3.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 159/83


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 6/2016 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)

(2016/C 159/02)

I.   INTRODUZZJONI

Fil-25 ta' Jannar 2012, il-Kummissjoni pproponiet riforma komprensiva tal-protezzjoni tad-data magħmula minn:

il-proposta msemmija hawn fuq għal Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, li għandu l-għan li jissostitwixxi d-Direttiva tal-1995 dwar il-Protezzjoni tad-Data (preċedentement l-ewwel pilastru);

proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, li għandha l-għan li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar il-Protezzjoni tad-Data (preċedentement it-tielet pilastru).

Fit-12 ta’ Marzu 2014, il-Parlament Ewropew adotta l-Pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (7427/14).

Il-Kunsill laħaq qbil dwar Approċċ Ġenerali fil-15 ta' Ġunju 2015, u b'hekk ta l-mandat ta' nnegozjar lill-Presidenza biex tieħu sehem fi trilogi mal-Parlament Ewropew (9565/15).

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fil-livell tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti rispettivament, ikkonfermaw fis-17 u t-18 ta' Diċembru 2015 rispettivament il-qbil dwar it-test ta' kompromess li jirriżulta min-negozjati fit-trilogi.

Fil-laqgħat tiegħu fit-12 ta' Frar 2016, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar l-abbozz tar-Regolament (5455/15). Fil-laqgħa tiegħu fit-8 ta' April 2016, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li hija konformi għalkollox mat-test ta' kompromess dwar ir-Regolament li ntlaħaq qbil dwaru fin-negozjati informali bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ppreżenta opinjoni dwar ir-Regolament fl-2012 (ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90).

Il-Kumitat tar-Reġjuni ppreżenta opinjoni dwar ir-Regolament (ĠU C 391, 18.12.2012, p. 127).

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat u ta l-ewwel opinjoni fl-2012 (ĠU C 192, 30.6.2012, p. 7) u t-tieni opinjoni fl-2015 (ĠU C 301, 12.09.2015, p. 1-8).

L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ppreżentat opinjoni fl-1 ta' Ottubru 2012.

II.   OBJETTIV

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jarmonizza r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fl-Unjoni Ewropea. L-objettivi tar-Regolament huma li jsaħħaħ id-drittijiet tal-individwi rigward il-protezzjoni tad-data, jiffaċilita l-fluss liberu tad-data personali fis-suq uniku, u jnaqqas il-piż amministrattiv.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

A.    Osservazzjonijiet ġenerali

Fid-dawl tal-objettiv tal-Kunsill Ewropew li jassigura qbil dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-data sal-aħħar tal-2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għamlu negozjati informali biex iqarrbu l-pożizzjonijiet tagħhom. It-test tal-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari dwar ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jirrifletti għalkollox il-kompromess milħuq bejn iż-żewġ koleġislaturi, megħjuna mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari żżomm l-objettivi tad-Direttiva 95/46/KE: il-ħarsien tad-drittijiet għall-protezzjoni tad-data u l-fluss liberu tad-data. Fl-istess ħin, hija tfittex li tadatta r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data li huma attwalment fis-seħħ fid-dawl tal-volum dejjem jiżdied ta' data personali li tiġi pproċessata b'riżultat tat-tibdil teknoloġiku u l-globalizzazzjoni. Bil-għan li r-Regolament ikun validu fil-futur, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data msemmija fil-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari huma teknoloġikament newtrali.

Sabiex jiġi żgurat livell konsistenti ta' protezzjoni għall-individwi fl-Unjoni kollha u jiġu evitati diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi b'mod ġenerali sett uniku ta' regoli li huma applikabbli direttament fl-Unjoni kollha. Din l-armonizzazzjoni ser telimina l-frammentazzjoni li tirriżulta mil-liġijiet differenti tal-Istati Membri li jimplimentaw id-Direttiva 95/46. Madankollu, bil-ħsieb li tieħu inkonsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ta’ data, inkluż għas-settur pubbliku, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tippermetti li fil-liġi nazzjonali tagħhom l-Istati Membri jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolament.

Il-protezzjoni ta' data personali hija dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li kull persuna għandha jkollha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha, irrispettivament miċ-ċittadinanza jew ir-residenza, u li għandhom jiġu stabbiliti regoli għal dak il-fini kif ukoll għall-fini tal-moviment liberu tad-data personali. Fuq dik il-bażi, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

Sabiex jinkisbu l-objettivi tar-Regolament, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari ssaħħaħ ir-responsabbiltà tal-kontrolluri (responsabbli biex jiddeterminaw il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali) u l-proċessuri (responsabbli biex jipproċessaw id-data personali f'isem il-kontrollur) sabiex tippromwovi kultura vera ta' protezzjoni tad-data. F'dan l-isfond, fir-Regolament kollu, qed jiġi introdott approċċ ibbażat fuq ir-riskju li jippermetti l-modulazzjoni tal-obbligi tal-kontrollur u tal-proċessur skont ir-riskju tal-ipproċessar tad-data li huma jagħmlu. Barra minn hekk, il-kodiċijiet ta' kondotta u l-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni jikkontribwixxu għall-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Dan l-approċċ jipprevjeni regoli preskrittivi żżejjed u jnaqqas il-piż amministrattiv mingħajr ma jnaqqas il-konformità. Barra minn hekk, in-natura dissważiva tal-pieni potenzjali li jistgħu jiġu imposti toħloq inċentivi biex il-kontrolluri jikkonformaw mar-Regolament.

Ir-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fil-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jipprevedu wkoll drittijiet imsaħħa u esegwibbli għaċ-ċittadini. Dan jippermetti li l-individwi jkollhom kontroll aħjar fuq id-data personali tagħhom u jwassal għal aktar fiduċja f'servizzi online fuq skala transkonfinali, li ser tagħti spinta lis-Suq Uniku Diġitali. It-tfal jistħoqqilhom protezzjoni speċifika peress li jista' jagħti l-każ li jkunu inqas konxji mir-riskji fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, kif ukoll tad-drittijiet tagħhom.

Barra minn hekk, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari żżid l-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji filwaqt li tarmonizza l-kompiti u s-setgħat tagħhom. Ir-regoli għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u, fejn rilevanti, mal-Kummissjoni f’każijiet transkonfinali - il-mekkaniżmu ta’ konsistenza - ser jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti tar-Regolament fl-Unjoni Ewropea kollha. Dan ser iżid iċ-ċertezza legali u jnaqqas il-piż amministrattiv. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz ser jipprevedi interlokutur uniku għall-kontrolluri u l-proċessuri fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali tagħhom, li jinkludi deċiżjonijiet vinkolanti f’każ ta’ tilwim meħuda mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li għadu kif ġiet stabbilit. B’riżultat ta’ dan il-mekkaniżmu, l-applikazzjoni tar-Regolament ser tkun aktar konsistenti. Barra minn hekk, dan ser jipprovdi aktar ċertezza legali u jnaqqas il-piż amministrattiv.

Fl-aħħar nett, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi qafas komprensiv għat-trasferimenti ta’ data personali mill-Unjoni Ewropea lil riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali u meta mqabbla mad-Direttiva 95/46/KE hija tipprevedi għodod ġodda.

B.    Kwistjonijiet ewlenin

F'negozjati informali, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, assistiti mill-Kummissjoni Ewropea, qarrbu l-pożizzjonijiet tagħhom stabbiliti fl-approċċ ġenerali tal-Kunsill u fil-Pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari rispettivament. Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari dwar ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data tirrifletti għalkollox il-kompromess li nstab. Il-kwistjonijiet ewlenin tal-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jinsabu hawn taħt.

1.    Kamp ta’ applikazzjoni

1.1.   Kamp ta' applikazzjoni materjali tar-Regolament u d-delineazzjoni mad-Direttiva dwar il-Protezzjoni ta' Data

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data japplika għall-ipproċessar tad-data personali li jsir kompletament jew parzjalment b'mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar ta' data personali li ma jsirx b'mezzi awtomatizzati li tagħmel parti minn kwalunkwe sett strutturat ta' data personali li hija aċċessibbli skont kriterji speċifiċi jew hija maħsuba biex tagħmel parti minn tali sett strutturat. Il-kamp ta' applikazzjoni materjali tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi jeskludu lil xulxin. Huwa speċifikat li r-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inklużi s-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika. Din id-delineazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari l-pulizija, biex japplikaw, bħala regola, is-sistema tal-protezzjoni tad-data tad-Direttiva filwaqt li jiżguraw livell għoli u konsistenti ta' protezzjoni ta' data personali għal individwi li huma soġġetti għal operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi.

