20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/238


REGOLAMENT (UE) Nru 1296/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2013

dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46(d), l-Artikolu 149, l-Artikolu 153(2)(a) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ġie trażmess l-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu mal-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

B’mod konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata ‘Baġit għall-Ewropa 2020’, li tirrakkomanda r-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni u l-irfinar tal-enfasi tagħhom kemm fuq il-valur miżjud kif ukoll fuq l-impatti u r-riżultati tal-Unjoni, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovjazzjoni Soċjali (‘il-Programm’) sabiex jipprovdi għall-kontinwazzjoni u l-iżvilupp tal-attivitajiet imwettqa fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/UE (6) u d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li stabbiliet Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (7)‘il-Faċilità’).

(2)

Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew approva l-proposta tal-Kummissjoni għal Strateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv ("Ewropa 2020"), li tipprovdi għal ħames miri ewlenin (inklużi dawk li jittrattaw l-impjiegi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u l-edukazzjoni rispettivament) u seba’ inizjattivi ewlenin u li tikkostitwixxi qafas ta’ politika koerenti għall-għaxar snin li ġejjin. Il-Kunsill Ewropew irrakkomanda mobilizzazzjoni sħiħa tal-istrumenti u l-politiki xierqa tal-Unjoni għall-appoġġ tal-ksib tal-objettivi komuni u stieden lill-Istati Membri jżidu l-azzjoni koordinata tagħhom.

(3)

B’mod konformi mal-Artikolu 148(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill, tal-21 ta' Ottubru 2010, adotta linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi,li, flimkien mal-linji gwida wiesgħa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni adottati b’mod konformi mal-Artikolu 121 TFUE, jinkludu l-linji gwida integrati tal-Ewropa 2020. Il-Programm għandu jikkontribwixxi għall-ilħiq tal-miri tal-Ewropa 2020, u b’mod speċjali l-objettivi tagħha għat-tnaqqis tal-faqar u għall-impjiegi kif definiti fil-Linji gwida dwar l-Impjiegi. Għal dak il-għan, il-Programm għandu jappoġġja l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin, b’rabta speċjali mal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi u Żgħażagħ fl-Azzjoni, kif ukoll il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ.

(4)

L-inizjattivi ewlenin ta' Ewropa 2020 intitolati “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali” u “Unjoni tal-Innovazzjoni” jidentifikaw l-innovazzjoni soċjali bħala għodda b’saħħitha sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali li joriġinaw mit-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-faqar, il-qgħad, il-mudelli ġodda tax-xogħol u l-istili tal-ħajja, u l-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tal-ġustizzja soċjali, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. Il-Programm għandu jagħti appoġġ lil azzjoni sabiex tiżdied l-innovazzjoni soċjali bħala reazzjoni għall-bżonnijiet soċjali li ma jiġux issodisfati jew jiġu ssodisfati b’mod insuffiċjenti, fir-rigward tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-promozzjoni ta’ impjiegi b’livell għoli ta’ kwalità u sostenibbli, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u li tipprevjeni l-faqar, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-titjib tal-aċċess għat-taħriġ għall-persuni vulnerabbli, waqt li jitqies kif dovut ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali. Il-Programmgħandu jaġixxi wkoll bħala katalist għal sħubijiet u netwerking transnazzjonali bejn l-atturi tas-settur pubbliku, privat u t-tielet settur kif ukoll jagħti appoġġ fl-involviment tagħhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ approċċi ġodda fl-indirizzar ta’ ħtiġijiet u sfidi soċjali urġenti.

(5)

B’mod partikolari, il-Programm għandu jgħin biex jidentifika u janalizza soluzzjonijiet innovattivi u jespandi l-implimentazzjoni prattika tagħhom permezz ta’ esperimentazzjoni tal-politika soċjali, biex, fejn ikun meħtieġ, jgħin Stati Membri jkabbru l-effiċjenza tas-swieq tax-xogħol tagħhom u biex itejbu aktar il-politiki tagħhom dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni. L-esperimentazzjoni tal-politika soċjali hi testjar fuq il-post ta’ innovazzjonijiet soċjali abbażi ta’ proġetti. Hi tippermetti li tinġabar evidenza dwar il-fattibilità tal-innovazzjonijiet soċjali. Għandu jkun possibbli għall ideat li jkollhom suċċess li jiġu segwiti fuq skala usa' bl-appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), kif ukoll minn sorsi oħrajn.

(6)

Il-metodu miftuħ ta’ koordinament, filwaqt li ta prova tal-flessibilità u tal-effikaċja operazzjonali tiegħu fl-oqsma tal-politika soċjali u tal-impjiegi, għandu jintuża b’mod mifrux u għandu jibbenefika minn azzjonijiet appoġġjati mill-Programm.

(7)

Il-progress lejn żvilupp sostenibbli mil-lat soċjali u dak ambjentali fl-Ewropa jeħtieġ l-antiċipazzjoni u l-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi ġodda, li jwasslu għat-titjib fil-kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi, fil-kwalità tal-impjiegi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol permezz ta' politiki assoċjati dwar l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol u dawk soċjali b'rabta mal-bidla tal-industriji u s-servizzi. Il-Programm għandu għalhekk jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi u fis-settur tas-saħħa u l-ICT li jkunu ta’ kwalità u sostenibbli, kif ukoll l-antiċipar u l-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi ġodda għal impjiegi ġodda ta' kwalità u sostenibbli billi l-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali jintrabtu mal-politiki industrijali u strutturali u billi jappoġġjaw bidla lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u b'użu baxx tal-karbonju. B'mod partikolari, il-Programm għandu jaġixxi bħala katalist biex jiġi studjat il-potenzjal tal-ħolqien ta’ impjiegi ta' investimenti ambjentali u soċjali mmexxija mis-settur pubbliku u tal-inizjattivi tal-impjiegi lokali u reġjonali.

(8)

Il-Programm għandu jieħu kont, fejn ikun rilevanti, għad-dimensjoni territorjali tal-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u speċjalment tal-inugwaljanzi li qed jiżdiedu fir-reġjuni u bejniethom, bejn iż-żoni rurali u l-bliet kif ukoll fil-bliet stess.

(9)

Jeħtieġ li jiġu kkonsolidati d-dimensjonijiet soċjali tas-suq intern. Fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-fiduċja fis-suq intern, inkluż il-moviment liberu tas-servizzi, billi tiżgura rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, huwa neċessarju li jiġi żgurat status rispettivgħad-drittijiet kemm tal-ħaddiema kif ukoll tal-intraprendituri għal-libertà tal-moviment għandhom jingħataw status ugwali fl-Unjoni kollha.

(10)

B’konformità ma' Ewropa 2020, il-Programm għandu juża approċċ koerenti sabiex jippromwovi l-impjiegi ta' kwalità u sostenibbli, kif ukoll jiġġieled u jipprevjeni l-esklużjoni soċjali u l-faqar filwaqt li jqis il-bżonn li jirrispetta l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-implimentazzjoni tal-Programm għandu jiġi razzjonalizzat u ssimplifikat, l-aktar permezz ta’ sett ta’ dispożizzjonijiet komuni li fost l-oħrajn jinkludu għanijiet ġenerali u arranġamenti ta’ sorveljar u evalwazzjoni. Il-Programm għandu jiffoka fuq proġetti, irrispettivament mid-daqs tagħhom, b’valur miżjud ċar tal-Unjoni. Sabiex inaqqas il-piżijiet amministrattivi, il-Programm għandu jappoġġja l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ netwerks u sħubijiet. Barra minn hekk, l-opzjonijiet ta’ nfiq simplifikat (iffinanzjar b’somma f’daqqa u ffinanzjar b’rata fissa) għandhom jintużaw aktar b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ mobilità waqt li tkun żgurata t-trasparenza tal-proċedimenti. Il-Programm għandu jkun post fejn wieħed jinqeda f’dak kollu li jkun jeħtieġ għall-fornituri ta’ mikrofinanzjament, fil-livell tal-Unjoni, billi jipprovdi finanzjament għall-mikrokrediti u l-intraprenditorija soċjali, jiffaċilita l-aċċess għas-self u jagħti l-assistenza teknika.

(11)

B'kunsiderazzjoni tal-fondi limitati disponibbli għall-programm u l-preallokazzjoni ta' dawn il-fondi għad-diversi assi, il-prijorità tal-finanzjament għandha tingħata lill-iżvilupp ta' strutturi b'effett multiplikatur ċar li jkunu ta' benefiċċju għal aktar attivitajiet u inizjattivi. Għandhom jiddaħħlu fis-seħħ ukoll miżuri xierqa sabiex tiġi evitata kull possibilità ta' sovrappożizzjoni u/jew finanzjament doppju ma' fondi jew programmi oħrajn, b'mod partikolari mal-Fond Soċjali Ewropew.

