Brussell, 7.12.2016

COM(2016) 776 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li jikkonċernaw is-settur tal-apikultura tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli


Werrej

1.INTRODUZZJONI

2.metodoloġija

3.DESKRIZZJONI TAS-SETTUR TAL-APIKULTURA TAL-UE

3.1Produzzjoni u prezzijiet

3.2Kummerċ

3.3Ċensiment tad-doqqajs

3.4Ċensiment tal-persuni li jrabbu n-naħal

4.IMPLIMENTAZZJONI TA’ PROGRAMMI TAL-APIKULTURA NAZZJONALI

4.1Bażi ġuridika

4.2Objettivi u Miżuri

4.3Baġit tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura nazzjonali u r-rata tal-użu

4.4Allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull Stat Membru

4.5Spiża mġarrba skont it-tip ta’ miżuri

5.BIDLIET EWLENIN INTRODOTTI MIR-RIFORMA TAL-PAK FL-2013

5.1Miżuri eliġibbli

5.2Il-metodu biex jiġi ddeterminat in-numru ta’ doqqajs u l-allokazzjoni tal-baġit tal-UE

6.KONKLUŻJONI

1.INTRODUZZJONI

Is-settur tal-apikultura tal-Unjoni Ewropea (UE) huwa żgħir meta mqabbel ma’ setturi agrikoli oħrajn iżda jipprovdi parti mis-servizzi ta’ dakkir lill-agrikoltura tal-UE.

Dawk li jrabbu n-naħal fl-UE jiffaċċaw ħafna sfidi sabiex iżommu d-doqqajs u l-produzzjoni tal-għasel tagħhom. L-ispejjeż dejjem jiżdiedu, il-kompetizzjoni qawwija b'importazzjonijiet ta’ għasel irħas minn pajjiżi terzi, it-telf ta’ kolonji tan-naħal, il-mard, u l-elementi qerrieda tad-doqqajs flimkien ma’ ambjent tal-foraġġ li qed jiddeterjora qed joħoloqu pressjoni fuq is-settur.

Fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) hemm bosta għodod disponibbli sabiex jiġi appoġġat is-settur tal-apikultura u jittaffa l-impatt negattiv li xi attivitajiet agrikoli jista’ jkollhom fuq id-dakkara ġestiti.

L-UE ilha tappoġġa b’mod dirett lis-settur tat-trobbija tan-naħal sa mill-1997 1 . Ir-Regolamenti tas-Suq suċċessivi taw il-possibilità lill-Istati Membri biex ifasslu programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura tagħhom. L-objettiv ta’ dawn il-programmi huwa li jitjiebu l-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tal-apikultura, li jinkludu mhux biss l-għasel iżda wkoll il-ħalib tan-naħal, il-polline, iż-żaftur jew ix-xama’ tan-naħal. Il-programmi huma kkofinanzjati mill-Unjoni Ewropea b’rata ta’ 50 % u jdumu għal tliet snin.

L-Artikolu 225 (a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli 2 jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin u għall-ewwel darba sal-21 ta’ Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li jikkonċernaw is-settur tal-apikultura kif stabbilit fl-Artikoli 55, 56 u 57, inkluż dwar l-aħħar żviluppi dwar is-sistemi ta’ identifikazzjoni tad-doqqajs.

Dan ir-rapport jissodisfa dak l-obbligu, u jkopri s-snin tal-apikultura 2013, 2014 u 2015 3 . Billi l-programmi tal-apikultura nazzjonali għandhom tul ta’ tliet snin, dawn is-snin tal-apikultura jikkorrispondu għall-aħħar sena tal-programmi triennali preċedenti tal-apikultura (2011-2013) u l-ewwel sentejn tal-programm attwali (2014-2016). Dan huwa s-sitt rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-apikultura 4 .

L-Istati Membri kollha nnotifikaw programm tal-apikultura nazzjonali għall-perjodi 2011-2013 u 2014-2016. Dan juri l-interess qawwi tal-Istati Membri u l-ħtiġijiet tas-settur.

Matul it-tliet snin tal-apikultura koperti minn dan ir-rapport, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) 5 kien għadu fis-seħħ; għalhekk il-bidliet introdotti fir-rigward tas-settur tal-apikultura fl-2013permezz tar-riforma tal-PAK kienu għadhom ma ġewx implimentati. Madankollu, dan ir-rapport jippreżenta l-bidliet leġiżlattivi ewlenin introdotti permezz tar-riforma tal-PAK kif ukoll l-aħħar informazzjoni disponibbli fir-rigward tal-iżviluppi fis-sistemi ta’ identifikazzjoni tad-doqqajs.

