15.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/27


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1222/2014

tat-8 ta' Ottubru 2014

li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u għad-definizzjoni ta' subkategoriji ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 131(18) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2013/36/UE tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti jew nominati tal-Istati Membri li jimponu rekwiżiti tal-fondi proprji ogħla għal istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs) sabiex jikkumpensaw għar-riskju ogħla li l-G-SIIs jirrappreżentaw għas-sistema finanzjarja u l-impatt potenzjali tal-falliment tagħhom fuq il-kontribwenti. Din id-Direttiva tiddeskrivi ċerti prinċipji bażiċi ta' metodoloġija għall-identifikazzjoni tal-G-SIIs u għall-allokazzjoni tal-G-SIIs f'subkategoriji skont r-rilevanza sistemika tagħhom. Skont din l-allokazzjoni huma jiġu assenjati rekwiżit kapitali tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni addizzjonali, il-bafer tal-G-SII. Din il-metodoloġija ta' identifikazzjoni u ta' allokazzjoni tal-G-SIIs hija bbażata fuq ħames kategoriji ta' kejl tal-importanza sistemika ta' bank għas-suq finanzjarju globali, u hija speċifikata iktar f'dan ir-Regolament.

(2)

Sabiex isegwi l-approċċ tad-Direttiva 2013/36/UE, dan ir-Regolament għandu jqis standards għall-metodoloġija tal-valutazzjoni ta' banek globali sistemikament importanti u għar-rekwiżit ta' assorbiment tat-telf ogħla mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, li huma bbażati fuq il-qafas għal istituzzjonijiet finanzjarji globali sistemikament importanti stabbiliti mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja wara r-rapport 'Reducing the moral hazard posed by systemically important financial institutions — FSB Recommendations and Time Lines'.

(3)

Id-Direttiva 2013/36/UE tagħmilha ċara li l-metodoloġija ta' identifikazzjoni u ta' allokazzjoni hija armonizzata fl-Istati Membri kollha bl-użu ta' parametri uniformi u trasparenti għad-determinazzjoni ta' punteġġ kumplessiv ta' entità biex titkejjel l-importanza sistemika tagħha. Sabiex jiġi żgurat li l-kampjun tal-banek u l-gruppi bankarji kemm tal-Unjoni kif ukoll dawk awtorizzati f'pajjiżi terzi jservi bħala referenza biex tiġi riflessa s-sistema finanzjarja globali huwa uniformi madwar l-Unjoni, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) għandha tiddetermina dan il-kampjun. Esklużjonijiet u żidiet għal dan il-kampjun ibbażati fuq ġudizzju superviżorju għandhom jintgħażlu strettament biex jiżguraw il-funzjoni tiegħu bħala terminu ta' referenza u ma għandhomx ikunu bbażati fuq raġunijiet oħra.

(4)

Il-proċess ta' identifikazzjoni tal-G-SII għandu jkun ibbażat fuq dejta komparabbli u għandu jqis li l-istituzzjonijiet jeħtieġu ċarezza dwar jekk u f'liema ammont japplika għalihom rekwiżit ta' bafer, għalhekk, l-iskadenzi u l-proċeduri għal dan il-proċess għandhom jiġu inklużi fil-metodoloġija. Madankollu, peress li l-identifikazzjoni tal-G-SIIs għandha tkun ibbażata fuq dejta aġġornata fir-rigward tal-kampjun ta' gruppi bankarji globali kbar li xi wħud minnhom huma awtorizzati f'pajjiżi terzi, id-dejta meħtieġa mhux se tkun disponibbli qabel it-tieni nofs ta' kull sena. Sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-istatus tagħhom bħala G-SII, ir-rekwiżit ta' bafer għandu jidħol fis-seħħ minn madwar sena wara l-identifikazzjoni tagħhom bħala G-SII.

(5)

Id-Direttiva 2013/36/UE tistipula ħames kategoriji li jkejlu l-importanza sistemika, li jikkonsistu minn indikaturi kwantifikabbli. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet, dawn il-kategoriji huma identiċi għal dawk applikati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. Biex ikompli jiddefinixxi l-indikaturi kwantifikabbli, dan ir-Regolament għandu jsegwi l-istess approċċ. L-indikaturi għandhom jintgħażlu biex jirriflettu l-aspetti differenti ta' esternalitajiet negattivi potenzjali ta' falliment ta' entità u l-funzjonijiet kritiċi tagħha għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Is-sistema ta' referenza għall-valutazzjoni ta' importanza sistemika għandha tkun is-swieq finanzjarji globali u l-ekonomija globali.

