27.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/113


REGOLAMENT (UE) Nru 538/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistipula li l-pass tal-iżviluppi attwali u l-inċertezzi madwar xejriet futuri probabbli jirrikjedi passi ulterjuri biex jiġi żgurat li l-politika fl-Unjoni tkompli tibbaża ruħha fuq fehim sod tal-istat tal-ambjent, tal-alternattivi possibbli ta' reazzjoni u l-konsegwenzi tagħhom. L-istrumenti għandhom jiġu żviluppati bil-għan li jiżguraw it-tħejjija ta' dejta u indikaturi assigurati mill-lat ta' kwalità u li jtejbu l-aċċessibbiltà tagħha. Huwa importanti li tali dejta ssir disponibbli b'mod komprensibbli u aċċessibbli.

(2)

Taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) il-Kummissjoni hija mistiedna biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament u, jekk xieraq, biex tipproponi l-introduzzjoni ta' moduli ġodda ta' kontijiet ekonomiċi ambjentali, bħall-Infiq u d-Dħul għall-Protezzjoni Ambjentali (EPER)/il-Kontijiet tal-Protezzjoni u l-Infiq Ambjentali (EPEA), is-Settur tal-Prodotti u s-Servizzi Ambjentali (EGSS) u l-Kontijiet tal-Enerġija.

(3)

Il-moduli l-ġodda jikkontribwixxu direttament għall-prijoritajiet politiki tal-Unjoni ta' tkabbir ekoloġiku u effiċjenza tar-riżorsi billi jipprovdu informazzjoni importanti dwar l-indikaturi bħall-produzzjoni tas-suq u l-impjiegi fl-EGSS, l-infiq nazzjonali għall-protezzjoni ambjentali u l-użu tal-enerġija f'analiżi ta' NACE.

(4)

Il-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti adottat il-Qafas Ċentrali tas-Sistema ta' Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali (SEEA) bħala standard internazzjonali tal-istatistika fit-43 sessjoni tagħha fi Frar 2012. Il-moduli l-ġodda li qed jiġu introdotti b'dan ir-Regolament huma konformi għal kollox mas-SEEA.

(5)

Il-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea ġie kkonsultat.

(6)

Sabiex jiġi kkunsidrat il-progress tekniku u xjentifiku u jkunu supplimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-kontijiet tal-enerġija, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-lista ta' prodotti tal-Enerġija msemmija fit-Taqsima 3 tal-Anness VI kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(7)

Sabiex tiġi ffaċilitata applikazzjoni uniformi tal-Anness V kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(4)

‘infiq għall-protezzjoni ambjentali’ tfisser ir-riżorsi ekonomiċi ddedikati għall-protezzjoni ambjentali mill-unitajiet residenti. Il-protezzjoni ambjentali tinkludi l-attivitajiet u l-azzjonijiet kollha li għandhom bħala skop ewlieni l-prevenzjoni, it-tnaqqis u t-tneħħija tat-tniġġis u ta' kwalunkwe degradazzjoni oħra tal-ambjent. Dawk l-attivitajiet u azzjonijiet jinkludu l-miżuri kollha meħuda sabiex jagħtu mill-ġdid il-ħajja lill-ambjent wara li jkun ġie degradat. Huma esklużi minn din id-definizzjoni l-attivitajiet li, filwaqt li jkunu ta' benefiċċju għall-ambjent, jissodisfaw primarjament il-bżonnijiet tekniċi jew ir-rekwiżiti interni għall-iġjene jew is-sikurezza u s-sigurtà ta' intrapriża jew ta' istituzzjoni oħra;

(5)

