26.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/28


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 258/2010

tal-25 ta’ Marzu 2010

li timponi kundizzjonijiet speċjali fuq l-importazzjonijiet tal-guar gum li joriġina jew li jasal mill-Indja minħabba r-riskji ta’ kontaminazzjoni mill-pentachlorophenol u mid-dijossini u li jneħħi d-Deċiżjoni 2008/352/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza xierqa għal ikel u għalf importati minn pajjiż terz biex tkun imħarsa s-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u dan meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwali.

(2)

F'Lulju 2007, instabu livelli għolja ta’ pentachlorophenol (PCP) u dijossini fl-UE f’xi lottijiet ta’ guar gum li joriġina jew li jasal mill-Indja. Kontaminazzjoni ta' dan it-tip tikkostitwixxi theddida lis-saħħa pubblika fi ħdan l-Unjoni Ewropea jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri biex tiġi evitata l-preżenza tal-pentachlorophenol (PCP) u d-dijossini fil-guar gum.

(3)

Bħala reazzjoni għal din is-sejba ta’ livelli elevati ta’ PCP u dijossini, l-Uffiċċju Veterinarju u tal-Ikel tal-Kummissjoni Ewropea (FVO) wettaq żjara urġenti ta’ spezzjoni fl-Indja f’Ottubru 2007. L-għan kien li tinġabar informazzjoni dwar dak li jista’ jkun is-sors tal-kontaminazzjoni u li jiġu evalwati l-miżuri ta’ kontroll stabbiliti mill-awtoritajiet Indjani biex jiġi evitat it-tixrif mill-ġdid ta’ din il-kontaminazzjoni. It-tim ta’ spezzjoni kkonkluda li ma kienx hemm biżżejjed evidenza dwar il-kawża tal-episodju tal-kontaminazzjoni, u l-investigazzjoni li għamlu l-awtoritajiet Indjani ma kienitx adegwata biex twassal għal xi konklużjonijiet. Bid-disponibbiltà tas-sodium pentachlorophenol u tal-użu tiegħu fl-industrija tal-guar gum, u b’industrija li fil-biċċa l-kbira tagħha tirregola lilha nnifisha, ma kienx hemm kontrolli adegwati biex jiġi żgurat li din il-kontaminazzjoni ma tixrifx mill-ġdid.

(4)

Għalhekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/352/EC tad-29 ta’ April 2008 li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-guar gum li joriġina jew li jasal mill-Indja minħabba r-riskji ta’ kontaminazzjoni ta’ dawk il-prodotti mill-pentachlorophenol u mid-dijossini (2) tipprovdi li kull kunsinna ta' guar gum u għalf kompost u ikel li jkun fihom mill-anqas 10 % ta’ guar gum li joriġina jew li jkun wasal mill-Indja, għandha tkun akkumpanjata minn rapport analitiku oriġinali, approvat minn rappreżentant tal-awtorità kompetenti mill-pajjiż fejn ikun jinsab il-laboratorju, li juri li l-prodott ma fihx aktar minn 0.01 mg/kg PCP. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom janalizzaw il-kampjuni u l-kunsinni ta' dawn il-prodotti bi frekwenza ta' 5 % sabiex jivverifikaw li l-livell ta' 0.01 mg/kg PCP ma jinqabiżx. Il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità għad-Dijossini u l-PCBs fl-Għalf u fl-Ikel għamel studju dwar ir-rabta bejn il-PCP u d-dijossini fil-guar gum kontaminat mill-Indja. Minn dan l-istudju wieħed jista’ jikkonkludi li l-guar gum li għandu livell ta’ PCP taħt il-livell ta’ 0.01 mg/kg m'għandux livelli inaċċettabbli ta' dijossini.

(5)

F'Ottubru 2009 saret missjoni ta' spezzjoni tal-FVO sabiex tevalwa l-miżuri ta' kontroll stabbiliti mill-awtoritajiet Indjani biex jipprevjenu l-kontaminazzjoni tal-guar gum mal-PCP u d-dijossini u biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni li kienet saret f'Ottubru tal-2007.

