31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Orizzont 2020: pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 229/03

Relatur: is-Sinjura HEINISCH

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Orizzont 2020: pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'184 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar u jiġu sfruttati l-opportunitajiet marbutin mat-tibdil demografiku għall-iżviluppi soċjali u ekonomiċi futuri, fis-snin li ġejjin l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jridu jieħdu aktar miżuri adatti f'diversi livelli u f'firxa wiesgħa ta’ oqsma.

1.2   Ir-riċerka koordinata tista' tagħti kontribut deċiżiv għall-adozzjoni ta’ miżuri adatti fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew billi tħejji sisien validi għall-ippjanar u t-teħid ta’ deċiżjonijiet.

1.3   Il-KESE jingħaqad bis-sħiħ mat-talbiet li saru kemm-il darba biex ir-riċerka Ewropea fil-qasam tat-tixjiħ u t-tibdil demografiku ssir fuq perjodu twil ta’ żmien, b'mod interdixxiplinari u b'mod transkonfinali, jew għall-inqas b'mod komparabbli.

1.4   Sabiex ir-riċerka Ewropea tkun eċċellenti, huwa kruċjali li jkun hemm infrastruttura adegwata u koordinazzjoni integrata tal-attivitajiet ta’ riċerka. Tinħtieġ ukoll koordinazzjoni ċentrali sabiex jinħoloq baġit u jitqassmu r-riżorsi. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li jitwaqqaf ċentru Ewropew għar-riċerka dwar it-tixjiħ li jkun jista' jassumi l-kompiti ta’ koordinazzjoni.

1.5   Il-pjani direzzjonali dwar it-tfassil ta’ programmi ta’ riċerka fit-tul huma strumenti siewja sabiex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tar-riċerka futura. Il-pjani direzzjonali attwali dwar it-tixjiħ u t-tibdil demografiku diġà identifikaw aspetti importanti li huma rilevanti għall-“Orizzont 2020” (1).

1.6   Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-prijorità “Sfidi tas-soċjetà” tal-FP 8 tinkludi prijorità ta’ riċerka dwar is-“Saħħa, tibdil demografiku u benesseri” (2).

1.7   Minbarra l-prijoritajiet ta’ riċerka msemmijin fil-pjani direzzjonali attwali u fl-“Orizzont 2020”, il-Kumitat iħeġġeġ li r-riċerka Ewropea futura tindirizza oqsma tat-tixjiħ u t-tibdil demokrafiku li huma ċarament aktar innovattivi u possibbilment aktar problematiċi. Fost dawn l-oqsma nsibu ż-żamma tas-saħħa u r-riabilitazzjoni, l-estensjoni tas-snin li persuna tqatta' taħdem, il-bżonn li n-nies jieħdu u jaqsmu dejjem iżjed ir-responsabbiltà għal ħajjithom, it-tagħlim għal ħajja twila, il-konsegwenzi tar-rwol dejjem akbar tat-teknoloġija fl-oqsma tal-ħajja u l-kwistjonijiet tas-soċjetà Ewropea li jitqajmu fil-kuntest tat-tibdil demografiku, soċjali u teknoloġiku.

2.   Raġuni / Kummenti ġenerali

2.1   Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u jiġu sfruttati l-opportunitajiet marbutin mat-tibdil demografiku, fis-snin li ġejjin iridu jitpoġġew b'mod urġenti sisien validi għall-ippjanar u t-teħid ta’ deċiżjonijiet bil-għan li jittieħdu miżuri li jagħtu direzzjoni. Dawn is-sisien jitpoġġew, b'mod partikolari, permezz ta’ riċerka adatta. Fis-snin li għaddew, ir-riżultati tal-programmi Ewropej ta’ riċerka, bħal pereżempju l-ħames, is-sitt u s-seba' programmi qafas (3), il-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment (4) (AAL JP) (5), il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) (6) u l-attivitajiet tal-ERA-Net, diġà wrew b'mod ċar kemm hi siewja r-riċerka. Għalhekk, ir-riċerka tista' tagħti kontribut deċiżiv biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku u jiġi sfruttat il-potenzjal pożittiv tiegħu f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