2.metodoloġija

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq dawn is-sorsi ta’ tagħrif:

- Il-programmi ta’ apikultura nazzjonali nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri għall-perjodi 2011-2013, 2014-2016 u 2017-2019. Kull programm tal-apikultura nazzjonali għandu jinkludi studju mwettaq mill-Istat Membru dwar l-istruttura tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tas-settur tat-trobbija tan-naħal fit-territorju tiegħu;

- L-infiq tal-Istati Membri relatat mal-miżuri meħuda taħt il-programmi nazzjonali tal-apikultura tagħhom notifikati lill-Kummissjoni 6 ;

- Id-dejta dwar il-produzzjoni tal-għasel u l-kummerċ internazzjonali mill-EUROSTAT, il-COMTEXT u l-FAO.

Iċ-ċifri ddettaljati u t-tabelli sommarji dwar is-suq tal-għasel u dwar il-programmi tal-apikultura nazzjonali huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni 7 .

3.    DESKRIZZJONI TAS-SETTUR TAL-APIKULTURA TAL-UE

3.1    Produzzjoni u prezzijiet

Bi produzzjoni ta’ madwar 250 000 tunnellata fis-sena, l-UE hija t-tieni l-akbar produttur tal-għasel fid-dinja wara ċ-Ċina.

L-UE ma tipproduċix biżżejjed għasel biex tkopri l-konsum tagħha stess. Fl-2015, ir-rata ta’ awtosuffiċjenza 8 kienet ta’ madwar 60 %.

L-Istati Membri bl-ikbar produzzjoni ta’ għasel (RO, ES, HU, DE, IT) jinsabu primarjament fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Unjoni fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi huma aktar favorevoli għat-trobbija tan-naħal.

B'mod ġenerali, il-produzzjoni tal-għasel tal-UE żdiedet bil-mod b’varjazzjonijiet annwali li jiddependu fuq il-kundizzjonijiet klimatiċi. Madankollu, iż-żamma ta’ dan il-livell ta’ produzzjoni qed issir aktar diffiċli għal dawk li jrabbu n-naħal minħabba l-isfidi li jiffaċċaw f’termini ta’ saħħa u ta’ telf tal-ħabitat tan-naħal minħabba l-intensifikazzjoni agrikola. Il-kondizzjonijiet tal-produzzjoni qed jiddeterjoraw, l-ispejjeż tal-produzzjoni qed jiżdiedu u l-importazzjonijiet dejjem jikbru ta’ għasel irħis minn pajjiżi terzi qed joħolqu sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni li qed tiżdied.

Il-prezzijiet tal-għasel qed ivarjaw bil-kbir skont il-kwalità u l-punt tal-bejgħ. Għall-għasel multiflorali, il-firxa ta’ prezzijiet tvarja minn €2.54/kg fil-Polonja għall-għasel multiflorali li jinbiegħ lill-bejjiegħa bl-ingrossa għal €15.18/kg għall-għasel mibjugħ fis-sit tal-produzzjoni fir-Renju Unit.

Illustrazzjoni 1: Produzzjoni tal-għasel tal-UE fl-2014 u l-2015

Sors: L-istudji tal-Istati Membri nnotifikati fil-programmi nazzjonali tal-apikultura għall-2017-2019

3.2    Kummerċ:

Importazzjonijiet

L-UE hija l-ewwel importatur dinji tal-għasel. L-importazzjonijiet tal-UE qed jiżdiedu sena wara sena.

Fl-2015, l-UE importat madwar 200 000 tunnellata ta’ għasel, li jirrappreżentaw volum ta’ madwar 75 % tal-produzzjoni totali tal-UE. Nofs dawn l-importazzjonijiet ġew miċ-Ċina (madwar 100 000 tunnellata). Iż-żewġ fornituri ewlenin l-oħra kienu l-Messiku u l-Ukrajna. L-għasel impurtat mill-pajjiżi terzi huwa ħafna irħas mill-għasel prodott fl-UE. Fl-2015, il-prezz ta' unità medju tal-importazzjoni għall-għasel Ċiniż kien ta’ €1.64/kg filwaqt li l-prezz medju tal-UE għall-għasel multiflorali mibjugħ lill-bejjiegħa bl-ingrosssa kien ta’ €3.78/kg. Minħabba l-ispejjeż ta’ produzzjoni ogħla, il-produtturi tal-UE bilkemm jistgħu jikkompetu mal-għasel importat.

Esportazzjonijiet

L-esportazzjonijiet tal-UE huma negliġibbli meta mqabbla mal-importazzjonijiet.

Fl-2015, l-UE esportat madwar 20 000 tunnellata ta’ għasel, li jirrappreżentaw volum ta’ madwar 8% tal-produzzjoni totali tal-UE. L-UE tesporta primarjament lejn swieq li qed ifittxu għasel ta’ kwalità għolja fl-Iżvizzera, l-Arabja Sawdija, il-Ġappun, l-Istati Uniti u l-Kanada. Fl-2015, il-prezz ta' unità medju tal-esportazzjoni kien ta’ €5.77/kg ta’ għasel.

3.3    Ċensiment tad-doqqajs

Skont id-data mogħtija fil-programmi 2014-2016, kien hemm madwar 16-il miljun doqqajs fl-UE. Il-ħames Stati Membri bl-akbar numri ta’ doqqajs jinsabu primarjament fin-Nofsinhar tal-UE: Spanja, Franza, il-Greċja, ir-Rumanija u l-Italja.