(6)

Sabiex tiġi stabbilita metodoloġija preċiża għall-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-G-SIIs skont ir-regoli bażiċi stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE, huwa importanti li l-kunċetti ta' “entità rilevanti”, “valur tal-indikatur”, “denominatur” u “punteġġi limitu” jiġu ċirkoskritti b'mod ċar billi jiġu definiti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(7)

L-importanza sistemika ta' kull grupp bankarju mkejla permezz tal-indikaturi fuq bażi konsolidata għandha tkun espressa bħala punteġġ kumplessiv individwali għal sena partikolari li jkejjel il-pożizzjoni tiegħu relattiv għal entitajiet oħra fil-kampjun. Il-banek għandhom jiġu identifikati bħala G-SIIs u allokati lis-subkategoriji li għalihom japplikaw rekwiżiti ta' bafer kapitali differenti, abbażi ta' dan il-punteġġ kumplessiv. Meta jiġi kalkolat il-punteġġ bħala medja tal-punteġġi tal-kategorija, kull wieħed mill-ħames kategoriji għandu jirċievi piż ta' 20 %. Għandu jiġi applikat limitu massimu għall-kategorija ta' sostitwibbiltà għall-finijiet tal-kalkolu tal-punteġġ kumplessiv peress li, abbażi ta' analiżi tad-dejta sas-sena 2013 inkluża l-istess sena, din il-kategorija wriet li għandha impatt għoli b'mod sproporzjonat fuq il-punteġġ għall-banek li huma dominanti fil-provvista ta' ħlas, sottoskrizzjoni u servizzi ta' kustodja tal-assi.

(8)

L-awtoritajiet rilevanti għandu jkollhom l-għażla li jużaw valutazzjoni superviżorja tajba biex jallokaw mill-ġdid G-SII minn subkategorija aktar baxxa għal waħda ogħla jew biex jinnominaw entità bħala G-SII li jkollha punteġġ kumplessiv aktar baxx mill-punteġġ limitu tal-iktar subkategorija baxxa. Peress li din l-identifikazzjoni permezz ta' ġudizzju superviżorju tikkondividi l-istess objettiv bħala l-proċess ta' punteġġ regolari, il-kriterju li fuqu dan il-ġudizzju għandu jiġi bbażat għandu jkun ukoll l-importanza sistemika tal-bank għas-suq finanzjarju globali u għall-ekonomija globali, konsistenti mal-metodoloġija użata mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. Ir-riskju ta' falliment tal-bank ma għandux ikun kriterju, peress li huwa diġà rrappurtat f'rekwiżiti prudenzjali oħra, inter alia fl-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju u, fejn applikabbli, b'aktar rekwiżiti tal-fondi proprji bħar-riżerva għar-riskju sistemiku.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-ABE lill-Kummissjoni.

(10)

L-ABE wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Konċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(11)

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015, peress li r-rekwiżit biex jinżamm bafer tal-G-SII stipulat fl-Artikolu 131(4) tad-Direttiva 2013/36/UE ser japplika u ser jiġi introdott gradwalment mill-1 ta' Jannar 2016. Għalhekk, biex l-istituzzjonijiet jiġu informati f'ħin xieraq bil-bafer tal-G-SII applikabbli lilhom u biex jingħatalhom biżżejjed żmien biex jiksbu l-kapital meħtieġ, il-G-SIIs għandhom jiġu identifikati sa mhux iktar tard minn kmieni fl-2015.

(12)

Ir-rekwiżit tal-bafer tal-G-SII għandu jiġi introdott gradwalment matul perjodu ta' tliet snin skont l-Artikolu 162(5) tad-Direttiva 2013/36/UE: l-ewwel fażi tar-rekwiżit imsemmija fl-Artikolu 162(5)(a) tad-Direttiva 2013/36/UE għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2016 għal dawk il-G-SIIs li ġew identifikati minn awtoritajiet rilevanti kmieni fl-2015, abbażi tad-dejta ta' tmiem is-sena finanzjarja qabel Lulju 2014. It-tieni fażi msemmija fl-Artikolu 162(5)(b) tad-Direttiva 2013/36/UE tar-rekwiżit tal-bafer tal-G-SII għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2017 għal dawk il-G-SIIs li ġew identifikati minn awtoritajiet rilevanti sal-aħħar tal-2015 jew sa mhux iktar tard mill-bidu tal-2016, abbażi tad-dejta ta' tmiem is-sena finanzjarja qabel Lulju 2015,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jispeċifika l-metodoloġija skont liema l-awtorità msemmija fl-Artikolu 131(1) tad-Direttiva 2013/36/UE (minn hawn 'il quddiem imsejħa “awtorità rilevanti”) ta' Stat Membru tidentifika, fuq bażi konsolidata, entità rilevanti bħala istituzzjoni globali sistemikament importanti (G-SII), u l-metodoloġija għad-definizzjoni ta' subkategoriji tal-G-SIIs u l-allokazzjoni tal-G-SIIs għal dawk is-subkategoriji abbażi tal-importanza sistemika tagħhom u, bħala parti mill-metodoloġija, skedi ta' żmien u d-dejta li għandha tintuża għall-identifikazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Entità rilevanti” tfisser istituzzjoni prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE jew istituzzjoni li mhijiex sussidjarja ta' istituzzjoni prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE;

