52013PC0207

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbar /* COM/2013/0207 final - 2013/0110 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Direttivi dwar il-Kontabilità[1] (minn hawn ’il quddiem id-"Direttivi") jittrattaw it-tħejjija tar-rapporti finanzjarji annwali u konsolidati u rapporti relatati magħhom. B'mod partikolari, l-Artikolu 46(1)(b) tar-Raba' Direttiva jipprovdi li, fejn xieraq u safejn meħtieġ għal fehim tal-iżvilupp, il-prestazzjoni jew il-pożizzjoni tal-kumpanija, ir-rapport annwali għandu jkun fih ukoll informazzjoni mhux finanzjarja, li tinkludi informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali u tal-ħaddiema.

Barra minn hekk, l-Artikolu 46a ta’ din id-Direttiva jistabbilixxi regoli għal kontenut tar-rapport dwar il-governanza korporattiva li għandha titħejja minn kumpaniji elenkati.

L-opportunità li ttejjeb it-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali pprovduti minn kumpaniji fis-setturi kollha, sabiex jiġi żgurat ambjent ekwu, ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fl-Att dwar is-Suq Uniku[2] u kien imtenni fil-Komunikazzjoni "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva”[3]. Din il-proposta twassal għal waħda mill-impenji prinċipali tal-istrateġija mġedda.

Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi s-CSR bħala “ir-responsabbiltà tal-intrapriżi għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà”. Hija tirrikonoxxi li l-iżvilupp tagħha għandu jitmexxa mill-impriżi stess, u li l-kumpaniji għandhom ikollhom fis-seħħ proċess sabiex jintegraw il-preokkupazzjonijiet soċjali u ambjentali fl-operazzjoni kummerċjali u l-istrateġija tagħhom. It-trasparenza mhux finanzjarja hija għalhekk element kruċjali ta’ kwalunkwe politika tas-CSR.

Trasparenza mtejba tista’ tgħin lill-kumpaniji biex jiġġestixxu aħjar ir-riskji u l-opportunitajiet mhux finanzjarji, u b’hekk itejbu l-prestazzjoni mhux finanzjarja tagħhom. Fl-istess ħin, informazzjoni mhux finanzjarja tintuża minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u komunitajiet lokali biex jivvalutaw l-impatt u r-riskji marbutin mal-operazzjonijiet ta’ kumpanija. Barra minn hekk, hija tippermetti li l-investituri jqisu aħjar il-kunsiderazzjonijiet tas-sostenibilità u l-prestazzjoni fit-tul.

Madanakollu, il-konsultazzjonijiet urew li għadd limitat biss ta' kumpaniji kbar tal-UE regolarment jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja, u l-kwalità tal-informazzjoni divulgata tvarja ħafna, li jagħmilha diffiċli għall-investituri u l-partijiet interessati biex jifhmu u jqabblu l-pożizzjoni u l-prestazzjoni tal-kumpaniji.

Din il-proposta tistabbilixxi għaldaqstant rekwiżit għal ċerti kumpaniji kbar li jiddivulgaw informazzjoni relevanti mhux finanzjarja u dwar id-diversità, biex jiżguraw ambjent ekwu madwar l-UE.

Madankollu, hemm bżonn ta’ approċċ flessibbli u mhux intrusiv. Il-kumpaniji jistgħu jużaw oqfsa tar-rapportar eżistenti nazzjonali jew internazzjonali u jżommu marġini ta' manuvrar biex jiddefinixxu l-kontenut tal-politiki tagħhom, u l-flessibbiltà biex jiddivulgaw l-informazzjoni f’mod utli u rilevanti. Meta l-kumpaniji jqisu li xi oqsma ta’ politika mhumiex rilevanti għalihom, se jitħallew jispjegaw għaliex dan huwa l-każ, aktar milli jkunu mġiegħla jipproduċu politika.

Il-Parlament Ewropew, fiż-żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu dwar "Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli[4] u “Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: il-promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv”[5] rispettivament, għaraf il-ħtieġa ta’ żieda fit-trasparenza f’dan il-qasam u talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva.

Fuq dan l-isfond, din il-proposta ssegwi l-għanijiet ewlenin li ġejjin:

(1) Li tiżdied it-trasparenza ta' ċerti kumpaniji, u li jiżdiedu r-rilevanza, il-konsistenza, u l-kumparabbiltà ta’ informazzjoni mhux finanzjarja attwalment divulgata, billi jissaħħu u jkunu ċċarati r-rekwiżiti eżistenti.

(2) Li tiżdied id-diversità fil-bordijiet ta’ kumpaniji permezz ta’ trasparenza msaħħa sabiex tiffaċilita s-sorveljanza effettiva tal-maniġment u l-governanza robusta tal-kumpanija.

(3) Li jiżdiedu r-responsabbiltà u l-prestazzjoni tal-kumpanija , u l-effiċjenza tas-Suq Uniku

L-approċċ attwali li tiġi divulgata informazzjoni mhux finanzjarja fid-Direttivi tal-Kontabbiltà ma kienx effikaċi biżżejjed. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati kkunsidraw li l-obbligu stabbilit mid-Direttiva dwar il-Kontabilità, mhuwiex ċar biżżejjed u jista’ jippreġudika l-inċertezza legali.

