19.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/90


REGOLAMENT (UE) 2015/759 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta' April 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (“ESS”),bħala sħubija, irnexxielha, b'mod ġenerali, tikkonsolida b'suċċess l-attivitajiet tagħha biex tiżgura l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' statistika Ewropea ta' kwalità għolja, inkluż permezz tat-titjib tal-governanza tal-ESS.

(2)

Madankollu, xi dgħufijiet ġew identifikati reċentement, b'mod partikolari fir-rigward tal-qafas tal-immaniġġar tal-kwalità statistika.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' April 2011 intitolata “Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea” il-Kummissjoni ssuġġeriet li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati dawk id-dgħufijiet u biex tissaħħaħ il-governanza tal-ESS. B'mod partikolari, hija ssuġġeriet emenda mmirata tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill laqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni u saħaq fuq l-importanza li jitjiebu kontinwament il-governanza u l-effiċjenza tal-ESS.

(5)

L-impatt fuq il-qasam tal-istatistika tal-iżviluppi reċenti fil-kuntest tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni għandu jiġi kkunsidrat, b'mod partikolari dawk l-aspetti marbuta mal-indipendenza professjonali bħall-proċessi trasparenti tar-reklutaġġ u tat-tneħħija, l-allokazzjonijiet baġitarji u d-dati tar-rilaxx tal-istatistika, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll dawk l-aspetti marbuta mar-rekwiżit li l-korpi responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regoli fiskali nazzjonali jgawdu minn awtonomija funzjonali kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(6)

Dawk l-aspetti li huma marbuta mal-indipendenza professjonali, bħall-proċessi trasparenti tar-reklutaġġ u tat-tneħħija, l-allokazzjonijiet baġitarji u d-dati tar-rilaxx tal-istatistika, ma għandhomx jibqgħu limitati għall-istatistika prodotta għall-finijiet tas-sistema tas-sorveljanza fiskali u l-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv iżda għandhom japplikaw għall-istatistika Ewropea kollha żviluppata, prodotta u mxerrda mill-ESS.

(7)

Barra minn hekk, l-adegwatezza tar-riżorsi attribwiti fuq bażi annwali jew pluriennali u disponibbli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet statistiċi, hija kondizzjoni meħtieġa għall-iżgurar tal-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika u tal-kwalità għolja tad-data statistika.

(8)

Għal dak il-fini, l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika għandha tissaħħaħ u l-istandards minimi, applikabbli mal-Unjoni kollha, għandhom ikunu żgurati. Għandhom jiġu pprovduti garanziji speċifiċi lill-kapijiet tal-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs), f'termini tat-twettiq tal-kompiti statistiċi, il-ġestjoni organizzattiva u l-allokazzjoni tar-riżorsi. Il-proċeduri għar-reklutaġġ tal-kapijiet tal-NSIs għandu jkun trasparenti u bbażat biss fuq kriterji professjonali. Dawn għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jkun osservat, b'mod partikolari fir-rigward tas-sessi.

(9)

Filwaqt li statistika Ewropea kredibbli tirrikjedi indipendenza professjonali qawwija min-naħa ta' dawk li jipproduċu l-istatistika, l-istatistika Ewropea għandha tirrispondi wkoll għall-ħtiġijiet tal-politika u għandha tipprovdi appoġġ statistiku għal inizjattivi ġodda tal-politika fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni.

(10)

Huwa neċessarju li l-indipendenza tal-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni (Eurostat) tkun konsolidata u garantita permezz ta' skrutinju parlamentari effettiv u li l-indipendenza tal-NSIs tkun konsolidata u garantita permezz ta' responsabbiltà demokratika.

(11)

Barra minn hekk, ir-rwol ta' koordinazzjoni li diġà ġie attribwit lill-NSIs għandu jiġi ċċarat fir-rigward tal-ambitu tiegħu, sabiex tinkiseb aktar koordinazzjoni effiċjenti ta' attivitajiet statistiċi fil-livell nazzjonali, inkluż l-immaniġġjar tal-kwalità, filwaqt li jittieħed kont dovut tal-kompiti statistiċi li jitwettqu mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Sa fejn l-istatistika Ewropea tista' tinġabar mill-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊN) fil-kapaċità tagħhom bħala membri tas-SEBĊ, l-NSIs u l-BĊN għandhom jikkooperaw mill-qrib f'konformità ma' arranġamenti nazzjonali bil-għan li tkun żgurata l-produzzjoni ta' statistika kompleta u koerenti, filwaqt li tkun żgurata l-kooperazzjoni meħtieġa bejn l-ESS u s-SEBĊ.

