2.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 296/26


It-Tlieta 5 ta’ April 2011
Qafas politiku ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa

P7_TA(2011)0127

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta’ qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (2010/2209(INI))

2012/C 296 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħalma huma l-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta’ Oħrajn, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni tal-1951 li tirrigwarda l-istatus tar-refuġjati, u l-prinċipju tan-non-refoulement,

wara li kkunsidra strumenti oħra tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa, bħalma huma d-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna u l-Programm ta’ Azzjoni tal-25 ta’ Ġunju 1993 adottat mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (A/CONF. 157/23) u d-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta’ Diċembru 1993 (A/RES/48/104),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-12 ta’ Diċembru 1997 bit-titolu “Il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-miżuri ta’ ġustizzja kriminali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa” (A/RES/52/86), tat-18 ta’ Diċembru 2002 bit-titolu “Ħidma lejn l-eliminazzjoni tad-delitti kontra n-nisa mwettqa f'isem l-unur”, (A/RES/57/179), u tat-22 ta’ Diċembru 2003 bit-titolu “L-eliminazzjoni tal-vjolenza domestika kontra n-nisa” (A/RES/58/147),

wara li kkunsidra r-rapporti mir-Rapporteurs Speċjali tal-Kummissarju Għoli tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-vjolenza kontra n-nisa u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 adottata mill-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (il-11-il Sessjoni, 1992),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta’ Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin (1) u tal-10 ta’ Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa - Pjattaforma ta’ Azzjoni (Pekin+10) (2) u tal-25 ta’ Frar 2010 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin (Pekin +15) (3),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-19 ta’ Diċembru 2006 bit-titolu 'Intensifikazzjoni tal-isforzi biex tiġi eliminata kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa' (A/RES/61/143), u r-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

wara li kkunsidra x-xogħol tal-Kumitat Ad hoc tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza Kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika (CAHVIO), stabbilit f'Diċembru 2008 biex iħejji Konvenzjoni ġejjiena tal-Kunsill tal-Ewropa dwar dan is-suġġett,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tat-8 ta’ Marzu 2010 dwar il-vjolenza,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-abbozz ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa (5),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tal-21 ta’ April 2009 dwar il-kampanja “Għid LE għall-Vjolenza kontra n-Nisa” (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea (7),

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 li ġiet ippreżentata fil-21 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0065/2011),

A.

billi m'hemm l-ebda intervent wieħed li se jelimina waħdu l-vjolenza bbażata fuq is-sess, imma kombinazzjoni ta’ azzjonijiet infrastrutturali, legali, ġudizzjarji, ta’ infurzar, edukattivi, tas-saħħa u azzjonijiet oħra relatati mas-servizzi jistgħu jnaqqsu din il-vjolenza u l-konsegwenzi tagħha b'mod sinifikanti,

B.

billi, għalkemm m'hemmx definizzjoni rikonoxxuta internazzjonalment tat-terminu “vjolenza kontra n-nisa”, dan huwa definit min-Nazzjonijiet Uniti bħala kull att ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess li jirriżulta, jew x'aktarx li jirriżulta, fi ħsara jew tbatija fiżika, sesswali jew psikoloġika lin-nisa, inkluż it-theddid ta’ atti bħal dawn, ġegħil jew deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan isir fil-ħajja pubblika u kemm jekk fil-ħajja privata (8),

C.

billi l-vjolenza hija esperjenza trawmatika għal kwalunkwe raġel, mara, tifel jew tifla, imma l-vjolenza bbażata fuq is-sess hija fil-biċċa l-kbira mwettqa mill-irġiel fuq in-nisa u l-bniet, u tirrefletti u tqawwi l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa u tikkomprometti s-saħħa, id-dinjità, is-sigurtà u l-awtonomija tal-vittmi tagħha,

D.

billi l-istudji fuq il-vjolenza bbażata fuq is-sess jikkalkulaw li waħda minn kull ħamsa sa kwart tan-nisa kollha fl-Ewropa sofrew atti ta’ vjolenza fiżika għallinqas darba tul il-ħajja adulta tagħhom, u aktar minn waħda minn kull għaxra sofriet vjolenza sesswali li tinvolvi l-użu tal-forza; billi r-riċerka turi wkoll li 26 % tat-tfal u ż-żgħażagħ jirrappurtaw vjolenza fiżika fit-tfulija,

