15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘IMI’)”

COM(2011) 75 finali

u “l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘ir-Regolament tal-IMI’)”

COM(2011) 522 finali — 2011/0226 (COD)

2012/C 43/04

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar il-21 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”)

COM(2011) 75 finali

Nhar l-14 ta’ Settembru 2011 u t-13 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”)

COM(2011) 522 finali — 2011/0226 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’172 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjoni l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-governanza tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva akbar, li twessa’ u tiżviluppa s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) u twaqqaf netwerk elettroniku serju għall-kuntatt dirett bejn l-amministrazzjonijiet varji.

1.2   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni ddikjarata fil-Proposta għal Regolament li jiġu stabbiliti regoli għall-użu tal-IMI għall-kooperazzjoni amministrattiva li jindirizzaw, fost affarijiet oħra, il-funzjonijiet tal-utenti varji tal-IMI, l-iskambju tal-informazzjoni, il-proċeduri ta’ notifika, il-mekkaniżmi ta’ twissija u l-ftehimiet ta’ assistenza reċiproka.

1.3   Barra minn hekk, iqis li huwa ta’ benefiċċju wkoll li jiġu stabbiliti miżuri għall-protezzjoni tal-privatezza rigward in-natura tad-data skambjata, li fost affarijiet oħra tindirizza l-perjodi tal-ħażna tad-data skambjata u d-dritt tan-notifika u tal-korrezzjoni.

1.4   Rigward dan il-qafas leġislattiv essenzjali, il-KESE jirrakkomanda li fost id-definizzjonijiet tal-Artikolu 5 tiddaħħal dik tad-data tal-IMI li hija data ta’ natura ekonomika u professjonali relatata mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi u professjonali fil-qafas tas-suq uniku li huma skambjati permezz tas-sistema tal-IMI. Din hija data prevista mid-Direttivi li jistabbilixxu l-IMI bħala strument ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

1.5   Il-KESE jemmen li l-IMI jista’ jkollha rwol deċiżiv biex il-kooperazzjoni amministrattiva fis-suq intern tinbidel radikalment u biex tiżgura li din tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-individwi, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li fil-ġejjieni jista’ jkollhom sehem fl-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistema.

1.6   F’dan is-sens, il-Kumitat jirrakkomanda li l-iżvilupp tas-sistema jipprevedi distinzjoni oġġettiva fost id-data f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom jiġu eżerċitati l-attivitajiet ekonomiċi u professjonali fl-Istati Membri differenti b’mod li din it-tip ta’ data jista’ jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-intrapriżi.

1.7   Il-KESE huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni amministrattiva prevista fid-Direttivi, li s-sistema tal-IMI tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħha teħtieġ prinċipalment, u fost affarijiet oħra, skambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet. F’dan ir-rigward, huwa jinsisti fuq ir-rispett tal-leġislazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrifjuta għalkollox l-idea li d-data skambjata tista’ tiġi pproċessata kif huwa previst fil-Proposta għal Regolament u dan għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, għaliex id-Direttivi li l-IMI tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħhom imkien ma jsemmu l-ħtieġa li d-data tiġi pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva li jipprevedu. Min-naħa l-oħra, għaliex l-eżiġenzi prattiċi ta’ kontroll u ta’ segwitu ta’ kif taħdem is-sistema IMI stabbiliti mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma jiġġustifikaw, f’għajnejn il-Kumitat, it-twessigħ tal-possibbiltajiet ta’ proċessar tad-data personali skambjata li jwassal saħansitra għall-ħolqien ta’ fajls separati.

1.8   Fl-aħħar, fid-dawl tal-qabża kwantitattiva li ġġib magħha din is-sistema, fin-numru ta’ parteċipanti u l-fluss tal-informazzjoni, il-KESE jirrakkomanda li titħejja sistema bażika li tippermetti r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-każ tan-nonkonformità fil-livell tranżnazzjonali. Din is-sistema, anke jekk tkun sempliċi, tikkontribwixxi biex jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet f’każ ta’ tħaddim anomalu jew ġestjoni ħażina tas-sistema, u dan jagħmilha possibbli li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali taċ-ċittadini.