(2)

“Valur tal-indikatur” tfisser għal kull indikatur stabbilit fl-Artikolu 6 u għal kull entità rilevanti tal-kampjun il-valur individwali tal-indikatur u għal kull bank awtorizzat f'pajjiż terz, valur individwali komparabbli divulgat pubblikament skont l-istandards miftiehma internazzjonalment;

(3)

“Denominatur” tfisser għal kull indikatur, il-valur aggregat totali tal-valuri tal-indikaturi tal-entitajiet rilevanti u l-banek awtorizzati f'pajjiżi terzi tal-kampjun;

(4)

“Punteġġ limitu” tfisser valur tal-punteġġ li jiddetermina l-limitu l-aktar baxx u l-limiti ta' bejn il-ħames subkategoriji kif definiti fl-Artikolu 131(9) tad-Direttiva 2013/36/UE.

Artikolu 3

Parametri komuni għall-metodoloġija

1.   L-ABE tidentifika kampjun ta' istituzzjonijiet jew gruppi li l-valuri tal-indikatur tagħhom għandhom jintużaw bħala valuri ta' referenza li jirrappreżentaw is-settur bankarju globali għall-fini tal-kalkolu tal-punteġġi, b'kunsiderazzjoni tal-istandards miftiehma internazzjonalment, b'mod partikolari l-kampjun użat mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja għall-identifikazzjoni ta' banek globali sistemikament importanti u tinnotifika l-awtoritajiet rilevanti tal-entitajiet rilevanti inklużi fil-kampjun sal-31 ta' Lulju ta' kull sena.

Il-kampjun jikkonsisti minn entitajiet u banek rilevanti awtorizzati f'pajjiżi terzi u jinkludi l-akbar 75 minnhom, abbażi tal-iskopertura totali kif definita fl-Artikolu 6(1), kif ukoll entitajiet rilevanti li ġew maħtura bħala G-SIIs u banek f'pajjiżi terzi li kienu nominati bħala globali sistemikament importanti fis-sena preċedenti.

L-ABE teskludi jew iżżid entitajiet jew banek rilevanti awtorizzati f'pajjiżi terzi, jekk ikun neċessarju biex tiġi żgurata sistema ta' referenza adegwata għall-valutazzjoni tal-importanza sistemika tas-swieq finanzjarji globali u l-ekonomija dinjija u sa dan il-punt, b'kunsiderazzjoni għall-istandards miftiehma internazzjonalment inkluż il-kampjun użat mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja.

2.   L-awtorità rilevanti tirrapporta l-valuri tal-indikatur ta' kull entità rilevanti b'miżura ta' skopertura 'l fuq minn EUR 200 biljun li hija awtorizzata fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha lill-ABE sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju ta' kull sena. L-awtorità rilevanti tiżgura li l-valuri tal-indikatur huma identiċi għal dawk sottomessi lilll-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u għal dawk divulgati minn dik l-entità rilevanti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1030/2014 (3). L-awtorità rilevanti tuża l-mudelli stabbiliti fih.

3.   L-ABE tikkalkula d-denominaturi, abbażi tal-valuri tal-indikatur irrappurtati mill-awtorità rilevanti skont il-paragrafu 2, b'kunsiderazzjoni tal-istandards miftiehma internazzjonalment, b'mod partikolari d-denominaturi ppubblikati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja għal dik is-sena, u tinnotifikahom lill-awtoritajiet rilevanti. Id-denominatur tal-indikatur ikun l-ammont aggregat tal-valuri tal-indikatur bejn l-entitajiet u l-banek rilevanti kollha awtorizzati f'pajjiżi terzi fil-kampjun, kif irrappurtat għall-entitajiet rilevanti skont il-paragrafu 2 u divulgat mill-banek awtorizzati f'pajjiżi terzi fil-31 ta' Lulju tas-sena rilevanti.

