52011PC0275

Proposta għal DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità /* KUMM/2011/0275 finali - 2011/0129 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tagħmel parti minn pakkett leġiżlattiv li għandu l-għan li jsaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi fl-UE u li jinkludi wkoll iż-żewġ elementi li ġejjin: komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE u proposta għal Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili.

Il-Kummissjoni Ewropea identifikat prijorità strateġika[1], jiġifieri l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità u l-istipular ta' standards minimi, imsejsa fuq il-Programm ta' Stokkolma u l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu[2]. Dawn id-dokumenti jagħtu prijorità lill-vittmi fl-aġenda tal-UE u jistabbilixxu b'mod sod il-ħtieġa u l-intenzjoni li jinħoloq metodu integrat u koordinat fir-rigward tal-vittmi, b'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI ta' Ottubru 2009[3].

L-Unjoni Ewropea stipulat għaliha stess l-objettiv li żżomm u li tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja msejsa fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet oħra ta' awtoritajiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kriminali fl-Unjoni. Ir-“Rapport dwar iċ-Ċittadinanza” tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010[4] jfittex li jelimina l-ostakli għad-drittijiet taċ-ċittadini billi jżid is-sustanza tad-drittijiet individwali mogħtija fuq il-livell tal-UE. It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi, flimkien mat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew tal-imputati fi proċeduri kriminali jirriflettu dan il-metodu.

L-Unjoni Ewropea diġà ħadet azzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi fi proċeduri kriminali permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta’ Marzu 2001 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fi proċeduri kriminali. Filwaqt li sar xi titjib f’dan il-qasam, l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill għadhom ma ntlaħqux kompletament.

Il-Parlament Ewropew stieden lill-Kunsill biex jadotta qafas legali komprensiv li joffri l-iktar protezzjoni wiesgħa lill-vittmi tal-kriminalità[5]. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009[6] dwar it-tneħħija tal-vjolenza fuq in-nisa, il-Parlament stieden lill-Istati Membri biex itejbu l-liġijiet u l-politiki nazzjonali tagħhom biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u biex jaġixxu bil-ħsieb li jittrattaw ir-raġunijiet tal-vjolenza fuq in-nisa, billi jadottaw b'mod partikolari miżuri preventivi u stieden lill-Unjoni biex tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna, il-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi kollha tal-vjolenza. Id-Dikjarazzjoni 19 tal-protokolli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tistieden ukoll lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jipprevjenu u jikkastigaw l-atti ta’ vjolenza domestika u biex jappoġġjaw u jipproteġu lill-vittmi ta’ din il-vjolenza.

Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali fl-Unjoni hija msejsa fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji. Ir-rikonoxximent reċiproku jista’ jopera b’mod effettiv biss jekk ikun hemm spirtu ta’ fiduċja, fejn mhux l-awtoritajiet ġudizzjarji biss imma anki dawk kollha involuti fil-proċess ta' ġustizzja kriminali u dawk li għandhom interess leġittimu fih jista' jkollhom fiduċja li r-regoli ta’ kull Stat Membru huma adegwati u li dawk l-istess regoli jiġu applikati tajjeb. Meta l-vittmi tal-kriminalità ma jkunux suġġetti għall-istess standards minimi madwar l-UE, il-fiduċja tista' tonqos minħabba tħassib dwar it-trattament tal-vittmi jew minħabba d-differenzi fir-regoli ta’ proċedura.

Permezz ta’ regoli minimi komuni għandu jkun hemm iktar fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li din eventwalment twassal għal kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta' fiduċja reċiproka u għall-promozzjoni ta' kultura ta' drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea. Peress li dawn ir-regoli minimi komuni għandhom japplikaw għall-vittmi kollha tal-kriminalità, huma għandhom ukoll jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-ostakli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini.

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura li jiġu rrispettati u sodisfatti l-ħtiġijiet wiesa' tal-vittmi tal-kriminalità, li jikkoinċidu ma’ għadd ta' politiki oħra tal-UE. B'mod partikolari, il-ħarsien tad-drittijiet tal-vittmi tifforma parti essenzjali mis-sensiela ta' politiki u/jew strumenti tal-UE li jirrigwardaw it-traffikar tal-bnedmin, l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, il-vjolenza fuq in-nisa, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-infurzar ta' reati tat-traffiku fit-toroq.

Din il-proposta se tibni fuq l-istrumenti eżistenti u se tikkumplimentahom, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu[7], id-Direttiva tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija[8] li qed tiġi negozjata bħalissa jew id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu[9] kif modifikata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/919/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008[10]. Se tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet tal-vittmi li għandhom itejbu s-sitwazzjoni ġenerali ta' protezzjoni tal-vittmi fil-liġi u fil-politika tal-UE. Filwaqt li l-istrumenti speċifiċi, pereżempju dwar l-atti terroristiċi, it-traffikar u l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari ta’ ċerti gruppi ta’ vittmi ta’ tipi ta' delitti identifikati, din il-proposta se twaqqaf il-qafas orizzontali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-vittmi kollha tal-kriminalità, irrispettivament mit-tip ta' delitt jew miċ-ċirkostanzi jew il-lok li fih ikun twettaq. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta huma konsistenti mal-metodu adottat fl-oqsma ta’ politika msemmija hawn fuq.

Din id-Direttiva mhux se taffettwa d-dispożizzjonijiet ta’ atti oħra tal-UE li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ vittmi partikolarment vulnerabbli. B'mod partikolari, il-vittmi adulti tat-traffikar tal-bnedmin se jibbenefikaw mill-miżuri stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/36/UE li huma ekwivalenti għall-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 12, 20(b), 21(3)(a, c, d) ta’ din id-Direttiva; il-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin se jibbenefikaw mill-miżuri stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/36/UE li huma ekwivalenti għall-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 12, 20, 21(2)(a, b, c), 21(3) u 22 ta’ din id-Direttiva; il-vittmi tfal tal-abbuż sesswali, tal-isfruttament sesswali u tal-pedopornografija se jibbenefikaw mill-miżuri stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill [….]/[..]/UE [dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija] li huma ekwivalenti għall-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 12, 20, 21(2)(a, b, c), 21(3) u 22 ta’ din id-Direttiva.

Il-vittmi tat-terroriżmu se jibbenefikaw minn mekkaniżmi mtejba għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom, li jżommuhom infurmati dwar il-proċedimenti u li jipprovdulhom protezzjoni xierqa waqt il-proċedimenti. L-istess se jkun ipprovdut għall-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku, minkejja li din l-azzjoni ma tipprovdix b'mod speċifiku għall-ħtiġijiet kollha dettaljati ta' dawn il-vittmi, jekk ikun hemm iktar sensibilità u titjib fl-attitudnijiet kulturali tal-prattikanti tal-professjoni legali flimkien ma’ valutazzjonijiet xierqa dawn se jgħinu biex ikun żgurat li l-ħtiġijiet tagħhom jintlaħqu, b’mod partikolari fit-trattament tagħhom qabel ma jiġi identifikat delitt speċifiku.

Barra minn hekk, b’konformità mal-metodu adottat għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u tal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u tal-pedopornografija, il-proposta se tkun konsistenti meta tindirizza l-ħtiġijiet partikolari tal-vittmi vulnerabbli.

Fil-futur hemm previst ukoll li tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ vittmi bħalma huma l-vittmi tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata. B’mod partikolari, għandha ssir analiżi tal-lakuni li hemm bħalissa fil-protezzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu, bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu fl-Ewropa.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

– It-traffikar tal-bnedmin: il-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi ġiet introdotta fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/36/UE, li tiffoka speċifikament fuq it-tfal li huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar[11];

– L-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija: id-direttiva l-ġdida proposta tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal vittmi ta' dawk id-delitti[12];

– Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tistabbilixxi għan ewlieni: li s-sistemi ta' ġustizzja jsiru iktar addattati għat-tfal. Għandhom jitnaqqsu l-esperjenzi negattivi tat-tfal vittmi li jkunu involuti fi proċeduri kriminali u t-tfal vittmi għandhom jingħataw il-possibilità li jkollhom rwol attiv fil-proċeduri kriminali[13];

– Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE li għandha x'taqsam ma kumpens għal vittmi ta' delitti u li għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għal kumpens f'sitwazzjonijiet transkonfinali[14];

– Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, tikkostitwixxi prijorità strateġika fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2010-2015, u punt ċentrali fil-Programm Daphne III[15];

– Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu[16].

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

L-istandards tal-Kummissjoni dwar il-konsultazzjonijiet ġew irrispettati. Esperti minn oqsma differenti, inklużi gvernijiet, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, Organizzazzjonijiet mhux Governattivi (), organizzazzjonijiet internazzjonali u universitajiet ħadu sehem f’diskussjonijiet dettaljati dwar il-pjanijiet leġiżlattivi li jiffurmaw parti mill-preparamenti għall-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta.

Il-Kummissjoni kkuntrattat studju estern biex iservi ta’ appoġġ għall-preparamenti tal-valutazzjoni tal-impatt kif ukoll studju ieħor biex jiġu eżaminati l-għażliet fir-rigward tal-għan speċifiku, jiġifieri, l-iżgurar li l-protezzjoni miksuba permezz ta’ ordni ta’ protezzjoni ma tintilifx meta l-persuna tivvjaġġa jew tmur tgħix fi Stat Membru ieħor[17]. Intużaw ukoll ir-riżultati minn żewġ stħarriġiet: fl-istudju estern fejn ġew ikkonsultati 384 rappreżentant mis-setturi governattivi u mis-setturi mhux governattivi, waslu 119-il tweġiba, u l-Proġett tal-Vittmi fl-Ewropa[18] rċieva 97 tweġiba għall-kwestjonarju tiegħu dwar l-implimentazzjoni legali u 218-il tweġiba għall-kwestjonarju tiegħu dwar l-organizzazzjoni.

Waqt it-tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika, miftuħa għall-membri kollha tal-pubbliku, kif ukoll għall-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi, biex tisma’ l-opinjonijiet tagħhom dwar liema azzjoni għandha tieħu l-UE biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-vittmi tal-kriminalità. Il-Kummissjoni rċeviet 77 tweġiba sal-jum tal-iskadenza għat-tweġibiet.

Saret laqgħa bejn l-esperti akkademiċi, l- u l-Istati Membri fit-18 u d-19 ta’ Frar 2010, u ġiet segwita minn Forum tal-Ġustizzja fl-14 ta’ April 2010.

Apparti l-konsultazzjoni diretta, il-Kummissjoni għamlet użu minn għadd ta’ studji u pubblikazzjonijiet[19].

