28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/135


DIRETTIVA 2014/89/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 43(2), 100(2), 192(1), 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-domanda għolja u li qed tiżdied b’rata mgħaġġla għal spazju marittimu għal skopijiet differenti, bħall-impjanti għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni taż-żejt u l-gass, it-tbaħħir marittimu u l-attivitajiet tas-sajd, il-konservazzjoni tal-ekosistema u l-bijodiversità, l-estrazzjoni tal-materja prima, it-turiżmu, l-impjanti tal-akkwakultura u l-wirt kulturali ta’ taħt l-ilma, kif ukoll pressjonijiet multipli fuq ir-riżorsi kostali jeħtieġu approċċ ta’ ppjanar u ġestjoni integrati.

(2)

Approċċ bħal dan għall-ġestjoni tal-oċeani u l-governanza marittima ġie żviluppat fil-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (‘PMI’) li tinkludi, bħala l-pilastru ambjentali tagħha, id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-objettiv tal-PMI huwa li tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli tal-ibħra u l-oċeani u li tiżviluppa teħid tad-deċiżjonijiet ikkoordinat, koerenti u trasparenti fir-rigward tal-politiki settorjali tal-Unjoni li jaffettwaw l-oċeani, l-ibħra, il-gżejjer, ir-reġjuni kostali u l-aktar imbiegħda u s-setturi marittimi, inkluż permezz ta’ strateġiji dwar il-baċir tal-baħar jew l-istrateġiji makroreġjonali, filwaqt li jinkiseb status ambjentali tajjeb kif stipulat fid-Direttiva 2008/56/KE.

(3)

Il-PMI tidentifika l-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala għodda ta’ politika trasversali li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-partijiet ikkonċernati japplikaw approċċ integrat, koordinat u transkonfinali. L-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi u kostali u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi tal-baħar u kostali.

(4)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu jappoġġa u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (‘l-Istrateġija Ewropa 2020’), approvata mill-Kunsill Ewropew fil-konkluzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010, li għandha l-għan li twassal għal livelli għolja ta’ impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali, inkluża l-promozzjoni ta’ ekonomija iktar kompetittiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekoloġika. Is-setturi kostali u marittimi għandhom potenzjal sinifikanti għat-tkabbir sostenibbli u li huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata ‘t-Tkabbir Blu’, opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ inizjattivi li għaddejjin bħalissa tal-UE li huma maħsuba biex jimplimentaw l-istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll għadd ta’ attivitajiet li l-inizjattivi għat-tkabbir blu jistgħu jiffokaw fuqhom fil-futur u li jistgħu jiġu appoġġati b’mod adegwat b’kunfidenza u ċertezza akbar għall-investituri pprovduti permezz ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) appoġġa u ffaċilita l-implimentazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju marittimu u tal-ġestjoni integrata tal-kosta. Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment, inkluż il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (6), se jipprovdu opportunitajiet biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-2014-2020.

(7)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982 (‘UNCLOS’) tiddikjara fil-preambolu tagħha li l-kwistjonijiet relatati mal-użu tal-ispazju oċeaniku huma relatati mill-qrib ma’ xulxin u jeħtieġ li jitqiesu bħala entità sħiħa. L-ippjanar tal-ispazju oċeaniku huwa l-azzjoni ta’ avvanz u l-istrutturar loġiċi tal-obbligi u tal-użu tad-drittijiet mogħtija fl-ambitu tal-UNCLOS u għodda prattika fl-assistenza lill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

(8)

Sabiex issir promozzjoni tal-koeżistenza sostenibbli tal-użi u, fejn applikabbli, it-tqassim xieraq tal-użi relevanti fl-ispazju marittimu, għandu jitwaqqaf qafas li jikkonsisti minn tal-inqas fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu, li jirriżulta fi pjani.