Artikolu 4

Il-proċedura tal-identifikazzjoni

1.   L-awtorità rilevanti tikkalkula l-punteġġi tal-entitajiet rilevanti li huma inklużi fil-kampjun notifikat mill-ABE, li huma awtorizzati fil-ġurisdizzjoni tagħha, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Diċembru ta' kull sena. Fejn l-awtorità rilevanti, fl-eżerċizzju ta' valutazzjoni superviżorja korretta, tinnomina entità rilevanti bħala G-SII skont l-Artikolu 131(10)(b) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtorità rilevanti tikkomunika dikjarazzjoni dettaljata bil-miktub dwar ir-raġunijiet tal-valutazzjoni tagħha lill-ABE sa mhux aktar tard mill-15 ta' Diċembru ta' kull sena.

2.   L-identifikazzjoni ta' entità rilevanti bħala G-SII u l-allokazzjoni għal subkategorija jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar tat-tieni sena wara s-sena kalendarja meta d-denominaturi jkunu ġew determinati skont l-Artikolu 3.

Artikolu 5

L-identifikazzjoni bħala G-SII, id-determinazzjoni tal-punteġġi u l-allokazzjoni għal subkategoriji

1.   Il-valuri tal-indikatur ikunu bbażati fuq dejta rrapportata tal-entità rilevanti ta' tmiem is-sena finanzjarja preċedenti, fuq bażi kkonsolidata, u għal banek awtorizzati f'pajjiżi terzi fuq dejta divulgata f'konformità ma' standards miftiehma internazzjonalment. L-awtoritajiet rilevanti jistgħu jużaw valuri tal-indikatur ta' entitajiet rilevanti li t-tmiem tas-sena finanzjarja tagħhom huwa t-30 ta' Ġunju bbażat fuq il-pożizzjoni tagħhom fil-31 ta' Diċembru.

2.   L-awtorità rilevanti tiddetermina l-punteġġ ta' kull entità rilevanti tal-kampjun bħala l-medja sempliċi tal-punteġġi tal-kategorija soġġett għal punteġġ massimu tal-kategorija ta' 500 punt bażi għall-kategorija li tkejjel is-sostitwibbiltà. Kull punteġġ tal-kategorija jiġi kkalkulat bħala l-medja sempliċi tal-valuri li jirriżultaw mid-diviżjoni ta' kull valur tal-indikatur ta' dik il-kategorija bid-denominatur tal-indikatur notifikat mill-ABE. Il-punteġġi jiġu espressi f'punti bażi u jiġu mqarrba lejn l-eqreb punt bażi sħiħ.

3.   L-inqas punteġġ limitu jkun ta' 130 punt bażi. Is-subkategoriji jiġu allokati kif ġej:

(a)

is-subkategorija 1 tinkludi punteġġi minn 130 sa 229 punt bażi;

(b)

is-subkategorija 2 tinkludi punteġġi minn 230 sa 329 punt bażi;

(c)

is-subkategorija 3 tinkludi punteġġi minn 330 sa 429 punt bażi;

(d)

is-subkategorija 4 tinkludi punteġġi minn 430 sa 529 punt bażi;

(e)

is-subkategorija 5 tinkludi punteġġi minn 530 sa 629 punt bażi.

4.   L-awtorità rilevanti tidentifika entità rilevanti bħala G-SII meta l-punteġġ ta' dik l-entità jkun daqs jew ogħla minn l-inqas punteġġ limitu. Deċiżjoni biex tinħatar entità rilevanti bħala G-SII fl-eżerċizzju ta' ġudizzju superviżorju tajjeb skont l-Artikolu 131(10)(b) tad-Direttiva 2013/36/UE tkun ibbażata fuq valutazzjoni ta' jekk il-falliment tagħha jkollhiex impatt negattiv sinifikanti fuq is-suq finanzjarju globali u l-ekonomija globali.

5.   L-awtorità rilevanti talloka G-SII għal subkategorija skont il-punteġġ tagħha. Deċiżjoni biex G-SII tiġi allokata mill-ġdid minn subkategorija baxxa għal waħda iktar għolja fl-eżerċizzju ta' ġudizzju superviżorju tajjeb skont l-Artikolu 131(10)(a), tad-Direttiva 2013/36/UE tkun ibbażata fuq valutazzjoni ta' jekk il-falliment tagħha jkollhiex impatt negattiv sinifikanti fuq is-suq finanzjarju globali u l-ekonomija globali.

6.   Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 jistgħu jiġu appoġġati minn indikaturi anċillari, li ma jkunux indikaturi tal-probabbiltà li l-entità rilevanti tfalli. Tali deċiżjonijiet jinkludu informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dokumentata sew u verifikabbli.

Artikolu 6

Indikaturi

1.   Il-kategorija li tkejjel id-daqs tal-grupp tikkonsisti minn indikatur wieħed daqs l-iskopertura totali tal-grupp kif speċifikat aktar fl-Anness.