(12)

L-Unjoni għandha titgħammar b' evidenza ibbażata fuq analiżi soda sabiex tappoġġja t-tfassil tal-politika fil-qasam tal-impjiegi u f'dak soċjali, b’attenzjoni speċjali għall-impatt tal-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi. Tali evidenza żżid il-valur għal azzjoni nazzjonali billi tiġi pprovduta dimensjoni tal-Unjoni u tqabbil għall-ġbir ta’ data u billi tiżviluppa għodod u metodi statistiċi u indikaturi komuni, bl-iskop li tiġi mfassla stampa sħiħa tas-sitwazzjoni fl-oqsma tal-impjiegi, il-politika soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol madwar l-Unjoni u biex tiġi żgurata l-evalwazzjoni ta’ kwalità għolja tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-programmi u l-politiki, bil-għan, fost l-oħrajn, li jintlaħqu l-miri ta' Ewropa 2020.

(13)

L-Unjoni tinsab f’pożizzjoni unika sabiex tipprovdi pjattaforma għal skambji ta’ politika u tagħlim reċiproku bejn il-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm fl-oqsma tal-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-intraprenditorija soċjali. Għarfien tal-politiki applikati f’pajjiżi oħra u tar-riżultati tagħhom, inklużi dawk milħuqa permezz ta’ esperimentazzjoni tal-politika soċjali fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, iwessa’ l-firxa ta’ opzjonijiet disponibbli għal persuni li jfasslu l-politika, biex b’hekk jiskatta żviluppi ġodda ta’ politika.

(14)

Hija karatteristika ewlenija tal-politika soċjali Unjoni li jiġi żgurat li l-istandards minimi jkunu fis-seħħ u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jittejbu kostantament fl-Unjoni. L-Unjoni għandha rwol importanti sabiex tiżgura li l-qafas leġislattiv huwa adattat fl-iżvilupp ta’ mudelli tax-xogħol u riskji ġodda tas-saħħa u s-sigurtà, b'kunsiderazzjoni ta' "xogħol diċenti" kif ukoll tal-prinċipji ta' "Regolamentazzjoni Intelliġenti". L-Unjoni għandha rwol importanti wkoll fil-finanzjament ta' miżuri li jtejbu l-konformità mal-istandards tax-xogħol skont Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ratifikati u mar-regolital-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema. Din hija b'mod partikolari il-każ ta' miżuri għas-sensibilizzazzjoni (eż. permezz ta' tikketta soċjali), għat-tixrid tal-informazzjoni u għall-promozzjoni tad-dibattitu dwar l-isfidi ewlenin u l-kwistjonijiet politiċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż fost l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra, kif ukoll għall-promozzjoni ta' miżuri għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, għall-bidu ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni u għat-trawwim tal-kultura ta' prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

(15)

Imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' impjiegi ta' kwalità u fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-qgħad. Għalhekk, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom, fejn ikun xieraq, ikunu involuti fit-tagħlim reċiproku u fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u t-tixrid ta’ politiki ġodda. Il-Kummissjoni għandha tinforma u taqsam il-fehmiet mal-imsieħba soċjali tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar ir-riżultati rigward l-implimentazzjoni tal-Programm.

(16)

L-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni, u tiġġieled kontra d-dumping soċjali, billi tippromwovi xogħol diċenti u standards tax-xogħol, mhux biss fil-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm iżda wkoll internazzjonalment, jew direttament vis-à-vis pajjiżi terzi jew indirettament permezz ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu żviluppati relazzjonijiet xierqa ma’ pajjiżi terzi li mhumiex qed jipparteċipaw fil-Programm sabiex jgħinuha tilħaq l-objettivi tagħha, wara li tikkunsidra kwalunkwe ftehimiet rilevanti bejn dawn il-pajjiżi u l-Unjoni. Dan jista’ jinvolvi l-attendenza ta’ rappreżentanti ta’ dawk il-pajjiżi terzi f’avvenimenti ta’ interess reċiproku (bħal konferenzi, workshops u seminars) li jsiru f’pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-Programm. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni għandha tiġi żviluppata mal-organizzazzjonijiet internazzjonali konċernati, b’mod partikolari l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u korpi rilevanti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), bil-ħsieb li jiġi implimentat il-Programm b’mod li jqis ir-rwol ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

(17)

B’mod konformi mal-Artikoli 45 u 46 tat-TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet maħsuba sabiex jinkiseb il-moviment liberu għall-ħaddiema fuq bażi mhux diskriminatorja billi jiżgura l-kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi ċentrali tal-impjiegi tal-Istati Membri u mal-Kummissjoni. EURES, li huwa n-netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi għandu jippromwovi l-funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol billi jiffaċilita l-mobbiltà volontarja ġeografika transnazzjonali transfruntiera tal-ħaddiema, jipprovdi akbar trasparenza fuq is-suq tax-xogħol, jiżgura l-ikklerjar ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għax-xogħol u jappoġġja attivitajiet fl-oqsma tas-servizzi tal-kollokament, tar-reklutaġġ, pariri u konsulenza fil-livell nazzjonali u transfruntiera, b’hekk ikun qed jikkontribwixxi għall-objettivi ta' Ewropa 2020. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jintegraw is-servizzi tal-EURES, li jagħmluhom disponibbli f'post wieħed ("one-stop shop"), fejn ikun xieraq.

(18)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta’ EURES għandu jitwessa’ sabiex jinkludi l-iżvilupp u l-appoġġ ta' skemi ta’ mobbiltà mmirati, wara sejħa għal proposti, fil-livell tal-Unjoni bil-ħsieb li jimtlew postijiet tax-xogħol battala fejn ġew identifikati nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol. B’mod konformi mal-Artikolu 47 TFUE, dawk l-iskemi għandhom jappoġġjaw il-faċilitazzjoni tal-mobbiltà volontarja fost ħaddiema żgħażagħ fl-Unjoni. Skemi mmirati tal-mobilità, bħalma huma dawk ibbażati fuq l-azzjoni preparatorja 'L-ewwel xogħol EURES tiegħek', għandhom jagħmluha aktar faċli għaż-żgħażagħ li jaċċessaw opportunitajiet ta’ impjiegi u li jsibu xogħol fi Stat Membru ieħor, u għandhom ukoll iħeġġu lil min iħaddem biex joħloq opportunitajiet tax-xogħol għal ħaddiema żgħażagħ mobbli. Madankollu, skemi tal-mobilità m’għandhomx jiskoraġġixxu lill-Unjoni u lill-Istati Membri milli jgħinu liż-żgħażagħ sabiex isibu l-ewwel xogħol tagħhom f’pajjiżhom.

(19)

F’bosta reġjuni mal-fruntieri, is-sħubijiet transfruntiera tal-EURES għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol Ewropew ġenwin. Kull wieħed mis-sħubijiet transfruntiera tal-EURES jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri jew Stat Membru u pajjiż parteċipanti ieħor, Konsegwentement, huma ta' natura orizzontali ċara u huma sors ta' valur miżjud tal-Unjoni. Is-sħubiji transfruntiera EURES għandhom, għalhekk, jibqgħu jiġu appoġġjati permezz ta’ attivitajiet orizzontali tal-Unjoni, bil-possibilita' li jkunu kumplimentati bir-riżorsi nazzjonali jew il-FSE.

(20)

L-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-EURES għandha tqis kriterji kwalitattivi u kwantitattivi. Peress li impjiegi li qed jintemmu fi Stat Membru wieħed jirriżultaw f'bidu ta’ impjiegi fi Stat Membru ieħor u skont is-sitwazzjonijiet tas-suq tax-xogħol li dejjem qed jinbidlu u mudelli tal-mobilità relatati, l-evalwazzjoni għandha tiffoka mhux biss fuq l-impjiegi li qed jibdew u li qed jintemmufi Stati Membri individwali iżda wkoll fuq iċ-ċifri aggregati fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandu jitqies li l-konsulenza ma tirriżultax neċessarjament f’mobilità li titkejjel jew f'kollokamenti ta' xogħol.