(9)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu jikkontribwixxi għal ġestjoni effikaċi tal-attivitajiet tal-baħar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u kostali, billi jinħoloq qafas għal teħid ta’ deċiżjoni konsistenti, trasparenti, sostenibbli u bbażat fuq l-evidenza. Sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, din id-Direttiva għandha tistipula obbligi biex tistabbilixxi proċess ta’ ppjanar marittimu, li jirriżulta fi pjan tal-ispazjumarittimu jew pjani tal-ispazju marittimu; proċess ta’ ppjanar bħal dan għandu jieħu kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Mingħajr preġudizzju għall-acquis eżistenti tal-Unjoni fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, is-sajd u l-ambjent, din id-Direttiva ma għandhiex timponi obbligi ġodda oħra, b’mod partikolari f’relazzjoni mal-għażliet konkreti tal-Istati Membri dwar kif jitwettqu l-politiki settorjali f’dawk l-oqsma, imma għandu jkollha l-għan li tikkontribbwixxi għal dawk il-politiki permezz tal-proċess ta’ ppjanar.

(10)

Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u ċ-ċarezza ġuridika, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku għall-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jiġi definit f’konformità mal-istrumenti leġiżlattivi eżistenti tal-Unjoni u d-dritt marittimu internazzjonali, b’mod partikolari UNCLOS. Il-kompetenzi tal-Istati Membri relatati mal-konfini marittimi u l-ġurisdizzjoni ma jinbidlux b’din id-Direttiva.

(11)

Filwaqt li huwa xieraq li l-Unjoni tipprovdi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri jibqgħu responsabbli u kompetenti għat-tfassil u d-determinazzjoni, fi ħdan l-ilmijiet tal-ibħra tagħhom, tal-formati u l-kontenut ta’ dawn il-pjani inklużi arranġamenti istituzzjonali u fejn applikabbli, it-tqassim tal-ispazju marittimu għall-attivitajiet u l-użi differenti b’mod rispettiv.

(12)

Sabiex jirrispettaw il-proporzjonalità u s-sussidjarjetà, kif ukoll biex ikun minimizzat il-piż amministrattiv addizzjonali, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom kemm jista’ jkun jibnu fuq regoli u mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u lokali eżistenti inklużi dawk spjegati fir-Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/631/UE (8).

(13)

Fl-ilmijiet tal-ibħra, l-ekosistemi u r-riżorsi tal-baħar, huma suġġetti għal pressjonijiet sinifikanti. L-attivitajiet tal-bniedem, iżda wkoll l-effetti tat-tibdil fil-klima, il-perikli naturali u d-dinamika mal-linja tal-kosta bħall-erożjoni u l-akkrexximent, jista’ jkollhom impatti ħorox fuq l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku kostali, kif ukoll l-ekosistemi tal-baħar u dan iwassal għad-deterjorazzjoni tal-istatus ambjentali, it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi. Għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa għal dawn id-diversi pressjonijiet fl-istabbiliment tal-pjani tal-ispazju marittimu. Barra minn hekk, ekosistemi tal-baħar b’saħħithom u s-servizzi multipli tagħhom, jekk ikunu integrati fid-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar, jistgħu jwasslu għal benefiċċji sostanzjali f’termini tal-produzzjoni tal-ikel, ir-rikreazzjoni u t-turiżmu, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-kontroll tad-dinamika tal-linja tal-kosta u l-prevenzjoni tad-diżastri.

(14)

Sabiex issir promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi, tal-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-baħar u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, l-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu japplika approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi kif imsemmi fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/56/KE bil-għan li jiżgura li l-pressjoni kollettiva tal-attivitajiet kollha tinżamm fi ħdan livelli kompatibbli mal-ksib ta’ status ambjentali tajjeb u li ma tkunx kompromessal-kapaċità tal-ekosistemi tal-baħar li jirreaġixxu għall-bidliet ikkawżati mill-bniedem, filwaqt li jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli ta’ oġġetti u servizzi tal-baħar mill-ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal-ġejjieni. Barra minn hekk, approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għandu jiġi applikat b’mod adattat għall-ekosistemi speċifiċi u speċifiċitajiet oħra tar-reġjuni tal-baħar differenti u għandu jieħu kont tax-xogħol li qed isir bħalissa fil-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali li qed jibnu fuq għarfien u esperjenzi eżistenti. L-approċċ għandu jippermetti wkoll ġestjoni li tadatta ruħha li tiżgura raffinament u aktar żvilupp bħala esperjenzi, u żieda fl-għarfien billi jitqiesu d-data u l-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-baċiri tal-baħar biex jiġi implimentat dak l-approċċ. L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, kif stabbilit fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(15)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu jikkontribwixxi, inter alia, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (10), id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (12), id-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), id-Direttiva 2008/56/KE, filwaqt li jitfakkru l-Komunikazzjoni tat-3 ta’ Mejju 2011 intitolata “L-assigurazzjoni tal-ħajja tagħna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2011 intitolata “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi”, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ April 2013 intitolata “Strateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2009 intitolata “Għanijiet u r-rakkomandazzjonijiet strateġiċi għal politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018”, kif ukoll, fejn hu xieraq, dawk dwar il-Politika Reġjonali tal-Unjoni, inkluż strateġiji dwar il-baċir tal-baħar u dawk makroreġjonali.