2.   Il-kategorija li tkejjel l-interkonnettività tal-grupp mas-sistema finanzjarja tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin, kif speċifikat aktar fl-Anness:

(a)

assi intra sistemi finanzjarji;

(b)

obbligazzjonijiet intra sistemi finanzjarji;

(c)

titoli pendenti.

3.   Il-kategorija li tkejjel is-sostitwibbiltà tas-servizzi jew tal-infrastruttura finanzjarja pprovduta mill-grupp tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin, kif speċifikat aktar fl-Anness:

(a)

assi taħt kustodja;

(b)

attività tal-pagamenti;

(c)

tranżazzjonijiet sottoskritti fi swieq tad-dejn u tal-ekwità.

4.   Il-kategorija li tkejjel il-kumplessità tal-grupp tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin, kif speċifikat aktar fl-Anness:

(a)

ammont nozzjonali tad-derivattivi barra l-borża;

(b)

assi inklużi fil-livell 3 ta' valur ġust imkejjel skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2012 (4);

(c)

negozjar u titoli disponibbli għall-bejgħ.

5.   Din il-kategorija li tkejjel l-attività transfruntiera tal-grupp tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin, kif speċifikat aktar fl-Anness:

(a)

pretensjonijiet transġurisdizzjonali;

(b)

obbligazzjonijiet transġurisdizzjonali.

6.   Għad-dejta rappurtata f'muniti oħra minbarra l-Euro, l-awtorità rilevanti tuża r-rata tal-kambju xierqa filwaqt li tqis ir-rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew li tkun applikabbli fil-31 ta' Diċembru u l-istandards internazzjonali. Għall-indikatur tal-attività tal-ħlas kif imsemmi fil-paragrafu 3(b), l-awtorità rilevanti tuża r-rati tal-kambju medji għas-sena rilevanti.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet transizzjonali

B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), l-ABE tiddetermina l-kampjun biex tidentifika entità rilevanti bħala G-SII għas-sena 2014 sal-14 ta' Jannar 2015. L-awtoritajiet rilevanti jirrapportaw il-valuri tal-indikatur dwar l-entitajiet rilevanti fi ħdan dak il-kampjun abbażi tad-dejta għal tmiem is-sena finanzjarja qabel Lulju 2014 lill-ABE, sal-21 ta' Jannar 2015. Abbażi ta' dawn il-valuri tal-indikatur, l-ABE tikkalkula d-denominaturi għas-sena 2014 sat-30 ta' Jannar 2015. L-awtoritajiet rilevanti jiddeterminaw, abbażi ta' dawk id-denominaturi, il-punteġġi għall-entitajiet rilevanti għas-sena 2014. Huma jidentifikaw ukoll il-G-SIIs u jallokawhom f'subkategoriji. Fl-istess ħin, l-awtorità rilevanti tinnotifika lill-Kummissjoni, lill-BERS u lill-ABE bil-G-SIIs identifikati u tippubblika l-ismijiet tagħhom flimkien mal-punteġġi tagħhom għas-sena 2014 sat-28 ta' Frar 2015.

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 4(2), l-identifikazzjoni ta' entità rilevanti bħala G-SII u s-subkategorija li hija allokata lilha, abbażi tal-punteġġi għas-sena 2014, tapplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 8

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1030/2014 tad-29 ta' Settembru 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-formats uniformi u d-data għad-divulgazzjoni tal-valuri użati sabiex jiġu identifikati istituzzjonijiet sistemikament importanti globali skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 30.9.2014, p. 14).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2012 tal-11 ta' Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 12, l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju Nru 1 u 13, u l-Interpretazzjoni Nru 20 tal-Kumitat Internazzjonali tal-Interpretazzjoni tar-Rappurtar Finanzjarju (ĠU L 360, 29.12.2012, p. 78).


ANNESS

Għall-finijiet tal-Artikolu 6, l-indikaturi jkunu determinati kif ġej:

1.   Skopertura Totali

L-iskopertura totali tkun l-aggregat ta' entrati fil-karti bilanċjali totali u ta' entrati li ma jidhrux fuq il-karti bilanċjali u derivattivi u, fuq bażi kkonsolidata, inklużi entitajiet ikkonsolidati għal finijiet tal-kontabilità iżda mhux għal finijiet regolatorji bbażati fuq ir-riskju, bl-aġġustamenti regolatorji mnaqqsa.