(21)

Ewropa 2020, u b’mod partikolari l-Linja Gwida 7 prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE (8), tidentifika l-impjieg indipendenti u l-intraprenditorija bħala kruċjali sabiex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

(22)

In-nuqqas ta’ aċċess għal kreditu, ekwità jew kważi-ekwità huwa wieħed mill-ostakli għall-ħolqien tan-negozju, speċjalment fost il-persuni l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol. Sforzi tal-Unjoni u nazzjonali f’dan il-qasam jeħtieġ li jintensifikaw sabiex jiżdiedu l-provvista u l-aċċess għal, mikrofinanzjament sabiex tintlaħaq id-domanda minn dawk li jetiġuha l-aktar, u b’mod partikolari persuni qiegħda, nisa u vulnerabbli li jixtiequ jibdew jew jiżviluppaw mikrointrapriża, inkluż fuq il-bażi ta’ impjieg indipendenti, iżda li m’għandhomx aċċess għal kreditu. Barra minn hekk, il-mikrointrapriżi jiffurmaw il-maġġoranza tal-kumpaniji li għadhom kif twaqqfu fl-Unjoni. Għalhekk, għandu jkun possibbli li l-mikrokrediti joffru mezz sabiex jiżdied il-valuru jakkwistaw riżultati konkreti bil-ħeffa. Bħala l-ewwel pass, fl-2010 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill waqqfu l-Faċilità. Għandhom jitjiebu l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni dwar opportunitajiet ta’ mikrofinanzjament fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, sabiex jilħqu aktar lil dawk li jeħtieġu l-mikrofinanzjament.

(23)

Il-mikrofinanzjament u l-appoġġ għall-intraprenditorija soċjali għandu jilħaq benefiċjarji potenzjali u għandu jkollu impatt dejjiemi. Huma għandhom jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli, u jservu ta’ katalista sew għall-politiki ekonomiċi kif ukoll għal dawk tal-iżvilupp lokali. Bil-għan li jimmassimizzaw l-opportunitajiet għall-ħolqien ta’ intrapriżi vijabbli,azzjonijiet li jinvolvu l-mikrofinanzjament u l-intraprenditorija soċjali għandu jkollhom magħhom programmi ta’ mentoring u taħriġ kif ukoll l-informazzjoni rilevanti kollha, li għandhom jiġu aġġornati regolarment u jiġu magħmula disponibbli għall-pubbliku mill-fornitur tal-finanzi konċernat. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li jiġi pprovdut finanzjament adegwat, b' mod partikolari permezz tal-ESF.

(24)

Sabiex il-mikrofinanzjament ikun aktar disponibbli fis-suq tal-mikrofinanzjament li għadu qed jiżviluppa tal-Unjoni, jirrendi neċessarju li tiżdied il-kapaċità istituzzjonali tal-fornituri tal-mikrofinanzjament, u b’mod partikolari dik ta’ istituzzjonijiet tal-mikrofinanzjament mhux bankarji, b’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2007 intitolata 'Inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikro kreditu b'appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi' u r-Rapport tal-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 2008 intitolat 'Il-Promozzjoni tal-Innovaturi Nisa u tal-Intraprenditorija tan-Nisa'.

(25)

L-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali jikkostitwixxu parti integrali tal-ekonomija soċjali tas-suq pluralistika tal-Ewropa, u għandhom rwol importanti li jiżguraw konverġenza soċjali akbar fl-Ewropa. Dawn huma bbażati fuq il-prinċipji ta' solidarjetà u responsabbiltà u tal-preminenza tal-individwu u tal-objettivi soċjali fuq il-kapital, u dwar il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali, il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali. L-intrapriżi soċjali jistgħu jaġixxu bħala l-muturi tal-bidla soċjali billi joffru soluzzjonijiet innovattivi, jippromwovu swieq tax-xogħol inklussivi u servizzi soċjali li jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Għalhekk jagħmlu kontribuzzjoni siewja sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020, Il-Programm għandu jtejjeb l-aċċess tal-intrapriżi soċjali għal tipi differenti ta' finanzjament billi jipprovdi strumenti xierqa sabiex jilħqu l-ħtiġijiet finanzjarji speċifiċi fiċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom.

(26)

Sabiex tiġi kapitalizzata l-esperjenza ta' entitajiet bħal pereżempju l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, azzjoni li tinvolvi l-mikrofinanzjament u l-intraprenditorija soċjali għandha tiġi implimentata mill-Kummissjoni b’mod indirett billi tagħmel lil dawn l-entitajiet responsabbli mill-kompiti relatati mal-implimentazzjonijiet tal-baġit skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ("ir-Regolament Finanzjarju"). L-użu tar-riżorsi tal-Unjoni jikkonċentra l-ingranaġġ minn istituzzjonijiet finanzjarji u investituri oħra, joħloq sinerġiji bejn l-Istati Membri u l-azzjoni tal-Unjoni u jgħaqqad l-approċċi. B’hekk itejjeb l-aċċess għal finanzjament ta’ gruppi partikolarment fir-riskju u ż-żgħażagħ, kif ukoll it-twassil tal-mikrofinanzjament lilhom. Aċċess għall-finanzjament għal mikrointrapriżi, inklużi l-ħaddiema għal rashom, u intrapriżi soċjali, hu wkoll imtejjeb. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għalhekk tassisti fl-iżvilupp tas-settur tan-negozju soċjali emerġenti u s-suq tal-mikrofinanzjament fl-Unjoni u tinkoraġġixxi l-attivitajiet transfruntiera. L-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkumplimentaw l-użu mill-Istati Membri tal-istrumenti finanzjarji għall-mikrofinanzjament u l-intraprenditorija soċjali. L-entitajiet delegati bl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għandhom jiżguraw li huma jżidu l-valur tal-Unjoni u li ma jidduplikawx finanzjament ieħor mir-riżorsi tal-Unjoni.

(27)

F' konformità ma' Ewropa 2020, il-Programm għandu jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-problema urġenti tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ għandhom għalhekk jingħataw futur u l-prospett li jkollhom rwol ewlieni biex jiżviluppaw is-soċjetà u l-ekonomija fl-Ewropa, fattur ta' importanza partikolari fi żmien ta' kriżi.

(28)

Il-Programm għandu jindika wkoll ir-rwol u l-importanza speċjali tal-intrapriżi rigward taħriġ, kompetenza u għarfien tradizzjonali, kif ukoll jiżgura li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għall-mikrofinanzjament. Il-Programm għandu jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u pajjiżi oħra li jipparteċipaw fil-Programm f'dawk l-oqsma kollha.

(29)

L-azzjonijiet taħt il-Programm għandhom jappoġġjaw l-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-atturi tas-suq tax-xogħol tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 (10) dwar l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. Dik ir-Rakkomandazzjoni tiddikjara li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta’ 25 sena għandhom jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali. Il-Programm għandu jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri u pajjiżi oħra li jipparteċipaw fil-Programm f'dan il-qasam.

(30)

B’mod konformi mal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-TFUE, jeħtieġ li jkun żgurat li l-Programm jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-assi u fl-attivitajiet kollha tiegħu permezz tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u, fejn ikun rilevanti, permezz tal-azzjoni speċifika għall-promozzjoni tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali tan-nisa. F'konformità mal-Artikolu 10 tat-TFUE, il-Programm għandu jiżgura li l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tiegħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Monitoraġġ u evalwazzjoni għandhom jitwettqu sabiex jiġi evalwat il-mod li bih il-kwistjonijiet tal-antidiskriminazzjoni jiġu indirizzati fl-attivitajiet tal-Programm.

(31)

Il-Programm Progress għall-perjodu 2007-2013 jinkludi taqsimiet intitolati 'L-Antidiskriminazzjoni u d-diversità' u 'L-Ugwaljanza bejn is-Sessi' li għandhom ikomplu u jiġu żviluppati iktar taħt il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza għall-perjodu 2014-2020. Huwa, madankollu, tal-akbar importanza li tinżamm enfasi qawwija fuq il-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tal-antidiskriminazzjoni fl-inizjattivi u l-azzjonijiet rilevanti kollha koperti mill-Programm, speċjalment fil-qasam tat-titjib tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-promozzjoni ta’ bilanċ aħjar bejn il-ħajja professjonali u dik privata.

(32)

Skont l-Artikolu 9 tat-TFUE u l-objettivi ta' Ewropa 2020, il-Programm għandu jikkontribwixxi biex jiżgura livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u għandu jieħu kont tar-rekwiżiti marbuta ma' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(33)

Il-Programm għandu jikkumplimenta programmi oħra tal-Unjoni, filwaqt li jirrikonoxxi li kull strument għandu jaħdem skont il-proċeduri speċifiċi tiegħu stess. B’hekk, l-istess spejjeż eliġibbli ma għandhomx jirriżultaw f' finanzjament doppju. Bil-għan li jiżdied il-valur u jinkiseb l-impatt sostanzjali permezz ta' finanzjament tal-Unjoni, għandhom ikunu żviluppati sinerġiji mill-qrib bejn il-Programm, programmi oħrajn tal-Unjoni u l-Fondi Strutturali, speċjalment l-FSE u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ. Il-Programm għandu jikkumplimenta l-programmi tal-Unjoni u l-inizjattivi li jiffukaw fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ.

(34)

Il-Programm għandu jiġi implimentat b' mod li jagħmilha faċli għall-awtorità jew awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-Programm.

