19.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/45


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/413

tat-18 ta' Marzu 2016

li tiddetermina l-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura tas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo u li tipprevedi l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-operat tiegħu u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/117/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u partikolarment l-Artikolu 12(3)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà globali għall-programm Galileo u jagħtiha setgħat ta' implimentazzjoni biex tiddetermina l-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura terrestri tas-sistema taħt dan il-programm filwaqt li tiżgura l-operat tiegħu. Din l-infrastruttura hija magħmula minn ċentri u stazzjonijiiet terrestri.

(2)

Il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2012/117/UE (2), diġà stabbiliet il-biċċa l-kbira tal-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura terrestri tas-sistema tal-programm Galileo.

(3)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/117/UE ittieħdet abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li tħassret u ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) Nru 1285/2013. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-programm u jitqiesu r-restrizzjonijiet u l-ħtiġijiet ġodda li tfaċċaw permezz tal-evoluzzjoni tiegħu, jeħtieġ li terġa' tiġi ddeterminata l-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura terrestri tas-sistema stabbilita mill-programm Galileo u jiġu previsti l-miżuri neċessarji għall-operat tiegħu. Ta' min jiftakar li l-għadd u l-post taċ-ċentri u l-istazzjonijiet imsemmija fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/117/UE għandhom iqisu l-limitazzjonijiet ġeografiċi u tekniċi għad-distribuzzjoni ottimali madwar id-dinja, il-preżenza possibbli ta' installazzjonijiet u ta' tagħmir eżistenti adattati għall-kompiti assenjati biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' sigurtà ta' kull ċentru u stazzjon u l-eżiġenzi tas-sigurtà nazzjonali ta' kull Stat Membru.

(4)

Madankollu huwa neċessarju li jitqiesu l-limitazzjonijiet u r-rekwiżiti l-ġodda li żviluppaw mal-evoluzzjoni tal-programm fir-rigward ta' ċerti aspetti relatati ma' ċentri u stazzjonijiet elenkati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/117/UE.

(5)

Per eżempju, fir-rigward primarjament ta' dawn iċ-ċentri u biex ikun jista' jsir użu aħjar tas-sistema, kien meħtieġ li jitwaqqaf is-seba' ċentru, iċ-Ċentru ta' Appoġġ għal-Loġistika Integrata (minn hawn 'il quddiem “iċ-ċentru ILS”) li għandu bħala funzjoni li jaħżen ċentralment l-apparat differenti u l-ispare parts tal-infrastruttura.

(6)

L-għażla tal-post taċ-ċentru ILS saret bi proċedura ta' żewġ passi miftuħa u trasparenti. L-ewwel, il-Kummissjoni bagħtet sejħa għal espressjonijiet ta' interess lill-Istati Membri u minnhom intagħżlu l-applikazzjonijiet mill-Belġju u r-Repubblika Ċeka. Imbagħad, biex tiddeċiedi bejn iż-żewġ kandidati, iż-żewġ Stati Membri ġew mistiedna jissottomettu l-proposti tagħhom. Wara li evalwat dawn il-proposti skont il-kriterji tas-sikurezza, tar-riskju, tal-iskeda u tal-kost, permezz ta' kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, il-proposta tal-Belġju irriżultat bħala l-iktar waħda adegwata; l-arkitettura u d-disinn tal-bini fuq is-sit ta' Transinne huma tabilħaqq ottimatizzati bis-sħiħ biex jassiguraw il-loġistika tas-sistema stabbilita mill-programm Galileo. Iċ-ċentru għandu jitwaqqaf fl-2016 u jkun is-suġġett ta' ftehim mal-Belġju.

(7)

Barra minn hekk, it-twaqqif taż-żewġ ċentri ta' kontroll (GC) ġie konkluż fl-2014 u dawn iċ-ċentri għandhom ikunu is-suġġett ta' ftehimiet mal-Ġermanja u l-Italja; dak taċ-ċentru tas-sigurtà tal-Galileo (GSMC) inbeda fl-2013 u kien is-suġġett ta' ftehimiet iffirmati fl-2013 ma' Franza u r-Renju Unit, iżda huwa mistenni li jitkompla fl-2017 u mhux fl-2015; dak taċ-ċentru ta' servizz GNSS (GSC) kien is-suġġett ta' ftehim iffirmat ma' Spanja fit-30 ta' Ġunju 2014 u mhux fl-2013; dak taċ-ċentru ta' servizz SAR sar bejn l-2012 u l-2014 u għandu jkun is-suġġett ta' kuntratt ta' qafas għal servizzi maċ-Ċentru Nazzjonali ta' Studji Spazjali (CNES) u mhux dak ta' ftehim ma' Franza; dak taċ-ċentru ta' referenza Galileo (GRC), li jinsab f'Noordwijk fin-Netherlands viċin tal-ESTEC iżda mhux l-istess ESTEC, mistenni li jseħħ bejn l-2015 u l-2017 u mhux bejn l-2013 u l-2016, u jkun is-suġġett ta' ftehim man-Netherlands fl-2016; dak taċ-ċentru tas-servizz SAR; dak taċ-ċentru tal-istazzjon tal-ittestjar tal-orbita f'Redu ma kienx is-suġġett tal-kuntratt mal-kumpannija Spaceopal.