2.   Sfond

2.1   Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern hija applikazzjoni tal-IT aċċessibbli permezz tal-internet u żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri (u applikabbli fiż-Żona Ekonomika Ewropea), li l-iskop tagħha huwa li tgħin lil tal-aħħar jissodisfaw fil-prattika r-rekwiżiti għall-iskambji tal-informazzjoni mniżżla fl-atti legali tal-UE permezz ta’ sistema ta’ komunikazzjoni ċentralizzata li tippermetti l-iskambju tal-informazzjoni u l-assistenza reċiproka transkonfinali.

2.2   Is-sistema, li fil-bidu twaqqfet bħala “proġett ta’ interess komuni”, hija mfassla biex tkun sistema flessibbli u deċentralizzata li faċilment tista’ tiġi adattata biex tappoġġja oqsma differenti tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku li fihom dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva.

2.3   Il-prinċipji bażiċi tas-sistema IMI huma dawn li ġejjin:

a)

possibbiltà ta’ użu mill-ġdid;

b)

flessibbiltà organizzattiva;

c)

proċeduri sempliċi fuq qbil;

d)

multilingwiżmu;

e)

użu faċli;

f)

protezzjoni tad-data u

g)

l-ebda spiża ta’ IT għall-utenti

2.4   Bħalissa din is-sistema qed tintuża għal skopijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva b’rabta mad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali (1) u d-Direttiva dwar is-Servizzi tas-Suq Intern (2). Ser tintuża wkoll bi prova fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Impjieg tal-Ħaddiema (3).

2.5   Is-sistema tal-IMI bħalissa ma tistax tintuża mill-konsumaturi jew min-negozji. Din hi għodda intiża biss għall-użu mill-awtoritajiet kompetenti fl-oqsma speċifiċi li tkopri.

2.6   Il-KESE diġà esprima l-fehmiet tiegħu (4) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba  (5), waqt li appoġġja approċċ għall-kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali li jkun aktar deċentralizzat u bbażat fuq il-bini ta’ kuntatti li jaħdem fl-interess tas-suq uniku u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.

3.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1   Skont il-Kummissjoni, biex jiġi żgurat li s-suq uniku jaħdem bl-aħjar mod, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom bżonn jaħdmu flimkien mill-qrib billi jipprovdu assistenza lil xulxin u jaqsmu l-informazzjoni.

3.2   Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu Lejn Att dwar is-Suq Uniku  (6), waħda mill-50 proposta li tagħmel ħabbret il-ħolqien ta’ netwerk elettroniku għall-kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet Ewropej, ibbażat fuq l-istrateġija ta’ espansjoni tal-IMI bl-użu ta’ sistema ta’ informazzjoni b’diversi lingwi.

3.3   L-IMI huwa flessibbli fil-mod kif jiġi organizzat f’kull Stat Membru. L-istruttura deċentralizzata tan-netwerk teħtieġ li kull pajjiż parteċipanti jaħtar koordinatur nazzjonali tal-IMI (NIMIC), biex jiġġestixxi l-koordinazzjoni globali tal-proġett tal-IMI.

3.4   Il-potenzjal tal-IMI jinsab:

fiż-żjieda ta’ oqsma ta’ politika ġodda;

fl-iżvilupp ta’ funzjonijiet ġodda;

fir-rabta tal-IMI ma’ sistemi oħra tal-IT u

fl-użu ta’ funzjonijiet tal-IMI għal skopijiet ġodda.

3.5   F’qasam leġislattiv partikolari fejn m’hemm l-ebda sistema ta’ informazzjoni li tappoġġja l-kooperazzjoni amministrattiva, l-użu mill-ġdid tal-IMI flok l-iżvilupp ta’ sistema speċifika ġdida għandu għadd ta’ vantaġġi:

a)

kosteffiċjenza aħjar;

b)

użu aktar faċli;

c)

soluzzjonijiet aktar malajr u prevedibbli;

d)

sikurezza akbar; u

e)

żmien iqsar biex jibdew il-proġetti pilota.

3.5.1   M’hemm l-ebda limitu għan-numru ta’ oqsma ġodda li jistgħu jiżdiedu mal-IMI, iżda jeżistu limitazzjonijiet organizzattivi għal kemm jista’ jespandi, peress li trid tinżamm il-koerenza kunċettwali tas-sistema, fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

kull grupp ġdid ta’ utenti jrid ikun marbut jew parzjalment koprut mill-gruppi ta’ utenti attwali;

għandha tingħata prijorità liż-żjieda ta’ oqsma li jistgħu jużaw il-funzjonijiet attwali;