2.2   Il-pjani direzzjonali huma siewja għat-tfassil ta’ programmi ta’ riċerka fit-tul. Huma adatti biex juru l-possibbiltajiet ta’ żvilupp jew ix-xenarji tal-futur, jindikaw ir-rabtiet transsettorjali meħtieġa, jidentifikaw l-imsieħba tal-kooperazzjoni u l-partijiet interessati rilevanti, janalizzaw il-flessibbiltà għall-azzjoni politika u l-possibbiltajiet ta’ finanzjament u jiżviluppaw strateġiji għall-implimentazzjoni tal-proċessi u r-riżultati.

2.3   Fl-aħħar snin ġew żviluppati u applikati pjani direzzjonali tar-riċerka f'ħafna oqsma. Xi eżempji mill-bosta pjani direzzjonali nazzjonali u internazzjonali attwali huma: il-pjan direzzjonali tal-Isvizzera dwar l-infrastruttura ta’ riċerka (7), il-proġett tal-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Edukazzjoni u r-Riċerka bl-isem “Pjan Direzzjonali dwar it-Teknoloġiji Ambjentali 2020” (8), il-pjan direzzjonali tar-Repubblikani tal-Istati Uniti dwar il-futur tal-Amerika (9); il-pjani direzzjonali tal-ERA dwar l-iżvilupp ta’ bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija (10); il-pjan direzzjonali dwar ir-riċerka VPH-FET (Virtual Physiological Human-Future and Emerging Technologies) (11).

2.4   Il-pjani direzzjonali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni futuri li qed jiġu żviluppati fil-qasam tat-tixjiħ u t-tibdil demografiku jiffokaw l-aktar fuq firxa wiesgħa ta’ aspetti relatati mas-saħħa. Fosthom insibu l-pjani direzzjonali tal-proġetti Ewropej Future BNCI: Future Directions in Brain/Neuronal Computer Interaction (BNCI) Research (2010-2011); DIAMAP: Road Map for Diabetes Research in Europe (2008-2010); ROAMER: A Roadmap for Mental Health Research in Europe (2011-2014); WhyWeAge: A road map for molecular biogerontology (2008-2010) (12), kif ukoll pjani direzzjonali nazzjonali, bħall-Pjan Direzzjonali dwar il-Programm ta’ Riċerka fil-Qasam tas-Saħħa tal-Gvern Federali Ġermaniż (13).

2.5   Il-pjani direzzjonali fil-qasam tat-tixjiħ u t-tibdil demografiku b'temi aktar wisgħin, jiġifieri l-proġetti Ewropej FUTURAGE – A Road Map for Ageing Research (14) u BRAID: Bridging Research in Ageing and ICT Development (2010-2012) (15), ukoll isemmu l-aspetti relatati mas-saħħa bħala prijoritajiet ta’ riċerka. Il-pjan direzzjonali FUTURAGE jippreżenta tliet punti ewlenin marbutin mas-saħħa: “Healthy Ageing for More Life in Years”, “Maintaining and Regaining Mental Capacity” u “Biogerontology: from Mechanisms to Interventions” (16). Fil-proġett BRAID insibu l-prijorità “Health and Care in Life”.

2.6   Bis-sħubijiet pubbliċi-privati u pubbliċi-pubbliċi (17), il-Kummissjoni tixtieq tipprovdi strumenti oħra sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali attwali (18). L-inizjattivi konġunti jinkludu, b'mod speċjali, is-Sħubijiet Ewropej fl-Innovazzjoni, fosthom is-Sħubija Ewropea dwar ix-Xjuħija Attiva u b'Saħħitha (EIP AHA) (19), l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (20), l-Inizjattiva ta’ Programmazzjoni Konġunta “Aktar Snin, Ħajjiet Aħjar – Il-Potenzjal u l-Isfidi tat-Tibdil Demografiku” (MYBL) (21) kif ukoll il-programm previst “Orizzont 2020” (22).

