29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/42


REGOLAMENT (UE) 2019/519 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 167/2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-deskrizzjonijiet tal-vetturi tal-kategorija T1 u T2 previsti fir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jeħtieġu kjarifika rigward il-pożizzjoni tal-eqreb fus lejn is-sewwieq għal tratturi b'pożizzjoni ta' sewqan reversibbli u rigward il-metodu ta' kalkolu tal-għoli taċ-ċentru tal-gravità. Sabiex l-għoli taċ-ċentru tal-gravità għal vetturi tal-kategorija T2 jiġi stabbilit bi preċiżjoni u b'mod uniformi, jenħtieġ li ssir referenza għal standards applikabbli internazzjonalment li jiddeterminaw iċ-ċentru tal-gravità ta' trattur.

(2)

Definizzjoni preċiża tal-karatteristiċi differenti tat-tratturi agrikoli bbażata fuq l-analiżi tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom hija tal-akbar importanza għall-implimentazzjoni korretta u sħiħa ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati taħtu. Fil-qies tal-fatt li d-diskussjonijiet dwar id-definizzjonijiet tal-kategoriji jsiru fil-fora internazzjonali rilevanti, li tagħhom l-Unjoni hija parti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis dan ix-xogħol biex tipprevjeni kwalunkwe effett sproporzjonat u negattiv fuq l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi u tal-proċeduri tal-ittestjar, kif ukoll kwalunkwe impatt negattiv fuq il-manifatturi, b'mod partikolari fuq dawk ta' tratturi speċjalizzati ħafna.

(3)

Fir-Regolament (UE) Nru 167/2013, jenħtieġ li jkun ċar li t-terminu “makkinarju interkambjabbli” jfisser “tagħmir interkambjabbli”, biex b'hekk jiġi żgurat l-użu konsistenti tat-terminoloġija f'dak ir-Regolament kollu.

(4)

Fir-Regolament (UE) Nru 167/2013, l-importaturi għandhom l-obbligu li jżommu kopja taċ-ċertifikat ta' konformità fir-rigward tal-prodotti li ma jkunux konformi ma' dak ir-Regolament jew li jippreżentaw riskju serju. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-riferiment huwa għal ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE. Dak ir-Regolament, għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jirreferi għad-dokument korrett.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jirrikjedi li ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE jkun fih, bħala dokument mehmuż, ir-riżultati tat-testijiet. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-riferiment huwa għall-folja tar-riżultati tat-testijiet. Dak ir-Regolament, għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jirreferi għad-dokument mehmuż korrett.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta' ħames snin, li skada fil-21 ta' Marzu 2018. Peress li hemm ħtieġa kontinwa li jiġu aġġornati d-diversi elementi tal-proċess tal-approvazzjoni tat-tip kif stabbilit minn dak ir-Regolament u l-atti adottati skontu, b'mod partikolari sabiex jiġu adattati għall-progress tekniku jew biex jiġu introdotti korrezzjonijiet, il-perjodu għall-eżerċizzju tad-delega ta' setgħa jenħtieġ li jiġi estiż, bil-possibilità ta' estensjonijiet taċiti ulterjuri.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jirreferi għat-tħassir tad-Direttiva tal-Kunsill 74/347/KEE (4) meta minflok jenħtieġ li jirreferi għat-tħassir tad-Direttiva 2008/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li kkodifikat id-Direttiva ta' qabel. Jenħtieġ li, għaldaqstant, ir-referenza rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tiġi emendata.