jekk iż-żjieda ta’ qasam legali ġdid teħtieġ l-iżvilupp ta’ funzjonijiet ġodda, dan għandu jsir b’mod ġeneriku sabiex il-modulu l-ġdid ikun jista’ jadatta faċilment għal gruppi ta’ utenti oħra;

l-ispejjeż ta’ kull żvilupp ieħor li jkun meħtieġ għandu jiġi ġġustifikat bil-valur miżjud mistenni fl-użu tal-IMI mill-grupp tal-utenti l-ġodda jew attwali u fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u fil-benefiċċji għaċ-ċittadini u n-negozji, u

oqsma u funzjonijiet ġodda jew konnessjonijiet ma’ għodod oħra m’għandhomx iżidu l-kumplessità tas-sistema għall-utenti.

3.6   Is-sistema tal-IMI ssegwi approċċ ta’ “privatezza fid-disinn”, li permezz tiegħu, il-privatezza u l-konformità mal-protezzjoni tad-data huma ddisinjati fis-sistema mill-bidu nett, bl-inklużjoni ta’ applikazzjoni stretta tal-prinċipju tal-limitazzjoni għall-iskop u kontrolli adegwati.

3.7   L-infiq għall-IMI jkopri l-iżvilupp u t-titjib tas-sistema, iż-żamma tal-IMI fiċ-ċentru tad-data tal-Kummissjoni, il-manutenzjoni, l-amministrazzjoni tas-sistema, l-appoġġ tat-tieni linja (second-line support), it-taħriġ, il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni.

3.8   Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-espansjoni tas-sistema biex tkopri oqsma u funzjonijiet ġodda jew biex jinħolqu konnessjonijiet ma’ għodod oħra m’għandhiex iżżid il-kumplessità tas-sistema għall-utenti. Ir-rekwiżiti għall-kooperazzjoni amministrattiva għandhom ikunu ċari biżżejjed u b’mod li jistgħu jiġu mwettqa, filwaqt li għandha tiġi analizzata l-ħtieġa ta’ għodda tal-IT li tappoġġja dan il-proċess.

3.9   Il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li l-proġett ikollu struttura ta’ governanza trasparenti u effettiva u li l-partijiet interessati kollha jifhmu l-proċeduri u l-fora li jridu jintużaw biex jintlaħaq ftehim dwar aspetti differenti tal-proġett. Għaldaqstant, dan jiġbor fih il-ġestjoni ta’ kuljum tas-sistema, id-deċiżjonijiet ta’ politika, il-pariri u l-gwida mill-esperti u l-iżvilupp tal-istruttura ta’ governanza.

3.10   Fl-aħħar, is-sistema hija intiża li tiżgura livell għoli fil-prestazzjoni tas-sistema u fis-sigurtà. F’dak li jirrigwarda l-prestazzjoni, hekk kif l-għadd ta’ utenti u l-volum tad-data tal-IMI jikber, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-prestazzjoni tas-sistema (pereżempju t-tul ta’ ħin għal risposta) tibqa’ sodisfaċenti. Rigward is-sigurtà, l-IMI taħżen u tipproċessa data personali u data oħra li mhijiex maħsuba li tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

4.   Kummenti ġenerali dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

4.1   Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni, li jadotta strateġija ta’ espansjoni u żvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) bil-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva.

4.1.1   Kooperazzjoni amministrattiva aktar koerenti fis-suq intern tal-anqas għandha tkun ibbażata fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, speċjalment fuq il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, l-aċċess għad-dokumenti, il-protezzjoni tad-data, kif ukoll fuq il-prinċipji ġenerali u kondiviżi tal-liġi li huma rikonoxxuti fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4.1.2   Fi kwalunkwe każ, il-KESE jindika li l-livell ta’ prekawzjoni u protezzjoni li japplika għad-data personali ser ivarja skont jekk id-data tirreferix għall-kummerċjanti jew in-negozjanti fil-kapaċità tagħhom ta’ operaturi ekonomiċi.

4.1.3   Filwaqt li huwa minnu li l-IMI tneħħi l-inċertezza, dan tagħmlu biss għall-awtoritajiet u mhux għall-SMEs u partijiet interessati oħra fis-soċjetà. Din iċ-ċertezza għandha tiġi estiża għalihom ukoll, kif ġie ddikjarat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2001.