L-iskopertura totali ssegwi l-miżura ta' kontabilità tal-iskopertura (madankollu, bl-użu tal-ambitu usa' ta' konsolidazzjoni) suġġetta għall-prinċipji li ġejjin:

Skoperturi fil-karta bilanċjali, mhux derivattivi huma inklużi fil-miżura ta' skopertura netta ta' dispożizzjonijiet speċifiċi u aġġustamenti fil-valutazzjoni (pereżempju aġġustamenti tal-valutazzjoni tal-kreditu);

Mhuwiex permess isir innettjar tas-self u d-depożiti.

Kollateral fiżiku jew finanzjarju, garanziji jew mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu mixtrija ma jnaqqsux skoperturi fil-karta bilanċjali.

Entrati fil-karta bilanċjali jkunu l-aggregat ta' dan li ġej:

(a)

l-iskopertura tal-kontroparti ta' kuntratti tad-derivattivi;

(b)

il-valur gross ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFTs);

(c)

l-iskopertura tal-kontroparti ta' SFTs;

(d)

il-massimu ta' (i) assi oħra b'titoli riċevuti f'SFTs imnaqqsa li huma rikonoxxuti bħala assi u (ii) żero.

Entrati li mhumiex fil-karta bilanċjali jkunu l-aggregat ta' dan li ġej:

(a)

l-iskopertura futura potenzjali ta' kuntratti tad-derivattivi;

(b)

l-ammont nozzjonali ta' elementi li mhumiex fil-karta bilanċjali b'Fattur ta' Konverżjoni tal-Kreditu (CCF) ta' 0 %, b'100 % ta' impenji tal-karti tal-kreditu kanċellabbli mingħajr kundizzjonijiet imnaqqsa, b'100 % ta' impenji revokabbli mingħajr kundizzjonijiet oħra mnaqqsa;

(c)

10 % ta' impenji tal-karti tal-kreditu kanċellabbli mingħajr kundizzjonijiet;

(d)

10 % ta' impenji kanċellabbli mingħajr kundizzjonijiet oħra;

(e)

ammont nozzjonali ta' entrati li mhumiex fuq il-karta bilanċjali b'CCF ta' 20 %;

(f)

ammont nozzjonali ta' entrati li mhumiex fuq il-karta bilanċjali b'CCF ta' 50 %;

(g)

ammont nozzjonali ta' entrati li mhumiex fuq il-karta bilanċjali b'CCF ta' 100 %.

Għal entitajiet ikkonsolidati għal finijiet ta' kontabilità iżda mhux għal finijiet regolatorji bbażati fuq ir-riskju l-valur tal-indikatur ikun miżjud bl-aggregat ta' dan li ġej:

(a)

l-assi li mhumiex fil-karta bilanċjali;

(b)

l-iskopertura futura potenzjali ta' kuntratti tad-derivattivi;

(c)

10 % ta' impenji kanċellabbli mingħajr kundizzjonijiet;

(d)

impenji oħra li mhumiex fil-karta bilanċjali;

(e)

inqas valur tal-investiment fl-entitajiet ikkonsolidati.

2.   Interkonnettività

Għall-fini tal-indikaturi tal-interkonnettività, l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu definiti bħala li jinkludu banek u istituzzjonijiet oħra li jieħdu d-depożiti, kumpaniji azzjonarji bankarji, negozjanti tat-titoli, kumpaniji tal-assigurazzjoni, fondi mutwi, fondi heġġ, fondi tal-pensjoni, banek ta' investiment, u kontropartijiet ċentrali (CCPs). Banek ċentrali u korpi oħra tas-settur pubbliku (pereżempju banek multilaterali tal-iżvilupp) jiġu esklużi, iżda banek kummerċjali tal-Istat jiġu inklużi.

2.1.   Assi Intra Sistema Finanzjarja

Assi Intra Sistema Finanzjarja jkunu l-aggregat tal-fondi ddepożitati ma' jew mislufa lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra u linji impenjati mhux prelevati estiżi għal istituzzjonijiet finanzjarji oħra, parteċipazzjoni ta' titoli maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra, l-iskopertura attwali pożittiva netta ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u derivattivi barra l-borża (OTC) ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra li għandhom valur ġust pożittiv nett.

(a)   Fondi ddepożitati jew mislufa lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra u linji impenjati mhux prelevati

Fondi ddepożitati jew mislufa lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra u linji impenjati mhux prelevati jkunu l-aggregat ta' dan li ġej:

(1)

Fondi ddepożitati jew mislufa lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra inklużi ċertifikati ta' depożitu;

(2)

Linji impenjati mhux prelevati estiżi għal istituzzjonijiet finanzjarji oħra.

(b)   Parteċipazzjoni ta' titoli maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra

Din l-entrata tirrifletti l-parteċipazzjonijiet kollha ta' titoli maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Il-parteċipazzjonijiet totali jingħaddu fil-valur ġust għal titoli kklassifikati bħala miżmuma għan-negozju u dawk disponibbli għall-bejgħ; titoli miżmuma sal-maturità jingħaddu b'kost amortizzat.

