27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/88


P8_TA(2016)0449

Sitwazzjoni fis-Sirja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2016/2933(RSP))

(2018/C 224/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, inkluża dik tas-6 ta' Ottubru 2016 (1),

wara li kkunsidra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokoll addizzjonali tagħhom,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Da'esh u l-Front al-Nusra u dawk dwar il-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2118 (2013), 2139 (2014), 2165 (2014), 2191 (2014), 2199 (2015), 2254 (2015), 2258 (2015) u 2268 (2016),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar 2016 u tal-20 u tal-21 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili, Christos Stylianidis, tas-16 ta' Settembru 2016 dwar is-Sirja, tal-20 ta' Settembru 2016 dwar attakki mill-ajru kontra l-konvoj tal-għajnuna umanitarju tan-NU/tan-Nofs Qamar Aħmar tar-Repubblika Sirjana, tal-24 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f'Aleppo, tat-2 ta' Ottubru 2016 dwar l-inizjattiva umanitarja ta' emerġenza f'Aleppo u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-urġenza biex l-għajnuna umanitarja tilħaq Aleppo,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tas-27 ta' Settembru 2016 u tal-21 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Novembru 2016 tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar ir-Russja u l-Qorti Kriminali Internazzjonali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi sitt snin ta' kunflitt, vjolenza u brutalità estrema fis-Sirja wasslu għall-mewt ta' aktar minn 400 000 ruħ, filwaqt li aktar minn 13-il miljun ruħ jinsabu fi bżonn ta' għajnuna umanitarja; billi 8,7 miljun persuna huma mbassra li jkunu ġew spostati ġewwa s-Sirja fl-2016 u 4,8 miljun persuna ħarbu mill-pajjiż;

B.

billi l-battalji u l-bombardamenti għadhom għaddejin bl-istess intensità fis-Sirja u billi s-sitwazzjoni umanitarja kompliet tmur għall-agħar; billi Aleppo tibqa' l-epiċentru tal-kunflitt Sirjana, iżda jibqa' għaddej il-ġlied f'Hama, f'Idlib, fil-Majjistral tas-Sirja, fis-subborgi ta' Damascus u f'Dier ez-Zor; billi aktar minn erba' miljun ruħ qed jgħixu fi bliet assedjati u f'żoni li diffiċli jintlaħqu fejn l-infrastruttura essenzjali tal-elettriku u tal-ilma ġiet meqruda; billi minkejja l-pawżi umanitarji unilaterali ddikjarati mir-reġim ta' Assad u mir-Russja, il-popolazzjonijiet tal-Lvant ta' Aleppo u ta' bliet assedjati oħrajn qed isofru minn nuqqas kbir ta' ikel u provvisti mediċi bażiċi, fosthom il-belt ta' Zabadani li hija okkupata mir-ribelli, u l-irħula ta' Kefraya u Foua, li huma kkontrollati mill-gvern, fil-provinċja ta' Idlib; billi l-ebda assistenza umanitarja ma kienet kapaċi tilħaq il-partijiet tal-Lvant ta' Aleppo assedjati minn Lulju 2016;

C.

billi hemm kriżi ta' saħħa permanenti f'Aleppo u madwar is-Sirja; billi, skont l-UNICEF, aktar minn żewġ terzi ta' Sirjani fir-reġjun m'għandhomx aċċess regolari għall-ilma u kważi 6 miljun tifel u tifla jinsabu fi bżonn urġenti ta' għajnuna vitali;

D.

billi l-partijiet kollha fil-kunflitt wettqu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, iżda dawk l-aktar serji twettqu mir-reġim ta' Assad appoġġat mir-Russja u l-Iran, inkluż l-użu ta' armi mingħajr distinzjoni, bombi inċendjarji, bombi barmil u li jkissru l-bunkers, f'żoni ċivili, kif ukoll sustanzi mniżżla bħala armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom; billi ma kien hemm l-ebda rispett tal-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' proporzjonalità; billi kien hemm żoni ċivili, skejjel, sptarijiet, ħaddiema umanitarji u kampijiet tar-rifuġjati li sfaw intenzjonalment fil-mira; billi d-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità m'għandhomx jgħaddu mingħajr ma jiġu kkastigati;

