23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nippromovu l-politiki u l-programmi fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livell tal-utenti finali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2009/C 318/08

Relatur: is-Sur CAPPELLINI

Nhar l-10 ta’ Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Nippromovu l-politiki u l-programmi fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livell tal-utenti finali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur CAPPELLINI.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tal-1 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’126 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) kien involut fl-aħħar konsultazzjoni dwar id-diversi temi tal-politiki Ewropej fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-varji dimensjonijiet tagħhom (id-dimensjoni esterna, l-isfidi relatati mal-enerġija fuq perijodu qasir u fit-tul, il-politiki dwar il-provvista u s-sigurtà tal-enerġija), fil-kuntest ta’ politika tal-enerġija ekonomikament vijabbli u sostenibbli. Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi u msaħħa r-riżultati miksuba waqt il-ġranet iddedikati għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija organizzati mill-KESE b’kollaborazzjoni mal-atturi kkonċernati kollha, l-utenti finali u l-Istati Membri. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament il-ġdid jaġixxu bis-sħih fuq ir-rakkomandazzjonijiet li diġà ħareġ fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu (1).

1.2

Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li l-implimentazzjoni ta’ politika tal-enerġija li tippromovi l-effiċjenza u t-teknoloġiji “nodfa” l-ġodda tista’ tkun soluzzjoni mhux biss għall-kwistjoni ambjentali iżda wkoll għat-tnaqqis tad-dipendenza fil-provvista tal-enerġija u saħansitra sabiex jiġu ffaċċjati l-ispejjeż għoljin tal-materja prima u l-konsegwenzi tagħhom fuq l-utenti finali.

Il-KESE jirrakkomanda li jissaħħu l-isforzi favur il-parteċipazzjoni sistematika tal-utenti finali (u b’mod speċjali tal-konsumaturi u l-intrapriżi ż-żgħar) fil-kuntest tar-ristrezzjonijiet il-ġodda stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f’ Marzu 2007 u tal-miżuri li għandhom l-għan li jtaffu l-kriżi ekonomika attwali.

1.3

Il-KESE huwa tal-fehma li s-sħubija soċjali Ewropea u nazzjonali tista’ twitti t-triq għal involviment akbar tal-konsumaturi finali tal-enerġija, b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar, l-organizzazzjonijiet tagħhom, is-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat fil-livell lokali u l-kooperattivi. Dan iwassal għal kontribut aktar b’saħħtu għall-ksib tal-objettivi Ewropej fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-ekonomija ekoloġika. Dan l-impenn, jekk jiġi inidirizzat fl-ambitu l-aktar adattat bħal pereżempju l-aġenda tad-djalogu soċjali Ewropew inkluż fil-livell settorjali, jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv għal żieda fl-impjiegi u għall-ħolqien ta’ professjonijiet ikkwalifikati ġodda marbuta mas-settur tal-enerġija u mat-tixrid ta’ servizzi ġodda.

1.4

Il-KESE jemmen li l-għażla li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-politiki tal-enerġija għandha tħeġġeġ ukoll, kemm fis-suq intern kif ukoll fis-swieq nazzjonali, it-tisħiħ ta’ strateġija ta’ żvilupp sostenibbli kif ukoll kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika usa’ li tagħti ħajja ġdida lill-investiment pubbliku u privat u tinkludi forom ta’ “kooperazzjoni msaħħa” bejn l-Istati Membri tal-UE.

1.5

Il-Kumitat jesprimi d-dispjaċir u t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ data omoġenji u dettaljati dwar l-effiċjenza tal-enerġija fl-użu finali. Minħabba dan in-nuqqas huwa diffiċli li jiġu stabbiliti indikaturi li jkunu statistikament “sodi” u armonizzati, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ data storika fil-livell Ewropew aċċessibbli għall-utenti finali.

Il-KESE jtenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Istati Membri naqsu milli jfasslu fiż-żmien mixtieq il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (NEEAP), skont ma kien mitlub fid-Direttiva kkonċernata.