Rekwiżiti iktar ċari u fokus iktar b’saħħtu fuq kwistjonijiet topiċi importanti huma għaldaqstant meħtieġa għas-suċċess fit-tul tal-kumpanija. Xi Stati Membri żviluppaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttivi tal-Kontabilità. Madanakollu, ir-rekwiżiti nazzjonali huma pjuttost diversi, u dan iżid fin-nuqqas ta’ ċarezza għal kumpaniji u investituri li joperaw madwar is-Suq Intern

Xi Stati Membri għandhom mudelli “ta’ rappurtar jew spjegazzjoni” privileġġati, fejn kumpaniji jistgħu jagħżlu bejn ir-rappurtar reali jew inkella, jiddivulgaw ir-raġunijiet sabiex ma jagħmlux dan. Oħrajn jistabbilixxu rekwiżit ġuridiku ċar, li jista’ jkun preskrittiv sew. Xi Stati Membri jimmiraw lejn kumpaniji kbar, filwaqt li oħrajn jiffukaw fuq ċerti kumpaniji elenkati jew kumpaniji tal-gvern biss. Xi Stati Membri jirreferu għal linji gwida internazzjonali (għalkemm ta’ spiss differenti), filwaqt li oħrajn qed jiżviluppaw linji gwida nazzjonali proprji ta’ rappurtar. Dan il-mudell varjat wassal għal frammentazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi madwar l-UE. Huwa għalhekk li din il-proposta timmira li tiżgura kundizzjonijiet ekwi, li tillimita l-ispejjeż għal intrapriżi li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed, u li tiżgura lill-invistituri aċċess eħfef u aktar mifrux għal informazzjoni kruċjali u utli.

Barra minn hekk, diversità insuffiċjenti fil-bordijiet tista’ twassal għal ċertu similarita fl-opinjonijiet tal-membri tal-bord tad-diretturi (il-fenomenu msejjaħ "konfluwenza") u iktar reżistenza għal ideat innovattivi. Dan jista’ jwassal għal impatt negattiv fuq l-isfida u s-sorveljanza tal-maniġment mill-bord tad-diretturi u għalhekk fuq il-prestazzjoni tal-kumpaniji Iktar trasparenza tal-politiki dwar id-diversità jistgħu wkoll jagħtu kontribut konsiderevoli għall-promozzjoni ta' trattament ugwali u għall-ġlieda kontra kwalunkwe diskriminazzjoni fil-korpi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-kumpaniji kkonċernati u lil hinn. Diskriminazzjoni abbażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali fir-rigward tal-impjieg jew professjoni hija pprojbita mid-Direttiva 2000/78/KE. Diskriminazzjoni abbażi ta' ġeneru hija projbita fl-impjieg u fil-professjoni skont id-Direttiva 2006/54/KE. Diskriminazzjoni abbażi ta' razza jew oriġini etnika fl-impjieg hija pprojbita mid-Direttiva 2000/43/KE.

Il-problemi identifikati jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni kumplessiva tal-kumpaniji, ir-responsabbiltà tagħhom, il-kapaċità tal-investituri biex jivvalutaw u jqisu b'mod xieraq u f'waqtu l-informazzjoni kollha rilevanti, u l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji tal-UE. B’konsegwenza ta’ dan, il-potenzjal tas-Suq Uniku għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi jistgħu mhuc dejjem ikunu sfruttati bis-sħiħ.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet konċernati u interessati

Is-servizzi tal-Kummissjoni żammew djalogi regolari u wiesa' mal-partijiet interessati matul il-proċedura li wasslet għal din il-proposta għal emenda. L-għan kien li jinġabru l-opinjonijiet mill-partijiet interessati kollha, fosthom mill-preparaturi, l-utenti, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, eċċ. Id-djalogu seħħ permezz ta’:

– Żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi, rispettivament dwar "Divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja mill-kumpaniji" u dwar "Qafas ta' governanza korporattiva tal-UE. Dwar informazzjoni mhux finanzjarja, maġġoranza kumplessiva tal-partijiet interessati sostnew il-bżonn li jitjieb il-qafas leġiżlattiv attwali, minħabba li dan jista' jkun ta' benefiċċju kemm għal dawk li jħejju l-informazzjoni kif ukoll għall-utenti tagħha. Dwar id-diversità, il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni dwar “Qafas ta’ governanza korporattiva tal-UE" urew appoġġ ċar għad-divulgazzjoni tal-politiki dwar id-diversità tal-kumpaniji. Huma qiesu li aktar trasparenza għandha tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati u għandha tgħin biex jonqos il-fenomenu ta' "konfluwenza".

– Grupp ta' esperti ad hoc magħmul minn 16-il membru b’esperjenza u sfond differenti, u

– Bosta laqgħat mal-partijiet interessati u r-rappreżentanti tal-Istati Membri

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt li saret mis-servizzi tal-Kummissjoni identifikat żewġ kwistjonijiet ewlenin dwar (1) it-trasparenza mhux adegwata ta' informazzjoni mhux finanzjarja u (2) in-nuqqas ta' diversità fil-bordijiet tad-diretturi.

Trasparenza Inadegwata ta’ Informazzjoni mhux Finanzjarja

Ċerti kumpaniji naqsu milli jissodisfaw b’mod adegwat id-domanda dejjem tikber mill-partijiet interessati (inklużi l-investituri, l-azzjonisti, l-impjegati u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) għal trasparenza mhux finanzjarja. Ġew enfasizzati kwistjonijiet speċifiċi rigward kemm il-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni.

– Il-kwantità tal-informazzjoni: Huwa stmat li ~ 2500 biss mit-total ~ 42 000 kumpanija kbira tal-UE jiddivulgaw formalment informazzjoni mhux finanzjarja fuq bażi annwali

– Il-kwalità tal-informazzjoni: kumplessivament, l-informazzjoni divulgata minn kumpaniji ma tissodisfax il-bżonnijiet tal-utenti.

