18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 391/110


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Ewropa fid-dinja: approċċ ġdid għall-iffinanzjar tal-azzjoni esterna tal-UE”

2012/C 391/11

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ l-pakkett li tressaq b’mod konġunt bl-isem “L-Ewropa fid-dinja” peress li jista’ jikkontribwixxi għal approċċ olisitiku u politika tal-iżvilupp koerenti b’mod usa’ milli kien possibbli s’issa. Il-Kumitat jaqbel li r-riżorsi għall-qasam tal-“azzjoni esterna”, fejn l-azzjoni tal-UE tista’ tipprovdi valur miżjud ċar, għandhom jiżdiedu;

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari dawk li minkejja n-nuqqas ta’ riżorsi amministrattivi jixtiequ jagħtu kontribut għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, jilqgħu b’sodisfazzjon l-aġġornament tal-qafas għall-appoġġ mill-UE u s-semplifikazzjoni tal-qafas regolatorju għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-istrumenti;

irid jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rwol ta’ dawn l-atturi fil-qafas tal-miżuri tal-Istati Membri individwali għall-promozzjoni tad-deċentralizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni, u għall-importanza tagħhom fil-kooperazzjoni transkonfinali internazzjonali diretta bejn atturi fil-livell sottonazzjonali;

jemmen li il-proposta ta’ finanzjament tal-pakkett “L-Ewropa fid-Dinja” ippreżentata mill-Kummissjoni għandha tiggarantixxi kundizzjonijiet adegwati għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, pereżempju billi jiġi limitat ir-rekwiżit ta’ kofinanzjament jew saħansitra jiġi eliminat. Id-deċentralizzazzjoni hija ħaġa tajba u ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar id-dinja;

jinnota li sabiex l-atturi lokali jassumu r-responsabbiltà u tiġi promossa d-demokrazija lokali, tinħtieġ il-fiduċja fis-sistema politika u fir-rappreżentanti tagħha. Id-deċentralizzazzjoni twassal għal istituzzjonijiet aktar leġittimi u aktar effettivi. Permezz ta’ struttura deċentralizzata tinħoloq rabta aktar mill-qrib bejn il-livelli governattivi u ċ-ċittadini. Il-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet miftuħin, li jitwettqu b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jikkontribwixxu biex iċ-ċittadini jadottaw il-valuri demokratiċi – u dan huwa prerekwiżit għal soċjetà pluralistika u tolleranti.

Relatur

Is-Sinjura HÅKANSSON HARJU (SE/PSE)

Dokumenti ta’ referenza

Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Ewropa Globali: Approċċ Ġdid għall-iffinanzjar tal-azzjoni esterna tal-UE

COM(2011) 865 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għal azzjoni esterna

COM(2011) 842 final

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Preparazzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali dwar il-finanzjament tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Pajjiżi u t-Territoriji ekstra-Ewropej għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp)

COM(2011) 837 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

COM(2011) 838 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew ta’ Viċinat

COM(2011) 839 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp

COM(2011) 840 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta’ Sħubija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

COM(2011) 843 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja

COM(2011) 844 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ l-ġenerazzjoni ġdida ta’ strumenti ta’ finanzjament għall-politika tal-iżvilupp li għandhom jiffaċilitaw id-djalogu politiku u l-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati mal-Istrateġija predominanti “Aġenda għall-Bidla” (1) fil-qafas tal-programm finanzjarju multiannwali propost. Huwa jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-baġit jiżdied għal EUR 70 biljun, li jirrappreżenta ftit anqas minn 7 % tal-baġit totali tal-UE;

2.

jilqa’ l-pakkett li tressaq b’mod konġunt bl-isem “L-Ewropa fid-dinja” (2) peress li jista’ jikkontribwixxi għal approċċ olisitiku u politika tal-iżvilupp koerenti b’mod usa’ milli kien possibbli s’issa. Il-Kumitat jaqbel li r-riżorsi għall-qasam tal-“azzjoni esterna”, fejn l-azzjoni tal-UE bħala entità waħda tipprovdi valur miżjud ċar, għandhom jiżdiedu, u għaldaqstant jiddispjaċih li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) mhuwiex inkluż fil-qafas finanzjarju multiannwali tal-UE. Aktar minn EUR 34 biljun huma disponibbli fil-qafas tal-FEŻ, iżda dawn ir-riżorsi mhumiex inklużi fil-baġit. Il-FEŻ għandu jirrispetta l-istess rekwiżiti f’termini ta’ trasparenza, effikaċja u preżentazzjoni tar-riżultati bħall-istrumenti ta’ finanzjament l-oħra fil-pakkett “L-Ewropa fid-Dinja”;

3.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari dawk li minkejja n-nuqqas ta’ riżorsi amministrattivi jixtiequ jagħtu kontribut għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, jilqgħu b’sodisfazzjon l-aġġornament tal-qafas għall-appoġġ mill-UE u s-semplifikazzjoni tal-qafas regolatorju għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-istrumenti. Fil-perjodu attwali ta’ programmazzjoni saru talbiet qawwija biex jiġu ssemplifikati u ċċarati l-istrumenti, u l-KtR jinsab kuntent li r-riżultati tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni ġew ikkunsidrati;

4.

josserva li s-semplifikazzjoni tal-qafas regolatorju, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-parteċipazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti u s-sovvenzjonijiet huma fost it-titjib li ilu mixtieq żmien twil. Iż-żieda fil-flessibbiltà kif ukoll l-adattament u r-reviżjoni aktar rapidi, meta l-kuntest jirrikjedi dan, għandhom joħolqu wkoll il-kundizzjonijiet għal ħidma aktar effikaċi;

5.

