8.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/10


Konklużjonijiet tal-Kunsill: lejn sistemi tas-saħħa moderni, reattivi u sostenibbli

2011/C 202/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

1.

IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-linji politiċi u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni; l-azzjoni tal-Unjoni għandha tikkomplementa wkoll il-linji politiċi nazzjonali u tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika; hija għandha wkoll tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika u, jekk meħtieġ, tagħti appoġġ għall-azzjoni tagħhom, u tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u l-kura medika;

2.

IFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-White Paper tal-Kummissjoni "Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE, 2008-2013" adottati fit-6 ta' Diċembru 2007;

3.

IFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valuri u l-prinċipji komuni fis-sistemi tas-saħħa tal-UE adottati fit-2 ta' Ġunju 2006 (1), u b'mod partikolari l-valuri komprensivi tal-universalità, l-aċċess għall-kura ta' kwalità tajba, l-ekwità u s-solidarjetà;

4.

IFAKKAR fil-Karta dwar is-Sistemi tas-Saħħa għas-Saħħa u l-Ġid ta' Tallinn, iffirmata fis-27 ta' Ġunju 2008 taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO);

5.

IFAKKAR fir-Rapport Konġunt dwar is-Sistemi tas-Saħħa mħejji mill-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika (EPC) iffinalizzat fit-23 ta' Novembru 2010, kif ukoll fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rapport Konġunt EC-EPC dwar is-Sistemi tas-Saħħa adottati fis-7 ta' Diċembru 2010;

6.

JIRRIKONOXXI l-ħidma mwettqa mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) u JFAKKAR fl-objettivi maqbula fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2006 biex tiġi żgurata sistema tas-saħħa aċċessibbli, ta' kwalità għolja u sostenibbli u kura fit-tul;

7.

IFAKKAR fid-diskussjoni tal-Laqgħa Informali tal-Ministri tas-Saħħa li saret f'Gödöllő fl-4 u l-5 ta' April 2011 dwar "Direzzjonijiet għall-Pazjenti u Professjonali fl-Ewropa - Ninvestu fis-sistemi tas-saħħa tal-futur";

8.

IFAKKAR fl-Istrateġija Ewropa 2020 u JILQA' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ġġib 'il quddiem is-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni pilota dwar it-"Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu" u l-ħidma kontinwa tagħha;

9.

JIRRIKONOXXI li l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi komuni minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ, ħtiġijiet tal-popolazzjoni li qed jinbidlu, aspettazzjonijiet dejjem jiżdiedu mill-pazjenti, diffużjoni rapida tat-teknoloġija u spejjeż dejjem jiżdiedu tal-kura tas-saħħa kif ukoll minħabba l-klima ekonomika attwali inċerta u fraġli li tirriżulta b'mod partikolari mill-kriżi ekonomika u finanzjarja globali reċenti li qiegħda tillimita b'mod progressiv ir-riżorsi disponibbli għas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri. Iż-żieda dejjem akbar tal-mard kroniku tirrappreżenta waħda mill-isfidi ewlenin tas-sistemi tas-saħħa;

10.

JIRRIKONOXXI li, filwaqt li l-iżgurar ta' aċċess ekwu għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità għolja f'ċirkostanzi ta' riżorsi ekonomiċi u oħrajn skarsi minn dejjem kien kwistjoni ewlenija, attwalment huma l-iskala u l-urġenza tas-sitwazzjoni li qed jinbidlu u, jekk ma jiġux indirizzati, dawn jistgħu jsiru fattur kruċjali fix-xena ekonomika u soċjali futura tal-UE;

11.

JIRRIKONOXXI l-ħtieġa għal innovazzjoni intelliġenti u responsabbli, inkluża l-innovazzjoni soċjali u organizzattiva, biex id-domandi futuri jkunu bilanċjati ma' riżorsi abbordabbli u sostenibbli sabiex tkun tista' tingħata tweġiba għal dawn l-isfidi kollha;

12.

JAPPELLA għall-ħtieġa li l-qasam tas-saħħa għandu jkollu rwol adegwat fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-investimenti fis-saħħa għandhom jiġu rikonoxxuti bħala kontributur għat-tkabbir ekonomiku. Filwaqt li s-saħħa hija valur fiha nfisha, hija wkoll prekondizzjoni biex jinkiseb tkabbir ekonomiku;

13.