(6)

Diversi nuqqasijiet serji ġew osservati matul din il-missjoni ta' spezzjoni. L-istatus tal-PCP fl-użu industrijali fl-Indja mhux ċar u fil-ħin tal-missjoni l-ebda evidenza ta' kwalunkwe azzjoni li tittieħed biex twaqqaf il-produzzjoni jew bejgħ tiegħu ma kienet ippreżentata. Il-kampjuni jittieħdu mill-kumpannija privata ta’ esportazzjoni u dan mingħajr sorveljanza uffiċjali. Il-każi ta’ nuqqas ta’ konformita’ li jinstabu mil-laboratorju bi frekwenza ta' madwar 2.5 % tal-kampjuni analizzati jiġu notifikati lill-kumpannija ta’ esportazzjoni mingħajr notifika lill-awtorità kompetenti. Peress li ma kien hemm l-ebda għarfien dwar il-parti tal-awtorità kompetenti f’dawn in-nuqqasijiet ta' konformità, ma ttieħdet ebda azzjoni rigward il-lottijiet li ma kinux konformi.

(7)

Is-sejbiet jindikaw li l-kontaminazzjoni tal-guar gum mal-PCP u/jew mad-dijossini ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala inċident iżolat u li kienet biss l-analiżi effettiva mil-laboratorju privat approvat li ppreveniet li l-prodott ikkontaminat ma jkunx aktar esportat lejn l-Unjoni Ewropea. Meta wieħed jikkunsidra li ma kien hemm l-ebda titjib fis-sistema ta’ kontroll, għandhom jittieħdu miżuri addizzjonali sabiex jitnaqqsu r-riskji possibbli.

(8)

Minħabba li ma jistax jiġi eskluż li l-guar gum li joriġina fl-Indja huwa esportat lejn l-UE permezz ta' xi pajjiż terz ieħor, huwa xieraq li jiġu previsti kontrolli każwali fuq il-preżenza tal-PCP fil-guar gum li jkun ikkonsenjat minn pajjiżi oħra minbarra l-Indja.

(9)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2008/352/KE għandha tiġi emendata kif jixraq. Madankollu, meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni n-natura tad-dispożizzjonijiet li jemendaw, li għandhom applikazzjoni diretta u li jorbtu fl-intier tagħhom, huwa approprjat li dik id-Deċiżjoni tinbidel f’Regolament.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

guar gum, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1302 32 90, li joriġina jew jasal mill-Indja u li hu intiż għall-konsum mill-annimali u mill-bniedem.

(b)

ikel u għalf li għandhom tal-anqas 10 % ta’ guar gum li joriġina jew li jasal mill-Indja.

Artikolu 2

Ċertifikazzjoni

1.   Kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ippreżentati għall-importazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn:

(a)

ċertifikat tas-saħħa, imqiegħed fl-Anness, li jiċċertifika li l-prodott importat ma jkunx fih aktar minn 0,01 mg/kg ta’ pentachlorophenol (PCP) u

(b)

rapport analitiku, maħruġ minn laboratorju akkreditat skont l-EN ISO/IEC 17025 għall-analiżi tal-PCP fl-għalf u l-ikel, li jindika r-riżultati tal-kampjuni u tal-analiżi għall-preżenza ta' PCP, l-inċertezza tal-kejl tar-riżultat analitiku, kif ukoll il-limitu tat-tkixxif (LOD) u l-limitu ta' kwantifikazzjoni (LOQ) tal-metodu analitiku.

2.   Iċ-ċertifikat akkumpanjati minn rapport analitiku għandu jiġi ffirmat minn rappreżentant awtorizzat tal-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Indja u l-validità taċ-ċertifikat ma għandhiex taqbeż l-4 xhur mid-data tal-ħruġ tagħha.