Parteċipazzjonijiet ta' titoli maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra jkunu l-aggregat ta' dan li ġej:

(1)

Titoli ta' dejn garantiti;

(2)

Titoli ta' dejn mhux garantit superjuri;

(3)

Titoli ta' dejn subordinat;

(4)

Karta kummerċjali;

(5)

il-massimu tal-istokk, inklużi l-parità u s-surplus ta' ishma komuni u ppreferuti, bit-tpaċija ta' pożizzjonijiet qosra fir-rigward tal-parteċipazzjonijiet tal-istokk speċifiċi u żero mnaqqsa.

(c)   Tranżazzjonijiet ta' Finanzjament ta' Titoli

Tranżazzjonijiet ta' Finanzjament tat-Titoli jkunu l-aggregat tal-iskopertura attwali pożittiva netta ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

Il-valur irrappurtat ma jkunx maħsub biex jirrifletti l-ammonti rreġistrati fil-karta bilanċjali. Huwa jirrappreżenta l-ammont uniku legalment dovut għal kull sett tan-nettjar. In-nettjar jintuża biss fejn it-tranżazzjonijiet huma koperti minn ftehim ta' nettjar infurzabbli legalment. Fejn dawn il-kriterji ma jintlaħqux, jingħadd l-ammont tal-karta bilanċjali gross. Tranżazzjonijiet ta' self b'vejikolu (conduit) ma jiġux inklużi.

(d)   Derivattivi barra l-borża (OTC) ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra li għandhom valur ġust pożittiv nett

Derivattivi barra l-borża (OTC) ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra li għandhom valur ġust pożittiv nett ikunu l-aggregat ta' dan li ġej:

(1)

Valur ġust pożittiv nett, inkluż kollateral miżmum fejn huwa fi ħdan il-ftehim prinċipali ta' netting;

(2)

Skopertura futura potenzjali.

2.2.   Obbligazzjonijiet Intra Sistema Finanzjarja

Obbligazzjonijiet totali intra sistema finanzjarja jkunu l-aggregat ta' depożiti minn istituzzjonijiet finanzjarji, tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u derivattivi OTC ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra li għandhom valur ġust negattiv nett.

(a)   Depożiti minn istituzzjonijiet finanzjarji

Depożiti minn istituzzjonijiet finanzjarji jkunu l-aggregat ta' dan li ġej:

(1)

Depożiti dovuti lil istituzzjonijiet depożitarji;

(2)

Depożiti dovuti lil istituzzjonijiet finanzjarji mhux depożitarji;

(3)

Linji impenjati mhux prelevati miksuba minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra.

(b)   Tranżazzjonijiet ta' Finanzjament tat-Titoli

Tranżazzjonijiet ta' Finanzjament tat-Titoli jkunu l-aggregat tal-iskopertura attwali negattiva netta ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

(c)   Derivattivi OTC ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra li għandhom valur ġust negattiv nett

Derivattivi OTC ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra li għandhom valur ġust negattiv nett ikunu l-aggregat ta dan li ġej:

(1)

Valur ġust negattiv nett, inkluż kollateral provdut jekk huwa fi ħdan il-ftehim prinċipali ta' netting;

(2)

Skopertura futura potenzjali.

2.3.   Titoli Pendenti

L-indikatur jirrifletti l-valur kontabilistiku ta' titoli pendenti maħruġa mill-entità rilevanti. Attività intra finanzjarja u attività oħra ma jkunux distinti.

Titoli totali pendenti jkunu l-aggregat ta' dan li ġej:

(a)

Titoli ta' dejn garantiti;

(b)

Titoli ta' dejn mhux garantit superjuri;

(c)

Titoli ta' dejn subordinat;

(d)

Karta kummerċjali;

(e)

Ċertifikati ta' depożitu;

(f)

Ekwità komuni;

(g)

Ishma ppreferuti u kwalunkwe forom oħra ta' finanzjament subordinat imsemmija fil-punt (c).

3.   Sostitwibilità tas-servizzi jew tal-infrastruttura finanzjarja pprovduta mill-grupp

3.1.   Attività tal-pagamenti

L-attività tal-pagamenti totali tkun il-pagamenti li jsiru fis-sena tar-rappurtar esklużi pagamenti intragrupp.

