21.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 285/53


Il-Ħamis, 26 ta’ Novembru 2009
L-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa

P7_TA(2009)0098

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa

2010/C 285 E/07

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikulari dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tan-nisa, bħall-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni għas-Soppressjoni u l-Abolizzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni tal-Oħrajn, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll fakultattiv tagħha, u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u kwalunkwe Trattament jew Kastig Krudil, Inuman jew Degradanti ieħor,

wara li kkunsidra strumenti oħra tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa, bħad-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna u l-Programm ta’ Azzjoni tal-25 ta’ Ġunju 1993 adottata mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (A/CONF. 157/23), id-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta’ Diċembru 1993 (A/RES/48/104), ir-Riżoluzzjonijiet tal-Assembleja Ġenerali tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Domestika kontra n-Nisa tat-12 ta’ Diċembru 1997 bl-isem “Il-prevenzjoni tad-delitti and miżuri ta' ġustizzja kriminali lejn l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa” (A/RES/52/86), tat-18 ta' Diċembru 2002 bl-isem “Lejn l-eliminazzjoni ta’ delitti kontra n-nisa mwettqa f'isem l-unur” (A/RES/57/179), u tat-22 ta' Diċembru 2003 bl-isem “L-eliminazzjoni tal-vjolenza domestika kontra n-nisa” (A/RES/58/147), ir-rapporti tar-Rapporteurs Speċjali dwar il-vjolenza kontra n-nisa tal-Kummissarju Għoli tan-NU, u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (11-il sessjoni, 1992),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għall-Azzjoni ta’ Beijing adottati waqt ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma għall-Azzjoni ta' Beijing (1) u tal-10 ta' Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba' Konferenza dinjija dwar in-Nisa - Pjattaforma għall-Azzjoni (Beijing +10) (2),

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-6 ta' Lulju 2006 bl-isem “Studju Dettaljat dwar il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa” (A/61/122/Add.1),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assembleja Ġenerali tan-NU tad-19 ta' Diċembru 2006 bl-isem “L-intensifikar tal-isforzi sabiex tiġi eliminata kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa” (A/RES/61/143),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2003/45 tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-23 ta' April 2003 bl-isem “Eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa” (E/CN.4/RES/2003/45),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Unjoni Inter-Parlamentari adottata mill-114 Assembleja tat-12 ta' Mejju 2006 dwar l-irwol tal-parlamenti fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 1997 dwar il-ħtieġa li tiġi stabbilita kampanja madwar l-Unjoni Ewropea għal tolleranza żero tal-vjolenza kontra n-nisa (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2006 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u kwalunkwe attività ġejjiena (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-qtil tan-nisa (femiċidju) fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali u l-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili pprattikata fl-UE (6),

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tal-1 ta’ Ottubru 2009 lill-Kunsill (O-0096/2009 – B7-0220/2009) u lill-Kummissjoni O-0097/2009 –B7-0221/2009) dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.

billi l-Pjattaforma għall-Azzjoni ta’ Beijing tan-NU iddefiniet il-vjolenza kontra n-nisa bħala kwalunkwe att ta' vjolenza bbażat fuq is-sess, li jirriżulta, jew li aktarx jirriżulta, fi ħsara jew tbatija fiżika, sesswali jew psikoloġika għan-nisa, inkluż it-theddid ta' atti bħal dawn, l-isfurzar jew iċ-ċaħda arbitrarja tal-libertà,

B.

billi l-Pjattaforma għall-Azzjoni ta' Beijing tan-NU stabbilixxiet li l-vjolenza kontra n-nisa hija manifestazzjoni tar-relazzjonijiet tal-poter mhux ugwali storikament bejn l-irġiel u n-nisa li wasslu għal sitwazzjoni fejn l-irġiel jiddominaw in-nisa u jiddiskriminaw kontrihom u għall-prevenzjoni tal-avvanz sħiħ tan-nisa,

C.