(16)

L-attivitajiet tal-baħar u dawk kostali huma spiss interrelatati mill-qrib. Sabiex issir promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-ispazju marittimu, l-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jieħu kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar. Għal din ir-raġuni l-ippjanar tal-ispazju marittimu jista’ jkollu rwol tassew utli biex jiddetermina l-orjentazzjonijiet relatati mal-ġestjoni sostenibbli u integrata tal-attivitajiet tal-bniedem fil-baħar, il-preservazzjoni tal-ambjent ħaj, il-fraġilità tal-ekosistemi kostali, l-erożjoni u l-fatturi soċjali u ekonomiċi. L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jimmira biex jintegra d-dimensjoni marittima ta’ xi użi jew attivitajiet kostali u l-impatti tagħhom u finalment jippermetti viżjoni integrata u strateġika.

(17)

Din id-Direttiva qafas ma tinterferix mal-kompetenza tal-Istati Membri għall-ippjanar urban u rurali, inkluż kwalunkwe sistema tal-ippjanar tal-ispazji terrestri jew fuq l-art użata biex jiġi ppjanat kif għandhom jintużaw żoni fuq l-art u dawk kostali. Jekk l-Istati Membri japplikaw l-ippjanar terrestri għall-ilmijiet kostali jew parti minnhom, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawk l-ilmijiet.

(18)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-identifikazzjoni tal-problema u l-opportunità, il-ġbir ta’ informazzjoni, l-ippjanar, it-teħid ta’ deċiżjonijiet, ir-reviżjoni jew l-aġġornar u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, u għandu debitament jikkunsidra l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u l-aqwa għarfien disponibbli. Għandu jsir l-aqwa użu tal-mekkaniżmi spjegati f’leġiżlazzjoni eżistenti jew futura, inkluża d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/477/UE (15) u l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-Għarfien dwar il-Baħar 2020.

(19)

L-iskop ewlieni tal-ippjanar tal-ispazji marittimu huwa li jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u li jiġi identifikat l-użu tal-ispazju marittimu għal użi tal-baħar differenti kif ukoll li jiġu mmaniġġjati l-użi u l-kunflitti tal-ispazji tal-baħar. L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu wkoll l-għan li jidentifika u jħeġġeġ użu b’bosta skopijiet, f’konformità mal-politiki nazzjonali u l-leġiżlazzjoni relevanti. Sabiex jintlaħaq dak l-iskop, jeħtieġ li tal-inqas l-Istati Membri jiżguraw li l-proċess jew il-proċessi tal-ippjanar jirriżultaw f’ippjanar komprensiv li jidentifika l-użi differenti tal-ispazju marittimu u filwaqt li jitqiesu l-bidliet fit-tul minħabba t-tibdil fil-klima.

(20)

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw u jikkoordinaw il-pjani tagħhom mal-Istati Membri relevanti u għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz fir-reġjun tal-baħar kkonċernat f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi konċernati fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali. Il-kooperazzjoni transfruntiera effikaċi bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi ġirien teħtieġ l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Minħabba d-differenzi bejn diversi reġjuni jew subreġjuni tal-baħar u ż-żoni kostali, mhuwiex xieraq li f’din id-Direttiva tiġi preskritta fid-dettall il-forma li għanhom jieħdu dawk il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni.

