23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro”

COM(2010) 525 finali – 2010/0279 (COD)

u l-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi”

COM(2010) 527 finali – 2010/0281 (COD)

2011/C 218/09

Relatur: is-Sur PALMIERI

Nhar l-1 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 136 u 121(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro

(COM(2010) 525 finali – 2010/0279 (COD))

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi

(COM(2010) 527 finali – 2010/0281 (COD)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-5 ta’ Mejju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’189 voti favur, 2 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) bi pjaċir jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea – fil-qafas tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea – fehmet il-ħtieġa li tingħata attenzjoni kbira lill-kunsiderazzjoni tal-iżbilanċi ta’ natura makroekonomika, bħalma jingħataw attenzjoni l-iżbilanċi baġitarji – billi huma fatturi ta’ instabbiltà ekonomika, finanzjarja u soċjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE).

1.2   Il-KESE jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika attwali fil-fatt ippreżentat sfidi kbar lis-sistema ekonomika, soċjali u saħansitra dik politika tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali, u tal-Unjoni Monetarja u Ekonomika (UME) b’mod partikolari. Għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-kriżi deher biċ-ċar li mhux biżżejjed li titqies biss id-dimensjoni kwantitattiva tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiż, billi kien jeħtieġ li tiġi vvalutata wkoll il-kwalità tal-istess tkabbir, jiġifieri li jiġu identifikati l-fatturi makroekonomiċi tas-sostenibbiltà jew ta’ dan il-proċess.

1.3   Il-KESE jħeġġeġ li t-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea ssir realtà, filwaqt li jkun żgurat li tingħata attenzjoni ugwali lill-ħtiġijiet tal-istabbiltà u tat-tkabbir li jġib miegħu impjiegi ġodda.

1.4   Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ li t-tisħiħ tal-governanza ekonomika, il-qafas tal-politiki ekonomiċi, soċjali u ta’ koeżjoni tal-UE, jappoġġja b’mod effettiv il-ksib tal-objettivi stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 u l-politika ġdida Ewropea tal-koeżjoni.

1.5   Il-KESE beħsiebu jikkontribwixxi biex jinħoloq il-qbil mifrux li hu meħtieġ biex tissaħħaħ b’mod effikaċi l-governanza ekonomika, filwaqt li minn naħa jenfasizza xi limiti u riskji inerenti għall-approċċ adottat mill-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra l-potenzjal importanti li ġej minnu.

1.6   Jekk, kif diġà enfasizzat il-Kummissjoni (1), l-evidenza u d-dewmien tal-iżbilanċi makroekonomiċi bejn l-Istati Membri għandhom jiżdiedu mal-kompetittività u jekk b’kompettitività rridu nfissru – skont l-istess definizzjoni li tagħti l-Kummissjoni – il-ħila tal-ekonomija li tipprovdi lill-popolazzjoni tagħha b’livelli ta’ għajxien għolja u li qed jogħlew u rati għolja ta’ impjieg fuq bażi sostenibbli (2) – u l-KESE jenfasizza l-bżonn, ifisser li għandha titqies firxa usa’ ta’ kawżi ekonomiċi, finanzjarji u soċjali biex jiġu valutati dawn l-iżbilanċi.

1.7   Għalhekk, il-KESE jqis li t-tabella ta’ valutazzjoni tal-iżbilanċi għandha tkun magħmula minn indikaturi ekonomiċi, finanzjarji u soċjali. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jitqiesu l-iżbilanċi li jinħolqu minn inugwaljanzi dejjem ikbar fid-distribuzzjoni li kienu fost il-kawżi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-Istati Membri dan l-aħħar (3).

1.8   Id-differenzi makroekonomiċi mhumiex biss il-konsegwenza tal-Unjoni Monetarja, iżda wkoll ir-riżultat tal-ftuħ tas-Suq Intern. Id-distribuzzjoni transkonfinali tax-xogħol hija msejsa fuq il-vantaġġi u l-iżvantaġġi kompetittivi fis-swieq rispettivi. Għalhekk, il-miżuri previsti m’għandux ikollhom l-għan li jwittu d-differenzi rispettivi meta dawn ġejjin minn dinamiki tas-Suq Intern li ma joħolqux effetti ħżiena.

1.9   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa – fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi - li naslu għal valutazzjoni preċiża u ġusta kemm tal-fatturi tal-kompetittività marbuta mal-prezzijiet, kif ukoll tal-fatturi mhux marbuta mal-prezz.

1.10   Il-KESE jittama li d-dibattitu dwar l-indikaturi li ser ikunu inklużi fit-tabella prevista mill-Kummissjoni jiġi estiż b’tali mod li – fil-livell Ewropew u nazzjonali – jinkludi firxa estensiva ta’ atturi istituzzjonali u korpi ta’ rappreżentanza tas-soċjetà ċivili, fosthom il-KESE stess u l-Kumitat tar-Reġjuni.

1.11   Il-KESE huwa tal-fehma li t-tabella ta’ valutazzjoni proposta mill-KE għall-identifikazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi – minħabba l-problemi tekniċi fl-approċċ (it-twaqqif ta’ limiti ta’ twissija, il-weighting li għandu jiġi attribwit lid-diversi sorsi ta’ żbilanċ, il-perjodu ta’ żmien għall-kunsiderazzjoni). B’hekk, għandu jiġi segwit minn valutazzjoni usa’ u iktar fil-fond tal-iżbilanċi tal-Istat Membru konċernat.

1.12   Il-KESE jenfasizza l-periklu li r-rabta bejn l-identifikazzjoni tal-iżbilanċi, l-intervent tal-miżuri korrettivi u r-ristawr tal-bilanċ fi żmien raġonevoli biżżejjed, ma tistax titqies bħala fatt. F’dan il-kuntest hemm għadd ta’ fatturi li jistgħu jtawlu l-proċess: a) l-interrelazzjonijiet kumplessi bejn l-objettivi makroekonomiċi; ii) il-kontroll indirett tal-istrumenti min-naħa tal-persuni li jfasslu l-politika; c) in-nuqqas ta’ effikaċja potenzjali tas-sistema tas-sanzjonijiet proposta għall-pajjiżi tal-UEM.

1.13   Il-KESE jenfasizza li hemm ir-riskju li kwalunkwe miżura restrittiva għall-bilanċjar mill-ġdid tista’ twassal biex tingħata preferenza lill-politiki proċikliċi, u b’hekk tiggrava u tittawwal il-fażi attwali ta’ tnaqqis fl-attività ekonomika. Jista’ jkun il-każ ukoll li t-taħlita ta’ politiki ekonomiċi preskritti għal Stat Membru partikolari, meħtieġa għall-finijiet ta’ żbilanċi interni, tirriżulta f’realtà mhux adatta għall-UE globalment.