4.2   Barra mir-regolamentazzjoni sustantiva u speċifika tiegħu, is-suġġett tal-protezzjoni tad-data jirrikjedi li dan l-aspett jitqies bħala teknika leġislattiva tajba f’regolamenti oħra. Dan japplika b’mod ġenerali għar-regolamentazzjoni tal-proċeduri li jintużaw fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Komunità u b’mod partikolari għas-sistema tal-IMI, li fiha nnifisha hija proċedura kumplessa.

4.2.1   Rigward it-tressiq ta’ appelli, din il-proċedura għandha tipprovdi għal sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim għal każijiet ta’ diżgwid transnazzjonali. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm aċċess mgħaġġel u effiċjenti għall-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim li huma faċli u ma jiswewx ħafna flus għal dawk li huma intenzjonati għalihom, kemm jekk huma individwi privati kif ukoll jekk huma negozji.

4.3   L-aċċess għas-sistema tal-provvista u l-kisba tal-informazzjoni għandu jkun irregolat b’mod attent ħafna biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu obbligati jwettqu l-konsultazzjoni fuq il-bażi ta’ talba ġustifikata tajjeb, bl-użu tal-formola standard u li l-persuna li tagħmel it-talba dejjem tista’ tipprova interess leġittimu.

4.4   Rigward is-sinerġiji ma’ strumenti ta’ informazzjoni oħra attwali u ma’ bażijiet tad-data ta’ professjonisti rregolati li fihom “listi” tal-professjonijiet li huma rregolati minn kull Stat Membru, il-KESE jqis li għandhom jiddaħħlu wkoll ir-rekwiżiti kollha għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari barra mil-“lista”, dan ifisser mhux biss il-kwalifiki akkademiċi, iżda wkoll is-sħubija jew le f’assoċjazzjoni professjonali, l-assigurazzjoni, il-liċenzji, eċċ. Dan jippermetti li xi konsultazzjonijiet isiru xi ftit jew wisq awtomatiċi u jkunu aċċessibbli għall-atturi tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jittama li dawn l-aspetti jiġu kkunsidrati fit-test tad-Direttiva li qed titfassal.

4.4.1   Il-ħtieġa ta’ dan l-approċċ tista’ tinftiehem mir-Rapport Annwali tal-2010 dwar is-sistema tal-IMI, li jirreferi għall-isfida li jiġu ġestiti firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet li huma kompetenti fil-qasam tas-servizzi. Kull awtorità, bil-firxa ta’ kompetenzi tagħha (tal-anqas id-distinzjoni bażika bejn regolament, intervent u superviżjoni), għandha tiġi inkluża fil-listi ta’ professjonijiet regolati.

4.5   Ir-responsabbiltajiet ta’ kull tħaddim ħażin tas-sistema jew il-ġestjoni tagħha, f’termini ta’ żbalji, dewmien eċċessiv, korrezzjonijiet, eċċ., tal-informazzjoni li hija skambjata, għandhom jiġu ċċarati, sabiex tkun iggarantita ċ-ċertezza legali tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-operaturi f’dak li jirrigwarda d-data personali. Ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni għal ħidma mhux normali tal-awtoritajiet huwa prinċipju ġenerali fil-liġi tal-UE, rikonoxxut fl-Istati Membri kollha.

5.   Il-proposta għal Regolament

5.1   L-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni huma li:

a)

tistabbilixxi qafas legali sod għall-IMI u ġabra ta’ regoli komuni li jiżguraw li taħdem b’mod effiċjenti;

b)

tipprovdi qafas komprensiv għall-protezzjoni tad-data billi tistabbilixxi r-regoli għall-ipproċessar tad-data personali fl-IMI;

c)

tiffaċilita l-espansjoni potenzjali tal-IMI fil-ġejjieni għal oqsma ġodda fil-liġi tal-UE; u

d)

tiċċara r-rwoli tal-atturi differenti li jipparteċipaw fl-IMI.

5.2   Hija tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin tal-protezzjoni tad-data permezz tal-IMI, fosthom id-drittijiet tal-persuni kkonċernati, fi strument legali uniku u b’hekk tkabbar it-trasparenza u żżid iċ-ċertezza legali. Il-proposta tiddefinixxi b’mod preċiż il-forma u l-metodi tal-kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-IMI.

5.2.1   Il-lista tal-oqsma tal-atti tal-Unjoni li attwalment huma appoġġjati mill-IMI tinsab fl-Anness I. L-oqsma ta’ espansjoni futura possibbli jinsabu elenkati fl-Anness II.