2.7   Minkejja dawn l-approċċi neċessarji u importanti għall-iżvilupp ta’ sħubijiet fir-riċerka u l-innovazzjoni, għad hemm bżonn urġenti ta’ attivitajiet ta’ riċerka aktar komprensivi. Id-dinja, is-soċjetà, it-teknoloġija, il-mediċina u t-tixjiħ tal-popolazzjoni jinbidlu l-ħin kollu u b'mod kontinwu. Għaldaqstant, jeħtieġ li dejjem issir riċerka ġdida sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri (politiċi) adegwati għaċ-ċirkostanzi l-ġodda fil-ħin u ma nispiċċawx inzappu wara l-iżvilupp.

2.8   Għalhekk, il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea appoġġjat l-inizjattivi konġunti għall-ippjanar tal-programmi u l-iżvilupp ta’ pjani direzzjonali dwar l-attivitajiet futuri ta’ riċerka fil-qasam tat-tixjiħ u t-tibdil demografiku (23), u jilqa' wkoll l-introduzzjoni ta’ prijorità ta’ riċerka dwar is-“Saħħa, tibdil demografiku u benesseri” fil-prijorità “Sfidi tas-soċjetà” tal-“Orizzont 2020” (24).

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   L-infrastruttura meħtieġa

3.1.1   Ilu ħafna jintalab li r-riċerka Ewropea ssir fuq perjodu twil ta’ żmien, b'mod interdixxiplinari u b'mod transkonfinali, jew għall-inqas b'mod komparabbli (25). Dawn it-talbiet jistgħu jerġgħu jiġu adottati u ripetuti bis-sħiħ f'din l-opinjoni. Naturalment, meta ssir riċerka komparattiva, iridu jitqiesu l-kundizzjonijiet strutturali rispettivi.

3.1.2   Barra minn hekk, ir-riċerka dwar it-tixjiħ għandha tinkludi lill-partijiet interessati kollha li huma involuti f'dan is-suġġett, fosthom ix-xjenzjati li jistudjaw in-natura, il-ħajja u s-soċjetà, l-inġiniera u d-disinjaturi, il-produtturi u dawk li jipprovdu s-servizzi, ir-responsabbli politiċi, il-periti, dawk responsabbli għall-ippjanar urban u tat-traffiku, ir-rappreżentanti tal-ekonomija u tas-soċjetà ċivili, u b'mod partikolari l-persuni li qed jixjieħu stess. Għalhekk, il-Kumitat jilqa' l-integrazzjoni prevista ta’ diversi strumenti Ewropej ta’ appoġġ (ERA-Net, ERA-Net Plus, INNOVA u PRO INNO) fi strument wieħed aktar flessibbli – ERA-Net – sabiex tiġi ssemplifikata l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti.

3.1.3   Sabiex ir-riċerka Ewropea tkun eċċellenti f'Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), huwa kruċjali li jkun hemm infrastruttura adegwata u koordinazzjoni integrata tal-attivitajiet ta’ riċerka. Tinħtieġ ukoll koordinazzjoni ċentrali sabiex jinħoloq baġit u jitqassmu r-riżorsi. Dan bl-ebda mod ma jfisser li l-attivitajiet ta’ riċerka fil-livell tal-pajjiżi mhumiex meħtieġa. Madankollu, għandu jsir sforz sabiex ir-riċerki nazzjonali individwali jkunu kompatibbli kemm jista' jkun, bil-għan li r-riżultati jkunu jistgħu jiġu analizzati u vvalutati b'mod komparabbli. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li jitwaqqaf ċentru Ewropew għar-riċerka dwar it-tixjiħ li jkun jista' jassumi l-kompiti ta’ koordinazzjoni.

3.2   Il-bżonn ta’ aktar riċerka

3.2.1   Minbarra l-ħtiġijiet ġenerali msemmija, qed joħorġu fid-dieher temi li għandhom jiġu riċerkati aktar fil-ġejjieni. Bħalissa mhux biss qed nesperjenzaw tibdil demografiku li qatt ma rajna bħalu, iżda qed naraw ukoll żviluppi tekniċi li jistgħu jbiddlu l-ħajja soċjali, il-kura tas-saħħa u r-relazzjoni tagħna mal-ambjent darba għal dejjem.