Mill-valutazzjoni tal-impatt deher li kien meħtieġ li d-Deċiżjoni Qafas tal-2001 tiġi sostitwita b'Direttiva ġdida li jkun fiha obbligi konkreti dwar id-drittijiet tal-vittmi. Il-leġiżlazzjoni għandha tiġi segwita minn miżuri prattiki biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni. Dan ikun ukoll l-ewwel pass f’dan il-qasam bil-ħsieb li jsiru studji u li jittieħdu azzjonijiet ulterjuri, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kumpens tal-vittmi u l-għajnuna legali għall-vittmi.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-proċeduri kriminali ġew miżmuma fil-forma oriġinali tagħhom jew ġew emendati biss sakemm dan kien meħtieġ biex l-abbozzar ikun ċar. Pereżempju l-Artikoli 9, 12, 14, 15, 16 u 25 tad-Direttiva proposta huma ekwivalenti għall-Artikoli 3, 6, 9, 11 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas. Il-kummenti li ġejjin jikkonċentraw fuq dawk l-Artikoli li jintroduċu tibdil sostantiv fid-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 2 Id-definizzjonijiet

L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jkun żgurat li l-vittmi kollha tal-kriminalità jibbenefikaw minn standards minimi madwar l-UE kollha. B’mod partikolari, din id-Direttiva tipprevedi l-għotja ta’ appoġġ u ta' protezzjoni lill-membri tal-familja tal-vittmi peress li spiss anki huma jsofru danni minħabba d-delitt u jista' jkun li huma stess ikunu f'riskju li jsiru vittmi sekondarji kif ukoll f'riskju ta' vittimizzazzjoni jew intimidazzjoni min-naħa tal-ħati jew tal-kompliċi tiegħu. Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva huma applikabbli wkoll għall-membri tal-familja ta’ vittma li tkun tilfet ħajjitha f’reat kriminali minħabba li dawn il-persuni jkollhom interessi speċifiċi u leġittimi fil-proċedimenti, li jkunu jmorru lil hinn minn dawk tal-membri tal-familja ta’ vittmi superstiti, u spiss jiġu rikonoxxuti bħala rappreżentanti tal-vittma.

Artikoli 3, 4, 5 u 6 – Drittijiet għall-informazzjoni u d-dritt li wieħed jifhem u li jinftiehem

L-iskop ta' dawn l-Artikoli huwa li jiġi żgurat li l-vittmi jingħataw biżżejjed informazzjoni f'forma li jistgħu jifhmuha sabiex ikun possibbli għalihom li jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom u biex jiġi żgurat li huma jħossuhom trattati b’rispett. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mill-mument li fih il-vittma tagħmel il-kwerela fir-rigward ta’ reat kriminali u fuq bażi regolari matul il-proċeduri kriminali kollha u skont il-progress tal-każ. Għandu jingħata biżżejjed dettall li jippermetti lill-vittmi li jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċeduri u dwar il-mod ta' kif għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, b'mod partikolari meta jiddeċiedu dwar jekk għandhomx jitolbu reviżjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ma jiġix mixli.

Għal diversi raġunijiet, il-vittmi jaf ikollhom diffikultajiet biex jifhmu l-informazzjoni pprovduta b’mod standard u bil-miktub. B’mod partikolari, jista’ jagħti l-każ li l-vittmi ma jifhmux il-lingwa li biha tkun miktuba l-informazzjoni jew jista' jkun hemm fatturi oħrajn bħall-età tal-vittma, il-maturità, il-kapaċitajiet intellettwali u emottivi, il-livell ta’ litteriżmu u kwalunkwe diżabilità pereżempju fil-vista jew fis-smigħ li tista’ ttellifhom jew twaqqafhom kompletament milli jifhmu l-informazzjoni. Għaldaqstant, l-informazzjoni għandha tingħata kemm jista' jkun f'forom differenti biex jitqiesu dawn il-fatturi.

Artikolu 7 – Id-dritt għall-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi

L-iskop ta’ dan l-Artikolu huwa li jiġi żgurat li l-vittmi jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ li jipprovdu informazzjoni u pariri, appoġġ emottiv u psikoloġiku u assistenza prattika li ta' spiss ikunu kruċjali biex il-vittmi jirpiljaw u li jgħinuhom biex jiffaċċjaw il-konsegwenzi tad-delitt u l-piż ta' kwalunkwe proċeduri kriminali.

L-appoġġ għandu jkun disponibbli mill-iktar fis possibbli wara li jseħħ id-delitt, sew jekk dan ikun ġie irrappurtat sew jew le. Dawn is-servizzi jistgħu ikunu partikolarment importanti fir-rigward tad-deċiżjoni tal-vittma li finalment twassalha biex tirrapporta d-delitt. Bl-istess mod, jista’ jkun li l-vittmi jkunu jeħtieġu l-appoġġ kemm fil-perjodu li fih isiru l-proċedimenti kif ukoll fuq perjodu ta' żmien twil. Is-servizzi ta’ appoġġ jistgħu jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi u m’għandhomx jinvolvu proċeduri u formalitajiet eċċessivi li jistgħu jnaqqsu milli jkun hemm aċċess effettiv għal servizzi bħal dawn. Jista’ jingħata appoġġ b'ħafna modi differenti bħal laqgħat wiċċ imb'wiċċ, permezz tat-telefon jew mezzi remoti oħrajn sabiex tiġi mmassimizzata d-distribuzzjoni ġeografika u d-disponibilità tas-servizzi. Ċerti gruppi ta’ vittmi, inklużi l-vittmi ta’ vjolenza sesswali, ta’ delitti ta’ preġudizzju bħall-vjolenza minħabba l-ġeneru u ta’ delitti ta’ mibegħda lejn ir-razza, spiss ikunu jeħtieġu servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat minħabba l-karatteristiċi partikolari tad-delitt li jkun twettaq fil-konfront tagħhom. Sa fejn ikun possibbli, dawn is-servizzi għandhom ikunu disponibbli.

Minkejja li l-għoti ta’ appoġġ m’għandux jiddependi fuq il-fatt li l-vittma ta’ reat tagħmel kwerela mal-pulizija jew mal-awtoritajiet l-oħra kompetenti, dawn l-awtoritajiet spiss ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jinfurmaw lill-vittmi dwar il-possibilità ta’ appoġġ. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa biex jistabbilixxu kundizzjonijiet xierqa li jippermettu li l-vittmi jiġu rreferiti għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, anki billi jkun żgurat li jiġu rrispettati r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta.

Artikolu 8 – Id-dritt tal-vittmi li jirċievu konferma tal-wasla tal-kwerela tagħhom

L-iskop ta’ dan l-Artikolu huwa li jiżgura li meta persuna tagħmel kwerela dwar xi delitt, il-vittma tingħata konferma uffiċjali tal-kwerela li tkun tista’ tintuża fi kwalunkwe komunikazzjonijiet futuri.

Artikolu 9 – Id-dritt li wieħed jinstema'

L-iskop ta’ dan l-Artikolu huwa li jiġi żgurat li l-vittma jkollha l-opportunità li tipprovdi l-informazzjoni tal-bidu u informazzjoni ulterjuri, l-opinjoni jew ix-xhieda tagħha waqt il-proċeduri kriminali. L-ambitu preċiż ta’ dan id-dritt huwa stipulat mil-liġi nazzjonali u jista' jvarja minn drittijiet bażiċi għall-komunikazzjoni mal-awtorità kompetenti u biex jitressqu l-provi quddiemha sa drittijiet iktar estensivi bħad-dritt li jitqiesu l-provi ppreżentati, id-dritt li jiġi żgurat li jinġabru ċerti provi u d-dritt li jsiru interventi anki waqt il-proċess.

Artikolu 10 – Drittijiet f'każ li tittieħed deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ma jiġix mixli

L-iskop ta’ dan l-Artikolu huwa li l-vittma tkun tista’ tivverifika li l-proċeduri u r-regoli stabbiliti ġew segwiti u li ttieħdet id-deċiżjoni t-tajba biex jintemmu l-proċedimenti kontra persuna speċifika. Il-mekkaniżmi preċiżi għal reviżjoni għandhom jitħallew fl-ambitu tal-liġi nazzjonali. Madankollu, tali reviżjoni għandha titwettaq għall-inqas minn persuna jew awtorità differenti minn dik li tkun ħadet id-deċiżjoni oriġinali biex l-awtur ma jiġix mixli.

Artikolu 11 – Id-dritt għal salvagwardji fil-kuntest ta’ medjazzjoni u ta’ servizzi oħra ta’ ġustizzja restorattiva

Is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva jinkludu medda ta’ servizzi marbuta mal-proċeduri kriminali,li jiġu qabel, matul jew wara l-proċeduri kriminali. Jistgħu jkunu disponibbli fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ kriminalità jew meta jirrigwardaw biss l-adulti jew it-tfal li jwettqu reat u, pereżempju, jinkludu l-medjazzjoni bejn il-vittma u l-ħati, konferenzi fi grupp tal-familja u gruppi ta’ konsulenti li jissuġġerixxu lill-imħallfin l-aħjar piena ("sentencing circles").

L-iskop ta’ dan l-Artikolu huwa li jiġi żgurat li meta jingħataw dawn is-servizzi jkun hemm is-salvagwardji meħtieġa biex jiżguraw li l-vittma ma tkunx qed tiġi vittimizzata ulterjorment minħabba l-proċess. Għaldaqstant, dawn is-servizzi għandhom primarjament iqisu l-interessi u l-ħtiġijiet tal-vittma, it-tiswija tad-danni li tkun ġarrbet il-vittma u l-prevenzjoni ta’ danni oħra. Il-parteċipazzjoni tal-vittma għandha tkun volontarja, u dan jimplika wkoll li l-vittma jrid ikollha għarfien biżżejjed tar-riskji u tal-benefiċċji biex tkun tista' tagħmel għażla infurmata. Dan ifisser ukoll li meta każ jintbagħat għall-proċess restorattiv u jinbeda dan il-proċess, iridu jitqiesu fatturi bħall-iżbilanċ fil-poteri, l-età, il-maturità jew il-kapaċità intellettwali tal-vittma li jistgħu jillimitaw jew inaqqsu l-kapaċità tal-vittma li tagħmel għażla infurmata jew li jistgħu jtellfu lill-vittma milli jkollha riżultat pożittiv. Filwaqt li, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor bejn il-partijiet, il-proċedimenti privati ġeneralment għandhom ikunu kunfidenzjali, jista’ jagħti l-każ li ċerti fatturi bħal theddid li jsir matul il-proċess għandhom ikunu żvelati fl-interess pubbliku. Fl-aħħar mill-aħħar, kwalunkwe ftehim bejn il-partijiet għandu jintlaħaq b’mod volontarju.