(12)

Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet tal-istatistika u r-rispondenti, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw u jużaw fil-pront u mingħajr ħlas ir-rekords amministrattivi, inklużi dawk iddepożitati b'mod elettroniku, u jintegraw dawk ir-rekords mal-istatistika.

(13)

L-istatistika Ewropea għandha tkun faċli biex titqabbel u biex ikun hemm aċċess għaliha u għandha tiġi aġġornata immedjatament u regolarment sabiex jiġi żgurat li l-politiki u l-inizjattivi ta' finanzjament tal-Unjoni jikkunsidraw b'mod sħiħ l-iżviluppi fl-Unjoni.

(14)

L-NSIs għandhom ukoll jiġu kkonsultati fi stadju bikri dwar it-tfassil tar-rekords amministrattivi ġodda li jistgħu jipprovdu d-data għal finijiet statistiċi u dwar it-tibdil ippjanat jew it-twaqqif tas-sorsi amministrattivi eżistenti. Dawn għandhom ukoll jirċievu metadata rilevanti mingħand is-sidien tad-data amministrattiva u jikkoordinaw l-attivitajiet ta' standardizzazzjoni li jikkonċernaw ir-rekords amministrattivi li huma rilevanti għall-produzzjoni tad-data statistika.

(15)

Il-kunfidenzjalità tad-data miksuba mir-rekords amministrattivi għandha titħares skont il-prinċipji komuni u l-linji gwida applikabbli għad-data kunfidenzjali kollha użata għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. Oqfsa għall-valutazzjoni tal-kwalità applikabbli għal dik id-data, kif ukoll prinċipji ta' trasparenza għandhom jiġu mfassla u ppubblikati.

(16)

L-utenti kollha għandu jkollhom aċċess għall-istess data fl-istess ħin. L-NSIs għandhom ifasslu d-dati tar-rilaxx għall-pubblikazzjoni ta' data perjodika.

(17)

Tista' tissaħħaħ il-kwalità tal-istatistika Ewropea u tiġi rinforzata l-fiduċja tal-utenti, billi jiġu involuti l-gvernijiet nazzjonali fir-responsabbiltà tal-applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea (il-Kodiċi ta' Prattika). Għal dak il-għan, “Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” (Impenn) minn Stat Membru, li jikkunsidra speċifiċitajiet nazzjonali, għandu jinkludi impenji speċifiċi mill-gvern ta' dak l-Istat Membru biex itejjeb jew iżomm il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika. L-Impenn, li għandu jiġi aġġornat kif meħtieġ, jista' jinkludi oqfsa nazzjonali ta' garanzija ta' kwalità għolja, inkluż awtovalutazzjonijiet, azzjonijiet għal titjib u mekkaniżmi ta' monitoraġġ.

(18)

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tippermetti aċċess online faċli għal serje ta' data kompleta u faċli għall-utent. Fejn possibbli, aġġornamenti perjodiċi għandhom jipprovdu informazzjoni minn sena għal sena u minn xahar għal xahar dwar kull Stat Membru.

(19)

Billi l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea trid tkun imsejsa fuq ippjanar operattiv u finanzjarju fuq medda twila ta' żmien sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' indipendenza, il-programm statistiku Ewropew għandu jkopri l-istess perijodu bħall-qafas finanzjarju pluriennali.

(20)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jagħti s-setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (6). B'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li jirrevoka d-Deċiżjoni 1999/468/KE, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni għandhom jiġu allinjati ma' dak il-qafas legali ġdid. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti ta' implimentazzjoni ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti.

(21)

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti ta' kwalità billi jiġu stabbiliti l-modalitajiet, l-istruttura u l-perjodiċità tar-rapporti ta' kwalità koperti bil-leġislazzjoni settorjali, meta l-leġislazzjoni statistika settorjali ma tkunx tipprevedihom. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti ta' implimentazzjoni ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti.

