15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “it-Tibdil industrijali għall-bini ta’ industriji sostenibbli b’użu intensiv tal-enerġija (EIIs) fid-dawl tal-objettiv ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-istrateġija Ewropa 2020” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 43/01

Relatur: is-Sur IOZIA

Korelatur: is-Sur JARRÉ

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

it-Tibdil industrijali għall-bini ta’ industriji sostenibbli b'użu intensiv tal-enerġija (EIIs) fid-dawl tal-objettiv ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-istrateġija Ewropa 2020.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Novembru 2011. Ir-relatur kien is-Sur Iozia u l-korelatur is-Sur Jarré.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'143 vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-KESE

1.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Ewropa se tkun tista' tindirizza l-isfida tal-kompetizzjoni intensifikata mal-ekonomiji emerġenti biss billi timplimenta sistemi innovattivi ħafna u l-livell teknoloġiku, ambjentali u tal-produzzjoni jogħla biex ilaħħaq mal-iżvilupp. Il-forza tax-xogħol għandha tiġi protetta mill-effetti tal-bidliet, permezz ta’ taħriġ adatt u f'waqtu. Il-politiki tal-UE għandhom jiffavorixxu żvilupp bħal dan.

1.2   Il-prodotti tal-Industriji b'Użu Intensiv tal-Enerġija (EIIs) huma l-bażi tal-katina ta’ valur tas-setturi kollha tal-manifattura, fejn huma stabbiliti proporzjon kbir tal-impjiegi fl-UE. L-istabilità, il-kwalità u s-sigurtà tal-provvista għal dawk is-setturi, u li ssir fil-ħin meħtieġ, huma l-garanzija tal-kompetittività tagħhom fis-suq globali kif ukoll il-garanzija ta’ impjiegi bi kwalifiki għoljin fl-UE.

1.3   Irid jinħoloq qafas Ewropew adegwat li jindirizza l-ħtiġijiet komuni tal-EIIs, bil-għan ewlieni li tissaħħaħ u tinżamm il-kompetittività fl-Ewropa f'kuntest ta’ sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali. L-oqsma inkwistjoni huma kollha tal-istess importanza u huma dipendenti fuq xulxin.

1.4   Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-klima ekonomika diffiċli attwali, il-KESE jirrakkomanda li jsir dejjem iżjed investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, l-iskjerament u t-taħriġ, u fl-attivitajiet xjentifiċi li huma applikati għall-industrija. Dawn l-investimenti għandhom jingħataw biżżejjed appoġġ fil-programm qafas li jmiss u għandhom jagħmlu possibbli, talinqas, l-iskambju tal-esperjenza u tar-riżultati fil-livell Ewropew. Programmi Ewropew u nazzjonali għandhom jiffokaw iżjed fuq ir-riċerka dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-innovazzjonijiet f'dan il-qasam (1).

1.5   Il-KESE jemmen li jrid ikun hemm politika industrijali integrata li żżomm il-fatturi varjabbli esterni taħt kontroll kostanti u li tgħin lin-negozji Ewropej jikkompetu ma’ oħrajn taħt kundizzjonijiet ugwali fuq livell globali u soġġetti għal kundizzjonijiet reċiproċi. Sabiex tiġi ggarantita kompetittività suffiċjenti, iridu jiġu definiti politiki komuni industrijali u fiskali, u għażliet strateġiċi li jkopru l-industrija Ewropea kollha kemm hi.

1.6   L-Ewropa ma tistax tibqa' tmexxi l-ekonomija tagħha billi timponi limiti dejjem iżjed stretti jekk ma tiħux il-passi neċessarji biex tagħmel għażliet komuni stabbli u strateġiċi fil-governanza, sabiex jitħares il-mudell ekonomiku u soċjali tagħha u jiġu żgurati riżultati ottimi, inkluż fil-qasam tal-ħarsien ambjentali.

1.7   Il-KESE jemmen b'mod qawwi li l-UE trid tagħmel kull sforz biex tistabbilixxi sistemi flessibbli sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi li huma rikonoxxuti bħala neċessarji. Dawn is-sistemi għandhom jieħdu kont tan-natura speċifika tal-industrija bażika.

1.8   Il-KESE jinsab imħasseb dwar jekk l-importaturi għandhomx ukoll ikunu soġġetti għal miżuri li huma ekwivalenti għall-ETS. L-objettiv primarju għandu jkun li tiġi assigurata sistema globali effiċjenti permezz ta’ ftehim strett u li jista' jiġi infurzat. Fin-nuqqas ta’ ftehim bħal dan, u bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet li l-UE għażlet li timponi fuqha nnifisha, għandu jkun hemm sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs (jiġifieri l-istess trattament u kundizzjonijiet) għal prodotti u servizzi li jitqiegħdu fis-suq ġewwa l-konfini tagħha kif ukoll għal prodotti u servizzi esportati.

1.9   Il-KESE jirrakkomanda b'mod qawwi li tiġi kkonsidrata l-possibilità li tinżamm is-sistema tal-allokazzjoni ta’ ċertifika ETS mingħajr ħlas lil kumpaniji li diġà laħqu livelli ta’ eċċellenza u li huma qrib tal-limiti fiżiċi u termodinamiċi tat-teknoloġiji speċifiċi tagħhom. Il-prattika li jsir irkant tal-permessi tal-emissjonijiet, li se titnieda fl-2013, ċertament hija waħda tajba iżda biss jekk tiġi adottata f'partijiet oħra fid-dinja. L-UE biħsiebha tiftaħ il-kummerċ ma’ operaturi oħrajn mhux fl-UE, bil-għan li jinbena suq globali tal-ETS.