1.2.   Istituzzjonijiet u korpi tal-UE

Bil-għan li tiżgura protezzjoni uniformi u konsistenti tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tindika li l-adattamenti meħtieġa tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 li japplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE għandhom isiru wara l-adozzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data sabiex ikun applikabbli fl-istess żmien bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

1.3.   Eżenzjoni domestika

Sabiex jiġi evitat li jiġu stabbiliti regoli li joħolqu piż bla bżonn għall-individwi, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li r-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta' data personali minn persuni fiżiċi matul attività purament personali jew domestika, li għaldaqstant ma jkollha ebda konnessjoni ma' attività professjonali jew kummerċjali.

1.4.   Kamp ta’ applikazzjoni territorjali

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari toħloq kondizzjonijiet indaqs għall-kontrolluri u l-proċessuri f'dak li jirrigwarda l-kamp ta' applikazzjoni territorjali billi tkopri l-kontrolluri u l-proċessuri kollha sew jekk huma stabbiliti fl-Unjoni u sew jekk mhumiex.

L-ewwel nett, ir-Regolament jiddetermina li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni, indipendentement minn jekk l-ipproċessar isirx fl-Unjoni jew le. It-tieni nett, sabiex jiżgura li l-individwi ma jinċaħdux mill-protezzjoni tad-data tagħhom, ir-Regolament japplika għall-ipproċessar tad-data personali ta' suġġetti tad-data li huma fl-Unjoni, anke jekk il-kontrollur jew il-proċessur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, iżda fejn l-attivitajiet ta' pproċessar tiegħu jkunu relatati ma' oġġetti jew servizzi offruti lil tali suġġetti tad-data fl-Unjoni, kif ukoll il-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom sakemm l-imġiba tagħhom issir fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, li l-kamp ta' applikazzjoni jiġi ddeterminat b'dan il-mod itejjeb iċ-ċertezza legali għall-kontrolluri u s-suġġetti tad-data (l-individwi li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata).

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tiżgura wkoll li s-suġġetti tad-data u l-awtoritajiet superviżorji jkollhom punt ta’ kuntatt fl-UE f’każ li l-kontrolluri jew il-proċessuri ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni iżda jkunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament: huma għandhom jaħtru rappreżentant fl-Unjoni bil-miktub. Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn, dan l-obbligu ma japplikax għal ipproċessar li x'aktarx ma jirriżultax f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi u għal ipproċessar minn awtorità pubblika jew korp tal-pajjiż terz.

2.    Prinċipji fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali

Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data japplikaw għal kwalunkwe informazzjoni li tirrigwarda persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, inkluża informazzjoni li ma tkunx tista' tibqa' tiġi attribwita għal suġġett tad-data speċifiku mingħajr l-użu ta' informazzjoni addizzjonali dment li tali informazzjoni addizzjonali tinżamm separatament u soġġett għal miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiġi żgurat li l-informazzjoni ma tiġix attribwita għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (psewdonimizzazzjoni). L-istess bħad-Direttiva 95/46, ir-Regolament b'mod ġenerali jipprevedi l-kontinwità fir-rigward tal-prinċipji li jirfdu l-ipproċessar tad-data personali. Fl-istess ħin, il-prinċipju ta' "minimizzazzjoni tad-data" ġie aġġustat biex jieħu inkonsiderazzjoni r-realtà diġitali u bil-għan li jsib bilanċ bejn il-protezzjoni tad-data personali, minn naħa, u l-possibbiltajiet li l-kontrolluri jipproċessaw id-data, min-naħa l-oħra.

3.    Legalità tal-ipproċessar

3.1.   Kondizzjonijiet għal-legalità

Bil-għan li tipprovdi ċertezza legali, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tibni fuq id-Direttiva 95/46 meta tispeċifika li l-ipproċessar tad-data personali huwa legali biss jekk tal-anqas tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

kunsens tas-suġġett tad-data għal fini speċifika jew finijiet speċifiċi;

kuntratt;

obbligu ġuridiku;

protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra;

kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

l-interessi leġittimi li l-kontrollur jew parti terza tfittex li tilħaq.

Jeħtieġ li jiġu elaborati żewġ kondizzjonijiet: il-kunsens u l-interessi leġittimi li l-kontrollur jew parti terza tfittex li tilħaq.

3.1.1.   Kunsens

Sabiex ikun jista' jsir l-ipproċessar tad-data personali tiegħu, suġġett tad-data jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar permezz ta' azzjoni affermattiva ċara li tistabbilixxi indikazzjoni speċifika, informata, mhux ambigwa u mogħtija b'mod liberu li huwa jaqbel li tiġi pproċessata d-data personali li tirrigwardah. Il-kunsens ikopri l-attivitajiet tal-ipproċessar kollha li jsiru għall-istess fini jew finijiet. Meta l-ipproċessar ikollu diversi finijiet, irid jingħata kunsens għall-finijiet kollha tal-ipproċessar. Barra minn hekk, il-kontrollur għandu jkun kapaċi juri li s-suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu għall-operazzjoni ta' pproċessar. Is-silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta' attività għaldaqstant ma jitqisux bħala kunsens. It-tfassil tal-kunċett tal-kunsens jiżgura l-kontinwità mal-acquis li żviluppat fir-rigward tal-użu ta' dan il-kunċett abbażi tad-Direttiva 95/46/KE filwaqt li jikkontribwixxi għal fehim u applikazzjoni komuni tal-kunsens fl-Unjoni Ewropea kollha.

Barra minn hekk, bil-għan li jitħarsu d-drittijiet tas-suġġetti tad-data għall-protezzjoni tad-data, huwa speċifikat li, jekk is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu fil-kuntest ta' dikjarazzjoni bil-miktub li tikkonċerna wkoll kwistjonijiet oħra, kwalunkwe parti ta' dik id-dikjarazzjoni li tikkostitwixxi ksur tar-Regolament mhijiex vinkolanti. Barra minn hekk, meta jiġi vvalutat jekk il-kunsens ingħatax b’mod liberu għandu jiġi kkunsidrat b’mod sħiħ, fost l-oħrajn, jekk l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt saritx bil-kondizzjoni li jingħata kunsens għal ipproċessar li mhuwiex meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Fl-aħħar nett, sabiex tippermetti derogi mill-projbizzjoni ġenerali għall-kategoriji speċjali ta' pproċessar ta' data personali, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi livell limitu ogħla minn dak għal ipproċessar ieħor peress li s-suġġett tad-data jrid jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu għall-ipproċessar ta' tali data personali sensittiva.

Għat-tfal, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi sistema protettiva speċifika għall-kunsens mit-tfal fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni offruti. L-ipproċessar tad-data personali tat-tfal taħt l-età massima ta' 16-il sena huwa legali jekk jista' raġonevolment jiġi vverifikat, filwaqt li tittieħed inkonsiderazzjoni t-teknoloġija disponibbli, li tali kunsens huwa mogħti jew awtorizzat mid-detentur tar-responsabbiltà ta' ġenitur għal dawk it-tfal. L-Istati Membri li jqisu li età aktar baxxa hija aktar adatta jistgħu jistabbilixxu età massima aktar baxxa dment li ma tkunx inqas minn 13-il sena.