(21)

Il-ġestjoni ta’ żoni tal-baħar hija kumplessa u tinvolvi livelli differenti ta’ awtoritajiet, operaturi ekonomiċi u partijiet oħra kkonċernati. Sabiex issir promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli b’mod effettiv, huwa essenzjali li l-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet u l-pubbliku jiġu kkonsultati fi stadju adattat fit-tħejjija ta’ pjani tal-ispazji marittimi fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, f’konformità mal-leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni. Eżempju tajjeb għad-dispożizzjonijiet dwar il-konsultazzjoni pubblika jinsab fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(22)

Permezz tal-pjani tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-piż u l-ispejjeż amministrattivi b’appoġġ għall-azzjoni tagħhom biex jimplimentaw leġiżlazzjoni oħra relevanti tal-Unjoni. L-iskedi taż-żmien għall-pjani tal-ispazji marittimi għandhom għalhekk, meta possibbli, ikunu koerenti mal-iskedi taż-żmien spjegati f’leġiżlazzjoni oħra relevanti, speċjalment: id-Direttiva 2009/28/KE, li teħtieġ li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fl-2020 ikun tal-inqas 20 % u li tidentifika koordinazzjoni tal-awtorizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-proċeduri tal-ippjanar, inkluż l-ippjanar tal-ispazji bħala kontribuzzjoni importanti biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli; id-Direttiva 2008/56/KE u l-punt 6 tal-Parti A tal-Anness tad-Deċiżjoni 2010/477/UE, li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar sal-2020 u li tidentifika l-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala għodda ta’ appoġġ għall-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fil-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb; id-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE li teħtieġ li n-netwerk trans-Ewropew tat-trasport jiġi stabbilit sal-2020 permezz tal-integrazzjoni tan-netwerks tal-infrastruttura tat-trasport Ewropew fuq l-art, fil-baħar u fl-ajru.

(23)

Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) tistabbilixxi l-valutazzjoni ambjentali bħala għodda importanti għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjani u programmi. Meta jkun probabbli li pjani tal-ispazji marittimi jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent dawn jiġu suġġetti għad- Direttiva 2001/42/KE. Meta pjani tal-ispazji marittimi jinkludu siti ta’ Natura 2000, valutazzjoni ambjentali bħal din tista’ tiġi magħquda mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE, biex tiġi evitata d-duplikazzjoni.

(24)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-pjani tal-ispazji marittimi jkunu bbażati fuq data affidabbli u biex ikun evitat piż amministrattiv żejjed, huwa essenzjali li l-Istati Membri jużaw l-aħjar data u informazzjoni disponibbli billi jħeġġu lill-partijietikkonċernati relevanti jaqsmu l-informazzjoni u permezz tal-użu ta’ strumenti u għodod eżistenti għall-ġbir tad-data, bħal dawk żviluppati fil-kuntest tal-inizjattiva tal-Għarfien dwar il-Baħar 2020 u d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(25)

L-Istati Membri għandhom jibagħtu kopji tal-pjani tal-ispazji marittimi u kwalunke aġġornament lill-Kummissjoni, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tuża l-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri u informazzjoni eżistenti disponibbli taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biex iżżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(26)

It-traspożizzjoni f’waqtha ta’ din id-Direttiva hija essenzjali peress li l-Unjoni adottat għadd ta’ inizjattivi ta’ politika li għandhom jiġu implimentati sas-sena 2020 u li din id-Direttiva għandha l-għan li ssostni u li tikkomplementa.

(27)

Stat Membru mingħajr kosta jkun taħt obbligu sproporzjonat u mhux meħtieġ jekk ikollu jittrasponi u jimplimenta din id-Direttiva. Għalhekk, Stati Membri bħal dawn għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jittrasponu u jimplimentaw din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu u għandha l-għan li tippromwovi t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi, l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-baħar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar.