1.10   Fil-każ tal-EIIs, l-ETS tista' tagħmel ħsara inkalkolabbli lill-industrija kkonċernata, jekk ma tiġix ġestita b'kawtela kbira. Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju (“carbon leakage”) mhijiex xi ħaġa li għandha titqies biss fil-futur. Ilha tiġri mill-inqas għal dawn l-aħħar 10 snin, peress li l-investimenti ġew ridirezzjonati mill-Ewropa lejn pajjiżi oħra bħalma huma l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, eċċ. Investigazzjoni ddettaljata ta’ dan il-fenomenu għandha tkun utli ħafna.

1.11   L-enerġija miżmuma fil-materjali għandha terġa' tintuża, u b'hekk jingħataw spinta l-operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ fejn dan huwa possibbli. Il-ħġieġ, il-ħadid u l-azzar u l-aluminju jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti. L-Ewropa tesporta l-materjali nobbli tagħha. Minflok, għandu jkun hemm inċentivi biex dawn jintużaw mill-ġdid fl-UE u tiġi ffrankata l-enerġija f'dawn il-materjali varji (2).

1.12   L-EIIs iridu jitħeġġu jagħmlu investimenti fit-tul – possibbilment billi jingħaqdu flimkien – fis-settur tal-enerġija (b'mod speċjali fl-enerġiji rinnovabbli) u jingħataw l-opportunità jixtru l-enerġija permezz ta’ kuntratti fit-tul bi prezzijiet fissi.

1.13   Il-KESE jaħseb li qafas regolatorju stabbli, effettiv u dejjiemi huwa importanti ħafna. Iċ-ċikli ekonomiċi ta’ investiment fl-EIIs idumu minn seba' sa għoxrin sena (għall-kalkara tal-funderija pereżempju) u hemm raġuni wara l-fatt li għal iktar minn tletin sena kien hemm inqas investiment minn dak li wieħed jistenna fiċ-ċiklu tal-azzar integrat.

1.14   Il-politiki adottati sal-lum il-ġurnata ġeneralment kienu mmirati lejn il-penalizzar ta’ kondotta ħażina minflok l-ippremjar ta’ imġiba responsabbli u investiment. Dan l-approċċ irid jiġi emendat u jintużaw inċentivi fiskali biex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet ta’ kumpaniji li juru li kisbu riżultati impressjonanti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

1.15   Irridu nenfasizzaw ir-riżultati tremendi li diġà kisbu l-EIIs fil-perjodu eżatt qabel ma daħlet fis-seħħ l-ETS. Huma antiċipaw il-ħtiġijiet ġodda u ż-żminijiet li qed jinbidlu u m'hemm l-ebda raġuni għalfejn għandhom jiġu penalizzati bl-aħrax bħala riżultat u b'hekk ikunu fil-periklu li jitilfu miljun impjieg stabbli u kwalifikati ħafna (kemm dawk diretti kif ukoll indiretti).

1.16   Ċertament għandu jingħata appoġġ għat-tixrid tal-aqwa prattika bejn pajjiżi u bejn setturi, kif ukoll għal proġetti pilota u ta’ dimostrazzjoni ġodda.

1.17   Miżuri ta’ appoġġ pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni, bi programmi speċifiċi u ddedikati, taw prova li huma ta’ importanza kbira. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Parlament biex jirrinforzaw dawn il-programmi, iffokati fuq l-effiċjenza u d-diversifikazzjoni fl-użu tal-enerġija, u jagħmluhom parti permanenti tal-inizjattivi ta’ żvilupp.

1.18   L-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti ħafna sabiex jintlaħqu l-objettivi permezz ta’ programmi speċifiċi mfassla apposta għalihom. Il-kumpaniji li jagħmlu użu intensiv tal-enerġija jinsabu f'kull settur tas-suq. Madankollu, l-ispejjeż involuti biex jintlaħqu livelli għoljin ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija huma proporzjonalment bil-kontra tad-daqs tal-kumpanija. Fil-fatt huma l-SMEs li jistgħu jiksbu l-aqwa riżulatati u għandhom ikunu huma l-enfasi tal-isforz u r-riżorsi sostanzjali.

2.   Daħla

2.1   L-Industriji b'Użu Intensiv tal-Enerġija huma l-pedament tal-katini ta’ valur kollha tal-manifattura Ewropea, billi huma jipprovdu l-materjali bażiċi għall-produzzjoni ta’ prodotti mmanifatturati. Dawn l-industriji għandhom pożizzjoni kruċjali fl-iżvilupp ta’ ekonomija b'użu baxx tal-karbonju.

2.2   Id-dħul ta’ regolamenti mmirati biex jintlaħaq tnaqqis ta’ 20 % fil-konsum huwa sfida li trid tiġi ffaċċjata bl-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ prodotti mill-EIIs. Għadd kbir ta’ miżuri u inċentivi huma meħtieġa sabiex is-suq jinfetaħ għall-prodotti l-ġodda li jiffrankaw l-enerġija.

2.3   Is-settur tal-manifattura industrijali, li jikkontribwixxi 17,6 % lill-PDG Ewropew, jirrappreżenta 27 % tad-domanda aħħarija għall-enerġija fl-UE. L-industriji ewlenin tal-materja prima (pereżempju l-kimiċi u l-petrokimiċi (18 %), il-ħadid u l-azzar (26 %) u s-siment (25 %)), jagħmlu użu intensiv tal-enerġija u jirrappreżentaw 70 % tal-użu tal-enerġija fl-industrija.

2.4   L-idea li jitnaqqsu l-ispejjeż sabiex il-kompetittività tinżamm u possibbilment tittejjeb, ħeġġet lil ħafna industriji, speċjalment dawk li jagħmlu użu intensiv tal-enerġija, biex itejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom, u dan ifisser li l-potenzjal ekonomiku tagħhom fl-2020 huwa inqas milli f'setturi oħrajn.