Artikolu 13 – Id-dritt għal rimborż tal-ispejjeż

Din id-dispożizzjoni hija konsistenti mad-Deċiżjoni Qafas tal-2001 li tagħti d-dritt għar-rimborż tal-ispejjeż lill-vittmi li jipparteċipaw fil-proċeduri kriminali. Tipprovdi wkoll rimborż fil-każ li l-vittma tkun preżenti fl-awla waqt il-proċess mingħajr ma tipparteċipa b’mod effettiv fil-proċeduri. L-iskop huwa li jiġi żgurat li l-vittmi ma jkunux ostakolati milli jkunu preżenti waqt il-proċess u jaraw li ssir ġustizzja, minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji tagħhom.

Artikolu 18 – L-identifikazzjoni ta’ vittmi vulnerabbli

L-iskop ta’ dan l-Artikolu huwa li jiġi żgurat li l-vittmi jkunu trattati individwalment u li jitwaqqaf mekkaniżmu konsistenti bil-għan li jiġu identifikati vittmi vulnerabbli li jista' jkun li jkunu jeħtieġu miżuri speċjali waqt il-proċeduri kriminali.

Il-vittmi kollha tal-kriminalità huma, diġà jkunu vulnerabbli minnhom infushom u għalhekk jeħtieġu trattament sensittiv u ta' attenzjoni. Madankollu, xi vittmi huma partikolarment vulnerabbli li jibqgħu jiġu vittimizzati jew intimidati mill-imputat jew mill-persuna suspettata jew mill-kompliċi tiegħu. Barra minn hekk, l-involviment ta' xi vittmi fil-proċeduri kriminali, sew jekk permezz tax-xhieda tagħhom sew jekk permezz ta’ forom oħra ta’ parteċipazzjoni, jista' jkunilhom ta' riskju partikolari ta' sofferenza jew ta' ħsara. Dawn il-vittmi jeħtieġu miżuri speċjali biex tiġi mminimizzata l-possibilità li dawn iġarrbu iktar danni.

Dan l-Artikolu jistipula li l-vulnerabilità tal-vittmi għal danni bħal dawn għandha tkun iddeterminata permezz tal-karatteristiċi personali tal-vittma u permezz tan-natura jew tat-tip ta’ delitt li hija tkun ġarrbet. Il-biċċa l-kbira tat-tfal u tal-persuni b'diżabilità jinsabu f'riskju partikolari li ssirilhom ħsara minħabba l-karatteristiċi personali tagħhom. Huma jistgħu jiġu identifikati mill-ewwel bħala grupp vulnerabbli u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn ikunu jeħtieġu miżuri speċjali. Anki l-vittmi f’kategoriji oħra, skont in-natura jew it-tip tad-delitt, bħall-vittmi ta’ vjolenza sesswali, inkluż l-isfruttament, u l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma f’ħafna mill-każijiet vulnerabbli li jibqgħu jiġu vittimizzati matul il-proċeduri.

Fl-istess ħin, dan l-Artikolu jirrikonoxxi li l-vittmi huma individwi li jirreaġixxu b’modi differenti għall-kriminalità u għandhom ħtiġijiet u vulnerabilitajiet differenti. Għalhekk, vittma tista’ tkun vulnerabbli minkejja li ma tkunx parti minn kategorija speċifika ta’ vittmi vulnerabbli. Għaldaqstant irid jitwaqqaf mekkaniżmu li permezz tiegħu ssir valutazzjoni individwali biex ikun żgurat li l-vittmi kollha vulnerabbli jiġu identifikati u protetti kif xieraq. Dan il-metodu jaf ikun kruċjali biex jiffaċilita l-irkupru tal-vittma u biex jiġi żgurat li l-vittmi jingħataw l-għajnuna u l-protezzjoni t-tajba waqt il-proċedimenti u anki wara. Huwa jimmassimizza l-kapaċità li tiġi evitata l-vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta u l-intimidazzjoni filwaqt li jippermetti lill-vittma li jkollha aċċess effettiv għall-ġustizzja. Madankollu, dan il-metodu għandu jitwettaq b’mod li jkun proporzjonat mal-probabilità li jinbdew proċeduri kriminali u li jkunu meħtieġa miżuri speċifiċi min-naħa tal-vittma. B'mod partikolari, il-gravità tad-delitt u l-livell ta’ danni evidenti li tkun ġarrbet il-vittma, jagħtu indikazzjoni utli ta’ sa fejn trid twassal xi valutazzjoni individwali partikolari.

Il-valutazzjoni individwali għandha tiddetermina l-ħtiġijiet tal-vittma waqt il-proċeduri u kwalunkwe rekwiżiti biex il-vittma tiġi riferuta għas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi. L-uffiċjali pubbliċi li jkollhom l-ewwel kuntatt mal-vittma meta jiġi rrappurtat id-delitt, għandhom ikunu mħarrġa u għandu jkollhom aċċess għal gwida xierqa, għall-għodda jew għall-protokolli li permezz tagħhom ikunu jistgħu jwettqu l-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tal-vittmi b'mod konsistenti.

Il-valutazzjonijiet individwali għandhom jikkunsidraw kwalunkwe fatturi li jistgħu jżidu l-probabilità li l-vittma tiġi vittimizzata jew intimidata ulterjorment waqt il-proċedimenti. B'mod partikolari, għandhom jitqiesu l-fatturi li ġejjin: l-età, is-sess u l-identità tal-ġeneru, l-etniċità, ir-razza, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, il-qagħda tas-saħħa, id-diżabilità, id-diffikultajiet ta' komunikazzjoni, ir-relazzjoni mal-persuna suspettata jew akkużata jew id-dipendenza fuqha, xi esperjenzi preċedenti ta’ kriminalità u t-tip jew in-natura tad-delitt bħad-delitti ta’ preġudizzju, il-kriminalità organizzata jew it-terroriżmu. Il-vittmi tat-terroriżmu jeħtieġu attenzjoni partikolari fi kwalunkwe valutazzjoni minħabba n-natura varja ta’ dawn l-atti li jvarjaw minn atti ta’ terroriżmu tal-massa sa terroriżmu mmirat lejn l-individwi.

Artikolu 19 – Id-dritt li jiġi evitat il-kuntatt bejn il-vittma u l-ħati

Dan l-Artikolu jirrifletti l-metodu fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas tal-2001 bil-għan li jkun żgurat li meta l-vittma jkollha tkun preżenti f’lok determinat minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċeduri kriminali, jittieħdu l-passi meħtieġa biex ikun żgurat li l-vittma ma jkollhiex għalfejn tiffaċċja l-imputat jew il-persuni suspettati. Dan jista’ jinkiseb b’mezzi varji bħal pereżempju billi jiġu stabbiliti kmamar separati fejn wieħed jistenna u billi jsir kontroll tal-wasla tal-vittmi u tal-akkużati. L-aħjar prattika u l-aħjar għoti ta’ gwida lill-uffiċjali pubbliċi jistgħu jkunu wkoll għajn importanti ta’ informazzjoni dwar kif għandha tingħata l-assistenza biex jiġi evitat il-kuntatt.

Artikolu 20 – Id-dritt għall-protezzjoni tal-vittmi waqt l-interrogatorju fl-investigazzjonijiet kriminali

L-iskop ta’ dan l-Artikolu huwa li jevita li jkun hemm vittimizzazzjoni sekondarja billi jiżgura li l-vittma tiġi interrogata mill-iktar fis possibbli u li l-interazzjoni mal-awtoritajiet tkun faċli kemm jista' jkun filwaqt li l-għadd ta’ interazzjonijiet bla bżonn bejn il-vittma u l-awtoritajiet ikun limitat. Meta jiġi deċiż dwar meta għandhom jitwettqu l-interrogazzjonijiet, kemm jista' jkun, għandhom jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-vittma kif ukoll kwalunkwe urġenza marbuta mal-ġbir ta’ provi. Il-vittmi jistgħu jkunu akkumpanjati minn persuna fdata li jagħżlu huma stess. Din il-possibilità tista’ tiġi limitata biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u fir-rigward ta’ persuna speċifika. F’dan il-każ il-vittma għandha tingħata l-possibilità li tkun akkumpanjata minn persuna oħra li tagħżel hi stess.

Artikoli 21 u 22 – Id-dritt għall-protezzjoni ta' vittmi vulnerabbli, inklużi t-tfal, waqt il-proċeduri kriminali

L-iskop ta’ dan l-Artikolu huwa li jiżgura li meta l-vittmi jiġu identifikati li huma vulnerabbli għall-vittimizzazzjoni jew intimidazzjoni ulterjuri, jittieħdu miżuri xierqa biex tiġi evitata din il-ħsara. Dawn il-miżuri għandhom ikunu disponibbli matul il-proċeduri kriminali kollha, kemm fil-fażi investigattiva tal-bidu jew fil-fażi tal-prosekuzzjoni kif ukoll waqt il-proċess stess. Il-miżuri neċessarji jistgħu jvarjaw skont l-istadju tal-proċeduri.

Waqt l-investigazzjoni kriminali jeħtieġ li jkun hemm livelli minimi ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe interrogazzjoni tal-vittma. Dawn għandhom jitwettqu b'mod sensibbli u l-uffiċjali għandhom ikunu ngħataw it-taħriġ xieraq għal dan il-għan. It-taħriġ għandu jiżgura li l-uffiċjali jkunu mgħarrfa dwar il-metodi xierqa għall-interrogazzjonijiet li għandhom jikkunsidraw is-sitwazzjoni partikolari tal-vittma, jimminimizzaw is-sofferenza u jimmassimizzaw l-ġbir ta’ provi ta' kwalità għolja. Għal dan il-għan, skont il-vulnerabilità tal-vittma, jista’ jkun meħtieġ li l-interrogazzjonijiet isiru biss f’binjiet xierqa. Dan jista’ jfisser li l-binjiet għandu jkollhom il-faċilitajiet biex isiru l-interrogazzjonijiet permezz tal-vidjo jew sempliċiment li l-għamara, pereżempju, tkun adattata għat-tfal jew għall-persuni b'diżabilità.