1.6

Barra minn hekk, il-KESE jqis li, biex fil-livell nazzjonali titħeġġeġ implimentazzjoni kompleta, omoġenja u aktar rigoruża tal-politiki Ewropej fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jeħtieġ minnufih li, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri u wara konsultazzjoni sistematika mal-korpi li jirrappreżentaw lill-utenti finali, tinħoloq sistema Ewropea ta’ monitoraġġ aċċettata li tkun ġusta u li tippermetti li l-kontijiet tal-enerġija jkunu jistgħu jinqraw u jitqabblu faċilment.

1.7

Barra minn hekk, il-KESE jqis li biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jeħtieġ li jissaħħaħ l-aspett settorjali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jwettqu aktar attivitajiet ta’ segwitu u jtejbu l-analiżi tal-impatt tagħhom. Fil-fatt, il-politiki tal-enerġija għandhom impatt differenti skont it-tip ta’ attività ekonomika, kemm fil-każ ta’ intrapriżi li jikkunsmaw l-enerġija (l-isfidi li jiffaċċjaw dawn l-intrapriżi jvarjaw skont il-livelli ta’ konsum, it-tip ta’ proċessi, eċċ.) kif ukoll fil-każ ta’ intrapriżi li joperaw fid-diversi setturi tal-qasam tal-enerġija (pereżempju manifatturi u installaturi ta’ impjanti, fornituri tas-servizzi tal-enerġija, kumpaniji li joperaw fis-settur tal-bini, eċċ.), li għandhom potenzjal qawwi għall-iffrankar tal-enerġija li għadu ma ġiex sfruttat.

1.8

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-programmi Ewropej, bħall-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u Enerġija Intelliġenti għall-Ewropa (IEE), fost oħrajn, għandhom jiġi ssemplifikati minnufih. L-utenti finali għandhom jiġu involuti aktar f’dawn il-programmi u l-miżuri tagħhom għandhom ikunu aktar koerenti u integrati, bħal fil-każ tal-programm ECAP. Għaldaqstant, ġie propost li jitnieda programm integrat ġdid bil-għan li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet għall-benefiċċju tal-utenti finali.

Il-KESE jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-intrapriżi jinvestu biżżejjed riżorsi fir-riċerka applikata u fit-trasferiment tagħha lejn l-utenti finali, fil-ksib ta’ ffrankar permezz tal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fil-professjonijiet tekniċi u dawk li jiddependu mit-teknoloġija avvanzata, kif ukoll fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija u jirrakkomanda kooperazzjoni internazzjonali usa’ f’dan is-settur.

1.9

Il-KESE jemmen li l-UE għandha tadotta minnufih politiki u strumenti fiskali u ta’ aċċess għall-kreditu maħsuba biex jagħtu appoġġ lill-iffrankar tal-enerġija, li jgħinu lill-utenti finali kollha, b’mod partikolari lill-SMEs u s-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, li, individwalment jew kollettivament, jużaw mudelli ta’ produzzjoni aktar effiċjenti u sostenibbli.

Il-KESE huwa konxju tal-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ jaqdu rwol kruċjali biex titrawwem kultura tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livell Ewropew u b’hekk jipproponi li titnieda konsultazzjoni speċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali bejn l-imsieħba soċjali u l-partijiet kollha interessati sabiex il-fondi Ewropej eżistenti jiġu allokati mill-ġdid, billi jissaħħu l-kwalifiki u l-aspetti professjonali relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u billi jitħeġġu l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku inġenerali kif ukoll is-sensibilizzazzjoni tiegħu.

2.   Objettivi tad-Direttiva Ewropea 2006/32/KE

2.1

Id-Direttiva Ewropea 2006/32/KE kellha l-għan li:

ittejjeb “l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija”, sabiex tikkontribwixxi għat-titjib fis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija,

tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ gassijiet oħra b’effett ta’ serra fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tisfrutta b’mod ekonomikament effiċjenti l-possibbiltajiet ta’ ffrankar tal-enerġija mil-lat tal-infiq, billi tagħti spinta wkoll lill-innovazzjoni u lill-kompetittività.