billi l-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa mhix biss problema ta’ saħħa pubblika iżda wkoll aspett ta’ inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li hi qasam li fih l-UE għandha l-inkarigu li tieħu azzjoni,

D.

billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju ewlieni tal-UE, li hu rikonoxxut fit-Trattat KE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

E.

billi l-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa tirrappreżenta ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod partikulari: tad-dritt għall-ħajja, id-dritt għas-sigurtà, id-dritt għad-dinjità, id-dritt għall-integrità fiżika u mentali, kif ukoll id-dritt għall-għażla u għas-saħħa sesswali u riproduttiva,

F.

billi l-vjolenza tal-irġiel konta n-nisa tostakola l-parteċipazzjoni tan-nisa f’attivitajiet soċjali, fil-ħajja politika u pubblika u fis-suq tax-xogħol, u tista’ twassal għall-marġinalizzazzjoni u l-faqar għan-nisa,

G.

billi l-vjolenza kontra n-nisa fil-forom estremi tagħha twassal biex dawn jinqatlu,

H.

billi l-vjolenza kontra n-nisa timxi id f’id mal-vjolenza kontra t-tfal u għandha impatt fuq il-benessri psikoloġiku u l-ħajja tagħhom,

I.

billi l-vjolenza kontra n-nisa bħala ommijiet teffettwa direttament jew indirettament lit-tfal u tħalli impatt negattiv fit-tul fuq is-saħħa emozzjonali u mentali tagħhom, u tista’ toħloq ċiklu ta’ vjolenza u ta’ abbuż li jibqa’ għaddej minn ġenerazzjoni għal oħra,

J.

billi l-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa hi problema strutturali u mifruxa fl-Ewropa u fid-dinja kollha, fenomenu li jeffettwa l-vittmi kif ukoll lill-aggressuri, irrispettivament mill-età, mill-edukazzjoni, mid-dħul finanzjarju jew mill-pożizzjoni soċjali, u hija marbuta mad-distribuzzjoni mhux ugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna,

K.

billi t-tipi ta’ vjolenza mwettqa kontra n-nisa jvarjaw f’kulturi u fi tradizzjonijiet differenti, u billi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, dawk magħrufa bħala delitti għall-unur u ż-żwiġijiet sfurzati huma realtà fl-UE,

L.

billi s-sitwazzjonijiet ta' gwerer u kunflitti armati, ir-rikostruzzjoni wara l-kunflitt u l-kriżijiet ekonomiċi, soċjali u/jew finanzjarji jżidu l-vulnerabilità tan-nisa, kemm individwalment, kif ukoll kollettivament, għall-vjolenza tal-irġiel kontrihom u billi dawn m'għandhomx jittieħdu bħala skużi sabiex tiġi ttollerata l-vjolenza tal-irġiel,

M.

billi t-traffikar tan-nisa għal skopijiet sesswali u għal skopijiet oħra huwa ksur fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem li għandhom in-nisa u jeffettwa kemm lill-vittmi bħala individwi, kif ukoll lis-soċjetà kollha kemm hi,

N.

billi t-tolleranza murija lejn il-prostituzzjoni fl-Ewropa twassal għal żieda fit-traffikar tan-nisa lejn l-Ewropa għal skopijiet sesswali, u għat-turiżmu tas-sess,

O.

billi m’hemm ebda ġbir ta’ data regolari u komparabbli dwar it-tipi differenti ta’ vjolenza kontra n-nisa fl-UE, ħaġa li tagħmilha diffiċli li jiġi aċċertat id-daqs reali tal-fenomenu u li jinstabu soluzzjonijiet xierqa għall-problema,

P.

billi n-numru ta' nisa li huma vittmi ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru huwa allarmanti,

Q.

billi x-xbieha tan-nisa mogħtija mill-midja, li ħafna drabi hi mgħawġa u mmirata lejn il-konsumatur, tmur kontra r-rispett għad-dinjità tal-bniedem,

R.