E.

billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mandat min-Nazzjonijiet Uniti, flimkien ma' gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, ġabru provi li mill-inqas 200 000 persuna ġew arrestati mill-Gvern Sirjan f'kundizzjonijiet inumani ta' detenzjoni; billi eluf ta' Sirjani mietu fil-kustodja tal-Gvern Sirjan f'dawn l-aħħar snin dovut għat-tortura u l-mard; billi l-għajbien sfurzat u abbużi orribbli fuq il-ħabsin huma mifruxa; billi l-awtoritajiet Sirjani ppruvaw iżommu informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta' detenzjoni sigrieti tagħhom, billi irrifjutaw l-aċċess għal osservaturi tad-detenzjoni rikonoxxuti b'mod internazzjonali; billi l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA), sa mill-2011, tħalla biss iżur ftit ħabsijiet;

F.

billi d-dinja kienet ripetutament ixxukkjata bl-atroċitajiet imwettqa mid-Da'esh u minn gruppi ġiħadisti oħra, bl-użu ta' eżekuzzjonijiet brutali, kif ukoll b'vjolenza sesswali terribbli, ħtif, tortura, konverżjonijiet sfurzati u skjavitù tan-nisa u l-bniet; billi tfal ġew reklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi d-Da'esh għadha qed tikkontrolla partijiet kbar tas-Sirja u tal-Iraq; billi d-Da'esh iwettaq il-ġenoċidju kontra minoranzi reliġjużi u etniċi, iwettaq atti ta' tortura estrema u jeqred il-wirt kulturali; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tad-Da'esh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani matul il-kampanja għall-ħelsien;

G.

billi l-Jabhat Fateh al-Sham, preċedentement magħruf bħala l-Front Al-Nusra, l-affiljat tal-al-Qaeda fis-Sirja, huwa organizzazzjoni terroristika li tirrifjuta tranżizzjoni politika negozjata u futur demokratiku u inklużiv għas-Sirja;

H.

billi s-Sirja ffirmat iżda ma rratifikatx l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, kemm-il darba ħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jirreferi s-sitwazzjoni fis-Sirja lill-QKI; billi r-Russja u ċ-Ċina jimblokkaw kull progress dwar ir-responsabbiltà fis-Sirja billi jużaw il-veto tagħhom għal kull riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li tagħti lill-Qorti l-mandat biex tinvestiga d-delitti atroċi mwettqa matul il-kunflitt fis-Sirja; billi fis-16 ta' Novembru 2016 ir-Russja ddeċidiet li tirtira l-firma tagħha mill-Istatut ta' Ruma; billi dan in-nuqqas ta' responsabbiltà jagħti lok għal aktar atroċitajiet u jkompli jżid it-tbatija tal-vittmi;

I.

billi l-pajjiżi u l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt iridu jiġu mfakkra dwar l-obbligi tagħhom skont ir-Riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari l-obbligu li jwaqqfu kull attakk kontra ċivili u infrastruttura ċivili u l-obbligu li jiżguraw l-aċċess umanitarju madwar il-pajjiż; billi l-Unjoni Ewropea trid tuża l-istrumenti kollha tagħha, inkluż l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi, sabiex tiżgura konformità sħiħa mill-partijiet kollha ma' din ir-riżoluzzjoni;

J.

billi l-UE hija fost il-kontributuri ewlenin ta' għajnuna umanitarja għan-nies li qed jaħarbu l-vjolenza u l-qerda storiċi fis-Sirja; billi n-nuqqas ta' għaqda internazzjonali jagħmilha ferm aktar diffiċli li jintlaħaq tmiem innegozjat għall-gwerra fis-Sirja;

1.