JENFASIZZA li sabiex jinħolqu sistemi tas-saħħa moderni, reattivi, effiċjenti, effettivi u finanzjarjament sostenibbli li jipprovdu aċċess ekwu għas-servizzi tas-saħħa lil kulħadd, ir-riżorsi tal-Fond Strutturali Ewropew jistgħu jintużaw, mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju futur, biex jikkomplementaw il-finanzjament tal-iżvilupp tas-settur tas-saħħa ta' reġjuni eliġibbli tal-Istati Membri, inklużi fost l-oħrajn l-investimenti kapitali, b'mod partikolari għaliex:

il-kisba tal-koeżjoni soċjali, it-tnaqqis tad-disparitajiet ewlenin u t-tneħħija ta' nuqqasijiet serji fis-saħħa bejn u fl-Istati Membri huma ta' importanza kbira ħafna,

l-iżvilupp ta' approċċi ta' "ġenerazzjoni ġdida" għall-kura tas-saħħa ser jeħtieġ finanzjament adatt biex titrawwem it-trasformazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u biex l-investimenti jiġu bilanċjati mill-ġdid lejn mudelli u faċilitajiet ta' kura ġodda u sostenibbli;

14.

JENFASIZZA l-importanza fundamentali tal-effettività tal-investimenti fis-sistemi tas-saħħa tal-futur, li għandha titkejjel u tiġi sorveljata mill-Istati Membri rispettivi;

15.

JIRRIKONOXXI l-importanza tat-tfassil ta' linji poliċi u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza appoġġati minn sistemi adegwati ta' informazzjoni dwar is-saħħa;

16.

JIRRIKONOXXI li, fl-Unjoni Ewropea, hemm ħtieġa għall-kondiviżjoni ta' evidenza dwar il-modernizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u għal approċċi ġodda għall-kura tas-saħħa.

17.

JIRRIKONOXXI li l-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard huma fatturi ewlenin għas-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tas-saħħa;

18.

JENFASIZZA li d-disponibbiltà ta' għadd suffiċjenti ta' professjonisti tas-saħħa mħarrġa b'mod adegwat f'kull Stat Membru, hija prekondizzjoni ewlenija għall-operazzjoni ta' sistemi tas-saħħa moderni u dinamiċi u kull Stat Membru għandu jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu u jaderixxi mal-Kodiċi ta' Prattika Globali tad-WHO dwar ir-reklutaġġ internazzjonali;

19.

JENFASIZZA l-ħtieġa li jingħaqdu l-forzi u li jkun hemm kooperazzjoni aktar koordinata fil-livell tal-UE sabiex jingħata appoġġ lill-Istati Membri, fejn opportun, fl-isforzi tagħhom li jiżguraw li s-sistemi tas-saħħa tagħhom jilqgħu għall-isfidi futuri, waqt li jibnu fuq riżultati miksubin permezz ta' inizjattivi nazzjonali u tal-UE, kif ukoll attivitajiet imwettqa minn organizzazzjonijiet intergovernattivi, bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u d-WHO;

20.

JISSOTTOLINJA r-rwol ewlieni tal-Ministri tas-Saħħa fl-iżvilupp u l-insegwiment ta' approċċi effettivi u ggwidati mill-politika tas-saħħa sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat l-isfidi makroekonomiċi, tas-saħħa u soċjali inklużi dawk relatati mal-popolazzjoni qed tixjieħ, u biex jiġu żgurati strateġiji futuri fit-tul dwar is-settur tas-saħħa, b'enfasi partikolari fuq l-investiment fis-settur tas-saħħa u l-istrateġiji dwar ir-riżorsi umani;

21.

JISTIEDEN lill-Istati Membri biex:

jirrinfurzaw l-impenn tagħhom li jkollhom rwol attiv fl-iżvilupp ta' approċċi effettivi u ggwidati mill-politika tas-saħħa sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat l-isfidi makroekonomiċi u l-isfidi tas-saħħa u dawk soċjali;

jiżguraw li s-saħħa tkun ittrattata b'mod adegwat fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma ppreżentati mill-Istati Membri fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020;

jirripożizzjonaw il-perċezzjoni tal-politika dwar is-saħħa, waqt li jagħmluha aktar viżibbli meta jkunu involuti kwistjonijiet makroekonomiċi u jibdlu l-perċezzjoni tagħha minn sempliċement oġġett ta' nefqa għal kontributur rikonoxxut għat-tkabbir ekonomiku;

jikkonsidraw approċċi innovattivi u mudelli ta' kura tas-saħħa li jwieġbu għall-isfidi, u jiżviluppaw strateġiji futuri fit-tul dwar is-settur tas-saħħa, b'enfasi partikolari fuq investiment effettiv fis-settur tas-saħħa u fir-riżorsi umani bil-għan li jitbiegħedu mis-sistemi ċċentrati fuq l-isptarijiet lejn sistemi ta' kura integrata, li jtejjeb l-aċċess ekwu għal kura ta' kwalità għolja u jnaqqas l-inugwaljanzi;