Tabella 1

Żviluppi previsti u l-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija fl-2020  (3)

 

2020

(PRIMES 2007)

[Mtoe]

2020

(PRIMES 2009 EE)

[Mtoe]

Progress mistenni fl-2020 mingħajr azzjoni oħra

[%]

2020

Potenzjal

ekonomiku

[%]

2020

Potenzjal tekniku

[%]

 

1

2

3

[=(2-1)/1 (4)100]

4

5

Konsum intern gross mingħajr l-użu finali mhux għall-enerġija

1 842

1 678

–9 %

–20 %

(Mira tal-UE)

mhux disponibbli

Konsum aħħari tal-enerġija, li minnu:

1 348

1 214

–10 %

–19 %

–25 %

Industrija

368

327

–11 %

–13 %

–16 %

Trasport

439

395

–10 %

–21 %

–28 %

Residenzjali

336

310

–8 %

–24 %

–32 %

Terzjarju

205

181

–12 %

–17 %

–25 %

Il-trasformazzjoni, it-trażmissjoni u t-tqassim tal-enerġija

494

464

–6 %

–35 %

mhux disponibbli

Sorsi: PRIMES għall-kolonni 1, 2 u 3 u l-Istitut Fraunhofer għall-kolonni 4 u 5.

2.5   Minkejja dan, għadhom ma ġewx sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet kollha, b'mod speċjali fejn huma kkonċernati l-industriji ż-żgħar u anke wħud ta’ daqs medju (5).

3.   L-aħħar avvanzi teknoloġiċi għall-EIIs varji

L-industriji b'użu intensiv tal-enerġija jesploraw u jipproduċu għadd ta’ prodotti u teknoloġiji li huma meħtieġa sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u sfidi globali oħrajn. Wieħed mill-prerekwiżiti ewlenin għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi huwa politika industrijali attiva kif ukoll l-innovazzjoni. Ir-riċerka u l-iżvilupp iridu jkunu ffokati iżjed fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi u organizzattivi li jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi. Barra minn hekk, il-kumpaniji flimkien mal-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom iridu jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi li jkun immirat lejn l-innovazzjoni fil-prodotti u l-proċessi.

Ħarsa ġenerali lejn l-EIIs ewlenin.

3.1   L-industrija tal-kimika u tal-petrokimika

3.1.1   L-industrija tal-kimika timpjega 1 205 000 ruħ f' 29 000 kumpanija, b'valur produttiv ta’ EUR 449 biljun (2009 Eurostat) u kważi d-doppju ta’ din iċ-ċifra fi dħul, li huwa ugwali għal 1,15 % tal-PDG tal-UE. 8 % biss taż-żejt li jintuża fl-industrija tal-kimika jintuża bħala karburant, filwaqt li l-maġġoranza tiġi pproċessata. F'termini ta’ konsum tal-enerġija, is-settur tal-ipproċessar jirrappreżenta 18 % fis-setturi industrijali.

3.1.2   L-industrija tal-kimika tikkonverti materja prima fi prodotti għal industriji oħrajn u għall-konsumatur. Materji prima bażiċi jistgħu jinqasmu fi tnejn: organiċi u inorganiċi. Il-materji prima inorganiċi jinkludu l-arja, l-ilma u l-minerali. Il-karburanti fossili u l-bijomassa jagħmlu mal-klassi ta’ materji prima organiċi.

3.1.3   Madwar 85 % tal-kimiċi huma prodotti minn madwar 20 kimika sempliċi li jissejħu kimiċi bażiċi. Il-kimiċi bażiċi jiġu prodotti l-iżjed minn għaxar materji prima u dawn il-kimiċi bażiċi huma kkonvertiti f'madwar 300 intermedjarju. Il-kimiċi bażiċi u l-intermedjarji huma kklassifikati bħala kimiċi tal-massa (bulk chemicals). Madwar 30 000 prodott tal-konsumatur jiġu prodotti mill-intermedjarji. Fejn imorru dawn il-kimiċi: 12 % tal-prezz ta’ karozza (kuxins tas-sedili; pajpijiet u ċintorini; airbags), 10 % tal-prezz ta’ dar (pajpijiet tal-insulazzjoni u wajers tal-elettriku), 10 % tal-ispiża li jkollu konsumatur medju li jixtri għal familja (prodotti tal-ikel, ħwejjeġ, żraben, prodotti tas-saħħa u tal-kura personali, eċċ.).

3.1.4   Il-faħam, iż-żejt u l-gass naturali huma l-materji prima primarji għall-produzzjoni tal-biċċa l-kbira mill-kimiċi tal-massa. Kull stadju jżid il-valur: valur relattiv żejt mhux raffinat: 1; karburant: 2; tipikament petrokemikali: 10; tipikament prodott tal-konsumatur: 50.

3.1.5   Il-karburanti fossili huma wkoll is-sorsi ewlenin tal-enerġija: iż-żejt (madwar 40 %), il-faħam (madwar 26 %) u mbagħad il-gass naturali (madwar 21 %).

3.1.6   L-industrija tal-kimika tuża ammont kbir ħafna ta’ enerġija. Madwar 8 % tad-domanda totali għaż-żejt mhux raffinat hija biex jintuża bħala materja prima: il-bilanċ jintuża għall-produzzjoni tal-karburant, prinċipalment għat-trasport.

3.2   Industriji tal-metalli li ma fihomx ħadid

3.2.1   L-industriji tal-metalli li ma fihomx il-ħadid huma differenti ħafna minn xulxin u fframmentati u jinkludu l-produzzjoni ta’ metalli varji, bħall-aluminju, iċ-ċomb, iż-żingu, ir-ramm, il-manjeżju, in-nikil, is-silikon u ħafna oħrajn. B'kollox, is-settur jimpjega b'mod dirett madwar 400 000 ruħ (Eurometaux, Lulju 2011). L-ikbar sottosettur u l-iżjed importanti tiegħu huwa l-aluminju, li fl-2010 kellu forza tax-xogħol ta’ 240 000 u dħul ta’ EUR 25 biljun. Il-produzzjoni tal-bauxite tirrappreżenta 2,3 Mt, il-produzzjoni tal-alumina tirrappreżenta 5,9 Mt, filwaqt li l-produzzjoni totali tal-aluminju (primarju u reċiklat) laħqet it-total ta’ 6 Mt (270 impjant). Il-punt ta’ riferiment definit mill-Kummissjoni Ewropea huwa 1 514 kg ta’ CO2 eq/tunnellata għall-produzzjoni tal-aluminju primarju.