5.3   Il-proposta ttejjeb il-kundizzjonijiet li fihom jaħdem is-suq intern billi tipprovdi għodda effiċjenti u faċli li tħaffef l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet fl-atti tal-Unjoni li jirrikjedu li l-Istati Membri jikkooperaw flimkien u mal-Kummissjoni u li jaqsmu l-informazzjoni flimkien, filwaqt li jaċċertaw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali.

5.3.1   Il-proposta tistabbilixxi ċerti regoli komuni marbutin mal-governanza u l-użu tal-IMI. Fosthom hemm l-obbligu li jinħatar koordinatur tal-IMI nazzjonali, wieħed għal kull Stat Membru, l-obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu risposta adegwata u f’waqtha u d-dispożizzjoni li l-iskambju tal-informazzjoni permezz tal-IMI jista’ jintuża biex tiġi provduta evidenza bl-istess mod li bih tintuża informazzjoni simili li tinġabar fl-istess Stat Membru.

5.3.2   Il-proposta fiha wkoll mekkaniżmu biex l-IMI tespandi għal atti ġodda tal-Unjoni. L-għan huwa li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa għall-futur filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ ċertezza legali u trasparenza. Wara l-valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika, il-kosteffiċjenza, il-faċilità tal-użu u l-impatt globali fuq is-sistema, kif ukoll ir-riżultati ta’ fażi ta’ prova li tista’ ssir, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li taġġorna l-lista tal-oqsma fl-Anness I b’mod koerenti billi tadotta att delegat.

5.3.3   Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li taċċerta s-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-software tal-IMI u l-istruttura tal-IT. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tkun attiva fil-flussi tal-kompiti allokati lill-IMI, b’konformità mad-dispożizzjonijiet legali jew arranġamenti oħra li fuqhom ikun ibbażat l-użu tal-IMI f’qasam partikolari tas-suq intern.

5.3.4   Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi għadd ta’ garanziji dwar it-trasparenza tal-ipproċessar u s-sigurtà tad-data. Id-data personali m’għandhiex tibqa’ aċċessibbli għal żmien itwal milli jkun meħtieġ, għalhekk għandhom jiġu stabbiliti perjodi massimi ta’ ħażna, li meta jiskadu, id-data tiġi blukkata u mħassra b’mod awtomatiku, ħames snin wara l-għeluq tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

5.3.5   Rigward l-ambitu ġeografiku, l-istrument legali għall-IMI għandu jipprovdi biżżejjed flessibbiltà biex jakkomoda l-inklużjoni ta’ pajjiżi terzi fl-iskambji tal-informazzjoni f’ċerti oqsma, jew l-użu tas-sistema f’kuntest purament nazzjonali.

6.   Kummenti ġenerali dwar il-proposta għal regolament

6.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta għal Regolament għat-twaqqif ta’ regoli li jirregolaw l-użu tal-IMI għall-kooperazzjoni amministrattiva. Madankollu, peress li dawn huma regoli li japplikaw direttament biex jiffurmaw qafas regolatorju ġenerali, il-KESE huwa mħasseb dwar żewġ kwistjonijiet:

in-nuqqas ta’ preċiżjoni f’xi kunċetti legali fundamentali u

it-twessigħ konsiderevoli tas-setgħat tal-utenti tal-IMI rigward id-data skambjata.

6.2   Essenzjalment, l-IMI hija applikazzjoni tal-IT f’diversi lingwi li tgħaqqad flimkien aktar minn 6 000 awtorità kompetenti li jiskambjaw l-informazzjoni, f’perjodi ta’ żmien relattivament qosra, dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi u professjonali speċifiċi fl-Istati Membri rilevanti.

6.2.1   L-iskambju ta’ informazzjoni attwali permezz ta’ din l-applikazzjoni tal-IT hija soġġetta għal ġabra ta’ regoli proċedurali minimi mfassla għal dan l-iskop. Iżda, lil hinn ħafna minn dan l-iskop speċifiku u limitat ta’ skambju ta’ informazzjoni, il-Proposta issa tilleġittma wkoll l-ipproċessar tad-data personali skambjata fis-sens tal-Artikolu 6 tagħha. Madankollu, id-direttivi li hi tapplika u li għalihom tapplika bħala bażi, fl-ebda punt ma għandhom dispożizzjonjiet korrispondenti dwar dan l-ipproċessar. Fid-dawl tal-fatt li dawn id-direttivi ma jippreveduhx, il-KESE jirrifjuta l-idea li d-data skambjata tista’ tiġi pproċessata wkoll.

