29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/19


REGOLAMENT (UE) 2019/516 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (ir-Regolament dwar id-DNG)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Id-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (DNG) jikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tal-akbar sehem ta' riżorsi proprji fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Għalhekk, huwa neċessarju li jissaħħu ulterjorment il-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza ta' dak l-aggregat.

(2)

L-integrità tal-istatistika permezz tar-rispett għall-prinċipji tal-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea kif rivedut u aġġornat mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESSC) fis-16 ta' Novembru 2017, u tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) hija ta' importanza partikolari meta l-istatistika tintuża direttament għal finijiet amministrattivi u għat-tfassil tal-politika fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali.

(3)

Dik id-data statistika hija wkoll għodda analitika importanti għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika nazzjonali u għad-diversi politiki tal-Unjoni, kif ukoll għall-attivitajiet ta' riċerka.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (3), għal finijiet ta' riżorsi proprji, DNG ifisser DNG annwali bi prezzijiet tas-suq skont il-metodoloġija stipulata fl-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet riveduta (ESA 2010). F'konformità mal-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, u soġġetta għall-Artikolu 10(2) tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom (5) ġiet imħassra.

(5)

Huwa essenzjali li d-data tad-DNG tkun komparabbli fost l-Istati Membri u li jkun hemm konformità mad-definizzjonijiet u r-regoli tal-kontabbiltà rilevanti tal-ESA 2010. Għal dak il-għan, il-proċeduri ta' valutazzjoni u d-data bażika użati bħalissa jenħtieġ li jippermettu l-applikazzjoni korretta tad-definizzjonijiet u tar-regoli tal-kontabbiltà tal-ESA 2010.

(6)

Huwa essenzjali li s-sorsi u l-metodi użati għall-kompilazzjoni tad-data tad-DNG ikunu affidabbli. Dan ifisser li kemm jista' jkun jenħtieġ li jiġu applikati tekniki tajba għal statistika bażika li tkun robusta, adatta u aġġornata.

(7)

Huwa essenzjali li d-data tad-DNG tkun eżawrjenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li dik id-data tieħu kont ukoll tal-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet informali, mhux reġistrati u ta' tip ieħor li ma humiex irrappurtati fl-istħarriġ statistiku jew lill-awtoritajiet fiskali, soċjali u lil awtoritajiet amministrattivi oħra. Kopertura mtejba tad-DNG tassumi l-iżvilupp ta' bażijiet statistiċi u ta' proċeduri ta' valutazzjoni xierqa sabiex tiġi prodotta statistika affidabbli u, fejn ikun applikabbli, biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa, billi jiġu evitati lakuni u għadd doppju.

(8)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 (6) jipprevedi spezzjonijiet fl-Istati Membri bil-għan li jiġu vverifikati r-riżorsi proprji. Għall-finijiet tal-verifika tad-DNG, il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li tkun intitolata twettaq żjarat ta' informazzjoni relatati mad-DNG sabiex tivverifika l-kwalità tal-aggregati tad-DNG u l-komponenti tagħhom u tivverifika l-konformità tagħhom mal-ESA 2010, kif ukoll biex jiġi żgurat li d-data tad-DNG tkun komparabbli, affidabbli u eżawrjenti. Il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li tirrispetta r-regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-istatistika. Il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika fiż-żjarat ta' informazzjoni relatati mad-DNG fi Stati Membri oħra hija essenzjali sabiex issaħħaħ it-trasparenza u l-kwalità tal-proċess ta' verifika tad-DNG.

(9)

Sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà, il-kompletezza u l-ogħla livell possibbli ta' komparabbiltà tad-data tad-DNG, f'konformità mal-ESA 2010, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tenħtieġ li tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-lista tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati f'kull ċiklu ta' verifika. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (7). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(10)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament permezz tal-forniment tal-aggregati tad-DNG għal finijiet tar-riżorsi proprji, is-setgħat ta' implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-istruttura u l-arranġamenti dettaljati tal-inventarju tas-sorsi u l-metodi użati biex tiġi prodotta d-data tad-DNG u l-komponenti tagħha, f'konformità mal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013, kif ukoll l-iskeda taż-żmien għall-aġġornament u t-trażmissjoni tagħha, u l-miżuri speċifiċi li għandhom l-għan li jtejbu l-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-kompletezza tad-data tad-DNG tal-Istati Membri abbażi tal-lista ta' kwistjonijiet iddefiniti mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(11)

L-ESSC, stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 223/2009, intalab, f'konformità mal-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament, jipprovdi l-gwida professjonali tiegħu.