permezz ta’ din l-opinjoni, il-Kumitat irid jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rwol ta’ dawn l-atturi fil-qafas tal-miżuri tal-Istati Membri individwali għall-promozzjoni tad-deċentralizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni, u għall-importanza tagħhom fil-kooperazzjoni transkonfinali internazzjonali diretta bejn atturi fil-livell sottonazzjonali. Għaldaqstant jinnota li għandu jitqies il-każ partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi li s-sitwazzjoni ġeostrateġika tagħhom tagħmilhom fruntieri attivi u pjattaformi tal-UE fid-dinja li jistgħu jgħinu biex il-politika tal-iżvilupp Ewropea tkun aktar effikaċi, hekk kif jgħidu l-Opinjonijiet CdR 408/2010 u CdR 364/2011;

6.

jinnota li l-urbanizzazzjoni wasslet biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċċjaw sfidi kbar biex itejbu l-kapaċità u l-effikaċja tagħhom stess, biex jimplimentaw sistemi ta’ governanza trasparenti u sodi, u biex jissodisfaw l-istennijiet taċ-ċittadini. Għalhekk huma jeħtieġu l-għarfien u l-esperjenza ta’ lokalitajiet oħrajn. Ta’ spiss, id-diversi tipi ta’ sħubijiet lokali u reġjonali jinvolvu lil firxa wiesgħa ta’ atturi. Intwera li l-kooperazzjoni, b’mod speċjali l-aktar forom ta’ kooperazzjoni mill-qrib bħas-sħubijiet pubbliku-pubbliku iżda anke pubbliku-privat, ma tiswiex wisq flus iżda tagħti riżultati konkreti u sostenibbli, fost oħrajn għax il-kooperazzjoni hija intiża għat-tisħiħ tal-istrutturi eżistenti, fejn il-kompiti u r-responsabbiltajiet diġà jkunu definiti mil-liġi, u dan permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-impjegati li diġà jkunu qed jaħdmu fil-gvern lokali jew reġjonali. Għaldaqstant, il-proposta ta’ finanzjament tal-pakkett “L-Ewropa fid-Dinja” ippreżentata mill-Kummissjoni għandha tiggarantixxi kundizzjonijiet adegwati għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, pereżempju billi jiġi limitat ir-rekwiżit ta’ kofinanzjament jew saħansitra jiġi eliminat. Id-deċentralizzazzjoni hija ħaġa tajba u ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar id-dinja;

7.

jinnota li l-appoġġ għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp mogħti lis-“soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali” ġustament u espliċitament jirrikonoxxi lil dawn l-atturi. Il-Kumitat tar-Reġjuni jappella biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-servizzi pubbliċi tagħhom jingħataw l-għajnuna wkoll fil-qafas ta’ strumenti tematiċi u ġeografiċi oħrajn. L-appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-iżvilupp tas-soċjetà huwa kwistjoni orizzontali u m’għandux ikun limitat biss għal parti żgħira minn wieħed mill-istrumenti;

8.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu inkoraġġuti aktar ukoll biex jikkooperaw fil-qafas tal-programm tematiku “migrazzjoni u asil”, u b’hekk jibbenefikaw mill-finanzjament tiegħu. Il-kooperazzjoni internazzjonali transkonfinali bejn il-muniċipji li jilqgħu lill-migranti u l-applikanti għal asil u l-muniċipji minn fejn dawn ikunu ġejjin għandha tittejjeb u tiġi żviluppata b’mod konsiderevoli. Il-livell lokali jaqdi rwol importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ akkoljenza u ta’ ritorn;

9.

jilqa’ l-fatt li l-kooperazzjoni internazzjonali u deċentralizzata għall-iżvilupp ġiet rikonoxxuta b’mod espliċitu u hija dejjem aktar viżibbli – mhux biss fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, iżda wkoll, matul dawn l-aħħar snin, f’kuntesti internazzjonali oħra (3). Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ żvilupp san tas-soċjetà u l-importanza tagħhom għall-ħolqien ta’ pont bejn iċ-ċittadini u l-livelli amministrattivi differenti ma jistgħux jiġu enfasizzati biżżejjed;

10.

jemmen li, fil-qafas tal-appoġġ baġitarju jew settorjali, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-pajjiżi msieħba sabiex il-livelli amministrattivi kompetenti jirċievu ammont suffiċjenti ta’ għajnuna għall-iżvilupp, bil-għan li jipprovdu s-servizzi meħtieġa u mitluba ħafna liċ-ċittadini lokali. Ir-riżorsi u l-persunal kwalifikat m’għandhomx ikun kkonċentrati fil-livell ċentrali, iżda għandhom jinqasmu fost l-awtoritajiet sottonazzjonali rilevanti;

11.

jenfasizza li l-muniċipji u r-reġjuni huma leħen iċ-ċittadini u r-rappreżentanti li jmexxuhom. B’hekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippermettu parteċipazzjoni qawwija taċ-ċittadini li tkun ibbażata b’mod konkret fil-ħajja ta’ kuljum. Barra minn hekk, il-muniċipji u r-reġjuni jipprovdu bosta servizzi pubbliċi. Huma ta’ sikwit jikkoordinaw u jippromovu l-kooperazzjoni bejn l-atturi soċjali ċentrali, bħall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, is-settur privat, il-komunitajiet reliġjużi u l-akkademiċi;

12.

jinnota li l-għanijiet globali tal-iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, l-hekk imsejħa l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs), mhumiex biss ta’ importanza kbira għall-Istati Membri u n-Nazzjonijiet Uniti, iżda huma importanti ħafna wkoll għall-muniċipji u r-reġjuni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkontribwixxu b’mod attiv għall-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetà, u l-implimentazzjoni ta’ miżuri fil-livelli lokali u reġjonali hija prerekwiżit għall-ksib tal-Għanijiet tal-Millennju. Ir-rwol tal-atturi sottonazzjonali għall-iżvilupp lokali u internazzjonali għandu joħroġ aktar fid-dieher. Fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja bħalissa, pereżempju, qed jitwettqu proġetti li juru biċ-ċar il-kontribut li jagħtu l-muniċipji għall-iżvilupp sostenibbli u b’saħħtu tas-soċjetà u r-rabta korrispondenti mal-għanijiet tal-iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll ir-responsabbiltajiet li jassumu dawn il-muniċipji;