Għal dan il-għan, id-Direttiva tistabbilixxi għadd ta’ objettivi ġenerali, fosthom:

li tipprovdi l-objettivi indikattivi ta’ ffrankar lill-Istati Membri kif ukoll il-mekkaniżmi adegwati biex jilħqu dawn l-objettivi;

li tiddefinixxi l-oqfsa istituzzjonali, finanzjarji u legali neċessarji biex jitneħħew l-ostakoli u l-imperfezzjonijiet eżistenti tas-suq li jxekklu l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija;

li toħloq il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ suq għas-servizzi tal-enerġija u b’mod partikolari għall-SMEs.

li tikseb objettiv indikattiv nazzjonali totali ta’ ffrankar tal-enerġija ta’ 9 % għad-disa’ sena tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li għandha tinkiseb permezz ta’ servizzi tal-enerġija u miżuri oħra li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-fażi ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/32/KE kienet inadegwata fir-rigward tal-objettivi ambizzjużi tal-bidu stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

uħud mill-miżuri kienu ineffettivi wisq u setgħu jiġu evitati faċilment waqt il-proċessi ta’ traspożizzjoni fil-livell nazzjonali;

il-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali u d-dispożizzjonijiet għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri ma kinux koerenti u effettivi biżżejjed meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva;

il-programmi u l-miżuri relatati ma kinux ikkoordinati biżżejjed u kienu frammentati wisq;

fin-nuqqas ta’ data u informazzjoni omoġenja, indispensabbli biex isiru monitoraġġ u valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva fuq l-utenti finali, l-inizjattiva ma kenitx adegwata u ma setgħetx tipprovdi elementi utli għal żvilupp koerenti u sostenibbli tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-UE.

L-esperjenza attwali qiegħda turi li huma biss uħud mis-27 Stat Membru li implimentaw politiki tal-enerġija b’saħħithom u strutturati sew biex iħeġġu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, billi jniedu proċess ta’ żvilupp ta’ setturi ġodda relatati mat-teknoloġiji hawn fuq imsemmija. Fl-istess waqt, dan ikkontribwixxa għat-tnaqqis fl-infiq marbut mal-enerġija għall-intrapriżi ż-żgħar u għall-familji.

Fil-Green Paper “Lejn netwerk Ewropew ta’ enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva” (2), il-Kummissjoni hija favur operatur Ewropew tan-netwerks tal-enerġija.

Fi tliet opinjonijiet reċenti (3), il-KESE sostna li għandhom isiru studji dwar kemm hu possibbli li jitwaqqaf SIĠ Ewropew għall-enerġija li jkun jista’ jintuża għas-servizz tal-politika komuni tal-enerġija. Essenzjalment, dawn l-opinjonijiet jisħqu fuq il-ħtieġa li dan id-dibattitu jsir minn qabel peress li servizzi ta’ dan it-tip ser ikunu t-turija tas-solidarjetà Ewropea u risposta għall-isfidi li ser ikollha tiffaċċja l-Unjoni f’oqsma essenzjali u multinazzjonali jew transnazzjonali bħalma huma s-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, il-preservazzjoni tal-bijodiversità, iż-żamma tal-kwalità tal-arja, is-sigurtà interna u esterna, eċċ. L-eżistenza ta’ tali servizzi Komunitarji tista’ twassal sabiex l-utenti finali kollha jsiru konxji tar-responsabbiltà tagħhom.

3.2   L-utenti finali u l-viżjoni Ewropea tal-politiki tal-enerġija

Il-fatt li wħud mill-Istati Membri baqgħu lura ħafna fil-ksib tal-objettivi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u li l-kriżi ekonomika għadha għaddejja jikkonfermaw il-ħtieġa urġenti li jittieħdu miżuri kkoordinati aħjar, ippjanati u ċari sabiex ikunu jistgħu jintużaw ir-riżorsi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri u biex l-investiment pubbliku u privat jingħata spinta ’l quddiem. Strateġija u viżjoni ta’ żvilupp sostenibbli bbażati fuq il-prinċipji tal-effikaċja, il-produzzjoni mifruxa u sorsi ġodda ta’ enerġija “nadifa” (inkluża l-enerġija li ġejja mill-bijomassa) u l-qsim tar-riżultati miksuba permezz tagħhom fil-livell Ewropew bejn l-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-utenti finali jistgħu jippermettu li tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka li jeħtieġ li jsiru b’koordinazzjoni mal-isforzi fil-livell internazzjonali.