Il-Kummissjoni m’għandhiex dejta ġdida dwar in-numru ta’ doqqajs meta mqabbla mar-rapport preċedenti. Iċ-ċifri aġġornati mhux se jkunu disponibbli qabel l-2017.

Illustrazzjoni 2: L-evoluzzjoni tan-numru ta’ doqqajs fl-UE

Sors: L-istudji tal-Istati Membri nnotifikati fil-programmi nazzjonali tal-apikultura

3.4    Ċensiment tal-persuni li jrabbu n-naħal

Skont id-dejta mogħtija fil-programmi 2017-2019, kien hemm madwar 600 000 persuna li jrabbu n-naħal fl-Unjoni. In-numru ta’ dawk li jrabbu n-naħal fl-UE qed jonqos. Ħafna minn dawk li jrabbu n-naħal iħallu s-settur għal raġunijiet ta’ età u ma jiġux sostitwiti minn persuni ġodda.

Illustrazzjoni 3: L-evoluzzjoni tan-numru ta’ dawk li jrabbu n-naħal fl-UE

Sors: L-istudji tal-Istati Membri nnotifikati fil-programmi nazzjonali tal-apikultura

Is-sitwazzjoni tvarja ħafna fost l-Istati Membri. Il-Ġermanja hija wieħed mill-ftit Stati Membri li rnexxielhom iwaqqfu t-tnaqqis fin-numru ta’ dawk li jrabbu n-naħal. L-Assoċjazzjoni Ġermaniża ta’ dawk li Jrabbu n-Naħal tat prijorità lill-istrateġija ta’ reklutaġġ għal dawk li jrabbu n-naħal u offriet korsijiet ta’ introduzzjoni li wasslu għal żieda fin-numru ta’ dawk li jrabbu n-naħal li huma attivi. Parti minn dawn l-azzjonijiet ġew iffinanzjati mill-miżura “assistenza teknika” tal-programmi.

Fl-2015, 96 % ta’ dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa kellhom inqas minn 150 doqqajsa, li huwa l-livell limitu li fih id-doqqajs jiġi meqjus bħala "mhux professjonali"; 4% biss ta’ dawk li jrabbu n-naħal fl-UE kellhom aktar minn 150 doqqajs u setgħu jiġu kklassifikati bħala persuni li jrabbu n-naħal "professjonali." Dan il-livell limitu, madankollu, huwa kkontestat minn xi assoċjazzjonijiet tat-trobbija tan-naħal li jqisu li 40 doqqajsa huwa livell aktar xieraq.

Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li jrabbu n-naħal fl-UE (72 %) huma membri tal-Assoċjazzjonijiet ta’ dawk li Jrabbu n-Naħal.

4. IMPLIMENTAZZJONI TA’ PROGRAMMI TAL-APIKULTURA NAZZJONALI

4.1Bażi ġuridika

Matul is-snin tal-apikultura 2013, 2014 u 2015 li huma koperti minn dan ir-rapport, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 kien għadu fis-seħħ; għalhekk il-bidliet introdotti fir-rigward tas-settur tal-apikultura bir-riforma tal-PAK  fl-2013 kienu għadhom ma ġewx implimentati.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 55 sa 57 tar-Regolament il-ġdid (UE) Nru 1308/2013 jissostitwixxu u jħassru d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 105 sa 110 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Madankollu, l-Artikolu 231 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprovdi li l-programmi pluriennali kollha adottati qabel l-1 ta’ Jannar 2014 għandhom jibqgħu jkunu regolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 sakemm dawk il-programmi jintemmu. Il-Leġiżlatur introduċa din id-dispożizzjoni tranżizzjonali biex jiżgura l-kontinwità fil-programmi kurrenti. Billi l-programmi tal-apikultura 2011-2013 u 2014-2016 ġew adottati qabel l-1 ta’ Jannar 2014, dawn xorta waħda baqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004 dwar ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 dwar miżuri li jtejbu l-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-apikultura 9 .

4.2Objettivi u Miżuri

L-għan tal-programmi huwa li jitjiebu l-kundizzjonijiet ġenerali tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-apikultura fl-Unjoni.

Sitt miżuri huma eliġibbli għall-għajnuna u jistgħu jiġu inklużi fil-programmi tal-apikultura nazzjonali.

Fit-tfassil tal-programmi tagħhom, l-Istati Membri jikkonsultaw l-organizzazzjonijiet tat-trobbija tan-naħal tagħhom u jagħżlu minn fost lista ta’ miżuri eliġibbli l-azzjonijiet li jikkunsidraw bħala l-aktar rilevanti. Pereżempju, għas-snin tal-apikultura 2014 u 2015, in-Netherlands għażlu li jimplimentaw miżura waħda biss: ir-riċerka applikata.