Il-proċess tal-interrogazzjoni jista’ jkun skonvolġenti ħafna għall-vittmi vulnerabbli, partikolarment meta d-delitt ikun wieħed ta’ natura personali ħafna. Jaf ikun importanti li tiġi stabbilita l-fiduċja ma’ min imexxi l-interrogazzjoni u dan jista’ jseħħ biss fuq perjodu ta’ żmien. Għal din ir-raġuni, dan l-Artikolu jeħtieġ li f’ħafna mill-każijiet il-vittma vulnerabbli għandha tiġi interrogata mill-istess persuna. Tista’ ssir eċċezzjoni għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba, bħall-bżonn urġenti li tiġi interrogata persuna oħra jew in-nuqqas ta’ disponibilità tal-persuna li s-soltu tagħmel l-interrogazzjoni. Fil-każijiet ta’ vjolenza sesswali, għal raġunijiet simili, il-vittmi għandu jkollhom id-dritt li jiġu interrogati minn persuna tal-istess sess.

Matul il-proċess, il-protezzjoni mill-intimidazzjoni, kemm jekk tkun intenzjonali kemm jekk le, hija wkoll fattur rilevanti għad-determinazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni xierqa. Dan l-Artikolu jistabbilixxi miżuri minimi għal dan il-għan, kif ukoll biex titnaqqas is-sofferenza, b’mod speċjali dik relatata max-xhieda. Ġew stabbiliti miżuri li jippermettu lill-vittma li tevita l-kuntatt viżiv mal-imputat kif ukoll miżuri li jeskludu l-preżenza tal-pubbliku u tal-istampa. Id-deċiżjoni dwar jekk dawn il-miżuri għandhomx jittieħdu jew le titħalla fid-diskrezzjoni tal-ġudikant, u dan b'mod partikolari biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-imputat jew tal-persuna suspettata jiġu rispettati. Madankollu, il-fatt li vittma tkun tifel jew tifla, persuna b’diżabilità, vittma ta’ vjolenza sesswali jew vittma tat-traffikar tal-bnedmin, flimkien mal-valutazzjoni individwali għandhom iservu ta' indikazzjonijiet qawwija li din il-vittma tkun teħtieġ miżura ta’ protezzjoni.

Minħabba li t-tfal għandhom vulnerabilitajiet partikolari, għandu jkun hemm miżuri addizzjonali disponibbli u dawn għandhom jintużaw f’ċirkostanzi normali. L-Artikolu 22 jistipula li l-interrogazzjonijiet jistgħu jiġu rreġistrati fuq vidjo u mressqa bħala provi fil-qorti u li f’każijiet fejn it-tifel jew tifla ma jkollhomx rappreżentant, l-awtorità ġudizzjarja għandha taħtar wieħed skont kif ikun xieraq.

Artikolu 24 – It-taħriġ tal-prattikanti

L-iskop ta' dan l-Artikolu huwa li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ taħriġ għall-uffiċjali pubbliċi li jkollhom kuntatt mal-vittmi. Il-livell, it-tip u l-frekwenza tat-taħriġ, li jinkludi wkoll taħriġ speċjalizzat, għandhom ikunu ddeterminati skont kemm l-uffiċjali jkollhom kuntatt mal-vittma u skont in-natura ta' dan il-kuntatt, kif ukoll u b’mod partikolari, skont jekk l-uffiċjali jkollhomx kuntatt ma' gruppi speċifiċi ta' vittmi.

It-taħriġ għandu jkopri suġġetti li jkunu utli għall-uffiċjali biex jittrattaw il-vittmi b’rispett, biex jidentifikaw il-ħtiġijiet ta' protezzjoni u biex jagħtu lill-vittmi l-informazzjoni xierqa biex jgħinuhom jiffaċċjaw il-proċedimenti u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Dan it-taħriġ għandu jkopri suġġetti bħas-sensibilizzazzjoni għall-effetti negattivi tal-kriminalità fuq il-vittmi u r-riskju li ssir vittimizzazzjoni sekondarja, il-kapaċitajiet u l-għarfien, inklużi miżuri u tekniki speċjali, meħtieġa biex tingħata għajnuna lill-vittmi u biex titnaqqas kemm jista' jkun it-trawma tagħhom, b'mod partikolari minħabba l-vittimizzazzjoni sekondarja, ir-rikonoxximent u l-prevenzjoni tal-intimidazzjoni, it-theddid u l-ħsara fuq il-vittmi, id-disponibilità ta' servizzi li jipprovdu l-informazzjoni u l-appoġġ imfassla b'mod speċifiku għall-ħtiġijiet tal-vittmi u l-mezzi biex jinkiseb aċċess għal dawn is-servizzi.

Barra minn hekk, dan l-Artikolu jiżgura li dawk li jipprovdu servizzi ta' appoġġ għall-vittmi jew ta' ġustizzja restorattiva għandhom ikunu mħarrġa wkoll sakemm jilħqu livell xieraq li jippermettilhom li jittrattaw lill-vittmi b'rispett u b'imparzjalità u li jipprovdu s-servizzi tagħhom bi standard professjonali.

4.           Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

L-objettiv tal-proposta ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom, peress li l-għan tal-proposta huwa li tippromwovi l-fiduċja bejniethom u għalhekk huwa importanti li jkun hemm qbil dwar standards minimi komuni li japplikaw fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-proposta se tqarreb ir-regoli sostantivi tal-Istati Membri dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità sabiex tinbena fiduċja reċiproka.

Barra minn hekk, hemm element kbir ta’ vittimizzazzjoni transkonfinali fejn għadd sinifikanti ta’ ċittadini tal-UE li jgħixu, jaħdmu jew jivvjaġġaw fl-UE jispiċċaw vittmi tal-kriminalità meta jkunu barra minn pajjiżhom. Jista’ jkun partikolarment diffiċli għal persuni f’sitwazzjonijiet bħal dawn biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u għalhekk kwalunkwe proċeduri kriminali jistgħu jkunu ta’ piż addizzjonali fuqhom. Iċ-ċittadini għandu jkollhom il-possibilità li jserrħu rashom li madwar l-UE kollha għandhom aċċess għal livell minimu ta' drittijiet.

Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

5.           Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità billi tillimita ruħha għall-minimu rikjest biex tikseb l-għan iddikjarat f'livell Ewropew u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak l-iskop.

2011/0129 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari

L-Artikolu 82(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[20],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[21],

Li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea stipulat għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja msejsa fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kriminali.

(2) L-Unjoni ħadet impenn biex tipproteġi l-vittmi ta' delitti u biex tistabbilixxi standards minimi u adottat id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-proċeduri kriminali. Skont il-Progamm ta’ Stokkolma, li ġie adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-10 u tal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ġew mitluba jeżaminaw il-metodi ta’ kif se jiġu mtejba l-leġiżlazzjoni u l-miżuri prattiċi ta’ appoġġ għall-protezzjoni tal-vittmi.

(3) Permezz tar-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar it-tneħħija tal-vjolenza fuq in-nisa, il-Parlament Ewropew stieden lill-Istati Membri biex itejbu l-liġijiet u l-politiki nazzjonali tagħhom biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u biex jaġixxu bil-ħsieb li jingħelbu r-raġunijiet tal-vjolenza fuq in-nisa, billi jadottaw b'mod partikolari miżuri preventivi u stieden lill-Unjoni biex tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna u l-appoġġ għall-vittmi kollha tal-vjolenza.

(4) L-Artikolu 82(2) tat-Trattat jagħmel dispożizzjoni għall-istabbiliment tar-regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri sabiex ikunu ffaċilitati r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ta’ natura transkonfinali. Il-punt (c) tal-Artikolu 82(2) jirriferi għad-"drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità" bħala wieħed mill-oqsma li fihom jistgħu jiġu stabbiliti regoli minimi.

(5) Il-kriminalità hija reat kontra s-soċjetà kif ukoll ksur tad-drittijiet individwali tal-vittmi. Fil-fatt, il-vittmi għandhom jiġu rikonoxxuti u trattati b’rispett, b’sensibilità u bi professjonalità fil-kuntatti kollha tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi, mas-servizzi tal-appoġġ għall-vittmi jew mas-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva billi jitqiesu s-sitwazzjoni personali tagħhom u l-ħtiġijiet immedjati tagħhom kif ukoll l-età, is-sess, id-diżabilità u l-livell ta’ maturità u b’rispett sħiħ lejn l-integrità fiżika, mentali u morali tagħhom. Għandhom jiġu protetti minn vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta u mill-intimidazzjoni, għandhom jirċievu appoġġ xieraq biex jiġi ffaċilitat l-irkupru tagħhom u għandhom jingħataw aċċess suffiċjenti għall-ġustizzja.

(6) Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI. Peress li l-emendi li għandhom isiru huma ta’ għadd u ta' natura sostanzjali, id-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi sostitwita kompletament fl-interess taċ-ċarezza.

(7) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, tfittex li tippromwovi d-dritt għad-dinjità, għall-ħajja, għall-integrità fiżika u mentali, għall-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, id-dritt għall-proprjetà u d-drittijiet tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b'diżabilità, u d-dritt għal smigħ xieraq.

(8) Din id-Direttiva tistipula regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni.

(9) Persuna għandha titqies li hija vittma irrispettivament minn jekk l-awtur jiġix identifikat, maqbud, imressaq il-qorti jew jekk jinstabx ħati u irrispettivament mir-relazzjoni ta' familja bejn l-awtur u l-vittma. B’riżultat tad-delitt anki l-membri tal-familja tal-vittmi jsofru d-danni, b’mod partikolari l-familja ta’ vittma li tkun tilfet ħajjitha, li jkollha interess leġittimu fil-proċeduri kriminali. Għalhekk, vittmi indiretti bħal dawn għandhom jibbenefikaw ukoll mill-protezzjoni permezz ta' din id-Direttiva. Il-vittmi jeħtieġu appoġġ u għajnuna xierqa anki qabel jirrappurtaw id-delitt. Dan l-appoġġ jaf ikun kruċjali kemm biex il-vittma tirkupra kif ukoll fi kwalunkwe deċiżjoni li finalment twassalha biex tirrapporta d-delitt.

(10) Meta tiġi pprovduta l-informazzjoni, għandu jingħata biżżejjed dettall biex jiġi żgurat li l-vittmi jkunu trattati b'rispett u biex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċeduri u dwar kif għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni li tippermetti lill-vittma li tkun aġġornata dwar l-istat attwali ta' kwalunkwe proċeduri u tal-progress tagħhom hija partikolarment importanti. Dan huwa rilevanti bl-istess mod fir-rigward tal-informazzjoni li tippermetti lill-vittma li tiddeċiedi dwar jekk għandhiex tressaq talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ma jkunx se jiġi mixli.