E.

billi r-reklamar u l-pornografija spiss juru diversi tipi ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess, u b'hekk irendu l-vjolenza kontra n-nisa bħala ħaġa trivjali u jostakolaw l-istrateġiji ta’ ugwaljanza bejn is-sessi,

F.

billi l-vjolenza maskili kontra n-nisa ssawwar il-post tan-nisa fis-soċjetà: is-saħħa tagħhom, l-aċċess tagħhom għall-impjiegi u l-edukazzjoni, l-integrazzjoni tagħhom fl-attivitajiet soċjali u kulturali, l-indipendenza ekonomika tagħhom, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika u politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet u r-relazzjonijiet tagħhom mal-irġiel,

G.

billi f'bosta każi n-nisa jonqsu milli jressqu lmenti kontra atti ta’ vjolenza bbażati fuq is-sess kontrihom, għal raġunijiet li huma kumplessi u diversi u li jinkludu fatturi psikoloġiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, filwaqt li jistgħu wkoll ma jkollhomx fiduċja fil-pulizija, fis-sistema legali u fis-servizzi soċjali u tas-saħħa,

H.

billi l-vjolenza bbażata fuq is-sess, b'mod predominanti mill-irġiel kontra n-nisa, hija problema strutturali u mifruxa mal-Ewropa kollha u mad-dinja, hija fenomenu li jinvolvi l-vittmi u lil dawk li jwettqu d-delitt irrispettivament mill-età, l-isfond tal-edukazzjoni, id-dħul finanzjarju u l-pożizzjoni soċjali, u huwa marbut mad-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna,

I.

billi l-pressjoni ekonomika spiss twassal għal abbuż aktar frekwenti, aktar vjolenti u aktar perikoluż; billi l-istudji wrew li l-vjolenza kontra n-nisa tintensifika ruħha meta l-irġiel ikunu kostretti jħallu pajjiżhom u jitilfu l-proprjetà tagħhom bħala riżultat tal-kriżi ekonomika,

J.

billi l-vjolenza kontra n-nisa tkopri firxa wiesgħa ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi: l-abbuż sesswali, l-istupru, il-vjolenza domestika, l-attakk sesswali u l-fastidju sesswali, il-prostituzzjoni, it-traffikar tan-nisa u l-bniet, il-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa, il-vjolenza kontra n-nisa fuq il-post tax-xogħol, il-vjolenza fuq in-nisa f' sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, il-vjolenza kontra n-nisa fil-ħabs jew fl-istituti ta’ kura, u bosta prattiki tradizzjonali ta’ ħsara; billi kull wieħed minn dawn l-abbużi jista' jħalli feriti psikoloġiċi profondi, jgħarraq is-saħħa ġenerali tan-nisa u l-bniet, inkluża s-saħħa riproduttiva u sesswali tagħhom, u f'xi każijiet, jirriżulta f'mewt,

K.

billi f'bosta Stati Membri l-vjolenza mill-irġiel kontra n-nisa fil-forma ta’ stupru ma tiġix trattata bħala delitt li jagħti lok għal proċedimenti ex officio (9),

L.

billi ma tinżammx b'mod regolari data komparabbli dwar it-tipi differenti tal-vjolenza kontra n-nisa fl-Unjoni Ewropea, u b'hekk huwa diffiċli li jiġi aċċertat kemm hi realment mifruxa l-problema u li jinstabu soluzzjonijiet xierqa. billi huwa diffiċli ħafna li tinżamm data affidabbli peress li n-nisa u l-irġiel isibuha bi tqila jirrappurtaw l-esperjenzi tagħhom lill-partijiet interessati minħabba l-biża' jew il-mistħija,

M.

billi, skont l-istudji eżistenti rigward l-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-ispiża annwali tal-vjolenza kontra n-nisa hija stmata li tammonta għal madwar EUR 33 biljun (10),

N.

billi n-nisa fl-Unjoni Ewropea mhumiex protetti b'mod ugwali kontra l-vjolenza mill-irġiel minħabba politiki u leġiżlazzjoni varji madwar l-Istati Membri,

O.

billi l-Unjoni Ewropea, bit-Trattat ta’ Lisbona, għandha kompetenza usa' fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, inkluż dwar il-liġi tal-proċedura kriminali u l-liġi kriminali sostantiva, kif ukoll fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija,