Is-sitt miżuri eliġibbli ma nbidlux mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni fl-2013 u huma dawn li ġejjin:

L-assistenza teknika hija mfassla biex ittejjeb l-effiċjenza tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ tekniki aħjar. Din tinkludi l-organizzazzjoni ta’ korsijiet bażiċi għal parteċipanti ġodda u edukazzjoni kontinwa għal persuni b’esperjenza li jrabbu n-naħal u għal dawk responsabbli għar-raggruppament jew il-kooperattivi; il-korsijiet ta’ taħriġ jittrattaw b’mod partikolari oqsma bħat-tgħammir u l-prevenzjoni tal-mard, il-ġbir u l-imballaġġ, il-ħażna u t-trasport tal-għasel u l-kummerċjalizzazzjoni. It-tagħlim dwar id-doqqajs u n-netwerks ta’ konsulenti/tekniċi li jrabbu n-naħal jippermettu t-tixrid ta’ għarfien tekniku prattiku. Il-miżura tista’ wkoll tintuża biex issostni l-immodernizzar tas-settur permezz tax-xiri ta’ tagħmir għall-estrazzjoni minn dawk li jrabbu n-naħal.

L-għan tal-prevenzjoni mill-varroażi hu li tiġi kkontrollata l-infestazzjoni fid-doqqajs ta’ dan il-parassita endemiku. Il-varroażi hija marda tan-naħal tal-għasel ikkawżata minn dud tal-Varroa li jdgħajjef is-sistema immunitarja tan-naħal u jżid l-infezzjonijiet sekondarji tan-naħal permezz ta’ vajrusis. Il-kontroll tal-varroażi primarjament jitwettaq billi jitnaqqas il-piż tal-parassiti. Il-varroażi qed twassal għal tnaqqis kbir fir-rendiment tal-għasel fl-UE, fattur li jekk ma jiġix trattat iwassal għal telf ta’ kolonji tan-naħal. Billi l-varroażi hija endemika fl-UE u ma tistax tinqered għalkollox, l-uniku mod biex jiġu evitati l-konsegwenzi tagħha huwa li d-doqqajs jiġi trattat bil-metodi u l-prodotti approvati. Xi tip ta' kontribuzzjoni finanzjarja hija meħtieġa biex tgħin lill-produtturi jifilħu għaż-żieda fin-nefqa mġarrba biex jittrattaw id-doqqajs kif xieraq (prodotti, tagħmir bħal pereżempju xbieki ta' kopertura).

L-għajnuna għar-razzjonalizzazzjoni tat-transumanza hija maħsuba biex tassisiti l-ġestjoni tal-movimenti tad-doqqajs fl-Unjoni u fil-provvediment ta’ postijiet għal min irabbi n-naħal fl-istaġun tal-fjur. Il-ġestjoni tat-transumanza tista’ tiġi ffaċilitata b’miżuri bħall-identifikazzjoni ta’ doqqajs u kaxxi tan-naħal, ir-reġistru tat-transumanza, l-investiment fil-materjal li jiffaċilita t-transumanza u l-immappjar tal-varjetajiet tal-fjura. F’diversi Stati Membri, it-transumanza hija kruċjali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet nutrizzjonali tan-naħal u jkun żgurat id-dakkir tal-pjanti.

Il-miżuri ta’ appoġġ għat-twettiq tal-analiżi tal-għasel huma maħsuba biex itejbu l-kummerċjalizzazzjoni tal-għasel. L-analiżi tal-għasel tippermetti lill-persuni li jrabbu n-naħal li jiżguraw li l-għasel li tqiegħed fis-suq jissodisfa l-karatteristiċi fiżikokimiċi stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE li tirrigwarda l-għasel 10 ; l-analiżi tal-oriġini botanika tal-għasel tipprovdi lil min irabbi n-naħal b’għarfien preċiż tal-għasel maħsud, u dan jippermettilhom jiksbu prezz ogħla għall-prodott tagħhom. L-appoġġ finanzjarju għall-analiżi tal-għasel huwa essenzjali biex dan is-servizz ikun aċċessibbli għal għadd kbir ta’ persuni li jrabbu n-naħal.

Il-ħażniet mill-ġdid tad-doqqajs jagħtu l-possibbiltà li jingħata kumpens parzjali għat-telf ta’ naħal, u b’hekk jiġi evitat it-telf tal-produzzjoni; dan jista’ jinkludi attivitajiet ta’ finanzjament biex jiġu promossi l-produzzjoni tar-reġini tan-naħal jew ix-xiri ta’ kolonji tan-naħal.

L-opportunità pprovduta mir-Regolament biex jiġu inklużi proġetti speċifiċi ta’ riċerka applikata għat-titjib fil-kwalità tal-għasel fil-programmi tal-apikultura, u għat-tixrid tar-riżultati ta’ dawn il-proġetti, tista' tgħin biex jiżdied l-għarfien tal-produtturi dwar prattiki speċifiċi tat-trobbija tan-naħal.

