31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi”

COM(2011) 689 final

2012/C 229/16

Relatur: is-Sur TOPOLÁNSZKY

Nhar il-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi

COM(2011) 689 final

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ April 2012.

Matul il-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 118-il vot favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

1.1   jilqa’ l-proposti tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u jaqbel li, fl-interess ta’ Ewropa aktar b’saħħita, hemm bżonn ta’ azzjoni aktar determinata u li jrid jinstab bilanċ bejn il-miżuri li jaħdmu b’mod effikaċi fuq il-provvista tad-drogi u dawk fuq id-domanda;

1.2   għalhekk huwa diżappuntat li l-Komunikazzjoni tirrappreżenta pass lura meta mqabbla ma’ dak li kien hemm qabel li kien ibbilanċjat u bbażat fuq il-kunsens, minħabba l-enfasi tagħha li jxaqleb għal kollox lejn it-tnaqqis tal-provvista;

1.3   ma jħossx li approċċ ibbażat fuq ir-regolamentazzjoni u l-liġi tal-kodiċi kriminali huma biżżejjed, u jappella għat-tfassil ta’ strateġija ġdida tal-UE dwar id-drogi, ibbażata fuq valutazzjoni fil-fond tal-istrateġija attwali dwar id-drogi li dalwaqt ser tiskadi;

1.4   jinsab imħasseb dwar it-tibdil fil-prijoritajiet tal-politika tal-appoġġ, u jixtieq li jerġa’ jiġi stabbilit approċċ ibbilanċjat f’dan ir-rigward;

1.5   jappoġġja armonizzazzjoni akbar fil-miżuri nazzjonali li jiġġieldu kontra t-traffikar tad-drogi, u jirrakkomanda li l-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-liġi kriminali tiġi estiża għal forom differenti ta’ abbuż tad-drogi;

1.6   jirrakkomanda li tiġi żviluppata u użata sistema ta’ valutazzjoni indipendenti u xjentifika dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-provvista, u li jiġu assigurati riżorsi adegwati għal dawn il-miżuri;

1.7   jaqbel mal-miżuri ta’ konfiska u rkupru tal-assi kriminali, u jirrakkomanda li tal-anqas parti minn dawn l-assi li jinkisbu mill-konfiski jiġu użati biex jappoġġjaw l-attivitajiet tat-tnaqqis tad-domanda li huma nieqsa ħafna mill-fondi;

1.8   jenfasizza li att regolatorju mhuwiex biżżejjed biex jitratta drogi ġodda u perikolużi, u li fi kwalunkwe każ dan irid jiġi implimentat bħala parti minn qafas ta’ politika integrata u komprensiva ta’ intervent; l-effikaċja ta’ dan it-tip ta’ qafas trid tiġi ssorveljata u vvalutata kontinwament;

1.9   iħoss li s-sezzjoni tal-Komunikazzjoni dwar it-tnaqqis fid-domanda hija wisq ġenerika u sproporzjonata, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tibda tiżviluppa mekkaniżmi istituzzjonali li jiżguraw li jitwettqu inizjattivi ta’ politika li jkollhom suċċess ibbażati fuq evidenza xjentifika;

1.10   jemmen bi sħiħ li fuq perjodu medju hija meħtieġa politika komprensiva u koordinata dwar id-dipendenza, li tkopri l-problema tal-konsum tad-drogi psikoattivi kollha, kemm “legali” kif ukoll “illegali”, biex jiġi żgurat li l-politiki individwali ma jaħdmux kontra xulxin;

1.11   jappoġġja l-ħidma tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-UE dwar id-droga u jirrakkomanda li fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jingħata aktar każ tal-għarfien espert ta’ dan il-korp.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi (1).

2.2   Il-KESE jaqbel mad-dokument li, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, “ir-reazzjoni Ewropea għad-drogi jeħtieġ li tkun qawwija u deċiżiva, u li tindirizza kemm id-domanda għad-drogi kif ukoll il-provvista tad-drogi”. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tagħti impetu ġdid lill-politika tal-UE kontra d-drogi, u jaqbel li “L-azzjoni tal-UE għandha tkun iffukata fejn tikseb aktar valur miżjud.”

2.3   Fl-istess waqt, il-Kumitat huwa diżappuntat li l-Komunikazzjoni tirrappreżenta pass lura meta mqabbla ma’ dak li kien hemm qabel, li kien ibbilanċjat fil-miżuri relatati mal-provvista u d-domanda u bbażat fuq il-kunsens. Fil-parti l-kbira, l-enfasi tal-Komunikazzjoni xxaqleb biss lejn l-istrumenti legali li jnaqssu l-provvista, filwaqt li l-għanijiet għat-tnaqqis tad-domanda huma ġeneriċi ħafna.

2.4   Il-Kumitat huwa diżappuntat li fil-qasam tal-użu tad-droga, id-dokument jidher li jinjora aspetti wesgħin tal-politika soċjali relatati mad-drittijiet tal-bniedem filwaqt li jenfasizza strumenti regolatorji u tal-liġi kriminali li rarament ġew evalwati xjentifikament u li, fid-dawl tad-data attwali, hemm dubji dwar kemm huma effikaċi barra li jiswew aktar (2).

2.5   Il-Kumitat jemmen li l-miżuri għat-tnaqqis tal-provvista jidhru raġonevoli jekk ikunu jiffurmaw parti minn sistema strateġika. Huwa importanti li tiġi evitata enfasi żejda fuq il-politika kriminali, li għandha tintuża biss bħala l-aħħar miżura. Il-politika m’għandiex tkun karatterizzata mill-possibbiltà li nitbegħdu mill-istrumenti ta’ prevenzjoni tal-istess Ewropea li appoġġjat strateġija globali b’diversi strumenti, b’kuntrast għall-approċċ simplistiku, punittiv, li ftit juri rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u li jintuża f’ħafna partijiet tad-dinja.

2.6   Il-KESE jemmen li fir-rigward tal-politika tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-problemi marbutin mad-drogi u abbażi ta’ valutazzjoni tal-istrateġija attwali, hemm bżonn li titfassal, tiġi diskussa u adottata strateġija ġdida fuq il-bażi ta’ kunsens, li tesprimi l-impenn kondiviż tal-Istati Membri favur il-ħsieb strateġiku attwali, programmi ta’ azzjoni u politiki ta’ ffinanzjar (l-aħjar taħlita ta’ politiki), li jippreżentaw ċertu bilanċ u li huma appoġġjati fuq il-valuri fundamentali tat-Trattat ta’ Lisbona.

2.7   B’konformità mal-prinċipju fundamentali li skontu Stat ma jistax joħloq danni jew riskji akbar minn dawk li għandu l-ħsieb li jħares minnhom, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu deċiżjonali li jippermetti li politika tinbidel mingħajr dewmien jekk valutazzjoni indipendenti turi li qed ikollha riżultati negattivi.

3.   Finanzi

3.1   Il-KESE jinsab imħasseb dwar it-tibdil u t-tnaqqis fil-prijoritajiet finanzjarji tal-Kummissjoni Ewropea. Il-programm “Is-Saħħa għat-Tkabbir”, fil-kuntest tat-tielet programm finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020, ma jindirizzax l-kwistjoni tad-drogi u miżuri għat-tnaqqis fid-domanda għad-drogi. Lanqas ma jsemmi r-riżorsi meħtieġa għat-tnaqqis tad-domanda b’konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Drogi u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha.

3.2   Fl-istess waqt, l-appoġġ għall-prijoritajiet stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni għall-Programm tal-Ġustizzja u l-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza inbidel, bl-enfasi titpoġġa fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità bħala risposta għall-problemi tad-droga. Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni li tadatta l-politika tagħha ta’ finanzjar b’koerenza mal-bżonnijiet ta’ approċċ strateġiku bbilanċjat.