(35)

Biex tiġi żgurata komunikazzjoni iktar effiċjenti lill-pubbliku ġenerali u sinerġiji iktar b'saħħithom bejn l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni mwettqa fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, ir-riżorsi allokati għall-attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni skont dan il-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva u għaforniment tal-informazzjoni dwar il-prioritajiet politiċi tal-Unjoni relatati għall-objettivi ġenerali ta' dan il-Programm.

(36)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-Programm li jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza essenzjali, fit-tifsira tal-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali [ ta' 2 ta' Diċembru 2013] bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba (11), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(37)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonali matul iċ-ċiklu tan-nefqa kollu kemm hu, inklużi l-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi li jkunu ntilfu, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u, fejn xieraq, penali skont ir-Regolament Finanzjarju

(38)

Biex ikun żgurat li l-Programm ikun flessibbli biżżejjed biex jirreaġixxi għall-ħtiġijiet li jinbidlu u għall-prijoritajiet korrispondenti ta’ politika tul id-dewmien tiegħu, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi bejn l-assi u t-taqsimiet tematiċi individwali fi ħdan l-assi tal-Programm. Meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(39)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati b'mod konformi mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 (12).

(40)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (‘il-Programm’) li għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta ' Ewropa 2020, inklużi l-miri ewlenin tagħha, il-Linji Gwida Integrati u l-inizjattivi ewlenin billi jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-għanijiet tal-Unjoni f’termini ta’ promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u sostenibbli, garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u diċenti, u ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar u t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

2.   Il-Programm għandu jibda mill-1 ta’ Jannar 2014 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

"intrapriża soċjali" tfisser impriża, irrispettivament mill-forma legali tagħha, li:

(a)

f'konformita' mal-Artikoli ta' Assoċjazzjoni, Statuti jew ma' kwalunkwedokument legali ieħor li tkun stabbilita permezz tiegħu, għandha, bħala objettiv primarju, l-ilħiq ta' impatti soċjali pożittivi li jistgħu jitkejlu, aktar milli l-ġenerazzjoni ta' profitti għas-sidien, il-membri u l-partijiet interessati tagħha, u li:

(i)

tipprovdi servizzi jew prodotti li jiġġeneraw rendiment soċjali u/jew

(ii)

timpjega metodu ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi li jinkludu l-objettiv soċjali tagħha;

(b)

tinvesti l-profitti tagħha l-ewwel u qabel kollox biex tilħaq l-objettiv primarju tagħha u jkollha implimentati proċeduri u regoli predefiniti li jkopru kwalunkwe distribuzzjoni tal-profitti lill-partijiet interessati jew lis-sidien, sabiex ikun żgurat li tali distribuzzjoni ta’ profitti ma timminax l-objettiv primarju;u,

(c)

tkun immaniġjata b’mod intraprenditorjali, responsabbli u trasparenti, b’mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, klijenti u partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet ta’ negozju tagħha;

(2)

‘mikrokreditu’ tfisser self sa EUR 25 000;

(3)

"mikrointrapriża" tfisser intrapriża, inkluż persuna li taħdem għal-rasha, li tħaddem inqas minn 10 persuni,u li d-dħul annwali jew it-total tal-karta tal-bilanċ annwali tagħha ma jeċċedix EUR 2 miljun, b’mod konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (13),

(4)

"mikrofinanzjament" jinkludi garanziji, mikrokreditu, ekwità u kważi-ekwità estiżi għal persuni u mikrointrapriżi li jesperjenzaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-kreditu;

(5)

"innovazzjonijiet soċjali" huma innovazzjonijiet li huma soċjali kemm fil-finijiet tagħhom kif ukoll fil-mezzi li jużaw biex jaslu għal dawk il-finijiet u b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ideat ġodda (dwar prodotti, servizzi u mudelli) li fl-istess ħin jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali u joħolqu relazzjonijiet soċjali ġodda jew kollaborazzjonijiet, biex b' hekk ikun ta' benefiċċju s-soċjetà u jagħtu spinta lill-kapaċità tagħha li taġixxi;

(6)

"esperimentazzjoni tal-politika soċjali" tfisser interventi politiċi li li joffru risposta innovattiva għall-ħtiġijiet soċjali, implimentati fuq skala żgħira u f'kondizzjonijiet li jippermettu li l-impatt tagħhom jiġi mkejjelqabel ma jiġu ripetuti fuq skala ikbar, jekk ir-riżultati jkunu konvinċenti.

Artikolu 3

Struttura tal-Programm

1.   Il-Programm għandu jkun magħmul mit-tliet assi ta' kumplimentarjetà li ġejjin:

(a)

L-assi Progress, li għandu jappoġġja l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' strumenti u politiki tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 u l-liġi rilevanti tal-Unjoni, u li għandu jippromwovi t-tfassil ta’ politika bbażata fuq evidenza, l-innovazzjoni soċjali u l-progress soċjali, bi sħubija mal-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra u korpi pubbliċi u privati;

(b)

L-assi EURES, li għandu jappoġġja l-attivitajiet imwettqa mill-EURES, jiġifieri s-servizzi speċjalizzati magħżula mill-Istati taż-ŻEE u l-Konfederazzjoni Svizzera, flimkien ma’ sħab soċjali, fornituri oħra tas-servizzi tal-impjiegi u partijiet interessati oħra, għall-iżvilupp ta’ skambji u tixrid ta’ informazzjoni u forom oħra ta’ kooperazzjoni, bħas-sħubiji transfruntiera, għall-promozzjoni tal-mobilità volontarja ġeografika għall-ħaddiema fuq bażi ġusta u għall-kontribuzzjoni għal livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli;

(c)

L-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali, li għandha iżżid l-aċċess u d-disponibilità tal-finanzjament tal-persuni ġuridiċi u fiżiċi, skont l-Artikolu 26.

2.   Id-dispożizzjonijiet komuni stabbiliti f' dan it-Titolu għandhom japplikaw għat-tliet assi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, flimkien mad- dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Titolu II.

Artikolu 4

Objettivi ġenerali tal-Programm

1.   Il-Programm għandu jipprova jilħaq l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

isaħħaħ ir-responsabbiltà fost dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha, u jipproduċi azzjonijiet konkreti, ikkoordinati u innovattivi kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll tal-Istat Membru, fir-rigward tal-objettivi tal-Unjoni fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali, kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u korpi pubbliċi u privati;

(b)

jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali u swieq tax-xogħol adegwati, aċċessibbli u effiċjenti u jiffaċilita r-riforma tal-politika, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, speċjalment billi ssir promozzjoni ta' kundizzjonijiet ta' xogħol u ħidma diċenti, kultura ta' prevenzjoni għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, bilanċ aktar f'saħħtu bejn il-ħajja professjonali u dik privata, u governanza tajba għall-objettivi soċjali, inkluż il-konverġenza, kif ukoll it-tagħlim reċiproku u l-innovazzjoni soċjali;

(c)

jiżgura li l-liġi tal-Unjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 tiġi applikata b'mod effettiv u, fejn meħtieġ, tikkontribwixxi għall-immodernizzar tal-liġi tal-Unjoni b'mod konformi mal-prinċipji ta' xogħol diċenti, u b'kunsiderazzjoni tal-prinċipji ta' Regolamentazzjoni Intelliġenti;

(d)

jippromwovi l-mobilità ġeografika volontarja tal-ħaddiema fuq bażi ġusta u jsaħħaħ l-opportunitajiet tax-xogħol billi jiżviluppa swieq tax-xogħol tal-Unjoni ta’ kwalità għolja u inklussivi li jkunu miftuħin u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jiġu id-drittijiet tal-ħaddiema fl-Unjoni kollha, inkluż il-moviment ħieles;

(e)

jippromwovi l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali billi jżid id-disponibbiltà u l-aċċessibilità tal-mikrofinanzjament għal nies vulnerabbli li jkunu jixtiequ jibdew mikrointrapriża kif ukoll mikrointrapriżi eżistenti, u billi jagħti aċċess akbar għall-finanzjament għall-intrapriżi soċjali.

2.   Fit-twettiq ta' dawn l-objettivi, fl-assi u fl-azzjonijiet kollha tiegħu, il-Programm għandu jkollu l-għan li:

(a)

jagħti attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli, bħal pereżempju ż-żgħażagħ;

(b)

jippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż permezz tal-integrazzjoni tas-sessi u, fejn ikun xieraq, l-ibbaġitjar skont is-sess;

(c)

jiġġieled id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, l-oriġini tar-razza jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

(d)

meta tiddefinixxi u timplementa il-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni, jippromwovi livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli, garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u deċenti, jiġġieled kontra l-qgħad fit-tul u kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Artikolu 5

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandu jammonta għal EUR 919 469 000 fi prezzijiet attwali.