3.2.2   Analiżijiet varji juru li l-materja prima u l-enerġija huma l-fatturi l-iżjed importanti tal-kompetittività għall-industrija tal-metalli li ma fihomx il-ħadid tal-UE. Skont liema sottosettur, l-ispejjeż tal-enerġija u tal-materja prima jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor bejn 50 u 90 % tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni tal-metalli raffinati. L-ispejjeż tal-materja prima jirrappreżentaw bejn 30 u 85 % tal-ispejjeż totali, filwaqt li l-ispejjeż tal-enerġija jvarjaw bejn 2 u 37 % tal-ispejjeż totali. Fir-rigward tal-materja prima, ir-riċiklaġġ tar-ruttam huwa importanti daqs l-użu tal-minerali u l-konċentrati għall-produzzjoni tal-metall fl-UE.

3.2.3   Rigward id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, fl-2005, l-industrija tal-metalli tal-UE sostniet li l-konċentrati tal-bauxite, il-manjeżju, is-silikon u r-rammkienu l-materji prima l-iżjed sensittivi (pereżempju 50 % tal-esportazzjoni tal-kokk fid-dinja tiġi miċ-Ċina u 40 % tal-esportazzjonijiet tal-konċentrati tar-ramm fid-dinja miċ-Ċili).

3.2.4   Skont l-industrija, jeżistu r-riskji fil-provvista għar-ruttam tal-aluminju, ir-ruttam tar-ramm u r-ramm innuffat, konċentrati taż-żingu u taċ-ċomb, u mill-perspettiva aktar fit-tul, għar-ruttam tal-aluminju tar-ramm, u l-konċentrati tar-ramm u r-ramm innuffat.

3.2.5   L-industrija tal-metalli li ma fihomx ħadid tuża l-enerġija b'mod intensiv ħafna; dan huwa partikolarment minnu għall-produtturi tal-aluminju, taċ-ċomb u taż-żingu, li jikkunsmaw ammont kbir ta’ elettriku.

3.2.6   Parti kbira tal-konsum fl-UE tal-metalli li ma fihomx il-ħadid diġà hija fornita mill-importazzjoni u, jekk ma jinstabux rimedji, dan il-perċentwal se jiżdied hekk kif il-produtturi tal-metalli li fihomx il-ħadid fl-Ewropa jibdew jagħlqu. Dan se jirriżulta fir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (“carbon leakage”).

3.3   L-industriji tal-ħadid u l-azzar

3.3.1   L-industriji tal-ħadid u tal-azzar tal-Ewropa jimpjegaw b'mod dirett 360 000 ruħ u fl-2010 ġġeneraw dħul ta’ EUR 190 biljun. Il-konsum totali tagħhom tal-enerġija jammonta għal 3 700 GJ, li huwa madwar kwart tal-enerġija kkonsmata mill-industrija tal-manifatturi: emissjonijiet totali ta’ CO2 jilħaqu madwar 350 Mt, ekwivalenti għal 4 % tal-emissjonijiet kollha fl-UE.

3.3.2   Hemm żewġ rotot ewlenin għall-produzzjoni tal-azzar. L-ewwel rotta tissejjaħ ir-“rotta integrata”, ibbażata fuq il-produzzjoni tal-ħadid mill-minerali tal-ħadid – però, fuq medja, 14 % tal-produzzjoni f'din ir-rotta tuża r-ruttam. It-tieni rotta, imsejħa r-“rotta tar-riċiklaġġ”, tuża r-ruttam tal-ħadid bħala l-materja prima ewlenija li fiha l-ħadid f'fuklari li jaħdmu b'ark elettriku.

3.3.3   Fiż-żewġ każi, il-konsum tal-enerġija huwa relatat mal-karburant (l-iżjed il-faħam u l-kokk) u l-elettriku. Ir-rotta tar-riċiklaġġ għandha konsum tal-enerġija ħafna iktar baxxa (madwar 80 %). Ir-rotta integrata tistrieħ fuq l-użu ta’ fran tal-kokk, impjanti li jgħaqqdu t-trab, kalkari tal-funderija u “basic oxygen furnace converters”.

3.3.4   Il-konsum attwali tal-enerġija għar-rotta integrata huwa stmat li jilħaq bejn 17 u 23 GJ għal kull tunnellata ta’ prodott illaminat fis-sħana [1][SET_Plan_Workshop_2010]. Il-valur iktar baxx huwa meqjus mis-settur Ewropew bħala valur ta’ referenza tajjeb għal impjant integrat. Valur ta’ 21 GJ/t huwa meqjus bħala valur medju madwar l-UE27.

3.3.5   Parti mit-tnaqqis kbir (b'madwar 50 %) fil-konsum tal-enerġija fl-industrija Ewropea fl-aħħar erbgħin sena hija dovuta għaż-żjieda fir-rotta tar-riċklaġġ għad-detriment tar-rotta integrata (is-sehem żied minn 20 % fis-snin sebgħin għal madwar 40 % illum il-ġurnata).

3.3.6   Madankollu, bidla prospettiva lejn ir-riċklaġġ hija limitata għad-disponibbiltà tar-ruttam u l-kwalità tiegħu. Fl-Ewropa madwar 80 % tal-emissjonijiet tas-CO2 relatati mar-rotta integrata joriġinaw mill-gassijiet tal-iskart. Dawn il-gassijiet tal-iskart jintużaw ħafna fl-istess industrija biex jipproduċu madwar 80 % tal-ħtiġijiet ta’ elettriku tagħha [EUROFER_2009a].