3.2.2   Iż-żamma tas-saħħa

L-ewwel qasam ta’ riċerka wiesa' għandu jkopri l-kwistjonijiet kollha relatati maż-żamma tas-saħħa, peress li s-saħħa fiżika u mentali hija essenzjali għal ħajja attiva u indipendenti fix-xjuħija. Xi kwistjonijiet ta’ riċerka rilevanti huma pereżempju:

In-nies kif jistgħu jiġu motivati sa minn ċkunithom biex ikollhom stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa?

Xi strateġiji hemm bżonn biex jingħata appoġġ immirat u jiġu żviluppati miżuri ta’ prevenzjoni?

X'tipi ta’ trattament u riabilitazzjoni kellhom suċċess kbir fil-livell internazzjonali? F'liema oqsma għad baqa' xi jsir jew għad hemm bżonn ta’ aktar riċerka u żvilupp?

Kif tista' tiżdied il-kompetenza tal-pazjenti?

Kif jistgħu jiġu evitati, jew għall-inqas jiġu rikonoxxuti u ttrattati qabel, il-perikli għas-saħħa transkonfinali, il-mard rari, il-mard kroniku, id-demenzja u mard newrodeġenerattiv ieħor?

Għad baqa' xi jsir f'dik li hi riċerka dwar l-effikaċja tal-mediċini u kif jinteraġixxu fl-anzjani, speċjalment fin-nisa. S'issa l-mediċini ġew ittestjati l-aktar fuq iż-żgħażagħ, iżda fil-biċċa l-kbira dawn jittieħdu mill-anzjani.

Irridu nenfasizzaw ir-rwol tal-uġigħ kroniku fl-istat ta’ saħħa tal-anzjani, speċjalment kif nistgħu nnaqqsu l-uġigħ/in-nuqqas ta’ benesseri tal-popolazzjoni tal-UE li qed tixjieħ.

S'issa ftit li xejn ġew studjati l-abbużi tal-alkoħol u d-drogi fix-xjuħija, il-kawżi tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi fiżiċi, mentali u soċjali marbutin magħhom.

3.2.3   Ħajja attiva itwal fuq ix-xogħol

Fid-dawl tal-bidliet strutturali fid-distribuzzjoni tal-età fost il-popolazzjoni u minħabba li l-istennija tal-għomor qiegħda dejjem tiżdied, huwa indispensabbli li n-nies jibqgħu jaħdmu għal żmien itwal. Minn dan joħorġu kwistjonijiet ta’ riċerka bħal pereżempju:

X'inhi l-attitudni tal-ħaddiema għall-fatt li l-limiti tal-età jsiru aktar flessibbli? Minn xiex jiddependu dawn l-attitudnijiet (pereżempju: mit-tip ta’ xogħol/mill-kundizzjonijiet tal-benesseri nazzjonali/miċ-ċirkostanzi reġjonali/eċċ.)?

Kif jistgħu jinħolqu kundizzjonijiet tal-edukazzjoni u tal-prevenzjoni li jippermettu jew iżidu l-flessibilizzazzjoni? X'esperjenzi kellhom il-pajjiżi individwali u kif jistgħu jintużaw?

Kif nistgħu nfasslu l-impjiegi, norganizzaw il-ħinijiet tax-xogħol u ntaffu l-piżijiet tax-xogħol sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu għal żmien itwal? Xi rwol jistgħu jaqdu l-innovitajiet tekniċi f'dan il-kuntest?

X'inizjattivi qed jiġu implimentati jew jistgħu jiġu implimentati fl-intrapriżi biex jiġi promoss l-involviment fis-soċjetà ċivili sa minn meta n-nies ikunu għadhom qed jaħdmu? X'esperjenzi għandhom il-pajjiżi differenti?

3.2.4   Ħajja awtonoma, indipendenti u responsabbli

Billi n-numru ta’ żgħażagħ fil-popolazzjoni qed jonqos, ser jonqsu wkoll il-possibbiltajiet ta’ għajnuna personali għall-anzjani. Għaldaqstant, fil-futur l-anzjani ser ikollhom jassumu responsabbiltà akbar biex jibqgħu awtonomi u biex jibqgħu jipparteċipaw fil-ħajja soċjali. Xi kwistjonijiet ta’ riċerka marbutin ma’ dan huma, fost oħrajn:

L-anzjani kif jaraw l-indipendenza tagħhom fil-pajjiżi differenti u x'tagħlimiet jistgħu jinsiltu minn dan għat-tisħiħ u l-promozzjoni sistematiċi ta’ stil ta’ ħajja adegwat?