2.   Il-persentaġġi indikattivi li ġejjin għandhom jiġu allokati għall-assi stabbiliti fl-Artikolu 3 (1):

(a)

61 % għall-assi Progress;

(b)

18 % għall-assi EURES;

(c)

21 % għall-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu ta' mhux aktar minn 2 % tal-pakkett finanzjarju imsemmi fil-paragrafu 1 għall-finanzjament tal-infiq operattiv għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Programm.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu mill-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għall-assistenza finanzjarja, teknika u/jew amministrattiva, b’mod partikolari b’rabta mal-awditjar, l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni, il-laqgħat tal-esperti, u l-attivitajiet tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għall-benefiċċju reċiproku tal-Kummissjoni ul-benefiċjarji.

5.   Approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 6

Azzjoni konġunta

Azzjonijiet eliġibbli taħt il-Programm jistgħu jiġu implimentati b’mod konġunt ma’ strumenti oħra tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li dawn l-azzjonijiet jissodisfaw l-objettivi kemm tal-Programm kif ukoll ta’ strumenti oħra konċernati.

Artikolu 7

Konsistenza u kumplimentarjetà

1.   Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura li l-attivitajiet imwettqa taħt il-Programm huma konsistenti, u komplimentari ma’ azzjoni oħra tal-Unjoni, bħal pereżempju l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ESIFs), kif speċifikati fil-Qafas Strateġiku Komuni stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), u b'mod partikolari skont il-FSE.

2.   Il-Programm għandu jikkumplimenta programmi oħra tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri speċifiċi ta' dawk il-programmi. L-istess spejjeż eliġibbli ma għandhomx jirriżultaw f' finanzjament doppju, u sinerġiji mill-qrib għandhom ikunu żviluppati bejn il-Programm, programmi oħrajn tal-Unjoni u l-ESIFs, b'mod partikolari l-FSE.

3.   L-attivitajiet appoġġjati mill-Programm għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, inklużi r-regoli dwar l-għajnuna tal-istat, u l-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO.

4.   Il-konsistenza u l-kumplimentarjetà għandhom jiġu żgurati wkoll permezz ta’ involviment mill-qrib minn awtoritajiet lokali u reġjonali.

Artikolu 8

Kooperazzjoni ma' korpi rilevanti

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rabtiet meħtieġa mal-Kumitat tal-Impjiegi, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, il-Grupp tad-Diretturi Ġenerali għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema sabiex tiżgura li dawn ikunu informati regolarment u b’mod xieraq fir-rigward tal-progress fl-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll kumitati oħrajn li jittrattaw il-politiki, l-istrumenti u l-azzjonijiet rilevanti għall-Programm.

Artikolu 9

Tixrid ta' riżultati u komunikazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tinforma l-partijiet interessati tal-Unjoni, inklużi l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar ir-riżultati li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-Programm u għandha tagħmel stedina għall-iskambju ta' opinjonijiet f'dak ir-rigward.

2.   Ir-riżultati tal-azzjonijiet implimentati taħt il-Programm għandhom jiġu regolarment ikkomunikati u mxerrda b’mod xieraq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll lill-imsieħba soċjali u lill-pubbliku sabiex jiġu massimizzati l-impatt, is-sostenibilità u l-valur miżjud tal-Unjoni.

3.   Attivitajiet tal-komunikazzjoni għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jinkorporaw il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea sakemm huma relatati mal-għanijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament, u għandhom jipprovdu informazzjoni dwar dawk il-prijoritajiet lill-pubbliku.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Il-Kummisssjoni għandha tiġġestixxi l-Programm b’mod konformi mar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-ftehim tal-għotja għandu jispeċifika liema parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni se tkun ibbażata fuq ir-rimborż tal-ispejjeż attwali eliġibbli, u liema parti se tkun ibbażata fuq rati fissi, spejjeż ta' kull unità jew somom f'daqqa.

Artikolu 11

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri preventivi xierqa biex tiżgura li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan il-Programm jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, ir-riżorsi jiġu rkuprati, primarjament permezz tal-kumpens tal-ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, fejn xieraq permezz ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, f' konformita' mal-Artikolu 325 tat-TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (15) u r-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, fuq il-bażi tad-dokumenti u verifiki fuq il-post, fir-rigward tal-benefiċjarji kollha tal-għotja, il-kuntratturi u sottokuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni skont il-Programm.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (EU, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (17), bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk ġiex imwettaq att ta' frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f'konnessjoni ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt il-Programm.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm għandu jkollhom dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali verifiki u investigazzjonijiet imsemmija f'dawk il-paragrafi, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 12

Monitoraġġ

Bil-ħsieb tal-monitoraġġ regolari tal-Programm u kwalunkwe aġġustamenti meħtieġa għall-politika u l-prijoritajiet ta’ finanzjament tiegħu, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport ta' monitoraġġ kwalitattiv u kwantitattiv li jkopri l-ewwel sena, segwit minn tlett rapporti kwalitattivi u kwantitattivi li jkopru perjodi konsekuttivi ta' sentejn u għandha tibgħat dawk ir-rapporti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi wkoll, għall-finijiet ta' informazzjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Ir-rapporti għandhom ikopru r-riżultati tal-Programm u l-punt safejn il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-integrazzjoni tas-sessi ġew applikati, u kif ukoll,kif il-kunsiderazzjonijiet tal-antidiskriminazzjoni, inklużi kwistjonijiet tal-aċċessibilità, ġew indirizzati permezz tal-attivitajiet tiegħu. Ir-rapporti għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biex tittejjeb it-trasparenza tal-Programm.

Artikolu 13

Evalwazzjoni

1.   Evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-Programm għandha titwettaq sa l-1 ta' Lulju 2017 sabiex jitkejjel, fuq bażi kwalitattiva u kwantitattiva, il-progress fl-ilħuq tal-objettivi tal-Programm, jiġi indirizzat l-ambjent soċjali fl-Unjoni u kwalunkwe bidla kbira introdotta mil-leġislazzjoni tal-Unjoni, jiġi ddeterminat jekk ir-riżorsi tal-Programm ntużawx b'mod effiċjenti u sabiex jiġi vvalutat il-valur miżjud tiegħu għall-Unjoni. Ir-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Jekk l-evalwazzjoni msemmija f'paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jew kwalunkwe evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE jew l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE, tiżvela li l-Programm għandu nuqqasijiet prinċipali, l-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, inklużi emendi xierqa għall-Programm li jieħdu kont tar-riżultati tal-evalwazzjoni.

3.   Qabel ma tiġi ppreżentata kwalunkwe proposta għat-tiġdid tal-Programm lil hinn mill-2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni dwar is-saħħa u n-nuqqasijiet kunċettwali tal-Programm tal-perjodu 2014-2020 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.

4.   Sal-31 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tevalwa ex-post l-impatt tiegħu u l-valur miżjud tal-Programm tal-Unjoni u għandha tgħaddi rapport li fiha dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

TITOLI II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-ASSI TAL-PROGRAMM

KAPITOLU I

L-assi progress

Artikolu 14

Taqsimiet tematiċi u finanzjament

1.   L-assi Progress għandu jappoġġja l-azzjonijiet f'waħda jew aktar mit-taqsimiet tematiċi mniżżla fil-punti (a), (b) u (c). Matul il-perjodu kollu tal-Programm, it-tqassim indikattiv tal-allokazzjoni stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 5(2) bejn it-taqsimiet differenti għandu jirrispetta l-perċentwali minimi li ġejjin:

(a)

impjieg, partikolarment biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ: 20 %;

(b)

il-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis u l-prevenzjoni tal-faqar: 50 %;

(c)

il-kundizzjonijiet tax-xogħol: 10 %.

Il-bqija għandu jiġi allokat għall-waħda jew aktar mit-taqsimiet tematiċi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) jew kombinament tagħhom.

2.   Għall-allokazzjoni ġenerali għall-assi Progress, u fl-oqsma differenti tat-taqsimiet tematiċitiegħu, għandhom jiġu allokati 15 % sa 20 % għall-promozzjoni tal-esperimentazzjoni soċjali bħala metodu għall-ittestjar u l-evalwazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi bil-ħsieb li jiżdiedu proporzjonalment.