1.14   Il-KESE jisħaq li – fir-rigward tal-ambitu tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi essenzjalment marbuta mal-espożizzjoni għad-debitu eċċessiv tas-settur privat – il-kapaċità ta’ monitoraġġ u kontroll li jistgħu jeżerċitaw il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, il-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku u l-Awtorità Ewropea għall-Viġilanza Bankarja ġiet sottovalutata. Għalhekk, bħala aspett wieħed tal-koordinazzjoni bejn dawn il-korpi, il-KESE jitlob li jinħolqu kondizzjonijiet biex tiġi żgurata s-sorveljanza effikaċi, diretta jew indiretta, tas-sistema bankarja, flimkien ma’ interventi f’waqthom għar-regolazzjoni tal-kreditu: il-kriterji (regolatorji) ta’ interventi bħal dawn għandhom jiġu definiti.

1.15   Il-KESE jenfasizza li fil-pakkett leġislattiv għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi għad jonqos li jissemma d-dibattitu dwar il-baġit tal-UE. Il-verifika tax-xokkijiet asimetriċi fl-Istati Membri taż-żona tal-euro teħtieġ l-użu ta’ strumenti biex jerġa’ jinstab bilanċ fis-sistema makroekonomika. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-opportunità li jiġi valutat il-potenzjal li ġġib magħha sistema ta’ baġit iktar flessibbli b’iktar riżorsi minn dawk li għandha s-sistema attwali. Dan għandu jippermetti t-trasferimenti neċessarji mill-oqsma li jkunu bbenefikaw mix-xokkijiet għal dawk li tkun saritilhom ħsara, jew permezz ta’ stabilizzaturi awtomatiċi, jew bil-finanzjament ta’ proġetti ta’ investiment pan-Ewropej (pereżempju bil-ħruġ ta’ eurobonds) (4).

1.16   Il-KESE jtenni li l-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi Ewropej – li kapaċi jagħtu leġittimità demokratika b’saħħitha liċ-ċittadini Ewropej – teħtieġ rwol iktar ċar u preċiż għall-Parlament Ewropew (PE), għall-KESE u għall-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini, min-naħa soċjali u tas-soċjetà ċivili (5).

1.17   Il-KESE jsostni li l-PE jista’ jkun kruċjali biex jintlaħaq kunsens dwar il-qafas ta’ referenza makroekonomiku, il-prijoritizzazzjoni tal-problemi li għandhom jiġu indirizzati u l-identifikazzjoni tal-politiki ekonomiċi li għandhom jiġu implimentati. F’dan il-kuntest, il-PE jassumi r-rwol prinċipali tal-post fejn – flimkien mal-korpi istituzzjonali Ewropej l-oħra – jintlaħaq ftehim dwar strateġija komuni li ma tkunx limitata għat-twaqqif tar-regoli u l-proċeduri formali, iżda anke tfassal politiki konkreti biex jissaħħu l-fiduċja u l-istennijiet taċ-ċittadini Ewropej.

1.18   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2011, li jgħidu li l-KESE għandu jkun involut f’“kooperazzjoni mill-qrib” fl-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew, “sabiex tiġi żgurata appartenenza wiesgħa”. Għaldaqstant, huwa jesprimi r-rieda tiegħu li jipparteċipa bis-sħiħ u jispera li ma jdumx ma jidħol fi djalogu mal-Kunsill dwar dan is-suġġett.

1.19   Il-KESE – proprju għaliex huwa l-forum għad-djalogu ċivili – jista’ jorganizza sessjoni annwali speċifika (fil-ħarifa) biex jiġu diskussi r-rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri u b’hekk jinħoloq dibattitu mal-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali rispettivi, mal-parlamenti nazzjonali u l-PE, biex b’hekk l-istrateġiji adottati jkunu jistgħu jiġu valutati, mqassma u promossi fil-livell nazzjonali.

1.20   Il-KESE jħeġġeġ li b’mod progressiv isir użu iktar intensiv tad-djalogu makroekonomiku b’tali mod li l-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi ma jitħallewx biss f’idejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri. Id-djalogu makroekonomiku għandu jkun strument biex, b’mod maqsum bejn il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali, is-sitwazzjoni ekonomika u l-miżuri li għandhom jittieħdu jiġu valutati fil-livell tal-UE, b’rabta stretta mad-djalogu soċjali u b’koordinazzjoni mal-livell nazzjonali, b’tali mod li jkun hemm koerenza bejn id-dinamika tal-UE kollha kemm hi u d-dinamika tal-Istati Membri.

2.   Il-miżuri korrettivi tal-iżbilanċi makroekonomiċi interni proposti mill-Kummissjoni Ewropea fil-komunikazzjonijiet COM(2010) 525 u 527 finali

2.1   Nhar it-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni ħarġet il-komunikazzjoni dwar It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegiGħodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ  (6). B’din il-komunikazzjoni, l-għan tal-Kummissjoni huwa li tkompli tiżviluppa l-ideat li kienet ressqet fil-komunikazzjoni tagħha dwar It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika  (7).

2.2   Fid-dawl tal-kriżi finanzjarja internazzjonali, il-Kummissjoni u t-task force tal-President Van Rompuy jagħrfu li r-rispett tal-parametri stabbiliti fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) – u msaħħaħ iktar fl-ambitu tar-riforma tal-governanza – mhuwiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-UEM. Anke l-preżenza ta’ żbilanċi makroekonomiċi fi ħdan l-Istati Membri tal-UE tirrappreżenta riskju li ssir ħsara lis-sistema ekonomika Ewropea kollha kemm hi, u tikkontribwixxi kemm għad-deterjorazzjoni tal-finanzi pubbliċi kif ukoll għall-iżvilupp ta’ tensjoni fis-swieq finanzjarji.

2.3   

F’dan il-kuntest, fid-29 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ressqet pakkett leġislattiv ta’ sitt proposti finalizzati (8) biex iwasslu għal qafas leġislattiv fl-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni kemm tal-baġit (b’rabta mal-PST) (9) kif ukoll tan-natura makroekonomika. Is-suġġett ta’ din l-opinjoni huwa l-proposta tal-Kummissjoni għall-monitoraġġ tal-iżbilanċi makroekonomiċi, ibbażata fuq COM(2010) 525 u 527 finali li jittrattaw rispettivament il-proċedura għall-iżbilanċi eċċessivi fl-Istati Membri b’sanzjonijiet limitati għal-limiti għall-pajjiżi tal-UEM u l-mekkaniżmu ta’ twissija li għalihom huma soġġetti l-Istati Membri kollha.