2.   Fil-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni, dak il-qafas jipprevedi l-istabbiliment u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-ippjanar tal-ispazju marittimu, bil-għan li jikkontribwixxi għall-objettivi speċifikati fl-Artikolu 5, filwaqt li jqis l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u l-kooperazzjoni transfruntiera msaħħa, f’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-UNCLOS.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ilmijiet tal-baħar tal-Istati Membri mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Hija ma għandhiex tapplika għal ilmijiet kostali li jaqgħu taħt l-ippjanar urban u rurali ta’ Stat Membru, sakemm dan ma jkunx kkomunikat fil-pjani tiegħu tal-ispazju marittimu.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal attivitajiet li l-uniku għan tagħhom hu d-difiża jew is-sigurtà nazzjonali.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tfixkel il-kompetenza tal-Istati Membri biex ifasslu u jiddeterminaw, fl-ilmijiet tal-ibħra tagħhom, l-ammont u l-kopertura tal-pjani tal-ispazji marittimi tagħhom. Ma għandhiex tapplika għall-ippjanar urban u rurali.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-drittijiet sovrani u l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri fuq l-ilmijiet tal-ibħra li huma derivati mil-liġi internazzjonali relevanti, b’mod partikolari l- UNCLOS. B’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tinfluwenza d-delinjament u d-delimitazzjoni tal-fruntieri marittimi mill-Istati Membri f’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-UNCLOS.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Politika Marittima Integrata” (PMI) tfisser il-politika tal-Unjoni li l-għan tagħha huwa li trawwem teħid tad-deċiżjonijiet koordinat u koerenti biex jiġi mmassimizzat l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-Istati Membri, u b’mod partikolari r-reġjuni kostali, insulari u l-aktar imbiegħda fl-Unjoni, kif ukoll is-setturi marittimi, permezz ta’ politiki koerenti relatati mas-settur marittimu u kooperazzjoni internazzjonali relevanti;.

(2)

“ippjanar tal-ispazju marittimu” tfisser proċess li permezz tiegħu l-awtoritajiet tal-Istat Membru relevanti janalizzaw u jorganizzaw l-attivitajiet umani f’żoni tal-baħar sabiex jilħqu l-għanijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali.

(3)

“reġjun tal-baħar” tfisser reġjun tal-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/56/KE.

(4)

“ilmijiet tal-ibħra” tfisser l-ilmijiet, il-qiegħ tal-baħar u s-subsoil kif definit fil-punt (1)(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/56/KE u l-ilmijiet kostali kif definiti fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE u l-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tagħhom.

KAPITOLU II

IPPJANAR TAL-ISPAZJU MARITTIMU

Artikolu 4

Stabbiliment u implimentazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju marittimu

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jimplimenta ppjanar tal-ispazju marittimu.

2.   Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar.

3.   Il-pjan jew il-pjani riżultat ta’ dan għandhom jiġu żviluppati u prodotti f’konformità mal-livelli istituzzjonali u ta’ governanza determinati mill-Istati Membri. Din id-Direttiva ma għandhiex tfixkel il-kompetenza tal-Istati Membri biex ifasslu u jiddeterminaw il-format u l-kontenut ta’ dak il-pjan jew dawk il-pjani.

4.   L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għall- objettivi elenkati fl-Artikolu 5 u jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 6 u 8.

5.   Meta jiġi stabbilit l-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri għandhom iqisu b’mod xieraq il-partikolaritajiet tar-reġjuni tal-baħar, u l-attivitajiet relevanti eżistenti u futuri u l-użi u l-impatti tagħhom fuq l-ambjent, kif ukoll ir-riżorsi naturali, u għandhom iqisu wkoll l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar.

6.   L-Istati Membri jistgħu jinkludu jew jibnu fuq il-politiki, ir-regolamenti jew il-mekkaniżmi nazzjonali eżistenti li ġew jew li qed jiġu stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, kemm-il darba jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 5

L-objettivi tal-ippjanar tal-ispazju marittimu

1.   Meta jkun qed jiġi stabbilit u implimentat l-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali sabiex jappoġġaw l-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli fis-settur marittimu, l-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, u l-promozzjoni tal-koeżistenza ta’ attivitajiet u użi relevanti.

2.   Permezz tal-pjani tal-ispazji marittimi, l-Istati Membri għandhom jimmiraw biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tas-setturi tal-enerġija fil-baħar, tat-trasport marittimu, u tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, u tal-preżervazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-ambjent, inkluż ir-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jilħqu objettivi oħra bħall-promozzjoni ta’ turiżmu sostenibbli u l-estrazzjoni sostenibbli ta’ materja prima.

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri biex jiddeterminaw kif jiġu riflessi u mkejla l-objettivi differenti fil-pjan jew pjani tal-ispazji marittimi tagħhom.

Artikolu 6

Rekwiżiti minimi għall-ippjanar tal-ispazju marittimu

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu passi proċedurali sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi elenkati fl-Artikolu 5 filwaqt li jqisu l-attivitajiet relevanti u l-użi fl-ilmijiet tal-ibħra.