4.3    Baġit tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura nazzjonali u r-rata tal-użu

Il-fondi tal-Unjoni ddedikati għas-settur tal-apikultura huma relattivament żgħar iżda jiżdiedu kull tliet snin sabiex jieħdu kont tal-ħtiġijiet li dejjem qed jikbru tas-settur, it-teħid tajjeb tal-programmi u t-tkabbir suċċessiv tal-Unjoni. Għall-programmi tal-apikultura tal-2017-2019, il-fondi tal-Unjoni disponibbli se jiżdiedu għal EUR 36 miljun għal kull sena tal-apikultura.

Tabella 1: Fondi tal-Unjoni disponibbli għall-programmi tal-apikultura nazzjonali

Fondi tal-Unjoni disponibbli għal kull sena tal-apikultura

Is-sena tal-apikultura 2013

Programmi 2011-2013

Is-sena tal-apikultura 2014

Programmi 2014-2016

Is-sena tal-apikultura 2015

Programmi 2014-2016

EUR

32 000 000

33 100 000

33 100 000

Ammont ta’ fondi tal-Unjoni użati mill-Istati Membri f’EUR

29 160 781

30 430 265

30 874 274

Rata ta’ użu

91%

92%

93%

L-Istati Membri 11 kollha nnotifikaw programm tal-apikultura nazzjonali għall-perjodi 2011-2013 u 2014-2016.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura tikkorrespondi għal 50 % tal-ispiża mġarrba mill-Istati Membri. B’mod konkret, dan ifisser li għas-sena tal-apikultura 2013 kien hemm disponibbli total ta' EUR 64 miljun għas-settur tal-apikultura: EUR 32 miljun mill-baġit tal-Unjoni u EUR 32 miljun mill-baġit nazzjonali tal-Istati Membri. Għas-snin tal-apikultura 2014 u 2015, kien hemm disponibbli total ta’ EUR 66.2 miljuni fis-sena: EUR 33.1 miljuni mill-baġit tal-Unjoni u EUR 33.1 miljuni mill-baġit nazzjonali tal-Istati Membri.

Bħalma seħħ fis-snin preċedenti, l-Istati Membri użaw kważi l-fondi kollha disponibbli tal-Unjoni għal dawn il-programmi. Ir-rata ta' użu medja fl-UE hija eċċellenti: kienet rispettivament ta’ 91 %, 92 % u 93 % għas-snin tal-apikultura 2013, 2014 u 2015.

4.4Allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull Stat Membru

Il-fattur ewlieni għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull Stat Membru huwa n-numru ta’ doqqajs fit-territorju tagħha.

Abbażi tal-previżjonijiet tal-infiq tal-Istati Membri nnotifikati fil-programmi tagħhom, il-fondi tal-Unjoni huma mqassma f’konformità mas-sehem ta’ kull Stat Membru fin-numru totali ta’ doqqajs fl-Unjoni.

L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni n-numru ta’ doqqajs preżenti fit-territorju tagħhom fiż-żmien tal-preżentazzjoni tal-programmi tal-apikultura. In-numru u t-tqassim tad-doqqajs għal kull Stat Membru u fl-Unjoni huma ppubblikati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 917/2004 12 .

In-numru ta’ doqqajs f’kull Stat Membru, ikkalkulat bħala perċentwal tan-numru totali ta’ doqqajs fl-UE, jiddetermina l-perċentwal massimu teoretiku tal-baġit li għalih huwa intitolat kull Stat Membru. F’każ li Stat Membru jipprevedi inqas spiża mill-baġit massimu li għalih huwa intitolat, l-ammonti mhux mitluba minn dan l-Istat Membru huma mqassma mill-ġdid bejn l-oħrajn.

B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri bl-akbar numru ta’ doqqajs huma għalhekk dawk li jingħataw l-akbar porzjon ta’ fondi tal-Unjoni. Għas-snin tal-apikultura 2013, 2014 u 2015, Spanja, l-Istat Membru bl-akbar numru ta’ doqqajs fl-Unjoni, ingħatat l-akbar porzjon tal-fondi tal-Unjoni. Il-ħames Stati Membri bl-akbar numru ta’ doqqajs (Spanja, Franza, il-Greċja, ir-Rumanija u l-Italja) ingħataw madwar nofs il-fondi totali tal-UE għas-snin tal-apikultura 2013, 2014 u 2015.

Illustrazzjoni 4: Allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull Stat Membru għas-sena tal-apikultura 2015

4.5Spiża mġarrba skont it-tip ta’ miżuri

Fit-tmiem ta’ kull sena tal-apikultura, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bin-nefqa tagħhom skont it-tip ta’ miżuri.

It-tqassim tan-nefqa skont it-tip ta’ miżuri għas-snin tal-apikultura 2013, 2014 u 2015 bażikament ma nbidilx meta mqabbel mal-aħħar rapport tal-Kummissjoni.

