20.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/6


DIRETTIVA (UE) 2017/1564 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Settembru 2017

dwar ċerti użi permessi ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-atti legali tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jipprovdu ċertezza legali u livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, u jikkostitwixxu qafas legali armonizzat. Dak il-qafas jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jistimula l-innovazzjoni, il-kreazzjoni, l-investiment u l-produzzjoni ta' kontenut ġdid, inkluż fil-qasam diġitali. Dan għandu l-għan ukoll li jippromwovi l-aċċess għall-għarfien u l-kultura billi jipproteġi x-xogħlijiet u materjal ieħor u billi jippermetti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li huma fl-interess pubbliku. Jenħtieġ li jkun żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u tal-utenti.

(2)

Id-Direttivi 96/9/KE (3), 2001/29/KE (4), 2006/115/KE (5) u 2009/24/KE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jarmonizzaw id-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Dawk id-Direttivi, flimkien mad-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jipprevedu lista eżawrjenti ta' eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dawk id-drittijiet, li jippermettu l-użu tal-kontenut mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet b'ċerti kundizzjonijiet biex jintlaħqu ċerti għanijiet ta' politika.

(3)

Il-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat għadhom qed isibu bosta xkiel biex jaċċessaw il-kotba u materjal stampat ieħor li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati. B'kont meħud tad-drittijiet tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat kif rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (“UNCRPD”), jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex tiżdied id-disponibbiltà ta' kotba u materjal stampat ieħor b'formati aċċessibbli u biex titjieb iċ-ċirkolazzjoni tagħhom fis-suq intern.

(4)

It-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (it-“Trattat ta' Marrakexx”) ġie ffirmat fl-isem l-Unjoni fit-30 ta' April 2014 (8). L-għan tiegħu hu li jitjiebu d-disponibbiltà u l-iskambju transfruntier ta' ċerti xogħlijiet u materjal protett ieħor b'formati aċċessibbli għall-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. It-Trattat ta' Marrakexx jeżiġi li l-partijiet kontraenti jipprovdu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-produzzjoni u t-tixrid ta' kopji, b'formati aċċessibbli, ta' ċerti xogħlijiet u materjal protett ieħor, u għall-iskambju transfruntier ta' dawk il-kopji. Il-konklużjoni tat-Trattat ta' Marrakexx mill-Unjoni tirrikjedi l-adattament tal-liġi tal-Unjoni billi tistabbilixxi eċċezzjoni obbligatorja u armonizzata għall-użi, ix-xogħlijiet u l-persuni benefiċjarji koperti b'dak it-trattat.

(5)

F'konformitá mal-Opinjoni 3/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (9), l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-produzzjoni u t-tixrid ta' kopji. b'formati aċċessibbli, ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor, previsti skont it-Trattat ta' Marrakexx, ikollhom jiġu implimentati fi ħdan il-qasam armonizzat mid-Direttiva 2001/29/KE.

(6)

Din id-Direttiva timplimenta l-obbligi li l-Unjoni trid twettaq skont it-Trattat ta' Marrakexx b'mod armonizzat, ħalli jkun żgurat li l-miżuri korrispondenti jiġu applikati b'mod konsistenti fis-suq intern kollu. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Direttiva tipprevedi eċċezzjonijiet obbligatorji għad-drittijiet li huma armonizzati bil-liġi tal-Unjoni u li huma rilevanti għall-użi u x-xogħlijiet koperti mit-Trattat ta' Marrakexx. Tali drittijiet jinkludu, b'mod partikolari, id-drittijiet tar-riproduzzjoni, tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, tad-disponibbiltà għall-pubbliku, tad-distribuzzjoni u tas-self, kif previst fid-Direttivi 2001/29/KE, 2006/115/KE u 2009/24/KE, kif ukoll id-drittijiet korrispondenti previsti fid-Direttiva 96/9/KE. Minħabba li l-ambitu tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet mitluba mit-Trattat ta' Marrakexx jinkludi wkoll ix-xogħlijiet f'forma awdjo, bħall-kotba awdjo, jenħtieġ li l-eċċezzjoni obbligatorja prevista f'din id-Direttiva tapplika wkoll għad-drittijiet relatati.