(12)

Il-Kumitat tad-DNG imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (9) ta opinjonijiet kif ukoll ta parir u assista lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Bl-istrateġija għal struttura ġdida tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika biex jitjiebu l-koordinazzjoni u s-sħubija permezz ta' struttura piramida ċara fi ħdan is-Sistema, l-ESSC jenħtieġ ikollu rwol konsultattiv u jassisti lill-Kummissjoni waqt li tkun qed teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Għal dak il-għan, il-Kumitat tad-DNG jenħtieġ li jiġi sostitwit mill-ESSC għall-fini li jassisti lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament. Madankollu, għall-finijiet ta' funzjonijiet oħra li qabel kienu jsiru mill-Kumitat tad-DNG skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, u li mhumiex relatati ma' assistenza fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi grupp formali ta' esperti biex jassistiha f'għanijiet bħal dawn.

(13)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom (10) u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 stabbilixxew proċedura għall-verifika u l-valutazzjoni tal-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tad-data tal-Prodott Nazzjonali Gross (PNG) u tad-data tad-DNG fi ħdan il-Kumitat tal-PNG u tal-Kumitat tad-DNG li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw mill-qrib. Dik il-proċedura jenħtieġ tiġi aġġustata biex tqis l-użu tad-data tad-DNG skont l-ESA 2010 għall-finijiet tar-riżorsi proprji, l-iskeda taż-żmien riveduta biex isiru disponibbli r-riżorsi proprji, u l-iżviluppi reċenti fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika. Għalhekk id-Direttiva 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 jenħtieġ li jitħassru,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DEFINIZZJONI U KALKOLU TAD-DĦUL NAZZJONALI GROSS BI PREZZIJIET TAS-SUQ

Artikolu 1

1.   Id-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (DNG) u l-prodott domestiku gross bi prezzijiet tas-suq (“PDG”) għandhom jiġu definiti skont is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 2010 (ESA 2010), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 549/2013.

2.   Skont il-punt 8.89 tal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013, il-PDG huwa r-riżultat finali tal-attività ta' produzzjoni tal-unitajiet tal-produtturi residenti. Dan jista' jiġi definit bi tliet modi:

(a)

approċċ tal-produzzjoni: Il-PDG hu s-somma tal-valur gross miżjud tad-diversi setturi istituzzjonali jew id-diversi industriji bl-addizzjoni tat-taxxi u t-tnaqqis tas-sussidji fuq il-prodotti (li mhumiex allokati għal setturi u industriji). Huwa wkoll l-entrata saldatorja fil-kont tal-produzzjoni tal-ekonomija totali;

(b)

approċċ tan-nefqa: Il-PDG hu s-somma tal-użi finali tal-oġġetti u s-servizzi minn unitajiet istituzzjonali residenti (konsum finali u formazzjoni grossa ta' kapital), bl-addizzjoni tal-esportazzjonijiet u t-tnaqqis tal-importazzjonijiet ta' oġġetti u servizzi;

(c)

approċċ tal-introjtu: Il-PDG hu s-somma tal-użi fil-kont tal-ġenerazzjoni tal-introjtu tal-ekonomija totali (kumpens tal-impjegati, taxxi fuq il-produzzjoni u importazzjonijiet nieqes is-sussidji, eċċess operattiv gross u introjtu mħallat tal-ekonomija totali).

3.   F'konformità mal-punt 8.94 tal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013, id-DNG jirrappreżenta d-dħul primarju totali riċevibbli mill-unitajiet istituzzjonali residenti: il-kumpens tal-impjegati, it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni bit-tnaqqis tas-sussidji, id-dħul mill-proprjetà (riċevibbli nieqes pagabbli), is-surplus operatorju gross u d-dħul imħallat gross. Id-DNG huwa daqs il-PDG meta minnu jitnaqqas l-introjtu primarju pagabbli minn unitajiet istituzzjonali residenti lil unitajiet istituzzjonali mhux residenti u jiżdied l-introjtu primarju riċevibbli minn unitajiet istituzzjonali residenti mill-bqija tad-dinja.

KAPITOLU II

IT-TRAŻMISSJONI TAD-DATA TAD-DNG U INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw id-DNG kif definit fl-Artikolu 1 fil-kuntest tal-kompilazzjoni tal-kontijiet nazzjonali.

2.   Qabel l-1 ta' Ottubru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat), fil-kuntest tal-proċeduri tal-kontijiet nazzjonali, iċ-ċifri għall-aggregati tad-DNG u l-komponenti tagħhom, f'konformità mad-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Is-somom totali għall-PDG u l-komponenti tiegħu għandhom jiġu ppreżentati skont it-tliet approċċi msemmija fl-Artikolu 1(2). Id-data għandha tiġi trażmessa għas-sena preċedenti u kull tibdil li jkun sar fid-data tas-snin preċedenti għandu jiġi kkomunikat fl-istess mument.