‘settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali’ tfisser dawk l-attivitajiet ta' produzzjoni ta' ekonomija nazzjonali li jiġġeneraw prodotti ambjentali (oġġetti u servizzi ambjentali). Il-prodotti ambjentali ġew prodotti għall-protezzjoni ambjentali kif imsemmi fit-tieni sentenza tal-punt (4) u għall-ġestjoni tar-riżorsi. Il-ġestjoni tar-riżorsi tinkludi l-preservazzjoni, iż-żamma u t-tisħiħ tal-istokk ta' riżorsi naturali u għalhekk is-salvagwardja ta' dawk ir-riżorsi kontra t-tnaqqis tagħhom;

(6)

‘kontijiet tal-flussi fiżiċi ta' enerġija’ tfisser kumpilazzjonijiet konsistenti tal-flussi fiżiċi ta' enerġija fl-ekonomiji nazzjonali, il-flussi li jiċċirkolaw fl-ekonomiji u l-ħruġ lejn ekonomiji oħra jew lejn l-ambjent.”

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1 jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d)

modulu għall-kontijiet tal-protezzjoni u l-infiq ambjentali, kif stipulat fl-Anness IV;

(e)

modulu għall-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali, kif stipulat fl-Anness V;

(f)

modulu għall-kontijiet tal-flussi fiżiċi ta' enerġija, kif stipulat fl-Anness VI”;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 9 sabiex tispeċifika l-prodotti ta' enerġija msemmija fit-Taqsima 3 tal-Anness VI, abbażi tal-listi stipulati fl-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

Tali atti delegati m'għandhomx jimponu piż sinifikanti addizzjonali fuq l-Istati Membri jew fuq dawk li jwieġbu. Meta tkun qed tistabbilixxi u sussegwentement taġġorna l-listi msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika l-azzjonijiet, filwaqt li fejn xieraq tuża input minn esperti relevanti f'analiżi tal-kost-effettività, inkluża valutazzjoni tal-piż fuq dawk li jwieġbu u tal-ispejjeż ta' produzzjoni.

5.   Sabiex tiffaċilita applikazzjoni uniformi tal-Anness V, sal-31 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi ġabra indikattiva tal-prodotti u s-servizzi ambjentali u tal-attivitajiet ekonomiċi li għandhom ikunu koperti mill-Anness V abbażi tal-kategoriji li ġejjin: servizzi ambjentali speċifiċi, prodotti bi iskop unikament ambjentali (prodotti konnessi), prodotti adattati u teknoloġiji ambjentali. Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-ġabra fejn meħtieġ.

L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

(*)  Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).”."

(3)

L-Artikolu 8(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Għall-finijiet li tinkiseb deroga skont il-paragrafu 1 għall-Annessi I, II u III, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta talba debitament ġustifikata lill-Kummissjoni sat-12 ta' Novembru 2011. Għall-finijiet li tinkiseb deroga skont il-paragrafu 1 għall-Annessi IV, VI u VI, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta talba debitament ġustifikata lill-Kummissjoni sas-17 ta' Settembru 2014.”.

(4)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa mibdul b'dan li ġej:

“2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(3) u (4) għandha tiġi kkonferita fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-11 ta' Awwissu 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien ta' tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

“3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 3(3) u (4) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkunu diġà fis-seħħ.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa mibdul b'dan li ġej:

“5.   Att delegat adottat f'konformità mal-Artikolu 3(3) u (4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li huma mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(5)

L-Annessi IV, V u VI, kif imniżżla fl-Anness għal dan ir-Regolament, jiżdiedu mar-Regolament (UE) Nru 691/2011.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(2)  Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

(3)  Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej (ĠU L 192, 22.7.2011, p. 1).