isaħħu aktar il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard b'mod integrat fl-ispirtu tal-approċċ tas-Saħħa fil-Politiki Kollha;

irawmu valutazzjonijiet tat-teknoloġija dwar is-saħħa u jiżguraw użu aktar intelliġenti tas-soluzzjonijiet dwar is-saħħa elettronika biex jiġu żgurati valur għall-flus u benefiċċji għas-saħħa u s-sistemi tas-saħħa;

jagħmlu użu aktar intelliġenti mill-programmi finanzjarji tal-UE, inklużi fost l-oħrajn il-Fondi Strutturali, li jistgħu jikkontribwixxu għall-innovazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa, u jistgħu joħolqu aktar tkabbir ekonomiku;

22.

JISTIEDEN lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex:

jibdew proċess ta' riflessjoni taħt l-awspiċi tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika f'Livell Għoli bl-għan li jiġu identifikati modi effettivi ta' investiment fis-saħħa, sabiex jiġu segwiti sistemi tas-saħħa moderni, reattivi u sostenibbli;

sabiex iniedu l-proċess ta' riflessjoni u jwettqu l-objettivi tiegħu:

jitolbu lill-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika f'Livell Għoli biex imexxi l-proċess ta' riflessjoni, jistabbilixxi l-pjan direzzjonali tiegħu u jiżviluppa l-modalitajiet tiegħu;

jitolbu lill-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika f'Livell Għoli biex jagħmel djalogu regolari mal-EPC u l-SPC,

jiffaċilitaw l-aċċess tal-Istati Membri għal parir informali u indipendenti minn esperti f'oqsma ta' politika rilevanti għal dan il-proċess ta' riflessjoni;

jinkludu f'dan il-proċess ta' riflessjoni l-objettivi li ġejjin b'mod partikolari:

it-tisħiħ tar-rappreżentazzjoni adegwata tas-saħħa fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u fil-proċess tas-Semestru Ewropew,

il-kondiviżjoni u l-analiżi tal-esperjenzi, l-aħjar prattiki biex jibnu l-fatturi ta' suċċess għall-użu effettiv tal-Fondi Strutturali għal investimenti fis-saħħa,

il-kondiviżjoni tal-esperjenzi, l-aħjar prattiki u l-kompetenza esperta fil-fehim u r-rispons adegwat għall-ħtiġijiet tas-saħħa dejjem jikbru u jinbidlu tas-soċjetà partikolarment minħabba popolazzjoni qed tixjieħ, u t-tfassil effettiv u effikaċi tal- investimenti fis-settur tas-saħħa,

il-kooperazzjoni fit-tkejjil u l-monitoraġġ tal-effettività tal-investimenti fis-saħħa,

b'konsiderazzjoni għall-programmi, id-data, l-għarfien, l-evidenza u l-kompetenza esperta eżistenti fl-UE, fl-organizzazzjonijiet intergovernattivi, b'mod partikolari d-WHO u l-OECD, u fl-Istati Membri, biex b'hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi.

23.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex:

tappoġġa lill-Istati Membri bil-bidu u l-implimentazzjoni tal-proċess ta' riflessjoni;

tappoġġa l-proċess ta' riflessjoni permezz ta' miżuri adatti, inkluż bil-faċilitazzjoni tal-aċċess għal konsulenza esperta multisettorali informali u indipendenti li għandha tiġi pprovduta fuq talba tal-Istati Membri u/jew il-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika f'Livell Għoli;

tippromwovi rwol adegwat għas-settur tas-saħħa fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u tappoġġa diskussjonijiet regolari ta' segwitu mal-Istati Membri dwar is-sitwazzjoni attwali;

tenfasizza r-rwol ekonomiku kbir tas-settur tas-saħħa, bl-għan li s-saħħa titqies minn sempliċement oġġett ta' nefqa għal kontributur rikonoxxut għat-tkabbir ekonomiku;

tipprovdi għodod u metodoloġiji effettivi għall-Istati Membri għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa;

tippromwovi modi ġodda ta' appoġġ għall-Istati Membri meta jindirizzaw il-ħtiġijiet futuri tagħhom ta' investiment fis-saħħa;

tippreżenta rapporti regolari lill-Kunsill biex tikkontribwixxi għall-proċess ta' riflessjoni, fejn l-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sal-aħħar tal-2012.


(1)  ĠU C 146, 22.6.2006, p. 1.