(7)

Din id-Direttiva tikkonċerna persuni għomja, persuni b'diżabbiltà fil-vista li ma tistax titjieb sal-punt li jingħataw funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta' persuna li ma jkollhiex din id-diffikultà, persuni li jkollhom diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex jaqraw, inkluż id-dislessija jew kwalunkwe diżabbiltà oħra relatata mat-tagħlim, li żżommhom milli jaqraw materjal stampat sa sostanzjalment l-istess grad bħal persuna mingħajr din id-diżabbiltà, u persuni li ma jkunux jistgħu, minħabba diżabbiltà fiżika, iżommu jew jużaw ktieb jew jiffokaw jew iċaqalqu għajnejhom kif normalment ikun meħtieġ għall-qari, safejn, bħala riżultat ta' tali nuqqasijiet jew diżabbiltajiet, dawk il-persuni ma jistgħux jaqraw xogħol stampat sa sostanzjalment l-istess grad bħal persuni mingħajr tali nuqqasijiet jew diżabbiltajiet. Din id-Direttiva għaldaqstant tfittex li ttejjeb id-disponibbiltà tal-kotba, inklużi l-kotba elettroniċi, ir-rivisti, il-gazzetti, il-megezins u tip ta' kitba oħra, notazzjoni, inklużi l-folji tal-mużika u materjal stampat ieħor, inkluż f'forma awdjo, kemm diġitali jew analoga, online jew offline, b'formati li jagħmlu dawk ix-xogħlijiet jew il-materjal l-ieħor aċċessibbli għal dawk il-persuni sal-istess grad sostanzjalment bħall-persuni mingħajr tali diffikultà jew diżabbiltà. Pereżempju, fost il-formati aċċessibbli hemm il-kitbiet bil-Braille, il-kitbiet b'tipa kbira, il-kotba elettroniċi adattati, il-kotba awdjo u x-xandiriet tar-radju.

(8)

L-eċċezzjoni obbligatorja prevista f'din id-Direttiva jenħtieġ li tillimita d-dritt tar-riproduzzjoni sabiex tippermetti kull att li jkun meħtieġ sabiex isiru bidliet għal jew jiġi konvertit jew adattat xogħol jew materjal ieħor b'tali mod li tinħoloq kopja b'format aċċessibbli li tagħmilha possibbli għal persuni benefiċjarji li jkollhom aċċess għal dak ix-xogħol jew materjal ieħor. Din tinkludi li jiġu provduti l-mezzi meħtieġa biex wieħed ifittex l-informazzjoni permezz ta' kopja b'format aċċessibbli. Tinkludi wkoll bidliet li jistgħu jkunu meħtieġa f'każijiet fejn il-format ta' xogħol jew ta' materjal ieħor ikun diġà aċċessibbli għal ċerti persuni benefiċjarji waqt li ma jkunx aċċessibbli għal persuni benefiċjarji oħrajn, minħabba diffikultajiet jew diżabbiltajiet differenti, jew il-livelli differenti ta' tali diffikultajiet jew diżabbiltajiet.

(9)

L-użi permessi stipulati f'din id-Direttiva jenħtieġ li jinkludu l-produzzjoni ta' kopji b'format aċċessibbli mill-persuni benefiċjarji jew mill-entitajiet awtorizzati li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom, kemm jekk dawk l-entitajiet awtorizzati jkunu organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, b'mod partikolari l-libreriji, l-istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet oħra mingħajr skop ta' profitt, li jaqdu lill-persuni li għandhom diżabbiltà biex jaqraw materjal stampat bħala waħda mill-attivitajiet primarji tagħhom, obbligi istituzzjonali jew bħala parti mill-missjonijiet tagħhom ta' interess pubbliku. L-użi jenħtieġ stipulati f'din id-Direttiva jenħtieġ li jinkludu wkoll il-produzzjoni ta' kopji b'format aċċessibbli, għall-użu esklussiv ta' persuni benefiċjarji, minn persuna fiżika li tagħmel dan f'isem persuna benefiċjarja jew li tassisti persuna benefiċjarja fil-produzzjoni ta' tali kopji. Jenħtieġ li l-kopji b'format aċċessibbli jsiru biss għal xogħlijiet jew materjal ieħor li għalihom persuni benefiċjarji jew entitajiet awtorizzati għandhom aċċess legali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali li għandha l-għan li tipprevjeni jew tillimita b'kwalunkwe mod l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ma jkollha l-ebda effett legali.