13.

jappoġġja l-appell li sar fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-ġejjieni tal-politika tal-iżvilupp tal-UE sabiex is-sena 2015 tiġi dedikata “Is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp” ħalli jitħejja segwitu adegwat għall-MDGs;

14.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal programmazzjoni konġunta ta’ seba’ snin u jqis li dan jista’ jippermetti kundizzjonijiet aħjar għal riformi soċjali estensivi. Il-KtR jilqa’ l-proposti li saru fl-istrumenti li titpoġġa enfasi aktar ċara fuq ir-riżultati u li jkun hemm rekwiżiti aktar stretti. Il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri għandhom jaraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal djalogu proattiv sabiex jagħtu impulsi importanti għall-programmazzjoni tal-istrumenti rilevanti;

15.

jenfasizza li r-riformi ta’ deċentralizzazzjoni u l-bini tad-demokrazija huma proċessi kumplessi, komprensivi u revoluzzjonarji li jirrikjedu perseveranza, previżjoni u perspetttiva fit-tul min-naħa tal-provvedituri ta’ finanzjament u l-imsieħba tal-kooperazzjoni;

16.

jinnota li sabiex l-atturi lokali jassumu r-responsabbiltà u tiġi promossa d-demokrazija lokali, tinħtieġ il-fiduċja fis-sistema politika u fir-rappreżentanti tagħha. Id-deċentralizzazzjoni twassal għal istituzzjonijiet aktar leġittimi u aktar effettivi. Permezz ta’ struttura deċentralizzata tinħoloq rabta aktar mill-qrib bejn il-livelli governattivi u ċ-ċittadini. Il-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet miftuħin, li jitwettqu b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jikkontribwixxu biex iċ-ċittadini jadottaw il-valuri demokratiċi – u dan huwa prerekwiżit għal soċjetà pluralistika u tolleranti;

17.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi msieħba jistgħu – u għandhom – jaqdu rwol essenzjali fit-tfassil tal-politiki u l-istrateġiji fil-livell rispettiv tagħhom, u bl-istess mod huma jistgħu u għandhom jingħataw il-possibbiltà li jikkontribwixxu għall-ħidma fil-livell nazzjonali u internazzjonali. Bħala provvedituri tas-servizzi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli wkoll għall-ġestjoni, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti, pereżempju fl-oqsma tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-kultura;

18.

josserva li, l-assoċjazzjonijiet nazzjonali li jirrappreżentaw il-muniċipji u r-reġjuni, bis-saħħa tar-riżorsi intellettwali tagħhom, jistgħu jaqdu rwol deċiżiv u ta’ appoġġ fir-riformi soċjali estensivi, speċjalment fid-deċentralizzazzjoni u l-bini tad-demokrazija. L-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u korpi simili jistgħu jappoġġjaw lill-membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet billi jiżviluppaw metodi u strumenti, billi jitkellmu f’isimhom u jirrappreżentaw l-interessi komuni tagħhom, u billi jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ diversi provvedituri ta’ finanzjament fl-oqsma rispettivi tagħhom. Ikun tajjeb li nitgħallmu mill-esperjenza miksuba minn dawn l-assoċjazzjonijiet sabiex insaħħu d-demokrazija lokali u reġjonali fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Għaldaqstant jappella lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lil-livelli sottonazzjonali ta’ governanza tagħhom biex jappoġġjaw ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi msieħba;

19.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għarfien espert fil-biċċa l-kbira tal-oqsma li huwa kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ekoloġikament sostenibbli. Ta’ min isemmi l-esperjenza tagħhom kemm f’termini ta’ ħidma prattika kif ukoll ta’ kontroll politiku, pereżempju fl-oqsma tas-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, l-intraprenditorija lokali u l-prerekwiżiti għall-istabbiliment ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, it-trasport u l-infrastruttura, l-ambjent u r-riżorsi naturali inkluż l-agrikoltura, iżda wkoll f’oqsma li jirrikjedu responsabbiltajiet aktar estensivi bħall-iżgurar ta’ demokrazija ġenwina u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Dan l-għarfien espert jista’ jintlaħaq faċilment u jiġi mobilizzat mill-awtoritajiet lokali u reġjonali direttament jew mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali, Ewropej jew globali tagħhom, u permezz tal-KtR;

20.

jinnota li fl-2008 il-Kummissjoni Ewropea appellat għall-iżvilupp ta’ approċċ olistiku li jqis l-awtoritajiet lokali bħala atturi tal-iżvilupp fil-livell globali, Ewropew u nazzjonali, billi pproponiet tliet għodod taħt il-patroċinju tal-KtR, fid-dawl tar-rwol tiegħu li jipprovdi vuċi lill-awtoritajiet lokali fil-livell tal-UE; ifakkar li l-Atlas dwar il-Kooperazzjoni Deċentralizzata li joħloq mappa tal-attivitajiet u l-aħjar prattiki, il-pjattaforma ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq l-internet li tqabbel il-ħiliet u l-kapaċitajiet mal-ħtiġijiet, u l-Konferenza tal-Kooperazzjoni Deċentralizzata għad-Djalogu Politiku issa nħolqu bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u netwerks ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u fil-pajjiżi msieħba, bħall-Grupp ta’ Ħidma “Platforma” fi ħdan il-Kunsill tal-Muniċipji u r-Reġjuni Ewropej (CEMR, Council of European Municipalities and Regions); jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-UE u fil-pajjiżi msieħba biex jużaw aktar dawn l-istrumenti fl-interess ta’ koerenza akbar u titjib fl-effikaċja tal-għajnuna;

21.