L-analiżi mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni, identifikat falliment tas-suq kif ukoll falliment regolatorju bħala kawżi sottostanti tal-problema. L-ewwel nett, inċentivi tas-suq jidhru insuffiċjenti jew irregolari. Minkejja ż-żieda fid-domanda għal informazzjoni mhux finanzjarja, il-benefiċċji relatati mad-divulgazzjoni mhux finanzjarja huma perċepiti minn xi partijiet interessati bħala fit-tul u diffiċli li jiġu kkwantifikati b’mod preċiż, filwaqt li l-kosti fit-terminu qasir huma aktar ċari u faċilment jitkejlu. Xi kumpaniji, għalkemm konċettwalment jirrikonoxxu l-benefiċċji ta’ rappurtar mhux finanzjarju, jistgħu jkunu inqas inklinati li jsegwu b’mod attiv politiki f’dan il-qasam minħabba din il-perċezzjoni.

It-tieni nett, ir-reazzjonijiet regolatorji, kemm fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell tal-Istati Membri, ma kinux effettivi biżżejjed fit-trattament ta’ din il-problema.

Kienu kkunsidrati għadd ta’ għażliet biex itejbu s-sitwazzjoni attwali, inkluż it-tisħiħ tar-rekwiżit eżistenti, l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ġodda għal rappurtar dettaljat, jew it-twaqqif ta’ standard tal-UE. Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' dawn l-għażliet ta' politika, deher li l-aħjar għażla tkun it-tisħiħ tal-obbligu eżistenti, billi tintalab dikjarazzjoni mhux finanzjarja fir-Rapport Annwali.

Diversità insuffiċjenti tal-Bord

Il-bordijiet tal-kumpaniji b’membri li għandhom l-istess sfond edukattiv u professjonali, oriġini ġeografika, età jew ġeneru, jistgħu jkunu ddominati minn “konfluwenza” ristretta. Dan jista’ jikkontribwixxi għan-nuqqas ta' sfida effettiva tad-deċiżjonijiet tal-maniġment, peress li n-nuqqas ta’ opinjonijiet, valuri, u kompetenzi diversi jista’ jwassal għal inqas dibattitu, ideat u sfida fit-tmexxija tal-kumpanija. Jista' jwassal ukoll biex ikun aktar diffiċli li jiġu aċċettati ideat innovattivi proposti mill-maniġment. Id-diversità insuffiċjenti tal-bord hija marbuta fuq kollox ma’ inċentivi insuffiċjenti tas-suq għall-kumpaniji biex ibiddlu s-sitwazzjoni. F'dan ir-rigward, prattiki ta’ reklutaġġ inadegwati għal membri tal-bord ħafna drabi magħżul minn grupp żgħir ta’ nies, jikkontribwixxu sabiex tissokta l-għażla ta' membri li għandhom profili simili. Element ieħor li jsaħħaħ il-problema huwa trasparenza inadegwata rigward id-diversità tal-bord, peress li l-livell ta' informazzjoni u l-limitu safejn din l-informazzjoni hija disponibbli għal pubbliku ġenerali ta’ spiss ikunu insuffiċjenti.

Din id-diversità insuffiċjenti tal-bord u nuqqas ta' trasparenza jistgħu għalhekk jirriżultaw f'kumpaniji li jkunu mmaniġġjati inqas tajjeb, inqas inklussivi u inqas innovattivi, u għalhekk jikkontribwixxu inqas għat-tkabbir. Fid-dawl tal-miri tal-UE 2020 għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli, il-Kummissjoni kkunsidrat għadd ta’ alternattivinaħseb hawn importanti l-konsitenza - jew għażliet jew alternattivi. ġieli użajt opzjoni wkoll! biex tindirizza dawn il-problemi. Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' dawn l-alternattivi ta' linja politika, deher li l-alternattiva l-aktar xierqa f’dan l-istadju tkun id-divulgazzjoni tal-politika tad-diversità. Din hija wkoll l-alternattiva ppreferuta mill-maġġoranza tal-partijiet interessati meta mqabbla ma’ alternattivi oħra bħal politika obbligatorja dwar id-diversità jew ma’ azzjoni li tiffoka biss fuq il-politika tar-reklutaġġ.

Komplimentari għal dawn id-dispożizzjonijiet, fl-14 ta’ Novembru 2012 il-Kummissjoni diġà pproponiet leġiżlazzjoni bil-għan li jintlaħaq l-għan ta’ 40% għas-sess inqas rappreżentat f’pożizzjonijiet mhux eżekuttivi ta’ membru tal-bord fil-kumpaniji kkwotati fil-Borża, bl-eċċezzjoni ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju[6].

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Emenda proposta tad-Direttivi

Il-proposta tieħu l-forma ta' emenda għall-Artikolu 46 tar-Raba' Direttiva u għall-Artikolu 36 tas-Seba' Direttiva li tittratta d-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja. Fir-rigward tar-rekwiżit ġdid dwar id-diversità fil-bordijiet, huwa propost li jiġi emendat l-Artikolu 46a tar-Raba' Direttiva.

Id-Direttivi dwar il-Kontabbiltà jirregolaw l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji kollha b'responsabbiltà limitata li huma inkorporati fil-liġi ta' Stat Membru jew fiż-żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Peress li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza jirreferi għall-Artikolu 46 tar-Raba’ Direttiva u għall-Artikolu 36 tas-Seba’ Direttiva, l-emendi proposti għal dawn id-dispożizzjonijiet se jkopru wkoll lill-kumpaniji elenkati fis-swieq regolati tal-UE anke jekk ikunu rreġistrati f'pajjiż terz.