L-anzjani kif jaraw ir-responsabbiltà konġunta tagħhom (pereżempju għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom u għall-ambjent) fil-pajjiżi differenti u x'tagħlimiet jistgħu jinsiltu minn dan? L-anzjani kif jorganizzaw lilhom innifishom u kif jorganizzaw l-offerti għall-ġenerazzjoni tagħhom u għal dawk ta’ warajhom? L-anzjani x'qed jagħmlu għall-oħrajn, għall-ġirien tagħhom u għall-ambjent ta’ madwarhom?

X'tip ta’ appoġġ lokali jista' jgħin f'din l-organizzazzjoni awtonoma? Dan irid jiġi eżaminat ukoll f'kuntesti strutturalment komparabbli (lokali, reġjonali).

B'mod ġenerali, għandha ssir analiżi f'kuntesti differenti iżda strutturalment komparabbli (pereżempju f'reġjuni urbani u rurali ta’ pajjiżi differenti) ta’ kif l-awtoritajiet lokali jistgħu jippromovu ħajja attiva u responsabbli fost l-anzjani, pereżempju bis-saħħa ta’ politika urbana, tad-djar u tat-traffiku adegwata għal nies ta’ kull età.

Kif jistgħu jinħolqu u jiġu appoġġjati “komunitajiet ta’ kura” bħala responsabbiltà konġunta? Kif qed jaħdmu flimkien bħalissa l-familji, in-nies li jinvolvu ruħhom f'livell ċiviku u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa (pereżempju n-nies b'mard fiżiku kroniku jew dawk li jbatu bid-demenzja)? Is-sistemi tekniċi ta’ għajnuna kif jistgħu jintużaw biex jgħinu lil dawn il-komunitajiet? L-intrapriżi kif jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom? X'tipi ta’ responsabbiltà konġunta jeżistu fil-pajjiżi individwali? X'pożizzjoni għandhom dawn il-komunitajiet ta’ kura fil-politika soċjali tal-pajjiżi u fl-ippjanar (strutturali) soċjali tal-awtoritajiet lokali?

X'tipi ta’ djar u ħajja wrew li huma tajbin fil-livell internazzjonali għall-anzjani, u b'mod partikolari għall-anzjani li jgħixu waħedhom jew li jbatu mid-demenzja? U kif jistgħu jiġu ttrasferiti?

3.2.5   L-edukazzjoni

Naturalment, soċjetà li qed tixjieħ teħtieġ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd. Minn dan joħorġu kwistjonijiet ta’ riċerka bħal:

It-tagħlim tul il-ħajja kif jista' jsir tagħlim għal ħajja twila?

Minbarra t-taħriġ vokazzjonali kontinwu, x'tip ta’ tagħlim għandu jiġi offrut lil popolazzjoni li qed tixjieħ? U kif għandu jitfassal sabiex jitħeġġeġ it-tagħlim attiv?

X'tip ta’ tagħlim speċifiku għandhom bżonn dawk li jinvolvu ruħhom f'livell ċiviku?

Xi rwol għandu t-tagħlim estetiku sabiex jinżammu l-plastiċità konoxxittiva u emozzjonali kif ukoll il-kreattività fix-xjuħija? X'konklużjonijiet jistgħu jinsiltu mill-kuntest internazzjonali b'rabta mat-tipi ta’ tagħlim offrut?

Xi rwol jaqdu l-istituti differenti tal-edukazzjoni (universitajiet, ċentri tal-edukazzjoni għall-adulti, eċċ.) għat-tisħiħ ta’ kompetenzi differenti, pereżempju għall-użu tat-tekonoloġiji l-ġodda, għall-involviment ċiviku, għall-kura, għat-trasferiment tal-għarfien soċjali jew speċjalizzat, eċċ.?