P.

wara li kkunsidra n-numru allarmanti ta’ nisa li huma vittmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sess,

Q.

billi l-fastidju tal-ommijiet u nisa tqal huwa forma oħra ta’ vjolenza jew abbuż li n-nisa jsofru, li jseħħ primarjament fi ħdan il-familja jew koppja u fl-isferi soċjali u professjonali, u jwassal għat-tkeċċija mill-impjieg tagħhom jew għat-tluq volontarju mill-impjieg tagħhom, u għal sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni u dipressjoni,

R.

billi l-Kummissjoni enfasizzat fl-istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2010-2015 li l-vjolenza bbażata fuq is-sess kienet waħda mill-problemi ewlenin li kellhom jiġu indirizzati sabiex tinkiseb ugwaljanza ġenwina bejn is-sessi,

S.

billi l-Kummissjoni ħabbret li se tissottometti proposta fl-2011 għal strateġija biex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, iżda ma sar l-ebda riferiment espliċitu għal din l-istrateġija fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011,

1.

Jilqa' l-impenn mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma li tippreżenta fl-2011-2012 “Komunikazzjoni dwar strateġija biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili, li għandha tiġi segwita minn pjan ta’ azzjoni tal-UE” (11),

2.

Jipproponi approċċ ġdid ta’ politika komprensiva kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess inklużi:

strument tal-liġi kriminali fil-forma ta’ direttiva kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess,

miżuri biex jiġi indirizzat il-qafas “six P” dwar il-vjolenza kontra n-nisa (politika, prevenzjoni, protezzjoni, prosekuzzjoni, proviżjoni u partnership),

rikjesti lill-Istati Membri biex jiżguraw li dawk li jwettqu d-delitt jiġu ppenalizzati kif inhu xieraq skont is-serjetà tad-delitt,

rikjesti lill-Istati Membri biex jiżguraw taħriġ għall-uffiċjali li aktarx jiġu f'kuntatt ma’ każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa – inkluż l-infurzar tal-liġi, il-kura soċjali, il-benesseri tat-tfal, il-kura tas-saħħa u l-persunal taċ-ċentri ta’ emerġenza – sabiex jiskopru, jidentifikaw u jittrattaw kif xieraq każijiet bħal dawn, b'attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-vittmi,

rekwiżiti biex l-Istati Membri juru d-diliġenza dovuta u biex jirreġistraw u jinvestigaw is-suriet kollha ta’ delitti ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess bil-għan li jingħata bidu għal prosekuzzjoni pubblika,

pjanijiet biex jiġu żviluppati rutini investigattivi għall-pulizija u għall-professjonisti tas-settur tas-saħħa bil-għan li tiġi żgurata evidenza ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess,

il-ħolqien ta’ partnerships ma’ istituzzjonijiet edukattivi ogħla bil-ħsieb li jiġu pprovduti korsijiet ta’ taħriġ dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess għal professjonisti fl-oqsma relevanti, speċjalment l-imħallfin, l-uffiċjali tal-pulizija kriminali, il-professjonisti tas-saħħa u l-edukazzjoni u l-persunal ta’ appoġġ għall-vittmi,

proposti ta’ politiki biex il-vittmi jiġu megħjuna jibnu ħajjithom mill-ġdid, li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ gruppi differenti ta’ vittmi bħan-nisa f'minoranza, minbarra li tkun żgurata s-sikurezza tagħhom u tiġi stabbilita mill-ġdid is-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom, u miżuri li jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattika għat-trattament ta’ dawk li jkunu sofrew il-vjolenza kontra n-nisa,

l-integrazzjoni ta’ mekkaniżmi speċifiċi ta’ identifikazzjoni u dijanjożi fi ħdan is-servizzi tal-emerġenza tal-isptar u n-netwerk tal-kura primarja, bil-ħsieb li tiġi kkonsolidata sistema ta’ aċċess u ta’ monitoraġġ aktar effiċjenti għall-vittmi kkonċernati,

rikjesti lill-Istati Membri biex jipprovdu kenn għall-vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess b'kooperazzjoni mal-NGOs relevanti,

rekwiżiti minimi rigward l-għadd ta’ strutturi ta’ appoġġ għall-vittmi għal kull 10 000 abitant għall-vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess fil-forma ta’ ċentri b'perizja speċifika biex il-vittmi jiġu megħjuna,