2.3.1   Il-mekkaniżmu ta’ twissija għall-Istati Membri kollha huwa magħmul minn:

il-valutazzjoni regolari tar-riskji li jinbtu mill-iżbilanċi makroekonomiċi f’kull Stat Membru, ibbażata fuq qafas ta’ referenza magħmul minn indikaturi ekonomiċi u minn livelli ta’ limitu indikattivi (tabella ta’ valutazzjoni);

l-identifikazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, abbażi ta’ interpretazzjoni ekonomika u mhux mekkanika, tal-Istati Membri li huwa maħsub li għandhom riskju ta’ żbilanċi, b’tali mod li tiġi valutata kemm is-sitwazzjoni hija verament serja;

analiżi fil-fond dwar is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tal-Istati Membri b’tabella tal-valutazzjoni li tkun negattiva b’mod partikolari;

fil-każ ta’ riskju effettiv, ir-rakkomandazzjonijiet potenzjali mill-Kummissjoni lill-Istat Membru interessat li jikkoreġi l-iżbilanċ, fl-ambitu tar-rakkomandazzjonijiet l-oħra ta’ politiki previsti fis-semestru Ewropew (Artikolu 121(2) TFUE);

f’każ ta’ riskju serju ta’ żbilanċ jew – fiż-żona tal-euro – jekk dan l-iżbilanċ ikunx jista’ jinfirex għall-Istati Membri l-oħra, b’theddida għat-tħaddim tajjeb tal-UEM, il-ftuħ eventwali ta’ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (Artikolu 121(4) TFUE).

2.3.2   Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv teħtieġ li l-Istat Membru jressaq pjan ta’ azzjoni korrettiva lill-Kunsill tal-UE. Jekk il-miżuri korretti jitqiesu li huma adegwati, il-proċedura tiġi sospiża sakemm jiġi implimentat il-pjan korrettiv miftiehem, iżda l-Istat Membru jkollu jirreferi perjodikament, lill-Kunsill Ecofin dwar il-progress li jkun sar. Il-proċedura tingħalaq biss meta l-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, iqis li l-iżbilanċ ikun naqas biżżejjed b’tali mod li ma jkunx ikkunsidrat bħala wieħed eċċessiv.

2.3.3   Għall-pajjiżi tal-UEM biss, jekk ma tittiħidx azzjoni fil-konfront ta’ żbilanċi eċċessivi, jiġu adottati s-sanzjonijiet (b’massimu ta’ 0,1 % tal-PDG) meta l-Istat Membru, wara żewġ skadenzi suċċessivi, ma jkunx ippreżenta pjan adegwat għall-azzjoni korrettiva jew ma jkunx ħa l-miżuri previsti.

2.4   L-istrument fundamentali biex jiġi attivat il-mekkaniżmu ta’ twissija dwar l-iżbilanċi makroekonomi huwa t-tabella tal-valutazzjoni proposta mill-Kummissjoni, flimkien ma’ analiżi speċifika tas-sitwazzjoni ekonomika tal-Istati Membri. Il-karatteristiċi tiegħu huma:

i)

sett limitat ta’ indikaturi għall-identifikazzjoni ta’ żbilanċi u problemi ta’ kompetittività;

ii)

limiti ta’ twissija li jekk ikunu nqabżu jwasslu għall-analiżi;

iii)

il-possibbiltà ta’ limiti divrenzjati skont is-sħubija jew le fiż-żona tal-euro;

iv)

karattru “li qed jiżviluppa”, billi l-kompożizzjoni tal-indikaturi għandha tiġi aġġustata, tul iż-żmien, għall-bidliet tad-diversi sorsi tal-iżbilanċ.

2.4.1   Mill-ewwel abbozzi tal-Kummissjoni rigward l-għażla tal-indikaturi għat-tabella tal-valutazzjoni (10), xi wħud minnhom jidhru li se jkunu komposti minn dawn li ġejjin, fosthom l-ewwel tlieta huma relatati mal-qagħda esterna u l-aħħar erba’ mas-sitwazzjoni interna:

il-bilanċ tal-kont kurrenti bħala sehem tal-PDG, li jirrifletti l-qagħda tal-kreditu jew debitu nett jew rigward il-bqija tad-dinja,

il-qagħda finanzjarja netta mal-pajjiżi barranin bħala sehem tal-PDG, li tirrappreżenta l-kontroparti f’termini ta’ stokk tal-bilanċ tal-parti kurrenti,

il-varjazzjoni tar-rata tal-kambju reali effettiva bbażata fuq l-ispiża għal kull unità ta’ xogħol li tgħaqqad il-kompetittività tal-pajjiż (b’valuri ta’ limiti differenti għaż-żona tal-euro),

il-varjazzjoni tal-prezz reali tad-djar, biex jiġi kkontrollat l-iżvilupp ta’ bżieżaq finanzjarji spekulattivi jew inkella l-varjazzjoni tal-kwota tal-valur miżjud fis-settur tal-proprjetà globalment,

id-dejn tas-settur privat bħala sehem tal-PDG, biex tiġi stmata l-vulnerabbiltà tas-settur privat fil-konfront tal-bidliet fiċ-ċiklu ekonomiku, fl-inflazzjoni u fir-rata tal-interessi,

il-varjazzjoni tal-kreditu mogħti lis-settur privat, li jirrappreżenta l-kontroparti f’termini ta’ flussi tal-istokk ta’ dejn privat,

id-dejn privat bħala sehem tal-PDG, bħala indikatur tradizzjonali dwar l-istat tal-finanzi tal-Istati Membri.

3.   Il-persistenza tad-distakki tal-kompetittività fiż-żona tal-euro

3.1   Il-preżenza ta’ żbilanċi makroekonomiċi fl-Istati Membri hija marbuta mad-diverġenzi persistenti bejn id-domanda u l-provvista aggregata fl-Istati Membri, li jwasslu għal eċċessi jew żbilanċi sistematiċi fit-tfaddil globali tal-ekonomija. Dan jirriżulta minn bosta fatturi li jinfluwenzaw id-domanda, u l-provvista aggregata għandha tendenza li tinfluwenza b’mod negattiv it-tħaddim tal-ekonomija tal-Istati Membri tal-UEM u tal-UE b’mod globali.