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS

“ANNESS IV

MODULU GĦALL-KONTIJIET TAL-PROTEZZJONI TAL-INFIQ AMBJENTALI

Taqsima 1

GĦANIJIET

Il-kontijiet tal-protezzjoni u l-infiq ambjentali jippreżentaw dejta, b'mod li hija kompatibbli mad-dejta rrappurtata skont is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA), dwar l-infiq għall-protezzjoni ambjentali, jiġifieri r-riżorsi ekonomiċi ddedikati minn unitajiet residenti għall-protezzjoni ambjentali. Tali kontijiet jippermettu l-kumpilazzjoni tal-infiq nazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent li huwa ddefinit bħala s-somma tal-użi tas-servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent minn unitajiet residenti u l-formazzjoni grossa tal-kapital fiss (GFCF) għall-attivitajiet tal-protezzjoni tal-ambjent u tat-trasferimenti għall-protezzjoni tal-ambjent li mhumiex kontroparti tal-punti ta' qabel, li minnhom jitnaqqsu l-finanzjamenti mogħtija mill-bqija tad-dinja.

Il-kontijiet tal-protezzjoni u l-infiq ambjentali għandhom jużaw l-informazzjoni eżistenti minn kontijiet nazzjonali (produzzjoni u ġenerazzjoni tal-kontijiet tal-introjtu; GFCF skont NACE, tabelli tal-provvista u l-użu; dejta ibbażata fuq il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern), statistika strutturali tan-negozju, reġistru tan-negozju u sorsi oħra.

Dan l-Anness jiddefinixxi d-dejta li għandha tiġi miġbura, ikkumpilata, trażmessa u evalwata għall-finijiet tal-protezzjoni u l-infiq ambjentali mill-Istati Membri.

Taqsima 2

KOPERTURA

Il-kontijiet tal-protezzjoni u l-infiq ambjentali għandhom l-istess konfini tas-sistema bħall-ESA u juru l-infiq għall-protezzjoni ambjentali għall-attivitajiet prinċipali, sekondarji u anċillari. Huma koperti s-setturi li ġejjin:

amministrazzjoni pubblika (inklużi l-istituzzjonijiet li ma jagħmlux profitt u li jagħtu servizz lill-familji) u l-korporazzjonijiet bħas-setturi istituzzjonali li jipproduċu servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent. Il-produtturi speċjalizzati jipproduċu servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent bħala l-attività prinċipali tagħhom,

l-unità domestika, l-amministrazzjoni pubblika u l-korporazzjonijiet bħala konsumaturi tas-servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent,

il-bqija tad-dinja bħala benefiċjarja jew l-oriġini tat-trasferimenti għall-protezzjoni tal-ambjent.

Taqsima 3

LISTA TA' KARATTERISTIĊI

L-Istati Membri għandhom jipproduċu kontijiet tal-protezzjoni u l-infiq ambjentali skont il-karatteristiċi li ġejjin li huma ddefiniti f'konformità mal-ESA:

il-produzzjoni ta' servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent. Issir distinzjoni bejn il-produzzjoni tas-suq, il-produzzjoni mhux tas-suq u l-produzzjoni ta' attivitajiet anċillari,

il-konsum intermedju tas-servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent minn produtturi speċjalizzati,

l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent,

it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u t-taxxi l-oħra minbarra s-sussidji fuq il-prodotti ta' servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent,

il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u l-akwiżizzjonijiet minbarra d-disponimenti ta' assi mhux finanzjarji u mhux manifatturati għall-produzzjoni ta' servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent,

il-konsum finali ta' servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent,

it-trasferimenti għall-protezzjoni tal-ambjent (riċevuti/mħallsa).

Id-dejta kollha għandha tiġi rrappurtata f'miljuni fil-munita nazzjonali.

Taqsima 4

L-EWWEL SENA TA' REFERENZA, FREKWENZA U SKADENZI TAT-TRAŻMISSJONI

1.

L-istatistika għandha tiġi kkumpilata u trażmessi fuq bażi annwali.

2.

L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 24-il xahar mit-tmiem tas-sena ta' referenza.

3.

Sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-utent għal settijiet ta' dejta kompleti u fil-ħin, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipproduċi stimi għat-totali tal-UE-28 għall-aggregati prinċipali ta' dan il-modulu, hekk kif tkun disponibbli dejta suffiċjenti skont il-pajjiżi. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, kull fejn possibbli, tipproduċi u tippubblika stimi għad-dejta li ma ġietx trażmessa mill-Istati Membri fl-iskadenzi speċifikati fil-punt 2.

4.

L-ewwel sena ta' referenza hija l-2015.

5.

Fl-ewwel trażmissjoni ta' dejta, l-Istati Membri għandhom jinkludu d-dejta annwali mill-2014 sal-ewwel sena ta' referenza.

6.

F'kull trażmissjoni sussegwenti ta' dejta lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dejta annwali għas-snin n–2, n–1 u n, fejn n hija s-sena ta' referenza. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kwalunkwe dejta disponibbli għas-sninli jiġu qabel l-2014.

Taqsima 5

TABELLI TA' RAPPURTAR

1.

Għall-karatteristiċi msemmija fit-Taqsima 3, id-dejta għandha tiġi rrappurtata skont din l-analisi:

tipi ta' produtturi/konsumaturi ta' servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent kif iddefiniti fit-taqsima 2,

klassijiet tal-klassifikazzjoni tal-attivitajiet għall-protezzjoni tal-ambjent (CEPA) miġbura kif ġej:

Għall-attivitajiet tal-amministrazzjoni pubblika u għat-trasferimenti għall-protezzjoni tal-ambjent:

CEPA 2

CEPA 3

Somma tas- CEPA 1, CEPA + 4, CEPA + 5 u CEPA + 7

CEPA 6

Somma tas-CEPA 8 u CEPA 9

Għall-attivitajiet anċillari tal-korporazzjonijiet:

CEPA 1

CEPA 2

CEPA 3

Somma tas-CEPA 4, CEPA 5, CEPA 6, CEPA 7, CEPA 8 u CEPA 9

Għall-korporazzjonijiet bħala produtturi sekondarji u speċjalisti:

CEPA 2

CEPA 3

CEPA 4

Għall-unità domestika bħala konsumaturi:

CEPA 2

CEPA 3

Il-kodiċi ta' NACE li ġejjin għall-produzzjoni anċillari ta' servizzi għall-protezzjoni tal-ambjent: NACE Rev. 2 B, C, D, Diviżjoni 36. Id-dejta għat-taqsima C għandha tiġi ppreżentata f'diviżjonijiet. Id-diviżjonijiet minn 10 sa 12, minn 13 sa 15 u minn 31 sa 32 għandhom jinġabru flimkien. L-Istati Membri li, skont ir-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (dak li jikkonċerna d-definizzjonijiet tal-karatteristiċi, il-format tekniku tad-dejta ta' trażmissjoni, ir-rekwiżiti ta' rapportar doppju għal NACE Rev. 1.1 u NACE Rev. 2 u d-derogi li għandhom jingħataw għall-istatistika strutturali tan-negozju), mhumiex obbligati li jiġbru dejta tal-protezzjoni u l-infiq ambjentali għal wieħed jew aktar minn dawn il-kodiċi ta' NACE, ma għandhomx għalfejn jipprovdu dejta għal dawn il-kodiċi ta' NACE.

2.

Il-klassijiet tas-CEPA msemmija fil-punt 1 huma kif ġej:

CEPA 1 —

Protezzjoni tal-arja ambjentali u l-klima

CEPA 2 —

Ġestjoni tal-ilma mormi

CEPA 3 —

Ġestjoni tal-iskart

CEPA 4 —

Protezzjoni u rijabilitazzjoni tal-ħamrija, tal-ilma ta' taħt l-art u tal-ilma tal-wiċċ

CEPA 5 —

Tnaqqis tal-istorbju u l-vibrazzjoni

CEPA 6 —

Protezzjoni tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ

CEPA 7 —

Protezzjoni kontra r-radjazzjoni

CEPA 8 —

Riċerka u żvilupp ambjentali

CEPA 9 —

Attivitajiet oħrajn għall-protezzjoni tal-ambjent.