3.3.7   Il-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum (crude steel) fl-UE fl-2008 kienet 198 Mt, ċifra li tirrappreżenta 14,9 % tal-produzzjoni totali dinjija (1 327 Mt tal-azzar mhux maħdum) [WorldSteel_2009]. Għaxar snin qabel, bi produzzjoni ftit iktar baxxa (191 Mt ta’ azzar mhux maħdum), is-sehem tal-istess pajjiżi Ewropej kien 24,6 %.

3.4   L-industrija taċ-ċeramika

3.4.1   L-industrija taċ-ċeramika timpjega 300 000 persuna b'mod dirett u tkopri firxi wiesgħa ta’ prodotti, minn tajls tal-brikk u tas-soqfa, pajpijiet tat-tafal, tajls għall-ħajt u għall-art, għal oġġetti sanitarji, tal-mejda u dekorattivi, sa “abrasives”, prodotti li jirreżistu s-sħana (refractory products) u ċeramika teknika (6).

3.4.2   Dawn is-setturi jkopru applikazzjonijiet għall-kostruzzjoni, għal proċessi b'temperatura għolja, proċess awtomotivi, tal-enerġija, tal-ambjent, prodotti għall-konsumatur, proċess tal-minjieri, tal-bini tal-vapuri, tad-difiża, tal-aerospazju, tagħmir mediku, u ħafna oħrajn. Is-setturi taċ-ċeramika huma kkaratterizzati mid-dipendenza tagħhom kemm fuq materji prima domestiċi kif ukoll dawk importati.

3.4.3   L-industrija Ewropea taċ-ċeramika hija magħmula l-iktar mill-SMEs, li jirrappreżentaw madwar 10 % tal-installazzjonijiet taħt l-ETS, iżda inqas minn 1 % tal-emissjonijiet.

3.5   Is-siment

3.5.1   Fl-2010, l-industrija tas-siment Ewropea impjegat 48 000 ruħ b'mod dirett, u pproduċiet 250 Mt bi dħul ta’ iktar minn EUR 95 biljun. Il-punt ta’ riferiment għall-konsum tal-enerġija huwa ekwivalenti għal 110kWh/tunnellata: emissjonijiet totali ta’ CO2 kienu ekwivalenti għal 3 % tat-total tal-UE.

3.5.2   Is-siment huwa materjal essenzjali għall-kostruzzjoni tal-bini, kif ukoll għall-inġinerija ċivili u idrawlika. Il-prodott aħħari tal-industrija tas-siment huwa relatat direttament mal-istat ġenerali tas-settur tal-kostruzzjoni u jirrifletti mill-qrib is-sitwazzjoni ekonomika kollha kemm hi.

3.5.3   Fl-Unjoni Ewropea, is-siment jiġi prodott primarjament bl-użu ta’ teknoloġija moderna ta’ “metodu tat-tnixxif”. Dan il-metodu jeħtieġ madwar 50 % inqas enerġija mill-clinker li jinħaraq f'kalkari permezz tal-metodu tat-tixrib.

3.5.4   Fl-2009, il-produzzjoni tas-siment fis-27 pajjiż tal-UE laħqet madwar 250 miljun tunnellata, ammont li jirrappreżenta 8,6 % tal-produzzjoni tas-siment fid-dinja, b'total ta’ madwar 3 biljuni tunnellati (7). L-Asja tirrappreżenta l-ikbar sehem tal-produzzjoni dinjija (75 %), biċ-Ċina waħedha responsabbli għal madwar nofs is-siment prodott (54,2 %). Din id-data turi li proporzjon kbira ħafna tas-siment tad-dinja hija prodotta f'pajjiżi li ma japplikawx il-Protokoll ta’ Kyoto.

3.5.5   Il-fatturi ewlenin tal-industrija tas-siment Ewropea huma: in-natura tagħha bħala settur b'użu intensiv tal-kapital – EUR 150 miljun għal kull miljun tunnellata ta’ kapaċità produttiva, il-konsum għoli ta’ enerġija – 60-130 kg għal kull tunnellata ta’ żejt jew materjal ekwivalenti għaż-żejt flimkien ma’ 90-130 KWh addizzjonali ta’ elettriku għal kull tunnellata.

3.5.6   Karatteristika oħra importanti tal-industrija Ewropea tas-siment hija l-eżistenza ta’ swieq reġjonali tas-siment, li jkopru raġġ ta’ mhux aktar minn 200 mil.

3.5.7   L-industrija tas-siment hija wieħed mis-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tas-CO2. L-emissjonijiet tas-CO2 li toħloq jammontaw għal madwar 5 % tal-emissjonijiet globali kkawżati mill-attività tal-bniedem (8). Is-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-industrija tas-siment huma d-dekarbonizzazzjoni tal-materji prima u l-kombustjoni tal-karburant.

3.5.8   Huwa stmat li l-emissjonijiet mill-proċess tad-dekarbonizzazzjoni jammontaw għal madwar 50 % tal-emissjonijiet totali ta’ impjant tas-siment, fejn il-kombustjoni tal-kaburant tikkontribwixxi 40 % oħra. Is-CO2 li jinħareġ b'riżultat ta’ dawn iż-żewġ proċessi huwa magħruf bħala emissjoni diretta. Is-sorsi ta’ emissjonijiet indiretti (madwar 10 % tal-emissjonijiet minn impjant tas-siment) jinkludu t-trasport, il-produzzjoni tal-elettriku għall-użu f'impjanti tas-siment (9).

3.5.9   L-iżvilupp tas-settur tal-produzzjoni tas-siment fl-UE jiddependi ħafna fuq il-politiki u d-deċiżjonijiet tal-UE dwar is-CO2 u sustanzi oħra li jniġġsu.

