31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/122


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/569

tal-24 ta' Mejju 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għas-sospensjoni u t-tneħħija ta' strumenti finanzjarji min-negozjar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-għaxar subparagrafu tal-Artikolu 32(2) u l-għaxar subparagrafu tal-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-objettiv ta' sospensjoni jew tneħħija min-negozjar ta' strument finanzjarju f'xi każijiet mhux se jintlaħaq sakemm ma jiġix sospiż jew jitneħħa wkoll min-negozjar derivattiv ta' tip imsemmi fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE li jkun marbut jew referenzjat ma' dak l-istrument finanzjarju għalih.

(2)

Biex tiddetermina l-każijiet fejn il-konnessjoni tkun tali li jkun meħtieġ li jiġu sospiżi jew jitneħħew derivattivi relatati, għandha titqies l-importanza tar-rabta bejn id-derivattiv u l-istrument finanzjarju li jkun sospiż jew jiineħħa min-negozjar. F'dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn derivattiv li l-formazzjoni tal-prezz jew il-valur tiegħu jkun jiddependi fuq il-prezz jew il-valur ta' strument finanzjarju sottostanti waħdieni, u derivattivi li l-prezz jew il-valur tagħhom ikun jiddependi fuq diversi inputs tal-prezzijiet, pereżempju, derivattivi marbuta ma' indiċi jew grupp ta' strumenti finanzjarji.

(3)

L-inabbiltà li derivattivi relatati jiġu pprezzati sew, li jwassal għal suq diżorganizzat, għandha titqies bħala l-aktar b'saħħitha fil-każijiet meta d-derivattiv ikun marbut jew referenzjat ma' strument finanzjarju wieħed biss. Meta derivattiv ikun marbut jew referenzjat ma' grupp ta' strumenti finanzjarji jew ma' indiċi li l-istrument finanzjarju sospiż ikun biss parti waħda minnu, il-kapaċità li parteċipanti fis-suq jiddeterminaw il-prezz korrett tkun inqas affettwata. Għaldaqstant, għandhom jitqiesu l-karatteristiċi tar-rabta bejn id-derivattiv u s-sottostanti meta jiġi kkunsidrat l-objettiv globali tas-sospensjoni jew it-tneħħija.

(4)

Għandu jitqies li operatur tas-suq għandu jiżgura negozjar ġust, ordnat u effiċjenti fis-suq tiegħu. Barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li operatur tas-suq jagħmel valutazzjoni ta' jekk is-sospensjoni jew it-tneħħija min-negozjar tal-istrument finanzjarju sottostanti jipperikolawx in-negozjar ġust u ordnat tad-derivattiv fiċ-ċentru tan-negozjar tiegħu, fosthom li jieħu azzjoni xierqa bħas-sospensjoni jew it-tneħħija ta' derivattivi relatati fuq inizjattiva tiegħu stess.

(5)

L-Artikolu 32(2) u l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom japplikaw b'mod konsistenti għat-tipi differenti ta' ċentri tan-negozjar. Huma marbutin mill-qrib, billi jittrattaw l-ispeċifikazzjonijiet tas-sospensjonijiet u tat-tneħħijiet fuq tipi differenti ta' ċentri tan-negozjar. Biex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta' dawn id-dispożizzjonijiet li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva għall-partijiet ikkonċernati u, b'mod partikolari, dawk soġġetti għall-obbligi, jeħtieġ li jiġu kkonsolidati l-istandards tekniċi regolatorji żviluppati skont l-Artikolu 32(2) u l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2014/65/UE f'Regolament wieħed.

(6)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(8)

L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Rabta bejn derivattiv marbut jew referenzjat ma' strument finanzjarju sospiż jew imneħħi min-negozjar u l-istrument finanzjarju oriġinali

Operatur tas-suq ta' suq regolat u ditta ta' investiment jew operatur tas-suq li jopera faċilità multilaterali tan-negozjar (multilateral trading facility, MTF) jew faċilità organizzata tan-negozjar (organised trading facility, OTF) għandu jissospendi jew ineħħi derivattiv imsemmi fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE min-negozjar jekk dak id-derivattiv ikun marbut jew referenzjat ma' strument finanzjarju wieħed biss u jekk dak l-istrument finanzjarju jkun ġie sospiż jew imneħħi min-negozjar.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).