Artikolu 15

Objettivi speċifiċi

Minbarra l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4, l-objettivi speċifiċi tal-assi Progress għandhom ikunu:

(a)

żvilupp u tixrid ta’ għarfien analitiku komparattiv ta’ kwalità għolja sabiex jiġi żgurat li l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 ikunu bbażati fuq evidenza soda u jkunu rilevanti għall-ħtiġijiet, l-isfidi u l-kundizzjonijiet fl-Istati Membri individwali u pajjiżi oħra parteċipanti fil-Programm;

(b)

faċilitazzjoni ta' kondiviżjoni ta’ informazzjoni inklussiva u effettiva, tagħlim reċiproku u djalogu dwar l-impjiegi u l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali sabiex l-Istati Membri u pajjiżi oħra parteċipanti fil-Programm jiġu assistiti fl-iżvilupp tal-politiki tagħhom u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(c)

provvista ta’ appoġġ finanzjarju sabiex jittestjaw l-innovazzjonijiet tal-politika soċjali u tas-suq tax-xogħol u, fejn ikun meħtieġ, jibnu l-kapaċità tal-atturi ewlenin sabiex ifasslu u jimplimentaw esperimentazzjoni tal-politika soċjali, u jagħmlu l-għarfien u l-kompetenzi rilevanti aċċessibbli;

(d)

provvista ta’ appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-Unjoni u nazzjonali sabiex iżżid il-kapaċità tagħhom biex jiżviluppaw, jippromwovu u jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta' strumenti u politiki tal-Unjoni dwar l-impjiegi u l-politika soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif imsemmija fl-Artikolu 1 u l-liġi rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 16

Tipi ta’ azzjonijiet

It-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-assi Progress:

1.

Attivitajiet analitiċi:

(a)

il-ġbir ta’ data u statistika, b’kunsiderazzjoni ta’ kriterji sew kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, u l-iżviluppar ta’ metodoloġiji, klassifikazzjonijiet, indikaturi u parametri referenzjarji komuni, meta jkun xieraq maqsumin skont is-sess u l-grupp tal-età;

(b)

stħarriġ, studji, analiżi u rapporti, inkluż permezz tal-finanzjament ta’ netwerks ta’ esperti u l-iżvilupp ta’ għarfien espert fit-taqsimiet tematiċi;

(c)

evalwazzjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi u valutazzjonijiet tal-impatt mwettqa kemm minn korpi pubbliċi kif ukoll privati;

(d)

monitoraġġ u valutazzjoni tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(e)

tħejjija u implimentazzjoni tal-esperimentazzjoni soċjali bħala metodu għall-ittestjar u l-evalwazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi bil-ħsieb li jiżdiedu proporzjonalment;

(f)

tixrid tar-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet analitiċi.

2.

Attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku, għarfien u tixrid:

(a)

skambji u tixrid ta’ prattika tajba, approċċi innovattivi u esperjenza, reviżjonijiet bejn il-pari, valutazzjoni komparattiva u tagħlim reċiproku fil-livell Ewropew;

(b)

Avvenimenti, konferenzi u seminars tal-Presidenza tal-Kunsill;

(c)

taħriġ ta' prattikanti legali u politiċi;

(d)

abbozzar u pubblikazzjoni ta’ gwidi, rapporti u materjal edukattiv u miżuri relatati mal-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-kopertura tal-media dwar l-inizjattivi appoġġjati mill-Programm;

(e)

attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;

(f)

żvilupp u manutenzjoni ta’ sistemi tal-informazzjoni sabiex tiġi skambjata u disseminata informazzjoni dwar il-politika u l-leġislazzjoni tal-Unjoni u dwar is-suq tax-xogħol.

3.

Appoġġ fir-rigward ta’:

(a)

l-ispejjeż operattivi tan-netwerks ewlenin fil-livell tal-Unjoni li l-attivitajiet tagħhom huma relatati u jikkontribwixxu għall-objettivi tal-assi Progress;

(b)

tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali u servizzi ta’ speċjalisti responsabbli għall-promozzjoni tal-mobbiltà ġeografika magħżula mill-Istati Membri u l-fornituri ta’ mikrokreditu;

(c)

organizzazzjoni ta’ gruppi ta’ ħidma tal-uffiċjali nazzjonali sabiex jimmonitorjaw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(d)

netwerking u kooperazzjoni fost il-korpi speċjalizzati u partijiet interessati rilevanti oħra, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u s-servizzi tal-impjiegi fil-livell tal-Unjoni;

(e)

finanzjament ta’ osservatorji fil-livell tal-Unjoni, inkluż dwar it-taqsimiet tematiċi ewlenin;

(f)

skambju ta’ persunal bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 17

Kofinanzjament tal-Unjoni

Meta l-attivitajiet taħt l-assi Progress jiġu ffinanzjati wara sejħa għall-proposti, dawn jistgħu jirċievu kofinanzjament mill-Unjoni li, bħala regola ġenerali, m'għandux jaqbeż it-80 % tal-infiq totali eliġibbli. Kwalunkwe appoġġ finanzjarju li jaqbeż dan il-limitu massimu jista' jingħata biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali ġustifikati kif dovut.

Artikolu 18

Parteċipazzjoni

1.   Il-parteċipazzjoni fl-assi Progress għandha tkun miftuħa għal:

(a)

l-Istati Membri;

(b)

il-pajjiżi taż-ŻEE, f’konformità mal-ftehim taż-ŻEE, u l-istati membri tal-EFTA;

(c)

il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet qafas konklużi magħhom dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni.

2.   L-assi Progress għandu jkun miftuħ għall-korpi, atturi u istituzzjonijiet kollha pubbliċi u/jew privati, u b’mod partikolari:

(a)

l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

(b)

servizzi tal-impjiegi;

(c)

korpi speċjalizzati previsti skont il-liġi tal-Unjoni;

(d)

l-imsieħba soċjali;

(e)

organizzazzjonijiet mhux governattivi;

(f)

istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u istituti tar-riċerka;

(g)

esperti fl-evalwazzjoni u fil-valutazzjoni tal-impatt;

(h)

uffiċċji tal-istatistika nazzjonali;

(i)

il-media.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, u b’mod partikolari mal-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD, l-ILO u ma' korpi oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, u mal-Bank Dinji.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tikkoopera ma’ pajjiżi terzi li mhux qed jipparteċipaw fil-Programm. Ir-rappreżentanti ta’ dawn il-pajjiżi terzi jistgħu jattendu avvenimenti ta’ interess reċiproku (bħal konferenzi, workshops u seminars) li jsiru fil-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-Programm u l-ispiża tal-attendenza tagħhom tista’ tkun koperta mill-Programm.

KAPITOLU II

L-assi EURES

Artikolu 19

Taqsimiet tematiċi u finanzjament

L-assi EURES għandu jappoġġja l-azzjonijiet f'waħda jew aktar mit-taqsimiet tematiċi mniżżla fil-punti (a), (b) u (c). Matul il-perjodu kollu tal-Programm, it-tqassim indikattiv tal-allokazzjoni stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 5(2) bejn it-taqsimiet differenti għandu jirrispetta l-perċentwali minimi li ġejjin:

(a)

it-trasparenza ta' pożizzjonijiet ta' impjiegi vakanti, applikazzjonijiet u kull informazzjoni relatata oħra għall-applikanti u għal min iħaddem: 32 %;

(b)

żvilupp ta’ servizzi għar-reklutaġġ u l-kollokament ta’ ħaddiema fl-impjieg permezz tal-ikklerjar ta’ pożizzjonijiet ta' impjiegi vakanti u applikazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni, partikolarment skemi ta' mobilità mmirati: 30 %;

(c)

sħubiji transfruntiera: 18 %.

Il-bqija għandu jiġi allokat għal waħda jew aktar mit-taqsimiet tematiċi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) jew kombinament tagħhom.

Artikolu 20

Objettivi speċifiċi

Minbarra l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4, l-objettivi speċifiċi tal-assi EURES għandhom ikunu li:

(a)

jiżguraw li postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet tax-xogħol u informazzjoni korrispondenti u konsulenza kif ukoll kwalunkwe informazzjoni relatata bħal pereżempju kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol isiru trasparenti għall-applikanti potenzjali u għal min iħaddem, rispettivament. Dan għandu jinkiseb permezz ta'skambju u t-tixrid tagħhom fil-livell transnazzjonali, interreġjonali u transfruntiera permezz tal-użu ta’ formoli standard tal-interoperabilità għall-postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet tax-xogħol u permezz ta' mezzi xierqa oħra, bħal konsulenza u mentoring individwali, speċjalment għal dawk b'ħiliet limitati;

(b)

l-appoġġ għall-provvista ta' servizzi EURES għar-reklutaġġ u l-kollokament ta’ ħaddiema f' impjieg ta' kwalità u sostenibbli permezz tal-ikklerjar ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għax-xogħol; l-appoġġ għas-servizzi EURES għandu jestendi għad-diversi fażijiet ta' kollokament, li jvaraw mit-tħejjija ta’ qabel ir-reklutaġġ għal assistenza ta’ wara l-kollokament bil-ħsieb tal-integrazzjoni b’suċċess tal-applikant fis-suq tax-xogħol; dawn is-servizzi ta' appoġġ jistgħu jinkludu skemi ta’ mobbiltà mmirati għall-mili ta’ postijiet tax-xogħol battala f'ċertu settur, okkupazzjoni, pajjiż jew grupp ta' pajjiżi jew għal gruppi partikolari ta' ħaddiema, bħaż-żgħażagħ, b'tendenza li jkunu mobbli, fejn ġiet identifikata ħtieġa ekonomika ċara.