4.   Kontenut speċifiku

4.1   Abbuż u traffikar tad-drogi

4.1.1   Fid-diskussjoni tagħha dwar it-traffikar tad-drogi, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li s-suq tad-drogi jinbidel kontinwament, flimkien mal-metodi innovattivi u t-teknoloġiji l-ġodda li jintużaw biex id-drogi jiddaħħlu bil-kuntrabandu. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ koordinazzjoni mtejba bejn l-inizjattivi li jiġġieldu t-traffikar tad-drogi bħala risposta effikaċi għal dawn il-fenomeni negattivi.

4.1.2   Id-dokument jenfasizza li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (3) issa jagħmilha possibbli li jissaħħu l-istrumenti legali u politiċi tal-ġlieda kontra d-drogi. Jindika wkoll li ċerti strumenti leġislattivi (4)“ftit li xejn ġab[u] xi allinjament tal-miżuri nazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.” [Ma kkontribwixxewx] biżżejjed sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’każijiet ta’ traffikar tad-droga” (5).

4.1.3   F’dan ir-rigward il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipproponi strumenti legali ġodda. L-ewwel, hemm il-ħsieb li jiġu stabbiliti standards minimi komuni biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi aggravanti jew attenwanti fil-ġlieda kontra n-netwerks ewlenin li jittraffikaw id-drogi fil-fruntieri; it-tieni billi titjieb id-definizzjoni tal-offiżi u s-sanzjonijiet, u t-tielet, billi jiddaħħlu obbligi aktar b’saħħithom ta’ rappurtar għall-Istati Membri.

4.1.4   Għalkemm il-Kumitat bażikament jaqbel mal-konklużjonijiet tad-dokument, jenfasizza li dawn l-isforzi jista’ jkollhom suċċess biss jekk ikun hemm disponibbli strumenti adegwati li jkejlu r-riżultati kif ukoll indikaturi validi fir-rigward tal-l-azzjonijiet li jnaqqsu l-provvista tad-drogi. Għaldaqstant huwa jitlob li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ valutazzjoni u ta’ segwitu li jkunu jistgħu jkejlu l-impatt u l-kosteffettività reali ta’ dawn l-azzjonijiet u jappoġġja l-ħidma li bdiet fuq l-iżvilupp ta’ indikaturi adegwati (6)

4.1.5   Il-KESE jenfasizza li fir-rigward tat-tnaqqis tal-provvista, l-ammont ta’ riżorsi allokati għall-valutazzjoni tal-istrumenti relatati mal-azzjonijiet huwa baxx wisq meta mqabbel mal-ħsara li ssir lid-drittijiet fundamentali, fil-livell ġuridiku, ta’ dawk li jiddependu mid-droga, meta dawn la mhu qed jagħmlu ħsara lil terzi persuni u lanqas m’huma qed jaġixxu bi skop ta’ qligħ.

4.1.6   Il-KESE jirrakkomanda li fl-ispirtu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (7) rilevanti, l-isforzi biex il-liġijiet kriminali jiġu armonizzati għandhom jestendu għall-oqsma li fihom hemm diskrepanzi kbar fil-prattiki tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri (standards, sanzjonijiet, infurzar, eżenzjonijiet) marbutin ma’ forom partikolari ta’ mġiba kriminali. Xi wħud minn dawn id-diskrepanzi tant huma kbar li żgur imorru kontra d-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċertezza legali. Fil-fehma tal-KESE, bħalissa dan japplika għall-każijiet ta’ abbuż mid-droga (8)

4.1.7   Il-KESE jfakkar li l-armonizzazzjoni ta’ pieni minimi prevista mill-UE m’għandhiex twassal għal pieni massimi ogħla f’kull Stat Membru. Il-Kumitat jindika wkoll li politika orjentata lejn it-tnaqqis tal-provvista tista’ twassal messaġġ ta’ telf ta’ kontroll mill-politiċi u għalhekk irid jintlaħaq bilanċ ġust bejn deterrenti kriminali meħtieġa u l-azzjonijiet indispensabbli fit-trattament u l-appoġġ.