jinnota li b’segwitu għad-djalogu strutturat dwar it-tema tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li laqqa’ lill-istituzzjonijiet tal-UE mar-rappreżentanti tas-soċejtà ċivili u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-Kummissjoni tipproponi it-twaqqif ta’ forum permanenti ta’ livell għoli dwar il-kwistjonijiet tal-iżvilupp. Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ din l-inizjattiva u jistenna li jkompli jaqdi r-rwol istituzzjonali tiegħu. Il-Kumitat iqis li forum formali jikkontribwixxi għall-istituzzjonalizzazzjoni tad-djalogu u għal kontenut ta’ kwalità aħjar, u jwassal għal dibattiti sistematiċi dwar kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp, b’aġġornamenti regolari, opinjonijiet esperti u skambju ta’ esperjenzi. Il-Kumitat jilqa’ wkoll il-komunikazzjonijiet imħabbra dwar ir-rwol tal-NGOs u tal-awtoritajiet lokali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni tiġi appoġġjata b’mod formali u fuq din il-bażi tkompli u tiżviluppa aktar. L-importanza ta’ din il-kooperazzjoni ħarġet fid-dieher waqt il-Konferenza biannwali tal-Kooperazzoni Deċentralizzata kif ukoll fid-djalogu strutturat;

Kummenti dwar l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR)

22.

jinnota li l-istrument tematiku għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem żdied bi kważi 35 % meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, iżda dan għadu jirrappreżenta parti żgħira ħafna tal-assistenza tal-UE għall-iżvilupp (madwar 2 %). Il-Kumitat jiddispjaċih li dan l-istrument orizzontali mhuwiex mogħni b’aktar riżorsi peress li jista’ jiġi applikat f’kull qasam ġeografiku u f’fażijiet differenti tal-iżvilupp u huwa ffukat fuq kwistjonijiet bażiċi bħar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem jew l-appoġġ u l-konsolidazzjoni tar-riformi demokratiċi

23.

jenfasizza li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huma valuri universali tal-UE u tal-komunità internazzjonali. Dawn il-valuri huma assi u vantaġġ li f’ħafna soċjetajiet huma protetti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, ġudikatura li taħdem sew, is-soċjetà ċivili, il-mezzi tax-xandir u partijiet interessati oħra;

24.

iqis li d-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu promossi u jingħataw aktar viżibbiltà fl-oqsma kollha tas-soċjetà. Għaldaqstant, il-Kumitat iqis li fil-qafas ta’ dan l-istrument għandha ssir aktar enfasi fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali b’rabta mal-bini ta’ istituzzjonijiet;

25.

iqis li l-livell amministrattiv l-aktar qrib taċ-ċittadini jista’ jimplimenta wkoll id-deċiżjonijiet nazzjonali b’mod li jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi jew il-kundizzjonijiet lokali u li dawn jiġu kkunsidrati, sabiex b’hekk jiġu evitati l-impatti negattivi li jista’ jkun hemm fuq id-drittijiet tar-residenti lokali, pereżempju rigward ir-rekwiżiti relatati mal-lingwa jew l-identità etnika. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu wkoll fl-aħjar pożizzjoni biex jorganizzaw u jikkoordinaw miżuri ta’ sensibilizzazzjoni għall-gruppi lokali, bħal pereżempju għaż-żgħażagħ jew in-nisa, sabiex jinformawhom dwar id-drittijiet tal-bniedem tagħhom u dwar kif jistgħu jeżerċitawhom;

Kummenti dwar l-istrument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżviupp bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali (fil-qafas tal-Istrument għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp – DCI)

26.

jinsab ħerqan, bħall-awtoritajiet lokali u reġjonali li jirrappreżenta, biex jikkontribwixxi b’mod attiv biex tiġi implimentata l-proposta tal-Kummissjoni li testendi d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha mas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, permezz tal-għodod li żviluppa mal-Kummissjoni Ewropea u netwerks ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u fil-pajjiżi msieħba u permezz tal-forum permanenti l-ġdid ta’ livell għoli għall-iżvilupp;

27.

jilqa’ l-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jibqgħu jirċievu finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, iżda jenfasizza li jeħtieġ li ssir distinzjoni ċara bejn is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’termini kemm ta’ azzjonijiet politiċi kif ukoll ta’ strumenti u l-finanzjament reali;

28.

huwa favur li, fil-qafas tal-istrument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp għas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali (bl-Ingliż NSA-LA, non-state actors and local authorities), jiġu provduti aktar fondi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, il-fondi tqassmu b’mod inugwali bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivli u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jekk 25 % tal-fondi (meta mqabbel mal-15 % attwali) jiġu allokati għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, dawn ikunu jistgħu jużaw aħjar ir-rwol konsultattiv u l-għarfien espert tagħhom;

29.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jiżguraw żvilupp demokratiku fit-tul. Għandhom jingħataw biżżejjed riżorsi biex ikunu fuq l-istess livell bħall-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ li huma finanzjarjament b’saħħithom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi msieħba huma indispensabbli biex jikkoordinaw l-inizjattivi u azzjonijiet ta’ diversi atturi u biex jiżguraw li dawn l-inizjattivi jkunu konformi mal-politika ta’ żvilupp imfassla u ankrata politikament fil-livell lokali u reġjonali, tal-inqas sakemm l-inizjattivi u l-miżuri jkollhom l-għan li jipprovdu servizzi pubbliċi;

30.

jinnota li fil-qasam tal-ħidma għall-iżvilupp, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għarfien espert u esperjenzi imprezzabbli b’rabta mal-governanza u l-amministrazzjoni lokali u reġjonali, il-bini ta’ sistemi u pjattaformi għad-djalogu politiku, il-ħidma msaħħa u estiża tal-partit politiku kif ukoll l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tad-djalogu ċivili – fi kliem ieħor, għall-bini ta’ demokrazija soda u sostenibbli;

31.

jinnota li ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea għandhom tradizzjonijiet demokratiċi li ilhom jeżistu żmien twil, però f’bosta Stati Membri d-demokrazija għadha xi ħaġa ġdida u fraġli. L-esperjenzi u l-perspettivi differenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea għalhekk għandhom jiġu integrati fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-pajjiżi msieħba u jintużaw għar-riforma u/jew il-bini tal-istituzzjonijiet pubbliċi tal-pajjiżi msieħba, b’attenzjoni partikolari għall-awtonomija lokali, bħala l-livell ta’ gvern li huwa l-eqreb taċ-ċittadini, u bl-appoġġ u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili, li hija l-pedament tad-demokrazija;