Artikolu 21

Tipi ta' azzjonijiet

L-assi EURES jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw azzjonijiet għall-promozzjoni tal-mobilità volontarja ta’ individwi fl-Unjoni fuq bażi ġusta u għat-tneħħija ta’ ostakoli għall-mobilità, u b'mod partikolari:

(a)

l-iżvilupp u l-attivitajiet ta' sħubiji transfruntiera EURES, meta dawn jintalbu minn servizzi li jkunu territorjalment responsabbli għar-reġjuni mal-fruntiera;

(b)

il-proviżjoni ta' informazzjoni, konsulenza, servizzi ta' kollokament u reklutaġġ għal ħaddiema transfruntiera;

(c)

l-iżvilupp ta’ pjattaforma diġitali multilingwi għall-postijiet battala tax-xogħol u l-applikazzjonijiet għax-xogħol;

(d)

l-iżvilupp ta' skemi ta’ mobbiltà mmirati, wara sejħiet għal proposti, sabiex jimlew il-postijiet tax-xogħol battala, fejn ġew identifikati nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol, u/jew sabiex jgħinu l-ħaddiema b'tendenza li jkunu mobbli, fejn ġiet identifikata ħtieġa ekonomika ċara;

(e)

tagħlim reċiproku fost l-atturi tal-EURES u t-taħriġ tal-konsulenti tal-EURES, inklużi l-konsulenti tas-sħubija transfruntiera tal-EURES;

(f)

attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali b'mod ġenerali u l-attivitajiet u s-servizzi pprovduti mill-EURES.

Artikolu 22

Kofinanzjament tal-Unjoni

Meta l-attivitajiet taħt l-assi EURES jiġu ffinanzjati wara sejħa għall-proposti, jistgħu jirċievu kofinanzjament mill-Unjoni li, bħala regola ġenerali, m'għandux jeċċedi il-95 % tal-infiq totali eliġibbli. Kwalunkwe appoġġ finanzjarju li jaqbeż dan il-limitu massimu għandu jingħata biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali ġustifikati kif dovut.

Artikolu 23

Il-Monitoraġġ ta' Xejriet ta' Mobilità

Sabiex jinstabu u jiġu evitati effetti negattivi li jinħolqu b'rabta mal-mobilità ġeografika ġewwa l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, flimkien mal-Istati Membri, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, regolarment timmonitorja l-flussi u x-xejriet tal-mobilità.

Artikolu 24

Parteċipazzjoni

1.   Parteċipazzjoni fl-assi EURES għandha tkun miftuħa għal-:

(a)

l-Istati Membri;

(b)

il-pajjiżi taż-ŻEE, f' konformità mal-Ftehim taż-ŻEE, u l-Konfederazzjoni Svizzera, f'konformità mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (18).

2.   L-assi EURES għandu jkun miftuħ għall-korpi, atturi u istituzzjonijiet kollha maħtura minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-EURES, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/KE. Dawn il-korpi atturi u instituzzjonijiet għandhom jinkludu b’mod partikolari:

(a)

l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

(b)

servizzi tal-impjiegi;

(c)

organizzazzjonijiet ta’ msieħba soċjali u partijiet interessati oħra.

KAPITOLU III

L-assi tal-mikrofinanzjament u l-intraprenditorija soċjali

Artikolu 25

Taqsimiet tematiċi u finanzjament

L-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali għandu jappoġġja l-azzjonijiet f'waħda jew aktar mit-taqsimiet tematiċi mniżżla fil-punti (a) u (b). Matul il-perjodu kollu tal-Programm, it-tqassim indikattiv tal-allokazzjoni stipulat fil-punt (c) tal-Artikolu 5(2) bejn it-taqsimiet differenti għandu jirrispetta l-perċentwali minimi li ġejjin:

(a)

Il-mikrofinanzjament għal gruppi vulnerabbli u mikrointrapriżi: 45 %;

(b)

l-intraprenditorija soċjali: 45 %.

Il-bqija għandu jiġi allokat għal wieħed jew aktar mit-taqsimiet tematiċi msemmija fil-punti (a) jew (b) jew kombinament tagħhom.

Artikolu 26

Objettivi speċifiċi

Minbarra l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4, l-objettivi speċifiċi tal-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali għandhom ikunu li:

(a)

jiżdied l-aċċess għal mikrofinanzjament u d-disponibiltà għalih għal:

(i)

persuni vulnerabbli li tilfu jew li huma fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom, jew li għandhom diffikultà sabiex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, jew huma f’riskju ta’ esklużjoni soċjali, jew li huma soċjalment esklużi, u li huma f’pożizzjoni żvantaġġata fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-kreditu konvenzjonali u li jixtiequ jibdew jew jiżviluppaw il-mikrointrapriżi proprji tagħhom;

(ii)

mikrointrapriżi sew fil-fażi tal-bidu kif ukoll tal-iżvilupp, speċjalment mikrointrapriżi li jimpjegaw persuni kif imsemmi fil-punt (i);

(b)

tinbena l-kapaċità istituzzjonali tal-fornituri tal-mikrokreditu;

(c)

jiġiappoġġat l-iżvilupp tas-suq tal-investiment soċjali u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi għal intrapriżi soċjali billi tirrendi disponibbli l-ekwità, il-kważi-ekwità, l-istrumenti tas-self u l-għotjiet sa EUR 500 000 għall-intrapriżi soċjali, li jew għandhom dħul annwali li ma jeċċedix EUR 30 miljun, jew total tal-karta tal-bilanċ annwali li ma jeċċedix EUR 30 miljun, li mhumiex huma stess intrapriża tal-investiment kollettiv.

Sabiex jiżguraw il-komplimentarjetà, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, fl-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom, jikkoordinaw dawn l-azzjonijiet ma' dawk meħuda fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni u l-politiki nazzjonali.

Artikolu 27

Tipi ta’ azzjonijiet

Appoġġ għall-intrapriżi ta' mikrofinanzjament u soċjali, inkluż għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali, partikolarment permezz tal-istrumenti finanzjarji pprovduti skont it-Titolu VIII tal-Ewwel Parti tar-Regolament Finanzjarju u għotjiet jistgħu jiġu pprovduti taħt l-assi tal-Mikrofinanza u Enterpriżi Soċjali.

Artikolu 28

Parteċipazzjoni

1.   Il-parteċipazzjoni taħt l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali għandha tkun miftuħa għall-korpi pubbliċi u privati stabbiliti fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 16(1) u li jipprovdu f’dawk il-pajjiżi:

(a)

mikrofinanzjament għal persuni u mikrointrapriżi; u/jew

(b)

finanzjament għal intrapriżi soċjali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assi tkun aċċessibbli, mingħajr diskriminazzjoni, għall-korpi pubbliċi u privati kollha fl-Istati Membri.

3.   Sabiex jintlaħqu l-benefiċjarji finali u jinħolqu mikrointrapriżi, kompetittivi, vijabbli, korpi pubbliċi u privati li jwettqu attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal- paragrafu 1 għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jirrappreżentaw l-interessi tal-benefiċjarji finali tal-mikrokreditu u ma’ organizzazzjonijiet, b’mod partikolari dawk appoġġjati mill-FSE, u għandhom jipprovdu programmi ta’ mentoring u taħriġ għal dawn il-benefiċjarji finali. F'dan il-kuntest, għandu jiġi żgurat segwitu suffiċjenti tal-benefiċjarji kemm qabel kif ukoll wara l-ħolqien tal-mikrointrapriża.

4.   Il-korpi pubbliċi u privati li jwettqu attivitajiet kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1għandhom jaderixxu mal-istandards għoljin li jikkonċernaw it-tmexxija, il-ġestjoni u l-protezzjoni tal-klijent b’konformità mal-prinċipji tal-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba għall-Provvista ta’ Mikrokreditu u għandhom jippruvaw jipprevjenu li persuni u impriżi jkollhom dejn eċċessiv, pereżempju, minħabba l-għoti ta’ self b’rati ta’ interess għolja ħafna jew b’kundizzjonijiet li x’aktarx iwasslu għall-insolvenza tagħhom.

Artikolu 29

Kontribuzzjoni finanzjarja

Minbarra fil-każ ta' azzjonijiet konġunti, l-appropriazzjonijiet finanzjarji allokati għall-assi Mikrofinanzjarji u ta' Intraprenditorja Soċjali għandhom ikopru l-ispejjeż kollha tal-azzjonijiet implimentati permezz ta' srumenti finanzjarja, inklużi l-obbligi ta' ħlas lejn intermedjarji finanzjarji, bħal telf minn garanziji, ħlasijiet ta' managiment għall-entitajiet finanzjarji internazzjonali li jimmaniġjaw il-kontribut tal-Unjoni u kwalunkwe kosts oħra eliġibbli.