(10)

L-eċċezzjoni prevista f'din id-Direttiva jenħtieġ li tippermetti lill-entitajiet awtorizzati biex joħolqu u jxerrdu, online u offline fl-Unjoni, kopji b'format aċċessibbli ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li jkunu koperti b'din id-Direttiva. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma timponi ebda obbligu fuq l-entitajiet awtorizzati biex jagħmlu tali kopji u jxerrduhom.

(11)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-kopji b'format aċċessibbli li jsiru fi Stat Membru wieħed, ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha ħalli tkun żgurata disponibbiltà akbar tagħhom fis-suq intern. Dan inaqqas id-domanda għad-duplikazzjoni tax-xogħol fil-produzzjoni ta' kopji b'format aċċessibbli ta' wieħed u l-istess xogħol jew materjal ieħor madwar l-Unjoni, u b'hekk isir frankar u titjieb l-effiċjenza. Għalhekk din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura li kopji b'format aċċessibbli li jsiru minn entitajiet awtorizzati fi kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jiġu ċċirkolati u aċċessati minn persuni benefiċjarji u entitajiet awtorizzati fl-Unjoni kollha. Sabiex jitrawwem dan l-iskambju transfruntier, u biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni u l-kooperazzjoni reċiproċi tal-entitajiet awtorizzati, jenħtieġ li titħeġġeġ il-kondiviżjoni volontarja ta' informazzjoni dwar l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-entitajiet awtorizzati stabbiliti fl-Unjoni, inklużi siti web jekk ikunu disponibbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni li tasal mingħand l-entitajiet awtorizzati lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dan ma jkunx jimplika obbligu għall-Istati Membri biex jivverifikaw il-kompletezza u l-eżattezza ta' tali informazzjoni jew il-konformità tagħha mal-liġi nazzjonali tagħhom li titrasponi din id-Direttiva. Tali informazzjoni jenħtieġ li ssir disponibbli online mill-Kummissjoni f'punt ċentrali ta' access għall-informazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Dan jgħin ukoll lill-entitajiet awtorizzati, kif ukoll lill-persuni benefiċjarji u d-detenturi tad-drittijiet biex jikkuntattjaw entitajiet awtorizzati ħalli jirċievu aktar informazzjoni, b'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Il-punt ċentrali ta' aċċess għall-informazzjoni li diġà ssemma jenħtieġ li jkun kumplimentari għall-punt ta' aċċess għall-informazzjoni li jrid jiġi stabbilit mill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), kif previst fit-Trattat ta' Marrakexx, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-entitajiet awtorizzati, u l-kooperazzjoni bejniethom, fil-livell internazzjonali.

(12)

Sabiex tiżdied id-disponibbiltà ta' kopji b'format aċċessibbli u biex ikun evitat it-tixrid mhux awtorizzat ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, l-entitajiet awtorizzati li jwettqu t-tqassim, il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew id-disponibbiltà għall-pubbliku ta' kopji b'format aċċessibbli jenħtieġ li jkunu konformi ma' ċerti obbligi.

(13)

Ir-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni jew rikonoxximent li l-Istati Membri jistgħu japplikaw għal entitajiet awtorizzati, bħalma huma dawk relatati mal-forniment ta' servizzi ta' natura ġenerali lil persuni benefiċjarji, jenħtieġ li ma jkollhomx l-effett li jxekklu lill-entitajiet li huma koperti mid-definizzjoni ta' entità awtorizzata skont din id-Direttiva milli jagħmlu użu mill-użi permessi taħt din id-Direttiva.

