bl-isforzi tagħhoma fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra n-netwerks irregolari ta’ migrazzjoni, speċjalment fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu;

21.

jenfasizza l-ħtieġa għal bażi legali soda għall-operazzjoni EUNAVFOR Med Sophia sabiex tissaħħaħ l-effettività tagħha u titjieb il-kapaċità tagħha li xxekkel il-mudell tan-negozju tat-traffikanti u tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin; jitlob, pereżempju, li l-istituzzjonijiet tal-UE jikkooperaw mal-Gwardja tal-Kosta Libjana sabiex iwaqqfu d-dingis u d-dgħajjes li jkunu qegħdin jitilqu b’mod illegali biex jaslu fl-UE; jinnota li l-attivitajiet ta’ viġilanza, inkluż l-appoġġ għal attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, gradwalment imxew minn ibħra qrib it-territorju Taljan għal ibħra eqreb tal-Libja; jirrikonoxxi l-fatt li waħda mill-konsegwenzi diretti ta’ din kienet bidla fil-mudell tan-negozju tat-traffikanti li jqiegħdu migranti u refuġjati irregolari fuq dingis irħas, li jistgħu jintefħu u li bl-ebda mod ma jkunu tajbin għat-tbaħħir, filwaqt li ma jkollhom l-ebda prospett li xi darba jilħqu l-kosta Taljana, bis-suppożizzjoni li dawn jiġu salvati qrib jew ġewwa l-ibħra territorjali Libjani;

22.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-pass tassew produttiv li jinħoloq Ċentru Ewropew għad-Dħul Klandestin ta’ Migranti;

23.

jappella għal aktar inizjattivi mill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni koerenti, li jinvolvi l-Istati Membri kollha tal-UE, il-korpi rilevanti tal-UE, kif ukoll korpi oħra involuti fil-kwistjoni, sabiex tingħata tweġiba aktar effettiva tan-netwerks ta’ kuntrabandu;

24.

jemmen li huwa essenzjali li titjieb l-effettività tal-qafas Ewropew dwar ir-ritorn ta’ dawk mingħajr id-dritt ta’ permanenza b’tali mod li l-għadd ta’ ritorni jista’ jiżdied, f’konformità mar-regoli Ewropej u internazzjonali;

Il-ġestjoni tal-fruntieri

25.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta bħala żvilupp estremament importanti u pass deċiżiv speċifikament lejn protezzjoni aktar effettiva tal-fruntieri esterni tal-UE. Il-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta qed tagħmilha possibbli li titjieb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u tiżgura reazzjoni fil-pront u effiċjenti ta’ sitwazzjonijiet li jkunu jeħtieġu azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni;

26.

jirrikonoxxi li hemm aktar lok għal azzjoni min-naħa tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tgħin f’oqsma bħal: (1) li tiġi pprovduta assistenza teknika u operattiva sabiex jiġu appoġġjati l-attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ għall-persuni f’diffikultà fil-baħar matul l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri; (2) li jiġu organizzati, ikkoordinati u mwettqa operazzjonijiet ta’ ritorn u interventi; (3) li tiġi promossa l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE; jisħaq dwar il-ħtieġa urġenti li jitnaqqas in-numru ta’ inċidenti ta’ qsim minn pajjiż għall-ieħor u li d-dingis u d-dgħajjes jitwaqqfu milli jitilqu illegalment biex jaslu fl-UE;

27.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa sett ta’ linji gwida għall-ħolqien u t-tmexxija ta’ ċentri ta’ akkoljenza u ta’ identifikazzjoni (“hotspots”) fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri kollha tal-UE, linji gwida li fost affarijiet oħra jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-UE u dawk internazzjonali u jistabbilixxu qafas amministrattiv speċifiku għal dawn il-faċilitajiet. Dan se jfisser li tislet mill-esperjenza miksuba (inkluża dik tal-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti) mill-ħolqien u t-tmexxija ta’ ċentri ta’ akkoljenza u ta’ identifikazzjoni fil-Greċja u l-Italja, li fost affarijiet oħra jenfasizza l-ħtieġa li jiġi studjat it-trattament speċifiku tar-refuġjati u tal-migranti;