Bażi ġuridika, sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 50(1) tat-Trattat, li huwa l-bażi ġuridika għall-adozzjoni ta’ miżuri tal-UE mmirati għall-kisba ta’ Suq Intern fil-liġi tal-kumpaniji. Il-proposta tipprevedi li kumpaniji kbar għandhom jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja taħt sett ta' rekwiżiti imfassla biex tiżdied it-trasparenza bl-għan li jsaħħu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-kumpanija filwaqt li jillimitaw kwalunkwe piż amministrttiv eċċessiv.

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà l-UE għandha taġixxi biss fejn tkun tista' twassal għal riżultati aħjar minn intervent fil-livell tal-Istati Membri u l-azzjoni għandha tkun limitata għal dak neċessarju u proporzjonat sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika segwita. Diversi Stati Membri riċentement adottaw leġiżlazzjoni li tirrikjedi żvelar addizzjonali f’dan il-qasam. Madankollu, ir-rekwiżiti nazzjonali jidhru differenti b’mod sinifikanti, li jwasslu għal diffikultajiet biex il-kumpaniji jiġu benchmarked madwar is-Suq Intern. L-objettivi ta’ din l-emenda huma tali li ma jistgħux jiġu ssodisfati b'azzjoni unilaterali fil-livell tal-Istati Membri.

Iktar trasparenza m’għandhiex tirriżulta f’piż amministrattiv mhux meħtieġ. Kumpaniji iżgħar jiffaċċjaw iktar diffikultajiet biex jiġbru u janalizzaw l-informazzjoni. Skont il-prinċipju “l-ewwel aħseb fiċ-ċokon”, ir-rekwiżiti ta’ żvelar skont din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal kumpaniji li d-daqs tagħhom huwa taħt livell definit.

F’dak li jirrigwarda l-kumpaniji l-kbar, id-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja jeħtieġ li ssir iktar disponibbli, utli, u konsistenti fil-livell tal-UE, peress li l-attivitajiet ta' dawn il-kumpaniji spiss huma mifruxa mal-UE kollha u rilevanti għall-investituri u partijiet interessati oħra fis-suq intern kollu. Madankollu, minbarra r-rekwiżit armonizzat ta’ informazzjoni konsistenti komuni għas-Suq Uniku, l-Istati Membri għandu jkollhom grad ta’ flessibilità fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rappurtar addizzjonali. Għal dan il-għan, emenda għad-Direttivi dwar il-Kontabbiltà huwa l-iktar strument legali xieraq peress li jippermetti ċerta flessibbiltà għall-Istati Membri. L-emendar tad-Direttivi jiżgura wkoll li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni proposta tal-UE ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ u proporzjonat sabiex jinkiseb l-objettiv regolatorju.

Spjegazzjoni Dettaljata tal-Proposta

Informazzjoni mhux finanzjarja

L-obbligu attwali stabbilit mill-Artikolu 46(1)(b) jipprovdi li kumpaniji kbar jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja, inkluż dwar kwistjonijiet ambjentali u tal-ħaddiema. Din il-miżura hija maħsuba biex tagħti benefiċċji sinifikanti lill-kumpaniji, l-investituri u partijiet interessati oħra li joperaw fis-Suq Uniku, u, għalhekk, tagħti kontribut għal tkabbir u impjiegi li huma inklussivi u sostenibbli fit-tul.

L-Artikolu 1(a) tal-proposta se jirrikjedi li ċerti kumpaniji kbar jiddivulgaw dikjarazzjoni fir-Rapport Annwali tagħhom inkluża informazzjoni materjali relatata talanqas ma’ kwistjonijiet ambjentali, soċjali, u relatati mal-ħaddiema, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, aspetti kontra l-korruzzjoni u t-tixħim. F’dawn l-oqsma, id-dikjarazzjoni se tinkludi (i) deskrizzjoni tal-politiki tagħha, (ii) ir-riżultati u (iii) aspetti marbutin mar-riskji.

Biex tipprovdi din l-informazzjoni, mingħajr ħsara għal rekwiżiti iktar ambizzjużi stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri, il-kumpanija tista’ sserraħ fuq oqfsa internazzjonali nazzjonali, jew ibbażati fl-UE, bħall-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li jimplimentaw il-Qafas tan-NU “Ipproteġi, Irrispetta u Rrimedja,” il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, ISO 26000, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-prinċipji li jikkonċernaw intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali, u l-Inizjattiva Globali ta’ Rappurtar, u tiddivulga fuq liema qafas tkun imxiet. Kumpanija li ma tapplikax xi politika speċifika f’wieħed jew aktar minn dawn l-oqsma se tkunu meħtieġa tispjega għaliex dan huwa l-każ.

Bħala tali, il-miżura timmira lejn informazzjoni kummerċjalment rilevanti, utli għall-finijiet ta' teħid ta’ deċiżjonijiet fil-kumpanija kif ukoll għall-investituri u partijiet interessati oħra. Il-miżura tippermetti aktar flessibbiltà u tevita piżijiet amministrattivi mhux neċessarji fuq il-kumpaniji, b'mod partikolari fuq l-iżgħar fosthom, li mhumiex suġġetti għar-rekwiżiti l-ġodda ta’ divulgazzjoni. Il-kostijiet assoċjati mad-divulgazzjoni neċessarja għal kumpaniji kbar huma proporzjonati mal-valur u l-utilità tal-informazzjoni u d-daqs, l-impatt u l-kumplessità tal-intrapriżi.