4.1.8   Il-KESE jħoss li l-istrateġiji tal-ġustizzja kriminali jridu jiżviluppaw b’risposta għat-tnaqqis tal-ħsara soċjali u dik relatata mas-saħħa marbuta mas-suq tad-drogi. Fl-istess waqt, hemm bżonn li tiġi promossa s-sigurtà tal-individwi u tas-soċjetà minflok approċċ ibbażat biss fuq il-prevenzjoni tat-traffikar tad-drogi.

4.2   Il-prekursuri tad-drogi

4.2.1   Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni f’dan il-kapitolu tal-Komunikazzjoni, u jaqbel ukoll li l-miżuri attwali u dawk ippjanati għandhom jassiguraw kontroll effettiv tal-użu illegali mingħajr ma jiġi ostakolat il-kummerċ legali ta’ dawn is-sustanzi.

4.2.2   Il-Kumitat jaqbel li hemm bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjon internazzjonali f’dan il-qasam, għalkemm hemm diverġenzi kbar f’termini ta’ aċċess għad-data, il-kwalità tad-data u l-possibbiltajiet ta’ rappurtar, partikolarment għall-pajjiżi terzi kkonċernati.

4.3   Il-konfiska u l-irkupru ta’ assi kriminali

4.3.1   Il-KESE japprova l-isfozi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u jħoss li l-istrumenti leġislattivi msemmija huma proporzjonati u adatti bħala risposta għas-sitwazzjoni. Għalhekk il-fatt li dawn ma kinux effikaċi għal diversi raġunijiet huwa ta’ dispjaċir.

4.3.2   Għaldaqstant il-Kumitat huwa favur it-tħejjija ta’ leġislazzjoni ġdida tal-UE li tkun aktar stretta, u li l-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri jitwessa’ għal dan il-qasam.

4.3.3   Il-KESE jirrakkomanda li tal-anqas xi wħud mill-assi konfiskati jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw il-miżuri li jnaqqsu d-domanda, li minkejja li dejjem huma nieqsa mill-fondi, huma l-aktar mod effettiv fil-ġlieda kontra tal-użu tad-drogi u biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tagħhom.

4.4   Sustanzi ġodda psikoattivi

4.4.1   Essenzjalment, il-KESE jaqbel mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sustanzi psikoattivi l-ġodda. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li regolamentazzjoni ġenerika tirrispondi għall-aspettattivi tal-pubbliku u ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f’termini ta’ verifika ta’ malajr tad-drogi l-ġodda; madankollu mingħajr analiżi ġenwina tar-riskju ppreżentat minn dawn is-sustanzi differenti tista’ ssir ħsara lil interessi leġittimi farmaċewtiċi u industrijali. Fl-istess waqt, il-KESE jħoss li l-metodu attwali ta’ analiżi tar-riskju huma bbażati aktar fuq analiżi kimika u forensika milli fuq approċċ multidixxipplinari.

4.4.2   Il-KESE jenfasizza li att regolatorju mhuwiex biżżejjed biex jitratta drogi ġodda u perikolużi, u li regolamentazzjoni bħal din trid tiġi implimentata bħala parti minn qafas integrat u komprensiv ta’ politika għall-azzjoni; l-effikaċja ta’ dan it-tip ta’ qafas trid tiġi ssorveljata u vvalutata kontinwament. Jistgħu jinħolqu riskji ġodda mhux intenzjonati (il-konverżjoni għal sustanzi ġodda, il-kriminalizzazzjoni, il-prezzijiet għola fis-suq, il-projbizzjoni awtomatika ta’ sustanzi utli jew il-kontrolli fuqhom, il-konsum bil-moħbi, ir-riskji addizzjonali marbutin ma’ suq illegali, eċċ.). Il-KESE huwa diżappuntat li l-istrumenti regolatorji proposti ma jqisux dawn il-kwistjonijiet.