Taqsima 6

TUL TA' ŻMIEN MASSIMU TAL-PERJODI TRANŻITORJI

Għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness, it-tul ta' żmien massimu tal-perjodu tranżitorju huwa ta' sentejn mill-iskadenza tal-ewwel trażmissjoni.

ANNESS V

MODULU GĦALL-KONTIJIET TAS-SETTUR TAL-PRODOTTI U S-SERVIZZI AMBJENTALI

Taqsima 1

GĦANIJIET

L-istatistika dwar il-prodotti u s-servizzi ambjentali jirreġistraw u jippreżentaw dejta dwar l-attivitajiet ta' produzzjoni tal-ekonomiji nazzjonali li jiġġeneraw prodotti ambjentali b'mod li tkun kompatibbli mad-dejta rrappurtata skont l-ESA.

Il-kontijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali għandhom jagħmlu użu ta' informazzjoni li diġà teżisti mill-kontijiet nazzjonali, statistika strutturali tan-negozju, reġistru tan-negozju u sorsi oħra.

Dan l-Anness jiddefinixxi d-dejta li għandha tiġi miġbura, ikkumpilata, trażmessa u evalwata għall-kontijiet tal-prodotti u s-servizzi ambjentali mill-Istati Membri.

Taqsima 2

KOPERTURA

Is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali għandu l-istess konfini tas-sistema bħall-ESA u jikkonsisti fil-prodotti u s-servizzi ambjentali kollha li jinħolqu fil-konfini ta' produzzjoni. L-ESA tiddefinixxi l-produzzjoni bħala l-attività li titwettaq taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta' unità istituzzjonali li tuża riżorsi bħal ħidma, kapital u prodotti u servizzi, biex tipproduċi prodotti u servizzi.

Il-prodotti u s-servizzi ambjentali jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin: servizzi ambjentali speċifiċi, prodotti bl-iskop unikament ambjentali (prodotti konness), prodotti adattati u teknoloġiji ambjentali.

Taqsima 3

LISTA TA' KARATTERISTIĊI

L-Istati Membri għandhom jipproduċu l-istatistika dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali skont il-karatteristiċi li ġejjin:

il-produzzjoni tas-suq, li minnha:

l-esportazzjonijiet

il-valur miżjud tal-attivitajiet tas-suq

l-impjiegi tal-attivitajiet tas-suq.

Id-dejta kollha għandha tiġi rrappurtata f'miljuni fil-munita nazzjonali, ħlief il-karatteristika tal-“impjiegi” li għaliha l-unità ta' rappurtar għandha tkun ekwivalenti għal “full-time”.

Taqsima 4

L-EWWEL SENA TA' REFERENZA, FREKWENZA U SKADENZI TAT-TRAŻMISSJONI

1.

L-istatistika għandha tiġi kkumpilata u trażmessa fuq bażi annwali.

2.

L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 24 xahar mit-tmiem tas-sena ta' referenza.

3.

Sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-utent għal settijiet ta' dejta kompleti u fil-ħin, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipproduċi stimi għat-totali tal-UE-28 għall-aggregati prinċipali ta' dan il-modulu, hekk kif tkun disponibbli dejta suffiċjenti skont il-pajjiżi. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, kull fejn possibbli, tipproduċi u tippubblika stimi għad-dejta li ma ġietx trażmessa mill-Istati Membri fl-iskadenzi speċifikati fil-punt 2.

4.

L-ewwel sena ta' referenza hija l-2015.

5.

Fl-ewwel trażmissjoni ta' dejta, l-Istati Membri għandhom jinkludu d-dejta annwali mill-2014 sal-ewwel sena ta' referenza.

6.

F'kull trażmissjoni sussegwenti ta' dejta lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dejta annwali għas-snin n–2, n–1 u n, fejn n hija s-sena ta' referenza. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kwalunkwe dejta disponibbli għas-snin li jiġu qabel l-2014.