2.   Waqt li jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jieħdu kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar;

(b)

jieħdu kont tal-aspetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll l-aspetti ta’ sikurezza;

(c)

jimmiraw li jippromwovu l-koerenza bejn l-ippjanar tal-ispazju marittimu u l-pjan jew il-pjani riżultat ta’ dan u proċessi oħra, bħall-ġestjoni kostali integrata jew prattiki formali jew informali ekwivalenti;

(d)

jiżguraw l-involviment tal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 9;

(e)

jorganizzaw l-użu tal-aħjar data disponibbli f’konformità mal-Artikolu 10;

(f)

jiżguraw il-kooperazzjoni transkonfinali fost l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 11;

(g)

jippromwovu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 12.

3.   Il-pjani tal-ispazji marittimi għandhom jiġu riveduti mill-Istati Membri meta jiddeċiedu huma iżda minn tal-inqas kull 10 snin.

Artikolu 7

Interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar

1.   Sabiex jittieħed kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar, f’konformità mal-Artikolu 4(2), jekk dan ma jiffurmawx parti minn proċess ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu nnifsu, l-Istati Membri jistgħu jużaw proċessi formali jew informali oħra, bħall-ġestjoni integrata tal-kosta. Ir-riżultat għandu jkun rifless mill-Istati Membri fil-pjani tal-ispazji marittimi tagħhom.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(3), l-Istati Membri għandhom jimmiraw li permezz ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu jippromwovu l-koerenza tal-pjan jew pjani tal-ispazju marittimu riżultat ta’ dan ma’ proċessi relevanti oħra.

Artikolu 8

Stabbiliment tal-pjani tal-ispazji marittimi

1.   Meta jkunu qed jistabbilixxu u jimplimentaw l-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjani tal-ispazji marittimi li jidentifikaw id-distribuzzjoni tal-ispazji u temporali ta’ attivitajiet u użi relevanti eżistenti u futuri fl-ibħra tagħhom, sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi stipulati fl-Artikolu 5.

2.   Waqt li jagħmlu dan u f’konformità mal-Artikolu 2(3), l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-interazzjonijiet relevanti ta’ attivitajiet u użi. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri, attivitajiet u użi u interessi possibbli jistgħu jinkludu:

żoni ta’ akkwakultura;

żoni tas-sajd;

impjanti u infrastrutturi għall-esplorazzjoni, l-isfruttament u l-estrazzjoni taż-żejt, tal-gass u riżorsi oħra tal-enerġija, tal-minerali u l-aggregati, u għall-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli;

rotot tat-trasport marittimu u flussi tat-traffiku;

żoni ta’ taħriġ militari;

siti tal-konservazzjoni tan-natura u tal-ispeċijiet u żoni protetti;

żoni tal-estrazzjoni ta’ materja prima;

riċerka xjentifika;

rotot ta’ kejbils u pipelines ta’ taħt il-baħar;

turiżmu;

wirt kulturali ta’ taħt l-ilma.

Artikolu 9

Parteċipazzjoni pubblika

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mezzi ta’ parteċipazzjoni pubblika billi jinfurmaw lill-partijiet interessati kollha u billi jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati relevanti, l-awtoritajiet u l-pubbliku kkonċernati fi stadju bikri fl-iżvilupp tal-pjani tal-ispazji marittimi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet relevanti u l-pubbliku kkonċernati jkollhom aċċess għall-pjani hekk kif dawn jiġu ffinalizzati.

Arikolu 10

Użu u kondiviżjoni ta’ data

1.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw l-użu tal-aħjar data disponibbli, u jiddeċiedu kif se jorganizzaw l-iskambju tal-informazzjoni, meħtieġa għall-pjani tal-ispazji marittimi.

2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi, inter alia:

(a)

data ambjentali, soċjali u ekonomika miġbura skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 8;

(b)

data fiżika tal-baħar dwar l-ilmijiet tal-ibħra.

3.   Meta jimplimentaw il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jużaw strumenti u għodod relevanti, inklużi dawk diġà disponibbli fl-ambitu tal-PMI, u politiki oħra relevanti tal-Unjoni, bħal dawk imsemmija fid-Direttiva 2007/2/KE.

Artikolu 11

Kooperazzjoni bejn Stati Membri

1.   Bħala parti mill-proċess ta’ ppjanar u ġestjoni, l-Istati Membri li għandhom ibħra konfinanti għandhom jikkooperaw bil-għan li jiġi żgurat li l-pjani tal-ispazji marittimi jkunu koerenti u koordinati fir-reġjun tal-baħar kollu kkonċernat. Tali kooperazzjoni għandha, b’mod partikolari, tqis kwistjonijiet ta’ natura transnazzjonali.