4.4.3   Il-KESE jħoss li huwa importanti li meta s-sustanzi jiżdiedu mal-lista, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jipproponu wkoll miżuri li jindirizzaw l-impatt li għandu l-konsum ta’ sustanzi psikoattvi fuq is-soċjetà u s-saħħa, filwaqt li possibbilment jiġu kkunsidrati alternattivi regolatorji mingħajr ma l-konsumatur jiġi kriminalizzat b’mod dirett. Il-Kumitat jenfasizza li s-soluzzjoni ta’ problemi fil-qasam tal-ġbir tad-data, it-titjib l-interattività tal-fluss tal-informazzjoni, it-taħriġ tal-ispeċjalisti, il-komunikazzjoni kredibbli bl-għajnuna ta’ metodi u teknoloġiji l-aktar moderni, l-iżvilupp ta’ leġislazzjoni u kontroll f’rabta mal-protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll l-iżvilupp u l-provvista tat-trattament u s-servizzi ta’ appoġġ meħtieġa tifforma parti neċessarja minn dan l-approċċ.

4.4.4   Il-KESE jqajjem il-problema li r-risposti leġislattivi għas-sustanzi l-ġodda jkomplu joskuraw il-problemi kkawżati minn sustanzi psikoattivi “qodma” mhux ikkontrollati (alkoħol, nikotina, xi alluċinoġeni industrijali eċċ), li spiss huma aktar serji.

4.5   It-tnaqqis tad-domanda għad-drogi

4.5.1   Il-KESE huwa diżappuntat b’din is-sezzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni li bażikament toffri biss ġeneralitajiet. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa iktar approċċ strateġiku li jikkontribwixxi lejn l-infurzar ta’ drittijiet bażiċi ta’ trattament kemm f’termini kwalitattivi kif ukoll f’dawk kwantitattivi.

4.5.2   Minħabba f’hekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni mhux biss li taħdem fuq it-tfassil ta’ livelli ta’ kwalità iżda li tikkontribwixxi wkoll biex l-Istati Membri jimplimentaw politiki ta’ finanzjar li jirriflettu approċċ ibbilanċjat.

4.5.3   Il-kopertura, l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ firxa wiesa’ ta’ servizzi mmirati li jnaqqsu l-ħsara lis-saħħa (HIV/AIDS l-epatite u overdose) u intiżi għal persuni bi problemi marbutin mad-drogi, għandhom jiġu garantiti mal-Ewropa kollha. Dawn is-servizzi jinkludu trattamenti ta’ detossifikazzjoni, residenzjali, ta’ out-patient u bbażati f’komunità, rijabilitazzjoni, reintegrazzjoni, trattament ta’ sostituzzjoni u servizzi ta’ tibdil ta’ labar. Il-firxa sħiħa tal-programmi għandhom ikunu disponibbli bl-istess mod fil-ħabsijiet u għal popolazzjonijiet minoritarji u gruppu f’riskju ta’ diskriminazzjoni.

4.5.4   Il-KESE iqis li l-politiki dwar id-drogi tal-UE u tal-Istati Membri għandhom jagħtu preferenza lid-dispożizzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa u t-trattament għall-persuni fil-bżonn iktar milli l-kriminalizzazzjoni u l-ikkastigar tal-persuni esposti għal problemi relatati mad-drogi.

4.5.5   Il-KESE jixtieq jindika li l-Unjoni Ewropea bħalissa m’għandha l-ebda mezz biex tiddixxipplina jew tissanzjona Stati Membri li, b’vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ma jadottawx approċċ li jkun joffri l-provvista ta’ trattament xjentifikament validat, anke meta jkun hemm riskju għall-ħajja.