Il-ġlieda kontra l-varroażi u l-assistenza teknika għal dawk li jrabbu n-naħal u l-organizzazzjonijiet ta’ min irabbi n-naħal (li kull waħda ammontat għal madwar 29 % tan-nefqa totali) kienu l-iktar żewġ miżuri li ntużaw. Dan jirrifletti l-ħtiġijiet tas-settur li jkompli jinvesti fl-apparat tat-trobbija tan-naħal, sabiex jaġġorna konsistentement il-prattiki tat-trobbija tan-naħal sabiex jiġu miġġielda l-mard u l-elementi qerrieda tad-doqqajs, u biex jiġu mħarrġa nies ġodda biex irabbu n-naħal.

Ir-razzjonalizzazzjoni tat-transumanza ammontat għal madwar 19 % tan-nefqa totali u kienet it-tielet miżura. F’bosta Stati Membri, it-transumanza hija prattika essenzjali fit-trobbija tan-naħal, meħtieġa sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet nutrizzjonali tan-naħal tal-għasel matul l-istaġun kollu tat-trobbija tan-naħal u sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ dakkir.

Ir-ripopolament tad-doqqajs ammonta għal madwar 15 % tan-nefqa totali u kienet ir-raba’ miżura, segwita fil-ħames post mir-riċerka applikata (madwar 5 % tan-nefqa totali) u fis-sitt post mill-analiżi tal-għasel (madwar 3 % tan-nefqa totali).

Illustrazzjoni 5: In-nefqa mġarrba skont it-tip ta’ miżuri għas-sena tal-apikultura 2015

5.BIDLIET EWLENIN INTRODOTTI MIR-RIFORMA TAL-PAK FL-2013

Fl-2013 ir-riforma tal-PAK introduċiet bidliet sinifikanti b’rabta mal-programmi tal-apikultura. Dawn il-bidliet huma riflessi fl-Artikoli 55 sa 57 dwar l-għajnuna fis-settur tal-apikultura fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jissostitwixxu l-Artikoli 105 sa 100 dwar l-apikultura tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 13 jissupplementa r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 dwar l-apikultura u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 14 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura.

L-objettivi ewlenin tar-riforma tal-PAK għas-settur tal-apikultura kienu:

- li jiġu adattati l-miżuri eliġibbli għall-ħtiġijiet tas-settur;

- li tiġi żgurata allokazzjoni aktar b’saħħitha tal-baġit tal-UE billi jitjiebu l-metodi użati mill-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat in-numru ta’ doqqajs fit-territorji tagħhom.

5.1Miżuri eliġibbli

L-Artikolu 55(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jimmodifika l-lista tal-miżuri tal-apikultura eliġibbli; huwa jestendi l-kamp ta' applikazzjoni ta’ bosta miżuri u jżid żewġ miżuri ġodda.

Bil-PAK riformata, issa hemm tmien miżuri eliġibbli għall-apikultura:

(a) l-assistenza teknika għal min irabbi n-naħal u għall-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jrabbu n-naħal;

(b) il-ġlieda kontra l-elementi qerrieda u l-mard tad-doqqajs, partikolarment il-varroażi; il-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-miżura ġie estiż biex jitqiesu l-ħtiġijiet tas-settur fil-ġlieda kontra l-progressjoni tal-Vespa velutina 15 , il-Koleotteru tal-Ġabsala (Aethina tumida) 16 iżda wkoll mard tan-naħal differenti mill-varroażi, bħan-nosemosis jew il-larva (foulbrood).

(c) ir-razzjonalizzazzjoni tat-transumanza;

(d) il-miżuri għall-appoġġ tal-laboratorji għall-analiżi tal-prodotti tal-apikultura bil-għan li tingħata għajnuna lil dawk li jrabbu n-naħal biex jikkumerċjalizzaw u jżidu l-valur tal-prodotti tagħhom; Il-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-miżura ġie estiż għall-analiżi ta’ prodotti oħrajn tal-apikultura 17 bħall-ħalib tan-naħal, il-polline, iż-żaftur jew ix-xama’ tan-naħal. Dan huwa importanti sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ kwalità tal-apikultura u jingħata sors addizzjonali ta’ dħul għal dawk li jrabbu n-naħal.

(e) il-miżuri għall-appoġġ tar-ripopolazzjoni tad-doqqajs fl-Unjoni;

(f) il-kooperazzjoni ma’ korpi speċjalizzati għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riċerka applikati fil-qasam tat-trobbija tan-naħal u l-prodotti tal-apikultura;

(g) il-monitoraġġ tas-suq; din hija miżura ġdida li tista’ tintuża biex, pereżempju, jiġu mmonitorjati l-produzzjoni u l-prezzijiet tal-għasel u l-prodotti tal-apikultura.

(h) it-titjib fil-kwalità tal-prodotti bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-prodotti fis-suq; din hija miżura ġdida li tista’ tintuża biex, pereżempju, jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ħalib tan-naħal jew il-polline.

5.2Il-metodu biex jiġi ddeterminat in-numru ta’ doqqajs u l-allokazzjoni tal-baġit tal-UE

Kif issemma qabel, il-fattur ewlieni għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull Stat Membru huwa n-numru ta’ doqqajs fit-territorju tagħha.