it-tfassil ta’ karta Ewropea li tistabbilixxi livell minimu ta’ servizzi ta’ assistenza li jiġu offruti lill-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa, inkluż: id-dritt għall-għajnuna legali; il-ħolqien ta’ djar ta’ kenn biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-vittmi ta’ protezzjoni u akkomodazzjoni temporanja; servizzi ta’ għajnuna psikoloġika urġenti, li jiġu pprovduti bla ħlas minn speċjalisti fuq bażi deċentralizzata u aċċessibbli; u arranġamenti ta’ għajnuna finanzjarja intiżi għall-promozzjoni tal-indipendenza tal-vittmi u li jiffaċilitaw ir-ritorn tagħhom għall-ħajja normali u għad-dinja tax-xogħol,

standards minimi biex ikun żgurat li l-vittmi jkollhom appoġġ professjonali fil-forma ta’ pariri minn professjonist legali jkun xi jkun ir-rwol tagħhom fil-proċeduri kriminali,

mekkaniżmi biex jiffaċilitaw l-aċċess għal għajnuna legali, li jagħtu l-possibilità lill-vittmi li jasserixxu drittijiethom mal-Unjoni kollha,

pjanijiet biex jiġu żviluppati linji gwida metodoloġiċi u biex isiru sforzi ġodda għall-ġbir tad-data biex tinkiseb data statistika komparabbli fuq il-vjolenza bbażata fuq is-sess, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili, sabiex tiġi identifikata l-firxa tal-problema u tiġi pprovduta bażi għal bidla fl-azzjoni fil-konfront tal-problema,

l-istabbiliment, fil-ħames snin li ġejjin, ta’ Sena Ewropea Kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa bil-għan li titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini Ewropej,

rikjesti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa dwar il-prevenzjoni, inklużi kampanji ta’ tqajjim ta’ kuxjenza, fejn ikun relevanti b'kooperazzjoni mal-NGOs,

l-implimentazzjoni ta’ miżuri rigward ftehimiet fuq is-salarji u koordinazzjoni akbar bejn dawk li jimpjegaw, it-trejdjunjins u l-impriżi, kif ukoll bejn l-entitajiet ta’ ġestjoni rispettivi tagħhom, sabiex jipprovdu “l vittmi b”informazzjoni relevanti dwar id-drittijiet ta’ impjieg tagħhom,

żieda fl-ammont tal-qrati li speċifikament jittrattaw vjolenza bbażata fuq is-sess; aktar riżorsi u materjal ta’ taħriġ dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess għall-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u l-avukati; u titjib fl-unitajiet ta’ speċjalizzazzjoni fl-entitajiet ta’ infurzar tal-liġi, billi jiżdied l-ammont tal-persunal tagħhom u jitjiebu t-taħriġ u t-tagħmir tagħhom;

3.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-istupru u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa, partikolarment fi ħdan iż-żwieġ u relazzjonijiet informali intimi u/jew meta mwettqa minn qraba maskili, bħala delitt f'każijiet fejn il-vittma ma tkunx tat il-kunsens tagħha, biex jiżguraw li tali delitti jirriżultaw fi prosekuzzjoni awtomatika u biex jiċħdu kull riferiment għall-prattiki kulturali, tradizzjonali jew reliġjużi bħala fattur li jtaffi s-serjetà f'każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa, inklużi l-hekk imsejħa “delitti tal-unur” u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;

4.

Jirrikonoxxi li l-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-iktar forom serji ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq is-sess u li l-vjolenza domestika – fil-konfront ta’ vittmi oħra bħat-tfal, l-irġiel u x-xjuħ – hija wkoll fenomenu moħbi li jaffettwa wisq familji u għalhekk ma jistax jiġi injorat;

5.

Jenfasizza li l-espożizzjoni għall-vjolenza u l-abbuż fiżiku, sesswali u psikoloġiku bejn il-ġenituri jew membri l-oħra tal-familja għandha impatt serju fuq it-tfal;

6.

Jistieden lill-Istati Membri biex, meta huma involuti tfal li huma xhieda ta’ kull forma ta’ vjolenza, jiżviluppaw servizz ta’ pariri psikosoċjali adattat għall-età li huwa mfassal speċifikament għat-tfal biex jaffaċjaw l-esperjenzi trawmatiċi tagħhom u biex tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-aħjar interessi tat-tfal;

7.