billi, barra mid-dipendenza ekonomika (li hi spiss il-każ għan-nisa), fatturi importanti li jżommu lin-nisa milli jirrappurtaw il-vjolenza li ssir kontrihom jinsabu fil-kultura soċjali u fir-rappreżentazzjonijiet li jissuġġerixxu li l-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa hija kwistjoni privata jew li spiss in-nisa nfushom ikollhom tort,

S.

billi ta’ sikwit in-nisa ma jirrappurtawx il-vjolenza tal-irġiel kontrihom għal diversi raġunijiet kumplessi psikoloġiċi, finanzjarji, soċjali u kulturali, u xi kultant ma jħossux li jistgħu jagħmlu dan minħabba nuqqas ta' fiduċja fil-pulizija, fis-sistema ġudizzjarja u fis-servizzi soċjali u mediċi,

T.

billi l-Parlament sikwit talab li jkun hemm Sena Ewropea għall-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa,

U.

billi n-NU ddikjarat il-25 ta’ Novembru bħala l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, u billi fil-Parlament Ewropew f’Diċembu 2009 se jsir seminar internazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa,

V.

billi dejjem qiegħda tikber il-ħtieġa li jiġi introdott strument ġuridiku komprensiv immirat biex jiġġieled kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa fl-Ewropa, inkluż it-traffikar tan-nisa,

1.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu l-liġijiet u l-politiki nazzjonali tagħhom għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali komprensivi li jiġġieldu kontra l-vjolenza kontra n-nisa, ibbażati fuq analiżi tal-implikazzjonijiet fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tal-vjolenza fuq in-nisa u fuq l-obbligi tat-trattati internazzjonali tal-Istati Membri li jeliminaw kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, u sabiex fihom ikun hemm miżuri konkreti għall-prevenzjoni tal-vjolenza mill-irġiel, għall-ħarsien tal-vittmi u għall-prosekuzzjoni tal-aggressuri;

2.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex, permezz ta’ programmi u skemi ta’ finanzjament nazzjonali ad hoc, jgħinu lill-korpi u lill-organizzazzjonijiet volontarji li jilqgħu u jagħtu għajnuna psikoloġika lin-nisa vittmi tal-vjolenza, b’mod partikulari bil-għan li jgħinuhom jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jiksbu d-dinjità sħiħa tagħhom bħala persuni;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill pjan tal-politika tal-UE mmirat u iktar koerenti dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa, kif mistqarr fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2006 bl-isem “Pjan Direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006 - 2010” (COM(2006)0092), biex tinkludi miżuri għall-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa fil-programm ta’ azzjoni tagħha dwar l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għall-irġiel u n-nisa għas-snin 2011 sa 2016,kif ukoll miżuri konkreti biex tiġi evitata kull forma ta’ vjolenza, biex il-vittmi jkunu protetti u biex jittieħdu passi legali kontra l-aggressuri, u biex tiżgura li ssir analiżi tal-implikazzjonijiet tal-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa fl-oqsma kollha tal-politiki u li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jiżviluppaw reazzjoni koordinata, impenjata u koerenti biex jeqirdu din il-vjolenza;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibiltà li tadotta miżuri ġodda għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex torganizza konferenza speċjali ta’ livell għoli li għaliha jattendu r-rappreżentanti tal-organi politiċi, tas-soċjetà ċivili, tal-organizzazzjonijiet soċjali u istituzzjonali, li jkollha bħala għan li tikkontribwixxi għal proċess ta’ żvilupp ta’ politiki aktar koerenti fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa;

6.

Jitlob lill-Unjoni Ewropea sabiex tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna u l-appoġġ għall-vittmi kollha tal-vjolenza, u b’mod partikulari tat-traffikar tal-bnedmin, ikunu ta’ liema nazzjonalità jkunu, u sabiex tiżgura l-protezzjoni tan-nisa vittmi tal-vjolenza domestika li l-istatus legali tagħhom possibilment ikun jiddependi mis-sieħeb tagħhom;

7.