4.5.6   Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kommissjoni li tibda tiżviluppa mekkaniżmi istituzzjonali biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw ġenwinament inizjattivi ta’ politika bbażati fuq evidenza xjentifika u li jħaddmu l-mekkaniżmi finanzjarji meħtieġa b’mod ibbilanċjat u transparenti.

4.6   Il-kooperazzjoni internazzjonali

4.6.1   Il-KESE japprova d-djalogu mal-pajjiżi ta’ produzzjoni u tranżitu u mal-politika tal-provvista ta’ assistenza teknika u ta’ appoġġ u jissuġġerixxi wkoll li dawn l-attivitajiet jissaħħu.

4.6.2   Jaqbel li, fl-istess waqt li jkun qed jiġi segwit approċċ bilanċjat u komprensiv b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, l-UE għandha żżid l-impenn tagħha mal-pajjiżi ġirien, ma’ msieħba strateġiċi, u tul ir-rotot tal-provvista tad-droga fl-UE.

4.6.3   Il-Kumitat japprezza r-riżultati li nkisbu miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga minn mindu twaqqaf, f’termini ta’ monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drogi, b’titjib fid-dixxiplina u l-kwalità tal-ġbir tad-data, u l-iżvilupp ta’ approċċ tekniku komuni.

4.6.4   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tħejji valutazzjoni tas-sitwazzjoni rigward it-tibdil soċjali kkawżat mill-kriżi ekonomika persistenti u li tiffoka b’mod partikolari fuq ix-xejriet relatati mal-konsum u tat-traffikar tad-droga.

4.6.5   Għalkemm il-Kumitat jagħraf l-importanza tat-tliet Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drogi (9) u r-riżultati li kisbu, jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għall-kuntrarju tal-miri ddikjarati tagħhom, il-konvenzjonijiet ma żgurawx aċċess legali għad-drogi li jkun adegwat u ġust f’ħafna pajjiżi, inkluż fl-Ewropa. Mill-banda l-oħra, il-produzzjoni u l-konsum illegali, aktar milli naqsu, żdiedu b’mod sinifikanti, u s-sistemi attwali mhux dejjem jassiguraw miżuri li ġew pruvati xjentifikament li jibbenefikaw is-saħħa u l-benesseri.

4.6.6   Għalhekk, il-Kumitat jipproponi li, sakemm ikun hemm kunsens bejn l-Istati Membri u waqt li jitqiesu d-drittijiet tal-biedem u l-evidenza xjentifika, l-Unjoni Ewropea għandha titkellem favur il-konvenzjoni tan-NU dwar id-drogi u l-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li żżomm pożizzjoni ta’ sorveljanza. Jekk hemm bżonn, tista’ tesprimi opinjoni dwar l-aġġornar tal-konvenzjonijiet.

4.6.7   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-ħidma tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-UE dwar id-droga u jirrakkomanda li l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jagħtu aktar każ tal-għarfien espert ta’ dan il-korp. Il-KESE japprezza l-opportunità li jkun osservatur tal-attivitajiet ta’ dan il-korp.

5.   It-triq ’il quddiem

5.1   Fid-dawl tal-Artikoli 11(3) u 11(4) tat-Trattat ta’ Lisbona, il-KESE jirrakkomanda sforzi akbar lejn djalogu soċjali ġenwin li fih jipparteċipaw kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri. Fl-ispirtu ta’ demokrazija parteċipattiva, għandhom jipparteċipaw ukoll gruppi professjonali u jekk possibbli l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fil-proċess tal-ippjanar strateġiku sabiex il-koordinazzjoni tal-Istat tista’ tiġi vvalutata direttament mis-soċjetà ċivili u l-professjonisti.