3.2   M’hemmx dubju li għandha tintlaqa’ b’mod favorevoli l-attenzjoni ġdida li biha l-Kummissjoni qed tqis li l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Istati Membri – l-istess bħall-iżbilanċi tal-baġits pubbliċi – għandhom jitqiesu bħala fatturi ta’ instabbiltà ekonomika u finanzjarja fl-UE kollha kemm hi.

3.3   Wara iktar minn għaxar snin li fihom il-Kummissjoni, fi ħdan l-UEM, kienet stabbiliet il-bilanċ tal-baġits pubbliċi bħala għan esklużiv tal-monitoraġġ, waslet għal approċċ li jippermetti valutazzjoni tal-prestazzjoni nazzjonali li ċertament huwa iktar komplut u estiż għall-Istati Membri kollha. Għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-kriżi jidher biċ-ċar li mhux biżżejjed li titqies biss id-dimensjoni kwantitattiva tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiż, billi jeħtieġ li tiġi vvalutata wkoll il-kwalità tat-tkabbir, jiġifieri li jiġu identifikati l-fatturi makroekonomiċi bbażati fuq is-sostenibbiltà jew le ta’ din id-dinamika.

3.4   Bit-twaqqif tal-UEM tqies b’mod żbaljat li d-distakki makroekonomiċi fl-Istati Membri kienu se jkunu biss temporanji. L-esperjenza tal-euro, apparti li wriet il-karattru persistenti ta’ dawn id-diverġenzi, wriet ukoll kif dawn jistgħu jheddu l-bażi tal-UEM proprja, u b’hekk tinħoloq pożizzjoni diffiċli li tiġi sostnuta kif qed juruna l-kriżijiet finanzjarji ta’ dawn l-aħħar xhur.

3.4.1   B’mod partikolari, tul l-aħħar għaxar snin qabel il-kriżi ekonomika, ħarġet fid-dieher diverġenza persistenti fil-produttività – riflessa bħala rata tal-kambju reali effettiva u fil-kompetittività tal-pajjiżi msieħba fiż-żona tal-euro (żviluppi tal-esportazzjoni) (Ara l-Illustrazzjonijijet 1 u 2 fl-Anness) (11). In-natura eċċezzjonali ta’ din is-sitwazzjoni hija pjuttost minħabba d-dewmien tagħha milli fl-eżistenza tagħha, għax f’każi preċedenti (fis-snin sebgħin u tmenin) id-differenzi malajr tneħħew bl-allinjament mill-ġdid tar-rati tal-kambju nominali tal-pajjiżi konċernati.

3.4.2   Dawn id-diverġenzi wasslu għal riperkussjonijiet għall-bilanċi kummerċjali tal-Istati Membri. Il-bilanċ tal-kummerċ tal-Ġermanja u tal-grupp ta’ pajjiżi “periferiċi” magħmul mill-Portugall, l-Irlanda, l-Italja, il-Greċja u Spanja juri mġiba opposta, u d-defiċits rispettivi jidhru li qed isiru iktar simili (12) (ara l-Illustrazzjonijiet 3 u 4 fl-Anness). Din id-dinamika ma tidhirx li hija ta’ natura temporanja, anzi d-diverġenzi kellhom tendenza jikbru, ibda bit-twaqqif tal-UEM, għad li l-kriżi tal-2008 tidher li naqsithom.

3.4.3   Id-dewmien tad-diverġenzi fil-kompetittività u fl-esportazzjoni għandhom tendenza jiġu riflessi fil-bilanċi tal-ħlasijiet kurrenti u fil-pożizzjoni tal-assi netti barranin (ara l-Illustrazzjonijiet 5 u 6 fl-Anness), li b’hekk wasslu għal sitwazzjonijiet diffiċli għal xi wħud mill-Istati Membri taż-żona tal-euro li jsostnuhom fil-perjodu medju.

4.   Punti kritiċi tal-azzjoni proposta

4.1   Quddiem sitwazzjoni problematika bħal din, li titlob soluzzjonijiet daqstant ieħor b’saħħithom, għad hemm xi dubji fir-rigward tal-approċċ adottat mill-Kummissjoni u għalhekk, għar-riskji li jistgħu jirriżultaw.

4.2   Jekk, kif diġà enfasizzat il-Kummissjoni (13), l-evidenza u d-dewmien tal-iżbilanċi makroekonomiċi interni għandhom jiżdiedu mal-kompetittività u jekk b’kompettitività rridu nfissru – skont l-istess definizzjoni li tagħti l-Kummissjoni – il-ħila tal-ekonomija li tipprovdi lill-popolazzjoni tagħha b’livelli ta’ għajxien għoljin u li qed jogħlew u rati għolja ta’ impjieg fuq bażi sostenibbli (14), u l-KESE jemmen li għandha titqies firxa usa’ ta’ kawżi ekonomiċi, finanzjarji u soċjali u għalhekk, l-inklużjoni tal-indikaturi fit-tabella tal-valutazzjoni kapaċi tindika l-potenzjali żbilanċi makroekonomiċi.

4.2.1   Fost il-fatturi tal-kompetittività nsibu kemm dawk marbuta mal-prezzijiet (sintesizzati mar-rata tal-kambju reali effettiva), kif ukoll dawk mhux marbuta mal-prezzijiet, li huma daqstant importanti. F’dan il-kuntest insibu d-divrenzjar tal-prodott, il-kontenut teknoloġiku tal-assi prodotti, il-kwalità tal-prodotti offruti, il-kwalità tas-servizzi marbuta mal-prodott (is-servizzi tal-għajnuna), eċċ. Dawn jirrappreżentaw sensiela sħiħa ta’ elementi li jiddeterminaw id-definizzjoni tal-kompetittività ta’ sistema ta’ produzzjoni li, anke jekk hija diffiċli li tiġi kkwantifikata f’indikatur uniku, madankollu jeħtieġ sforz opportun għall-identifikazzjoni ta’ elementi varjabbli adegwati biex jiġi indikat il-livell u d-dinamika fi ħdan l-Istati Membri tal-UEM.

4.2.2   Il-ħidma inizjali tal-Kummissjoni dwar l-għażla tal-indikaturi turi li ġie sottovalutat l-impatt tal-inugwaljanzi dejjem ikbar bejn l-Istati Membri fil-ħolqien tal-iżbilanċi għat-tul (tal-inqas fl-aħħar għoxrin sena) karatterizzata minn inugwaljanzi fid-distribuzzjoni u r-remunerazzjoni. Dan jirreferi b’mod partikolari għar-rwol tagħhom bħala xprun tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, minħabba l-iżbilanċi bejn l-espansjoni globali tal-provvista tal-prodotti u s-servizzi u d-deterjorament fil-poter tal-akkwist tal-konsumaturi (15).