(11) L-informazzjoni u l-pariri mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi u mis-servizzi tal-ġustizzja restorattiva għandha tingħata kemm jista’ jkun b’diversi mezzi li jinftiehmu mill-vittma. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-vittma tista' tinftiehem waqt il-proċeduri. F’dan ir-rigward, għandhom jitqiesu l-għarfien tal-vittma tal-lingwa użata biex tingħata l-informazzjoni, l-età tagħha, il-maturità tagħha, il-kapaċitajiet intellettwali u emottivi tagħha, il-livell ta’ litteriżmu u kwalunkwe indeboliment mentali jew fiżiku bħal dawk marbuta mal-vista jew mas-smigħ. Bl-istess mod, waqt il-proċeduri kriminali għandhom jitqiesu wkoll il-limitazzjonijiet fil-kapaċitajiet tal-vittma li tikkomunika l-informazzjoni.

(12) Ma tistax issir ġustizzja b’mod effettiv sakemm il-vittma ma tkunx tista’ tispjega tajjeb iċ-ċirkostanzi tad-delitt li tkun ġarrbet u tipprovdi l-provi tagħha lill-awtoritajiet kompetenti b’mod li jinftiehem. Huwa daqstant importanti li jiġi żgurat li l-vittmi jiġu trattati b'rispett u li jkollhom il-possibilità li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Għaldaqstant, is-servizzi ta' interpretu bla ħlas għandhom dejjem ikunu disponibbli waqt l-interrogazzjoni tal-vittma u fis-seduti tal-qorti li tipparteċipa fihom il-vittma. Fir-rigward ta’ aspetti oħrajn tal-proċeduri kriminali, il-ħtieġa għall-interpretar u t-traduzzjoni tista’ tvarja skont il-kwistjonijiet speċifiċi, l-istatus tal-vittma u l-involviment tagħha fil-proċeduri u kwalunkwe drittijiet speċifiċi li jista’ jkollha. Fil-fatt, jeħtieġ li s-servizzi ta’ interpretar u ta' traduzzjoni għal dawn il-każijiet l-oħrajn. jiġu pprovduti biss sa fejn ikun neċessarju biex il-vittmi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

(13) L-appoġġ, kemm jekk ipprovdut minn organizzazzjoni governattiva jew minn organizzazzjoni mhux governattiva, għandu jkun disponibbli mill-mument li fih jitwettaq id-delitt kif ukoll matul il-proċeduri kriminali kollha u wara li jintemmu l-proċeduri, skont il-ħtiġijiet tal-vittma. L-appoġġ għandu jingħata b’mezzi varji, mingħajr formalitajiet żejda u b’distribuzzjoni ġeografika suffiċjenti, li jippermettu li l-vittmi kollha jkollhom l-opportunità ta' aċċess għal dawn is-servizzi. Jista’ jkun li ċerti gruppi ta’ vittmi, bħall-vittmi ta’ vjolenza sesswali, ta’ delitti minħabba l-ġeneru, minħabba l-mibegħda lejn ir-razza jew ta' delitti oħra ta’ preġudizzju jew il-vittmi tat-terroriżmu, ikunu jeħtieġu servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat minħabba l-karatteristiċi partikolari tad-delitt li jkun sar fil-konfront tagħhom.

(14) Minkejja li l-għoti ta’ appoġġ m’għandux jiddependi fuq il-fatt li l-vittma tagħmel kwerela ma' awtorità kompetenti, bħall-pulizija, dawn l-awtoritajiet spiss ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jinfurmaw il-vittmi dwar il-possibilità ta’ appoġġ. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa biex jistabbilixxu kundizzjonijiet xierqa li jippermettu li l-vittmi jiġu rreferiti għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, anki billi jkun żgurat li jiġu rrispettati r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta.

(15) Kwalunkwe reviżjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ma jiġix mixli għandha titwettaq minn persuna jew minn awtorità differenti minn dik li tkun tat id-deċiżjoni oriġinali. Il-mekkaniżmi u l-proċeduri li jintużaw għal reviżjoni bħal din għandhom jiġu applikati skont il-liġi nazzjonali.

(16) Is-servizzi ta' ġustizzja restorattiva, li jinkludu pereżempju l-medjazzjoni bejn il-vittma u l-ħati il-konferenzi fi grupp tal-familja u l-gruppi ta’ konsulenti li jissuġġerixxu lill-imħallfin l-aħjar piena ("sentencing circles"), jistgħu jkunu ta’ benefiċċju kbir għall-vittma imma jkollhom bżonn ta' salvagwardji biex tiġi evitata vittimizzazzjoni ulterjuri. Għaldaqstant, dawn is-servizzi għandhom primarjament iqisu l-interessi u l-ħtiġijiet tal-vittma, it-tiswija tad-danni li tkun ġarrbet il-vittma u l-prevenzjoni ta’ iktar danni. Meta każ jintbagħat għall-proċess restorattiv u jinbeda dan il-proċess, iridu jitqiesu fatturi bħall-iżbilanċ fil-poteri, l-età, il-maturità jew il-kapaċità intellettwali tal-vittma li jistgħu jillimitaw jew inaqqsu l-kapaċità tal-vittma li tagħmel għażla infurmata jew li jistgħu jtellfu lill-vittma milli jkollha riżultat pożittiv. Filwaqt li, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor bejn il-partijiet, il-proċedimenti privati ġeneralment għandhom ikunu kunfidenzjali, jista’ jagħti l-każ li ċerti fatturi bħal theddid li jsir matul il-proċess għandhom ikunu żvelati fl-interess pubbliku.

(17) Waqt il-proċeduri kriminali uħud mill-vittmi jkunu partikolarment vulnerabbli għall-vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta u għall-intimidazzjoni min-naħa tal-imputati jew tal-kompliċi tiegħu. Vulnerabilità ta’ dan it-tip ġeneralment tista’ tiġi identifikata mill-karatteristiċi personali tal-vittma u mit-tip jew min-natura tad-delitt. Fuq il-bażi ta’ dan, ħafna drabi xi vittmi bħat-tfal, il-persuni b’diżabilità, il-vittmi tal-vjolenza sesswali u l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ikunu vulnerabbli li jiġu vittimizzati iktar u jkunu jeħtieġu miżuri speċjali ta' protezzjoni. L-aċċess għall-miżuri ta’ protezzjoni għandu jkun limitat biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħall-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali tal-imputat jew tal-persuna suspettata, jew meta l-vittma tkun tixtieq hekk. Din id-Direttiva ma tittrattax l-istess kwistjonijiet tal-każijiet ta’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u ta’ vittmi tfal ta’ abbużi sesswali, ta' sfruttamenti sesswali u ta’ pedopornografija, jekk diġà jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi u iktar dettaljati dwarhom inklużi fi strumenti separati adottati jew li qegħdin jiġu negozjati.

(18) Lil hinn minn dawn il-kategoriji kwalunkwe persuna tista’ tkun vulnerabbli, dejjem fuq il-bażi tal-karatteristiċi personali u tad-delitt. Dawn il-vulnerabilitajiet jistgħu jiġu identifikati b’mod effettiv biss permezz ta’ valutazzjonijiet individwali, imwettqa mill-iktar fis possibbli minn min ikun f'pożizzjoni li jagħmel rakkomandazzjoni dwar il-miżuri ta' protezzjoni. Il-valutazzjoni għandha tqis b’mod partikolari l-età, is-sess u l-identità tal-ġeneru, l-etniċità, ir-razza, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, il-qagħda tas-saħħa, id-diżabilità, id-diffikultajiet ta' komunikazzjoni, ir-relazzjoni mal-persuna suspettata jew akkużata jew id-dipendenza fuqha, xi esperjenzi preċedenti ta' kriminalità, it-tip jew in-natura tad-delitt, bħall-kriminalità organizzata, it-terroriżmu jew id-delitti ta’ preġudizzju u jekk il-vittma tkunx persuna barranija jew le. Il-vittmi tat-terroriżmu jkunu jeħtieġu attenzjoni partikolari fi kwalunkwe valutazzjoni minħabba n-natura varja ta’ dawn l-atti li jvarjaw minn atti ta’ terroriżmu tal-massa sa terroriżmu mmirat lejn l-individwi.

(19) Il-vittmi li jkunu ġew identifikati bħala vulnerabbli għandhom jingħataw miżuri xierqa sabiex ikunu protetti waqt il-proċeduri kriminali. In-natura preċiża u l-ambitu ta’ dawn il-miżuri għandhom jiġu ddeterminati permezz ta' valutazzjoni individwali, b'diskussjonijiet mal-vittma u skont ir-regoli tad-diskrezzjoni ġudizzjarja. Il-preokkupazzjonijiet u l-biżgħat tal-vittma fir-rigward tal-proċeduri għandhom ikunu fattur ewlieni fid-determinazzjoni ta’ jekk ikunx hemm bżonn ta' xi miżura partikolari.

(20) Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, għandha tingħata konsiderazzjoni primarja lill-aħjar interess tat-tfal, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

(21) Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jgawdu mid-drittijiet f’din id-Direttiva bl-istess mod bħal ċittadini oħra, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, b’mod partikolari skont id-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-dritt għal rikonoxximent ugwali quddiem il-liġi, id-dritt għal aċċess indaqs għall-ġustizzja, id-dritt għall-aċċess għal informazzjoni u għall-aċċessibilità għall-binjiet, kif ukoll id-dritt għal-libertà minn trattamenti mhux umani jew degradanti u d-dritt għal-libertà mill-vjolenza u l-abbuż.

(22) Għandu jiġi limitat ir-riskju ta’ vittimizzazzjoni ulterjuri mill-awtur jew b’riżultat tal-parteċipazzjoni fil-proċeduri kriminali billi l-proċedimenti jitwettqu b’mod koordinat li jittratta l-vittmi b’rispett u li jippermettilhom li jiksbu fiduċja fl-awtoritajiet. L-interazzjoni mal-awtoritajiet għandha tkun faċli kemm jista’ jkun u fl-istess ħin l-għadd ta’ interazzjonijiet bla bżonn mal-vittma għandu jkun limitat, pereżempju billi jintużaw reġistrazzjonijiet bil-vidjo ta’ interrogazzjonijiet u bili jkun permess li dawn jintużaw fil-proċeduri tal-qorti. Il-prattikanti għandu jkollhom medda wiesgħa ta’ miżuri disponibbli biex tiġi evitata s-sofferenza tal-vittma waqt il-proċedimenti fil-qorti, b’mod partikolari minħabba l-kuntatt viżiv mal-imputat, mal-familja tiegħu, mal-kompliċi tiegħu jew mal-membri tal-pubbliku. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa biex fejn xieraq jintroduċu miżuri fattibbli u prattiċi, li jippermettu li fil-qorti jkun hemm żoni separati fejn il-vittmi jkunu jistgħu jistennew. Il-protezzjoni tal-privatezza tal-vittma tista’ tkun mezz importanti ta' kif tiġi evitata iktar vittimizzazzjoni u tista' tinkiseb permezz ta' sensiela ta' miżuri li jinkludu l-projbizzjoni tal-iżvelar jew limitazzjonijiet fl-iżvelar ta' informazzjoni li tirrigwarda l-identità u l-post fejn tkun tinsab il-vittma. Din il-protezzjoni hija partikolarment importanti għall-vittmi tfal, u tinkludi wkoll il-projbizzjoni tal-iżvelar tal-isem tat-tifel jew tat-tifla.