Sabiex tiġi miġġielda l-kriżi ekonomika u tingħata spinta ’l quddiem lill-politiki tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-politiki relatati ta’ investiment, il-politiki tat-taxxa u tal-kreditu Ewropej għandhom jiġu maħsuba mill-ġdid skont il-ħtiġijiet tal-utenti finali, tas-settur tal-kreditu u tal-operaturi tas-settur tal-enerġija, kif ukoll tal-amministrazzjonijiet ikkonċernati fil-livell lokali billi jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-istruttura tal-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija fil-livell Ewropew.

3.3   Il-kultura u l-għarfien ġdid fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mil-lat tal-utenti finali

Ta’ min jinnota li hemm nuqqas ta’ informazzjoni ġenerali u settorjali u ta’ valutazzjoni tal-impatt li l-politiki tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija qed ikollhom fuq l-utenti finali, b’mod partikolari fuq l-SMEs u atturi oħra, nuqqas ta’ metodoloġija li hija kapaċi tivverifika l-konsistenza bejn l-objettivi internazzjonali u dawk Ewropej kif ukoll nuqqas ta’ proċess ta’ monitoraġġ tar-riżultati miksuba mill-utenti finali.

Verifika preliminari mwettqa f’uħud mill-Istati Membri wriet li d-disponibbiltà ta’ data dwar il-produzzjoni industrijali u dwar il-konsum tal-enerġija hija tassew limitata minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dettaljata.

Għaldaqstant, jeħtieġ li jitnieda stħarriġ fuq il-bażi ta’ kampjuni sabiex jinġabru u jiġu pproċessati d-data u l-indikaturi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-effiċjenza fl-użu finali u fis-servizzi tal-enerġija, ħalli b’hekk ikun jista’ jitkejjel l-impatt tad-Direttiva fuq l-istrateġiji u l-miżuri implimentati minn kull Stat Membru.

3.4   L-indikaturi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ħtiġijiet tal-utenti finali

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, billi jwaqqfu grupp ta’ esperti indipendenti fejn ikun meħtieġ, jistgħu jappoġġjaw u jħeġġu l-ħolqien ta’ indikaturi armonizzati u affidabbli li jkunu kapaċi jikkwantifikaw u jivvalutaw l-iffrankar ta’ enerġija relatat mal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. It-tħejjija ta’ dawn l-indikaturi, li għandhom ikunu jistgħu jinfiehmu faċilment, tista’ toffri garanzija lill-utenti finali, li min-naħa tagħhom ikunu wkoll f’pożizzjoni li jibbenefikaw minn dan b’mod adegwat. Dan l-approċċ jikkontribwixxi wkoll sabiex jonqos l-użu frodulenti jew qarrieqi, li qed isir dejjem aktar ta’ spiss, ta’ kunċetti bħall-enerġija “li tirrispetta l-ambjent” jew “nadifa”, bħala strateġija purament kummerċjali, bl-ebda ġustifikazzjoni ġenwina li tista’ tintwera u tiġi kkwantifikata f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija u tnaqqis tal-emissjonijiet. Dan jevita wkoll prattiki kummerċjali mhux ġusti.

3.5   Bis-saħħa ta’ sistema ta’ monitoraġġ u osservazzjoni integrata u komuni għall-Istati Membri kollha, l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, u l-Istati Membri jkunu jistgħu:

jiżviluppaw netwerk Ewropew ta’ esperti u ta’ korpi independenti li jaħdmu favur l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jħarsu l-bżonnijiet tal-utenti finali u b’mod partikolari tal-intrapriżi, speċjalment l-SMEs u l-artiġjanat;

iħejju, fuq bażi regolari, rapporti dwar il-politiki tal-UE u l-impatt tagħhom fuq l-utenti finali, b’mod partikolari fuq l-SMEs;

jużaw pjattaforma ta’ informazzjoni multilingwi li tkun tista’ tintuża u tintlaħaq faċilment; u jsaħħu u jtejbu r-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-livell Ewropew u nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati ewlenin.