32.

jenfasizza li t-tisħiħ tal-politiċi lokali u reġjonali eletti direttament u l-impjegati taċ-Ċivil fil-pajjiżi msieħba huwa ta’ importanza ċentrali għall-implimentazzjoni b’suċċess tar-riformi għad-deċentralizzazzjoni u l-ksib ta’ governanza responsabbli – governanza adatta għandha tkun kemm mezz kif ukoll għan tal-impenn tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp;

33.

jemmen li l-fehim tal-ħtieġa għal tibdil fis-sistema, kif ukoll ir-rieda li dan iseħħ fil-livelli kollha fl-istess waqt huma prerekwiżiti għal demokrazija aktar soda u servizzi mtejba fil-livell lokali. L-impenn politiku, ir-riżorsi liberi, il-qsim tal-kompetenzi u d-deċentralizzazzjoni jippromovu kunsens fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Sistema nazzjonali legali u finanzjarja li tagħmilha possibbli li jkun hemm obbligu ta’ rendikont fil-livell lokali u reġjonali tipprovdi l-kundizzjonijiet għat-titjib u t-teħid ta’ responsabbiltà neċessarju minn atturi lokali għall-ippjanar tal-ambjent lokali;

Kummenti dwar l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI)

34.

jilqa’ l-proposta għal Strument Ewropew ta’ Viċinat u huwa tal-fehma li l-proposta li ssir ir-riforma neċessarja tal-istrument attwali hija pass fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, il-Kumitat jixtieq jipproponi xi tibdil biex ikomplu jitjiebu l-impatt u l-effikaċja tal-għajnuna għall-viċinat;

35.

bil-għan li tinkiseb id-demokrazija msaħħa u sostenibbli mixtieqa mill-UE, jipproponi għadd ta’ punti speċifiċi biex jiġu enfasizzati d-deċentralizzazzjoni, id-demokrazija lokali kif ukoll l-iżvilupp tal-kapaċità għall-prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi lokali u reġjonali;

36.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex f’dan l-istrument talloka fondi għall-programmi li jippromovu d-demokrazija fil-livell lokali u reġjonali u d-deċentralizzazzjoni. Għandu jiġi żgurat li l-benefiċjarji u l-imsieħba potenzjali jkunu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kooperazzjoni;

37.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tispeċifika li l-kooperazzjoni transkonfinali, inkluża l-kooperazzjoni bejn pajjiżi differenti, ma tkunx limitata għal dawk il-pajjiżi li jkollhom fruntieri diretti ma’ xulxin, iżda tinkludi wkoll, indipendetement mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipji kollha tal-UE. Huwa importanti li jiġu kondiviżi b’mod transkonfinali l-esperjenzi, l-għarfien u l-eżempji tal-proċeduri tajba tagħhom, irrispettivament mid-distanza fiżika tagħhom, u fil-każ tar-reġuni ultraperiferiċi hemm bżonn li jiġi eliminat il-kriterju ta’ eliġibbiltà 150 km stabbilit fl-Istrument Ewropew ta’ Viċinat;

38.

jinnota li f’ħafna każijiet, ir-rekwiżit ta’ kofinanzjament għall-implimentazzjoni ta’ proġetti relatati mal-politika ta’ viċinat jostakola l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. F’ċerti pajjiżi, il-livell ta’ kofinanzjament jikkontradixxi l-leġislazzjoni nazzjonali, li ma tipprevedix il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet sottonazzjonali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

39.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fir-regolament tikkonċentra aktar fuq il-kooperazzjoni istituzzjonali fi sħubija u fuq l-Istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX) (4) u biex teżamina f’aktar dettall kif dawn jistgħu jiġu promossi aktar. Il-fatt hu li ftit hemm ministeri responsabbli għall-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali li huma interessati jew jistgħu jipproponu dan it-tip ta’ kooperazzjoni jew ta’ TAIEX;

40.

iqis li r-rwol – li huwa meqjus ħafna u dejjem qed jiġi rikonoxxut aktar – allokat lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lis-soċjetà ċivili u l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom, fil-proċess ta’ konverżjoni minn sistemi ta’ partit wieħed u dittatorjati lejn id-demokrazija huwa importanti u jirrappreżenta valur miżjud li għandu jingħata aktar importanza fil-politika tal-viċinat tal-UE u l-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji;

41.

jinnota li fil-qafas tal-ħidma tiegħu jitwettqu skambju u kooperazzjoni intensivi u konkreti pereżempju mas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) u fil-Mediterran (ARLEM). B’hekk tinġibed l-attenzjoni, fost affarijiet oħra, għall-għanijiet tal-Istrateġiji tal-UE “L-Ewropa fid-dinja” u “Aġenda għall-Bidla”, anke lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni;

Kummenti dwar l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA)

42.

involva ruħu fl-iżvilupp ulterjuri tal-eżekuzzjoni tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni permezz ta’ opinjonijiet, workshops, gruppi ta’ ħidma u l-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali (LAF). Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ l-approċċ li ser iwassal biex dan l-istrument jipprovdi appoġġ orjentat aktar lejn ir-riżultati, flessibbli u speċifiku;

43.

jinnota li permezz ta’ approċċ f’diversi livelli u fi sħubija, l-UE trid tiżgura li tiġi provduta assistenza ta’ qabel l-adeżjoni effettiva u li jkollha impatt. Il-Kumitat jappoġġja dan l-impenn b’mod konkret, pereżempju permezz ta’ konferenzi u tar-reviżjoni tal-Atlas tal-kooperazzjoni deċentralizzata għall-iżvilupp. Il-Kumitat, flimkien mal-Kummissjoni, huwa responsabbli għall-programm ta’ ġestjoni lokali, li fil-qafas tiegħu qed jitwettqu żjarat ta’ studju għall-politiċi u l-uffiċjali tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kanditati potenzjali;