Ir-riforma tal-PAK tal-2013 żammet dak il-prinċipju iżda r-regoli għad-determinazzjoni tan-numru ta’ doqqajs ġew armonizzati (sa fejn ikun possibbli, meħud kont tad-disparitajiet kbar tas-settur tat-trobbija tan-naħal bejn l-Istati Membri); f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tiġi allokata b’mod proporzjonali man-numru totali medju ta’ doqqajs matul is-sentejn kalendarji immedjatament qabel in-notifika tal-programmi tal-apikultura nazzjonali lill-Kummissjoni.

Sal-programmi tal-2014-2016, l-Istati Membri kellhom biss l-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bin-numru tad-doqqajs fit-territorji tagħhom, darba kull tliet snin, meta jippreżentaw il-programmi nazzjonali tal-apikultura tagħhom. Kien hemm differenzi sinifikanti fil-mod kif l-Istati Membri ġabru l-informazzjoni dwar in-numru tad-doqqajs tagħhom b’mod partikolari f’rabta mat-tipi ta’ doqqajs li ġew ikkunsidrati, il-perjodu u s-snin meta nġabret l-informazzjoni u finalment il-metodu li ntuża biex jiġu ddeterminati n-numri. Is-sitwazzjoni kellha tiġi indirizzata sabiex tiġi żgurata allokazzjoni iktar b’saħħitha tal-fondi tal-Unjoni.

L-Artikoli 1, 2 u 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 li jiddefinixxu t-terminu "doqqajs", jirrikjedu li l-Istati Membri jkollhom metodu affidabbli biex jiġi ddeterminat, bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, l-għadd ta’ doqqajs lest għax-xitwa preżenti fit-territorju tagħhom u finalment jobbligaw lill-Istati Membri biex sa mill-2017 jinnotifikaw lil xulxin kull sena bin-numru ta’ doqqajs.

F’konformità mal-Artikolu 2 u l-punt (2) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368, l-Istati Membri ppreżentaw, fil-programmi nazzjonali tal-apikultura 2017-2019, deskrizzjoni tal-metodu użat biex jiġi ddeterminat in-numru ta’ doqqajs fit-territorju tagħhom.

Id-deskrizzjoni tal-metodu użat f’kull Stat Membru hija disponibbli fil-programmi tal-apikultura 2017-2019 ippubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Is-sommarju tal-metodi huwa ppreżentat fit-Tabella 2. 18-il Stat Membru se jużaw sistema ta’ reġistrazzjoni obbligatorja filwaqt li 10 Stati Membri se jużaw metodu statistiku biex jagħmlu stima tan-numru ta’ doqqajs ibbażat fuq il-kampjunar ta’ dawk li jrabbu n-naħal irreġistrati mill-organizzazzjonijiet tat-trobbija tan-naħal.

B’mod ġenerali, ir-reġistrazzjoni obbligatorja tad-doqqajs hija meqjusa bħala l-aktar metodu robust iżda toħloq piż amministrattiv akbar għal dawk li jrabbu n-naħal u għall-Istati Membri; dawk li jrabbu n-naħal huma obbligati mil-liġi nazzjonali jirreġistraw l-attività tagħhom u jiddikjaraw in-numru tad-doqqajs tagħhom lil amministrazzjoni. Huwa importanti li wieħed jinnota li s-sitt Stati Membri bl-ikbar numru ta’ doqqajs (ES, FR, EL, RO, IT, PL) għażlu r-reġistrazzjoni obbligatorja tad-doqqajs filwaqt li Stati Membri b’settur tal-apikultura inqas importanti għażlu l-metodu tal-istima statistika.

L-affidabbiltà tal-metodi statistiċi għall-istima tan-numru ta’ doqqajs tiddependi fuq il-kwalità tal-bażi tad-dejta miżmuma mill-organizzazzjonijiet tat-trobbija tan-naħal u fuq ir-rappreżentanza tal-kampjun ta’ dawk li jrabbu n-naħal magħżula biex jipprovdu informazzjoni dwar in-numru ta’ doqqajs tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar in-numru ta’ doqqajs tagħhom bl-użu tal-metodi l-ġodda għall-ewwel darba fil-15 ta’ Marzu 2017. F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368, il-Kummissjoni se tagħmel id-dejta aggregata dwar in-numru ta’ doqqajs innotifikat mill-Istati Membri disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit tagħha. Din id-dejta se tiġi aġġornata kull sena u dan għandu jwassal għal monitoraġġ aħjar tan-numru ta’ doqqajs fl-Unjoni.