Jistieden lill-UE sabiex timplimenta mekkaniżmi li jiżguraw li l-analiżi tat-traffikar tal-bnedmin mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi integrata fil-politiki kollha maħsuba sabiex jipprevjenu u jiġġieldu kontra din il-prattika, u sabiex jindirizzaw il-kawżi primarji tal-vjolenza billi jieħdu miżuri preventivi bħalma huma s-sanzjonijiet, l-edukazzjoni u l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni;

8.

Ifakkar li għadu qed jistenna r-riżultati tal-istudju tal-Kummissjoni dwar leġiżlazzjoni dwar il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-vjolenza kontra n-nisa;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu li n-nisa vittmi tal-vjolenza jkollhom aċċess xieraq għall-għajnuna legali u għall-protezzjoni, ikunu ta' liema nazzjonalità jkunu u tkun xi tkun in-natura tal-involviment tagħhom fl-investigazzjonijiet tal-pulizija;

10.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex joħolqu bażi legali ċara għall-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluż it-traffikar;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda l-ħidma fuq l-abbozzar ta’ proposta għal direttiva komprensiva dwar azzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa;

12.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaġixxu ħalli jindirizzaw il-kawżi tal-vjolenza kontra n-nisa, b'mod partikulari billi japplikaw miżuri preventivi u billi jagħmlu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-forom differenti li jista' jkollha din il-vjolenza;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni flimkien, li tkun tinkludi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni għall-pubbliku, dwar il-vjolenza domestika, kif ukoll strateġiji mmirati lejn il-bdil tal-istereotip soċjali tan-nisa permezz tal-edukazzjoni u tal-midja, u sabiex jinkoraġġixxu l-iskambju ta' prattiki tajbin;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw fil-livell internazzjonali l-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-vjolenza fuq in-nisa u d-dimensjoni relatata mal-ġeneru fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari fil-kuntest tal-ftehimiet bilaterali ta' assoċjazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fis-seħħ u dawk li qed jiġu negozjati;

15.

Jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, mill-fatt li m’hemmx dimensjoni sinifikattiva dwar il-ġeneru fl-evalwazzjonijiet obbligatorji dwar l-impatt tas-sostenibilità li jsiru qabel ma jiġu konklużi ftehimiet bħal dawn, wisq anqas kwalunkwe rikonoxximent tal-kwistjoni tal-vjolenza sesswali, u ta' sensiela ta' strumenti li jippermettu li jiġi analizzat l-impatt fir-rigward tal-ġeneru, u jistieden lill-Kummissjoni biex kemm jista' jkun malajr tressaq proposta biex issolvi din il-problema;

16.

Jitlob lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw kif jixraq iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' ċerti kategoriji ta' nisa li huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza, bħal nisa minn minoranzi, nisa immigranti, nisa refuġjati, nisa li jgħixu fi stat ta' faqar f'komunitajiet rurali u iżolati, nisa fil-ħabs jew f'istituzzjonijiet oħra, bniet, nisa omosesswali, nisa b'diżabilitajiet u nisa kbar fl-età;

17.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżidu l-miżuri ta' prevenzjoni tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fost iż-żgħażagħ billi jipprovdu kampanji mmirati ta' edukazzjoni u kooperazzjoni aħjar fost l-atturi u l-ambjenti differenti effettwati minn dan il-fenomenu, bħall-familji, l-iskejjel, l-isfera pubblika u l-midja;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindirizza d-dimensjoni internazzjonali tal-vjolenza kontra n-nisa fil-kuntest tal-ħidma tagħha dwar ir-Responsabilità Soċjali tal-Intrapriżi, b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda l-intrapriżi Ewropej li joperaw fiż-żoni ta' proċessar għall-esportazzjoni;

19.

Jenfasizza l-importanza ta’ taħriġ xieraq għal dawk kollha li jaħdmu ma’ vittmi nisa ta’ vjolenza mill-irġiel, inklużi rappreżentanti tas-sistema tal-ġustizzja u tal-infurzar tal-liġi, b’referenza partikolari għall-pulizija, il-qrati, is-servizzi soċjali, mediċi u legali, l-aġenziji tas-suq tax-xogħol, min iħaddem u l-għaqdiet sindakali;

20.