3.5.10   Fis-settur tas-siment, l-ETS hija applikata għall-produzzjoni tas-siment (clinker) f'kalkari rotattivi li għandhom kapaċità ta’ aktar minn 500 tunnellata kuljum. Id-data minn dawn l-aħħar snin (10) turi emissjonijiet aktar baxxi milli mistennija fis-settur tas-siment. Il-prezz għoli tad-drittijiet tal-emissjonijiet tas-CO2 jista' jservi bħala tentazzjoni akbar miż-żieda fil-produzzjoni ta’ siment. Il-disinn tal-ETS jista' jillimita l-produzzjoni. Għaldaqstant, l-allokazzjoni tal-kwoti għandha tiġi ppreċeduta minn analiżi sabiex jiġu ffissati miri sostenibbli, jiġi evitat it-tħarbit fis-suq u l-imprendituri jiġu mmotivati sabiex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fl-istess ħin.

3.6   L-industrija tal-ħġieġ

3.6.1   L-industrija tal-ħġieġ Ewropea timpjega 200 000 ruħ b'mod dirett, inklużi 1 300 produttur u proċessur, bi produzzjoni totali fl-2010 ta’ 34 Mt (30 % tat-total globali). Ir-riċiklaġġ ta’ tunnellata ta’ ħġieġ jevita 670 kg ta’ emissjonijiet ta’ CO2. L-emissjonijiet annwali ta’ CO2 jilħqu madwar 25 Mt.

3.6.2   Il-ħġieġ huwa magħmul primarjament minn formatur tal-ħġieġ: silica (ramel ta’ kwalità għolja), alkalis sabiex jinbidel l-istat tas-silica minn solidu għal likwidu (l-iżjed soda u potaxx), stabilizzaturi biex jitnaqqas l-effett taż-żmien fuq il-ħġieġ (l-ossidu tal-kalċju, il-manjeżju u l-ossidu tal-aluminju), xi aġenti għar-raffinar u kwantitajiet żgħar ta’ addittivi oħrajn sabiex tipi individwali ta’ ħġieġ jingħataw karatteristiċi differenti.

3.6.3   Il-klassifika li tintuża l-iżjed għat-tip ta’ ħġieġ huwa skont il-kompożizzjoni kimika, li twassal għal erba' gruppi ewlenin: soda lime glass, ħġieġ tal-kristall biċ-ċomb u ħġieġ tal-kristall, ħġieġ tal-borosilikat u ħġieġ speċjali.

3.6.4   Il-ħġieġ tal-kontenituri huwa l-iktar sottosettur fl-industrija tal-ħġieġ fl-UE, u jirrappreżenta itkar minn 60 % tal-produzzjoni totali tal-ħġieġ. Il-prodotti tiegħu huma kontenituri tal-ħġieġ (fliexken u vażetti). Il-ħġieġ tal-kontenituri huwa prodott fl-Istati Membri kollha tal-UE, barra mill-Irlanda u l-Lussemburgu. L-UE hija l-ikbar reġjun fid-dinja għall-produzzjoni tal-kontenituri tal-ħġieġ, b'madwar 140 installazzjoni.

3.6.5   Il-ħġieġ ċatt huwa t-tieni l-ikbar settur tal-industrija tal-ħġieġ tal-UE, u jirrappreżenta madwar 22 % tal-produzzjoni totali tal-ħġieġ. Huwa jinkludi l-produzzjoni ta’ ħġieġ “float” u ħġieġ mibrum (rolled glass). Fl-UE joperaw ħames produtturi tal-ħġieġ “float” u ħamsa tal-ħġieġ mibrum. L-emissjonijiet totali ta’ CO2 mis-settur tal-ħġieġ ċatt kienu madwar 7 Mt fl-2008, b'madwar 6,5 Mt mill-produzzjoni tal-ħġieġ “float” u madwar 0,5 Mt mill-ħġieġ mibrum (sors: CITL).

3.6.6   Il-fajberglass bil-filament kontinwu (CFGF – Continuous filament glass fibre) huwa mmanifatturat u pprovdut f'varjetà ta’ forom: “roving”, “mat”, “chopped strand”, “textile yarn”, tessut u fibra mtaħna. L-użu aħħari ewlieni (madwar 75 %) huwa l-infurzar ta’ materjali komposti, l-iżjed ir-reżina ssettjata bis-sħana (thermosetting resins), iżda wkoll it-termoplastik. Is-swieq ewlenin għal materjali komposti huma l-industrija tal-bini, is-setturi tal-karozzi u tat-trasport (50 %), u l-industrija elettrika u tal-elettronika.

3.6.7   Xi data dwar il-marka tal-karbonju:

Produzzjoni medja: 870 000 tunnellata fis-sena ta’ produzzjoni CFGF

Medja ta’ emissjonijiet diretti ta’ CO2: 640 000 tunnellata

Medja ta’ CO2/tunnellata: 735 kg CO2 / tunnellata ta’ produzzjoni CFGF.

3.6.8   Is-settur tal-ħġieġ speċjali jipproduċi madwar 6 % tal-produzzjoni tal-industrija tal-ħġieġ u f'termini ta’ tunnellati huwa r-raba' l-ikbar settur. Il-prodotti ewlenin huma: il-ħġieġ għat-televixins u l-moniters, il-ħġieġ għall-apparat tad-dawl (tubi u bozoz), il-ħġieġ ottiku, l-appartat tal-ħġieġ għal-laboratorji u għal użu tekniku, il-ħġieġ tal-borosilikat u taċ-ċeramika (għat-tisjir u l-applikazzjonijiet domestiċi b'temperatura għolja ħafna), u l-ħġieġ għall-industrija tal-elettronika (panels tal-LCD).