(23) Meta, f'konformità ma' din id-Direttiva, jkollhom jinħatru tutur u/jew rappreżentant għat-tifel jew tifla, dawk ir-rwoli jistgħu jitwettqu mill-istess persuna jew minn persuna ġuridika, istituzzjoni jew awtorità.

(24) Kwalunkwe uffiċjali involuti fi proċeduri kriminali u li x’aktarx li jkollhom kuntatt mal-vittmi għandhom jiġu mħarrġa biex ikunu kapaċi jidentifikaw u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-vittmi, kemm permezz tat-taħriġ tal-bidu u tat-taħriġ kontinwu kif ukoll sal-livell xieraq biex ikollhom kuntatt mal-vittmi. Dan għandu jinkludi taħriġ speċjalizzat kif xieraq.

(25) L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jaħdmu mill-qrib magħhom, inkluż l-organizzazzjonijiet mhux governattivi rikonoxxuti u attivi li jaħdmu mal-vittmi tal-kriminalità, b'mod partikolari f'inizjattivi ta' tfassil tal-politika, f’kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, fi programmi ta' riċerka u ta' edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatt ta' miżuri li joffru appoġġ u protezzjoni lill-vittmi tal-kriminalità.

(26) Peress li l-għan li jintlaħqu standards minimi komuni ma jistax jintlaħaq mill-Istati Membri jekk jaġixxu unilateralment, kemm fil-livell nazzjonali, f'dak reġjonali kif ukoll f'dak lokali imma, minħabba d-daqs u l-effetti potenzjali tiegħu, jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(27) Id-dejta personali pproċessata meta tiġi implimentata din id-Direttiva għandha tkun protetta skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[22] u skont il-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali, irratifikata mill-Istati Membri kollha.

(28) Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa dispożizzjonijiet usa' ta’ atti oħra tal-UE li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ vittmi partikolarment vulnerabbli b'mod aktar immirat.

(29) [F'konformità mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward taż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva] JEW [Bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward taż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà, u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux se jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhux se jkunu marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha][23].

(30) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Kapitolu 1

DISPOŻIZZJONIJIET TAL-BIDU

Artikolu 1 Għanijiet

L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jkun żgurat li l-vittmi kollha tal-kriminalità jingħataw protezzjoni u appoġġ xierqa u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri kriminali u li jiġu rikonoxxuti u trattati b’rispett, b’sensibilità u bi professjonalità, mingħajr ma jġarrbu kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni fil-kuntatti kollha li jkollhom mal-awtoritajiet pubbliċi, mal-appoġġ għall-vittmi jew mas-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a)          "vittma" jfisser

(i)      persuna fiżika li tkun ġarrbet dannu, inkluż dannu fiżiku jew mentali, sofferenza emottiva jew telf finanzjarju, li jkun ġie kkawżat direttament minn reat kriminali;

(ii)     il-membri tal-familja ta’ persuna li tkun tilfet ħajjitha minħabba reat kriminali;

(b)          "membri tal-familja" jfisser il-konjuġi, il-koabitant barra ż-żwieġ, is-sieħeb irreġistrat, il-qraba f’linja diretta, l-aħwa u l-persuni dipendenti fuq il-vittma.

(c)          "koabitant barra ż-żwieġ" ifisser persuna li tgħix mal-vittma f'relazzjoni stabbli u kontinwa li ma tkunx irreġistrata ma' xi awtorità;

(d)          "sieħeb irreġistrat" ifisser is-sieħeb/sieħba li l-vittma jkollha sħubija rreġistrata miegħu/magħha, skont il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru;

(e)          ‘servizzi ta’ ġustizzja restorattiva’ ifisser servizzi li l-għan tagħhom ikun l-għaqda tal-vittma u tal-akkużat bil-għan li jintlaħaq ftehim volontarju bejniethom dwar kif tista’ tiġi indirizzata l-ħsara kkawżata mir-reat;

(f)           "tifel jew tifla" jfisser kwalunkwe persuna taħt l-età ta' 18-il sena;

(g)          "persuna b’diżabbiltà" jfisser persuna li għandha indeboliment fiżiku, mentali, intellettwali jew fis-sensi li, fl-interazzjoni b'diversi ostakli, jista’ jxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħha fis-soċjetà fuq l-istess livell ta’ ħaddieħor.

Kapitolu 2

L-GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI U APPOĠĠ

Artikolu 3 Id-dritt li tingħata informazzjoni mal-ewwel kuntatt li jsir ma' awtorità kompetenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jingħataw, mingħajr dewmien bla bżonn u sa mill-ewwel kuntatt tagħhom mal-awtorità kompetenti biex tilqa' kwereli dwar reati kriminali, l-informazzjoni li ġejja:

(a)          fejn u kif jistgħu jagħmlu kwerela fir-rigward ta' reat kriminali;

(b)          dettalji dwar is-servizzi jew l-organizzazzjonijiet li jistgħu jagħtuhom l-appoġġ;

(c)          it-tip ta' appoġġ li jistgħu jiksbu;

(d)          il-proċeduri li jsegwu wara li ssir il-kwerela dwar reat u r-rwol tagħhom b’konnessjoni ma’ dawn il-proċeduri;

(e)          kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiksbu l-protezzjoni;

(f)           sa liema punt u b’liema kundizzjonijiet huma intitolati li jirċievu pariri legali, għajnuna legali jew kwalunkwe tip ieħor ta' pariri;

(g)          sa liema punt u b’liema kundizzjonijiet huma intitolati li jirċievu kumpens, inkluż il-limiti ta' żmien biex jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom;

(h)          jekk ikunu residenti fi Stat Membru ieħor, informazzjoni dwar kull arranġament speċjali disponibbli għalihom sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom;

(i)           kwalunkwe proċeduri biex iressqu lment meta d-drittijiet tagħhom ma jiġux irrispettati;

(j)           id-dettalji ta’ kuntatt għall-komunikazzjonijiet dwar il-każ tagħhom.

Artikolu 4 Id-dritt li jingħataw informazzjoni dwar il-każ tagħhom

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jiġu notifikati bid-dritt tagħhom li jingħataw l-informazzjoni li ġejja dwar il-każ tagħhom u bil-fatt li din l-informazzjoni tingħatalhom jekk huma jkunu esprimew ix-xewqa li jirċievuha:

(a)     kwalunkwe deċiżjoni, inklużi l-motivazzjonijiet għal dik id-deċiżjoni, li permezz tagħha jintemmu l-proċeduri kriminali mibdija b’riżultat ta’ kwerela magħmula mill-vittma fir-rigward ta' reat kriminali, bħad-deċiżjoni li l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ma jitkomplewx jew jintemmu, jew is-sentenza finali fi proċess quddiem qorti kriminali, inkluża kwalunkwe sentenza;

(b)     informazzjoni li tippermetti lill-vittma li tkun mgħarrfa bis-sitwazzjoni tal-proċeduri kriminali li jkunu nbdew b'riżultat tal-kwerela magħmula minnha fir-rigward ta' reat kriminali, sakemm, f’każijiet eċċezzjonali, dan ma jaffettwax ħażin l-amministrazzjoni tal-każ;

(c)     il-ħin u l-post ta’ fejn se jsir il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jingħataw l-opportunità li jiġu notifikati meta l-persuna mixlija jew misjuba ħatja tar-reati fil-konfront tagħhom tiġi rilaxxata mill-kustodja. Il-vittmi għandhom jingħataw din l-informazzjoni jekk huma jkunu esprimew ix-xewqa li jiġu infurmati.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi li jiddikjaraw li ma jixtiqux jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, fil-fatt ma jingħatawx din l-informazzjoni.

Artikolu 5 Id-dritt li wieħed jifhem u li jinftiehem

L-Istati Membri għandhom jieħdu il-miżuri biex jiżguraw li l-vittmi jifhmu u jistgħu jinftiehmu fi kwalunkwe interazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi fi proċeduri kriminali, anki meta l-informazzjoni tiġi trażmessa minn awtoritajiet bħal dawn.

Artikolu 6 Id-dritt għall-interpretar u għat-traduzzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi li ma jifhmux jew li ma jitkellmux il-lingwa li biha jkunu qed isiru l-proċeduri kriminali kkonċernati, jingħataw servizzi ta’ interpretar bla ħlas, jekk ikunu jixtiequ, matul kwalunkwe intervisti jew interrogazzjonijiet li jsiru lill-vittma waqt il-proċeduri kriminali quddiem awtorità investigattiva jew ġudizzjarja, anki waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, u jingħataw servizzi ta' interpretar għas-seduti kollha tal-qorti li jipparteċipaw fihom u fi kwalunkwe seduti interim oħra neċessarji.

2. Sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fil-proċeduri kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interpretar ikun disponibbli, bla ħlas, fil-każijiet l-oħra kollha u fuq it-talba tal-vittma, skont il-ħtiġijiet tal-vittma u r-rwol tagħha f'dawk il-proċeduri.

3. Fejn xieraq, tista' tintuża teknoloġija tal-komunikazzjoni bħall-konferenzi bil-vidjo, komunikazzjoni bit-telefon jew bl-internet, sakemm il-preżenza fiżika tal-interpretu ma tkunx meħtieġa biex il-vittma tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha kif xieraq jew biex tifhem il-proċeduri.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li vittma li ma tifhimx jew li ma titkellimx il-lingwa użata fil-proċeduri kriminali kkonċernati għandha tirċievi bla ħlas, jekk hi tkun tixtieqhom, it-traduzzjonijiet tal-informazzjoni li ġejja, , kemm-il darba din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-vittma:

(a)     il-kwerela fir-rigward tar-reat kriminali li tkun saret lill-awtorità kompetenti;

(b)     kwalunkwe deċiżjoni li permezz tagħha jintemmu l-proċeduri kriminali marbuta mar-reat kriminali rrappurtat mill-vittma, li tinkludi mill-inqas sommarju tar-raġunijiet li għalihom tkun ittieħdet id-deċiżjoni;

(c)     informazzjoni essenzjali biex il-vittma teżerċita d-drittijiet tagħha fil-proċeduri kriminali skont il-ħtiġijiet u r-rwol tagħha f’dawk il-proċeduri.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċedura jew mekkaniżmu fis-seħħ biex jiġi ddeterminat jekk il-vittma tifhimx jew titkellimx bil-lingwa użata fil-proċeduri kriminali u jekk tkunx teħtieġ it-traduzzjoni u l-assistenza ta' interpretu.