4.2.3   Is-sett ta’ indikaturi li għandu jiddaħħal fit-tabella tal-valutazzjoni għandu jkun kapaċi jidentifika dawk il-fatturi li jistgħu jiġġeneraw żbilanċi fid-domanda u l-provvista aggregata li jirriżultaw minn fenomeni ta’ natura makroekonomika, finanzjarja u soċjali. Pereżempju, jista’ jkun siewi li fit-tabella tal-valutazzjoni jiddaħħal kemm il-koeffiċjent ta’ Gini, li għall-pajjiżi Mediterranji u Anglo-Sassoni jagħti valuri partikolarment għoljin (16) kif ukoll id-differenza bejn il-produzzjoni attwali u dik potenzjali ta’ pajjiż. Dan iwassal sabiex ikun jista’ jitqies iċ-ċiklu ekonomiku tiegħu.

4.2.4   Għalhekk, huwa rakkomandat li d-dibattitu dwar l-indikaturi li għandhom jiddaħħlu fit-tabella tal-valutazzjoni jitwessa’ b’tali mod li – fil-livell nazzjonali u dak Ewropew – iħaddan l-ikbar għadd possibbli ta’ atturi istituzzjonali u mill-korpi li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili organizzata, fosthom il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni.

4.3   Barra minn hekk, fl-approċċ tal-Kummissjoni, it-tqabbil bejn il-governanza fiskali u l-governanza makroekonomika jidher dgħajjef u msejjes ftit li xejn fuq bażi xjentifika. Filwaqt li fil-fatt jeżistu raġunijiet validi għat-trażżin tal-politika fiskali tal-Istati Membri tal-UEM (17), rigward l-iżbilanċi makroekonomiċi interni r-raġunijiet u l-modalità tal-koordinazzjoni jidhru ħafna iktar kontroversjali, għad li l-proċedura tal-monitoraġġ tirrifletti ħtiġiet konkreti (18).

4.3.1   Minħabba l-ħafna kawżi tal-iżbilanċ, il-fatturi li jridu jiġu monitorjati b’mod konġunt fil-fatt huma bosta (skambji ma’ pajjiżi barranin, l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-inugwaljanzi distributtivi, il-fatturi tal-produttività tal-prezz u mhux, il-bżieżaq tal-proprjetà u dawk finanzjarji spekulattivi, eċċ.) u jinteraġixxu wkoll ma’ elementi kulturali u soċjali barra mis-sistema produttiva (pereżempju, il-preferenzi u l-imġiba tal-konsumaturi u l-faddala). Minbarra l-problemi tal-identifikazzjoni u l-għażla ta’ dawn il-fatturi hemm ukoll il-problema tat-twaqqif tal-limiti tat-twissija, kif ukoll il-problema tal-għoti ta’ weighting lid-diversi sorsi ta’ żbilanċ (19).

4.3.2   U magħhom jiżdied ukoll li r-relazzjoni bejn l-identifikazzjoni tal-iżbilanċi (fosthom il-limiti tat-twissija), l-implimentazzjoni tal-interventi korrettivi u r-ristawr rapidu tal-iżbilanċi bħal dawn f’perjodi raġonevoli, mhijiex waħda żgurata. Mhijiex ħaġa ċerta jekk l-intervent biex jiġi garantit bilanċ makroekonomiku mill-ġdid jippermettix l-identifikazzjoni tar-reazzjonijiet ta’ politika ekonomika iktar adatta. Anzi, id-deċiżjonijiet żbaljati jistgħu jħeġġu politiki proċikliċi, u b’hekk ikabbru u jtawlu l-fażi attwali ta’ nuqqas ta’ attività ekonomika b’interventi restrittivi, meta għall-kuntrarju jinħtieġu interventi ta’ espansjoni li jsaħħu d-domanda. Jista’ jkun il-każ ukoll li t-taħlita ta’ politiki ekonomiċi preskritti għal Stat Membru partikolari, meħtieġa għall-finijiet ta’ żbilanċi interni, tirriżulta f’realtà mhux adatta għall-UE globalment.

4.3.3   L-indikaturi li l-Kummissjoni tidher qed tiffavorixxi għall-finijiet tas-sorveljanza – l-iktar il-prezzijiet u s-salarji, u bis-saħħa t’hekk il-kompetittività – jiddependu l-ewwel nett minn atturi barra mill-isfera pubblika (l-intrapriżi u t-trejdjunjins), u għalhekk huma kontrollati biss indirettament u b’dewmin mill-politika ekonomika, fosthom, l-inċentivi, ir-regolazzjoni tal-kompetittività u d-djalogu soċjali. B’hekk, dawn l-elementi varjabbli ma tantx huma influwenzati mill-mekkaniżmi awtomatiċi u ż-żmien opportun meħtieġ għall-intervent, u dan jispjega għalfejn il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa tal-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda u l-evoluzzjoni kontinwa tagħhom.

4.4   Barra minn hekk, fil-pakkett leġislattiv propost jonqos dibattitu f’waqtu dwar il-politika monetarja u dwar il-kreditu. Dan huwa kamp iktar fertili fejn titfittex koordinazzjoni ikbar, fil-qafas tal-monitoraġġ finanzjarju u l-kontroll tal-akkumulazzjoni eċċessiva tad-dejn (u fl-istess ħin tal-krediti) fis-settur privat (20) u li dwaru l-KESE diġà ressaq xi proposti (21). M’hemm l-ebda referenza għar-rwol tal-istabbiltà ekonomika li – fil-kuntest tal-awtonomija statutorja karatteristika ġusta – tista’ tiġi żviluppata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), flimkien mas-sistema ta’ banek ċentrali nazzjonali u l-istituti l-ġodda tal-Bord Ewropew dwar ir-riskju sistemiku u l-Awtorità Bankarja Ewropea.