(14)

Minħabba n-natura speċifika tal-eċċezzjoni prevista f'din id-Direttiva, tal-iskop speċifiku tagħha u tal-bżonn ta' ċertezza legali għall-benefiċjarji tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jitħallewx jimponu rekwiżiti addizzjonali għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, bħall-verifika minn qabel tad-disponibbiltà kummerċjali ta' xogħlijiet b'formati aċċessibbli, għajr dawk stipulati f'din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi li jipprevedu biss l-iskemi ta' kumpens fir-rigward tal-użi permessi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor minn entitajiet awtorizzati. Sabiex jiġu evitati piżijiet għal persuni benefiċjarji, jiġu evitati l-ostakli għat-tixrid transfruntier ta' kopji b'format aċċessibbli u li jkun hemm rekwiżiti eċċessivi fuq l-entitajiet awtorizzati, huwa importanti li tkun limitata l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu skemi ta' kumpens bħal dawn. Konsegwentement, jenħtieġ li skemi ta' kumpens ma jirrikjedux pagamenti minn persuni benefiċjarji. Jenħtieġ li dawn japplikaw biss għal użi minn entitajiet awtorizzati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jipprevedi tali skema, u jenħtieġ li ma jirrikjedux ħlasijiet minn entitajiet awtorizzati stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta' Marrakexx. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li ma jkunx hemm rekwiżiti aktar onerużi għall-iskambju transfruntier ta' kopji b'format aċċessibbli taħt tali skemi ta' kumpens minn dawk għal sitwazzjonijiet li ma jinvolvux l-iskambju transfruntier, inkluż fir-rigward tal-forma u l-livell possibbli ta' kumpens. Meta jiġi ddeterminat il-livell ta' kumpens, jenħtieġ li jittieħed kont debitu tan-natura mingħajr skop ta' profitt tal-attivitajiet ta' entitajiet awtorizzati, tal-objettivi ta' interess pubbliku mfittxija minn din id-Direttiva, tal-interessi tal-benefiċjarji tal-eċċezzjoni, tal-ħsara possibbli lid-detenturi tad-drittijiet u tal-ħtieġa li jiġi żgurat it-tixrid transfruntier ta' kopji b'format aċċessibbli. Jenħtieġ li jitqiesu wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull każ, li jirriżultaw mill-produzzjoni ta' kopja partikolari b'format aċċessibbli. Fejn il-ħsara għal detentur tad-drittijiet tkun minima, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas ta' kumpens.

(15)

Huwa essenzjali li kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont din id-Direttiva jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u l-ħajja tal-familja u d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u huwa imperattiv li kwalunkwe tali pproċessar, ikun ukoll konformi mad-Direttivi 95/46/KE (11) u 2002/58/KE (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali, li jistgħu jagħmlu l-entitajiet awtorizzati fil-qafas ta' din id-Direttiva u bis-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi maħturin mill-Istati Membri.

(16)

Il-UNCRPD, li l-Unjoni hi parti kontraenti għaliha, tiżgura lill-persuni b'diżabbiltà bid-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni u d-dritt li jieħdu sehem fil-ħajja kulturali, ekonomika u soċjali bħal ħaddieħor. Il-UNCRPD teżiġi li l-partijiet għaliha għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha, skont il-liġi internazzjonali, biex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jkunux jikkostitwixxu ostaklu mhux raġonevoli jew diskriminatorju għall-aċċess tal-persuni b'diżabbiltà għall-materjali kulturali.

(17)

Skont il-Karta, kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq id-diżabbiltà hija pprojbita, u d-dritt tal-persuni b'diżabbiltà li jgawdu minn miżuri mfassla biex tkun żgurata l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità huwa rikonoxxut u rrispettat mill-Unjoni.

(18)

Bl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, l-Unjoni għandha l-għan li tiżgura li l-persuni benefiċjarji jkollhom aċċess għall-kotba u materjal ieħor b'formati aċċessibbli fis-suq intern kollu. Għaldaqstant din id-Direttiva hija l-ewwel pass essenzjali biex jitjieb l-aċċess tal-persuni b'diżabbiltà għax-xogħlijiet.