6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont il-proċeduri fil-liġi nazzjonali, il-vittmi jkollhom id-dritt li jikkontestaw deċiżjoni li tikkonkludi li m’hemmx il-ħtieġa ta’ interpretar jew ta' traduzzjoni, u meta jiġi pprovdut is-servizz ta' interpretar jew ta' traduzzjoni, li jkollhom il-possibbiltà li jilmentaw jekk il-kwalità tal-interpretar ma tkunx suffiċjenti biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom jew biex jifhmu l-proċeduri.

Artikolu 7 Id-dritt għall-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom ikollhom aċċess bla ħlas u kunfidenzjali għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, skont il-ħtiġijiet tagħhom.

2. Mill-inqas, dawn is-servizzi għandhom jipprovdu:

(a)     informazzjoni, pariri u appoġġ rilevanti għad-drittijiet tal-vittmi, inkluża l-informazzjoni dwar l-aċċess għal skemi statali ta’ kumpens għal danni mġarrba minħabba xi delitt, u r-rwol tagħhom fil-proċeduri kriminali u inkluż fit-tħejjija għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri quddiem il-qorti kriminali;

(b)     informazzjoni dwar is-servizzi speċjalizzati u fejn ikun xieraq, ir-referenza tal-vittmi għal dawn is-servizzi;

(c)     appoġġ emottiv u psikoloġiku;

(d)     pariri rigward il-kwistjonijiet finanzjarji u prattiċi b’konsegwenza tad-delitt.

3. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-referenza tal-vittmi għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, mill-awtorità li tkun irċeviet il-kwerela u minn aġenziji rilevanti oħra.

4. Barra mis-servizzi ġenerali ta’ appoġġ għall-vittmi, l-Istati Membri għandhom jippromwovu t-twaqqif jew l-iżvilupp ta’ servizzi speċjalizzati ta’ appoġġ.

Kapitolu 3

IL-PARTEĊIPAZZJONI FIL-PROĊEDURI KRIMINALI

Artikolu 8 Id-dritt tal-vittmi li jirċievu konferma tal-wasla tal-kwerela tagħhom

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jirċievu konferma bil-miktub ta’ kwalunkwe kwerela li jkunu għamlu ma’ xi awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

Artikolu 9 Id-dritt li wieħed jinstema'

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkunu jistgħu jinstemgħu waqt il-proċeduri kriminali u jkunu jistgħu jagħtu x-xhieda tagħhom.

Artikolu 10 Id-drittijiet f'każ li tittieħed id-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ma jiġix mixli

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkollhom id-dritt għal reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ma jkunx se jiġi mixli.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jingħataw biżżejjed informazzjoni biex jiddeċiedu dwar jekk għandhomx jitolbu għal reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li permezz tagħha l-awtur ma jkunx se jiġi mixli.

Artikolu 11 Id-dritt għal salvagwardji fil-kuntest ta’ medjazzjoni u ta’ servizzi oħra ta’ ġustizzja restorattiva

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu standards, li għandhom jiġu applikati waqt il-proċeduri ta’ medjazzjoni jew ta’ servizzi ta’ ġustizzja restorattiva oħra, biex il-vittma tkun salvagwardjata minn intimidazzjoni jew minn vittimizzazzjoni ulterjuri. Dawn l-istandards għandhom jinkludu mill-inqas il-punti li ġejjin:

(a)     is-servizzi ta’ medjazzjoni jew ta’ ġustizzja restorattiva jintużaw biss jekk ikun fl-interess tal-vittma, u fuq il-bażi ta’ kunsens liberu u infurmat; dan il-kunsens jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe mument;

(b)     qabel ma l-vittma taqbel li tipparteċipa fil-proċess, hija għandha tingħata informazzjoni kompleta u imparzjali dwar il-proċess u dwar ir-riżultati potenzjali kif ukoll informazzjoni dwar il-proċeduri ta' sorveljanza tal-implimentazzjoni ta' kwalunkwe ftehim;

(c)     il-persuna suspettata jew akkużata jew l-awtur tar-reat trid/irid tkun/ikun aċċettat/aċċetta r-responsabilità tal-għemil tagħha/tiegħu;

(d)     kwalunkwe ftehim irid jintlaħaq b’mod volontarju u għandu jitqies fi kwalunkwe proċeduri kriminali ulterjuri;

(e)     id-diskussjonijiet li jsiru waqt il-medjazzjoni jew waqt proċessi oħra ta’ ġustizzja restorattiva u li ma jkunux saru fil-pubbliku huma kkunsidrati kunfidenzjali u għalhekk ma jiġux żvelati, ħlief bi ftehim tal-partijiet jew sakemm dan ma jintalabx mil-liġi nazzjonali minħabba li jkun hemm interess pubbliku ikbar.

2. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-referenza tal-każijiet għas-servizzi tal-medjazzjoni jew għal servizzi oħra ta' ġustizzja restorattiva, anki permezz tal-istabbiliment ta' protokolli dwar il-kundizzjonijiet ta’ referenza.

Artikolu 12 Dritt għal għajnuna legali

Meta l-vittmi jkunu parti mill-proċeduri kriminali l-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma jkollhom aċċess għall-għajnuna legali, skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 13 Id-dritt għal rimborż tal-ispejjeż

Skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jippermettu li l-vittmi li jipparteċipaw fil-proċeduri kriminali jkollhom il-possibbiltà li jiġu rimborżati tal-ispejjeż li jkunu ġarrbu b’konnessjoni mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċeduri kriminali, inkluż il-preżenza tagħhom fil-proċess quddiem il-qorti kriminali.

Artikolu 14 Id-dritt ta’ radd lura tal-proprjetà

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proprjetà tal-vittmi li tista’ tiġi rkuprata u li tiġi sekwestrata matul il-proċeduri kriminali, tintradd lura lilhom mingħajr dewmien, sakemm ma tkunx meħtieġa għall-iskop tal-proċeduri kriminali.

Artikolu 15 Id-dritt li matul il-proċeduri kriminali tittieħed deċiżjoni dwar il-kumpens li għandu jingħata mingħand il-ħati

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li matul il-proċeduri kriminali, il-vittmi jkunu intitolati li tittieħed deċiżjoni dwar il-kumpens li għandu jingħata mingħand il-ħati, fi żmien raġonevoli.

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika meta l-liġi nazzjonali tistipula li r-riżarċiment jew il-kumpens għandu jingħata b’modi oħra.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jinkoraġġixxu lill-ħatja biex jipprovdu kumpens adegwat lill-vittmi.

Artikolu 16 Id-drittijiet ta’ vittmi residenti fi Stat Membru ieħor

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri adattati biex inaqqsu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi meta dawn ikunu residenti fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikun seħħ ir-reat, partikolarment fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċeduri. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikun seħħ id-delitt għandhom, b’mod partikolari, ikunu f’pożizzjoni li:

– jiksbu dikjarazzjoni mingħand il-vittma immedjatament wara li ssir il-kwerela dwar ir-reat kriminali mal-awtorità kompetenti;

– jirrikorru sa fejn ikun possibbli għad-dispożizzjonijiet dwar il-konferenzi bil-vidjo u t-telefonati ta' konferenza stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta' Mejju 2000, bil-għan li jinstemgħu l-vittmi residenti f'pajjiżi oħra.

2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi ta’ reati kriminali li jseħħu fi Stat Membru differenti minn dak ta’ fejn jirrisjedu jkunu jistgħu jagħmlu kwerela mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, jekk ma jkunx possibbli għalihom li jagħmluha fl-Istat Membru fejn ikun seħħ ir-reat jew, fil-każ ta' reat serju kkontemplat mil-liġi nazzjonali jekk ma jkunux jixtiequ jagħmluha.

3. Mingħajr ħsara għall-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru li jirċievi l-kwerela, l-awtorità kompetenti li magħha tkun saret il-kwerela għandha tibgħatha mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti fit-territorju fejn ikun seħħ ir-reat kriminali.

Kapitolu 4

IR-RIKONOXXIMENT TAL-VULNERABILITÀ U L-PROTEZZJONI TAL-VITTMI

Artikolu 17 Id-dritt għall-protezzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri disponibbli għall-protezzjoni tas-sikurezza tal-vittmi u tal-membri tal-familja tagħhom kontra r-ritaljazzjoni, l-intimidazzjoni, il-vittimizzazzjoni ripetuta jew vittimizzazzjoni ulterjuri.

2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu b’mod partikolari proċeduri dwar il-protezzjoni fiżika tal-vittmi u tal-membri tal-familja tagħhom, miżuri li jiżguraw li jiġi evitat il-kuntatt bejn l-awturi tar-reat u l-vittmi fil-binjiet fejn isiru l-proċeduri kriminali u miżuri li jiżguraw li jiġi mminimizzat ir-riskju ta' danni psikoloġiċi jew emottivi tal-vittmi waqt l-interrogazzjoni jew meta jagħtu x-xhieda tagħhom u li jiġu ggarantiti s-sikurezza u d-dinjità tagħhom.

Artikolu 18 L-identifikazzjoni ta’ vittmi vulnerabbli

1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-kategoriji ta' vittmi li ġejjin huma meqjusa vulnerabbli minħabba l-karatteristiċi personali tagħhom:

(a)     It-tfal;

(b)     Il-persuni b’diżabilità.

2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kategoriji ta' vittmi li ġejjin huma meqjusa vulnerabbli minħabba n-natura jew it-tip ta' delitt li jkunu ġarrbu:

(a)     Il-vittmi ta' vjolenza sesswali;

(b)     Il-vittmi ta' traffikar tal-bnedmin.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi l-oħra kollha ssirilhom valutazzjoni individwali u f’waqtha, skont il-proċeduri nazzjonali, biex jiġi ddeterminat jekk, minħabba l-karatteristiċi presonali tagħhom jew minħabba ċ-ċirkostanzi jew it-tip jew in-natura tad-delitt, humiex vulnerabbli għal vittimizzazzjoni jew intimidazzjoni sekondarja jew ripetuta.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi kollha vulnerabbli identifikati fil-paragrafi 1, 2 u 3, ssirilhom valutazzjoni individwali u f’waqtha, skont il-proċeduri nazzjonali, biex jiġi ddeterminat minn liema mill-miżuri speċjali stipulati fl-Artikoli 21 u 22 huma għandhom jibbenefikaw. Din it-tip ta' valutazzjoni għandha tqis ix-xewqat tal-vittma vulnerabbli, anki x-xewqa li ma tibbenefikax mill-miżuri speċjali.