Jenfasizza li n-nisa migranti, inklużi n-nisa migranti bla dokumenti, u n-nisa li jfittxu asil jikkostitwixxu żewġ subkategoriji ta’ nisa li huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza bbażata fuq is-sess;

8.

Jenfasizza l-importanza ta’ taħriġ adegwat għal dawk kollha li jaħdmu man-nisa li huma vittmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sess, speċjalment għal dawk li jirrappreżentaw is-sistema legali u l-infurzar tal-liġi, b'referenza speċjali għall-pulizija, l-imħallfin, il-ħaddiema soċjali u l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, bl-użu ta’ servizzi ta’ esperti kollha disponibbli, tiżviluppa u tipprovdi statistika annwali dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess, inklużi ċifri dwar kemm nisa jinqatlu kull sena mis-sieħeb jew l-ex-sieħeb tagħhom, fuq il-bażi ta’ data mogħtija mill-Istati Membri;

10.

Jenfasizza li r-riċerka fil-qasam tal-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u f'livell aktar ġenerali fil-qasam tal-vjolenza bbażata fuq is-sess u l-vjolenza sesswali, għandha tiġi inkluża bħala qasam ta’ riċerka multidixxiplinari fit-Tmien Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku li jmiss;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi osservatorju dwar il-vjolenza kontra n-nisa bbażat fuq ir-rappurtaġġ ta’ każijiet tal-qorti li jinvolvu vjolenza kontra n-nisa;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess permezz ta’ programmi Komunitarji, speċjalment il-Programm Daphne li diġà kien ta’ suċċess fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa;

13.

Jinnota li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) se twettaq inkjesta b'kampjun rappreżentattiv ta’ nisa mill-Istati Membri kollha rigward l-esperjenzi tagħhom ta’ vjolenza, u jitlob li l-attenzjoni tiġi ffukata fuq l-eżami tat-tweġibiet li n-nisa fil-fatt jirċievu mid-diversi awtoritajiet u servizzi ta’ appoġġ meta jirrapportaw;

14.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fl-istatistika nazzjonali tagħhom, juru b'mod ċar id-daqstal-vjolenza bbażata fuq is-sess u jieħdu passi biex jiżguraw li tinġabar id-data dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess, fost oħrajn fuq is-sess tal-vittmi, is-sess ta’ dawk li jkunu wettqu d-delitt, ir-relazzjoni tagħhom, l-età, il-post fejn ikun seħħ id-delitt u l-ħsarat imġarrba;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti studju dwar l-impatt finanzjarju tal-vjolenza kontra n-nisa, li jibni fuq ir-riċerka bl-użu ta’ metodoloġiji li jistgħu jikkwantifikaw f'termini finanzjarji l-impatt ta’ din il-forma ta’ vjolenza fuq is-servizzi tas-saħħa, is-sistemi tal-benesseri u s-suq tax-xogħol;

16.

Jistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jagħmlu riċerka li tanalizza l-firxa tal-vjolenza f'relazzjonijiet bejn iż-żgħażagħ u l-impatt li dan għandu fuq il-benesseri tagħhom;

17.

Jinnota li l-insegwiment malizzjuż (stalking), li 87 % tal-vittmi tiegħu huma nisa, jikkawża trawma psikoloġika u tensjoni emozzjonali akuta u li għalhekk għandu jitqies bħala forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u għandu jkun suġġett għal qafas legali fl-Istati Membri kollha;

18.

Jinnota li prattiki tradizzjonali ta’ ħsara bħall-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili (FGM) u l-hekk imsejjaħ “qtil tal-unur” huma forom ta’ vjolenza kontra n-nisa estremament kontestwalizzati u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika lill-prattiki tradizzjonali ta’ ħsara fl-istrateġija tagħha biex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa;

19.

Jirrikonoxxi l-problema serja tal-prostituzzjoni, inkluża l-prostituzzjoni tat-tfal, fl-Unjoni Ewropea u jitlob li jsiru studji ulterjuri dwar ir-rabta bejn il-qafas legali tal-Istat Membru inkwistjoni u l-forma u l-firxa tal-prostituzzjoni li qed isseħħ; jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda allarmanti fit-traffikar ta’ bnedmin deħlin fl-UE u fi ħdanha – kummerċ li jolqot partikolarment lin-nisa u lit-tfal – u jħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni iebsa biex jiġġieldu din il-prattika illegali;

20.