3.1.2.   Interess leġittimu tal-kontrollur

L-ipproċessar tad-data personali jista' jkun legali jekk l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi li l-kontrollur jew parti terza tfittex li tilħaq. Madankollu, tali interessi leġittimi mhumiex raġuni biżżejjed għall-ipproċessar legali meta tali interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jirrikjedu l-protezzjoni ta' data personali, b'mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

L-eżistenza ta' interess leġittimu tirrikjedi valutazzjoni li tinkludi jekk is-suġġett tad-data jistax raġonevolment jistenna, fil-mument u fil-kuntest tal-ġbir tad-data personali, li hemm il-possibbiltà li jsir ipproċessar għal dan il-fini. L-ipproċessar ta' data personali għall-finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta jista' jitqies li twettaq għal interess leġittimu. Minħabba li hija r-responsabbiltà tal-leġislatur li jipprovdi bil-liġi l-bażi legali għall-awtoritajiet pubbliċi sabiex jipproċessaw id-data personali, dan ma japplikax għall-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

3.2.   Regoli speċifiċi tal-Istati Membri li jaddattaw l-applikazzjoni tar-Regolament

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tippermetti lill-Istati Membri jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi li jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament jekk id-data personali tiġi pproċessata għall-konformità ma' obbligu ġuridiku jew tkun meħtieġa sabiex jitwettaq kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Huma previsti wkoll derogi, rekwiżiti speċifiċi u miżuri oħra għal operazzjonijiet ta' pproċessar speċifiku li bihom l-Istati Membri jirrikonċiljaw id-dritt għall-protezzjoni ta' data personali mad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u għall-informazzjoni, aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali, ipproċessar ta' numri ta' identifikazzjoni nazzjonali, ipproċessar fil-kuntest tal-impjieg u pproċessar għall-finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta' statistika.

3.3.   Ipproċessar ulterjuri

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li pproċessar għal fini li mhuwiex dak li għalih id-data personali nġabret oriġinarjament ikun legali biss meta dak l-ipproċessar ulterjuri jkun kompatibbli mal-finijiet li għalihom id-data personali tkun ġiet ipproċessata oriġinarjament. Madankollu, fejn is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu jew fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex jiġu ssalvagwardati, b'mod partikolari, objettivi importanti ta' interess pubbliku ġenerali, il-kontrollur jista' jwettaq ipproċessar ulterjuri tad-data personali irrispettivament mill-kompatibbiltà tal-finijiet. Id-drittijiet tas-suġġett tad-data ssaħħew fil-każ tal-ipproċessar ulterjuri, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni u d-dritt li s-suġġett tad-data joġġezzjona għal tali pproċessar ulterjuri meta ma jkunx meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fini tal-ipproċessar ulterjuri huwiex kompatibbli mal-fini li għalih id-data personali nġabret oriġinarjament, il-kontrollur irid jieħu inkonsiderazzjoni fost oħrajn kwalunkwe rabta bejn il-finijiet oriġinali u l-finijiet tal-ipproċessar ulterjuri maħsub, il-kuntest li fih id-data personali tkun inġabret, b'mod partikolari l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġett tad-data abbażi tar-relazzjoni tiegħu mal-kontrollur rigward l-użu ulterjuri, in-natura tad-data personali, il-konsegwenzi tal-ipproċessar ulterjuri maħsub għas-suġġett tad-data, u l-eżistenza ta' salvagwardji adatti kemm fl-operazzjoni tal-ipproċessar oriġinali kif ukoll f'dik tal-ipproċessar ulterjuri maħsub.

3.4.   Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali

Data personali, li min-natura tagħha tkun partikolarment sensittiva, jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista' joħloq riskji importanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi. Għal dik ir-raġuni, bħala regola, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari żżomm l-approċċ tad-Direttiva 95/46 fir-rigward tal-projbizzjoni ta' pproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali.

Bħala deroga minn din ir-regola, f'ċerti sitwazzjonijiet elenkati b'mod eżawrjenti, l-ipproċessar ta' data sensittiva hu permess, pereżempju meta s-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu, meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jew meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet oħra, fost l-oħrajn fil-qasam tas-saħħa.

Fl-aħħar nett, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar ta' data ġenetika, data bijometrika jew data dwar is-saħħa. Madankollu, dawn il-kondizzjonijiet ulterjuri ma għandhomx ifixklu l-fluss liberu tad-data fl-Unjoni.

4.    Għoti tas-setgħa lis-suġġetti tad-data

4.1.   Introduzzjoni

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tagħti s-setgħa lis-suġġetti tad-data billi tipprovdilhom drittijiet imsaħħa għall-protezzjoni tad-data u billi timponi obbligi fuq il-kontrolluri. Id-drittijiet tas-suġġett tad-data jinkludu d-dritt għall-informazzjoni; għall-aċċess għad-data personali; id-dritt għar-rettifika; għat-tħassir tad-data personali, inkluż "id-dritt li jintesa"; għar-restrizzjoni fuq l-ipproċessar; għal portabbiltà tad-data; għall-oġġezzjoni u d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profil. Id-drittijiet li sarulhom bidliet importanti meta mqabbla mad-Direttiva 95/46 huma elaborati hawn taħt.

Il-kontrolluri huma obbligati li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u li jipproċessaw data personali f’konformità mal-prinċipju tat-trasparenza, b’mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali li jkunu għamlu.

Madankollu, jekk id-data personali pproċessata minn kontrollur ma tippermettix li l-kontrollur jidentifika suġġett tad-data, il-kontrollur tad-data mhuwiex obbligat li jikseb informazzjoni addizzjonali sabiex jidentifika s-suġġett tad-data unikament għall-fini li jikkonforma ma' xi dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament.

Minkejja dawn id-drittijiet tas-suġġetti tad-data u dawn l-obbligi tal-kontrolluri, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari żżomm l-approċċ tad-Direttiva 95/46 billi tippermetti restrizzjonijiet fuq il-prinċipji u d-drittijiet tal-individwu jekk tali restrizzjonijiet ikunu bbażati fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. Tali restrizzjonijiet iridu jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u jridu jkunu neċessarji u proporzjonati f'soċjetà demokratika biex jiġu ssalvagwardati ċerti interessi pubbliċi.

4.2.   Trasparenza

F'konformità mal-prinċipju tat-trasparenza, il-kontrolluri jridu jipprovdu informazzjoni u komunikazzjoni li tirrigwarda l-ipproċessar ta’ data personali f'forma konċiża, trasparenti, li tiftiehem u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u ħafif, b’mod partikolari fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni indirizzata lit-tfal. L-informazzjoni trid tiġi pprovduta bil-miktub, jew b'mezzi oħra, fejn adatt b'mezzi elettroniċi.

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi wkoll limiti ta’ żmien għat-talbiet għal informazzjoni, komunikazzjoni, jew kull azzjoni oħra mill-kontrollur, li bħala regola ġenerali jridu jkunu mingħajr ħlas. Madankollu, meta t-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista’ jitlob ħlas raġonevoli filwaqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew talli jieħu l-azzjoni mitluba, jew il-kontrollur jista’ jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba. F’dawn il-każijiet, il-kontrollur jerfa’ r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.

4.3.   Informazzjoni u komunikazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-kontrollur

Bil-ħsieb li jinstab bilanċ bejn, il-forniment ta' informazzjoni suffiċjenti lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, minn naħa waħda, u l-evitar ta' obbligi li joħolqu piż għall-kontrolluri, min-naħa l-oħra, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistipula approċċ f'żewġ passi li jiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu infurmati kif adatt, kemm f'każijiet fejn id-data personali tinġabar mis-suġġett tad-data kif ukoll meta d-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data. Bħala l-ewwel pass, il-kontrollur għandu l-obbligu li fil-ħin meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li hija elenkata fir-Regolament. Bħala t-tieni pass, il-kontrollur irid jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali li hija elenkata fir-Regolament u li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat proċessar ġust u effiċjenti. Il-kontrolluri għandhom jinformaw ukoll lis-suġġetti tad-data meta jkollhom l-intenzjoni li jipproċessaw ulterjorment id-data personali għal fini differenti minn dak li għalih id-data personali nġabret oriġinarjament.

Il-kontrollur mhuwiex obbligat jipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-ewwel jew fit-tieni pass meta s-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni. Meta d-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, il-kontrollur ma għandux jagħti xi informazzjoni lis-suġġett tad-data fil-każ li r-reġistrazzjoni jew l-iżvelar tad-data personali lil partijiet oħrajn jkun espressament stabbilit bil-liġi, jew fil-każ li l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data jirriżulta impossibbli jew ikun jinvolvi sforzi sproporzjonati.