3.   It-trażmissjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi akkumpanjata b'rapport dwar il-kwalità tad-data tad-DNG. Dak ir-rapport għandu jispeċifika fid-dettall il-metodoloġija użata biex tiġi prodotta d-data, u b'mod partikolari għandu jiddeskrivi kull tibdil sinifikanti fis-sorsi u fil-metodi użati u jispjega r-reviżjonijiet li saru fl-aggregati tad-DNG u l-komponenti tagħhom meta mqabbla mal-perijodi preċedenti.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'inventarju tas-sorsi u l-metodi użati biex jipproduċu l-aggregati tad-DNG u l-komponenti tagħhom skont l-ESA 2010.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-istruttura u l-arranġamenti dettaljati tal-inventarju msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, f'konformità mal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013, kif ukoll l-iskeda taż-żmien għall-aġġornament u t-trażmissjoni tiegħu. Fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti ta' implimentazzjoni ma jimponux spejjeż addizzjonali sinifikanti li jirriżultaw f'piż sproporzjonat u mhux ġustifikat fuq l-Istati Membri. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2) ta' dan ir-Regolament. L-inventarju għandu jkun konsistenti ma' ESA 2010 u għandu jevita d-duplikazzjoni u volumi eċċessivi żżejjed.

3.   Biex jiġu ffaċilitati l-analiżijiet paragunabbli tal-konformità, il-Kummissjoni għandha tfassal inventarju gwida bil-kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp ta' esperti msemmi fl-Artikolu 4.

KAPITOLU III

PROĊEDURI U KONTROLLI FUQ IL-KALKOLU TAD-DNG

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp formali ta' esperti, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, biex jagħti pariri lill-Kummissjoni, u biex jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tal-kalkoli tad-DNG, sabiex jiġu eżaminati kwistjonijiet ta' implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u biex tinħareġ opinjoni annwali dwar l-adegwatezza tad-data tad-DNG mibgħuta mill-Istati Membri għall-finijiet tar-riżorsi proprji.

Artikolu 5

1.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika s-sorsi, l-użu tagħhom u l-metodi fl-inventarju msemmi fl-Artikolu 3(1). Għal dan il-għan għandu jintuża mudell ta' verifika mfassal mill-Kummissjoni bil-kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp ta' esperti msemmi fl-Artikolu 4. Il-mudell għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta' evalwazzjoni bejn il-pari u ta' kosteffettività u għandu jieħu kont tal-atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   Id-data tad-DNG għandha tkun affidabbli, eżawrjenti u komparabbli.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 7 biex jissupplimenta d-dispożizzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu billi jiddefinixxu l-lista ta' kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati f'kull ċiklu ta' verifika sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà, il-kompletezza, u l-ogħla livell possibbli ta' komparabbiltà tad-data tad-DNG, f'konformità mal-ESA 2010.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, miżuri speċifiċi sabiex id-data tad-DNG tkun aktar komparabbli, affidabbli u eżawrjenti, ibbażata fuq il-lista ta' kwistjonijiet iddefiniti mill-Kummissjoni fl-atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Tali atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu debitament ġustifikati u f'konformità ma' ESA 2010. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 6

1.   Mingħajr preġudizzju għall-ispezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014, iż-żjarat ta' informazzjoni relatati mad-DNG, jistgħu, fejn jitqies opportun, isiru fl-Istati Membri mill-Kummissjoni (Eurostat).

2.   L-għanijiet taż-żjarat ta' informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu l-verifika tal-kwalità tal-aggregati tad-DNG u tal-komponenti tagħhom u l-verifika tal-konformità mal-ESA 2010. Fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha li twettaq tali żjarat ta' informazzjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tirrispetta r-regoli dwar il-kunfidenzjalità statistika stabbiliti fil-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

3.   Meta twettaq żjarat ta' informazzjoni fl-Istati Membri, il-Kummissjoni (Eurostat) tista' u hija mħeġġa titlob l-assistenza ta' esperti nazzjonali tal-kontabbiltà li jirrappreżentaw l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika ta' Stati Membri oħra.

L-esperti nazzjonali tal-kontabbiltà għandhom ikunu rreġistrati fuq lista kostitwita abbażi ta' proposti volontarji mibgħuta lill-Kummissjoni (Eurostat) mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-rappurtar tal-kontijiet nazzjonali.Il-parteċipazzjoni ta' esperti tal-kontijiet nazzjonali ta' Stati Membri oħra f'dawk iż-żjarat ta' informazzjoni hija volontarja.

Artikolu 7

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati hija kkonferita fuq il-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-18 ta' April 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti deżinjati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 9

Qabel l-1 ta' Jannar 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Id-Direttiva 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 huma mħassra.

Ir-referenzi għall-atti mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabelli ta' korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2019.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 29).

(7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 fuq l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq (Regolament GNI) (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom tat-13 ta' Frar 1989 dwar l-armonizzazzjoni u il-kumpilazzjoni tal-prodott nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (ĠU L 49, 21.2.1989, p. 26).


ANNESS

Tabelli ta' korrelazzjoni

Id-Direttiva 89/130/KEE, Euratom

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1 (1) u (3)

Artikolu 2

Artikolu 1 (2)

Artikolu 3

Artikolu 2 (1) u(2)

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 5

Artikolu 2 (3)

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11


Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 8

Artikolu 5(1)

Artikolu 5

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 8

Artikolu 11