Jitlob lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-problema serja tat-tqala għal terzi persuni, li tikkostitwixxi sfruttament tal-ġisem femminili u l-organi riproduttivi tagħha;

21.

Jenfasizza li n-nisa u t-tfal huma suġġetti għall-istess forom ta’ sfruttament, u t-tnejn li huma jistgħu jitqiesu bħala kommoditajiet fis-suq internazzjonali tar-riproduzzjoni, u dawn l-arranġamenti riproduttivi l-ġodda, bħat-tqala għal terzi persuni, qed iżidu t-traffikar tan-nisa u t-tfal u l-adozzjoni illegali matul il-konfini nazzjonali;

22.

Jinnota li l-vjolenza domestika ġiet identifikata bħala kawża prinċipali ta’ korriment fit-tqala u twelid ta’ trabi mejta, u jitlob lill-Kummissjoni tiffoka aktar fuq il-vjolenza kontra nisa tqal peress li f'dan il-każ dak li jwettaq id-delitt qed jikkaġuna ħsara fuq iktar minn persuna waħda;

23.

Jirrimarka li s-soċjetà ċivili, partikolarment l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa u organizzazzjonijiet pubbliċi u privati volontarji oħra li joffru appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza, joffru servizz ta’ valur kbir, partikolarment billi jassistu lill-vittmi nisa li jixtiequ jiksru s-silenzju li l-vjolenza tagħlaqhom fih, u għandhom jingħataw appoġġ mill-Istati Membri;

24.

Itenni l-ħtieġa li wieħed jaħdem kemm mal-vittmi kif ukoll mal-aggressuri, bil-ħsieb li dawn tal-aħħar ikunu aktar konxji mis-sitwazzjoni, u li jingħata kontribut għall-bidla tal-isterjotipi u l-kunċetti determinati mis-soċjetà, li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jiġġeneraw dan it-tip ta’ vjolenza u l-aċċettazzjoni tagħha;

25.

Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu djar ta’ kenn għan-nisa sabiex jgħinu lin-nisa u t-tfal jgħixu ħajja determinata minnhom, mingħajr vjolenza u faqar, u li dawn joffru servizzi speċjalizzati, trattament mediku, għajnuna legali, pariri psikosoċjali u terapewtiċi, appoġġ legali tul il-proċeduri fil-qrati, appoġġ għat-tfal effettwati mill-vjolenza, eċċ.;

26.

Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jallokaw riżorsi xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-vjolenza kontra n-nisa, inkluż permezz tar-rikors għall-Fondi Strutturali;

27.

Jenfasizza kemm huwa importanti li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jieħdu azzjoni biex jiffaċilitaw ir-ritorn fis-suq tax-xogħol tan-nisa li jkunu sfaw vittmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sess permezz ta’ strumenti bħall-ESF jew il-Programm Progress;

28.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas legali li jagħti lin-nisa immigranti d-dritt li jżommu l-passaport u l-permess ta’ residenza tagħhom, u jagħmluha possibbli li persuna li tikkonfiska dawn id-dokumenti tinżamm responsabbli kriminalment;

29.

Itenni l-fehma espressa fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Frar 2010 li l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-qafas legali l-ġdid stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona, għandha ssir firmatarja tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u d-dimensjoni relatata mas-sess tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala internazzjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-assoċjazzjoni bilaterali u l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali fis-seħħ u dawk li qed jiġu nnegozjati;

31.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.

(2)  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.

(3)  ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 11.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0470.

(5)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.

(6)  ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 131.

(7)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 52.

(8)  Artikolu 1 tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta’ Diċembru 1993 (A/RES/48/104); punt 113 tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti.

(9)  Studju tal-Kummissjoni 2010 bit-titolu “Studju ta’ fattibilità biex jiġu eżaminati l-possibilitajiet, l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza kontra t-tfal u l-vjolenza kontra l-orjentazzjoni sesswali”, p. 53.

(10)  “Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa: Rendikont tal-miżuri u l-azzjonijiet li ttieħdu fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa”, Kunsill tal-Ewropa, 2006.

(11)  COM(2010)0171 Il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa, Pjan ta’ Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma, p. 13.