Taqsima 5

TABELLI TA' RAPPURTAR

1.

Għall-karatteristiċi msemmija fit-Taqsima 3, id-dejta għandha tiġi rrappurtata bil-klassifikazzjoni inkroċjata:

klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi, NACE Rev. 2 (A*21 livell ta' aggregazzjoni stipulat fl-ESA),

klassijiet CEPA u l-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta' ġestjoni tar-riżorsi (CreMA) miġbura kif ġej:

CEPA 1

CEPA 2

CEPA 3

CEPA 4

CEPA 5

CEPA 6

Somma ta' CEPA 7, CEPA 8 u CEPA 9

CReMA 10

CReMA 11

CReMA 13

CReMA 13A

CReMA 13B

CReMA 13C

CReMA 14

Somma ta' CReMA 12, CReMA 15 u CReMA 16

2.

Il-klassijiet ta' CEPA msemmija fil-punt 1 huma stipulati fl-Anness IV. Il-klassijiet tal-CreMA msemmija fil-punt 1 huma kif ġej:

CReMA 10 — Ġestjoni tal-ilma

CReMA 11 — Ġestjoni tar-riżorsi tal-foresti

CreMA 12 — Ġestjoni tal-flora u fawna selvaġġi

CReMA 13 — Ġestjoni tar-riżorsi tal-enerġija

—   CReMA 13A — Produzzjoni ta' enerġija minn riżorsi rinnovabbli

—   CReMA 13B — Iffrankar u ġestjoni tas-sħana/enerġija

—   CreMA 13C — Minimizzazzjoni tal-użu tal-enerġija fossili bħala materja prima

CReMA 14 — Ġestjoni tal-minerali

CreMA 15 — Attivitajiet ta' riċerka u żvilupp għall-ġestjoni tar-riżorsi

CreMA 16 — Attivitajiet oħra ta' ġestjoni tar-riżorsi

Taqsima 6

TUL TA' ŻMIEN MASSIMU TAL-PERJODI TRANŻITORJI

Għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness, it-tul ta' żmien massimu tal-perjodu tranżitorju huwa ta' sentejn mill-iskadenza tal-ewwel trażmissjoni.

ANNESS VI

MODULU GĦALL-KONTIJIET TAL-FLUSSI FIŻIĊI TA' ENERĠIJA

Taqsima 1

GĦANIJIET

Il-kontijiet tal-flussi fiżiċi ta' enerġija jippreżentaw dejta dwar il-flussi fiżiċi tal-enerġija espressa f'terajoules b'mod li tkun kompletament kompatibbli mal-ESA. Il-kontijiet tal-flussi fiżiċi ta' enerġija jirreġistraw dejta dwar l-enerġija relatata mal-attivitajiet ekonomiċi tal-unitajiet residenti tal-ekonomiji nazzjonali f'analiżi skont l-attività ekonomika. Dawn jippreżentaw l-oriġini u d-destinazzjoni tar-riżorsi ta' enerġija naturali, tal-prodotti ta' enerġija u tar-residwi ta' enerġija. L-attivitajiet ekonomiċi jinkludu l-produzzjoni, il-konsum u l-akkumulazzjoni.

Dan l-Anness jiddefinixxi d-dejta li għandha tiġi miġbura, ikkumpilata, trażmessa u vvalutata għall-kontijiet tal-flussi fiżiċi ta' enerġija mill-Istati Membri.

Taqsima 2

KOPERTURA

Il-kontijiet tal-flussi fiżiċi ta' enerġija għandhom l-istess konfini tas-sistema bħall-ESA u huma bbażati wkoll fuq l-istess prinċipju ta' residenza.