3.6   Negħlbu d-dewmien u n-nuqqasijiet fit-tħejjija tal-NEEAP

Il-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (NEEAP) juru li l-Istati Membri ma impenjawx ruħhom biżżejjed u bis-serjetà biex jiksbu l-objettivi stabbiliti fid-Direttiva (sikwit ta’ natura wisq ġenerali, dawn l-objettivi ma jinkludux data u indikaturi xjentifiċi li huma meħtieġa biex jiġi evalwat bir-reqqa l-potenzjal tal-miżuri proposti u mhumiex adegwati għall-ksib tal-objettivi tad-Direttiva) b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-konsum fis-setturi l-aktar importanti, jiġifieri t-trasport u l-bini. Għaldaqstant, jeħtieġ li jittieħdu inizjattivi aktar konkreti u vijabbli fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dawn il-miżuri, jew tal-anqas uħud minnhom, għandhom isiru aktar vinkolanti, b’verifiki biex tiġi ddeterminata d-diskrepanza bejn il-pjani nazzjonali u r-riżultati prattiċi, skont il-proċedura li ġiet adottata fil-każ tal-emissjonijiet tal-vetturi, it-tnaqqis ġenerali tas-CO2, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

Il-konsultazzjoni online reċenti “Public Consultation on the Evaluation and Revision of the Action Plan for Energy Efficiency (COM(2006) 545)” li nediet il-Kummissjoni Ewropea turi liema huma n-nuqqasijiet tad-Direttiva fir-rigward tal-konsultazzjoni mal-utetnti finali. It-tfassil ta’ rapport annwali, li jista’ jinkludi wkoll il-kontribut tal-KESE, jista’ jikkostitwixxi mezz biex jingħelbu n-nuqqasijiet li ħarġu fid-dieher tul it-tħejjija tal-NEEAP, dejjem jekk jintuża metodu ta’ konsultazzjoni adegwat mal-utenti finali.

3.7   “Ġenerazzjoni ġdida” ta’ programmi Ewropej aktar adattati għall-utenti finali

Jeħtieġ li l-proċeduri għall-aċċess għall-programmi (is-CIP u b’mod partikolari l-IEE) jiġu ssemplifikati bil-għan li jkunu aċċessibbli wkoll għall-intrapriżi ż-żgħar u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, kif ukoll għall-amministrazzjonijiet taż-żoni żvantaġġjati (żoni muntanjużi u reġjuni periferiċi). Barra minn hekk, jeħtieġ li jitħeġġu s-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat u l-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija (ESCOs), b’mod partikolari fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, billi tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-implimentazzjoni effettiva tal-politika Ewropea dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku. Fl-aħħar, fil-qafas tal-proċess ta’ semplifikazzjoni u ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni Ewropea hija mitluba teżamina, flimkien mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-utenti finali, liema huma l-proċeduri u l-prattiki l-aktar effiċjenti sabiex l-utenti finali u l-partijiet ikkonċernati mid-Direttiva jiġu appoġġjati fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

4.   Kummenti partikolari

4.1   Id-Direttiva tirrikonoxxi li l-operaturi fis-settur tal-enerġija għandhom rwol x’jaqdu fil-qasam tas-servizzi tal-enerġija (Artikolu 6). Din id-dispożizzjoni hija partikolarment problematika, minħabba l-fatt li f’bosta swieq nazzjonali l-operaturi l-kbar fis-settur tal-enerġija kellhom attivitajiet f’niches downstream fil-katina tal-enerġija, bħalma huma s-servizzi tal-enerġija u l-attivitajiet imsejħa “post-metering”, f’kundizzjonijiet li kienu vantaġġużi għalihom minħabba l-pożizzjoni dominanti tagħhom f’fażijiet oħra tal-katina (produzzjoni, distribuzzjoni u bejgħ) u dan ħoloq diffikultajiet kbar għall-iżvilupp tas-settur tas-servizzi tal-enerġija għall-intrapriżi ż-żgħar.