3.2.6   It-teknoloġija fl-oqsma tal-ħajja

Ftit li xejn saret riċerka dwar it-teknoloġiji dejjem jiżdiedu f'kull qasam soċjali u l-ħtieġa li jintużaw sistemi tekniċi sabiex l-anzjani jgħixu ħajja awtonoma, attiva u parteċipattiva. Dan iwassal għal bżonn urġenti ta’ riċerka dwar kwistjonijiet bħal dawn li ġejjin:

X'miżuri tekniċi, organizzattivi, kreattivi u li jippromovu l-aċċettazzjoni jeħtieġ jittieħdu sabiex il-potenzjal tat-telemonitoraġġ, it-telekura u t-teleriabilitazzjoni jkun jista' jintuża b'mod effiċjenti u etiku għat-titjib tal-kura tas-saħħa?

X'rekwiżiti organizzattivi, legali, etiċi u tekniċi b'rabta mal-protezzjoni tad-data toħloq l-introduzzjoni ta’ dawn is-sistemi għall-organizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tagħhom fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew?

Jekk jiżdied l-użu tas-sistemi tekniċi, fit-tul x'konsegwenzi ser ikun hemm fuq ir-relazzjonijiet bejn l-anzjani u l-qraba tagħhom, bejn il-pazjenti u t-tobba, bejn dawk li għandhom bżonn il-kura u dawk li jagħtu l-kura b'mod informali jew professjonali?

Ftit li xejn saret riċerka dwar l-implikazzjonijiet psikoloġiċi, soċjali u etiċi marbutin mal-introduzzjoni dejjem aktar estensiva ta’ sensuri u artefatti tekniċi oħra fil-ġisem tal-bniedem. X'effett għandhom dawn il-possibbiltajiet fuq l-identità tal-persuna kkonċernata u fuq il-mod kif tara lilha nnifisha minn naħa, u fuq il-perċezzjoni soċjali tal-mard, is-saħħa jew id-diżabbiltà min-naħa l-oħra?

Bl-istess mod, ftit li xejn nafu dwar kif il-mużika u t-tidwil, pereżempju, jistgħu jgħinu b'mod tekniku iżda ta’ appoġġ emozzjonali biex in-nies iżommu d-dinjità tagħhom fi tmiem ħajjithom.

3.2.7   Is-soċjetà Ewropea tal-ġejjieni

L-aħħar qasam ta’ riċerka għandu jinkludi l-kwistjonijiet kollha marbutin mal-bidliet attwali u futuri tas-soċjetajiet Ewropej. Dawn il-kwistjonijiet ta’ riċerka jikkonċernaw, fost affarijiet oħrajn, l-immaġni tax-xjuħija, id-differenzi kulturali, l-esperjenzi differenti u l-inugwaljanzi li jeżistu fil-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Ewropa:

X'ideat insibu fil-pajjiżi Ewropej differenti dwar it-tixjiħ attiv u l-età fil-kuntest tat-tibdil demografiku? L-iskambju bejn il-pajjiżi kif jista' jippromovi l-iżvilupp ta’ immaġni tax-xjuħija realistika minflok waħda mimlija stereotipi?

Kif jixjieħu n-nies fil-kulturi differenti, liema kulturi qed ikunu dejjem aktar varjati fl-Istati Membri? X'importanza għandhom l-età, il-mard u l-mewt fil-kulturi rispettivi? Kif jista' jiġi organizzat l-iskambju tal-esperjenzi u kif jista' jintuża biex in-nies jifhmu u jarrikkixxu lil xulxin?

Xi rwol għandhom il-mużika u l-arti viżiva fil-proċess tat-tixjiħ f'kulturi differenti? X'effetti joħorġu minn dan? U l-effetti pożittivi kif jistgħu jintużaw għal persuni oħrajn?

Kif jistgħu jingħelbu l-esperjenzi li, minħabba l-istennija tal-għomor dejjem itwal u l-bidliet soċjali u tekniċi rapidi, qegħdin ivarjaw dejjem aktar bejn il-ġenerazzjonijiet u fi ħdanhom? F'dawn iċ-ċirkostanzi, in-nies kif jistgħu jifhmu lil xulxin u jitgħallmu minn xulxin?

