19.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/36


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/408

tal-10 ta' Marzu 2016

dwar is-sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta' 30 % tal-applikanti allokati lill-Awstrija skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(5) u 4(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Abbażi tal-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill adotta żewġ Deċiżjonijiet li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 (2), 40 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja lill-Istati Membri l-oħra. Skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, 120 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja lill-Istati Membri l-oħra.

(2)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 ġiet adottata minħabba sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratteriżżata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Italja u l-Greċja u minħabba ħtieġa urġenti li dawn l-Istati Membri jiġu pprovduti b'riljiev rapidu, skont il-prinċipju ta' solidarjetà u qsim ġust ta' responsabbiltà bejn l-Istati Membri. Minn dan isegwi li kull Stat Membru ta' rilokazzjoni għandu jiżgura li r-rilokazzjoni ssir regolarment, mingħajr dewmien u f'livell adegwat.

(3)

L-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 tipprevedi li, Stat Membru jista', f'ċirkostanzi eċċezzjonali, sas-26 ta' Diċembru 2015, jinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li temporanjament ma jkunx jista' jieħu sehem fil-proċess tar-rilokazzjoni sa 30 % tal-applikanti allokati lilu skont il-paragrafu 1 ta' din id-Deiċiżjoni, filwaqt li jagħti raġunijiet debitament ġustifikati kompatibbli mal-valuri fundamentali tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Il-Kummissjoni għandha tevalwa r-raġunijiet mogħtija u tippreżenta proposti lill-Kunsill rigward sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni sa 30 % tal-applikanti allokati lill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 4(1) ta' dik id-Deċiżjoni. Fejn ikun ġustifikat, il-Kummissjoni tista' tipproponi li testendi l-limitu ta' żmien għar-rilokazzjoni tal-applikanti fl-allokazzjoni li jibqa' għal massimu ta' 12-il xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 13(2) ta' dik id-Deċiżjoni.

(4)

L-Awstrija qiegħda taffaċċja ċirkostanzi eċċezzjonali, b'sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tagħha.

(5)

Iż-żieda konsiderevoli ta' qsim mhux awtorizzat fil-fruntieri tal-Unjoni u ta' movimenti sekondarji madwar l-Unjoni wasslet għal żieda qawwija fl-Awstrija fl-għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.

(6)

Iċ-ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw li kien hemm żieda qawwija fl-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fl-Awstrija. L-għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali żdied b'aktar minn 230 % minn 23 835 applikant għall-perijodu mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Novembru 2014 għal 80 880 applikant għall-perijodu mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Novembru 2015, b'iktar minn 10 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali fix-xahar minn Settembru 2015. Minkejja li d-dejta tal-EASO turi tnaqqis fl-għadd ta' applikanti f'Diċembru 2015 u Jannar 2016 meta mqabbla max-xhur preċedenti, l-għadd ta' applikanti għadu għoli.

(7)

Fl-2015, l-Awstrija, wara l-Isvezja, kellha t-tieni l-akbar għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali per capita fl-Unjoni (9 421 applikant għal kull miljun abitant, skont dejta disponibbli tal-Eurostat).

(8)

Is-sitwazzjoni attwali poġġiet pressjoni sinifikanti fuq is-sistema tal-ażil tal-Awstrija, b'konsegwenzi prattiċi serji fil-post fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta' akkoljenza u tal-kapaċità tas-sistema tal-ażil li tittratta l-applikazzjonijiet.

(9)

Il-qagħda migratorja attwali fl-Awstrija u l-pressjoni fuq il-kapaċità tagħha li tipproċessal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u li tipprovdi kondizzjonijiet ta' akkoljenza adegwati lil persuni fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali għalhekk jiġġustifikaw sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta' 30 % tal-applikanti allokati lill-Awstrija skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, li tikkorrispondi għal 1 065 applikant, għal perijodu ta' sena.

(10)

Matul il-perijodu ta' sospensjoni temporanja, l-Awstrija tibqa' obbligata li tkompli tirriloka mingħajr dewmien u regolarment il-bqija tal-allokazzjoni ta' applikanti.

(11)

Is-sospensjoni tar-rilokazzjoni ta' 30 % tal-applikanti għal sena tikkostitwixxi miżura suffiċjenti u proporzjonata b'reazzjoni għas-sitwazzjoni fl-Awstrija. Estensjoni tal-limitu ta' żmien għar-rilokazzjoni tal-applikanti fil-bqija tal-allokazzjoni wara d-data msemmija fl-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 ma tkunx ġustifikata. Huwa essenzjali li r-rilokazzjoni mill-Italja u l-Greċja sseħħ mingħajr dewmien u regolarment sas-26 ta' Settembru 2017, sabiex l-Italja u l-Greċja jiġu mgħejuna b'mod effettiv l-Italja u l-Greċja fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' emerġenza li għaddejja bħalissa.

(12)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(13)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fid-Deċiżjoni (UE) 2015/1601. Għalhekk, ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(15)

L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċijoni (UE) 2015/1601.

(16)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(17)

Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' wara dik tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rilokazzjoni fl-Awstrija ta' 1 065 mill-applikanti allokati lil dak l-Istat Membru skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 għandha tiġi sospiża sal-11 ta' Marzu 2017.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Marzu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

K.H.D.M. DIJKHOFF


(1)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146.