F'konformità mal-ESA, unità hija ddefinita bħala unità residenti ta' pajjiż meta jkollha ċentru ta' interess ekonomiku fit-territorju ekonomiku ta' dak il-pajjiż, jiġifieri, meta għal perjodu estiż (sena jew aktar) din tinvolvi ruħha f'attivitajiet ekonomiċi f'dak it-territorju.

Il-kontijiet tal-flussi fiżiċi ta' enerġija jirreġistraw flussi fiżiċi ta' enerġija li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-unitajiet residenti kollha, mingħajr ma jitqies minn fejn dawn il-flussi jkunu ġejjin ġeografikament.

Il-kontijiet tal-flussi fiżiċi ta' enerġija jirreġistraw il-flussi fiżiċi ta' enerġija mill-ambjent għall-ekonomija, fl-ekonomija, u mill-ekonomija lura għall-ambjent.

Taqsima 3

LISTA TA' KARATTERISTIĊI

L-IstatiMembri għandhom jipproduċu il-kontijiet tal-flussi fiżiċi ta' enerġija skont il-karatteristiċi li ġejjin:

il-flussi fiżiċi ta' enerġija miġbura fi tliet kategoriji ġeneriċi:

(i)

ir-riżorsi ta' enerġija naturali,

(ii)

il-prodotti ta' enerġija,

(iii)

ir-residwi ta' enerġija.

l-oriġini tal-flussi fiżiċi ta' enerġija miġbura f'ħames kategoriji: il-produzzjoni, il-konsum, l-akkumulazzjoni, il-bqija tad-dinja u l-ambjent,

id-destinazzjoni tal-flussi fiżiċi, miġbura fl-istess ħames kategoriji bħall-oriġini tal-flussi fiżiċi ta' enerġija.

Id-dejta kollha għandha tiġi rrappurtata f'terajoules.

Taqsima 4

L-EWWEL SENA TA' REFERENZA, FREKWENZA U SKADENZI TAT-TRAŻMISSJONI

1.

L-istatistika għandha tiġi kkumpilata u trażmessa fuq bażi annwali.

2.

L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 21 xahar mit-tmiem tas-sena ta' referenza.

3.

Sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-utent għal settijiet ta' dejta kompleti u fil-ħin, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipproduċi stimi għat-totali tal-UE-28 għall-aggregati prinċipali ta' dan il-modulu, hekk kif tkun disponibbli dejta suffiċjenti skont il-pajjiżi. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, kull fejn possibbli, tipproduċi u tippubblika stimi għad-dejta li ma ġietx trażmessa mill-Istati Membri fl-iskadenzi speċifikati fil-punt 2.

4.

L-ewwel sena ta' referenza hija l-2015.

5.

Fl-ewwel trażmissjoni ta' dejta, l-Istati Membri għandhom jinkludu d-dejta annwali mill-2014 sal-ewwel sena ta' referenza.

6.

F'kull trażmissjoni sussegwenti ta' dejta lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dejta annwali għas-snin n–2, n–1 u n, fejn n hija s-sena ta' referenza. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kwalunkwe dejta disponibbli għas-snin li jiġu qabel l-2014.

Taqsima 5

TABELLI TA' RAPPURTAR

1.

Għall-karatteristiċi msemmija fit-Taqsima 3, għandha tiġi rrappurtata d-dejta li ġejja f'unitajiet fiżiċi:

Tabella tar-riżorsi għall-flussi ta' enerġija: Din it-tabella tirreġistra r-riżorsi ta' enerġija naturali, il-prodotti ta' enerġija u r-residwi ta' enerġija (ringieli) skont l-oriġini, jiġifieri ’l-fornitur’(kolonni).

Tabella tal-użi tal-flussi ta' enerġija: Din it-tabella tirreġistra r-riżorsi ta' enerġija naturali, il-prodotti ta' enerġija u r-residwi ta' enerġija (ringieli) skont id-destinazzjoni, jiġifieri ’l-utent’(kolonni).