(19)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni fejn jidħlu d-disponibbiltà ta' xogħlijiet u materjal ieħor b'formati aċċessibbli minbarra dawk koperti b'din id-Direttiva, u kif ukoll id-disponibbiltà ta' xogħlijiet u materjal ieħor b'formati aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltajiet oħrajn. Huwa importanti li l-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni f'dak ir-rigward mill-qrib. Skont il-bżonn, jaf jitqies ukoll li jsiru xi bidliet fl-ambitu ta' din id-Direttiva abbażi ta' rapport imressaq mill-Kummissjoni.

(20)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi jkomplu jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-ġid tal-persuni b'diżabbiltà fil-każijiet li ma tkoprix din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' xogħlijiet u materjal ieħor u diżabbiltajiet oħra għajr dawk koperti b'din id-Direttiva, skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29/KE. Din id-Direttiva ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li mhumiex armonizzati fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni.

(21)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta u mill-UNCRPD. Għaldaqstant jenħtieġ li din id-Direttiva tiġi interpretata u applikata f'konfomità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(22)

It-Trattat ta' Marrakexx jimponi ċerti obbligi rigward l-iskambju tal-kopji b'format aċċessibbli bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi li huma partijiet għal dak it-Trattat. Il-miżuri li ħadet l-Unjoni biex tissodisfa dawk l-obbligi jinsabu fir-Regolament (UE) 2017/1563 li jenħtieġ li jinqara flimkien ma' din id-Direttiva.

(23)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari li ttejjeb l-aċċess fl-Unjoni għal xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, imma jista' pjuttost, permezz tal-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(24)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (13), f'każijiet ġustifikati l-Istati Membri għandhom jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Rigward din id-Direttiva, il-leġislatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha l-għan li tarmonizza ulterjorment il-liġi tal-Unjoni applikabbli għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, billi tistabbilixxi regoli dwar l-użu ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)

“xogħol jew materjal ieħor” tfisser xogħol fil-forma ta' ktieb, rivista, gazzetta, megezin jew tip ta' kitba oħra, notazzjoni, inkluż folji tal-mużika, u illustrazzjonijiet relatati, bi kwalunkwe mezz, inkluż b'forma awdjo, bħall-kotba awdjo u b'format diġitali, li jkun protett bid-dritt tal-awtur jew bi drittijiet relatati u li jkun ippubblikat jew magħmul disponibbli għall-pubbliku b'xi mod ieħor legali;

(2)

“persuna benefiċjarja” tfisser, irrispettivament minn kull diżabbiltà oħra, persuna:

(a)

għamja;

(b)

b'diżabbiltà fil-vista li ma tistax titjieb sal-punt li l-persuna tingħata funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta' persuna li ma jkollhiex din id-diffikultà, u li, b'riżultat ta' dan, ma tistax taqra xogħlijiet stampati sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr din id-diffikultà;

(c)

b'diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex taqra u li, minħabba f'hekk, ma tistax taqra xogħlijiet stampati sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr tali diżabbiltà; jew

(d)

li b'xi mod ieħor, minħabba diżabbiltà fiżika, ma tkunx tista' żżomm jew tuża ktieb jew tiffoka jew iċċaqlaq għajnejha kif normalment ikun meħtieġ għall-qari.

(3)

“kopja b'format aċċessibbli” tfisser kopja ta' xogħol jew materjal ieħor f'mod jew b'forma alternattivi li lill-persuna benefiċjarja tagħtiha aċċess għax-xogħol jew għall-materjal l-ieħor, inkluż li tali persuna tkun tista' jkollha aċċess b'mod fattibbli u komdu daqs persuna mingħajr ebda mid-diffikultajiet jew diżabbilitajiet imsemmija fil-punt 2;

(4)

“entità awtorizzata” tfisser entità li hija awtorizzata jew rikonoxxuta minn Stat Membru biex tipprovdi edukazzjoni, taħriġ ta' struzzjoni, qari adattiv jew aċċess għall-informazzjoni lill-persuni benefiċjarji mingħajr skop ta' profitt. Hija tinkludi wkoll istituzzjoni pubblika jew organizzazzjoni mingħajr skop ta' profitt li tipprovdi l-istess servizzi lill-persuni benefiċjarji bħala waħda mill-attivitajiet primarji tagħha, mill-obbligi istituzzjonali jew bħala parti mill-missjonijiet ta' interess pubbliku tagħha.