Il-politika komuni dwar l-asil

28.

iqis li huwa essenzjali li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tiġi adattata għall-ħtiġijiet attwali urġenti, u f’dan il-kuntest jemmen li huwa assolutament essenzjali li tiġi riveduta s-sitwazzjoni mas-sistema ta’ Dublin, li tistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi deċiż liema Stat Membru tal-UE huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil; f’dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri jagħmlu progress fir-rigward tar-riforma proposta għal-leġislazzjoni tal-UE li, minkejja li x’aktarx mhijiex biżżejjed, tinsab fid-direzzjoni t-tajba;

29.

jinnota li s-sistema attwali tinvolvi distribuzzjoni inugwali ta’ refuġjati u migranti bejn l-Istati Membri, bi pressjoni li taqa’ ħafna iktar fuq l-Istati Membri (b’mod partikolari l-Greċja u l-Italja) li l-pożizzjoni ġeografika tagħhom tfisser li jirċievu l-maġġoranza assoluta ta’ dawk li jaslu. Is-sitwazzjoni attwali tikkontribwixxi għal tensjonijiet soċjali u skuntentizza fil-pajjiżi li jiffaċċjaw għadd sproporzjonat ta’ wasliet ta’ refuġjati u migranti irregolari, b’mod partikolari fil-livell lokali, u tiġġenera movimenti sussegwenti ta’ migrazzjoni sekondarja fl-UE. Jekk il-problema għandha tiġi indirizzata b’mod aktar effettiv, huwa kruċjali li, bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li l-aktar ġew affettwati, titqies il-possibbiltà fit-tul li r-responsabbiltà għall-eżaminar tal-applikazzjonijiet għall-asil tiġi ttrasferita mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE. Barra minn hekk, il-KtR jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-proċeduri sabiex jiġu analizzati l-applikazzjonijiet għall-asil, mingħajr ma tiġi kompromessa ċ-ċertezza tad-dritt;

30.

iqis bħala kostruttiv il-pjan li r-refuġjati jiġu allokati proporzjonalment bejn l-Istati Membri kollha tal-UE, filwaqt li jirrikonoxxi li għalkemm sar progress f’dan il-qasam, is-sistema mhix qed taħdem 100 % b’mod effettiv;

31.

jenfasizza li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri hija prekundizzjoni għall-ġestjoni tajba tal-għadd kbir ta’ applikanti għall-asil;

32.

jenfasizza li l-protezzjoni tan-nisa (speċjalment l-ommijiet u n-nisa tqal) u tat-tfal (speċjalment minorenni mhux akkumpanjati), li huma l-aktar gruppi ta’ refuġjati vulnerabbli, trid tiġi ttrattata bħala partikolarment importanti; fl-Istati Membri fejn ir-reġjuni għandhom responsabbiltà amministrattiva għat-tutela tal-minorenni mhux akkumpanjati, dawn ir-reġjuni għandhom jirċievu għajnuna finanzjarja li tippermettilhom jassistu lil dawn il-minorenni migranti;

Il-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni

33.

jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu rotot sikuri lejn l-UE għall-migranti legali jew persuni intitolati għal status ta’ protezzjoni internazzjonali skont il-liġi internazzjonali, bħal viżas umanitarji, żieda fir-riunifikazzjoni tal-familja u programmi ta’ sponsorizzazzjoni privata; Biex jintlaħaq dan huwa essenzjali li jiġu stabbiliti u jitwessgħu l-forom eżistenti ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, kemm jekk ikunu pajjiżi ta’ oriġini ta’ persuni spostati jew pajjiżi li minnhom ikunu qed jivvjaġġaw il-persuni sabiex jaslu fl-UE. L-istabbiliment ta’ hotspots fuq it-territorju ta’ pajjiżi terzi huwa pass importanti lejn dan il-għan, u għalhekk l-UE għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonkludi ftehimiet rilevanti ma’ pajjiżi bħal dawn, filwaqt li tiżgura rispett sħiħ tal-liġi tal-UE u tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-istess ħin, ser ikun meħtieġ li jiġi żviluppat qafas koerenti ta’ linji gwida u regoli sabiex jiġi żgurat li l-elementi essenzjali kollha huma f’posthom għat-tħaddim bla xkiel tal-hotspots;

34.

iqis bħala prijorità li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (refuġjati u migranti legali) jiġu integrati kemm jista’ jkun malajr u bl-aktar mod komplet possibbli fis-soċjetajiet tal-Istati Membri tal-UE. L-integrazzjoni għandha tkun fuq diversi livelli u għandha tkun komprensiva. Madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati kemm il-karatteristiċi speċifiċi lokali fil-pajjiżi ospitanti u l-karatteristiċi partikolari u d-diversità (nazzjonali, lingwistiċi, reliġjużi, eċċ.) taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-approċċ għandu għalhekk jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi speċifiċi f’kull każ;

35.

josserva li s-suċċess tal-politiki ta’ integrazzjoni dejjem ser jistrieħ fuq il-prinċipji tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tolleranza, il-libertà tal-espressjoni u l-istat tad-dritt, billi dawn huma l-bażi tal-valuri Ewropej;

36.

jemmen li l-involviment tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat fil-livell lokali u reġjonali huwa parti essenzjali minn kwalunkwe proċess immirat lejn l-integrazzjoni tal-migranti; f’dan ir-rigward, m’għandux jintesa li l-aċċess għal xogħol diċenti huwa prekundizzjoni sabiex kwalunkwe proġett ta’ integrazzjoni jitlesta b’suċċess. F’dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-aħjar prattiki eżistenti fil-livell internazzjonali li bnew is-suċċess tagħhom fuq l-involviment sa mill-bidu nett tal-popolazzjoni tat-territorji ospitanti;

37.

jikkunsidra li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp ta’ “pjani direzzjonali” immirati lejn l-integrazzjoni sħiħa tal-migranti u tar-refuġjati. F’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-aħjar prattiki u l-proġetti pilota appoġġjati minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR u li diġà ġew imnedija minn awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-KtR

38.

jenfasizza r-rwol partikolari li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu u għandhom jaqdu fl-oqsma kollha ta’ hawn fuq. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jimmaniġġjaw il-kwistjonijiet kollha relatati mal-flussi migratorji u tar-refuġjati fil-prattika, u għalhekk huwa essenzjali li jingħataw ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex ikunu jistgħu jindirizzaw dawn l-isfidi; dan jirrikjedi baġit tal-UE proporzjonat maż-żieda fil-ħtiġijiet u li jitqassam bejn l-awtoritajiet skont l-attivitajiet li fil-verità jwettqu, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-UE dwar il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u dwar il-migrazzjoni. Involviment mill-qrib tal-awtoritajiet u tal-korpi sottonazzjonali jgħin fit-tħejjija ta’ sistema ta’ governanza li tkun kapaċi tfassal u timplimenta politiki li jkunu koerenti u kkoordinati bejn il-livelli differenti. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu parzjalment responsabbli għall-ġestjoni tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni;

39.

fl-aħħar nett, jenfasizza r-rwol tal-KtR kemm bħala l-ewwel korp uffiċjali li jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell tal-UE u bħala korp li jista’ jippromovi b’mod effettiv id-djalogu — permezz ta’ organizzazzjonijiet bħalma huma l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u l-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) — mal-pajjiżi ta’ oriġini u/jew ta’ tranżitu tar-refuġjati u l-migranti.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COM(2015) 240 final.