B’mod partikolari, kif speċifikat fl-Artikolu 1(a), l-obbligu japplika biss għal dawk il-kumpaniji li l-għadd medju ta’ impjegati tagħhom jaqbeż il-500, u jaqbżu jew total tal-karta tal-bilanċ ta' EUR 20 miljun jew fatturat nett ta’ EUR 40 miljun. Dan il-limitu, ogħla minn dak attwalment applikat fid-Direttivi tal-Kontabbiltà (jiġifieri 250 impjegat) huwa bbilanċjat peress li jillimita kwalunkwe piż amministrattiv u jiżgura ambitu xieraq għall-obbligi ta’ rrappurtar mhux finanzjarju. Huwa kkalkulat li, abbażi ta’ dan, ir-rekwiżit il-ġdid ikun ikopri madwar 18 000 kumpanija fl-UE.

Barra minn hekk, kif speċifikat fl-Artikolu 1(b), dawk il-kumpaniji li jippreparaw rapport li jikkorrispondi għall-istess sena finanzjarja, għandhom jiġu eżentati mill-obbligu li jipprovdu dikjarazzjoni mhux finanzjarja, sakemm ir-rapport: (i) ikopri l-istess suġġetti u l-kontenut rikjesti mill-Artikolu 1(a), (ii) jiddependi fuq oqfsa, nazzjonali, ibbażati fl-UE jew internazzjonali, u (iii) jiġi anness mar-Rapport Annwali.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(c) se jeżenta lill-kumpaniji sussidjarji mill-obbligu stabbilit mill-paragrafu 1(a), sakemm il-kumpanija eżentata u s-sussidjarji tagħha huma kkonsolidati fir-rapport annwali ta’ kumpanija oħra, u li r-rapport annwali konsolidat jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(a).

Diversità

Il-paragrafu 1(g) ġdid se jesiġi minn kumpaniji elenkati kbar biex jipprovdu informazzjoni dwar il-politika tad-diversità tagħhom, inklużi aspetti li jikkonċernaw l-età, is-sess, id-diversità ġeografika, u l-isfond edukattiv u professjonali. L-informazzjoni se tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni ta' governanza korporattiva u tkun trid tinkludi l-għanijiet ta' din il-politika, l-implimentazzjoni tagħha u r-riżultati miksuba. Kumpaniji li ma jkollhomx politika ta' diversità, se jkunu obbligati biss li jispjegaw għalfejn dan hu l-każ.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Komunità.

2013/0110 (COD)

Proposal for a

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[8]

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu ‘l-Att dwar is-Suq Uniku Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja, “Flimkien għal tkabbir ġdid'",[9] adottata fit-13 ta’ April 2011, il-Kummissjoni tidentifika l-bżonn li tittejjeb it-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali pprovduta minn kumpaniji fis-setturi kollha, sabiex jiġi żġurat ambjent ekwu.

(2)       Il-ħtieġa li titjieb id-divulgazzjoni tal-kumpanija tal-informazzjoni ambjentali u soċjali, billi tiġi ppreżenta proposta leġiżlattiva f'dan il-qasam, kienet imtennija fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE għall-2011-14 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva”[10] adottata fil-25 ta' Ottubru 2011.

(3)       Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar rispettivament, "ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli[11] u “Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: il-promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv[12], għaraf l-importanza li n-negozji jiddivulgaw informazzjoni dwar is-sostenibblità bħal fatturi soċjali u ambjentali, bil-għan li jiġu identifikati r-riskji għas-sostenibbiltà u tiżdied il-fiduċja bejn l-investitur u l-konsumatur, u talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar id-divulgazzjoni mhux finanzjarja mill-kumpaniji.

(4)       Il-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja fir-rigward ta' intrapriżi kbar b’responsabbiltà limitata hija ta' importanza għall-interessi tal-kumpaniji, azzjonisti u partijiet interessati oħra lkoll. Il-koordinazzjoni hija meħtieġa f'dawk l-oqsma peress li l-biċċa l-kbira ta' dawn l-intrapriżi joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed.

(5)       Huwa wkoll meħtieġ li jiġi stabbilit ċertu rekwiżit ġuridiku minimu fir-rigward tal-ammont ta' informazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku mill-intrapriżi madwar l-Unjoni. Ir-rapporti annwali għandhom jagħtu stampa ġusta u komprensiva tal-politiki, ir-riżultati, u r-riskji tal-impriża.

(6)       Sabiex jissaħħu l-konsistenza u l-komparabbiltà ta' informazzjoni mhux finanzjarja divulgata madwar l-Unjoni, il-kumpaniji għandhom ikunu obbligati jinkludu fir-rapport annwali tagħhom dikjarazzjoni mhux finanzjarja li jkun fiha informazzjoni relatata talanqas ma’ kwistjonijiet ambjentali, soċjali u kwistjonijiet relatati mal-ħaddiema, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-politiki, ir-riżultati, u r-riskji relatati ma’ dawk il-kwistjonijiet.

(7)       Biex jipprovdu din l-informazzjoni, il-kumpaniji jistgħu jiddependu fuq oqfsa nazzjonali, oqfsa bbażati fl-UE bħall-Iskema ta’ Ġestjoni u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS), u oqfsa internazzjonali bħall-Impatt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li jimplimentaw il-Qafas tan-NU “Ipproteġi, Irrispetta u Rrimedja,” l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), il-Linji Gwida għal Intrapriżi Multinazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) 26000, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji li jikkonċernaw l-intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali, u l-Inizjattiva Globali ta’ Rappurtar.