44.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffaċilita u tippromovi aktar skambji ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u li ma tippermettix li dawn l-iskambji jiġu ddominati prinċipalment mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri u mill-pajjiżi tat-tkabbir;

45.

jinnota li l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tat-tkabbir u l-pajjiżi ġirien, li ilha għaddejja żmien twil, saret dejjem aktar professjonali u l-Kumitat jenfasizza kemm huwa importanti li l-istrumenti ta’ finanzjament jkomplu jippromovu dan l-iżvilupp u jippermettu li jiġi intensifikat;

46.

iħeġġeġ li, b’mod partikolari fil-pajjiżi tat-tkabbir u l-pajjiżi ġirien, ikun hemm rabta aktar b’saħħitha bejn l-allokazzjoni ta’ fondi ta’ għajnuna u r-riżultati attwali li jinkisbu permezz tal-użu ta’ strumenti u indikaturi adatti, b’enfasi partikolari fuq id-deċentralizzazzjoni, il-governanza f’diversi livelli u għaldaqstant il-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell tat-teħid ta’ deċiżjonijiet rilevanti;

47.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li jiġu provduti r-riżorsi speċifiċi għall-estensjoni u l-bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tat-tkabbir u li jissaħħu l-għarfien u l-ħiliet. Minflok ma jiġu kkunsidrati u trattati bħala benefiċjarji passivi, il-muniċipji u r-reġjuni, li għandhom għarfien eċċellenti b’rabta mal-bżonnijiet, il-kundizzjonijiet u l-għanijiet realistiċi, għandhom jingħataw rwol ta’ atturi proattivi;

48.

iqis li, huma u jippruvaw jiddeterminaw b’mod aktar attiv il-bżonn ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet li ġġib magħha l-parteċipazzjoni msaħħa fl-implimentazzjoni tal-IPA, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jiksbu esperjenza fil-ħidma prattika qabel is-sħubija fl-UE. Ir-riżorsi jistgħu jintużaw pereżempju biex dawn l-atturi jitgħallmu kif ifasslu proġetti u kif jipprovdu l-appoġġ għalihom. B’ġestjoni deċentralizzata tar-riżorsi tal-IPA nkisbu esperjenzi tajbin f’bosta pajjiżi;

49.

jinnota li waħda mill-problemi fl-eżekuzzjoni tar-riżorsi tal-IPA hija l-korruzzjoni, u l-livelli kollha – lokali, reġjonali u nazzjonali – għandhom jirċievu appoġġ f’dan ir-rigward. Is-superviżjoni u l-appoġġ kontinwi u rigorużi għall-korpi ta’ kontroll, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivli, iżda wkoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali, huma ta’ importanza ewlenija għall-kontrolli neċessarji u biex wieħed jieħu r-responsabbiltà;

50.

jemmen li l-integrazzjoni mtejba tar-riżorsi tal-IPA fil-ħidma ta’ żvilupp li għaddejja bħalissa fil-livell lokali u reġjonali twassal biex il-governanza f’diversi livelli tissejjes fuq bażi soda u tissaħħaħ id-deċentralizzazzjoni. Il-bażi għal ħidma kontinwa tal-iżvilupp, anke mingħajr appoġġ estern, tiġi stabbilita permezz tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-programmi u l-proġetti, fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-monitoraġġ u l-kontroll;

51.

jinnota li f’ħafna pajjiżi tal-Blakani tal-Lvant qed isiru riformi soċjali radikali li jistgħu jiġu kkonsolidati u mħaffa permezz ta’ involviment ikbar tal-livelli politiċi lokali u reġjonali. F’ħafna każijiet m’hemmx riżorsi amministrattivi, finanzjarji u umani biżżejjed fil-livelli lokali u reġjonali għall-ġestjoni tal-IPA. Ir-riżorsi u l-kapaċitajiet jinsabu fil-livelli ċentrali, fatt li jkompli jsaħħaħ sistema li diġà hija ċentralizzata u li jdewwem il-parteċipazzjoni tal-minoranzi u tal-atturi politiċi lokali u reġjonali;

52.

jinnota li meta tiġi imponuta deċentralizzazzjoni tas-setgħat biss u ma tkunx akkumpanjata minn deċentralizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, ir-riformi għad-deċentralizzazzjoni sikwit jiġu mfixkla minħabba n-nuqqas ta’ kapaċitajiet fil-livelli lokali u reġjonali. L-UE, permezz tal-ġestjoni tal-IPA, tista’ tħaffef il-proċessi paralleli meħtieġa biex jiġu kkoordinati s-setgħat u r-riżorsi;

Kummenti dwar l-Istrument ta’ Sħubija

53.

jinnota li l-Istrument ta’ Sħubija jikkonċerna pajjiżi bħal pereżempju ċ-Ċina, il-Brażil, l-Afrika t’Isfel u r-Russja. Huwa intiż primarjament għall-promozzjoni u l-iżvilupp tal-kummerċ u tal-kuntatti bejn dawn il-pajjiżi u l-UE. L-enfasi hija fuq aspetti bħall-klima, l-ambjent u l-kummerċ;

54.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istatistika nazzjonali tista’ taħbi ż-żoni foqra wara l-medja nazzjonali tad-Dħul Nazzjonali Gross għal kull ras. Ir-reġjuni żvantaġġati f’pajjiżi bi żvilupp ekonomiku tajjeb ma jistgħu japplikaw għall-ebda appoġġ ħlief fil-qafas tal-istrument ta’ sħubija. Għaldaqstant, il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu kkunsidrati d-differenzi reġjonali, bħad-distribuzzjoni tad-dħul u l-livell ta’ faqar f’żoni individwali. Il-Kummissjoni għandha tiftaħ djalogu mal-pajjiżi kkonċernati dwar l-importanza ta’ żvilupp komprensiv u ġenerali u b’hekk tħeġġeġ il-promozzjoni tal-koeżjoni reġjonali, sabiex il-pajjiż ikkonċernat ikun jista’ jitlob l-għajnuna finanzjarja tal-UE;

55.

