27.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/6


REGOLAMENT (UE) 2015/476 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2015

fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 (3) ġie emendat b'mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (5), il-Kunsill adotta regoli komuni għad-difiża kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (6) regoli komuni ġew previsti għad-difiża kontra l-importazzjoni li hi oġġett ta' sussidju minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Skont il-Ftehim Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”), intlaħaq Ftehim fuq ir-Regoli u Proċeduri li Jirregolaw il-Ftehim fuq Tilwim (“DSU”). Skont id-DSU, ġie stabbilit il-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim (“DSB”).

(5)

Sabiex, fejn tqis li huwa xieraq, l-Unjoni titħalla ġġib konformi miżura meħuda skont ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 jew ir-Regolament (KE) Nru 597/2009 mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jkunu jinsabu f'rapport adottat mid-DSB, għandhom jittieħdu dispożizzjonijiet speċifiċi.

(6)

Sabiex tittieħed konsiderazzjoni tal-interpretazzjonijiet legali magħmula f'rapport adottat mid-DSB, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra xieraq li tħassar, temenda jew tadotta kwalunkwe miżura speċjali oħra fir-rigward ta' miżuri meħuda skont ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 jew ir-Regolament (KE) Nru 597/2009, inklużi miżuri li ma kienux il-qofol ta' ftehim fuq tilwim fl-ambitu tad-DSU. Barra dan, il-Kummissjoni, meta xieraq, għandha tkun kapaċi tissospendi jew tirrevedi tali miżuri.

(7)

M'hemmx limitu ta' żmien biex tirrikorri għad-DSU. Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti adottati mid-DSB għandhom biss effett prospettiv. Konsegwentement, huwa xieraq li jiġi speċifikat illi, kemm-il darba ma jiġix indikat mod ieħor, kwalunkwe miżura li tittieħed permezz ta' dan ir-Regolament jibda jkollha effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u, għaldaqstant, ma tipprovdi l-eba bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data.

(8)

L-implimentazzjoni tiegħu titlob kundizzjonijiet uniformi għall-dozzjoni ta' miżuri b'segwitu għal rapport adottat mid-DSB dwar kwistjonijiet ta' anti-dumping u anti-sussidji. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(9)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għas-sospensjoni ta' miżuri għal perijodu limitat ta' żmien minħabba l-effetti ta' tali miżuri,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kull meta d-DSB jadotta rapport dwar miżura mill-Unjoni meħuda skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 jew skont dan ir-Regolament (“miżura kkontestata”), il-Kummissjoni tista' twettaq waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin, kif tqis xieraq, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 4(3):

(a)

tħassar jew temenda il-miżura kontestata; jew

(b)

tadotta kwalunkwe miżura speċjali ta' implimentazzjoni oħra meqjusa xierqa fiċ-ċirkostanzi sabiex l-Unjoni tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rapport.

2.   Għall-iskop li tittieħed miżura taħt il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob il-partijiet interessati biex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiġi kompluta l-informazzjoni miksuba matul l-investigazzjoni li rriżultat fl-adozzjoni tal-miżura kkontestata.

3.   Sakemm ikun xieraq li ssir reviżjoni qabel jew fl-istess żmien li jittieħdu kwalunkwe miżuri skont il-paragrafu 1, dik ir-reviżjoni għandha tinbeda mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tiddeċiedi li tibda reviżjoni.

4.   Sakemm ikun xieraq li tiġi sospiża l-miżura kontestata jew emendata, tali sospensjoni għandha tingħata mill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien limitat, billi taġixxi f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) sabiex jitqiesu l-interpretazzjonijiet legali li saru f'rapport adottat mid-DSB fir-rigward ta' miżura mhux kontestata, jekk tqis dan bħala xieraq.

2.   Għall-iskop li tittieħed miżura taħt il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob il-partijiet interessati biex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiġi kompluta l-informazzjoni miksuba matul l-investigazzjoni li rriżultat fl-adozzjoni tal-miżura mhux kontestata.

3.   Sakemm ikun xieraq li ssir analiżi qabel jew fl-istess żmien li tittieħed kwalunkwe miżura skont il-paragrafu 1, dik ir-reviżjoni għandha tinbeda mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tiddeċiedi li tibda analiżi.

4.   Sakemm ikun xieraq li tiġi sospiża l-miżura kontestata jew emendata, dik is-sospensjoni għandha tingħata mill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien limitat, billi taġixxi f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 3

Kwalunkwe miżura adottata skont dan ir-Regolament għandha tieħu effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdi l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data, sakemm ma jiġix indikat mod ieħor.

Artikolu 4

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tinkludi tagħrif dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

Artikolu 6

Ir-Regolament (KE) Nru 1515/2001 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal- Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2014 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 tas-23 ta' Lulju 2001 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU L 201, 26.7.2001, p. 10).

(4)  Ara l-Anness I.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat- 30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal- Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien mal-emenda għalih

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001

(ĠU L 201, 26.7.2001, p. 10)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Il-punt 7 biss tal-Anness


ANNESS II

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1515/2001

Dan ir-Regolament

Artikoli 1, 2 u 3

Artikoli 1, 2 u 3

Artikolu 3a

Artikolu 4

Artikolu 3b

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 4

Artikolu 7

Anness I

Anness II