(8)       Il-Paragrafu 47 tad-dikjarazzjoni finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti Rio +20, "Il-Futur li Rridu"[13], jirrikonoxxi l-importanza ta’ rappurtar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u jinkorġġixxi lill-kumpaniji, fejn xieraq, biex jikkunsidraw l-integrazzjoni ta’ informazzjoni sostenibbli fiċ-ċiklu ta’ rappurtar tagħhom. Jinkoraġġixxi wkoll lill-industrija, lill-gvernijiet interessati u lill-partijiet interessati rilevanti, bl-appoġġ tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, kif xieraq, biex jiżviluppaw mudelli tal-aħjar prattika u jiffaċilitaw l-azzjoni għall-integrazzjoni tal-informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja billi jitqiesu l-esperjenzi minn oqfsa diġà eżistenti.

(9)       L-aċċess tal-investituri għall-informazzjoni mhux finanzjarja huwa pass fid-direzzjoni tad-dħul fis-seħħ sal-2020 ta' inċentivi tas-suq u tal-politika li jippremjaw l-investimenti tan-negozji fl-effiċjenza, skont il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi[14].

(10)     Il-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2011 talab li jitnaqqas il-piż regolatorju kumplessiv, partikolarment għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju ("SMEs"), fuq livell Ewropew u nazzjonali u ssuġġerixxa miżuri biex tiżdied il-produttività filwaqt li l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għandha l-għan li ttejjeb l-ambjent tan-negozju għall-SMEs u li tippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom. Għalhekk, skont il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni skont id-Direttiva 78/660/KEE u d-Direttiva 83/349/KEE għandhom japplikaw biss għal ċerti intrapriżi kbar u gruppi.

(11)     L-ambitu ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni mhux finanzjarji għandu jkun definit b'referenza għall-medja tal-għadd ta' impjegati, tal-assi totali u tal-fatturat. L-SMEs għandhom ikunu eżentati minn rekwiżiti addizzjonali, u l-obbligu li jiddivulgaw dikjarazzjoni mhux finanzjarja fir-rapport annwali għandu japplika biss għal dawk il-kumpaniji li l-għadd medju ta’ impjegati tagħhom jaqbeż il-500, u li jaqbżu jew total ta’ EUR 20 miljun fil-karta tal-bilanċ jew b'fatturat nett ta' EUR 40 miljun.

(12)     Xi kumpaniji u gruppi li jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva 78/660/KEE u d-Direttiva 83/349/KEE diġà qed iħejju rapporti mhux finanzjarji fuq bażi volontarja. Dawk il-kumpaniji m'għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligu li jipprovdu dikjarazzjoni mhux finanzjarja fir-rapport annwali, bil-kondizzjoni li r-rapport jikkorrispondi għall-istess sena finanzjarja, ikopri mill-inqas l-istess kontenut meħtieġ minn din id-Direttiva, u huwa anness mar-rapport annwali.

(13)     Bosta intrapriżi li jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva 78/660/KEE huma membri ta’ gruppi ta' intrapriżi. Għandhom jitħejjew rapporti annwali konsolidati sabiex l-informazzjoni dwar dawn il-gruppi ta’ intrapriżi tkun tista' tingħata lil membri u lil partijiet terzi. Id-dritt nazzjonali li jirregola r-rapporti annwali konsolidati għandu għalhekk jiġi kkoordinat sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ komparabbiltà u konsistenza tal-informazzjoni li l-intrapriżi għandhom jippubblikaw fl-Unjoni.

(14)     Kif rikjest mill-Artikolu 51a(e) tad-Direttiva 78/660/KEE, ir-rapport tal-awdituri statutorji għandu jkun fih ukoll opinjoni li tikkonċerna l-konsistenza jew xort’oħra tar-rapport annwali, inkluża informazzjoni mhux finanzjarja li tinsab fir-rapport annwali, mal-kontijiet annwali għall-istess sena finanzjarja.

(15)     Id-diversità tal-kompetenzi u l-fehmiet tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji ta' kumpaniji tiffaċilita fehim tajjeb tal-organizzazzjoni u l-kwistjonijiet tan-negozju. Tippermetti lil membri ta' dawn il-korpi biex jeżeċitaw sfida kostruttiva tad-deċiżjonijiet tal-maniġment u biex ikunu aktar miftuħa għal ideat innovattivi, li jindirizzaw is-similarità tal-fehmiet tal-membri, il-fenomenu "raġunar gregarju". Tikkontribwixxi għalhekk għas-sorveljanza effettiva tal-immaniġġjar u l-governanza b’suċċess tal-kumpanija. Għalhekk, ikun importanti li tittejjeb it-trasparenza rigward il-politika tad-diversità li l-kumpaniji għandhom fis-seħħ. Din għandha tinforma lis-suq dwar prattiki ta' governanza korporattiva u għalhekk tpoġġi pressjoni indiretta fuq il-kumpaniji biex ikollhom bordijiet aktar diversifikati.

(16)     L-obbligu ta’ divulgazzjoni tal-politiki tagħhom dwar id-diversità għal korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tagħhom fir-rigward ta’ aspetti bħalma huma l-età, is-sess, id-diversità ġeografika, l-isfond edukattiv u professjonali għandhom japplikaw biss għal kumpaniji elenkati kbar. Għalhekk kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju li jistgħu jiġu eżentati minn ċerti obbligi tal-kontabbiltà skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 78/660/KEE ma għandhomx ikunu koperti minn dan l-obbligu. Id-divulgazzjoni tal-politika dwar id-diversità għandha tkun parti mid-dikjarazzjoni ta' governanza korporattiva, kif stipulat fl-Artikolu 46a tad-Direttiva 78/660/KEE. Kumpaniji li ma għandhomx tali politika dwar id-diversità, ma għandhomx ikunu obbligati li jdaħħlu waħda fis-seħħ, iżda għandhom jispjegaw b’mod ċar għalfejn dan hu l-każ.