(22)

Jinħtieġ li jkun hemm kondizzjonijiet uniformi biex jiġi implimentat l-aċċess għal data kunfidenzjali għal finijiet xjentifiċi. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni bil-għan li jiġu stabbiliti dawn l-arranġamenti, regoli u kondizzjonijiet li jirregolaw tali aċċess fil-livell tal-Unjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(23)

Billi l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tissaħħaħ il-governanza tal-ESS, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista'pjuttost, minħabba r-rekwiżit li tiġi stabbilita data kredibbli fil-livell tal-Unjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv.

(24)

L-indipendenza tas-SEBĊ fit-twettiq tal-kompiti tagħha kif deskritt fil-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandha tiġi rispettata b'mod sħiħ fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikoli 130 u 338 TFUE.

(25)

Il-Kumitat tal-ESS ġie kkonsultat.

(26)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 223/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(1), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

‘indipendenza professjonali’ tfisser li l-istatistika għandha tkun żviluppata, prodotta u disseminata b'mod indipendenti, partikolarment fir-rigward tal-għażla ta' tekniki, definizzjonijiet, metodoloġiji u sorsi li għandhom jintużaw, u ż-żmien u l-kontenut tal-forom kollha ta' disseminazzjoni, u li t-twettiq ta' dawk il-kompiti jkun ħieles minn kull pressjoni politika jew minn gruppi ta' interess jew minn awtoritajiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali;”

.

(2)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-awtorità nazzjonali tal-istatistika maħtura minn kull Stat Membru bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha fil-livell nazzjonali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, li huma determinati fil-Programm Ewropew tal-Istatistika skont l-Artikolu 1 (l-NSI) għandha taġixxi f'dan ir-rigward bħala l-uniku punt ta' kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f'materji ta' statistika.

Ir-responsabbiltà ta' koordinazzjoni tal-NSI għandha tkopri l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kollha responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, li huma determinati fil-programm Ewropew tal-istatistika skont l-Artikolu 1. B'mod partikolari, l-NSI għandu jkun responsabbli fil-livell nazzjonali, li jikkoordina l-ipprogrammar u r-rappurtar tal-istatistika, il-monitoraġġ tal-kwalità, il-metodoloġija, it-trażmissjoni tad-data u l-komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet statistiċi tal-ESS. Sa fejn ftit minn dik l-istatistika Ewropea tista' tinġabar mill-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊN) fil-kapaċità tagħhom bħala membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), l-NSIs u l-BĊN għandhom jikkooperaw mill-qrib f'konformità ma' arranġamenti nazzjonali bil-għan li tkun żgurata l-produzzjoni ta' statistika Ewropea kompleta u koerenti, filwaqt li tkun żgurata l-kooperazzjoni meħtieġa bejn l-ESS u s-SEBĊ kif stipulat fl-Artikolu 9.”

.

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Il-kapijiet tal-NSIs u l-kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħra

1.   Fis-sistema nazzjonali tal-istatistika tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza professjonali ta' uffiċjali responsabbli għall-kompiti stipulati f'dan ir-Regolament.

2.   Għal dak il-għan, il-kapijiet tal-NSIs għandhom:

(a)

ikollhom ir-responsabbiltà unika li jiddeċiedu dwar proċessi, il-metodi, l-istandards u l-proċeduri statistiċi u dwar il-kontenut u ż-żmien tar-rilaxx tal-istatistika u l-pubblikazzjonijiet għall-istatistika Ewropea żviluppata, prodotta u disseminata mill-NSI;

(b)

jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-immaniġġjar intern tal-NSI;

(c)

jaġixxu b'mod indipendenti fit-twettiq tal-kompiti statistiċi tagħhom; u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn xi gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra;

(d)

ikunu responsabbli għall-attivitajiet statistiċi u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-NSI;

(e)

jippubblikaw rapport annwali u jistgħu jesprimu kummenti dwar kwistjonijiet ta' allokazzjoni tal-baġit marbuta mal-attivitajiet statistiċi tal-NSI;

(f)

jikkoordinaw l-attivitajiet statistiċi tal-awtoritajiet nazzjonali kollha li huma responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 5(1);

(g)

jipproduċu linji gwida nazzjonali, fejn dan huwa meħtieġ, biex jiżguraw kwalità fl-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea kollha fis-sistema statistika nazzjonali tagħhom u jimmonitorjaw u jirrevedu l-implimentazzjoni tagħhom filwaqt li jkunu responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma' dawk il-linji gwida fi ħdan l-NSI biss; u

(h)

jirrappreżentaw is-sistema statistika nazzjonali tagħhom fi ħdan l-ESS.