(8)

Peress li dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) Nru 167/2013 mingħajr ma jespandi l-kontenut regolatorju tiegħu, u minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 167/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 167/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal tagħmir interkambjabbli li jintrefa' kompletament mill-art jew li ma jistax jartikola madwar assi vertikali meta l-vettura li jkun marbut magħha tkun qed tintuża fit-triq.”;

(2)

fl-Artikolu 4, il-punti (2) u (3) jinbidlu b'dan li ġej:

“(2)

“kategorija T1” tinkludi tratturi bir-roti, bl-eqreb fus lejn is-sewwieq li jkollu wisa' minima tat-track ta' mhux anqas minn 1 150 mm, b'massa mingħajr tagħbija, waqt il-mixi, ta' aktar minn 600 kg, u b'għoli mill-art ta' mhux aktar minn 1 000 mm; għal tratturi b'pożizzjoni reversibbli tas-sewwieq (is-sit reversibbli u r-rota tal-istering reversibbli), l-eqreb fus lejn is-sewwieq huwa dak li jkun mgħammar b'tajers bl-akbar dijametru;

(3)

“kategorija T2” tinkludi tratturi bir-roti b'wisa' minimu ta' track ta' anqas minn 1 150 mm, b'massa mingħajr tagħbija, waqt il-mixi, ta' aktar minn 600 kg u b'għoli mill-art ta' mhux aktar minn 600 mm; jekk l-għoli taċ-ċentru tal-gravità tat-trattur (iddeterminat skont l-istandard ISO 789-6:1982 u mkejjel f'relazzjoni mal-art) diviż bit-track medja minima għal kull fus jeċċedi 0,90, il-veloċità ddisinjata massima għandha tkun ristretta għall-30 km fis-siegħa;”;

(3)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   L-importaturi għandhom, għal perjodu ta' 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-vettura u tal-anqas għal perjodu ta' ħames snin wara t-tqegħid fis-suq ta' sistema, komponent jew unità teknika separata, iżommu kopja taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq, u għandhom jiżguraw li l-pakkett ta' informazzjoni li hemm referenza għalih fl-Artikolu 24(10) ikun disponibbli lil dawn l-awtoritajiet, meta jiġu mitluba.”;

(4)

fl-Artikolu 25(1), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

il-folja tar-riżultati tat-testijiet;”;

(5)

fl-Artikolu 39(1), it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal vetturi fit-territorju tal-Unjoni li kienu koperti b'approvazzjoni tat-tip tal-UE valida fil-mument tal-produzzjoni tagħhom, iżda li la kienu ġew irreġistrati u lanqas iddaħħlu fis-servizz qabel ma dik l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tilfet il-validità tagħha.”;

(6)

fl-Artikolu 71, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 17(5), l-Artikolu 18(4), l-Artikolu 19(6), l-Artikolu 20(8), l-Artikolu 27(6), l-Artikolu 28(6), l-Artikolu 45(4), l-Artikolu 49(3), l-Artikolu 53(12), l-Artikolu 61 u l-Artikolu 70 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mit-22 ta' Marzu 2013. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard mit-22 ta' Ġunju 2022 u disa' xhur qabel tmiem kull perjodu ta' ħames snin sussegwenti.”;

(7)

fl-Artikolu 76, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73(2) ta' dan ir-Regolament, id-Direttivi 76/432/KEE, 76/763/KEE, 77/537/KEE, 78/764/KEE, 80/720/KEE, 86/297/KEE, 86/298/KEE, 86/415/KEE, 87/402/KEE, 2000/25/KE, 2003/37/KE, 2008/2/KE, 2009/57/KE, 2009/58/KE, 2009/59/KE, 2009/60/KE, 2009/61/KE, 2009/63/KE, 2009/64/KE, 2009/66/KE, 2009/68/KE, 2009/75/KE, 2009/76/KE u 2009/144/KE huma mħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2016.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 104.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2019.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 74/347/KEE tal-25 ta' Ġunju 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-firxa tal-viżjoni u l-wipers tal-windscreen għal tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija (ĠU L 191, 15.7.1974, p. 5).

(5)  Id-Direttiva 2008/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar il-firxa tal-viżjoni u l-wipers tal-windscreen għal tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija (ĠU L 24, 29.1.2008, p. 30).