Jeżistu mistoqsijiet simili fir-rigward tal-inugwaljanzi eżistenti, li kultant qed jiżdiedu, fil-kundizzjonijiet tal-għajxien bejn il-pajjiżi Ewropej u fi ħdanhom.

Għadu ma ġiex iċċarat ukoll l-impatt li l-forom differenti ta’ kif kull pajjiż speċifiku jittratta l-mewt ikollhom fuq l-anzjani u fuq is-soċjetà b'mod ġenerali. F'soċjetà li qed tixjieħ, b'mod partikolari, din il-kwistjoni u l-konsegwezi li jista' jkollha ma jistgħux jitwarrbu fil-ġenb.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 809 final.

(2)  Ara nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(3)  ĠU L 26, 1.2.1999, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU L 232, 29.8.2002, p. 1; u ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1; kif ukoll ĠU C 65, 17.3.2006, p. 9 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  http://www.aal-europe.eu.

(5)  Ara http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/10/1726&format=HTML&aged=1&language=MT.

(6)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15; kif ukoll ĠU C 65, 17.3.2006, p. 22 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Konfederazzjoni Svizzera, Dipartiment Federali tal-Intern (EDI), Segretarjat tal-Istat għall-Edukazzjoni u r-Riċerka (SBF), Riċerka Nazzjonali (2011), Schweizer Roadmap für Forschungsinfrastrukturen (Pjan Direzzjonali tal-Isvizzera dwar l-Infrastruttura ta’ Riċerka). Jista' jitniżżel bil-Ġermaniż minn hawnhekk: http://www.sbf.admin.ch/htm/dokumentation/publikationen/forschung/11.03.30.NFO.RoadmapForschungsinfrastrukturen_d.pdf.

(8)  Schippl, J. et al.: Roadmap Umwelttechnologien 2020 – Endbericht (Pjan Direzzjonali dwar it-Teknoloġiji Ambjentali 2020 – Rapport Finali). Karlsruhe: Forschungszentrum Karlsruhe 2009 (Wissenschaftliche Berichte FZKA 7519).

(9)  http://www.roadmap.republicans.budget.house.gov.

(10)  http://www.eracobuild.eu.

(11)  https://www.biomedtown.org/biomed_town/VPHFET.

(12)  http://future-bnci.org; http://www.diamap.eu; http://www.roamer-mh.org; http://www.whyweage.eu.

(13)  Kunsill tar-Riċerka fil-Qasam tas-Saħħa fi ħdan il-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Edukazzjoni u r-Riċerka (pubblikatur) (2007), Roadmap für das Gesundheitsforschungsprogramm der Bundesregierung (Pjan Direzzjonali dwar il-Programm ta’ Riċerka fil-Qasam tas-Saħħa tal-Gvern Federali Ġermaniż). Bonn/Berlin: BMBF.

(14)  http://futurage.group.shef.ac.uk/road-map.html.

(15)  http://www.braidproject.eu.

(16)  The Future of Ageing Research in Europe. A Road Map. (Il-Futur tar-Riċerka dwar it-Tixjiħ fl-Ewropa. Pjan Direzzjonali.).

(17)  Bħala eżempji ta’ sħubijiet P2P wieħed jista' jsemmi, fost oħrajn, l-ERA-Net u l-ERA-Net Plus, l-inizjattivi “Artikolu 185” u l-programmazzjoni konġunta. Bħala eżempji ta’ PPP dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, wieħed jista' jsemmi l-inizjattivi konġunti dwar it-teknoloġija (JTI) u l-internet tal-futur.

(18)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2011) 572 final tal-21 ta’ Settembru 2011.

(19)  Ara IP/10/1288.

(20)  Ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200.

(21)  Ara http://www.jp-demographic.eu.

(22)  MEMO-11-435.

(23)  Ara, fost oħrajn, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39 (COM(2010) 546 final).

(24)  COM(2011) 809 final.

(25)  Ara, fost oħrajn, ĠU C 74, 23.3.2005, p. 44 (il-verżjoni Maltija tinsab f'p. 20).