6.2.2   Għaldaqstant, hemm raġunijiet li għalihom jistgħu jitqajmu mistoqsijiet dwar l-ambitu ta’ din l-awtorità l-ġdida li issa hemm fil-Proposta għal Regolament dwar l-ipproċessar tad-data personali skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu 2 b) tad-Direttiva 95/46/KE.

6.2.3   Apparti mill-flessibbiltà ġenerali mogħtija lill-atturi tal-IMI biex jipproċessaw id-data personali skambjata, kif stabbilit fl-Artikolu, l-ebda dispożizzjoni oħra tal-Proposta għal Regolament ma fiha referenza għall-iskopijiet li jiġġustifikaw l-ipproċessar jew kwalunkwe garanziji possibbli jew restrizzjonijiet li għalihom huma jistgħu jiġu soġġetti.

6.2.4   Huma biss ir-raġunijiet fil-Premessa 15 li jispjegaw għaliex il-Kummissjoni issa qed iddaħħal l-ipproċessar tad-data fl-għanijiet ġenerali tal-IMI. Il-KESE jemmen li fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet u kjarifiki oħra, dawn ir-raġunijiet mhumiex biżżejjed biex tiġi awtorizzata funzjoni b’mandat daqstant wiesgħa, partikolarment:

a)

is-superviżjoni tal-użu tas-sistema mill-koordinaturi tal-IMI u tal-Kummissjoni.

6.2.5   Il-KESE jemmen li kemm il-koordinaturi tal-IMI kif ukoll dawk tal-Kummissjoni diġà għandhom aċċess għad-data skambjata, li diġà użawha biex jagħmlu valutazzjonijiet speċifiċi tas-sistema li jippermettulhom jaraw kemm it-tul taż-żmien ta’ risposta kif ukoll l-awtoritajiet involuti skont is-settur, fost affarijiet oħra.

6.2.6   B’hekk, fin-nuqqas ta’ kjarifiki oħra, ma jidhirx li hemm bżonn li jkun hemm dispożizzjoni għall-ħolqien ta’ fajls speċifiċi għall-użu tad-data skambjata biex l-użu tas-sistema jiġi ssorveljat:

b)

il-ġabra ta’ informazzjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva jew l-assistenza reċiproka fis-suq intern.

6.2.7   Din l-informazzjoni diġà hija pubblika u disponibbli fir-rapporti tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tas-sistema tal-IMI u tista’ tiġi użata biex tivvaluta l-kooperazzjoni amministrattiva, li minnha tippreżenta biss l-aspett funzjonali.

c)

inizjattivi ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni

6.2.8   Il-KESE jħoss li inizjattivi bħal dawn ma’ jeħtiġux l-“ipproċessar” tad-data (kif tinftiehem mid-definizzjoni stabbilita mid-Direttiva 95/46/KE), iżda sempliċiment l-“użu” tad-data fis-sistema.

7.   Rigward il-ħtieġa tal-preċiżjoni, din tirreferi għall-kunċett bażiku ta’ “data personali” li hemm referenza għalih għadd ta’ drabi fil-Proposta għal Regolament. F’dan ir-rigward, ir-referenza għandha ssir għall-kunċett li hemm fir-Regolament 95/46/KE li d-definizzjoni tiegħu taqbeż b’ħafna r-rekwiżit għat-tħaddim tal-IMI li, fl-aħħar mill-aħħar, jikkonċerna biss kategorija speċifika ta’ data li għandha l-istess karatteristika li hija marbuta mal-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi u/jew professjonali fis-suq intern.

7.1   Għalhekk, il-Kumitat iqis li l-proposta għandha tistabbilixxi l-ambitu tal-kunċett, filwaqt li tillimita l-kategorija tad-“data personali” għal dak li diġà jinstab fid-direttivi korrispondenti, li jipprevedu li l-IMI tintuża għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istat u li jirreferu għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi u professjonali fis-suq intern. Għaldaqstant, għandhom jissemmew id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.

8.   Il-Premessa 12 tal-proposta tispeċifika li l-IMI hija għodda li mhijiex miftuħa għall-pubbliku ġenerali li tippermetti lill-atturi esterni jfornu l-informazzjoni u jiksbu d-data. Il-KESE ma jaqbilx ma’ dan l-approċċ u jemmen li xi informazzjoni tal-IMI għandha tkun aċċessibbli għall-atturi esterni, bħaċ-ċittadini, in-negozji jew l-organizzazzjonijiet, sakemm ma jkunx fiha data personali. Aċċess ta’ dan it-tip ikun jinkludi, fost affarijiet oħra, ir-rekwiżiti amministrattivi imposti mill-pajjiż li fih hemm interess għal relazzjoni kummerċjali jew professjonali.