Fl-aħħar nett, il-kontrolluri huma obbligati li jikkomunikaw kwalunkwe rettifika, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar lil kull riċevitur li lilu d-data personali tkun ġiet żvelata, sakemm dan ma jirriżultax impossibbli jew ma jinvolvix sforzi sproporzjonati. Barra minn hekk, il-kontrollur irid jinforma lis-suġġett tad-data dwar dawk ir-riċevituri jekk is-suġġett tad-data jitlob dan.

4.4.   Ikoni

Il-prinċipji ta' proċessar trasparenti jirrikjedu li s-suġġett tad-data jiġi infurmat bl-eżistenza tal-ipproċessar u l-finijiet tiegħu. F'dak l-isfond, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi li mal-informazzjoni pprovduta lis-suġġett tad-data jista' jkun hemm ikoni standardizzati. Il-kontrolluri jistgħu jiddeċiedu fuq bażi volontarja jekk l-użu ta' dawn l-ikoni standardizzati jkunx utli għall-ipproċessar ta' data personali li jagħmlu. L-ikoni għandhom jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-ipproċessar intenzjonat b'mod li jidher faċilment, li jinftiehem u li jinqara sew. L-ikoni jridu jingħataw fl-istess ħin li tingħata l-informazzjoni. Fejn l-ikoni jkunu ppreżentati b’mod elettroniku, dawn iridu jkunu jistgħu jinqraw minn magna. Bil-ħsieb li jingħata kontribut għal użu standardizzat ta' ikoni fl-UE, ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jiddeterminaw l-informazzjoni li l-ikoni għandhom jippreżentaw, kif ukoll il-proċeduri biex jiġu pprovduti ikoni standardizzati. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jrid jagħti opinjoni fuq l-ikoni proposti mill-Kummissjoni. Il-possibbiltà li jiġu adottati atti delegati ma timpedix lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data milli joħroġ linji gwida, opinjonijiet u l-aħjar prattiki dwar l-ikoni.

4.5.   Dritt għall-aċċess

Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tirrigwardah hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le u, fejn tali data personali tkun qiegħda tiġi pproċessata, l-aċċess għall-informazzjoni elenkata fir-Regolament. Fid-dawl ta' dan, ir-Regolament jispeċifika li l-kontrollur irid jipprovdi, mingħajr ħlas, kopja tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Għal aktar kopji mitluba mis-suġġett tad-data, il-kontrollur jista’ jimponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi. Id-dritt li tinkiseb kopja ma jridx jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

4.6.   Dritt għat-tħassir ("dritt li tintesa")

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tintitola lis-suġġetti tad-data biex id-data personali li tirrigwardahom titħassar meta l-ipproċessar ta' tali data ma jkunx konformi mar-Regolament jew mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li l-kontrollur ikun soġġett għaliha.

Ir-referenza għad-"dritt li tintesa" tirrikonoxxi l-ħtieġa li jsiru aġġustamenti għad-dritt għat-tħassir b'mod partikolari f'kuntest diġitali. Il-kontrolluri li jkunu ppubblikaw id-data personali li s-suġġett tagħha jkun irid jintesa, iridu jieħdu passi raġonevoli, li jinkludu miżuri tekniċi, biex jinfurmaw lill-kontrolluri li jkunu qed jipproċessaw id-data personali dwar it-talba tas-suġġett tad-data biex iħassru l-links għaliha, jew kopji jew replika ta’ tali data, filwaqt li jieħdu inkonsiderazzjoni t-teknoloġija disponibbli u l-ispiża tal-implimentazzjoni. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista' joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki dwar proċeduri għat-tħassir ta' links għad-data personali, kopji jew repliki tagħha minn servizzi tal-komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

Id-dritt għat-tħassir u l-obbligu li l-kontrollur jinforma lil kontrolluri oħra dwar it-talba għat-tħassir ma japplikawx meta l-ipproċessar tad-data personali jkun meħtieġ għall-finijiet elenkati b’mod eżawrjenti fir-Regolament, bħad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u għall-informazzjoni.

4.7.   Dritt għall-portabbiltà tad-data

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistipula li, meta pproċessar ta' data personali jsir b'mezzi awtomatizzati, is-suġġetti tad-data jkollhom id-dritt li jirċievu d-data personali li tirrigwardahom, li huma pprovdew lil kontrollur, f'format strutturat, li jintuża komunement, li jista' jinqara b'magna u li jkun interoperabbli u jibagħtu din id-data lil kontrollur ieħor. Barra minn hekk, huwa speċifikat li, fejn ikun teknikament fattibbli, is-suġġetti tad-data huma intitolati li d-data personali tagħhom tintbagħat direttament minn kontrollur għal ieħor. Dan ikompli jsaħħaħ il-kontroll tas-suġġetti tad-data fuq id-data tagħhom. Huwa jinkoraġġixxi wkoll il-kompetizzjoni bejn il-kontrolluri.

Madankollu, dan id-dritt għall-portabbiltà tad-data ma japplikax għall-ipproċessar neċessarju għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Barra minn hekk, meta, f’ċertu sett ta' data personali, ikun ikkonċernat aktar minn suġġett wieħed tad-data, id-dritt tas-suġġett tad-data li jirċievi d-data personali jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

4.8.   Dritt għall-oġġezzjoni

F’każijiet fejn id-data personali tista' tiġi pproċessata legalment minħabba li jkun jinħtieġ l-ipproċessar sabiex jitwettaq kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur jew għal raġunijiet ta’ interessi leġittimi ta’ kontrollur jew parti terza, is-suġġett tad-data huwa intitolat joġġezzjona għall-ipproċessar ta’ kwalunkwe data personali relatata mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu. F’dak il-każ, il-kontrollur ma jkunx aktar permess li jipproċessa d-data personali sakemm huwa ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' pretensjonijiet legali.

F'dan l-isfond, huwa speċifikat li meta d-data personali tiġi pproċessata għall-finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona fi kwalunkwe ħin għall-ipproċessar ta' data personali li tirrigwardah. Dan jinkludi t-tfassil tal-profil sa fejn dan ikun relatat ma' tali kummerċjalizzazzjoni diretta. It-tfassil tal-profil huwa definit bħala kwalunkwe forma ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali li jikkonsisti mill-użu ta' dik id-data biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma’ persuna fiżika, b'mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalità jew il-movimenti ta' dik il-persuna fiżika. Meta s-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar għall-finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, id-data personali ma tibqax tiġi pproċessata għal tali finijiet. Barra minn hekk, għandha tinġibed l-attenzjoni tas-suġġett tad-data b'mod ċar u espliċitu għal dan id-dritt mhux aktar tard minn meta ssir l-ewwel komunikazzjoni tal-kontrollur tad-data personali mas-suġġett tad-data.

Barra minn hekk, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tinkludi referenza għal karatteristiċi "tintraċċax" online billi tispeċifika li, fil-kuntest tal-użu ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, is-suġġett tad-data jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li joġġezzjona permezz ta’ mezzi awtomatizzati billi juża speċifikazzjonijiet tekniċi.

4.9.   Teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet individwali, inkluż it-tfassil tal-profil

Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat li jevalwa aspetti personali relatati miegħu u li jipproduċi effetti legali li jikkonċernawh jew li bl-istess mod jaffettwah b'mod sinifikanti. Pereżempju r-rifjut awtomatiku ta’ applikazzjoni għal kreditu online jew prattiki ta' reklutaġġ elettroniku mingħajr ebda intervent uman. Tali pproċessar awtomatizzat jista' jinkludi t-tfassil tal-profil. Madankollu, dan id-dritt li suġġett tad-data ma jkunx soġġett għal ipproċessar awtomatizzat ma japplikax meta:

ikun meħtieġ biex wieħed jidħol f'kuntratt, jew jesegwixxi kuntratt, bejn is-suġġett tad-data u kontrollur;

ikun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur u li tistabbilixxi wkoll miżuri adatti għas-salvagwardja tad-drittijiet, il-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, bħall-monitoraġġ ta' frodi u evażjoni tat-taxxa; jew

ikun ibbażat fuq il-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data.

Għajr fit-tieni każ li jirrigwarda l-ipproċessar awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta' Stat Membru, il-kontrollur li jagħmel l-ipproċessar b'mezzi awtomatizzati jrid jimplimenta salvagwardji adatti għad-drittijiet, il-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data. Dawn is-salvagwardji jridu jinkludu tal-anqas id-dritt li jinkiseb intervent uman min-naħa tal-kontrollur u l-possibbiltà li s-suġġett tad-data jesprimi fehmtu u jikkontesta d-deċiżjoni. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti, il-kontrolluri għandhom jużaw proċeduri matematiċi u statistiċi adegwati għat-tfassil tal-profil u miżuri li jimminimizzaw ir-riskji potenzjali għall-interessi tas-suġġetti tad-data.

Is-suġġett tad-data għandu aktar setgħa peress li l-kontrollur huwa obbligat jipprovdi lis-suġġett tad-data, meta jkun meħtieġ biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti, informazzjoni dwar l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil tal-profil, u, għall-inqas f'dawk il-każi, informazzjoni siewja dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data.

Fl-aħħar nett, it-teħid ta' deċiżjonijiet u t-tfassil tal-profil b'mod awtomatizzat abbażi ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali huma permessi biss f’kondizzjonijiet speċifiċi, li jinkludu d-dritt tas-suġġett tad-data li joġġezzjona għal dan l-ipproċessar meta din id-data personali tiġi pproċessata ulterjorment għall-finijiet ta’ riċerka storika jew xjentifika jew għall-finijiet ta’ statistika, sakemm l-ipproċessar ma jkunx meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku.

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex jispeċifika aktar il-kriterji u l-kondizzjonijiet għal deċiżjonijiet ibbażati fuq it-teħid ta’ profil.

5.    Kontrollur u Proċessur

5.1.   Introduzzjoni

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi l-qafas legali għar-responsabbiltà u l-obbligu għal kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq minn kontrollur jew, f’isem il-kontrollur, minn proċessur. F’konformità mal-prinċipju tal-responsabilità, il-kontrollur għandu l-obbligu li jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti u jkun kapaċi juri l-konformità tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tiegħu mar-Regolament. F’dan l-isfond, ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw ir-responsabbiltajiet tal-kontrollur dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt, iż-żamma tar-reġistri tal-ipproċessar, il-ksur ta' data, il-ħatra ta’ Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-kodiċijiet ta’ kondotta u l-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni.

5.2.   Valutazzjonijiet tal-impatt

Il-kontrollur huwa responsabbli mit-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data biex jevalwa meta l-ipproċessar x’aktarx li jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi. Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistipula l-każijiet fejn tkun meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data b’mod partikolari, bħal ċerti operazzjonijiet ta’ pproċessar speċifiku fuq skala kbira. F'każ li tali valutazzjoni tal-impatt tindika li l-operazzjonijiet ta’ pproċessar jinvolvu riskju għoli, li l-kontrollur ma jkunx jista’ jnaqqas permezz ta’ miżuri adatti f’termini tat-teknoloġija disponibbli u l-ispejjeż tal-implimentazzjoni, trid isseħħ konsultazzjoni mal-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar. L-awtorità superviżorja tista’ mbagħad tagħti pariri lill-kontrollur u tuża kwalunkwe waħda mis-setgħat tagħha.

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ wkoll joħroġ linji gwida dwar operazzjonijiet ta’ pproċessar li x'aktarx li jirriżultaw f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi u jindikaw liema miżuri jistgħu jkunu biżżejjed f’dawn il-każijiet biex jindirizzaw riskju potenzjali.

5.3.   Reġistri tal-attivitajiet tal-ipproċessar

Sabiex ikunu jistgħu jsiru kontrolli ex post mill-awtorità superviżorja, il-kontrollur jew, jekk ikun hemm, ir-rappreżentant tal-kontrollur, jew il-proċessur irid iżomm reġistri tal-attivitajiet tal-ipproċessar fir-responsabbiltà tiegħu, anke dwar ksur ta' data. Bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-obbligu li jinżamm reġistru ma japplikax għal intrapriżi jew organizzazzjonijiet li jimpjegaw inqas minn 250 persuna, ħlief jekk l-ipproċessar li jwettqu x'aktarx ikun jirriżulta f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, l-ipproċessar ma jkunx okkażjonali, jew l-ipproċessar ikun jinkludi kategoriji ta' data sensittiva jew data relatata ma’ kundanni u reati kriminali.

5.4.   Ksur ta' data

Il-ksur ta' data personali jista’ jirriżulta f'dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali għall-individwi bħal pereżempju telf ta' kontroll fuq id-data personali tagħhom jew limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom, diskriminazzjoni, serq jew frodi tal-identità, telf finanzjarju, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, dannu għar-reputazzjoni, telf ta' kunfidenzjalità tad-data protetta mis-segretezza professjonali jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali ieħor għall-individwu kkonċernat. Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li l-kontrolluri jridu jinnotifikaw lill-awtoritajiet superviżorji bil-ksur ta’ data sakemm il-ksur ta’ data x’aktarx li ma jirriżultax f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi. Huma jridu wkoll jikkomunikaw ksur li x'aktarx joħloq riskju għoli lis-suġġetti tad-data kkonċernati. In-notifika lill-awtoritajiet superviżorji ser tippermettilhom li jintervjenu, jekk dan ikun meħtieġ. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data rilevanti ser tagħmilha possibbli għalih li jieħu miżuri ta’ prekawzjoni.

Bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tapplika limiti differenti għan-notifiki lill-awtorità superviżorja u għall-komunikazzjonijiet lis-suġġetti tad-data rilevanti b’limitu ogħla għall-komunikazzjoni milli għan-notifika. Il-kontrolluri huma obbligati biex, malli jsiru jafu li jkun seħħ ksur ta’ data personali, jinnotifikaw mingħajr dewmien bla bżonn u, fejn fattibbli, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkunu saru jafu b'dan, lill-awtorità superviżorja kompetenti. Madankollu, il-kontrolluri jistgħu joqogħdu lura milli jinnotifikaw jekk ikunu jistgħu juru li l-ksur ta’ data personali x’aktarx li ma jirriżultax f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi. Ħlief għal xi eċċezzjonijiet, il-kontrolluri huma obbligati jikkomunikaw il-ksur tad-data lis-suġġetti tad-data rilevanti, mingħajr dewmien żejjed, meta l-ksur ta’ data personali x’aktarx li jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta' dawk is-suġġetti tad-data.

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki biex jiġi stabbilit li seħħ ksur ta' data u biex jiġi ddeterminat id-dewmien żejjed wara li l-kontrollur ikun sar jaf bil-ksur u għaċ-ċirkostanzi partikolari li fihom kontrollur huwa meħtieġ jinnotifika l-ksur ta' data personali, kif ukoll għaċ-ċirkostanzi li fihom ksur ta’ data personali x’aktarx li jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi.

5.5.   Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

Il-fini tal-ħatra ta' Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data huwa li tittejjeb il-konformità mar-Regolament. Għaldaqstant, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jrid ikun persuna b’għarfien espert tal-liġi u l-prattiki fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u jrid jgħin lill-kontrollur jew lill-proċessur jissorvelja l-konformità interna ma’ dan ir-Regolament. Dan jista’ jkun xi ħadd mill-persunal tal-kontrollur jew tal-proċessur, jew iwettaq il-kompiti tiegħu fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ servizz. Uffiċjal uniku tal-Protezzjoni tad-Data jista’ wkoll jinħatar għal grupp ta’ impriżi jew meta l-kontrollur jew il-proċessur ikun awtorità pubblika. Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi l-ħatra mandatorja ta’ Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data meta:

l-ipproċessar jitwettaq minn awtorità pubblika, ħlief qrati jew awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti meta jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom,

l-attivitajiet ewlenin tal-kontrollur jew tal-proċessur jikkonsistu f’operazzjonijiet ta’ pproċessar li, minħabba n-natura tagħhom, l-ambitu u/jew il-finijiet tagħhom ikunu jeħtieġu monitoraġġ regolari u sistematiku tas-suġġetti tad-data fuq skala kbira; jew

l-attivitajiet ewlenin tal-kontrollur jew tal-proċessur jikkonsistu fi pproċessar fuq skala kbira ta’ data sensittiva u data relatata ma' kundanni u reati kriminali.