Jitlob li jinħolqu mekkaniżmi sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għan-nisa li jkunu vittmi ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru jew ta' netwerks ta' traffikar għal għajnuna legali b’xejn li tagħmilha possibbli għalihom li jasserixxu d-drittijiet tagħhom fl-Unjoni; jinsisti fuq il-bżonn li jittejbu l-kollaborazzjoni bejn professjonisti legali u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u li jinstabu mezzi biex jitneħħew l-ostakli għar-rikonoxximent ta' atti legali fi Stati Membri oħra, inklużi sentenzi mogħtija għal reati ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u inibizzjonijiet kontra rġiel vjolenti;

21.

Jilqa' l-fatt li twaqqfu qrati f'xi Stati Membri biex jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u jistieden lill-Istati Membri kollha biex imexxu iktar din l-inizjattiva;

22.

Jitlob li fis-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Kondotti (ECRIS) jingħata rwol ċentrali lir-rekords li jikkonċernaw il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;

23.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex idaħħlu sistema koerenti għall-ġbir ta’ statistika dwar il-vjolenza kontra n-nisa, b'referenza partikulari għall-vjolenza kontra l-minorenni, u inklużqtil li jsir fil-kuntest ta’ vjolenza domestika u jew relazzjonijiet mill-qrib, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri sabiex tinkiseb data komparabbli dwar il-vjolenza kontra n-nisa fl-UE kollha;

24.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu l-vjolenza sesswali u l-istupru tan-nisa, anke fiż-żwieġ u f'relazzjonijiet intimi informali u/jew fejn dawn jitwettqu minn qraba rġiel, bħala offiża kriminali meta l-vittma ma tkunx tat il-kunsens tagħha, u sabiex jiżguraw li reati bħal dawn jirriżultaw fi prosekuzzjoni awtomatika, u biex tiġi rrifjutata kwalunkwe referenza għall-prattiki kulturali, tradizzjonali jew reliġjużi bħala fattur mitiganti f’każi ta’ vjolenza kontra n-nisa, inklużi dawk magħrufa bħala delitti għall-unur u mutilazzjoni ġenitali femminili;

25.

Jinnota li ċerti Stati Membri implimentaw politiki sabiex jirrikonoxxu l-vjolenza sesswali fi ħdan koppja, b'mod partikulari l-vjolenza bejn il-miżżewġin, bħala delitt; jitlob lill-Istati Membri sabiex janalizzaw ir-riżultati ta' dawn il-politiki sabiex jiffavorixxu l-iskambju ta' prattiki tajbin fl-Ewropa kollha;

26.

Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa biex itemmu l-mutilazzjoni genitali femminili; jenfasizza li l-immigranti residenti fil-Komunità għandhom ikunu konxji li l-mutilazzjoni ġenitali femminili tikkostitwixxi theddida serja għas-saħħa tan-nisa u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri sabiex jew jimplimentaw dispożizzjonijiet legali speċifiċi fir-rigward tal-mutilazzjoni ġenitali femminili jew inkella jadottaw liġijiet bħal dawn u jieħdu passi legali kontra kwalunkwe persuna li twettaq mutilazzjoni ġenitali;

27.

Jistieden lill-UE biex tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna u l-appoġġ għall-vittmi kollha tal-vjolenza tal-irġiel fuq in-nisa;

28.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinvestigaw mingħajr dewmien l-abbużi estremi kontra d-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra n-nisa Roma, jikkastigaw lill-aggressuri u biex jipprovdu kumpens xieraq lill-vittmi tal-isterilizzazzjoni sfurzata;

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


(1)  ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.

(2)  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.

(3)  ĠU C 304, 6.10.1997, p. 55.

(4)  ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 66.

(5)  ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 140.

(6)  Testi adottati, P6_TA(2009)0161.