(17)     Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li żżid ir-rilevanza, il-konsistenza u l-komparabbiltà ta' informazzjoni divulgata minn kumpaniji fl-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jista’ għaldaqstant minħabba l-impatt tiegħu jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(18)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-libertà li wieħed ikollu negozju, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f’konformità ma’ dawn id-drittijiet u prinċipji.

(19)     Id-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi lid-Direttiva 78/660/KEE

Id-Direttiva 78/660/KEE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 46 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1. (a)   Ir-rapport annwali għandu jinkludi analiżi ġusta tal-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-negozju tal-kumpanija u tal-pożizzjoni tagħha, kif ukoll deskrizzjoni tar-riskji prinċipali u l-inċertezzi li taffaċċja.

L-analiżi għandha tkun analiżi bbilanċjata u komprensiva tal-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-negozju tal-kumpanija u l-pożizzjoni tagħha, bi proporzjon mad-daqs u l-kumplessità tan-negozju;

Għal kumpaniji li l-għadd medju ta' impjegati matul is-sena finanzjarja jaqbeż il-500 u, fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom, jaqbżu jew it-total tal-karta tal-bilanċ ta’ EUR 20 miljun jew il-fatturat nett ta' EUR 40 miljun, l-analiżi għandha tinkludi wkoll dikjarazzjoni mhux finanzjarja li jkun fiha informazzjoni relatata talanqas ma’ kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim, inklużi:

(i) deskrizzjoni tal-politika segwita mill-kumpanija fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;

(ii) ir-riżultati ta’ dawn il-politiki;

(iii) ir-riskji relatati ma' dawn il-kwistjonijiet u kif il-kumpanija timmaniġġja dawk ir-riskji.

Meta kumpanija ma ssegwix politiki fir-rigward ta’ waħda jew aktar minn dawn il-kwistjonijiet, għandha tipprovdi spjegazzjoni għaliex ma tagħmilx dan.

Meta tipprovdi informazzjoni bħal din il-kumpanija, tista’ sserraħ fuq oqfsa nazzjonali, ibbażati fl-UE jew internazzjonali u, jekk tagħmel hekk għandha tispeċifika fuq liema oqfsa mxiet.

(c)        Rigward il-limitu meħtieġ għall-fehim tal-iżvilupp, il-prestazzjoni jew il-pożizzjoni tal-kumpanija, l-analiżi għandha tinkludi kemm l-indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni finanzjarji kif ukoll dawk mhux finanzjarji relevanti għal dak in-negozju partikolari.

(d)        Meta tipprovdi l-analiżi tagħha, ir-rapport annwali għandu, fejn xieraq, jinkludi referenzi għal spjegazzjonijiet u spjegazzjonijiet addizzjonali tal-ammonti rapportati fil-kontijiet annwali.

(b) Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'4. Meta kumpanija tħejji rapport komprensiv li jikkorrispondi għall-istess sena finanzjarja billi tuża oqfsa nazzjonali, ibbażati fl-UE jew internazzjonali u li jkopri l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1(b), għandha tkun eżentata mill-obbligu li tħejji d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja stipulata fil-paragrafu 1(b), sakemm dan ir-rapport ikun parti mir-rapport annwali.’

(c) Jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

'5. Kumpanija li hija kumpanija sussidjarja għandha tiġi eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1(b), jekk il-kumpanija u s-sussidjarji tagħha huma kkonsolidati fir-rapporti finanzjarji u rapport annwali ta’ kumpanija oħra u dak ir-rapport annwali konsolidat jitfassal skont l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 83/349/KEE.'

(2) L-Artikolu 46a huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt(g) li ġej:

'(g) deskrizzjoni tal-politika dwar id-diversità tal-kumpanija għall-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tagħha fir-rigward ta’ aspetti bħalma huma l-età, is-sess, id-diversità ġeografika, l-isfond edukattiv u professjonali, l-għanijiet ta' din il-politika dwar id-diversità, kif ġiet implimentata u r-riżultati fil-perjodu tar-rappurtar. Jekk il-kumpanija ma għandhiex tali politika, id-dikjarazzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni ċara u mmotivata dwar għalfejn dan hu l-każ. '

(b) Jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

'4. Il-punt (g) tal-paragrafu 1 ma japplikax għal kumpaniji skont it-tifsira tal-Artikolu 27. '

(3) L-Artikolu 53a huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 53a

L-Istati Membri ma għandhomx jagħmlu disponibbli l-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1a, 11, l-Artikolu 27, il-punti (7a) u (7b) tal-Artikolu 43(1), l-Artikolu 46(3), l-Artikolu 47 u l-Artikolu 51 ta’ din id-Direttiva fil-każ ta' kumpaniji li t-titoli tagħhom huma ammessi għan-negozjar f'suq regolat skont is-sens tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE."

Artikolu 2

Emendi lid-Direttiva 83/349/KEE

Id-Direttiva 83/349/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

(4) L-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1.         Ir-rapport annwali konsolidat għandu jinkludi tal-anqas analiżi ġusta tal-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-negozju u tal-pożizzjoni tal-intrapriżi inkluża fil-konsolidazzjoni meqjusa kollha kemm hi, flimkien mad-deskrizzjoni tar-riskji u l-inċertezzi prinċipali li jaffaċċjaw.