5.6.   Il-kodiċijiet ta’ kondotta u l-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tinċentiva l-applikazzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u tippromwovi l-użu usa’ ta’ mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni ta’ protezzjoni tad-data u ta’ siġilli u marki ta’ protezzjoni tad-data. Dawn l-inizjattivi jikkontribwixxu għall-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data filwaqt li jevitaw regoli li jkunu wisq preskrittivi u jnaqqsu l-ispejjeż għall-awtoritajiet pubbliċi responsabbli mill-infurzar. Barra minn hekk, il-kodiċijiet ta’ kondotta jistgħu jieħdu kont tal-karatteristiċi speċifiċi tal-ipproċessar imwettaq f’ċerti setturi kif ukoll il-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Min-naħa tagħhom, il-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ siġilli u marki ta’ protezzjoni tad-data jikkontribwixxu għall-konformità mar-Regolament billi s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jevalwaw faċilment il-livell ta’ protezzjoni tad-data ta’ prodotti u servizzi rilevanti.

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tinkludi sett elaborat ta’ regoli li jirrigwardaw il-kodiċijiet ta’ kondotta u l-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni, siġilli ta’ protezzjoni tad-data u marki li jagħtu lok għal inizjattiva privata filwaqt li jħarsu l-istandards tal-protezzjoni tad-data permezz tal-involviment tal-awtoritajiet superviżorji.

5.6.1.   Kodiċijiet ta’ kondotta

L-awtorità superviżorja tista’ tapprova kodiċijiet ta’ kondotta jew emendi jew estensjonijiet ta’ kodiċijiet ta’ kondotta bħal dawn. Fejn l-abbozz ta' kodiċi ta’ kondotta jkun relatat mal-attivitajiet ta’ pproċessar f’bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja kompetenti trid, qabel l-approvazzjoni, tressaq abbozz ta' kodiċi, emenda jew estensjoni quddiem il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għal opinjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk kodiċijiet ta’ kondotta ġodda u emendi jew estensjonijiet ta’ kodiċijiet ta’ kondotta approvati mill-awtorità superviżorja kompetenti għandhomx validità ġenerali fi ħdan l-Unjoni.

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jħeġġeġ it-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta. Huwa jrid jiġbor ukoll il-kodiċijiet ta’ kondotta u l-emendi għalihom kollha f’reġistru u jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku permezz ta' kwalunkwe mezz xieraq.

5.6.2.   Mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni, siġilli u marki ta’ protezzjoni tad-data

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi li kull Stat Membru jrid jipprevedi jekk il-korpi ta’ ċertifikazzjoni humiex akkreditati mill-awtorità superviżorja jew mill-Korp Nazzjonali ta' Akkreditazzjoni. Korpi ta’ ċertifikazzjoni akkreditati jistgħu jiċċertifikaw lill-kontrolluri u l-proċessuri abbażi tal-kriterji approvati mill-awtorità superviżorja kompetenti jew, f’konformità mal-mekkaniżmu ta’ konsistenza, mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Fil-każ tal-aħħar, il-kriterji approvati mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jistgħu jirriżultaw f'ċertifikazzjoni komuni: is-Siġill Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Iċ-ċertifikazzjoni tinħareġ lil kontrollur jew proċessur għal massimu ta’ 3 snin bil-possibbiltà li tiġġedded. Il-korp ta' ċertifikazzjoni jrid jipprovdi lill-awtorità superviżorja r-raġunijiet għall-għoti jew l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni mitluba. Sussegwentement, l-awtorità superviżorja tista’ tirrifjuta jew tiddikjara invalida tali ċertifikazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tadotta atti delegati għall-fini li tispeċifika r-rekwiżiti li għandu jittieħed kont tagħhom għall-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni tal-protezzjoni tad-data. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jrid jagħti opinjoni dwar dawn ir-rekwiżiti. Il-Kummissjoni tista’ tistipula wkoll atti ta' implimentazzjoni dwar standards tekniċi għal mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni u għal siġilli u marki ta’ protezzjoni tad-data u mekkaniżmi għall-promozzjoni u r-rikonoxximent ta’ mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ siġilli u marki ta’ protezzjoni tad-data.

Finalment, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jinkoraġġixxi t-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni ta’ protezzjoni tad-data u ta’ siġilli u marki ta’ protezzjoni tad-data.

6.    Trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali

6.1.   Introduzzjoni

Il-flussi transkonfinali ta' data personali lejn u minn pajjiżi barra mill-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali huma kruċjali f'kuntest ta' kummerċ globali u ekonomija diġitali transkonfinali. Il-livell ta’ protezzjoni garantit mill-Unjoni ma jridx jiddgħajjef jekk data personali taċ-ċittadini tal-UE tiġi ttrasferita 'l barra mill-Unjoni.

Bħala prinċipju ġenerali, kwalunkwe trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, jista’ jseħħ biss jekk il-kontrolluri u l-proċessuri jikkonformaw mar-regoli tar-Regolament. Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tieħu kont sħiħ tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluża d-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Ottubru 2015 fil-kawża C-362/14. Il-Pożizzjoni tal-Kunsill iżżomm il-mezzi differenti biex jiġu permessi trasferimenti transkonfinali ta’ data personali filwaqt li jiġu msaħħa l-garanziji li d-drittijiet għall-protezzjoni tad-data jkunu rispettati. Dawn il-mezzi differenti ta’ trasferiment ta' data personali huma deċiżjonijiet ta’ adegwatezza, salvagwardji adatti u derogi.

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tikkjarifika li kwalunkwe deċiżjoni ta’ qorti jew tribunal u kwalunkwe deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva ta’ pajjiż terz li tirrikjedi li kontrollur jew proċessur jittrasferixxi jew jiżvela data personali, tista' tkun rikonoxxuta jew eżegwibbli bi kwalunkwe mod unikament jekk tkun ibbażata fuq ftehim internazzjonali, li jkun fis-seħħ bejn il-pajjiż terz li qed jagħmel it-talba u l-Unjoni jew Stat Membru. Barra minn hekk, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tispeċifika espliċitament li tali ftehimiet internazzjonali huma mingħajr preġudizzju għal raġunijiet oħra għal trasferimenti transkonfinali previsti fir-Regolament.

6.2.   Deċiżjonijiet ta’ adegwatezza

Jistgħu jsiru trasferimenti internazzjonali fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni li l-pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifiku wieħed jew aktar f’dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell ta’ protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dak garantit fi ħdan l-Unjoni. B’hekk ikun hemm ċertezza legali u uniformità fl-Unjoni kollha.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi wkoll, ladarba tkun tat notifika u ġustifikazzjoni sħiħa lill-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, li tirrevoka deċiżjoni ta' adegwatezza. Il-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet ta’ adegwatezza u deċiżjonijiet li jirrevokaw tali deċiżjonijiet bħala atti ta’ implimentazzjoni. L-atti ta’ implimentazzjoni jridu jipprevedu mekkaniżmu ta’ rieżami perjodiku, mill-inqas kull erba’ snin. Il-Kummissjoni trid timmonitorja l-iżviluppi f’pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament ta’ deċiżjonijiet ta’ adegwatezza. Għall-finijiet ta' monitoraġġ u twettiq tar-reviżjonijiet perjodiċi, il-Kummissjoni għandha tqis il-fehmiet u s-sejbiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill kif ukoll ta' korpi u sorsi rilevanti oħra. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni u r-reviżjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni trid ukoll, f’intervalli regolari, tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Finalment, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jrid jipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni f’pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluż biex jiġi vvalutat jekk livell adegwat ta’ protezzjoni għadux żgurat jew le.

Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Bl-istess mod, l-awtorizzazzjonijiet minn Stat Membru jew awtorità superviżorja abbażi tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE u d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 95/46/KE jibqgħu validi, sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk ikun meħtieġ, minn dik l-awtorità superviżorja jew minn deċiżjoni tal-Kummissjoni rispettivament. Bl-iżgurar tal-kontinwità, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tkun tipprevedi ċertezza legali.