Jesprimi għal darb' oħra t-tħassib mill-aktar serju tiegħu dwar il-ġlied u l-bombardamenti li qed ikomplu fis-Sirja u s-sitwazzjoni umanitarja li marret għall-agħar; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili, il-kontinwazzjoni tal-assedji kollha fis-Sirja u n-nuqqas ta' aċċess umanitarju għall-poplu Sirjan fil-bżonn; jistieden lill-partijiet kollha biex jippermettu aċċess umanitarju mingħajr xkiel u kontinwu u l-forniment ta' oġġetti ta' emerġenza, b'mod partikolari liż-żoni assedjati u li diffiċli jintlaħqu; jisħaq li l-ikkawżar intenzjonat tal-ġuħ fost il-popolazzjonijiet huwa pprojbit mid-dritt umanitarju internazzjonali u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jippermettu l-evakwazzjonijiet mediċi immedjatament mil-Lvant ta' Aleppo u miż-żoni assedjati l-oħra kollha;

2.

Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-vjolazzjonijiet fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-forzi ta' Assad bl-appoġġ tar-Russja u l-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali minn gruppi terroristiċi armati mhux statali, b'mod partikolari d-Da'esh, Jabhat Fateh al-Sham/il-Front al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħrajn;

3.

Jitlob għall-waqfien immedjat ta' bumbardamenti u ta' attakki indiskriminati kontra nies ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha juru l-akbar attenzjoni u jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipproteġu liċ-ċivili, irrispettivament mill-identità etnika jew mit-twemmin reliġjuż jew konfessjonali tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-isparar bla distinzjoni ta' għadd kbir ta' rokits minn gruppi armati ta' oppożizzjoni fuq subborgi ċivili fil-Punent ta' Aleppo; jenfasizza li ħafna ċivili, inklużi tfal, ġew irrappurtati feruti u maqtula; jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu l-passi xierqa kollha biex jipproteġu liċ-ċivili, b'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż billi jwaqqfu l-attakki diretti kontra faċilitajiet ċivili bħalma huma ċ-ċentri mediċi, l-iskejjel u l-istazzjonijiet tal-ilma, billi jiddemilitarizzaw immedjatament dawn il-faċilitajiet, billi jfittxu li jevitaw li jistabbilixxu pożizzjonijiet militari f'żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni u billi jippermettu l-evakwazzjoni taċ-ċivili mweġġa' u ta' dawk kollha li jixtiequ jitilqu miż-żoni assedjati; jenfasizza li r-reġim Sirjan għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi l-popolazzjoni Sirjana;

4.

Ifaħħar l-isforzi tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja li jagħmlu ħilithom biex iwasslu l-għajnuna, l-ikel, l-ilma u l-mediċini tant meħtieġa lin-nies maqbuda fil-kunflitt, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jiżguraw lill-aġenziji umanitarji aċċess bla xkiel għall-persuni ċivili affettwati mill-gwerra;

5.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ sħiħ lin-NU u lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) biex ikomplu jinvestigaw l-użu u l-qerda tal-armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja; jinsisti bil-qawwa li dawk responsabbli għall-użu tal-armi kimiċi jridu jinżammu responsabbli; jappoġġa l-estensjoni tal-mandat tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt tal-OPCW, bil-ħsieb li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja;

6.

Jesprimi tħassib dwar id-detenzjoni illegali, it-tortura, it-trattament ħażin, l-għajbien sfurzat u l-qtil tad-detenuti fil-ħabsijiet ta' reġim u fiċ-ċentri ta' detenzjoni sigrieta mmexxija minn milizzji appoġġati minn barra l-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani li jiġġestixxu dawn iċ-ċentri ta' detenzjoni biex iwaqqfu l-eżekuzzjonijiet kollha kif ukoll it-trattament inuman;

7.

Jappella għar-rilaxx immedjat ta' dawk miżmuma b'mod arbitrarju u għat-tmiem tal-użu tat-tortura u trattament ħażin ieħor kif ukoll il-prattika ta' għajbien sfurzat, b'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2139 tat-22 ta' Frar 2014; jappella għall-aċċess immedjat u bla xkiel għall-osservaturi tad-detenzjoni internazzjonali – bħall-KISA – biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-detenuti kollha fis-Sirja u biex jipprovdu informazzjoni u jappoġġaw lill-familji tad-detenuti;

8.