L-eżami janalizza b’mod bilanċjat l-iżvilupp u     l-prestazzjoni tal-kummerċ u tal-pożizzjoni tal-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni meqjusa kollha kemm hi, konsistenti mad-daqs u l-kumplessità          tan-negozju.

Għal kumpaniji ewlenin ta’ intrapriżi li għandhom jiġu kkonsolidati li flimkien jaqbżu għadd medju ta' 500 impjegat matul is-sena finanzjarja, u fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom, jaqbżu jew it-total tal-karta tal-bilanċ ta’ EUR 20 miljun jew il-fatturat nett ta' EUR 40 miljun, l-analiżi għandha tinkludi wkoll dikjarazzjoni mhux finanzjarja li jkun fiha informazzjoni relatata talanqas ma’ kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim, inklużi:

– (i) deskrizzjoni tal-politika segwita mill-kumpanija fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;

– (ii) ir-riżultati ta’ dawn il-politiki;

– (iii) ir-riskji relatati ma' dawn il-kwistjonijiet u kif il-kumpanija timmaniġġja dawk ir-riskji.

Fejn l-intrapriżi inklużi fil-konsolidazzjoni meqjusa kollha kemm hi, ma jsegwux politiki fir-rigward ta’ kwistjoni waħda jew aktar minn dawn, il-kumpanija għandha tipprovdi spjegazzjoni għaliex ma tagħmilx dan.

Meta jipprovdi din l-informazzjoni, ir-rapport annwali kkonsolidat jista’ juża oqfsa nazzjonali, ibbażati fl-UE jew internazzjonali, u jekk jagħmel hekk, għandu jispeċifika fuq liema oqfsa mexa.

Sa fejn huwa neċessarju sabiex wieħed jifhem dan l-iżvilupp,      prestazzjoni jew pożizzjoni, l-analiżi tkun tinkludi kemm l-indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni finanzjarji u mhux     indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni finanzjarji rilevanti għan-negozju partikolari.

Billi jipprovdi l-analiżi tiegħu, ir-rapport annwali kkonsolidat għandu, fejn xieraq, jipprovdi referenzi għal spjegazzjonijiet u spjegazzjonijiet addizzjonali ta’ ammonti rappurtati fil-kontijiet ikkonsolidati. '

(b) Il-paragrafi 4 u 5 li ġejjin huma miżjuda:

'4. Meta impriża prinċipali tħejji rapport komprensiv li jikkorrispondi għall-istess sena finanzjarja, li jirreferi għall-grupp kollu tal-intrapriżi kkonsolidati, billi tuża oqfsa nazzjonali, ibbażati fl-UE jew internazzjonali u tkopri l-informazzjoni prevista fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, l-intrapriża prinċipali tkun eżentata mill-obbligu li tħejji d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja stabbilita fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, sakemm tali rapport komprensiv huwa parti minn rapport annwali kkonsolidat.

5. Intrapriża prinċipali li hija wkoll intrapriża sussidjarja tkun eżentata mill-obbligi stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, jekk l-impriża eżentata u s-sussidjarji tagħha huma kkonsolidati fir-rapporti finanzjarji u r-rapport annwali ta’ intrapriża oħra, u dak ir-rapport annwali konsolidat jitfassal skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1. '

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-[…][15]. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

              L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dispożizzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu jkunu l-ewwel japplikaw għal impriżi li jaqgħu taħt il-liġi ta' Stat Membru li t-titoli trasferibbli tiegħu huma ammessi għan-negozjar f'suq regolat ta' kwalunkwe Stat Membru skont it-tifsira tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji għas-sena finanzjarja li tibda fl-1 ta' Jannar 201­_[16], u għall-impriżi l-oħra kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikoli 1 u 2 għas-sena finanzjarja li tibda fl-1 ta' Jannar 201­­_[17].

              Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Ir-raba 'Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji (78/660/KEE); Is-Seba' Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 1983 dwar il-kontijiet konsolidati (83/349/KEE).

[2]               "L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja COM (2011) 206 http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0206:FIN:MT:PDF, p 15.

[3]               COM(2011) 681 finali tal-20 ta' Ottubru 2011

[4]               Rapport dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva: imāiba kummerëjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli (2012/2098 (INI)); Kumitat għall-Affarijiet Legali. http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A7-2013-0017+0+DOC+PDF+V0//MT&language=MT

[5]               Rapport dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: Il-promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv (2012/2097 (INI)); Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A7-2013-0023+0+DOC+PDF+V0//MT&language=MT

[6]               Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji kkwotati fil-Borża u miżuri relatati COM (2012) 614 finali.

[7]               ĠU C , , p. .

[8]               ĠU C , , p. .

[9]               COM (2011) 206 finali tas-13 ta’ April 2011.

[10]             COM(2011) 681 finali tat-25 ta’ Ottubru 2011.

[11]             Rapport dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva: imāiba kummerëjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli (2012/2098 (INI)); Kumitat għall-Affarijiet Legali. http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A7-2013-0017+0+DOC+PDF+V0//MT&language=MT

[12]             Rapport dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: Il-promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv (2012/2097 (INI)); Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A7-2013-0023+0+DOC+PDF+V0//MT&language=MT

[13]             Id-dokument tal-eżitu tan-Nazzjonijiet Uniti, “The Future WE want”, tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Rio + 20, A/CONF.216/l.1

[14]             KOM(2011) 571 finali tal-20 ta' Settembru 2011

[15]             Sentejn wara d-dħul fis-seħħ

[16]             L-ewwel sena wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni

[17]             It-tieni sena wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni