31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku”

COM(2011) 782 final

2012/C 229/05

Relatur: is-Sur PARIZA

Nhar it-13 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Atlantiku.

Nhar il-21 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku

COM(2011) 782 final

Nhar is-6 ta’ Diċembru 2011 il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta struzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma dwar is-suġġett, u b’hekk bidel l-opinjoni fuq inizjattiva proprja f’konsultazzjoni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’151 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-kosta Atlantika Ewropea, li hija l-bieb tal-Punent tal-Ewropa, għandha ssaħħaħ ir-rwol ċentrali tagħha u tevita r-riskju li tispiċċa iżolata miċ-ċentru politiku u ekonomiku tal-Ewropa. Permezz tal-Atlantiku, l-Ewropa tistabbilixxi rabtiet ekonomiċi u politiċi mal-Amerika u l-Afrika.

1.2   Il-makroreġjun tal-Atlantiku jinkludi r-reġjuni u l-gżejjer tal-kosta tal-Atlantiku tal-Irlanda, ir-Renju Unit, Franza, Spanja u l-Portugall. L-Islanda, li tinsab fil-proċess ta’ adeżjoni, għandha tiġi inkluża, bħalma għanha tiġi inkluża n-Norveġja, li hija membru taż-ŻEE. L-istess japplika għall-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe. Minkejja li r-reġjuni tal-Baħar tat-Tramuntana għandhom l-istess interessi fiż-żona tal-Atlantiku, fil-futur jistgħu jniedu strateġija speċifika.

1.3   L-Atlantiku Ewropew għandu tradizzjoni importanti ta’ kooperazzjoni politika biex tingħata spinta lil azzjonijiet ta’ interess komuni fi proġetti fil-qafas ta’ programmi transnazzjonali Ewropej. F’din il-kooperazzjoni hemm involuti kemm l-awtoritajiet reġjonali kif ukoll is-soċjetà ċivili.

1.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-Atlantiku fil-kuntest tal-Politika Marittima Integrata: l-appoġġ kemm għas-setturi ekonomiċi emerġenti ġodda, kif ukoll għal stimolu mill-ġdid lis-setturi tradizzjonali, fil-qafas ta’ approċċ ta’ żvilupp sostenibbli.

1.5   Iżda l-KESE jipproponi approċċ aktar ambizzjuż: Strateġija Makroreġjonali li, flimkien mal-pilastru marittimu, tinkludi l-pilastru territorjali, waqt li jitqiesu l-esperjenzi tar-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tar-Reġjun tad-Danubju.

1.6   Il-proposta tal-KESE hija appoġġjata mill-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, mill-gvernijiet tar-reġjuni tal-Kummissjoni Ark Atlantiku, mill-kunsilli ekonomiċi u soċjali fin-netwerk transnazzjonali tal-Atlantiku, kif ukoll minn diversi partijiet interessati tas-soċjetà ċivili (intraprendituri, trejdjunjins, kmamar tal-kummerċ, bliet, eċċ.).

1.7   Il-KESE jqis li l-Forum Atlantiku stabbilit fl-Istrateġija Marittima tal-Atlantiku huwa l-ewwel pass biex l-Istrateġija Marittima tal-Atlantiku tiġi ttrasformata fi strateġija makroreġjonali. Il-Forum ser juża l-esperjenza miksuba fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-affarijiet marittimi, sabiex jinbidel fil-Forum Makroreġjonali tal-futur, li ser jiddefinixxi l-linji strateġiċi komuni ta’ azzjoni u l-proġetti prijoritarji għall-koeżjoni territorjali tar-reġjuni tal-Atlantiku.

1.8   Il-KESE, membru tal-grupp ta’ mexxejja tal-Forum Atlantiku, ippropona li n-Netwerk Transnazzjonali Atlantiku (NTA) tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali jipparteċipa wkoll fil-Forum, peress li huma atturi li jaġixxu f’dak il-qasam u huma indispensabbli għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Sabiex il-Pjan ta’ Azzjoni jirnexxi għandhom jipparteċipaw fit-tfassil tiegħu l-iktar atturi soċjali u reġjonali importanti.

1.9   L-għanijiet prijoritarji tal-makroreġjun tal-Atlantiku għandhom ikunu bbażati fuq il-pilastri tematiċi tal-Istrateġija UE2020. Il-KESE jqis li l-istrateġija tal-Atlantiku hija importanti ħafna, mhux biss għar-reġjuni involuti, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea kollha.

1.10   L-Istrateġija tal-Atlantiku għandha tkun involuta kemm fil-politiki settorjali kif ukoll fil-politika ta’ koeżjoni, u għaldaqstant, il-KESE jipproponi li jingħelbu l-limitazzjonijiet tar-“rifjut triplu”, sabiex l-istrateġiji makroreġjonali fil-futur ikollhom il-leġislazzjoni adegwata il-finanzjament speċifiku u l-istrutturi amministrattivi meħtieġa.

2.   L-istrateġiji makroreġjonali fl-UE: strumenti ġodda ta’ kooperazzjoni u koeżjoni territorjali.

2.1   F’Ġunju 2009, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Strateġija Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (1), li, permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni territorjali, tiddefinixxi qafas ġeografiku strateġiku multisettorjali u integrat permezz ta’ diversi għanijiet speċifiċi sabiex jiġu solvuti problemi komuni. Wara tnediet l-istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju (2).

2.2   Il-Kummissjoni tirreferi għall-makroreġjuni bħala żona li tinkludi għadd ta’ reġjuni amministrattivi iżda bi kwistjonijiet komuni biżżejjed li jiġġustifika approċċ strateġiku wieħed (3). Il-makroreġjuni, ibbażati fuq żona ġeografika, huma definiti fil-livell funzjonali.

2.3   Il-kundizzjonijiet amministrattivi, regolatorji u finanzjarji huma bbażati fuq “ir-rifjut triplu”: le għal finanzjament addizzjonali, le għal strutturi amministrattivi ġodda u le għal dispożizzjonijiet leġislattivi ġodda. Minkejja li din kienet il-kundizzjoni li l-Istati Membri mponew fuq il-Kunsill, il-KESE ma jaqbilx ma’ dawn ir-restrizzjonijiet.

2.4   Fl-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku jipparteċipaw tmien Stati Membri tal-UE u tliet Stati ġirien.

2.5   Fl-2011 l-UE nediet l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju, li jipparteċipaw fiha tmien Stati Membri tal-UE u sitt pajjiżi terzi (4).

2.6   L-ewwel valutazzjoni tal-funzjonament tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku (5) turi riżultat sodisfaċenti bħala strument biex itejjeb il-kooperazzjoni makroreġjonali, sabiex jingħelbu l-isfidi u jinħatfu l-opportunitajiet offruti mid-dimensjonijiet reġjonali u nazzjonali, u bħala strument utli ħafna għall-għan tal-koeżjoni territorjali u l-Istrateġija Ewropa 2020.

2.7   Il-KESE jappoġġja l-ħtieġa li dan it-tip ta’ strument jiġi estiż għal makroreġjuni li jistgħu jżidu l-valur.

2.8   It-Trattat ta’ Lisbona, li flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali jinkorpora l-għan tal-koeżjoni territorjali, jirrappreżenta stimolu għall-istrateġiji makroreġjonali.

2.9   L-Aġenda Territorjali 2020 (6) adottata f’Mejju 2011 f’Gödöllö tadotta approċċ innovattiv ibbażat fuq il-post, “place-based approach”, waqt li tqis l-istrateġiji makroreġjonali eżistenti.

2.10   Il-politika ta’ koeżjoni hija l-istrument fundamentali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-politika territorjali tal-UE u jiġi stimolat l-iżvilupp endoġenu tal-makroreġjuni.

2.11   Il-proċess ta’ definizzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid tal-UE u tal-politika ta’ koeżjoni tal-perjodu 2014-2020 diġà qiegħed fis-seħħ.

2.12   Il-kooperazzjoni territorjali tibqa’ objettiv tal-politika ta’ koeżjoni, li żżid il-baġit tagħha. Ser tkun koperta minn Regolament u ser tkun tinkludi speċifikament “forom ġodda ta’ kooperazzjoni territorjali, tweġibiet imfassla apposta sabiex jindirizzaw sfidi makroreġjonali (7).

3.   Ir-Reġjun tal-Atlantiku

3.1   Il-parti Atlantika Ewropea (Anness I) tikkostitwixxi żona ġeografika wiesgħa mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, fundamentalment marbuta bl-Oċean Atlantiku. Il-makroreġjun tal-Atlantiku jinkludi r-reġjuni u l-gżejjer tal-kosta tal-Atlantiku tal-Irlanda, ir-Renju Unit, Franza, Spanja u l-Portugall. L-Islanda, li bħalissa qed tinnegozja l-adeżjoni tagħha, hija wkoll involuta, u l-istess jgħodd għan-Norveġja, li hija membru taż-ŻEE, għall-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe.

3.2   Is-sitwazzjoni tar-reġjun lejn il-Punent tal-kontinent Ewropew u l-ftuħ tiegħu għall-baħar kienu għal sekli twal fatturi ewlieni ta’ dinamiżmu u prosperità.

3.3   Id-dimensjoni marittima hija karatteristika essenzjali ta’ din iż-żona, li l-wirt ekonomiku, teknoloġiku u kulturali komuni tagħha jinkludi attivitajiet bħas-sajd, it-tarzna, l-industrija tal-metall, l-inġinerija, ir-riċerka u x-xjenza, il-portijiet, il-kummerċ u t-trasport marittimu.

3.4   Il-kosta Atlantika Ewropea qiegħda f’sitwazzjoni periferali u iżolata miċ-ċentru politiku u ekonomiku tal-Ewropa. Flimkien ma’ dawn jiżdiedu d-diffikultajiet ta’ aċċessibbiltà, nuqqas ta’ infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija u tal-komunikazzjoni bejn ir-reġjuni tal-Atlantiku u maż-żoni l-aktar sinjuri tal-Ewropa.

3.4.1   Il-maġġoranza tar-reġjuni tal-Atlantiku għandhom livell ta’ dħul taħt il-medja Komunitarja, u wħud mir-reġjuni jinstabu fi ħdan l-objettiv tal-konverġenza tal-politika ta’ koeżjoni (Anness II).

3.4.2   Is-sitwazzjoni sejra għall-agħar, u qed ikun hemm rigress importanti fl-attivitajiet tradizzjonali tal-Atlantiku, b’kapaċità żejda li naqqset drastikament il-forza tax-xogħol u l-qbid fis-settur tas-sajd, bi tnaqqis ta’ tarzni, u trasport marittimu u tal-port li mhumiex qed jintużaw biżżejjed.

3.5   Min-naħa l-oħra, l-Atlantiku għandu riżorsi siewja li mhumiex sfruttati, li jistgħu jikkostitwixxu sorsi ta’ ġid, ta’ diversifikazzjoni ekonomika, ta’ ħolqien ta’ impjiegi u ta’ titjib ambjentali, bħal ma huma l-enerġiji rinnovabbli tal-baħar, ir-riżorsi tas-saff ta’ taħt il-ħamrija, il-bijoteknoloġiji tal-baħar, l-attivitajiet nawtiċi ta’ divertiment u turiżmu, fost oħrajn.

3.6   Il-KESE jqis li ż-Żona Atlantika hija magħmula minn taħlita eteroġena ta’ territorji bl-isfidi tagħhom għall-iżvilupp, li l-unità u l-ispeċifiċità tagħhom jinsabu fin-natura marittima tagħhom u miftuħa għad-dinja, u fis-sitwazzjoni periferika tagħhom, iżolata u nieqsa minn konnessjoni adegwata maċ-ċentri politiċi u ekonomiċi Ewropej.

4.   Il-Komunikazzjoni “Niżviluppaw strateġija marittima għaż-żona tal-Oċean Atlantiku”

4.1   Fuq talba tal-Kunsill u tal-Parlament, fil-21 ta’ Novembru l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni bit-titolu “Niżviluppaw strateġija marittima għaż-żona tal-Oċean Atlantiku” (8).

4.2   Bil-għan primarju li jiġu promossi t-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli, l-Istrateġija tindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet tal-Oċean Atlantiku miġbura f’ħames suġġetti relatati ma’ xulxin:

4.2.1

L-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku, skont liema l-attivitajiet relatati mal-baħar għandhom jiġu ġestiti b’mod li l-ekosistema tinżamm b’saħħitha u tkun produttiva. L-Istrateġija tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ tliet oqsma: is-sajd, l-akkwakultura u s-sistemi ta’ osservazzjoni.

4.2.2

It-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-Ewropa, taħt tliet taqsimiet: l-enerġija mir-riħ tal-baħar, l-enerġiji tal-baħar u t-trasport marittimu.

4.2.3

L-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi naturali fqiegħ l-oċean Atlantiku huwa mmirat lejn il-promozzjoni tas-sostenibbiltà, ir-riċerka u l-għarfien.

4.2.4

Ir-reazzjoni għal theddid u emerġenzi, li jirriżultaw kemm minn inċidenti kif ukoll minn diżastri naturali, li ttejjeb is-sigurtà u l-koordinazzjoni.

4.2.5

Tkabbir soċjalment inklużiv, peress li ħafna komunitajiet Atlantiċi għandhom bżonn joħolqu impjiegi ġodda f’attivitajiet emerġenti sabiex jissostitwixxu l-attivitajiet tradizzjonali li sejrin lura.

4.3   L-Istrumenti tal-UE huma taħlita strateġika tal-istrumenti finanzjarji u leġislattivi tal-UE.

4.4   L-implimentazzjoni tal-Istrateġija: għandu jiġi adottat Pjan ta’ Azzjoni sa tmiem l-2013.

4.4.1   L-għodod li ser jiġu użati huma: il-kooperazzjoni politika, xi miżuri speċifiċi fil-qafas ta’ ftehimiet u strutturi eżistenti, u t-taħlita tal-istrumenti leġislattivi u finanzjarji.

4.4.2   Għandu jinħoloq Forum Atlantiku, li jipparteċipaw fih l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-awtoritajiet reġjonali, is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-industriji eżistenti. Il-Forum, li beda fl-2012 u ser jiġi xolt fl-2013, ser jinkludi workshops tematiċi u grupp ta’ riflessjoni.

5.   Kummenti ġenerali

5.1   Il-KESE jilqa’ b’mod pożittiv l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li tipproponi approċċ fuq livell tal-baċir Atlantiku tal-Politika Marittima Integrata Ewropea (PMI). Il-PMI tipprovdi qafas komuni għall-politiki settorjali kollha b’impatt fuq il-baħar, filwaqt li jiġu evitati inkonsistenzi u ineffiċjenzi.

5.2   Il-KESE jqis li implimentazzjoni konkreta tal-PMI fl-Atlantiku tippermetti approċċ ġdid għall-iżvilupp tal-politiki relatati mal-baħar u sfruttament tal-opportunitajiet li għandu l-Atlantiku għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

5.3   Il-KESE jappoġġja l-approċċ li hija bbażata fuqu l-istrateġija: l-appoġġ kemm għas-setturi ekonomiċi emerġenti ġodda, kif ukoll għal stimolu mill-ġdid lis-setturi tradizzjonali, fil-qafas ta’ approċċ ta’ żvilupp sostenibbli.

5.4   Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-enerġiji tal-baħar rinnovabbli jkollhom l-appoġġ politiku u l-appoġġ finanzjarju massimu min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE peress li dawn jippermettu li titnaqqas il-marka tal-karbonju fl-Ewropa u jiġġeneraw attività industrijali u ekonomika importanti ħafna madwarhom, li tmur lil hinn mill-inħawi tal-portijiet qrib l-istallazzjonijiet tat-turbini tar-riħ.

5.5   L-Istrateġija għandha sservi bħala xprun tal-kapaċitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u produzzjoni tal-industrija tal-enerġija tal-baħar, tal-industrija awżiljarja tagħha u tan-netwerk ta’ loġistika tagħha fir-reġjuni tal-Atlantiku. Dan jippermetti kemm id-diversifikazzjoni tal-istruttura ekonomika u kif ukoll l-orjentazzjoni mill-ġdid tas-setturi li jkunu sejrin lura.

5.6   Dawn il-kapaċitajiet ma jinkludux biss it-turbini tar-riħ fissi iżda wkoll it-turbini tar-riħ li jżommu fil-wiċċ.

5.7   Il-mewġ u l-mareji jikkostitwixxu riżorsa tal-enerġija u ekonomika ta’ potenzjal kbir, peress li dawn ir-riżorsi fl-Atlantiku huma fost l-aqwa fid-dinja kollha. Il-KESE jipproponi li l-Istrateġija dwar l-Atlantiku ssaħħaħ l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ dawn l-attivitajiet.

5.8   Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-baħar jeħtieġu l-konnessjoni bejn iċ-ċentri ewlenin ta’ produzzjoni u dawk tal-konsum. In-netwerks ta’ konnessjoni bejn iċ-ċentri ta’ ġenerazzjoni u dawk ta’ konsum huma fundamentali għall-użu tal-potenzjal tal-enerġija tal-baħar, u dan jeħtieġ li jkun hemm netwerks tal-elettriku marittimi konnessi man-netwerks fuq l-art.

5.9   It-tarzna hija wkoll attività ekonomika tradizzjonali tar-reġjuni tal-Atlantiku li teħtieġ appoġġ, iżda minn bażijiet ġodda. Il-bini ta’ bastimenti teknoloġikament avvanzati, ambjentalment aktar effiċjenti, li jikkonformaw ma’ leġislazzjonijiet stretti rigward il-livelli ta’ emissjonijiet u tniġġis, kif ukoll il-firxa differenti ta’ dgħajjes assoċjati mal-enerġiji mir-riħ tal-baħar, jikkostitwixxu setturi ġodda li joffru futur għat-tarzni tal-Atlantiku.

5.10   Is-sitwazzjoni ġeografika separata minn ħafna komunitajiet tal-kosta Atlantika, b’mod partikolari ta’ xi gżejjer, teħtieġ li t-teknoloġiji ġodda tal-komunikazzjoni jippermettu l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi innovattivi, il-ħolqien ta’ netwerks u l-kuntatt mas-swieq.

5.11   Il-KESE jipproponi li jissaħħu l-miżuri għal tkabbir soċjalment inklużiv fir-reġjuni tal-Atlantiku. It-taħriġ, speċjalment taż-żgħażagħ, huwa fundamentali. Għandu jiġi assigurat li l-għarfien u l-ħiliet jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet, in-negozji u ċ-ċentri ta’ tagħlim sekondarju għandha tittejjeb. Għandu jissaħħaħ id-djalogu soċjali.

5.12   Is-sajd huwa settur li sofra minn telf sinifikanti fl-impjiegi fid-deċennji reċenti, u għalhekk il-KESE jikkunsidra li l-lokalitajiet kostali tradizzjonalment involuti f’din l-attività jeħtieġu miżuri ta’ diversifikazzjoni u ta’ impetu għal attivitajiet ġodda. Is-sajd kostali fuq skala żgħira, il-ġbir tal-frott tal-baħar u l-akkwakultura huma l-aktar attivitajiet sostenibbli u huma fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ xi reġjuni kostali, u għalhekk għandhom importanza kulturali kbira.

5.13   Il-KESE jipproponi li jissaħħaħ l-użu tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, biex b’hekk jitnaqqas dak bit-toroq. L-awtostradi tal-baħar għandhom jiġu promossi, u għalhekk għandhom jittejbu s-sistemi ta’ intermodalità bejn il-portijiet u l-linji ferrovjarji.

5.14   Kif intwera f’diversi inċidenti, is-sigurtà fl-emerġenzi u t-theddid hija sfida kbira. Għandhom jiġu implimentati dispożizzjonijiet u sistemi li jsaħħu l-viġilanza u s-sigurtà. Il-KESE jipproponi rwol iktar importanti għall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, it-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-adozzjoni ta’ leġislazzjonijiet xierqa, li jistgħu jevitaw ir-riskji attwali.

5.15   L-Istrateġija Atlantika tirrappreżenta opportunità għar-reġjuni interessati. Il-KESE jipproponi li jiġi adottat approċċ ambizzjuż sabiex isir użu mir-riżorsi kollha.

5.16   Il-Forum Atlantiku għandu jilqa’ b’mod adegwat il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp strateġiku tal-Atlantiku. Huwa importanti ħafna li minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, jipparteċipaw ukoll l-awtoritajiet reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.17   Il-KESE, membru tal-grupp ta’ mexxejja tal-Forum Atlantiku, jipproponi li n-Netwerk Transnazzjonali Atlantiku (NTA) tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali jipparteċipa fil-Forum, peress li huma atturi li jaġixxu f’dak il-qasam u huma indispensabbli għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Sabiex il-Pjan ta’ Azzjoni jirnexxi għandhom jipparteċipaw fit-tfassil tiegħu l-iktar atturi soċjali u reġjonali importanti.

5.18   Il-Forum jista’ jkollu rwol importanti fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u tal-Istrateġija, u jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed tippjana x-xoljiment tiegħu fil-bidu tal-fażi operattiva tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-Kumitat jipproponi li l-Forum Atlantiku jibqa’ attiv anke wara t-tfassil tal-Pjan ta’ Azzjoni.

6.   Il-kooperazzjoni Atlantika: netwerks u proġetti transnazzjonali ta’ kooperazzjoni

6.1   Sabiex jippromovu l-iżvilupp ibbilanċjat tal-UE nħolqu n-netwerks tar-reġjuni tal-Irlanda, tar-Renju Unit, ta’ Franza, ta’ Spanja u tal-Portugall, tal-bliet u tas-soċjetà ċivili f’dawn ir-reġjuni: kunsilli ekonomiċi u soċjali, kmamar tal-kummerċ, trejdjunjins, organizzazzjonijiet tan-negozju, organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, NGOs, universitajiet, eċċ.

6.2   Il-Kummissjoni Ark Atlantiku  (9), waħda mis-sitt kummissjonijiet ġeografiċi tal-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi tal-Ewropa (CPMR), tinkludi 24 reġjun tal-Atlantiku. Dan huwa forum politiku dwar l-interessi tar-reġjuni li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni transnazzjonali Atlantika fost proġetti komuni. Bl-istess mod, il-bliet tal-Atlantiku jinkoraġġixxu objettivi simili fil-qasam tal-Konferenza tal-Bliet tal-Ark Atlantiku  (10).

6.3   In-Netwerk Transnazzjonali Atlantiku  (11) (NTA) ta’ aġenti ekonomiċi u soċjali ġie mwaqqaf fl-2003, fejn ipparteċipaw il-kunsilli ekonomiċi u soċjali u l-kontropartijiet tagħhom tal-kosta Atlantika Brittanika, Franċiża, Spanjola u Portugiża madwar pjattaforma ta’ kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili taż-żona tal-Atlantiku. L-għan tiegħu huwa li jippromovi l-kooperazzjoni u l-promozzjoni ta’ politiki li, fil-qafas tal-integrazzjoni Ewropea, għandhom impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tar-reġjuni tal-Atlantiku, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u l-koeżjoni soċjali u territorjali, u jegħlbu l-iżvantaġġ inerenti tas-sitwazzjoni ġeografika tagħhom.

6.4   L-NTA ħejja diversi studji u proposti fl-oqsma tal-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija, l-intermodalità fit-trasport tal-merkanzija, b’attenzjoni partikolari fuq it-trasport marittimu, il-portijiet u l-artijiet interni (“hinterlands”) tagħhom, u għas-sigurtà marittima taż-żona tal-Atlantiku. L-NTA reċentement ħadem fuq l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli tal-baħar u fuq l-Istrateġija Ewropea għall-Atlantiku

6.5   Jeżistu netwerks Atlantiċi oħra bħall-Kmamar tal-Agrikoltura tal-Ark Atlantiku (AC3A), u oħrajn fil-qasam universitarju. Il-Kummissjoni Ark Atlantiku ilha sa mill-2007 tilqa’ fi ħdan il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tagħha rappreżentanti minn dawn in-netwerks kollha, fi spazju komuni għal diskussjoni dwar kwistjonijiet strateġiċi għaż-żona tal-Atlantiku.

6.6   Il-kooperazzjoni tnediet fl-1989 permezz ta’ INTERREG. Fil-perjodu attwali ta’ programmar qegħdin jiġu żviluppati proġetti kbar ta’ natura integrali fl-oqsma tat-trasport u l-ħolqien ta’ cluster Atlantiku għall-enerġiji tal-baħar rinnovabbli.

6.7   Il-KESE jaqbel mat-tħassib tal-partijiet interessati: il-kooperazzjoni Atlantika sofriet mil-limitazzjonijiet tal-kooperazzjoni territorjali transnazzjonali b’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ viżjoni strateġika, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-proġetti, bir-riżultat ta’ telf ta’ sinerġiji, u l-proliferazzjoni ta’ proġetti ta’ natura mhux operattiva (12).

6.8   Il-KESE jqis li dan il-wirt ta’ kooperazzjoni dinamika u diversifikata bejn il-partijiet interessati tal-Atlantiku huwa bażi solida ħafna għall-implimentazzjoni ta’ esperjenzi ġodda ta’ kooperazzjoni b’ambizzjoni akbar u dimensjoni strateġika.

7.   Il-proposta tal-KESE: Strateġija Makroreġjonali għaż-Żona Atlantika

7.1   Il-KESE jqis li l-istrateġija makroreġjonali hija strument xieraq għar-reġjun Atlantiku. Il-promozzjoni tal-iżvilupp endoġenu tal-makroreġjun Atlantiku permezz ta’ strateġija ta’ firxa wiesgħa, ser tqiegħed liż-Żona Atlantika f’pożizzjoni aħjar għall-għanijiet tal-UE u tal-Istrateġija Ewropa 2020.

7.2   Il-Kunsill talab lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ikomplu jinkoraġġixxu l-istrateġiji makroreġjonali attwali u jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ oħrajn fil-futur.

7.3   Il-KESE jqis li r-raġunijiet ta’ bilanċ territorjali fl-UE jiġġustifika t-tħeġġiġ ta’ strateġija makroreġjonali fl-Atlantiku li tippermetti li jiġu indirizzati l-isfidi transnazzjonali li jaffettwaw din iż-żona. Is-sitwazzjoni tal-Ark Atlantiku fil-Punent tal-Ewropa hija enfasizzata bl-impetu mogħti lir-reġjuni tat-Tramuntana u taċ-ċentru tal-UE biż-żewġ strateġiji makroreġjonali attwali.

7.4   Il-preparazzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 u l-konfigurazzjoni tal-politiki waqt il-perjodu l-ġdid joffru l-opportunità li minn issa jiġu adottati d-deċiżjonijiet xierqa.

7.5   Strateġija makroreġjonali hija opportunità biex tiġi sfruttata l-esperjenza rikka u intensa ta’ kooperazzjoni akkumulata u ssir qabża fil-kwalità lejn forom ta’ kooperazzjoni aktar kumplessi u ambizzjużi, iżda ż-Żona tal-Atlantiku teħtieġ tiżviluppa proġetti koumuni fuq skala kbira li ma jistgħux iseħħu permezz tal-istrumenti attwali.

7.6   Id-dimensjoni marittima Atlantika tikkawża ħafna mill-isfidi u opportunitajiet taż-Żona tal-Atlantiku, iżda meta jitqies li r-relazzjoni tagħha mat-territorju hija fundamentali, il-KESE jipproponi li flimkien mad-dimensjoni marittima tiġi inkorporata dik territorjali. It-territorju kontinentali jamministra u jiżviluppa l-artijiet interni, li mingħajrhom it-tisħiħ tal-potenzjal marittimu jkun nieqes minn kull sinifikat. Il-kosta marittima teħtieġ art interna attiva, dinamika u b’sinerġiji li jippermettu l-iżvilupp konsistenti tar-reġjun kollu.

7.7   Il-Parlament Ewropew iddikjara li huwa wkoll hu favur approċċ makroreġjonali li jinkludi pilastru marittimu u pilastru territorjali fiż-żona tal-Atlantiku (13).

8.   Struttura u pilastri tematiċi

8.1   Il-KESE jirrakkomanda li jiġi adottat qafas simili għall-Istrateġija tal-Baltiku:

8.1.1   Dokument strateġiku ċar u orjentat lejn l-azzjoni, li fih jinġabru l-pilastri tematiċi.

8.1.2   Pjan ta’ azzjoni bl-azzjonijiet prijoritarji li jiżviluppaw il-pilastri tematiċi u l-proġetti ewlenin.

8.1.3   Il-KESE jqis li hu meħtieġ li jiġu introdotti sistemi li jevalwaw il-progress tal-Istrateġija, peress li huwa proċess dinamiku u innovattiv li għandu jinkludi mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u reviżjoni.

8.2   Il-KESE jipproponi li l-Istrateġija Makroreġjonali għar-Reġjun tal-Atlantiku tissejjes fuq il-pilastri tematiċi tal-Istrateġija Ewropa 2020. B’dan il-mod il-kontenut tematiku u l-politiki settorjali jkunu relatati ma’ xulxin b’mod integrat.

8.3   Dimensjoni internazzjonali

8.3.1   L-Islanda u n-Norveġja huma żewġ pajjiżi Ewropej li anke huma jagħmlu parti mir-Reġjun Atlantiku u għandhom jipparteċipaw fl-istrateġija makroreġjonali, l-istess bħall-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe. L-Istati Membri tar-Reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana wkoll jistgħu jkunu interessati li jniedu strateġija makroreġjonali għal dan is-settur.

8.3.2   Il-pożizzjoni ġeopolitika tal-Atlantiku, ir-rabtiet storiċi u kulturali u l-esperjenza ta’ kooperazzjoni għandhom jiġu integrati fi strateġija makroreġjonali Atlantika. Id-dimensjoni trans-Atlantika hija fundamentali, u r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti tal-Amerika, l-Amerika Ċentrali u tan-Nofsinhar u l-Afrika huma strateġiċi għall-UE.

8.4   Tkabbir sostenibbli

8.4.1   Ir-reġjun Atlantiku jeħtieġ sistema ta’ trasport aktar sostenibbli sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq it-trasport bit-triq, li għandu rati ogħla ta’ emissjonijiet tas-CO2 minn mezzi oħra. It-traffiku għandu jiġi ttrasferit lejn il-baħar billi jissaħħaħ t-trasport marittimu: l-awtostradi tal-baħar u l-konnessjonijiet tal-portijiet fuq l-art, billi jintużaw b’mod prijoritarju l-linji ferrovjarji. Dan jinvolvi l-ippjanar taż-żoni tal-portijiet, ir-relazzjonijiet bejn il-portijiet u l-bliet u n-netwerks u l-pjattaformi tat-trasport kollha. Is-sigurtà marittima u l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u reazzjoni għad-diżastri għandhom jiġu inklużi.

8.4.2   Is-sostenibbiltà tal-ambjent tal-baħar hija interrelatata u hija vulnerabbli ħafna għall-pressjonijiet minn attivitajiet diversi tal-bniedem, inklużi t-tniġġis mifrux tal-art u l-ilmijiet interni li jintremew fl-Atlantiku.