3.6.9   Is-settur tal-ħġieġ domestiku huwa wieħed mill-iżgħar setturi tal-industrija tal-ħġieġ, b'madwar 4 % tal-produzzjoni totali. Dan is-settur ikopri l-produzzjoni tal-affarijiet tal-mejda tal-ħġieġ, oġġetti tat-tisjir u dekorattivi tal-ħġieġ, li jinkludu tazzi għax-xorb, kikkri, skutelli, platti, oġġetti tat-tisjir, vażuni u ornamenti.

4.   Ħarsa ġenerali lejn l-emissjonijiet ta’ CO2 fl-2010 fl-Ewropa

4.1   L-ETS tal-UE tillimita l-emissjonijiet ta’ madwar 12 600 installazzjoni, inklużi l-impjanti tal-enerġija, il-fabbriki u r-raffinaturi taż-żejt. L-iskema tirrappreżenta madwar 40 % tal-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet b'effett ta’ serra fl-UE. L-analisti jestimaw, skont data dwar produzzjoni industrijali, li l-emissjonijiet żdiedu fl-2010 bi 3,2 %, meta mqabbel ma’ tnaqqis ta’ madwar 11,3 % fl-2009 (Barclays Capital, Nomisma Energia, IdeaCarbon).

4.2   Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-emissjonijiet totali ta’ gass b'effett ta’ serra fl-UE kienu madwar 4,6 biljuni tunnellati metriki fl-2009. Jekk dawn iċ-ċifri żdiedu flimkien mal-emissjonijiet tal-karbonju mill-industrija tas-sena l-oħra, dan jissuġġerixxi li l-UE kienet madwar 300 miljun tunnellata metrika iktar mill-mira ta’ 4,5 biljun tunnellata metrika ta’ gassijiet b'effett ta’ serra fl-2020. L-uffiċjali tal-klima tal-UE jipprevedu li l-UE se tnaqqas dik il-mira jekk tilħaq l-objettivi tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza.

4.3   CO2

L-emissjonijiet tal-iskema għan-negozjar ta’ emissjonijiet żdiedu fl-2010, hekk kif żdiedu d-domanda għall-enerġija u l-produzzjoni ġenerali industrijali, li jfisser li n-negozji ħarqu aktar karburanti fossili biex joħolqu l-elettriku u s-sħana. (Sikorski).

Barra minn hekk, prezzijiet iktar għoljin għall-gass ġiegħlu l-impjanti tal-enerġija biex jaħarqu iżjed faħam, li joħloq iżjed emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju.

5.   Il-kummenti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

5.1   Il-katina tal-valur tiddipendi fuq id-disponibbiltà u l-kwalità tal-materja prima u l-industriji bażiċi Ewropej jipprovdu materji prima ta’ kwalità għolja. L-industrija tal-ipproċessar fl-Ewropa tgawdi minn din il-kwalità għolja u l-innovazzjoni kontinwa li tinħoloq mir-riċerka. Pereżempju, fl-industrija tal-azzar, 70 % tal-kwalità hija dipendenti fuq it-tip ta’ kkastjar. Din il-kwalità għandha tinżamm u, fejn possibbli, tissaħħaħ.

5.2   Mingħajr settur industrijali b'saħħtu, kompetittiv u innovattiv, l-Ewropa mhi se tkun kapaċi tilħaq l-ebda objettivi sostenibbli, bħal dawk stipulati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2.

5.3   L-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet hija sistema ta’ limitu u skambju (cap and trade) li ġiet adottata bħala strument importanti biex sal-2020 tintlaħaq il-mira tal-UE imposta minnha nnifisha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra b'mill-inqas 20 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990 u bi 30 % jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali. L-iskema tkopri madwar 12 500 impjant fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija, li flimkien jirrappreżentaw kważi nofs l-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE u 40 % tal-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet b'effett ta’ serra.

5.4   Bħalissa l-iskema ETS qed topera fi tletin pajjiż (is-27 Stat Membru flimkien mal-Islanda, Liechtenstein u n-Norveġja). Meta mqabbel ma’ setturi oħra li mhumiex parti mill-iskema, bħat-trasport, l-istallazzjonijiet tal-ETS irnexxielhom jiksbu tnaqqis sostanzjali tal-gassijiet b'effett ta’ serra. Madankollu, l-EIIs dejjem huma soġġetti għal spinta permanenti favur it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija minħabba l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-enerġija. Huwa mixtieq ħafna li ssir analiżi fid-dettall ta’ xi tnaqqis tal-emissjonijiet attribwiti lill-ETS tal-UE.

6.   L-aspett soċjali u ambjentali

6.1   L-uniku mod kif jistgħu jiġu salvagwardjati s-sistema industrijali Ewropea, il-ħaddiema Ewropej u l-interessi tagħhom, l-ambjent, is-saħħa u l-konsumaturi huwa jekk l-ebda minn dawn l-interessi ma jiddomina fuq l-oħrajn, u jekk jinstab bilanċ ottimu bejn il-politiki ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

6.2   Il-KESE jappoġġja l-objettivi ta’ sostenibbilità ambjentali u soċjali u jidentifika bosta oqsma ewlenin fejn għandha tittieħed azzjoni integrata b'approċċ olistiku.

6.3   L-ewwel u qabel kollox, għandna bżonn programmi effettivi biex nappoġġjaw it-tkabbir professjonali, permezz ta’ taħriġ sabiex jinħolqu l-ħiliet meħtieġa biex jiġu indirizzati u jingħelbu l-isfidi teknoloġiċi u jinkisbu iktar riżultati u li jkunu aqwa fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-EIIs huma kkaratterizzati minn proċessi ta’ produzzjoni kontinwi u livell għoli ta’ responsabbiltà, li jfisser li ma jiġbdux liż-żgħażagħ. Hemm bżonn inċentivi speċjali biex jiġu appoġġjati programmi vokazzjonali (inklużi l-boroż ta’ studju) sabiex jitħarsu l-ħiliet Ewropej f' dan il-qasam.

6.4   Jenħtieġu inċentivi sabiex titrawwem il-mobilità tal-persuni tekniċi u tal-ħaddiema speċjalizzati sabiex jinxterdu l-għarfien u l-aqwa prattika, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.