4.4.1   Dawn l-istituzzjonijiet, tal-inqas potenzjalment, jidhru li jistgħu jistabbilixxu politika Ewropea tal-monitoraġġ tal-kreditu iktar prudenti u iktar attenta meta mqabbla mal-passat, meta r-regoli u l-prattiki inadegwati ppermettew l-eċċessi u b’konsegwenza ġabu xi Stati Membri fi kriżi, u fl-istess ħin ġiet mhedda l-istabbiltà tal-UEM kollha kemm hi. Fil-fatt għandu jitfakkar li l-pajjiżi f’diffikultajiet illum, bħall-Irlanda u Spanja, sal-2007 kienu jirrispettaw il-limiti tal-PST, b’baġits bilanċjati u b’dejn pubbliku baxx, filwaqt li min-naħa tal-kreditu espandew il-provvista li sostniet il-boom tal-proprjetà, filwaqt li l-espansjoni eċċessiva tal-kreditu bla ebda mod ma inkwetat l-awtoritajiet monetarji tal-UE. Dawn il-problemi huma marbuta wkoll mar-rwol tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni, u b’mod partikolari mal-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-finanzi pubblikati mill-Istati Membri, li dwar il-KESE diġà esprima t-tħassib tiegħu (22).

4.4.2   Għal din ir-raġuni nsostnu li wasal il-waqt biex jingħataw setgħat speċifiċi fil-livell tal-UE għall-monitoraġġ u r-regolamentazzjoni li jxekklu l-espansjoni eċċessiva tal-kreditu fl-Istati Membri, l-iktar l-għoti ta’ ipoteki reċiproki (23). F’żona finanzjarja integrata – bħall-UEM – ikun aħjar li s-setgħat tal-monitoraġġ u r-regolamentazzjoni ma jiġux fdati lill-awtoritajiet nazzjonali, iżda lill-korp terz. Fil-fatt l-awtoritajiet finanzjarji Ewropej ġodda jistgħu jingħataw kompetenzi u setgħat b’tali mod li jwettqu b’mod effettiv monitoraġġ dirett jew indirett tas-sistema bankarja, flimkien ma’ interventi ta’ regolazzjoni tal-kreditu: il-kriterji (regolatorji) ta’ interventi bħal dawn għandhom jiġu definiti.

4.5   Fl-aħħar nett, fil-pakkett leġislattiv propost lanqas il-baġit tal-UE ma jissemma. Il-ħolqien potenzjali ta’ xokkijiet asimetriċi fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, kif ukoll varjazzjonijiet fid-domanda jew il-provvista li jkunu pożittivi f’ċerti pajjiżi u negattivi f’pajjiżi oħra, billi m’hemmx flessibbiltà la fir-rati tal-kambju u lanqas fir-rati tal-interessi (24), jeħtieġ li jintużaw strumenti oħra ta’ aġġustament tas-sistema ekonomika. Minbarra l-prezzijiet u s-salarji, li ġeneralment ma tantx ikunu flessibbli, skont it-teorija ekonomika, l-uniku strument effettiv f’tali sitwazzjoni huwa sistema baġitarja iktar flessibbli b’iktar riżorsi minn dawk attwali. Dan għandu jippermetti t-trasferimenti neċessarji mill-oqsma li jkunu bbenefikaw mix-xokkijiet għal dawk li tkun saritilhom ħsara, jew permezz ta’ stabilizzaturi awtomatiċi, jew bil-finanzjament ta’ proġetti ta’ investiment pan-Ewropej (pereżempju bil-ħruġ ta’ eurobonds) (25).

4.6   Sabiex ikun jista’ jinkiseb bilanċ bejn l-inċentivi u s-sanzjonijiet meta jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro, il-KESE huwa favur li l-pieni imposti ma jiġux distribwiti bejn l-Istati Membri skont id-daqs tad-Dħul Nazzjonali Gross, kif tipproponi l-Kummissjoni, iżda li jidħlu fil-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

4.7   Anke f’din l-opinjoni, il-KESE jtenni (26) li hemm ir-riskju li r-regoli u l-proċeduri awtomatiċi mhux biss ikunu ftit li xejn effettivi għall-finijiet ta’ prevenzjoni tal-kriżijiet gravi, billi dawn kważi dejjem jinbtu minn ġrajjiet straordinarji u imprevedibbli, iżda anke li jagħmlu s-sitwazzjoni agħar. Minn naħa jistgħu jnaqqsu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE, li f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej iżommu lura mill-għażliet politiċi biex jafdaw lit-“teknokrati ta’ Brussell”, kif ħareġ fid-dieher mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru (27), u min-naħa l-oħra, jiċċaraw approċċ tradizzjonali għas-soluzzjonijiet tal-problemi li jwarrab it-temi tat-tkabbir, tal-ugwaljanza soċjali u tal-ħsara lill-ambjent, bir-riskju li l-ambizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 jmutu malli jaraw id-dawl.

4.8   Jidher li l-istess approċċ fuq perjodu qasir li jiddetermina l-attivitajiet finanzjarji, u li deher li kien identifikat bħala fattur mistur tal-kriżi, issa qed jidher bħala linja gwida tal-politika Ewropea (28). Qed jinfirex l-użu ta’ interventi “spot” – kemm fl-istituzzjonijiet tal-UE kemm fl-ambitu intergovernattiv (29) – bħala reazzjoni għas-sitwazzjonijiet kritiċi li jeħtieġu dehra ta’ veloċità fid-deċiżjonijiet, jew b’mod parallel mal-żvilupp tal-opinjoni pubblika tal-iktar Stati Membri kruċjali, segwiti minn tħassib mill-politiċi l-iktar minħabba l-iskadenzi kontinwi tal-elezzjonijiet.

5.   Il-potenzjal tal-azzjoni kontra l-iżbilanċi makroekonomiċi

5.1   Koordinazzjoni effikaċi tal-politiki ekonomiċi Ewropej, li ma tiġix influwenzata mid-dinamika elettorali u mill-bidliet għal għarrieda tal-opinjoni pubblika, tirrikjedi rwol iktar ċar u preċiż għall-Parlament Ewropew (PE), għall-Kumitat tar-Reġjuni u għall-KESE, kif ukoll għall-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini u lis-soċjetà ċivili. Bis-saħħa tagħhom, il-koordinazzjoni prevista mill-Kummissjoni tista’ tikseb leġittimità demokratika qawwija għall-proċeduri preventivi u korrettivi, u b’hekk jintlaħaq il-qbil mifrux li jidher meħtieġ biex tiġi implimentata b’mod effettiv.