5. L-ambitu tal-valutazzjoni jista' jiġi adattat skont il-gravità tad-delitt u l-grad tad-danni viżibbli li tkun ġarrbet il-vittma.

Artikolu 19 Id-dritt li jiġi evitat il-kuntatt bejn il-vittma u l-ħati

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu b’mod progressiv il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jippermettu li jiġi evitat il-kuntatt bejn il-vittmi u l-persuni suspettati jew akkużati fi kwalunkwe lok fejn il-vittmi jista' jkollhom kuntatt personali mal-awtoritajiet pubbliċi minħabba l-fatt li huma jkunu l-vittmi u b'mod partikolari, fil-postijiet fejn isiru l-proċeduri kriminali.

Artikolu 20 Id-dritt għall-protezzjoni tal-vittmi waqt l-interrogazzjoni fl-investigazzjonijiet kriminali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)     il-vittmi jiġu interrogati mingħajr dewmien mhux ġustifikat wara li jagħmlu l-kwerela tagħhom fir-rigward ta’ reat kriminali mal-awtoritajiet kompetenti;

(b)     l-għadd ta’ interrogazzjonijiet mal-vittmi jkun limitat kemm jista’ jkun u li l-interrogazzjonijiet isiru biss meta jkun strettament meħtieġ għall-iskopijiet tal-proċeduri kriminali;

(c)     il-vittmi jkunu jistgħu jkunu akkumpanjati, fejn xieraq, mir-rappreżentant legali tagħhom, jew minn persuna li jagħżlu huma stess, sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni motivata kuntrarja fir-rigward ta’ dik il-persuna.

Artikolu 21 Id-dritt għall-protezzjoni ta’ vittmi vulnerabbli waqt il-proċeduri kriminali

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi vulnerabbli msemmija fl-Artikolu 18 ikunu jibbenefikaw mill-miżuri stipulati fil-paragrafi 2 u 3 skont il-valutazzjoni individwali kif stipulata fl-Artikolu 18(4) u skont ir-regoli tad-diskrezzjoni ġudizzjarja.

2. Waqt l-investigazzjonijiet kriminali, il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu offruti lill-vittmi vulnerabbli:

(a)     il-vittma tiġi interrogata fil-binja magħżula jew addattata għal dak l-iskop;

(b)     il-vittma tiġi interrogata minn professjonisti mħarrġa għal dan il-għan jew bl-għajnuna ta’ professjonisti;

(c)     l-interrogazzjonijiet kollha tal-vittma jitwettqu mill-istess persuni sakemm dan ma jmurx kontra l-amministrazzjoni tal-ġustizzja;

(d)     l-interrogazzjonijiet kollha tal-vittmi ta’ vjolenza sesswali jitwettqu minn persuna tal-istess sess.

3. Waqt il-proċeduri fil-qorti, il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu offruti lill-vittmi vulnerabbli:

(a)     miżuri biex jiġi evitat il-kuntatt bejn il-vittmi u l-imputati, anki waqt ix-xhieda, permezz ta’ mezzi xierqa li jinkludu l-użu tat-teknoloġiji ta' komunikazzjoni;

(b)     miżuri biex jiġi żgurat li l-vittma tkun tista’ tixhed mingħajr ma tkun preżenti fl-awla tal-qorti, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni xierqa;

(c)     miżuri biex jiġu evitati interrogazzjonijiet bla bżonn dwar il-ħajja privata tal-vittma li ma tkunx marbuta mar-reat kriminali; u

(d)     miżuri li permezz tagħhom is-smigħ isir mingħajr il-preżenza tal-pubbliku.

Artikolu 22 Id-dritt għall-protezzjoni tal-vittmi tfal waqt il-proċeduri kriminali

Barra mill-miżuri stipulati fl-Artikolu 21, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-vittma tkun tifel jew tifla:

(a)          l-interrogazzjonijiet kollha tal-vittma fl-investigazzjonijiet kriminali jistgħu jkunu rreġistrati permezz ta’ vidjo u dawn l-interrogazzjonijiet irreġistrati bil-vidjo jistgħu jitressqu bħala provi fil-proċeduri quddiem il-qorti kriminali, u dan skont il-liġi nazzjonali;

(b)          l-awtoritajiet ġudizzjarji jappuntaw rappreżentant speċjali għall-vittma, fl-investigazzjonijiet kriminali u fil-proċeduri fil-qorti meta, skont il-liġi nazzjonali, dawk li għandhom ir-responsabbiltà ta' ġenitur ikunu esklużi milli jirrappreżentaw it-tifel jew tifla minħabba kunflitt ta' interess bejniethom u l-vittma, jew meta t-tifel jew it-tifla ma jkunx/tkunx akkumpanjat(a) jew ikun/tkun separat(a) mill-familja.

Artikolu 23 Id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt il-proċeduri fil-qorti, l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jadottaw miżuri xierqa biex jipproteġu l-ħajja privata u r-ritratti tal-vittmi u tal-membri tal-familji tagħhom.

2. L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-midja biex tadotta miżuri ta' awtoregolazzjoni biex jiġu protetti l-privatezza, l-integrità personali u d-dejta personali tal-vittmi.

Kapitolu 6

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 24 It-taħriġ tal-prattikanti

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pulizija, il-prosekuturi u l-persunal tal-qorti jirċievu kemm taħriġ ġenerali kif ukoll taħriġ speċjalizzat li permezz tiegħu jilħqu livell xieraq għall-kuntatt tagħhom mal-vittmi biex ikunu ssensibilizzati għall-ħtiġijiet tal-vittmi u biex jittrattawhom b’imparzjalità, b'rispett u bi professjonalità.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-ġudikatura jkollhom aċċess kemm għal taħriġ ġenerali kif ukoll għal taħriġ speċjalizzat biex ikunu ssensibilizzati għall-ħtiġijiet tal-vittmi u biex jittrattawhom b’imparzjalità, b’rispett u bi professjonalità.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li dawk li jipprovdu appoġġ għall-vittmi u servizzi ta’ ġustizzja restorattiva jingħataw taħriġ xieraq li permezz tiegħu jilħqu livell adattat għall-kuntatt tagħhom mal-vittmi u jirrispettaw l-istandards professjonali biex jiġi żgurat li dawn is-servizzi jkunu pprovduti b’mod imparzjali, b’rispett u bi professjonalità.

4. It-taħriġ mill-inqas għandu jinkludi kwistjonijiet bħall-impatt tal-kriminalità fuq il-vittma, ir-riskji ta' intimidazzjoni, ta’ vittimizzazzjoni ripetuta u sekondarja u kif dawn jistgħu jiġu evitati u d-disponibilità u r-rilevanza tal-appoġġ għall-vittmi, u dan f'konformità mad-dmirijiet involuti u n-natura u l-livell tal-kuntatt li l-prattikant ikollu mal-vittmi.

Artikolu 25 Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi u l-koordinazzjoni tagħhom

1. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiffaċilitaw il-protezzjoni iktar effettiva tad-drittijiet u tal-interessi tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, kemm jekk f’forma ta’ netwerks konnessi direttament mas-sistema ġudizzjarja jew permezz ta' konnessjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet li jipprovdu appoġġ għall-vittmi, inkluż ukoll permezz tal-appoġġ tan-netwerks Ewropej li jittrattaw il-kwistjonijiet marbuta mal-vittmi.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet li jaħdmu mal-vittmi jew li jipprovdulhom appoġġ jaħdmu flimkien biex tiġi żgurata rispons koordinat għall-vittmi u biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun, l-impatt negattiv tal-kriminalità, ir-riskji ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta u l-piż fuq il-vittma minħabba l-interazzjoni tagħha mal-aġenziji ta’ ġustizzja kriminali.

Kapitolu 7

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn [sentejn wara d-data tal-adozzjoni].

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva flimkien ma’ tabella li tindika l-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

3. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 27 L-għoti ta’ dejta u ta' statistika

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea d-dejta relatata mal-applikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali dwar il-vittmi tal-kriminalità mhux iktar tard minn [sentejn wara d-data tal-adozzjoni].

Artikolu 28 Sostituzzjoni

Id-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI hija b'dan sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, mingħajr ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 29 Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 30 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM(2010) 623.

[2]               ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1; COM(2010) 171.

[3]               Laqgħa tal-Kunsill ĠAI Nru 2969, 23/10/2009, 14936/09 (Presse 306).

[4]               Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE – Inżarmaw l-ostakli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE - COM(2010) 603.

[5]               Riżoluzzjoni tas-7 ta’ Mejju 2009 tal-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp ta' żona ta' ġustizzja kriminali tal-Unjoni Ewropea (INI/2009/2012).

[6]               P_TA(2009)0098.

[7]               ĠU L 101/1.

[8]               ĠU L […].

[9]               ĠU L164, 22.6.2002, p. 3.

[10]             ĠU L 330, 9.12.2008, p. 21-23.

[11]             Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI.

[12]             Proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI.

[13]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal - COM(2011) 60, 15.2.2011.

[14]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta' April 2004 li għandha x'taqsam ma' kumpens għal vittmi ta' delitti (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 15).

[15]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015) - COM(2010) 491.

[16]             Id-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas modifikata tal-Kunsill 2008/919/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 (ĠU L 330, 9.12.2008, p. 21-23).

[17]             Hess Burkhard, "Feasibility Study: The European Protection Order and the European Law of Civil Procedure" ("Studju ta' Fattibbiltà: L-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni u l-Liġi Ewropea dwar il-Proċedura Ċivili"), dalwaqt se jkun disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/index_en.htm.

[18]             APAV/, il-Proġett “Il-Vittmi fl-Ewropa"), 2009 (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ir-“Rapport APAV”.

[19]             Ara pereżempju r-Rapport APAV intitolat " (L-Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-UE dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-proċeduri kriminali fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea), Lisbona 2009; Iċ-Ċentru Belġjan għall-Istudju tad-Demokrazija, Proġett ONE: "l-leġiżlazzjoni, il-politiki nazzjonali, il-prattiki u l-metodi tal-Istati Membri fir-rigward tal-vittmi tal-kriminalità), Sofija 2009.

[20]             ĠU C […], […], p. […].

[21]             ĠU C […], […], p. […].

[22]             ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

[23]             Id-diċitura finali ta' din il-premessa tad-Direttiva se tiddependi mill-pożizzjoni li se jieħdu r-Renju Unit u l-Irlanda skont id-dispożizzjonijiet tal-protokoll (Nru 21).