ifakkar li l-Istrument għandu jintuża wkoll għat-tisħiħ tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, għar-riformi ġenerali tas-settur tal-benesseri u biex jiġu provduti riżorsi bil-għan li jissaħħu l-awtoritajiet lokali u reġjonali u li jiġu promossi s-sħubija u l-iżvilupp demokratiku ta’ dawn il-pajjiżi.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

COM(2011) 838 final

Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 2

Artikolu 2

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament issegwi l-għanijiet speċifiċi li ġejjin skont il-ħtiġijiet ta’ kull pajjiż benefiċjarju u l-aġenda individwali ta’ tkabbir tagħhom:

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament issegwi l-għanijiet speċifiċi li ġejjin skont il-ħtiġijiet ta’ kull pajjiż benefiċjarju u l-aġenda individwali ta’ tkabbir tagħhom:

(a)

Appoġġ għar-riformi politiċi, inter alia:

(a)

Appoġġ għar-riformi politiċi, inter alia:

(i).

it-tisħiħ ta' istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, inkluż l-implimentazzjoni tagħhom;

(i).

it-tisħiħ ta' istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, inkluż l-implimentazzjoni tagħhom;

(ii)

il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett imsaħħaħ lejn id-drittijiet tal-minoranzi, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni, il-libertà tal-istampa kif ukoll il-promożżjoni ta' relazzjonijiet tajba ta’ viċinat;

(ii)

il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett imsaħħaħ lejn id-drittijiet tal-minoranzi, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni, il-libertà tal-istampa kif ukoll il-promożżjoni ta' relazzjonijiet tajba ta’ viċinat;

(iii).

il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

(iii).

il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

(iv).

ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u l-governanza tajba;

(iv).

ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u l-governanza tajba;

(v).

l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-djalogu soċjali;

(v).

l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-djalogu soċjali;

(vi).

ir-rikonċiljazzjoni, il-miżuri tal-bini tal-paċi u l-bini tal-kunfidenza.

(vi).

ir-rikonċiljazzjoni, il-miżuri tal-bini tal-paċi u l-bini tal-kunfidenza.

Raġuni

Il-kwistjoni tal-bini tal-kapaċità demokratika hija partikolarment importanti fil-livell lokali u reġjonali. Għalhekk, dan l-aspett għandu jingħata attenzjoni speċjali. L-emenda tirreferi għall-punt 45 tal-Opinjoni.

Emenda 2

COM(2011) 839 final

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 4

Artikolu 4

3.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu, fil-prinċipju, jkun kofinanzjat mill-pajjiżi benefiċjarji permezz ta’ fondi pubbliċi, kontribuzzjonijiet mill-benefiċjarji u sorsi oħra. L-istess prinċipju għandu jkun applikabbli għall-kooperazjoni mal-Federazzjoni Russa, b’mod partikolari fir-rigward tal-programmi msemmija fl-Artikolu 6(1) (c). Tista’ ssir deroga mir-rekwiżiti ta’ kofinanzjament f’każijiet debitament ġustifikati u meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi sostnut l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u ta’ atturi mhux statali, mingħajr preġudizzju għall-konformità ma’ kondizzjonijiet oħrajn stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

3.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu, fil-prinċipju, jkun kofinanzjat mill-pajjiżi benefiċjarji permezz ta’ fondi pubbliċi, kontribuzzjonijiet mill-benefiċjarji u sorsi oħra. L-istess prinċipju għandu jkun applikabbli għall-kooperazjoni mal-Federazzjoni Russa, b’mod partikolari fir-rigward tal-programmi msemmija fl-Artikolu 6(1) (c). Tista’ ssir deroga mir-rekwiżiti ta’ kofinanzjament f’każijiet debitament ġustifikati u meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi sostnut l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u ta’ atturi mhux statali, mingħajr preġudizzju għall-konformità ma’ kondizzjonijiet oħrajn stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

Raġuni

F’xi każijiet ir-rekwiżit ta’ kofinanzjament jista’ jwaqqaf lill-awtoritajiet lokali jew reġjonali fil-pajjiżi msieħba (li għandhom ikunu l-benefiċjarji ewlenin ta’ dawn il-programmi) milli jippreżentaw proġetti vijabbli u siewja. Billi l-bini tad-demokrazija lokali jinsab fost il-prijoritajiet tal-programm, dan għandu jkun ukoll waħda mir-raġunijiet għaliex tkun tista’ ssir deroga mir-rekwiżiti ta’ konfinanzjament f’ċerti ċirkostanzi.

Emenda 3

COM(2011) 840 final

Artikolu 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 8

Artikolu 8

1.   L-objettiv tal-programm dwar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp għandu jkun li jiffinanzja inizjattivi fil-qasam tal-iżvilupp minn jew għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali li joriġinaw mill-pajjiżi msieħba, l-Unjoni, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali.

1.   L-objettiv tal-programm dwar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp għandu jkun li jiffinanzja inizjattivi fil-qasam tal-iżvilupp minn jew għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali li joriġinaw mill-pajjiżi msieħba, l-Unjoni, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali.

2.   Oqsma dettaljati tal-attivitajiet li għandhom ikunu segwiti mill-assistenza tal-Unjoni skont dan l-Artikolu, kif ukoll lista indikattiva tal-kategoriji tal-organizzazzjonijiet tas-soċjeta ċivili u l-awtoritajiet lokali, huma deskritti fl-Anness V.

2.   Oqsma dettaljati tal-attivitajiet li għandhom ikunu segwiti mill-assistenza tal-Unjoni skont dan l-Artikolu, kif ukoll lista indikattiva tal-kategoriji tal-organizzazzjonijiet tas-soċjeta ċivili u l-awtoritajiet lokali, huma deskritti fl-Anness V.

Raġuni

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan il-programm għandu jkun miftuħ ukoll għall-kooperazzjoni mal-“awtoritajiet reġjonali” mill-pajjiżi msieħba, kandidati jew kandidati potenzjali. Fl-istess ħin, għandu jiġi enfasizzat li ta’ sikwit l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom rwoli differenti x’jaqdu fil-kuntest speċifiku ta’ pajjiż jew proġett partikolari. L-emenda tirreferi għall-punt 25 tal-kummenti ġenerali tal-Opinjoni tal-KtR.