6.3.   Salvagwardji adatti

Apparti deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza, jistgħu wkoll isiru trasferimenti transkonfinali jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikun ħa salvagwardji adatti biex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ protezzjoni tad-data f’pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali. Dawn is-salvagwardji jistgħu jikkonsistu minn strumenti eżegwibbli u legalment vinkolanti bejn awtoritajiet jew korpi pubbliċi, regoli korporattivi vinkolanti, klawżoli standard dwar il-protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni, klawżoli standard dwar il-protezzjoni tad-data adottati minn awtorità superviżorja jew klawżoli kuntrattwali awtorizzati minn awtorità superviżorja. Kontrolluri jew proċessuri f’pajjiż terz jistgħu jipprovdu wkoll salvagwardji adatti għat-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Huma jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ kodiċi ta’ kondotta approvat flimkien ma’ impenji vinkolanti u eżegwibbli biex japplikaw salvagwardji adatti permezz ta’ strumenti kuntrattwali jew strumenti legalment vinkolanti oħrajn, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Huwa jistgħu jagħmlu dan anke permezz ta’ mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni approvat mill-awtorità superviżorja kompetenti flimkien ma’ impenji vinkolanti u eżegwibbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji adatti, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

6.4.   Derogi

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza jew salvagwardji adatti, trasferiment jew sett ta’ trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista’ jsir fuq il-bażi ta’ derogi li huma elenkati b’mod eżawrjenti fir-Regolament. Waħda minn dawn id-derogi tikkonċerna l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur f’każ li l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data ma jegħlbux dawn l-interessi. Bil-ħsieb li jipprovdu biżżejjed salvagwardji għal trasferimenti transkonfinali ta’ data personali, l-interessi leġittimi tal-kontrollur huma strettament inkwadrati u jistgħu jiġu invokati biss bħala ultimum remedium. Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jrid, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Kummissjoni, iħejji u jirrevedi linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki bil-għan li jispeċifika ulterjorment il-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti tad-data fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza jew ta’ salvagwardji adatti.

7.    Awtoritajiet Superviżorji

7.1.   Indipendenza

Sabiex jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni, kull Stat Membru jrid jipprevedi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom. Kull awtorità superviżorja u l-membri tagħha jridu jaġixxu b’indipendenza sħiħa, kif ukoll b'integrità, fit-twettiq tal-kompiti u fl-eżerċizzju tas-setgħat fdati lil dik l-awtorità superviżorja u l-membri tagħha.

Kull awtorità superviżorja trid tikkontribwixxi fl-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji jridu jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll mal-Kummissjoni. Applikazzjoni konsistenti tar-Regolament hija żgurata ulterjorment billi jkunu stabbiliti l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji u billi jkunu definiti l-kompiti u s-setgħat investigattivi, korrettivi u s-setgħat konsultattivi u ta’ awtorizzazzjoni li tal-inqas irid ikollhom l-awtoritajiet superviżorji.

7.2.   Segretezza professjonali

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi regoli dwar is-segretezza professjonali għall-awtoritajiet superviżorji u l-membri tagħhom. L-ewwel nett, membru jew membri u l-persunal ta’ kull awtorità superviżorja jridu, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru, ikunu soġġetti għal dmir ta' segretezza professjonali, kemm matul u kif ukoll wara l-mandat tagħhom, fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jkunu saru jafu biha matul it-twettiq tal-kompiti tagħhom jew l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom. Huwa speċifikat ukoll li, matul il-mandat tagħhom, dan id-dmir ta’ segretezza professjonali japplika b’mod partikolari għar-rappurtar minn individwi ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu l-kompitu li joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki biex jiġu stabbiliti proċeduri komuni biex l-individwi jirrapportaw ksur ta’ dan ir-Regolament.

8.    Kooperazzjoni u konsistenza

8.1.   Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bħala korp tal-Unjoni b’personalità ġuridika bil-ħsieb li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti u korretta tar-Regolament. L-interventi mill-Bord jikkonsistu b’mod partikolari minn għoti ta’ opinjonijiet, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet vinkolanti fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn awtoritajiet superviżorji jew il-ħruġ ta’ linji gwida dwar kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex ikun żgurat l-infurzar konsistenti tar-Regolament.

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huwa magħmul mill-kap ta’ awtorità superviżorja waħda ta’ kull Stat Membru u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha d-dritt li tipparteċipa fl-attivitajiet u l-laqgħat tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data mingħajr id-dritt tal-vot. Id-diskussjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huma kunfidenzjali meta il-Bord iqis li dan ikun meħtieġ, kif previst fir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

F'każ li l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tat-tilwim, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu drittijiet tal-vot biss f'deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-prinċipji u r-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji, u l-aġenziji tal-Unjoni li jikkorrispondu fis-sustanza ma' dawk tar-Regolament.

8.2.   Mekkaniżmu ta’ konsistenza

F’każijiet ta’ pproċessar transkonfinali ta’ data personali fejn tkun involuta aktar minn awtorità ta’ superviżjoni waħda, il-mekkaniżmu ta’ konsistenza jiżgura li tittieħed deċiżjoni waħda li ser tkun applikabbli fl-Unjoni Ewropea kollha filwaqt li titqies l-opinjoni ta’ diversi awtoritajiet superviżorji kkonċernati. B'hekk il-mekkaniżmu ta' konsistenza jtejjeb il-prossimità bejn is-suġġetti tad-data u l-awtorità superviżorja tat-teħid ta' deċiżjonijiet billi jinvolvi l-awtoritajiet superviżorji 'lokali' fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Barra minn hekk, f’każ ta’ tilwim bejn l-awtoritajiet superviżorji minn Stati Membri differenti, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li għadu kemm inħoloq għandu l-kompetenza li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti.

Ir-regoli tal-mekkaniżmu ta' konsistenza ma japplikawx meta l-ipproċessar isir minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati fl-interess pubbliku. F'dawn il-każijiet, l-unika awtorità superviżorja kompetenti hija l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità pubblika jew il-korp privat.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tar-Regolament, tiġi eżaminata l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u konsistenza.

9.    Rimedji, responsabbiltajiet u pieni

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi sett elaborat ta’ regoli li jippermettu lis-suġġetti tad-data diversi mezzi ta’ rimedji, inkluż li jintalab kumpens fil-każ ta’ dannu li jirriżulta mill-ksur tar-Regolament.

9.1.   Id-dritt li jitressaq ilment u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, jekk ikun jidhirlu li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tirrigwardah. Huwa għandu d-dritt għal rimedju effettiv f’każ li l-awtorità superviżorja ma tindirizzax l-ilment jew ma tipprovdix informazzjoni dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment.

Kull suġġett tad-data għandu wkoll id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jekk iqis li sar ksur tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament kaġun ta' pproċessar tad-data personali tiegħu li ma kienx konformi mar-Regolament.

Il-prossimità bejn is-suġġett tad-data u l-qorti nazzjonali hija żgurata peress li s-suġġett tad-data huwa intitolat li jkollu d-deċiżjoni tal-awtorità għall-protezzjoni tad-data tiegħu rieżaminata minn qorti nazzjonali tiegħu, irrispettivament mill-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-kontrollur jew il-proċessur. Il-proċedimenti kontra kontrollur jew proċessur iridu jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbiliment. B'mod alternattiv, tali proċedimenti jistgħu jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn is-suġġett tad-data jkollu r-residenza abitwali tiegħu, sakemm il-kontrollur jew il-proċessur ma jkunx awtorità pubblika ta' Stat Membru li taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħha.

Finalment, kull persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt li tagħmel rikors għall-annullament ta' deċiżjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bil-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 263 TFUE.

9.2.   Rappreżentanza tas-suġġetti tad-data

Suġġett tad-data għandu d-dritt li jagħti l-mandat lil korpi, organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet li jissodisfaw kriterji speċifiċi, bħal dawk li jaħdmu fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ u huma attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, biex iressqu l-ilment f’ismu u biex jeżerċitaw id-drittijiet ta' rimedju ġudizzjarju f’ismu u biex jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens f’ismu jekk dan ikun previst fil-liġi tal-Istat Membru. Dawn il-kriterji speċifiċi għandhom l-għan li jevitaw l-iżvilupp ta’ kultura ta’ talbiet kummerċjali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni bħal dawn, indipendentement mill-mandat ta' suġġett tad-data, f'tali Stat Membru għandhom id-dritt li jressqu lment mal-awtorità superviżorja kompetenti u li jeżerċitaw id-drittijiet għal rimedju ġudizzjarju, jekk iqisu li jkun sar ksur tad-drittijiet ta’ suġġett tad-data minħabba pproċessar ta’ data personali li mhuwiex konformi ma’ dan ir-Regolament.