Tabella tal-użi tal-flussi ta' enerġija rilevanti għall-emissjonijiet: Din it-tabella tirreġistra l-użu tar-riżorsi ta' enerġija naturali u l-prodotti tal-enerġija rilevanti għall-emissjonijiet (ringieli) permezz tal-unità ta' użu u emissjoni (kolonni).

Tabella ta' konkordanza li turi l-elementi differenti li jiffurmaw id-differenza bejn il-kontijiet tal-enerġija u l-bilanċi tal-enerġija.

2.

It-tabelli tar-riżorsi u tal-użi tal-flussi ta' enerġija (inklużi l-flussi rilevanti għall-emissjonijiet) jitqassmu b'mod komuni f'termini ta' ringieli u kolonni.

3.

Il-kolonni jindikaw l-oriġini (provvista) jew id-destinazzjoni (użu) tal-flussi fiżiċi. Il-kolonni huma miġbura f'ħames kategoriji:

’Produzzjoni’ li hija relatata mal-produzzjoni ta' prodotti u servizzi. L-attivitajiet ta' produzzjoni huma kklassifikati skont NACE Rev. 2 u d-dejta hija rrappurtata fil-livell ta' aggregazzjoni A*64.

L-attivitajiet ta' ’konsum’ huma ppreżentati bħala total u diviżi wkoll fi tliet subklassijiet (trasport, tisħin/tkessiħ, oħrajn) għall-konsum finali tal-unitajiet domestiċi privati.

’Akkumulazzjoni’ tirreferi għall-bidliet fl-istokk tal-prodotti ta' enerġija fl-ekonomija.

’Il-bqija tad-dinja’ tirreġistra l-flussi tal-prodotti importati u esportati.

’Ambjent’ tirreġistra l-oriġini tal-flussi tar-riżorsi naturali u d-destinazzjoni tal-flussi residwali.

4.

Ir-ringieli jiddeskrivu t-tip ta' flussi fiżiċi kklassifikati fl-ewwel inċiż tat-Taqsima 3.

5.

Il-klassifikazzjoni tar-riżorsi ta' enerġija naturali, tal-prodotti ta' enerġija u tar-residwi ta' enerġija hija kif ġej:

ir-riżorsi ta' enerġija naturali huma miġbura f'riżorsi ta' enerġija naturali mhux rinnovabbli u f'riżorsi ta' enerġija naturali rinnovabbli.

il-prodotti ta' enerġija huma miġbura skont il-klassifikazzjoni użata fl-istatistika Ewropea tal-enerġija,

ir-residwi ta' enerġija jinkludu l-iskart (mingħajr valur monetarju); it-telf matul l-estrazzjoni/l-astrazzjoni, id-distribuzzjoni/it-trasport, it-trasformazzjoni/il-konverżjoni u l-ħżin; kif ukoll l-ibbilanċjar tal-elementi biex jibbilanċjaw l-provvista u l-użu tat-tabelli.

6.

Il-’korrelazzjoni’ bejn l-indikatur prinċipali skont il-prinċipju ta' residenza u l-indikatur ibbażat fuq it-territorju hija ppreżentata għall-ekonomija nazzjonali kollha (l-ebda suddiviżjoni għal kull industrija) u tinkiseb kif ġej:

użu totali ta' enerġija b'unitajiet residenti

użu ta' enerġija b'unitajiet residenti barra mill-pajjiż

+

użu ta' enerġija minn persuni fit-territorju li mhumiex residenti

+

id-differenzi statistiċi

=

konsum gross domestiku tal-enerġija (ibbażat fuq it-territorju)

Taqsima 6

TUL TA' ŻMIEN MASSIMU TAL-PERJODI TRANŻITORJI

Għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness, it-tul ta' żmien massimu tal-perijodu tranżitorju huwa ta' sentejn mill-iskadenza għall-ewwel trażmissjoni.”


(1)  Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar statistika strutturali kummerċjali (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 13).