5.2   Il-Kumitat iħoss li hemm bżonn ta’ approċċ b’żewġ aspetti fl-ippjanar tal-politika. Fuq naħa waħda, hemm bżonn ta’ approċċ mifrux fil-livell tal-UE li jippermetti li jinħolqu s-sinerġiji bis-saħħa tal-armonizzazzjoni tal-approċċi permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra, hemm bżonn ta’ approċċi lokali li jiżguraw li l-politiki tal-UE jistgħu jiġu żviluppati fuq il-bażi mhux ta’ preokkupazzjonijiet astratti iżda tal-ħtiġijiet attwali tal-komunitajiet lokali, u b’kooperazzjoni magħhom.

5.3   Il-KESE jemmen bi sħiħ li fuq perjodu medju hija meħtieġa politika komprensiva u koordinata dwar id-dipendenza, li tkopri l-problema tal-konsumtad-drogi psikoattivi kollha, kemm “legali” kif ukoll “illegali”. Kif jinsabu l-affarijiet bħalissa, għal raġunijiet politiċi u legali hemm separazzjoni artifiċjali bejn dawn iż-żewġ politiċi, li jużaw għodod differenti ħafna li għandhom it-tendenza li jaħdmu kontra xulxin minflok ma jsaħħu lil xulxin. Fl-istess waqt, minħabba l-bżonn li tiġi assigurata ċ-ċertezza legali u jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, id-diskrepanzi sinifikanti fil-forza vinkolanti ta’ politiki governattivi bħal dawn iqajmu ċerti dubji.

5.4   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffaċilita l-proċess lejn l-għoti tal-aċċess għal użu medikali kkontrollat tal-kannabis mediċinali u l-firxa sħiħa tal-metodi ta’ trattament ta’ sostituzzjoni.

5.5   Il-KESE jikkritika l-approċċ tal-politika fil-livell tal-UE dwar l-akoħol, sustanza li qed toħloq problemi soċjali ħafna akbar; għalhekk iżomm mal-pożizzjoni li ħa f’opinjonijiet korrettivi preċedenti (10) li ħeġġew lill-Kummissjoni biex taġixxi b’mod deċiżiv f’dan ir-rigward.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 689 final

(2)  Attwalment f’ħafna pajjiżi, l-istrumenti kriminali jolqtu l-aktar lil dawk li huma dipendenti mid-droga u jolqtu biss b’mod ħafif ħafna lil dawk li jittraffikaw id-drogi.

(3)  Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 83(1).

(4)  pereżempju id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal- 25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi. (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 94–97)

(5)  COM(2011) 689 final.

(6)  L-Ewwel Konferenza Ewropea dwar l-indikaturi tal-provvista tad-drogi. Inizjattiva konġunta biex jiġu żviluppati għażliet sostenibbli għall-monitoraġġ tas-suq tad-drogi, il-kriminalità u l-attivitajiet tat-tnaqqis tal-provvista, Kummissjoni Ewropea, 20-22 ta’ Ottubru 2010.

(7)  COM(2011) 573 final

(8)  Filfatt, l-istess offiża (l-iskambju ta’ kwantitajiet żgħar ta’ drogi bejn konsumaturi) tista’ twassal għal piena ta’ ħabs ta’ bejn sentejn u ħames snin f’xi pajjiżi filwaqt li fi Stati Membri oħra r-risposta ddur għall-użu ta’ strumenti tal-politika ta’ appoġġ tal-Istat jew tar-reġjun (ħolqien ta’ impjiegi, assistenza rigward id-dar, benefiċċji eċċ.).

(9)  Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi (Single Convention on Narcotic Drugs) tal-1961, emendata bil-Protokoll tal-1972, Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi (Convention on Psychotropic Substances) tal-1971, Konvenzjoni Kontra t-Traffikar Illeċitu fis-Sustanzi Narkotiċi u Psikotropiċi (Convention Against Illicit Trafficking in Narcotic and Psychotropic Substances) tal-1988.

(10)  ĠU C 175, 2007.7.27, p. 78-84.

ĠU C 318, 2009.12.23, p. 10-14