Il-valur tal-pagament rilevanti jkun il-valur gross totali tal-pagamenti kontanti kollha mibgħuta mill-grupp ta' rappurtar permezz ta' sistemi ta' trasferiment ta' fondi ta' valur għoli, flimkien mal-valur gross tal-pagamenti kontanti kollha mibgħuta permezz ta' bank aġent (pereżempju bl-użu ta' korrispondent jew kont nostro). Pagament kontanti f'isem l-entità rilevanti kif ukoll dawk magħmula f'isem il-klijenti, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji u klijenti kummerċjali oħra, ikunu inklużi. Pagamenti magħmula permezz ta' sistemi tal-pagament fil-livell tal-konsumtaur ma jkunux inklużi. Pagamenti ħerġin biss jiġu inklużi. Il-valur ikun ikkalkolat f'euro.

3.2.   Assi taħt Kustodja

Il-valur tal-Assi taħt Kustodja jkun il-valur tal-assi kollha, inklużi assi transfruntiera, li l-grupp tar-rappurtar żamm bħala kustodju f'isem il-klijenti, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji minbarra l-grupp tar-rappurtar. Kwalunkwe assi mmaniġġjati jew assi taħt amministrazzjoni li mhumiex klassifikati wkoll bħala assi taħt kustodja ma jiġux inklużi.

3.3.   Tranżazzjonijiet Sottoskritti fi Swieq ta' Dejn u Ekwità

It-tranżazzjonijiet sottoskritti totali fi swieq ta' dejn u ekwità jkunu l-aggregat tal-attività ta' sottoskrizzjoni tal-ekwità u l-attività ta' sottoskrizzjoni tad-dejn.

Is-sottoskrizzjoni kollha fejn il-bank huwa obbligat li jixtri titoli mhux mibjugħa tiġi inkluża. Meta s-sottoskrizzjoni tkun fuq bażi tal-aqwa sforzi (li tfisser li l-bank ma jkunx obbligat li jixtri l-bqija tal-inventarju), dawk it-titoli li ġew effettivament mibjugħa biss jiġu inklużi.

4.   Kumplessità tal-grupp

4.1.   Ammont Nozzjonali ta' Derivattivi barra l-borża (OTC)

Dan l-indikatur ikejjel l-ambitu tal-impenn tal-grupp tar-rappurtar fi tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC u jinkludi t-tipi kollha ta' kategoriji u strumenti tar-riskju. Il-kollateral ma jitnaqqasx meta jiġu rrappurtati l-valuri tad-derivattiv nozzjonali.

L-ammont nozzjonali totali tad-Derivattivi OTC ikun l-aggregat ta' derivattivi OTC ikklerjati permezz ta' kontroparti ċentrali u derivattivi OTC miftiehma b'mod bilaterali.

4.2.   Assi tat-Tielet Livell

Il-valur tal-Assi tat-Tielet Livell ikun il-valur tal-assi kollha li huma pprezzati fuq bażi rikorrenti permezz ta' inputs ta' kejl tat-tielet livell.

4.3.   Negozjar u Titoli Disponibbli għall-Bejgħ

In-Negozjar u t-Titoli Disponibbli għall-Bejgħ ikunu l-ammont totali ta' titoli f'kategoriji tal-kontabilità miżmuma għan-negozju u disponibbli għall-bejgħ bis-subsett ta' titoli miżmuma f'dawk il-kategoriji li huma eliġibbli għal klassifikazzjoni bħala assi likwidi ta' kwalità għolja mnaqqas.

5.   Attività transfruntiera tal-grupp

5.1.   Pretensjonijiet transġurisdizzjonali

Il-valur tal-Pretensjonijiet Transġurisdizzjonali jkun il-valur tal-pretensjonijiet kollha fuq is-setturi kollha li, fuq bażi ta' riskju finali, huma pretensjonijiet transfruntiera, pretensjonijiet lokali ta' affiljati barranin f'munita barranija, jew pretensjonijiet lokali ta' affiljati barranin f'munita lokali, eskluża l-attività tad-derivattivi. Pretensjonijiet transfruntiera jestendu minn uffiċċju f'pajjiż wieħed għal mutwatarju f'pajjiż ieħor. Pretensjonijiet lokali ta' affiljati barranin f'muniti barranin u lokali jestendu mill-uffiċċju lokali tal-bank għal mutwatarji f'dak il-post.

5.2.   Obbligazzjonijiet transġurisdizzjonali

Obbligazzjonijiet transġurisdizzjonali totali jkunu l-aggregat ta' dan li ġej, bi kwalunkwe obbligazzjonijiet barranin ta' uffiċċji relatati msemmija f'punt (b) imnaqqsa:

(a)

Obbligazzjonijiet lokali fil-munita lokali;

(b)

Obbligazzjonijiet barranin (obbligazzjonijiet lokali fil-munita lokali esklużi).