2.   Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintlaħaq permezz ta’:

(a)

strutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali istituzzjonali eżistenti bħal Konvenzjonijiet tal-Ibħra Reġjonali; u/jew

(b)

netwerks jew strutturi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; u/jew

(c)

kwalunkwe metodu ieħor li jilħaq ir-rekwiżiti ta’ paragrafu 1, pereżempju fil-kuntest tal-istrateġiji dwar il-baċiri tal-baħar.

Artikolu 12

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom, meta possibbli, biex jikkooperaw ma’ pajjiżi terzi dwar l-azzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-ippjanar tal-ispazju marittimu fir-reġjuni tal-baħar relevanti u f’konformità mal-liġi u l-konvenzjonijiet internazzjonali, bħal bl-użu ta’ fora internazzjonali jew kooperazzjoni istituzzjonali reġjonali.

KAPITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 13

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’lista ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, flimkien mal-elementi ta’ informazzjoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1 sa sitt xhur minn meta jidħol fis-seħħ tibdil bħal dan.

Artikolu 14

Monitoraġġ u rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu kopji tal-pjani tal-ispazji marittimi, inkluż materjal ta’ spjegazzjoni eżistenti relevanti dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-aġġornamenti kollha sussegwenti lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stati Membri oħra kkonċernati fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard minn sena wara d-data ta’ skadenza għall-istabbiliment tal-pjani tal-ispazji marittimi, u kull erba’ snin minn hemm ‘il quddiem, rapport li jiddeskrivi fil-qosor il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Traspożizzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat-18 ta’ Settembru 2016. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif għandha ssir din ir-referenza għandu jiġi stipulat mill-Istati Membri.

2.   L-awtorità jew l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) għandhom jinħatru sat-18 ta’ Settembru 2016.

3.   Il-pjani tal-ispazji marittimi msemmijin fl-Artikolu 4 għandhom jiġu stabbiliti malajr kemm jista’ jkun, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2021.

4.   L-obbligu għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għall-Istati Membri mingħajr kosta.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 67.

(2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 124.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(4)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(5)  Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata (ĠU L 321, 5.12.2011, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond tas-Sajd Ewropew Marittimu u u li jħassar Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(7)  Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żoni tal-Kosta fl-Ewropa (ĠU L 148, 6.6.2002, p. 24).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/631/UE tat-13 ta’ Settembru 2010 rigward il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fil-Mediterran għall-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 1).

(9)  Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(10)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59).

(11)  Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(12)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(13)  Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE dwar il-linji gwida Komunitarji sabiex jiġi żviluppat network trans-Ewropew tat-trasport (ĠU L 167, 30.4.2004, p. 1).

(14)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(15)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/477/UE tal-1 ta’ Settembru 2010 dwar kriterji u standards metodoloġiċi għal status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar (ĠU L 232, 2.9.2010, p. 14).

(16)  Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).

(17)  Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet pjanip u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).

(18)  Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).


ANNESS

AWTORITAJIET KOMPETENTI

(1)

L-isem u l-indirizz tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti — l-isem u l-indirizz uffiċjali tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti identifikati.

(2)

L-istatus ġuridiku tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti — deskrizzjoni qasira tal-istatus ġuridiku tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti.

(3)

Ir-responsabbiltajiet — deskrizzjoni qasira tar-responsabbiltajiet ġuridiċi u amministrattivi tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti u tar-rwol tiegħu/tagħhom fir-rigward tal-ilmijiet tal-ibħra kkonċernati.

(4)

Is-sħubija — meta l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti taġixxi/jaġixxu bħala korp ta’ koordinament għal awtoritajiet kompetenti oħrajn, tkun meħtieġa lista ta’ dawn tal-aħħar flimkien ma’ sommarju tar-relazzjonijiet istituzzjonali stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni.

(5)

Il-koordinazzjoni reġjonali — huwa meħtieġ sommarju tal-mekkaniżmi stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fejn l-ilmijiet tagħhom huma koperti minn din id-Direttiva u jaqgħu fi ħdan l-istess reġjun jew subreġjun tal-baħar.