Artikolu 3

Użi permessi

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni li biha ma tkun meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ta' kwalunkwe dritt tal-awtur jew dritt relatat f'xogħol jew materjal ieħor skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 1(1), l-Artikoli 8(2) u (3) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/115/KE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/24/KE għal kwalunkwe azzjoni neċessarja sabiex:

(a)

persuna benefiċjarja, jew persuna li taġixxi f'isimha, tagħmel kopja b'format aċċessibbli ta' xogħol jew materjal ieħor li l-persuna benefiċjarja jkollha aċċess legali għaliha għall-użu esklussiv tal-persuni benefiċjarji; u

(b)

entità awtorizzata tagħmel kopja b'format aċċessibbli ta' xogħol jew materjal ieħor li għaliha jkollha aċċess legali, jew tikkomunika, tagħmel disponibbli, tqassam u tislef kopja b'format aċċessibbli lil persuna benefiċjarja jew lil entità awtorizzata oħra fuq bażi mingħajr skop ta' qligħ għall-finijiet ta' użu esklussiv minn persuna benefiċjarja.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull kopja b'format aċċessibbli tkun tirrispetta l-integrità tax-xogħol jew materjal ieħor, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-bidliet meħtieġa biex ix-xogħol jew materjal ieħor isir aċċessibbli bil-format alternattiv.

3.   L-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun applikata biss f'ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew materjal ieħor u ma jippreġudikawx b'mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.

4.   L-ewwel, it-tielet u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom japplikaw għall-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma jkunux jistgħu jingħelbu permezz ta' kuntratt.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-użi permessi taħt din id-Direttiva, jekk jitwettqu minn entitajiet awtorizzati stabbiliti fit-territorju tagħhom, ikunu soġġetti għal skemi ta' kumpens fi ħdan il-limiti previsti f'din id-Direttiva.

Artikolu 4

Kopji b'format aċċessibbli fis-suq intern

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li entità awtorizzata stabbilita fit-territorju tagħhom tista' twettaq l-atti msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) għal persuna benefiċjarja jew għal entità awtorizzata oħra stabbilita fi kwalunkwe Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna benefiċjarja jew entità awtorizzata stabbiliti fit-territorju tagħhom jistgħu jiksbu kopja jew ikollhom aċċess għal kopja b'format aċċessibbli mingħand entità awtorizzata stabbilita fi kwalunkwe Stat Membru.

Artikolu 5

Obbligi tal-entitajiet awtorizzati

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li entità awtorizzata stabbilita fit-territorju tagħhom, li twettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 4, tistabbilixxi u ssegwi l-prattiki tagħha stess biex tiżgura li:

(a)

tqassam, tikkomunika u tagħmel disponibbli kopji b'format aċċessibbli biss lill-persuni benefiċjarji jew lil entitajiet awtorizzati oħra;

(b)

tieħu l-passi xierqa biex tiskoraġġixxi r-riproduzzjoni, it-tqassim, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u d-disponibbiltà għall-pubbliku b'mod mhux awtorizzat ta' kopji b'format aċċessibbli;

(c)

tagħti prova tal-attenzjoni dovuta lill-immaniġġar tagħha tax-xogħlijiet jew materjal l-ieħor u tal-kopji b'format aċċessibbli tagħhom u żżomm rekord dwar dan; u

(d)

tippubblika u taġġorna, fuq is-sit web tagħha, jekk ikun meħtieġ, jew permezz ta' mezzi online jew offline oħra, tagħrif dwar il-mod kif qed tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fil-punti (a) sa (c).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prattiki msemmija fl-ewwel subparagrafu jiġu stabbiliti u segwiti b'rispett sħiħ tar-regoli applikabbli għall-ipproċessar ta' data personali ta' persuni benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 7.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li entità awtorizzata stabbilita fit-territorju tagħhom li twettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 4 tipprovdi l-informazzjoni li ġejja b'mod aċċessibbli, fuq talba, lil persuni benefiċjarji, entitajiet awtorizzati oħra jew detenturi tad-drittijiet:

(a)

il-lista tax-xogħlijiet jew materjal ieħor li għandha kopji b'format aċċessibbli tagħhom u l-formati disponibbli; u

(b)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-entitajiet awtorizzati li involviet fl-iskambju tal-kopji b'format aċċessibbli skont l-Artikolu 4.