Artikolu 30

Ġestjoni

1.   Sabiex jiġu implimentati l-instrumenti u l-għotjiet imsemmija fl-Artikolu 27, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi ftehimiet mal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 139(4) tar-Regolament Finanzjarju, u b'mod partikolari mal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment. Dawn il-ftehimiet għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-kompiti fdati lil dawk l-entitajiet finanzjarji, inklużi dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-ħtieġa sabiex tiġi żgurata l-addizzjonalità u l-koordinazzjoni ma’ strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni u nazzjonali u sabiex ir-riżorsi jiġu distribwiti b’mod bilanċjat fost l-Istati Membri u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra. L-istrumenti finanzjarji taħt it-Titolu VIII tal-Ewwel Parti tar-Regolament Finanzjarju, jistgħu jitwasslu permezz ta' strument ta' investiment iddedikat, li jista' jiġi ffinanzjat mill-fondi tal-Programm, investituri oħra jew mit-tnejn.

2.   L-istrument dedikat ta' investiment imsemmija fil-paragrafu 1 jista' jipprovdi fost l-oħrajn, self, kapital ta' ekwità u strumenti li jikkondividu r-riskju għall-intermedjarji jew finanzjament dirett għall-intrapriżi soċjali jew inkella t-tnejn li huma. Il-kapital ta' ekwità jista' jiġi pprovdut, fost l-oħrajn, fil-forma ta' parteċipazzjoni miftuħa ta' ekwità, parteċipazzjoni bla vot (dormant holdings), self mill-azzjonisti, kif ukoll kombinamenti ta' tipi differenti ta' parteċipazzjonijiet ta' ekwità maħruġa lill-investituri.

3.   Il-kundizzjonijiet, bħalma huma r-rati ta' interess, għal mikrokrediti appoġġjati direttament jew indirettament fil-qafas ta' dan l-assi, għandhom jirriflettu l-benefiċċju tal-appoġġ u għandu jkunu ġustifikabbli fir-rigward tar-riskji sottostanti u l-ispejjeż reali relatat ma' kreditu.

4.   Skont l-Artikolu 140(6) tar-Regolament Finanzjarju, il-ħlasijiet lura annwali ġenerati minn strument finanzjarju wieħed għandhom jiġu assenjati għal dak l-istrument finanzjarju sal-1 ta' Jannar 2024, filwaqt li d-dħul għandu jiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni wara t-tnaqqis tal-ispejjeż u tariffi ta' ġestjoni. Għall-istrumenti finanzjarji li diġà huma implimentati fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2007-2013, il-ħlasijiet lura annwali u d-dħul ġenerati mill-operazzjonijiet li bdew fil-perijodu preċedenti għandhom jiġu assenjati għall-istrument finanzjarju fil-perijodu attwali.

5.   Mal-iskadenza tal-ftehimiet konklużi mal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew wara t-terminazzjoni tal-perijodu ta’ investiment tal-istrument ta’ investiment speċjalizzat, il-bilanċ dovut lill-Unjoni għandu jitħallas fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

6.   L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u, fejn rilevanti, il-maniġers tal-fond għandhom jikkonkludu ftehimiet bil-miktub mal-korpi pubbliċi u privati msemmija fl-Artikolu 28. Dawn il-ftehimiet għandhom jistabbilixxu l-obbligi tal-fornituri pubbliċi u privati sabiex jużaw ir-riżorsi li ġew magħmula disponibbli taħt l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali b’mod konformi mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 26 u sabiex jipprovdu informazzjoni għall-abbozzar ta’ rapporti annwali ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 31.

Artikolu 31

Rapporti dwar l-implimentazzjoni

1.   L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 30(1) u, fejn rilevanti, il-maniġers tal-fond, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapporti dwar l-implimentazzjoni annwali li jistabbilixxu l-attivitajiet li ngħataw appoġġ u li jkopru l-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom u l-allokazzjoni u l-aċċessibbiltà ta' finanzjament u investiment bis-settur, żona ġeografika u tip ta' benefiċjarju. Dawk ir-rapporti għandhom ukoll jistabbilixxu l-applikazzjonijiet aċċettati jew miċħuda rigward kull objettiv speċifiku u l-kuntratti konklużi mill-korpi pubbliċi u privati konċernati, l-azzjonijiet iffinanzjati u r-riżultati, inklużi f’termini tal-impatt soċjali tagħhom, il-ħolqien ta' impjiegi u sostenibbiltà tal-appoġġ mogħti. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawk ir-rapporti lill-Parlament Ewropew għal finijiet ta' informazzjoni.

2.   L-informazzjoni provduta f’dawk ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni biennali għandha tiddaħħal fir-rapporti dwar il-monitoraġġ annwali previsti fl-Artikolu 12. Dawn ir-rapporti ta’ monitoraġġ għandhom jinkludu r-rapporti annwali previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE, informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet ta' komunikazzjoni u informazzjoni dwar il-komplimentarjetà ma' strumenti oħra tal-Unjoni, speċjalment il-FSE.

TITOLU III

PROGRAMMI TA' ĦIDMA U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 32

Programmi ta' Ħidma

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implementazzjoni li jistipulaw programmi ta' ħidma li jkopru t-tlett assi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(3).

Il-programmi ta' ħidma għandhom fejn rilevanti, ikopru perjodu kontinwu ta' tliet snin u għandu jkollhom deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, il-proċeduri għall-għażla tal-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni, il-kopertura ġeografika, l-udjenza fil-mira u qafas ta' żmien indikattiv għall-implimentazzjoni. Il-programmi ta' ħidma għandhom jinkludu wkollj indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull objettiv speċifiku u għandhom jirriflettu l-allokazzjoni mill-ġdid tal-fondi skont l-Artikolu 33. Il-programmi ta' ħidma għandhom isaħħu l-koerenza tal-Programm billi jiġu indikati r-rabtiet bejn it-tlett assi.

Artikolu 33

Allokazzjoni mill-ġdid ta’ fondi bejn l-assi u t-taqsimiet tematiċi individwali fi ħdan l-assi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 34, għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-fondi bejn l-assi u t-taqsimiet tematiċi individwali fi ħdan kull assi li jaqbżu l-ammont indikattiv stabbilit f'kull każ b'aktar minn 5 % u sa 10 %, fejn żviluppi fil-kuntest soċjoekonomiku jew ir-riżultati fl-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu msemmija fl-Artikolu 13(1) jeħtieġu dan. L-allokazzjoni mill-ġdid tal-fondi għat-taqsimiet tematiċi fi ħdan kull assi għandha tiġi riflessa fil-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 32.

Artikolu 34

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 33 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba' snin mill-1 ta' Jannar 2014.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 33 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 33 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 35

Miżuri ta'implimentazzjoni addizjonali

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal pereżempju l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-Programm, inklużi dawk relatati mal-effikaċja tal-ispejjeż u l-arranġamenti għat-tixrid u t-trasferiment tar-riżultati, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 36(2).

Artikolu 36

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 37

Miżuri tranżitorji

L-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE, li jinbdew qabel l-1 ta' Jannar 2014 għandhom jibqgħu jiġu rregolati minn dik id-Deċiżjoni. Fir-rigward ta' dawk l-azzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 36 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 38

Evalwazzjoni

1.   L-evalwazzjoni finali prevista fl-Artikolu 13(4) ta' dan ir-Regolament għandha tinkludi l-evalwazzjoni finali prevista fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali speċifika tal-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali mhux aktar tard minn sena wara l-iskadenza tal-ftehimiet mal-entitajiet.

Artikolu 39

Emendi għad-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE

Deċiżjoni Nru 283/2010/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"4.   Mal-iskadenza tal-Faċilità, il-bilanċ dovut lill-Unjoni għandu jkun magħmul disponibbli għall-mikrofinanzjament u jappoġġja lill-intrapriżi soċjali b’mod konformi mar-Regolament Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") (*).

(*)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238""

(2)

Fl-Artikolu 8, jitħassru l-paragrafi 3 u 4.

Artikolu 40

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 88.

(2)  ĠU C 225, 27.7.2012, p. 167.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 (għandha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – PROGRESS (ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1).

(6)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/UE tas-26 ta' Novembru 2012 li timplementa r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ikklerjar ta' postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg u l-istabbiliment mill-ġdid tal-EURES (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 21).

(7)  Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).

(9)  Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar l-istabbiliment tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1).

(11)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta’ mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(14)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)

(15)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(16)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(17)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(18)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.