8.1   Il-fatt li din l-informazzjoni tkun aċċessibbli bl-ebda mod ma twassal għal aċċess għal data oħra u żgur mhux għall-ipproċessar ta’ din id-data, kif jista’ jinftiehem mid-definizzjoni ta’ “attur estern” fl-Artikolu 5(i) tal-proposta.

8.2   Dawn l-atturi esterni għandhom jingħataw id-dritt li jitolbu informazzjoni lill-utent tal-IMI l-iktar viċin tagħhom, biex jinħoloq l-obbligu li dawn tal-aħħar isegwu t-talba tul is-sistema, sakemm l-attur estern imsemmi jista’ jagħti prova ta’ interess marbut ma’ relazzjoni kummerċjali jew professjonali mal-pajjiż li dwaru qed tintalab l-informazzjoni.

9.   L-Artikolu 4 tal-proposta jawtorizza lill-Kummissjoni tinkludi fl-IMI l-kooperazzjoni amministrattiva stabbilita fid-dispożizzjonijiet relatati mal-Anness II. Ma’ dawn hemm l-interkonnessjoni futura tar-Reġistri tan-Negozju, proposta li għadha ma ġietx approvata. Minħabba l-ambitu mifrux ta’ din il-miżura futura, il-KESE jara li hemm bżonn li jingħataw id-dettalji dwar it-tip ta’ azzjoni li trid tittieħed biex l-IMI tkun tista’ tespandi.

10.   Rigward id-definizzjoni ta’ atturi esterni, u b’konsistenza mal-kummenti li diġà saru, il-KESE jipproponi abbozzar mill-ġdid kif ġej:

li jiġu definiti bħala ċittadini, negozji jew organizzazzjonijiet li jitolbu konsultazzjoni minn utent tal-IMI rigward l-ambitu ta’ ċerti Direttivi mdaħħla fis-sistema u li l-utent irid jitrażmetti;

li jagħtihom id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni fis-sistema li ma fihiex data personali; u

li b’mod espliċitu jeskludi l-ipproċessar tal-informazzjoni li jkunu kisbu.

11.   Biex jiġi aċċertat li s-suq intern jaħdem tajjeb, il-KESE jqis li jkun kostruttiv li l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti tirċievi permezz tal-IMI minn Stat Membru ieħor ikollha l-istess valur ta’ prova fil-proċeduri amministrattivi.

12.   Rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati, il-KESE jiddispjaċih li l-Proposta ma fihiex soluzzjoni unika, iżda tirreferi għall-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti li huma mniżżla fil-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data fil-forom differenti. B’mod simili, rigward il-ħażna tad-data, iħoss li l-iffissar ta’ skadenzi differenti mhuwiex adatt għat-tħaddim adegwat tas-suq intern u l-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadini.

13.   Għall-iskop tal-iskambju tal-informazzjoni ma’ pajjiżi terzi, il-KESE jqis li għandu jiġi ċċarat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(1) tal-Proposta għandhomx jittieħdu flimkien jew separatament. Fit-tieni każ, il-KESE ma jqisx li huwa ġustifikabbli li deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar jekk il-livell tal-protezzjoni tad-data f’pajjiż terz huwiex biżżejjed jew ekwivalenti għandha titqies bħala bażi adegwata għall-estensjoni tal-IMI għal dak il-pajjiż terz, filwaqt li hemm sitwazzjonijiet oħra li għalihom id-Direttivi attwali inklużi fl-IMI jew ftehim internazzjonali jipprovdu għall-iskambju estern tad-data.

14.   Biex tiġi garantita ċertezza legali akbar, id-dispożizzjonijiet revokati u dawk li għadhom fis-seħħ rigward it-tħaddim tal-IMI għandhom ikunu fil-parti ewlenija tat-test u mhux fil-premessi tal-Proposta għal Regolament.

Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Directiva 2005/36/KE (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

(2)  Directiva 2006/123/KE (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(3)  Direttiva 96/71/KE.

(4)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 103.

(5)  COM(2008) 703 finali.

(6)  COM(2010) 608 finali.