5.2   B’mod partikolari, fis-semestru Ewropew, kif inhu maħsub bħalissa, il-PE ngħata rwol sekondarju, limitat għall-fażi inizjali tad-dibattitu u d-direzzjoni inizjali meħuda mill-proċess tal-koordinazzjoni. Għall-kuntrarju, huwa jista’ jiżviluppa rwol iktar utli u iktar effettiv jekk jiġi koordinat mal-attività tal-parlamenti nazzjonali fil-fażi tad-diskussjoni u approvazzjoni tal-baġits tal-Istati Membri individwali. Il-PE jista’ saħansitra jkun fattur determinanti fit-tqassim tal-qafas makroekonomiku ta’ referenza, tal-problemi li jridu jiġu indirizzati, fl-identifikazzjoni tal-politiki ekonomiċi li jridu jiġu attivati. Il-PE jista’ jkun il-post fejn jintlaħaq ftehim dwar strateġija komuni li ma tkunx limitata għat-twaqqif ta’ regoli u proċeduri formali, iżda li jidħol fid-dettall tal-politiki konkreti biex isaħħaħ il-fiduċja u l-istennijiet taċ-ċittadini Ewropej.

5.3   L-enfasi fuq l-iżbilanċi kompetittivi ġġib magħha attenzjoni dejjem ikbar għan-negozjati bejn il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, l-iktar fiż-żona tal-euro, fejn l-Istati Membri m’għadx għandhom il-possibbiltà li jaġġustaw ir-rata tal-kambju. Ir-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet, l-imsieħba tad-djalogu soċjali (it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet intraprenditorjali) u s-soċjetà ċivili, għalhekk għandhom jagħmlu parti integrali mill-istrateġija proposta mill-Kummissjoni.

5.4   F’dan il-kuntest, il-KESE – fir-rwol tiegħu bħala korp konsultattiv tal-istituzzjonijiet Ewropej – jista jikkontribwixxi biex isaħħaħ il-governanza ekonomika tal-UE bħala forum kapaċi jippromovi d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili. Il-valur miżjud tal-KESE huwa li proprju li l-membri tiegħu jinkludu rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet li – wara valutazzjoni bir-reqqa – jistgħu jsostnu l-kunsens għall-politiki ekonomiċi fl-Istati Membri. Dan ifisser li l-KESE jkun jista’ jagħti kontribut importanti biex mhux biss il-mexxejja politiċi iżda anke u b’mod speċjali ċ-ċittadini tal-Istati Membri u n-nisġa produttiva, soċjali u ċivili tal-UE jieħdu interess u jassumu r-responsabbiltà.

5.4.1   Il-KESE jista’ jorganizza sessjoni annwali dedikata għad-diskussjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet u l-mod kif jista’ jinħoloq il-kunsens dwar ir-riformi fil-livell nazzjonali, b’kunsiderazzjoni tal-impatt soċjali tal-miżuri adottati (30). Diskussjoni ta’ dan it-tip tista’ ssir fil-ħarifa, wara l-adozzjoni formali tar-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri, u l-konklużjonijiet tagħhom jistgħu jservu ta’ bażi għad-diskussjoni mal-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali rispettivi, il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, biex b’hekk l-istrateġiji adottati jkunu jistgħu jiġu analizzati u mbagħad mxerrda u promossi fil-livell nazzjonali.

5.5   Barra minn hekk, huwa rakkomandabbli li jiġi promoss użu iktar intensiv u funzjonali tad-djalogu makroekonomiku. B’żieda fil-kwalità, huwa għandu jkun strument għall-valutazzjoni konġunta bejn il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali, tas-sitwazzjoni ekonomika fil-livell tal-UE u l-miżuri li għandhom jittieħdu jiġu valutati, b’rabta stretta mad-djalogu soċjali u b’koordinazzjoni mal-livell nazzjonali, b’tali mod li jkun hemm koerenza bejn id-dinamika tal-UE u d-dinamika nazzjonali fir-rigward tal-kompatibbiltà soċjali.

5.5.1   Il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi ma jistgħux jitħallew biss f’idejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri (31). Il-proċess tat-tfassil tas-salarji u l-prezzijiet huwa aspett kruċjali fil-mekkaniżmu wiesa’ ta’ monitoraġġ tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’hekk kull azzjoni politika għandha tqis l-Artikolu 153(5) tat-Trattat Ewropew u tinvolvi l-imsieħba soċjali, sew fil-livell nazzjonali u sew fil-livell Ewropew. F’dan il-qafas, id-djalogu makroekonomiku fil-livell Ewropew jista’ jissaħħaħ permezz ta’ struttura u organizzazzjoni stabbli, u fil-livell nazzjonali jista’ jiġi komunikat b’mod aħjar bid-djalogi nazzjonali u l-istituzzjonijiet inkarigati. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom isostnu u jagħtu inċentivi għall-parteċipazzjoni tal-intrapriżi u t-trejdjunjins f’dawn il-korpi u t-tipi ta’ negozjar kollettiv li jseħħu fi ħdanhom. Fil-konfront tal-kumplessità u d-dewmien tal-korrezzjoni tal-iżbilanċi permezz tar-riformi nazzjonali, it-tisħiħ tad-djalogu makroekonomiku jista’ jirrappreżenta strument iktar effettiv, f’waqtu u koordinat biex tinżamm koerenza bejn il-problemi makroekonomiċi u d-dinamika tas-suq tax-xogħol.

Brussell, 5 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Kummissjoni Ewropea - DĠ ECFIN, The impact of the global crisis on competitiveness and current account divergences in the euro area, Quarterly Report on the Euro Area (L-impatt tal-kriżi globali fuq il-kompetittività u d-diverġenzi fil-kontijiet kurrenti fiż-żona tal-euro, Rapport ta’ kull tliet xhur dwar iż-żona tal-euro), n. 1/2010.

(2)  COM(2002) 714 finali.

(3)  ILO-FMI, The Challenges of Growth, Employment and Social Cohesion (L-isfidi tat-tkabbir, tal-impjieg u tal-koeżjoni soċjali), dokument ta’ diskussjoni għall-konferenza konġunta ILO-FMI, Oslo, 13.9.2010, p. 67-73.

(4)  Monti M., A New Strategy for the Single Market. At the Service of Europe’s Economy and Society, Report to the President of the European Commission (Strateġija ġdida għas-suq uniku. Għas-servizz tas-soċjetà u l-ekonomija tal-Ewropa, Rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea), Mejju 2010. Delors J., Fernandes S., Mermet E., Le semester européen: un essai à transformer (Is-semestru Ewropew: prova għat-trasformazzjoni), Notre Europe. Les Brefs, n. 22, Frar 2011. Amato A., Baldwin R., Gros D., Micossi S., Padoan P., A new political deal for Eurozone sustainable growth: An open letter to the President of the European Council (Ftehim politiku ġdid għat-tkabbir sostenibbli taż-żona tal-euro: Ittra miftuħa lill-President tal-Kunsill Ewropew), VoxEU.org, Diċembru 2010, disponibbli fuq l-internet: www.voxeu.org/index.php?q=node/5893.