6.5   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-perjodi ta’ tranżizzjoni, li jiġi ggarantit appoġġ xieraq għal ħaddiema affettwati mir-ristrutturar li jirriżulta mill-bidliet meħtieġa biex jiġu allinjati l-ħtiġijiet produttivi ma’ dawk attwali. L-investiment pubbliku għandu jappoġġja dan il-proċess.

6.6   Impenn ġenwin għat-tibdil industrijali fl-EIIs għandu jkun adegwat, permezz ta’ evalwazzjonijiet adatti tal-impatt fuq is-soċjetà u fuq il-ħaddiema, sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjali negattivi u jsiru preparazzjonijiet minn qabel għall-introduzzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ produzzjoni.

6.7   Huwa essenzjali li jinbena l-għarfien, ikun hemm fehim u sensibilizzazzjoni pubblika tal-benefiċċji li jistgħu jinkisbu permezz ta’ industrija li hija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija. Għaldaqstant, barra mill-promozzjoni tat-tikkettar tal-prodotti, il-proċessi li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jintużaw biex jipproduċu dawn il-prodotti għandhom jingħataw ttikketta wkoll. Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm tikkettar doppju: l-identifikazzjoni mhux biss tal-prodott iżda wkoll tal-fabbrika li għenet biex jinżamm livell għoli ta’ effiċjenza.

6.8   L-EIIs iridu iżjed appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni. Is-sistema attwali ta’ fondi tal-UE għandha timplimenta strumenti ddedikati (pereżempju bħal SPIRE PPP għall-industrija sostenibbli) sabiex ikun hemm iżjed spazju għall-proġetti industrijali. Il-Pjattaformi tat-Teknoloġija ħadmu ħafna biex jippreparaw ambjent iżjed favorevoli fejn l-industriji jkunu jistgħu jindirizzaw aħjar il-Programmi Qafas tal-UE. Ir-rwol tal-Organizzazzjonijiet tar-Riċerka u t-Teknoloġija għandu jiġi enfasizzat ukoll, billi huma jagħmlu parti importanti ħafna mill-katina tal-innovazzjoni u jmexxu l-idea 'l quddiem lejn l-applikazzjoni industrijali tagħha.

7.   Id-dimensjoni internazzjonali

7.1   L-Istati Uniti, il-Ġappun, ir-Russja, il-Brażil, l-Indja u – fuq kollox – iċ-Ċina (l-ewwel post fil-lista ta’ pajjiżi li jipproduċu emissjonijiet, bi 22 % tat-total) iridu jerfgħu l-piż tar-responsabbiltà tagħhom. Dawn il-pajjiżi, flimkien mal-Ewropa, jipproduċu iktar minn 70 % tal-emissjonijiet ta’ CO2 (2007). Huwa indispensabbli ftehim għall-klima u għall-benesseri tad-dinja jekk se nindirizzaw u negħlbu l-isfidi ta’ temperaturi li qed jogħlew minħabba fatturi antropoġeniċi.

7.2   F'diversi okkażjonijiet, il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu għal politiki Ewropej bħal dawn, u rrakkomanda li jsir kull sforz sabiex jintlaħaq ftehim internazzjonali ġust li jifrex ir-responsabbiltajiet u l-ispejjeż u jqis il-varjetà wiesgħa ta’ konsiderazzjonijiet usa' u mhux biss il-fatti u ċ-ċifri waħedhom.

7.3   Il-politiki tat-tibdil fil-klima jistgħu jirnexxu biss jekk il-konferenza li ġejja f'Durban jirnexxilha tistabbilixxi l-miri ġodda ta’ wara Kyoto għall-iktar pajjiżi li joħolqu emissjonijiet fid-dinja. L-Ewropa wegħdet li tilħaq miri dejjem iżjed ambizzjużi, jekk jintlaħaq ftehim globali. Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva, sakemm il-konsiderazzjonijiet espressi rigward is-sostenibbiltà għall-kumpaniji u l-ħaddiema Ewropej ikunu mdaħħla fit-test u jiġu rispettati.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 218, 23.17.2011, p. 38.

(2)  ĠU C 107, 06.04.2011, p. 1; ĠU C 218, 23.07.2011, p. 25.

(3)  SEC (2011) 779 finali.

(4)  Id-data dwar il-potenzjal ekonomiku fis-settur tat-trasformazzjoni tal-enerġija hija bbażata fuq il-kalkoli tad-DĠ ENER.

(5)  Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika 2011, COM(2011) 109 finali; Studju tal-valutazzjoni tal-impatt, Ib. n. 3., ĠU C 218, 23.7.2011, p. 38; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 76.

(6)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 7.

(7)  Rapport ta’ informazzjoni dwar “L-iżvilupp tal-industrija Ewropea tas-siment”, CCMI/040, CESE 1041/2007.

CEMBUREAU, Evolution & Energy Trends – Sit tal-internet ta’ Cembureau, Mejju 2011.

(8)  “Carbon dioxide emissions from the global cement industry” (Emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mill-industrija globali tas-siment), Ernst Worrell, Lynn Price, Nathan Martin, Chris Hendriks u Leticia Ozawa Meida, Annual Review of Energy and the Environment, Novembru 2001, Vol. 26, pp. 303-329.

(9)  Vanderborght B., Brodmann U., 2001. The Cement CO2 Protocol: CO2 Emissions Monitoring and Reporting Protocol for the Cement Industry. Guide to the Protocol, verżjoni 1.6 (Il-Protokoll dwar is-CO2 tas-Siment: Il-Protokoll dwar il-Monitoraġġ u r-Rappurtar tal-Emissjonijiet tas-CO2 għall-Industrija tas-Siment) - www.wbcsdcement.org.

(10)  Rapport ippubblikat fil-Euronews f'Mejju 2006.