(8)

Fir-rigward tat-tieni stazzjon, it-twaqqif tal-istazzjonijiet tat-TTC fir-Réunion u f'Nouméa sar bejn l-2012 u l-2014, iżda dak l-istazzjon ta' Papeete f'Tahiti għandu jseħħ biss bejn l-2016 u l-2017. Barra minn hekk, jekk l-istazzjonijiet tal-GSS f'Kiruna, Jan Mayen, Açores, Kerguelen, Saint Pierre u Miquelon, Ascension u Malouines twaqqfu bejn l-2012 u l-2014, it-twaqqif tal-istazzjonijiet tal-GSS fil-Gżejjer Kanarji u l-Madejra għandu jiġi kkanċellat, dak tal-istazzjon GSS Wallis għandu jiġi differit għall-2016-2017 u dak, jekk ikun hemm, tal-istazzjonijiet GSS f'Tokjo, Terre Adélie u Diego għandu jibqa taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li jitwaqqaf stazzjon GSS f'Redu.

(9)

Finalment, jekk t-twaqqif tal-istazzjonijiet SAR sar kif kien previst u kien is-suġġett ta' ftehimiet u memorandum ta' ftehim, ta' min jikkjarifika li dawn l-istazzjonijiet huma ta' żewġ tipi: l-ewwel nett, l-istazzjonijiet imsejħa “Meolut” (“Medium Earth Orbit Local User terminal”), li jirċievu s-sinjali ta' periklu trasmessi mis-satelliti li jinsabu f'Makarios, Maspalomas u Svalbard; u tieni nett, l-istazzjonijiet li jikkonsistu minn tikketta ta' referenza SAR, li jagħtu sinjali ta' periklu ta' referenza biex jikkalibraw is-sistema u jkejlu r-rendiment tagħha u li jinsabu wkoll f'Makarios, Maspalomas u Svalbard, iżda wkoll f'Toulouse u Santa Maria fl-Azores.

(10)

Barra minn hekk, billi din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/117/UE, għandha titħassar id-deċiżjoni tal-aħħar. Għall-finijiet taċ-ċertezza ġuridika u ta' amministrazzjoni tajba, l-elementi inklużi fl-Anness għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/117/UE u l-elementi l-ġodda stabbiliti b'din id-Deċiżjoni huma kkonsolidati fl-Anness.

(11)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura terrestri tas-sistema stabbilita mill-programm Galileo u l-miżuri meħtieġa għall-operat tiegħu huma mehmuża fl-Anness.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/117/UE hija mħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/117/UE tat-23 ta' Frar 2012 li tistabbilixxi lista tal-istadji tad-deċiżjonijiet ewlenin għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm Galileo f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċentri u l-istazzjonijiet terrestri li għandhom jitwaqqfu fil-qafas tal-fażijiet tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programm (ĠU L 52, 24.2.2012, p. 28).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1).


ANNESS

Isem

Miżuri ta' lokalizzazzjoni u implimentazzjoni għall-iżgurar tal-operat

Ċentri terrestri

Żewġ ċentri ta' kontroll Galileo (GCC)

Iż-żewġ ċentri ta' kontroll għandhom jitwaqqfu bejn l-2009 u l-2014 rispettivament f'Oberpfaffenhofen (il-Ġermanja) u Fucino (l-Italja). Għandhom ikunu s-suġġett ta' żewġ ftehimiet li jridu jiġu ffirmati rispettivament mal-Ġermanja u l-Italja.

Iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo (GSMC)

Iċ-ċentru tas-sigurtà Galileo, maqsum f'żewġ postijiet, se jitwaqqaf fi stadji fi Franza u fir-Renju Unit. It-twaqqif għandu jibda fl-2013 u għandu jkun tlesta sal-2017. Dan kien is-suġġett ta' ftehim iffirmat fl-2013 ma' Franza u r-Renju Unit

Iċ-ċentru tas-Servizzi GNSS (GSC)

Iċ-ċentru tas-servizzi GNSS qed jiġi żviluppat fi stadji f'Madrid (Spanja). It-twaqqif għandu jibda fl-2011 u għandu jkun tlesta sal-2016. Dan kien is-suġġett ta' ftehim iffirmat ma' Spanja fl-2014.

Iċ-Ċentru ta' Servizzi SAR

Iċ-ċentru ta' servizzi SAR twaqqaf f'Toulouse (Franza) bejn l-2012 u l-2014. Dan għandu jkun is-suġġett ta' kuntratt qafas tal-prestazzjoni tas-servizzi mas-Centre National d'Etudes Spatiales (CNES).

Iċ-Ċentru ta' Referenza Galileo (GRC)

Iċ-Ċentru ta' Referenza Galileo qed jiġi żviluppat fi stadji f'Noordwijk (in-Netherlands). It-twaqqif għandu jibda fl-2015 u għandu jkun tlesta sal-2017. Dan għandu jkun is-suġġett ta' ftehim li għandu jiġi ffirmat man-Netherlands fl-2016.

Iċ-Ċentru ILS

Iċ-Ċentru ta' Appoġġ għal-Loġistika Integrata (iċ-Ċentru ILS) għandu jitwaqqaf fi Transinne (il-Belġju) waqt is-sena 2016 u jkun is-suġġett ta' ftehim mal-Belġju.

Stazzjoni ta' testijiet fl-orbita

L-istazzjon tat-test fl-orbita twaqqaf fl-2010 f'Redu (il-Belġju).

 

Stazzjonijiet terrestri rimoti

Stazzjonijet TTC

Twaqqfu xi stazzjonijiet TTC, bejn l-2010 u l-2014, f'Kiruna (Suède), Kourou (Franza), Réunion (Franza), u Nouméa (il-Kaledonja Ġdida).

Għandu jitwaqqaf stazzjon tat-TTC f'Papeete (il-Polineżja Franċiża) bejn l-2016 u l-2017.

It-twaqqif ta' dawn l-istazzjonijiet TTC se jkun is-suġġett ta' kuntratti konklużi bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-fornituri tas-servizz.

Stazzjonijiet GSS

Twaqqfu xi stazzjonijiet GSS, bejn l-2009 u l-2014, f'Açores (il-Portugall), Ascension, Fucino (l-Italja), Jan Mayen (in-Norveġja), Kerguelen, Kiruna (fl-Iżvezja), Kourou (Franza), Réunion (Franza), il-Gżejjer Falkland, Nouméa (il-Kaledonja Ġdida), Papeete (il-Polineżja Franċiża), Redu (il-Belġju), Saint Pierre et Miquelon, Svalbard (in-Norveġja), u Troll (in-Norveġja).

Għandu jitwaqqaf stazzjon tal-GSS f'Wallis bejn l-2016 u l-2017.

It-twaqqif ta' dawn l-istazzjonijiet GSS se jkun is-suġġett ta' kuntratti konklużi bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-fornituri tas-servizz.

Stazzjonijiet TTC

Twaqqfu xi stazzjonijiet ULS, bejn l-2009 u l-2014, f'Tahiti (il-Polineżja Franċiża), Kourou (Franza), Réunion (Franza), il-Kaledonja Ġdida, u Svalbard (in-Norveġja).

It-twaqqif ta' dawn l-istazzjonijiet ULS se jkun is-suġġett ta' kuntratti konklużi bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-fornituri tas-servizz.

Stazzjonijiet SAR

Bejn l-2012 and 2013, twaqqfu stazzjonijiet SAR imsejħa “Meolut” f'Makarios (Ċipru), Maspalomas (Spanja) u Svalbard (in-Norveġja). Xi stazzjonijiet SAR b'sinjal ta' referenza SAR twaqqfu f'Makarios (Ċipru), Maspalomas (Spanja), Santa Maria (il-Portugall), Toulouse (Franza) u Svalbard (in-Norveġja).

It-twaqqif ta' dawn l-istazzjonijiet SAR kien is-suġġett ta' kuntratti konklużi bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-fornituri tas-servizzi għall-istazzjonjiet ta' Maspalomas, ta' Santa Maria u ta' Svalbard, ta' protokoll ta' ftehim bejn il-Kummissjoni u Ċipru għall-istazzjon ta' Makarios u ta' kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-fornitur tas-servizzi għall-istazzjon ta' Toulouse.