3.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea jwettqu tali kompiti f'konformità mal-linji gwida nazzjonali prodotti mill-kap tal-NSI.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri għar-reklutaġġ u l-ħatra tal-kapijiet tal-NSIs u, fejn xieraq, il-kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħrajn li jipproduċu l-istatistika Ewropea, ikunu trasparenti u bbażati biss fuq kriterji professjonali. Dawk il-proċeduri għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jkun osservat, b'mod partikolari fir-rigward tas-sessi. Ir-raġunijiet għat-tneħħija tal-kapijiet tal-NSIs jew it-trasferiment tagħhom għal pożizzjoni oħra ma għandhomx jikkompromettu l-indipendenza professjonali.

5.   Kull- Stat Membru jista' jistabbilixxi korp nazzjonali biex jiżgura l-indipendenza professjonali tal-produtturi tal-istatistika Ewropea. Il-kapijiet tal-NSIs u, fejn xieraq, il-kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħra li jipproduċu statistika Ewropea jistgħu jieħdu parir minn tali korpi. Il-proċeduri għar-reklutaġġ, it-trasferiment u t-tneħħija tal-membri ta' tali korpi għandhom ikunu trasparenti u bbażati biss fuq kriterji professjonali. Dawk il-proċeduri għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jkun osservat, b'mod partikolari fir-rigward tas-sessi.”

.

(4)

fl-Artikolu 6, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġixxi b'mod indipendenti biex tiżgura l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-regoli stabbiliti u l-prinċipji tal-istatistika.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tikkoordina l-attivitajiet statistiċi mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, b'mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza u l-kwalità tad-data u l-imminimizzar tal-piż tar-rappurtar. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) tista' tistieden kull korp jew istituzzjoni tal-Unjoni biex tikkonsultaha jew tikkoopera magħha għall-iskop tal-iżvilupp ta' metodi u sistemi għall-finijiet tal-istatistika fil-qasam tal-kompetenza rispettiva tagħha. Kull waħda minn dawk l-istituzzjonijiet jew korpi li tipproponi li tipproduċi l-istatistika għandha tikkonsulta mal-Kummissjoni (Eurostat) u tieħu kont ta' kull rakkomandazzjoni li din tista' tagħmel għal dan il-għan.”

.

(5)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni (Eurostat)

1.   Il-Eurostat huwa l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni u huwa Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni. Huwa għandu jitmexxa minn Direttur Ġenerali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proċedura għar-reklutaġġ tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat tkun trasparenti u bbażata fuq kriterji professjonali. Il-proċedura għandha tiżgura li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jkun osservat, b'mod partikolari fir-rigward tas-sessi.

3.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkollu r-responsabbiltà unika li jiddeċiedi dwar il-proċessi, il-metodi, l-istandards u l-proċeduri statistiċi, u dwar il-kontenut u ż-żmien tar-rilaxx u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika għall-istatistika kollha prodotta mill-Eurostat. Meta jwettaq dawk il-kompiti statistiċi, id-Direttur Ġenerali għandu jaġixxi b'mod indipendenti u ma għandu la jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern jew minn xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra.

4.   Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jkun responsabbli għall-attivitajiet tal-istatistika tal-Eurostat. Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jidher immedjatament wara l-ħatra mill-Kummissjoni, u kull sena wara dan, fil-qafas tad-djalogu dwar l-istatistika quddiem il-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew biex jiddiskuti materji relatati mal-governanza tal-istatistika, il-metodoloġija u l-innovazzjoni tal-istatistika. Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jippubblika rapport annwali.”

.