Emenda 4

COM(2011) 838 final

Artikolu 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 14

Artikolu 14

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu mill-2014 sal-2020 ikun EUR 14 110 100 000 (prezzijiet kurrenti). Sa 3 % tal-ammont finanzjarju ta' referenza jiġi allokat għall-programmi ta' koperazzjoni transkonfinali bejn pajjiżi benefiċjarji u Stati Membri tal-UE.

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu mill-2014 sal-2020 ikun EUR 14 110 100 000 (prezzijiet kurrenti). Sa 3 % tal-ammont finanzjarju ta' referenza jiġi allokat għall-programmi ta' koperazzjoni transkonfinali bejn pajjiżi benefiċjarji u Stati Membri tal-UE .

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-Unjoni.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-Unjoni.

3.   Kif imsemmi fil-Artikolu 13, paragrafu 2 tar-Regolament “Erasmus għal Kulħadd”, ammont indikattiv ta’ EUR 1 812 100 000 mill-istrumenti esterni differenti (Strument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, Strument Ewropew tal-Viċinat, Strument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni, Strument tas-Sħubija u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp), se jkun allokat għal azzjonijiet ta’ mobbiltà fit-tagħlim minn u lejn pajjiżi mhux tal-UE u għall-kooperazzjoni u djalogu politiku mal-awtoritajiet/istituzzjonijiet/organizzazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament “Erasmus għal Kulħadd” se japplikaw għall-użu ta’ dawn il-fondi.

3.   Kif imsemmi fil-Artikolu 13, paragrafu 2 tar-Regolament “Erasmus għal Kulħadd”, ammont indikattiv ta’ EUR 1 812 100 000 mill-istrumenti esterni differenti (Strument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, Strument Ewropew tal-Viċinat, Strument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni, Strument tas-Sħubija u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp), se jkun allokat għal azzjonijiet ta’ mobbiltà fit-tagħlimminn u lejn pajjiżi mhux tal-UE u għall-kooperazzjoni u djalogu politiku mal-awtoritajiet/istituzzjonijiet/organizzazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament “Erasmus għal Kulħadd” se japplikaw għall-użu ta’ dawn il-fondi.

L-iffinanzjar se jkun disponibbli permezz ta' 2 allokazzjonijiet multiannwali li jkopru biss l-ewwel 4 snin u t-3 non l-oħra rispettivament. Dan il-finanzjament se jkun rif’ess fl-ipprogrammar indikattiv multiannwali, f’konformità mal-bżonnijiet identifikati u l-prijoritajiet tal-pajjiżi konċernati. L-allokazzjonijiet jistgħu jiġu riveduti f'każ ta' ċirkustanzi imprevisti maġġuri jew tibdiliet politiċi importanti f'konformità mal-prijoritajiet esterni tal-UE.

L-iffinanzjar se jkun disponibbli permezz ta' 2 allokazzjonijiet multiannwali li jkopru biss l-ewwel 4 snin u t-3 non l-oħra rispettivament. Dan il-finanzjament se jkun rif’ess fl-ipprogrammar indikattiv multiannwali, f’konformità mal-bżonnijiet identifikati u l-prijoritajiet tal-pajjiżi konċernati. L-allokazzjonijiet jistgħu jiġu riveduti f'każ ta' ċirkustanzi imprevisti maġġuri jew tibdiliet politiċi importanti f'konformità mal-prijoritajiet esterni tal-UE.

Raġuni

L-emenda tkompli tibni fuq l-emenda preċedenti – il-bini tal-kapaċità lokali u reġjonali għandu jkun waħda mill-prijoritajiet li jiġu riflessi fl-allokazzjoni finanzjarja (din l-emenda hi bbażata fuq il-punt 45 tal-kummenti ġenerali).

Emenda 5

COM(2011) 839 final

Artikolu 18

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 18

Artikolu 18

1.   Il-pakkett finanzjarju disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ bejn l-2014 sal-2020 għandu jkun EUR 18 182 300 000 (prezzijiet attwali). Sa 5 % tal-pakkett finanzjarju għandu jkun allokat lill-programmi ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali msemmijin fl-Artikolu 6(1) (c).

1.   Il-pakkett finanzjarju disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ bejn l-2014 sal-2020 għandu jkun EUR 18 182 300 000 (prezzijiet attwali). Sa 5 % tal-pakkett finanzjarju għandu jkun allokat lill-programmi ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali msemmijin fl-Artikolu 6(1) (c).

Raġuni

L-iżvilupp tad-demokrazija fil-livell lokali u reġjonali huwa prekundizzjoni importanti għal elementi oħra tal-għanijiet stabbiliti tal-istrument. Għalhekk, ammont mill-għajnuna finanzjarja għandu jiġi allokat għall-proġetti f’dan il-qasam. L-emenda tiffereri għall-punt 34 tal-Opinjoni.

Brussell, 9 ta’ Ottubru 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla, COM(2011) 637 final.

(2)  Il-pakkett “L-Ewropa fid-dinja” jew “Ewropa Globali” jinkludi COM(2011) 865, COM(2011) 842, COM(2011) 837, COM(2011) 838, COM(2011) 839, COM(2011) 840, COM(2011) 843 u COM(2011) 844.

(3)  L-Aġenda 21 (adottata fl-1992 f’Rio de Janeiro), is-Summit tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2000, id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2005, Busan 2011, ir-Riżoluzzjoni 251 (2008) ‘City Diplomacy’ (id-diplomazija tal-bliet) tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Forum ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tan-NU tas-6 ta’ Lulju 2012.

(4)  TAIEX: “Technical Assistance and Information Exchange Instrument”, strument ta’ appoġġ għall-pajjiżi msieħba biex jadattaw lilhom innifishom għall-leġislazzjoni tal-UE.