8.4.3   Is-sostenibbiltà tal-kosta u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali għandhom jinkludu, minbarra l-attivitajiet ekonomiċi u ta’ tniġġis tal-kosta, il-fenomenu tal-konċentrazzjoni qawwija fil-kosta tal-iżvilupp urban u r-relazzjoni bejn dawk kostali u interni.

8.4.4   Għandhom jiġu inklużi l-miżuri ta’ adattament u prevenzjoni għat-tibdil fil-klima u l-impatt ta’ dan fuq il-kosti urbani u naturali.

8.4.5   Il-potenzjal tal-enerġiji rinnovabbli fl-Atlantiku jikkostitwixxi sors kbir ta’ enerġija nadifa u lokali, li s’issa għadha ma ġietx żviluppata.

8.5   Tkabbir intelliġenti

8.5.1   Il-komunikazzjoni tal-Atlantiku fl-assi tiegħu tat-Tramuntana/Nofsinhar u l-konnessjoni tiegħu mas-swieq Ewropej Ċentrali u tal-Lvant ifissru fattur ta’ kompetizzjoni importanti ħafna li għandu jinkiseb billi jinħoloq kuritur bejn il-port u l-ferrovija tal-Atlantiku. Il-konnessjonijiet Atlantiċi bl-ajru wkoll mhumiex biżżejjed.

8.5.2   L-użu tar-riżorsi Atlantiċi bħall-enerġiji tal-baħar rinnovabbli, il-bijoteknoloġiji tal-baħar u depożiti oħra mis-saff ta’ taħt il-baħar, joffru l-opportunità li jinħolqu setturi ekonomiċi b’saħħithom, innovattivi ħafna, li jistgħu joħolqu ġid u impjieg.

8.5.3   Dawn il-politiki jeħtieġu l-involviment importanti tal-aġenti ekonomiċi u soċjali u tal-aġenti xjentifiċi, teknoloġiċi u finanzjarji. Ikun meħtieġ li jiġu mfassla għanijiet f’oqsma bħall-infrastruttura, l-industrija, it-taħriġ, il-politika ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, il-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet, iċ-ċentri teknoloġiċi u n-negozji, il-ħolqien ta’ clusters, eċċ.

8.5.4   Ir-riċerka fis-sistemi u t-teknoloġiċi ambjentali avvanzati qed tiftaħ strateġiji ġodda u orizzonti ġodda għall-attivitajiet Atlantiċi tradizzjonali li sejrin lura, bħas-sajd u t-tarzna. Is-settur nawtiku huwa qawwi ħafna u jikkontribwixxi għall-istrateġiji ta’ żvilupp.

8.5.5   It-turiżmu nawtiku u ta’ villeġġjatura jikkostitwixxi qafas attraenti li għandu jissaħħaħ, fl-aspetti relatati kemm mal-wirt naturali kif ukoll mal-wirt kulturali. It-turiżmu jiġġenera attività ekonomika u impjieg, u barra minn hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-identità Atlantika u Ewropea.

8.6   Tkabbir inklużiv

8.6.1   L-istrateġija Atlantika għandha tinkludi dimensjoni soċjali importanti. L-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda għandhom jagħmluha aktar faċli għall-popolazzjonijiet li jgħixu fir-reġjuni Atlantiċi sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja u ma jabbandunawx it-territorju.

8.6.2   L-awtoritajiet reġjonali għandhom jippromovu d-djalogu soċjali u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili.

8.6.3   Hija prijorità li jittejjeb it-taħriġ fi kwistjonijiet marittimi u nawtiċi, kif ukoll li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ taħriġ.

8.6.4   It-teknoloġiji tal-informazzjoni jeħtieġu aktar żvilupp, speċjalment fiż-żoni l-aktar remoti tar-reġjun Atlantiku, li jeħtieġu konnettività aħjar.

8.6.5   Abbażi ta’ approċċ integrat favur il-koeżjoni territorjali, huwa meħtieġ li titqies is-sitwazzjoni tal-villaġġi żgħar tal-kosta, il-gżejjer, il-bliet u żoni metropolitani u l-lokalitajiet rurali.

9.   Governanza u finanzjament

9.1   Il-KESE jqis li t-Trattat jipprovdi numru ta’ bażijiet legali li fuqhom jistgħu jiġu bbażati dawn il-politiki, fost oħrajn, l-Artikoli minn 174 sa 178 (Koeżjoni), 38 u 39 (Agrikoltura u Sajd), minn 90 sa 100 (Trasport), 170 u 171 (Netwerks Ewropej tat-Trasport), 173 (Industrija) minn 191 sa 193 (Ambjent), 194 (Enerġija), 195 (Turiżmu) u 349 (Reġjuni l-aktar imbiegħda).

9.2   L-istrateġija għandha tkun Ewropea, imfassla mill-Kummissjoni, approvata mill-Kunsill u l-Parlament u appoġġjata mill-KESE u l-KtR. Hemm bżonn ta’ impenn b’saħħtu min-naħa tal-Istati Membri tal-kosta Atlantika sabiex din tiġi implimentata.