(6)

Fl-Artikolu 11, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika Ewropea. Għal dan il-għan, ‘Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika’ (l-Impenji) mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni għandu jkollhom l-għan ulterjuri li jiżguraw il-fiduċja pubblika fl-Istatistika Ewropea u l-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji statistiċi li jinsabu fil-Kodiċi ta' Prattika. L-Impenji għandhom jinkludu impenji speċifiċi ta' politika biex itejbu jew iżommu, kif meħtieġ, il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika u għandhom jiġu ppubblikati b'sommarju għaċ-ċittadini.

4.   L-Impenji mill-Istati Membri għandhom jiġu mmonitorjati b'mod regolari mill-Kummissjoni abbażi ta' rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri u għandhom jiġu aġġornati kif meħtieġ.

Fin-nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' Impenn sad-9 ta' Ġunju 2017, Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u jippubblika rapport ta' progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika u, fejn applikabbli, dwar l-isforzi li jkunu saru biex jiġi stabbilit Impenn. Dawk ir-rapporti ta' progress għandhom jiġu aġġornati perjodikament, mill-inqas kull sentejn wara l-pubblikazzjoni inizjali tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Impenji ppubblikati u, fejn xieraq, ir-rapporti ta' progress, sad-9 ta' Ġunju 2018 u kull sentejn wara dan.

5.   L-impenn stabbilit mill-Kummissjoni għandu jiġi mmonitorjat b'mod regolari mill-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ESGAB). Il-valutazzjoni tal-ESGAB tal-implimentazzjoni ta' dan l-Impenn għandha tiġi inkluża fir-rapport annwali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 235/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*). L-ESGAB għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Impenn sad-9 ta' Ġunju 2018.

(*)  Deċiżjoni Nru 235/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li tistabbilixxi Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ĠU L 73, 15.3.2008, p. 17).”"

.

(7)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità, bħall-valuri fil-mira u l-istandards minimi għall-produzzjoni tal-istatistika, jistgħu wkoll jiġu stabbiliti fil-leġislazzjoni settorjali.

Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-kriterji ta' kwalità stabbiliti fil-paragrafu 1 għad-data koperta mil-leġislazzjoni settorjali f'oqsma speċifiċi tal-istatistika, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-modalitajiet, l-istruttura, u l-perjodiċità tar-rapporti tal-kwalità koperti mil-leġislazzjoni settorjali. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'rapporti dwar il-kwalità tad-data trażmessa, inkluż kwalunkwe tħassib li jkollhom fir-rigward tal-preċiżjoni tad-data. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tad-data trażmessa abbażi ta' analiżi xierqa, u għandha tħejji u tippubblika rapporti u komunikazzjonijiet dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea.”

;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, fejn xieraq, tippubblika l-valutazzjoni tagħha tal-kwalità tal-kontributi nazzjonali għall-istatistika Ewropea.

5.   Fejn il-leġislazzjoni settorjali tipprevedi multi għal każijiet fejn l-Istati Membri jippreżentaw b'mod żbaljat id-data statistika, il-Kummissjoni tista', f'konformità mat-Trattati u tali leġislazzjoni settorjali, tagħti bidu għal investigazzjonijiet u tmexxihom kif meħtieġ, inkluż, fejn xieraq, spezzjonijiet fuq il-post sabiex tistabbilixxi jekk tali rappreżentazzjoni żbaljata kinitx serja jew intenzjonata jew minħabba negliġenza gravi.”

.

(8)

Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-programm statistiku Ewropew għandu jipprovdi il-qafas għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, filwaqt li jiddefinixxi l-oqsma ewlenin u l-miri tal-azzjonijiet previsti għal perjodu li jikkorrispondi għal dak tal-qafas finanzjarju pluriennali. Dan għandu jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-impatt u l-kosteffettività tiegħu għandhom jiġu vvalutati, bl-involviment ta' esperti indipendenti.”

.