(5)  Mill-punt 1.15 sal-punt 1.18 intennu l-istess rakkomandazzjonijiet li saru fl-opinjoni ECO/282 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi - Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ, ĠU 2011/C 107/02, p. 7.

(6)  COM(2010) 367 finali, suġġett tal-opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, ĠU 2011/C 107/02 p. 7.

(7)  COM(2010) 250 finali.

(8)  Għal iktar dettalji ara:

http://ec.europa.eu/economy_finance/articles/eu_economic_situation/2010-09-eu_economic_governance_proposals_en.htm.

(9)  Opinjoni tal-KESE “Is-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro” (Ara paġna 46 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(10)  Kummissjoni Ewropea – DĠ ECFIN, A structured framework to prevent and correct macroeconomic imbalances: operationalising the alert mechanism u A structured surveillance procedure to prevent and correct harmful macroeconomic imbalances: An explanation of the Commission's proposal of 29 September 2010, Nota għall-Kumissjoni għall-Politika Ekonomika u s-Sostituti tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, 11 ta’ Novembru 2010 (Ref. Ċentru Ewropew għar-Riċerka - CER, 2011).

(11)  Kummissjoni Ewropea – DĠ ECFIN, Surveillance of Intra-Euro-Area Competitiveness and Imbalances, European Economy, n. 1/2010.

(12)  Altomonte C., Marzinotto B., Monitoring Macroeconomic Imbalances in Europe: Proposal for a Refined Analytical Framework, Nota għall-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew, Settembru 2010.

(13)  Kummissjoni Ewropea - DĠ ECFIN, The impact of the global crisis on competitiveness and current account divergences in the euro area, Quarterly Report on the Euro Area, n. 1/2010.

(14)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-politika industrijali f’Ewropa wara t-tkabbir (COM(2002) 714 finali) (Mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  ILO-FMI, The Challenges of Growth, Employment and Social Cohesion, dokument ta’ diskussjoni għall-konferenza konġunta ILO-FMI, Oslo, 13 ta’ Settembru 2010 (p. 67-73).

(16)  OECD, It-tqassim tad-dħul u l-faqar fil-pajjiżi tal-OECD: tkabbir inugwali? Ottubru 2008.

(17)  B’rabta mal-effetti sekondarji (spillovers) negattivi li fl-unjoni monetarja jinħolqu minħabba pajjiżi b’dejn qawwi meta mqabbla mal-pajjiżi għaqlin, fosthom ir-rata tal-interessi komuni. De Grauwe P., Economics of Monetary Union, Oxford University Press, 2009, Kapitolu 10.

(18)  Tabellini G., Reforming the Stability Pact: Focus on financial supervision, VoxEU.org, Ottubru 2010, disponibbli fuq l-internet www.voxeu.org/index.php?q=node/5622.

(19)  Belke A., Reinforcing EU Governance in Times of Crisis: The Commission Proposal and beyond, Deutsches Institut fur Wirtschaftsforschung – DIW Discussion Papers, Berlin, Novembru 2010.

(20)  De Grauwe P., Why a tougher Stability and Growth Pact is a bad idea, VoxEU.org, Ottubru 2010, disponibbli fuq l-internet www.voxeu.com/index.php?q=node/5615. Giavazzi F., Spaventa L., The European Commission's proposals: Empty and useless, VoxEU.org, Ottubru 2010, disponibbli fuq l-internet: www.voxeu.org/index.php?q=node/5680. Tabellini G., Reforming the Stability Pact: Focus on financial supervision, VoxEU.org, Ottubru 2010, disponibbli fuq l-internet www.voxeu.org/index.php?q=node/5622.

(21)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE ĠU 2011/C 51/03 p. 15.

(22)  Opinjonijiet tal-KESE dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni; ĠU 2009/C 277/25 p. 117 u dwar l-Aġenziji li jiggradaw il-kreditu; ĠU 2011/C 54/12 p. 37.

(23)  Spaventa L., How to prevent excessive current account imbalances, EuroIntelligence, Settembru 2010, disponibbli fuq l-internet www.eurointelligence.com/index.php?id=581&tx_ttnews[tt_news]=2909&tx_ttnews[backPid]=901&cHash=b44c8f9ae0.

(24)  Jekk il-varjazzjonijiet pożittivi u negattivi jiġu kumpensati fil-livell tal-unjoni monetarja, il-Bank Ċentrali tal-Unjoni ma jkollux għalfejn jintervjeni fil-politika monetarja. Ara De Grauwe P. Economics of Monetary Union, op. cit. Kapitolu 1).

(25)  Monti M., A New Strategy for the Single Market. At the Service of Europe’s Economy and Society, Report to the President of the European Commission, Mejju 2010. Delors J., Fernandes S., Mermet E., Le semester européen: un essai à transformer (Is-semestru Ewropew: prova għat-trasformazzjoni), Notre Europe. Les Brefs, n. 22, Frar 2011. Amato A., Baldwin R., Gros D., Micossi S., Padoan P., A new political deal for Eurozone sustainable growth: An open letter to the President of the European Council, VoxEU.org, Diċembru 2010, disponibbli fuq l-internet: www.voxeu.org/index.php?q=node/5893.

(26)  Kif issemma fl-opinjoni tal-KESE. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, ĠU 2011/C 107/02 p. 7.

(27)  It-tnaqqis tal-fiduċja mhuwiex daqstant fl-istituzzjonijiet Komunitarji nnifishom, iżda pjuttost f’kemm hija meqjusa utli s-sħubija fl-UE. Informazzjoni mill-Ewrobarometru 73 – l-ewwel riżultati, mistoqsijiet QA9a u QA10a.

(28)  Monti M., Europe must buck short-term tendencies, Financial Times, 13 ta’ Diċembru 2010.

(29)  Pereżempju, il-patt tal-kompetittività propost mill-gvern Franċiż u l-gvern Ġermaniż fl-4 ta’ Frar 2011.

(30)  Kif issemma fl-opinjoni tal-KESE, It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 7.

(31)  Watt A., Economic Governance in Europe: A Change of Course only after Ramming the Ice, Social Europe Journal, 30 ta’ Lulju 2010, disponibbli fuq l-internet www.social-europe.eu/2010/07/economic-governance-in-europe-a-change-of-course-only-after-ramming-the-ice. Watt A., European economic governance: what reforms are to be expected and what are needed?, paper for European Alternatives, 2010, disponibbli fuq l-internet www.euroalter.com/wp-content/uploads/2010/11/Watt-ENG.pdf.