9.3.   Sospensjoni tal-proċedimenti

Sabiex jiġi evitat li l-istess suġġett fir-rigward tal-ipproċessar mill-istess kontrollur jew proċessur ikun skrutinizzat minn qrati differenti, kwalunkwe qorti kompetenti oħra, li ma tkunx il-qorti li tkun ġiet invokata l-ewwel, tista’ tissospendi l-proċedimenti jew, fuq applikazzjoni min-naħa ta' waħda mill-partijiet, tirrinunzja l-ġurisdizzjoni.

9.4.   Dritt għal kumpens u responsabbiltà

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li kull suġġett tad-data li jkun ġarrab xi dannu materjali jew mhux materjali kaġun ta' ksur tar-Regolament, għandu d-dritt li jirċievi kumpens mill-kontrollur jew mill-proċessur. Bil-ħsieb li s-suġġetti tad-data jingħataw il-possibbiltà li jitolbu kumpens fil-każ ta’ dannu, filwaqt li l-kontrolluri u l-proċessuri jkunu pprovduti ċertezza legali, ir-Regolament jispeċifika r-responsabbiltajiet tagħhom. Kull kontrollur involut fl-ipproċessar huwa responsabbli għad-dannu kkawżat minnu. Proċessur ikun responsabbli biss meta ma jkunx ikkonforma mal-obbligi tar-Regolament li huma diretti b'mod speċifiku lejn il-proċessuri jew ikun aġixxa lil hinn mill-istruzzjonijiet legali tal-kontrollur jew kontrihom. Madankollu, kontrollur jew proċessur huwa eżentat mir-responsabbiltà jekk jagħti prova li bl-ebda mod ma huwa responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu.

Fejn aktar minn kontrollur jew proċessur wieħed jew kontrollur u proċessur ikunu involuti fl-istess ipproċessar u, fejn ikunu responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-ipproċessar, kull kontrollur jew proċessur jinżamm responsabbli għad-dannu kollu, sabiex ikun żgurat kumpens effettiv għas-suġġett tad-data. Madankollu, fejn kontrollur jew proċessur ikun ħallas il-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab, dak il-kontrollur jew il-proċessur huwa intitolat li jitlob lura mill-kontrolluri jew mill-proċessuri l-oħra involuti fl-istess ipproċessar, dik il-parti tal-kumpens li tkun tikkorrispondi għall-parti tagħhom tar-responsabbiltà għad-dannu

9.5.   Pieni

Bl-għan li tkun żgurata l-konformità mar-Regolament, il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tipprevedi li l-awtoritajiet jistgħu jimponu multi amministrattivi. Dawn il-multi jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Stat Membru jista' jistabbilixxi r-regoli dwar jekk u sa fejn jistgħu jiġu imposti multi amministrattivi fuq awtoritajiet jew korpi pubbliċi stabbiliti f'dak l-Istat Membru. Apparti li jagħtu multi amministrattivi, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jużaw ukoll setgħat korrettivi oħra bħal twissijiet jew twiddib. Bl-għan li tiżdied l-armonizzazzjoni, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jrid ifassal linji gwida għall-awtoritajiet superviżorji dwar l-applikazzjoni tal-poteri korrettivi tal-awtorità superviżorja u l-iffissar ta’ multi amministrattivi.

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fiha lista ta’ kriterji għall-awtorità superviżorja għal meta jkun qed jiġi deċiż jekk għandhiex tiġi imposta multa amministrattiva u, jekk iva, l-ammont tal-multa. Dawn il-kriterji huma relatati fost l-oħrajn man-natura, il-gravità u t-tul jew il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur tar-Regolament. Dan ir-Regolament jelenka kemm il-ksur kif ukoll il-multi amministrattivi massimi korrispondenti. L-awtorità superviżorja trid, f'dawn il-multi amministrattivi massimi, tiddetermina l-ammont xieraq skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull ksur individwali. Bil-ħsieb li tiġi pprovduta ċertezza legali għall-kontrolluri u l-proċessuri u tittejjeb l-armonizzazzjoni ta’ multi amministrattivi fl-Unjoni, filwaqt li jinżamm marġni ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet superviżorji, dan il-ksur huwa suddiviż fi tliet kategoriji. Ksur fl-ewwel kategorija marbut mal-obbligi tal-kontrolluri u l-proċessuri jista' jiġi mmultat sa EUR 10 000 000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 2% tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla. It-tieni kategorija ta’ ksur tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-prinċipji ġenerali għandha limitu massimu ta’ EUR 20 000 000 jew 4% tal-fatturat. It-tielet kategorija ta’ ksur tikkonċerna n-nuqqas ta’ konformità ma’ ordni tal-awtorità superviżorja u twassal ukoll għal multa massima ta’ EUR 20 000 000 jew 4% tal-fatturat.

10.    Sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ta’ data

10.1.   L-ipproċessar ta’ data personali u l-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni

L-Istati Membri jridu, bil-liġi, jipprevedu r-rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ta' data personali mad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, inkluż l-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja. Bil-ħsieb li tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni ta' dawn id-drittijiet, kull Stat Membru huwa obbligat jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tiegħu u l-emendi għal dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti ġodda.

10.2.   L-ipproċessar fil-kuntest tax-xogħol

L-Istati Membri jistgħu, bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, jipprevedu regoli aktar speċifiċi biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati fil-kuntest tax-xogħol.

Dawn ir-regoli jridu jinkludu miżuri speċifiċi u xierqa biex ikunu ssalvagwardati d-dinjità tal-bniedem, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data. Kull Stat Membru jrid jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tiegħu u l-emendi għal dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll dispożizzjonijiet rilevanti ġodda.

10.3.   Salvagwardji u derogi għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta' statistika

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi regoli speċifiċi għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta' statistika. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jirrikonċiljaw, minn naħa waħda, l-interess tad-disponibbiltà tad-data personali biex jinżammu arkivji, tiġi pprovduta statistika u ssir riċerka, u min-naħa l-oħra, id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data.

L-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta' statistika jrid ikun soġġett għal salvagwardji adatti għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament. L-Istati Membri huma awtorizzati jipprovdu, b’kondizzjonijiet speċifiċi u soġġetti għal salvagwardji adatti għas-suġġetti tad-data, speċifikazzjonijiet u derogi fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni u d-dritt għar-rettifika, jew għat-tħassir, id-dritt li jintesew, għar-restrizzjoni tal-ipproċessar, ta' portabbiltà tad-data, u għall-oġġezzjoni meta tkun qed tiġi pproċessata data personali għall-finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta' statistika.

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tippermetti wkoll deroga għall-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali sensittiva fil-każ ta' pproċessar għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta' statistika. Tali deroga hija permessa jekk l-ipproċessar inkwistjoni jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li trid tkun proporzjonali għall-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri adatti u speċifiċi sabiex tissalvagwarda d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data.

11.    Ftehimiet konklużi preċedentement

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tispeċifika li ftehimiet internazzjonali li jinvolvu t-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali li ġew konklużi mill-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u li jkunu f'konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew revokati. Dan jiżgura ċertezza legali għall-kontrolluri u jevita piż amministrattiv żejjed għall-Istati Membri. Hija tqis ukoll li l-Istati Membri jiddependu fuq il-kooperazzjoni tal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali biex jemendaw ftehimiet eżistenti.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-kompromess milħuq f'negozjati informali bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, iffaċilitati mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jistieden lill-Parlament Ewropew biex japprova formalment il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit il-qafas leġislattiv il-ġdid tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data li ser isaħħaħ id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data filwaqt li jiffaċilita l-fluss tad-data personali fis-suq diġitali.