Ifakkar il-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront tal-atroċitajiet imwettqa mir-reġim ta' Assad, Da'esh, Jabhat Fateh al-Sham/Al-Nusra u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra, li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala delitti serji tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappoġġa s-sejħa min-nazzjonijiet Quint (l-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit) u mill-VP/RGħ dwar il-gruppi armati kollha li qed jiġġieldu fis-Sirja biex iwaqqfu kwalunkwe kollaborazzjoni ma' Jabhat Fateh al-Sham; jenfasizza l-importanza li, b'mod effikaċi, jitnaqqas l-aċċess għall-iffinanzjar u l-finanzjament tal-attivitajiet ta' Da'esh, jiġu arrestati l-ġellieda barranin u jitwaqqaf il-fluss tal-armi lill-gruppi ġiħadisti; jistieden lill-oppożizzjoni Sirjana biex b'mod ċar titbiegħed minn dawn l-elementi u l-ideoloġiji estremisti; ifakkar li l-isforzi għandhom ikunu ffukati fuq ir-rebħa kontra Da'esh u gruppi oħra ddeżinjati bħala terroristiċi min-NU; jitlob li tittieħed azzjoni għall-prevenzjoni ta' appoġġ materjali u finanzjarju milli jilħaq lil individwi, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati ma' gruppi ddeżinjati bħala terroristiċi min-NU;

9.

Itenni t-talba tiegħu li dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità jbatu l-konsegwenzi u jinżammu responsabbli; jenfasizza li dawk li jwettqu delitti kontra gruppi reliġjużi, etniċi u oħrajn, filwaqt li minoranzi u gruppi oħrajn għandhom ukoll jitressqu quddiem il-ġustizzja; jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni tal-kunflitti effikaċi u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed ir-responsabbiltà tad-delitti li jkunu twettqu; huwa tal-fehma li l-kwistjoni tar-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità m'għandhiex tiġi ppolitiċizzata: l-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza jirreferi għall-partijiet kollha involuti fil-kunflitt u kull min iwettaq dawn id-delitti jrid ikun konxju li f'xi mument jew ieħor se jiffaċċja il-ġustizzja;

10.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li dawk kollha responsabbli għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali jiffaċjaw il-ġustizzja permezz ta' mekkaniżmi tal-ġustizzja internazzjonali jew qrati tal-ġustizzja li huma xierqa u imparzjali u permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali; itenni l-appoġġ tiegħu għar-riferiment tal-każ tas-Sirja lill-QKI iżda, fid-dawl tan-nuqqas ta' abilità tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jiddelibera dwar din il-kwistjoni, itenni t-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jmexxu l-isforzi fi ħdan l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jesploraw il-ħolqien ta' tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja wara riferiment lill-QKI; ladarba l-kunflitt jintemm, u bil-għan li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni, jenfasizza l-importanza tas-sjieda Sirjana tal-proċess;

11.

Jilqa' u jissottolinja l-importanza kritika tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fid-dokumentazzjoni tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra, ta' delitti kontra l-umanità u vjolazzjonijiet oħra, inkluż il-qerda tal-wirt kulturali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar għajnuna u għajnuna kompluta lil dawn il-parteċipanti;

12.

Jiddeplora d-deċiżjoni tal-President Russu Vladimir Putin li jirtira mill-QKI, filwaqt li jinnota li l-Federazzjoni Russa għadha qatt ma rratifikat l-Istatut ta' Ruma u li ż-żmien li fih ittieħdet id-deċiżjoni jimmina l-kredibbiltà tal-pajjiż u jwassal biex jitfasslu konklużjonijiet dwar l-impenn tiegħu favur il-ġustizzja internazzjonali;

13.

Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tas-17 ta' Ottubru 2016, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tal-20 u l-21 ta' Ottubru 2016; jappoġġa s-sejħa tal-UE għat-tmiem tat-titjiriet militari kollha fuq il-belt ta' Aleppo; jieqfu b'mod immedjat l-ostilitajiet u li dan jiġi ssorveljat minn mekkaniżmu b'saħħtu u trasparenti; waqfien tal-assedji; kif ukoll aċċess umanitarju sħiħ, sostenibbli u mingħajr xkiel fil-pajjiż kollu, mogħti mill-partijiet kollha;

14.