4.1.1

Għad hemm problemi u nuqqasijiet sinifikanti li jikkonċernaw lill-utenti finali fil-fażi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva, fosthom:

id-disponibbiltà u t-trasparenza tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-servizzi tal-enerġija (dawn huma sikwit riżervati esklużivament għall-operaturi tas-settur tal-enerġija u għall-awtoritajiet kompetenti) – Artikolu 7;

il-kejl korrett u l-kontijiet informattivi tal-konsum tal-enerġija.

Għaldaqstant, għandhom jissaħħu l-miżuri ta’ sorveljanza, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni min-naħa tal-korpi responsabbli tal-Istati Membri u tal-UE u għandu jsir monitoraġġ aktar effiċjenti u rigoruż tal-operaturi fis-settur tal-enerġija (ara l-Artikoli 11 u 13 tad-Direttiva).

4.1.2

L-aċċess għall-“istrumenti finanzjarji għall-iffrankar tal-enerġija” u t-tħaddim tal-“mekkaniżmi” korrispondenti għandhom jissaħħu u jiġu żviluppati aktar mil-lat tekniku kif ukoll politiku, għall-benefiċċju tal-utenti finali, b’attenzjoni partikolari għat-taxxa fuq l-enerġija. Għandu jsir monitoraġġ speċifiku ta’ dawn l-istrumenti u tar-riżultati tagħhom, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi Ewropej u nazzjonali tal-utenti finali u b’attenzjoni partikolari għall-mod kif jista’ jittaffa l-“effett rebound”. L-“effett rebound”, li ħareġ fid-dieher waqt is-seduta tad-9 ta’ Lulju 2009 organizzata mill-KESE fis-sede tal-Kunsill Nazzjonali Taljan għall-Ekonomija u x-Xogħol (CNEL) dwar it-tema “It-titjib tal-politiki u l-programmi marbuta mal-effiċjenza fl-enerġija mill-utenti aħħarin”, jirreferi għall-fatt li l-miżuri li jittieħdu bil-għan li titjieb l-effiċjenza tal-enerġija xi drabi jwasslu għal żieda u mhux tnaqqis fil-konsum tal-enerġija.

4.1.3

Il-verifiki tal-enerġija u ċ-“ċertifikati bojod” (Artikolu 12) huma partikolarment importanti għall-iżvilupp tas-servizzi tal-enerġija u għaldaqstant jeħtieġ li jissaħħu aktar mill-Istati Membri.

Id-djalogu soċjali Ewropew, anke fil-livell settorjali, għandu jagħti wkoll kontribut utli għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija bil-għan li jinħolqu l-impjiegi u li s-sistema tal-produzzjoni ssir aktar kompetittiva.

4.1.4

Ġew stabbiliti metodi ta’ kalkolu għall-iffrankar tal-enerġija. Għalissa, dawn il-miżuri mhumiex żviluppati ħafna u lanqas ma huma armonizzati. Għalhekk, għandhom jiġu definiti u identifikati aħjar il-metodi ta’ kalkolu li għandhom jintużaw mill-utenti finali u b’mod armonizzat fl-Istati Membri kollha.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni Ewropea nediet bosta proċeduri dwar ksur minħabba nuqqas ta’ traspożizzjoni jew traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva; il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan f’termini ta’ spejjeż u piżijiet burokratiċi jaqgħu fuq l-utenti finali.

Brussell, 1 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 54; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 87; ĠU C 228, 22.9.2009, p. 84; ĠU C 182, 4.8.2009, p. 8.

(2)  COM(2008) 782 finali/2.

(3)  ĠU C 175,28.07.2009, p.43; l-opinjoni tal-KESE dwar “il-Green Paper – Lejn netwerk Ewropew ta’ enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva”, CESE 1029/2009 (għadha mhux ippubblikata) u l-opinjoni tal-KESE li qed titħejja bħalissa: “Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali: kif għandhom jinqasmu l-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri?”, CESE 966/2009 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).