Tabella 2: Sommarju tal-metodi użati mill-Istati Membri biex jiġi ddeterminat in-numru ta’ doqqajs fit-territorji tagħhom fil-programmi tal-apikultura nazzjonali 2017-2019

L-Istati Membri

Reġistrazzjoni

mill-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri:

Metodu/kampjunar statistiku bbażat fuq il-bażijiet tad-data li jinżammu mill-organizzazzjonijiet tat-trobbija tan-naħal jew minn reġistrazzjoni voluntarja

Il-Belġju

X

Il-Bulgarija

X

Ir-Repubblika Ċeka

X

Id-Danimarka

X

Il-Ġermanja

X

L-Estonja

X

L-Irlanda

X

Il-Greċja

X

Spanja

X

Franza

X

Il-Kroazja

X

L-Italja

X

Ċipru

X

Il-Latvja

X

Il-Litwanja

X

Il-Lussemburgu

X

L-Ungerija

X

Malta

Għadd eżawrjenti

In-Netherlands

X

L-Awstrija

X

Il-Polonja

X

Il-Portugall

X

Ir-Rumanija

X

Is-Slovenja

X

Is-Slovakkja

X

Il-Finlandja

X

L-Iżvezja

X

Ir-Renju Unit

X

UE-28

18-il Stat Membru

10 Stati Membri

6.KONKLUŻJONI

Bir-riforma tal-PAK fl-2013, il-bażi ġuridika għall-appoġġ tas-settur tat-trobbija tan-naħal tal-UE ġiet imtejba permezz tal-programmi tal-apikultura nazzjonali. Il-miżuri eliġibbli ġew adattati għall-ħtiġijiet li jinbidlu tas-settur u l-metodi għall-allokazzjoni tal-fondi tal-UE lill-Istati Membri abbażi tan-numru ta’ doqqajs ġew issimplifikati. L-ewwel effetti konkreti tar-riforma se jidhru bl-implimentazzjoni tal-programmi tal-apikultura 2017-2019 li bdew f’Awwissu 2016. Ebda proposta ġuridika ulterjuri ma takkumpanja dan ir-rapport.

Abbażi tas-sejbiet fattwali tar-rapport preżenti li juru li l-Istati Membri kollha għandhom programmi ta’ apikultura nazzjonali fis-seħħ u li ntużaw aktar minn 90 % tal-fondi disponibbli tal-Unjoni, jista’ jiġi konkluż li l-miżuri tas-suq Ewropew għas-settur tal-apikultura qed joperaw b’mod sodisfaċenti. Ir-rapport li jmiss -fi żmien tliet snin- se jippermetti l-valutazzjoni tal-impatt tad-dispożizzjonijiet regolatorji ġodda introdotti permezz tar-riforma tal-PAK tal-2013.

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1221/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ miżuri biex itejbu l-produzzjoni u l-bejgħ tal-għasel, ĠU L 173, 1.7.97, p.1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(3) Is-snin tal-apikultura 2013, 2014 u 2015 jikkorrispondu rispettivament mal-perjodu ta’ 12-il xahar li jibda mill-1.9.2012 u jintemm fil-31.8.2013, li jibda fl-1.9.2013 u jintemm fil-31.8.2014, u li jibda fl-1.9.2014 u jintemm fil-31.8.2015.
(4) Ir-rapport preċedenti ġie ppubblikat fis-16.8.2013, COM(2013) 593 final.
(5) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(6) Kif notifikat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 dwar miżuri li jtejbu l-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-apikultura, ĠU L 163, 30.4.2004, p. 83.
(7) http://ec.europa.eu/agriculture/honey_mt
(8) Ir-rata ta’ awtosuffiċjenza = Il-proporzjon tal-produzzjoni tal-għasel domestiku bħala proporzjon tal-konsum totali= produzzjoni tal-UE fis-sena diviża bl-(importazzjonijiet tal-UE fis-sena+ il-produzzjoni tal-UE fis-sena – l-esportazzjonijiet tal-UE fis-sena)
(9) ĠU L 163, 30.4.2004, p. 83.
(10) ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47.
(11) 27 Stat Membru kellhom programm tal-apikultura nazzjonali fis-seħħ għall-2011-2013. Wara li l-Kroazja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013, 28 Stat Membru kellhom programm tal-apikultura nazzjonali fis-seħħ għall-2014-2016.
(12) Għall-programmi 2014-2016, ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 768/2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 917/2004 dwar ir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 dwar miżuri li jtejbu l-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-apikoltura, ĠU L 214, 9.8.2013, p.7.Għall-programmi 2011-2013, ara r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 726/2010 tat-12 ta’ Awwissu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 917/2004 dwar ir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 rigward il-miżuri għat-titjib tal-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-marketing ta’ prodotti tal-apikoltura, ĠU L 213, 13.8.2010, p.29.
(13) ĠU L 211, 8.8.2015, p. 3.
(14) ĠU L 211, 8.8.2015, p. 9.
(15) http://presse.inra.fr/en/Resources/Press-releases/rapid-expansion-of-Asian-hornet  
(16) http://ec.europa.eu/food/animals/live_animals/bees/small_hive_beetle_outbreaks/index_en.htm  
(17) Il-prodotti tal-apikultura koperti mill-programmi tal-apikultura huma elenkati fil-Parti XXII tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u dawn huma l-għasel, il-ħalib tan-naħal, iż-żaftur u x-xama’ tan-naħal.