Jilqa' r-rieżami tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra s-Sirja u individwi li jaqsmu r-responsabbiltà għar-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż; jenfasizza li l-UE għandha tikkunsidra l-għażliet disponibbli kollha, inkluża żona mingħajr titjir fuq il-belt ta' Aleppo, li jiġu stabbiliti konsegwenzi għall-vjolazzjonijiet u l-abbużi l-aktar brutali tad-drittijiet tal-bniedem mill-awturi kollha jekk l-atroċitajiet u n-nuqqas ta' rispett sfaċċat għad-dritt umanitarju jibqgħu għaddejja;

15.

Jeżiġi li kulħadd jirrispetta d-dritt tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja, inklużi l-Insara, biex jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali fejn twieldu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u li jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon u t-twemmin tagħhom b'mod liberu mingħajr ma jkunu soġġetti għal ebda tip ta' ġegħil, vjolenza jew diskriminazzjoni; jappoġġa d-djalogu interreliġjuż sabiex jiġi promoss il-fehim reċiproku u jiġi miġġieled il-fundamentaliżmu;

16.

Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fil-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja (ISSG) biex jissuktaw in-negozjati b'tali mod li jiffaċilitaw l-istabbiliment ta' tregwa stabbli u jintensifikaw il-ħidma għas-sejbien ta' soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja; jenfasizza li l-atturi reġjonali, b'mod partikolari l-pajjiżi ġirien, għandhom responsabbiltà speċjali;

17.

Itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex iġġedded l-isforzi lejn strateġija komuni tal-UE dwar is-Sirja; jilqa' u jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattivi diplomatiċi reċenti tal-VP/RGħ Federica Mogherini, b'konformità mal-mandat tal-Kunsill Ewropew, bil-għan li jġibu lura fuq il-mejda tan-negozjati lill-partijiet involuti fil-kunflitt u biex jitnieda mill-ġdid il-proċess politiku f'Ġinevra; jinnota b'interess it-taħditiet reġjonali li kellha mal-Iran u l-Arabja Sawdija, u jqis l-attivitajiet tagħha bħala ta' valur miżjud u ta' kontribut siewi għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Staffan de Mistura; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt sabiex ikomplu u jintensifikaw in-negozjati politiċi malajr kemm jista' jkun f'antiċipazzjoni li titwaqqaf tregwa ġdida u stabbli, li għandha tinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-ġustizzja tranżitorja wara l-kunflitti fis-Sirja; jenfasizza li dawn it-taħditiet ta' paċi għandhom iwasslu għal waqfien mill-ġlied u tranżizzjoni politika mmexxija mis-Sirjani u bi sjieda Sirjana; jenfasizza r-rwol li jista' jkollha l-UE fir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt;

18.

Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu favur l-inizjattiva umanitarja attwali tal-UE għal Aleppo, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħha;

19.

Jilqa' l-prijoritajiet tas-sħubija u l-patti mal-Ġordan għall-perjodu 2016-2018 u mal-Libanu għall-perjodu 2016-2020; jinnota li l-patti huma l-qafas li permezz tiegħu l-impenji reċiproċi li saru fil-Konferenza ta' Londra tal-4 ta' Frar 2016 dwar “l-Appoġġ għas-Sirja u r-Reġjun” huma msarrfa f'azzjonijiet; jinnota li l-ħtiġijiet finanzjarji dejjem ikbar u d-diskrepanza persistenti fil-finanzjament fir-rigward tal-għajnuna umanitarja pprovduta lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jżommu l-wegħdiet tagħhom u jipprovdu l-appoġġ tant meħtieġ lin-NU, lill-aġenziji speċjalizzati tagħha u atturi umanitarji oħra fil-provvista ta' għajnuna umanitarja lil miljuni ta' Sirjani spostati kemm internament kif ukoll f'pajjiżi u komunitajiet ospitanti;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0382.