(9)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi dwar azzjoni statistika diretta temporanja sakemm:

(a)

l-azzjoni ma tipprevedix il-ġbir ta' data li jkopri iktar minn tliet snin ta' referenza;

(b)

id-data tkun diġà disponibbli jew aċċessibbli għand l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli, jew tista' tinkiseb direttament, bl-użu tal-kampjuni adatti għall-osservazzjoni tal-popolazzjoni statistika fil-livell tal-Unjoni bil-koordinazzjoni adegwata mal-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħrajn; u

(c)

l-Unjoni tagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-NSIs u lil awtoritajiet nazzjonali oħra biex tkopri l-ispejjeż inkrementali li jkunu ġarrbu, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

(**)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).”"

.

(10)

L-Artikolu 17 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Programm annwali ta' ħidma

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kumitat ESS il-programm annwali ta' ħidma tagħha għas-sena ta' wara sat-30 ta' April.

Fit-tħejjija ta' kull programm annwali ta' ħidma, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti prijoritajiet effettivi inkluż ir-rieżami, ir-rappurtar dwar il-prijoritajiet statistiċi u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kemm tistal-kummenti tal-Kumitat ESS. Kull programm annwali ta' ħidma għandu jkun ibbażat fuq il-Programm Ewropew tal-Istatistika u għandu jindika, b'mod partikolari:

(a)

l-azzjonijiet li l-Kummissjoni tikkunsidra li għandhom prijorità, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-politika tal-Unjoni, ir-restrizzjonijiet finanzjarji nazzjonali u dawk tal-Unjoni u l-piż tar-rispons;

(b)

l-inizjattivi li jirrigwardaw ir-rieżami tal-prijoritajiet, inklużi l-prijoritajiet negattivi, u t-tnaqqis tal-piż kemm fuq il-fornituri tad-data kif ukoll fuq il-produtturi tal-istatistika; u

(c)

il-proċeduri u kull strument legali previst mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm annwali ta' ħidma.”

.

(11)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 17a

L-aċċess, l-użu u l-integrazzjoni tar-rekords amministrattivi

1.   Sabiex jitnaqqas il-piż fuq ir-rispondenti, l-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra kif imsemmi fl-Artikolu 4, u l-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkollhom id-dritt għal aċċess u użu fil-pront u mingħajr ħlas għar-rekords amministrattivi kollha u d-dritt li jintegraw dawk ir-rekords amministrattivi bl-istatistika, sa fejn hu meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, li hija determinata fil-Programm Ewropew tal-Istatistika f'konformità mal-Artikolu 1.

2.   L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jiġu kkonsultati u involuti fit-tfassil inizjali, fl-iżvilupp sussegwenti u fil-waqfien tar-rekords amministrattivi li nħolqu u nżammu minn korpi oħra, biex b'hekk jiġi ffaċilitat l-użu ulterjuri ta' dawk ir-rekords għall-iskop tal-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. Dawn għandhom jiġu involuti fl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi li huma rilevanti għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea.

3.   L-aċċess u l-involviment tal-NSIs, ta' awtoritajiet nazzjonali oħra u tal-Kummissjoni (Eurostat) skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu limitati għar-rekords amministrattivi fis-sistema amministrattiva pubblika rispettiva tagħhom stess.

4.   Rekords amministrattivi li s-sidien tagħhom jagħmlu disponibbli lill-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) sabiex jintużaw għall-produzzjoni ta' statistika Ewropea għandhom ikunu akkumpanjati minn metadata rilevanti.

5.   L-NSIs u s-sidien tar-rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni meħtieġa.”

.

(12)

Fl-Artikolu 20(4), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw l-allinjament tal-prinċipji u l-linji gwida fir-rigward tal-protezzjoni fiżika u loġika ta' data kunfidenzjali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm tali allinjament permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, mingħajr ma jiġi supplementat dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).”

.

(13)

Fl-Artikolu 23, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-arranġamenti, ir-regoli u l-kondizzjonijiet għall-aċċess fil-livell tal-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).”

.

(14)

L-Artikolu 24 jitħassar.

(15)

L-Artikolu 26 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Ksur tal-kunfidenzjalità tal-istatistika

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipprevjenu u jippenalizzaw kull ksur tal-kunfidenzjalità tal-istatistika. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

.

(16)

L-Artikolu 27 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 27

Il-proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ESS. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(***)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”"

.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta' April 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  ĠU C 374, 4.12.2012, p. 2.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-5 ta' Marzu 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(4)  Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12).

(5)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).