Artikolu 6

Trasparenza u skambju ta' informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-entitajiet awtorizzati stabbiliti fit-territorju tagħhom biex iwettqu l-atti msemmija fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva u l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) 2017/1563 biex jikkomunikawlhom, fuq bażi volontarja, l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni li huma jkunu rċevew skont il-paragrafu 1 lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni pubblikament disponibbli online f'punt ċentrali ta' aċċess għall-informazzjoni u żżommha aġġornata.

Artikolu 7

Protezzjoni ta' data personali

L-ipproċessar tad-data personali mwettaq fil-qafas ta' din id-Direttiva għandu jitwettaq f'konformità mad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

Artikolu 8

Emendi għad-Direttiva 2001/29/KE

Fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29/KE, il-punt (b) huwa sostitwit bis-segwenti:

“(b)

l-użi, għall-ġid tal-persuna b'diżabbiltà, li huma relatati direttament mad-diżabbiltà u li għandhom natura mhux kummerċjali, sa kemm teħtieġ id-diżabbiltà speċifika, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

Artikolu 9

Rapport

Sal-11 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-disponibbiltà, b'formati aċċessibbli, ta' xogħlijiet u materjal ieħor għajr dawk definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 għall-persuni benefiċjarji, u ta' xogħlijiet u materjal ieħor għall-persuni b'diżabbiltajiet oħra għajr dawk imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 2, fis-suq intern. Ir-rapport għandu jikkunsidra l-iżviluppi rigward it-teknoloġija rilevanti u għandu jkun fih valutazzjoni dwar jekk it-twessigħ tal-ambitu ta' din id-Direttiva huwiex xieraq sabiex jittejjeb l-aċċess għal tipi oħrajn ta' xogħlijiet u materjal ieħor u biex jittejjeb l-aċċess għall-persuni b'diżabbiltajiet oħra għajr dawk koperti b'din id-Direttiva.

Artikolu 10

Rieżami

1.   Sal-11 ta' Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta' din id-Direttiva u tippreżenta s-sejbiet ewlenin f'rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, flimkien ma', meta jkun xieraq, proposti għall-emendar ta' din id-Direttiva. Tali evalwazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-impatt ta' skemi ta' kumpens, previsti minn Stati Membri skont l-Artikolu 3(6), dwar id-disponibbiltà ta' kopji b'format aċċessibbli għall-persuni benefiċjarji u dwar l-iskambju transfruntier tagħhom. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis l-opinjonijiet ta' atturi tas-soċjetà ċivili rilevanti u ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b'diżabbiltà u dawk li jirrappreżentaw lill-anzjani.

2.   Għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 9, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni.

3.   Stat Membru li jkollu raġunijiet validi sabiex jikkunsidra li l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva kellha impatt negattiv sinifikanti fuq id-disponibbilta' kummerċjali ta' xogħlijiet jew materjal ieħor b'formati aċċessibbli għal persuni benefiċjarji jista' jressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kummissjoni u jipprovdi l-evidenza rilevanti kollha. Il-Kummissjoni għandha tqis dik l-evidenza meta tfassal ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-11 ta' Ottubru 2018. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Settembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 27.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017.

(3)  Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(4)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(5)  Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).

(6)  Id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16).

(7)  Id-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta' xogħlijiet orfni (ĠU L 299, 27.10.2012, p. 5).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 1).

(9)  L-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Frar 2017, 3/15, ECLI:EU:C:2017:114, paragrafu 112.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta' kopji b'format aċċessibbli ta' xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31). Dik id-Direttiva se tiġi rrevokata u sostitwita, b'effett mill-25 ta' Mejju 2018, mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(12)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(13)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.