9.3   Għandha tiġi implimentata bħala parti minn proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni u djalogu mal-partijiet interessati kollha, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, kemm fil-qasam istituzzjonali kif ukoll dak tas-soċjetà ċivili organizzata.

9.4   Għandhom jipparteċipaw diversi partijiet interessati li jistgħu jiġu mobilizzati biss permezz ta’ mudell ta’ governanza f’diversi livelli, li jkoprihom kollha, u jiffaċilita l-parteċipazzjoni u l-kontribut tagħhom b’mod ibbilanċjat u strutturat.

9.5   Il-KESE jqis li għandhom jitneħħew il-limitazzjonijiet tat-“tliet rifjuti”, waqt li jitqiesu l-esperjenzi tal-Baħar Baltiku u tar-Reġjun tad-Danubju, għaliex, fil-futur ser ikunu meħtieġa strumenti ġodda leġislattivi, amministrattivi u finanzjarji sabiex l-istrateġiji makroreġjonali jirnexxu.

9.6   Il-Kummissjoni Ewropea għandu jkollha rwol ta’ faċilitatur u koordinatur tal-azzjonijiet.

9.7   Għandu jitwaqqaf grupp b’rappreżentanti ta’ livell għoli mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-PE, il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni.

9.8   Il-punti ta’ kuntatt f’kull wieħed mill-5 Stati Membri kkonċernati ser jieħdu ħsieb il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet nazzjonali fl-Istrateġija.

9.9   Il-koordinaturi għal kull qasam prijoritarju u l-koordinaturi tal-proġetti jistgħu jiġu kemm minn korpi statali kif ukoll minn dawk reġjonali jew lokali.

9.10   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tal-Forum Atlantiku, li permezz ta’ approċċ ta’governanza fuq diversi livelli jissodisfa u jikkanalizza l-parteċipazzjoni u l-kontribut tal-partijiet interessati kollha, mhux biss fit-tfassil iżda wkoll fil-proċess ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u reviżjoni tal-Istrateġija. Fil-Forum Atlantiku għandhom jipparteċipaw l-awtoritajiet reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili: il-kumpaniji, it-trejdjunjins, l-ekonomija soċjali, l-universitajiet u ċ-ċentri teknoloġiċi u partijiet interessati oħra li għandhom jipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet tagħhom.

9.11   Il-prinċipju ta’ “ebda finanzjament addizzjonali” jindika li l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni huma l-iktar sors ta’ finanzjament importanti għall-istrateġija makroreġjonali. Iżda l-KESE jqis li fil-futur ser ikun meħtieġ finanzjament speċifiku.

9.12   Il-KESE jqis li l-fondi li jintużaw bħalissa għandhom xi restrizzjonijiet għall-finanzjament ta’ xi proġetti strateġiċi. Jeħtieġ li jiġu estiżi l-istrumenti tal-finanzjament bl-użu wkoll tal-fondi tal-UE marbutin mal-politiki settorjali.

9.13   Il-Bank Ewropew għall-Investiment ukoll jista’ jipprovdi finanzjament għal proġetti konkreti. Ir-riżorsi nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jikkofinanzjaw il-proġetti, kif ukoll is-sħubija pubblika-privata.

9.14   Il-kuntest attwali ta’ konfigurazzjoni tal-qafas multiannwali ta’ finanzjament Komunitarju u ta’ riforma tal-politika reġjonali tal-UE huwa l-ħin opportun biex jiġi żgurat li r-regolazzjoni tal-fondi tippermetti l-finanzjament tal-istrateġiji makroreġjonali.

9.15   Sabiex l-azzjonijiet u l-proġetti tal-Istrateġija Makroreġjonali tal-Atlantiku jkunu jistgħu jiġu inkorporati fl-ipprogrammar tal-fondi għall-perjodu 2014-2020, huwa xieraq li d-deċiżjonijiet jittieħdu matul l-2013 sabiex l-istrateġija makroreġjonali tkun operattiva fil-bidu tal-perjodu l-ġdid ta’ programmar.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-10 ta’ Ġunju 2009, dwar l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku (COM (2009) 248 final).

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju (COM (2009) 715 final).

(3)  Ara l-punt 1.

(4)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 2 u ĠU C 248, 25.8.2011, p. 81

(5)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR) (COM (2011) 381 final).

(6)  Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020. Lejn Ewropa ta’ Diversi Reġjuni Inklużiva, Intelliġenti u Sostenibbli tad-19 ta’ Mejju 2011.

(7)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (COM (2011) 611 final).

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Niżviluppaw strateġija marittima għaż-żona tal-Oċean Atlantiku, tal-21.11.2011, COM(2011)782 final.

(9)  http://arcatlantique.org.

(10)  http://www.atlanticcities.eu.

(11)  Welsh Economic Forum, Conseils Économiques, Sociaux et Environnementaux Régionaux de Basse-Normandie, Bretagne, Pays de la Loire, Poitou-Charentes, Aquitaine, Centre y Limousin; Consejos Económicos y Sociales de País Vasco, Cantabria, Asturias, Galicia y Canarias; Instituto de Soldadura e Qualidade de Lisboa, USALGARVE.

(12)  Schéma de Développement de l'Espace Atlantique (SDEA), Kummissjoni Ark Atlantiku-CRPM.

(13)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta’ Marzu 2011, dwar l-Istrateġija Ewropea għar-reġjun tal-Atlantiku.