3.   L-analiżi msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha titwettaq fuq kampjun, meħud mill-awtoritajiet Indjani kompetenti mill-konsenja bi qbil mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/63/KE tal-11 Lulju 2002 li tistabbilixxi metodi tal-Komunità ta’ teħid ta’ kampjuni għall-kontroll uffiċjali ta’ residwi ta’ pestiċidi ġo u fuq prodotti li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali u li tħassar id-Direttiva 79/700/K (3). L-estrazzjoni ta’ qabel l-analiżi għandha ssir permezz ta' solvent aċidifikat. L-analiżi għandha ssir skont verżjoni modifikata tal-metodu tal-QuEChERS kif imniżżel fuq il-websajt tal-Laboratorji ta’ Referenza tal-Komunità għar-Residwi tal-Pestiċidi (4) jew skont metodu daqstant ieħor ta’ min wieħed joqgħod fuqu.

Artikolu 3

Identifikazzjoni

Kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi identifikata permezz ta' kodiċi li għandu jiġi indikat fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa, fuq ir-rapport analitiku li jkun fih ir-riżultati ta' teħid ta' kampjuni u analiżi, u fuq kwalunkwe dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-kunsinna. Kull borża individwali jew forma oħra ta' ppakkjar tal-kunsinja għandha tiġi identifikata b’din il-kodiċi.

Artikolu 4

Notifika minn qabel

L-operaturi tan-negozju tal-għalf u l-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika minn qabel lill-punt ta' kontroll imsemmija fl-Artikolu 5(4) tad-data u l-ħin li fihom tkun maħsuba li se jaslu l-kunsinni kollha tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Spezzjonijiet uffiċjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli ta' dokumentazzjoni, identità u kontrolli fiżiċi, inkluża l-analiżi tal-laboratorju fuq il-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

2.   L-identità u l-kontrolli fiżiċi, inklużi t-teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll tal-preżenza tal-PCP, għandhom isiru fuq talanqas 5 % tal-kunsinni.

3.   Il-kunsinni għandhom jinżammu taħt kontroll uffiċjali għal massimu ta' 15-il ġurnata ta’ xogħol sakemm joħorġu r-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.

4.   Il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu f'punti ta' verifika speċifikament magħżula mill-Istati Membri għal dak l-iskop.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista ta' punti ta' verifika disponibbli għall-pubbliku u jikkomunikawha lill-Kummissjoni.

6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ukoll iwettqu kontrolli fiżiċi każwali, inklużi t-teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll tal-preżenza tal-PCP, fuq il-guar gum ikkunsinnat minn pajjiżi oħra apparti l-Indja.

Artikolu 6

Qsim ta’ konsenja

Il-kunsinni m'għandhomx ikunu maqsuma sa mal-kontrolli uffiċjali jkunu tlestew. Jekk xi kunsinja tinfired, kopja ċertifikata taċ-ċertifikat tas-saħħa previst fl-Artikolu 2 (1)(a) għandu jakkumpanjaw kull parti tal-kunsinna maqsuma sal-rilaxx tagħha fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa.

Artikolu 7

Spejjeż

L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-verifiki uffiċjali msemmija fl-Artikolu 5(1), inkluż it-teħid tal-kampjuni, l-analiżi, il-ħżin u kull miżura li tittieħed b'riżultat ta' nuqqas ta' konformità għandu jagħmel tajjeb għalihom l-operatur tan-negozju tal-għalf u tal-ikel.

Artikolu 8

Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa

Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kunsinni għandu jkun suġġetti għall-preżentazzjoni mill-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel jew ir-rappreżentant tagħhom lill-awtoritajiet tad-dwana tal-evidenza li:

(a)

il-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 5(1) ikunu ġew imwettqa u

(b)

ir-riżultati mill-verifiki fiżiċi, meta dawn il-verifiki kienu meħtieġa, kienu favorevoli.

Artikolu 9

Prodotti mhux konformi

Kull prodott li jinstab li jkun fih aktar minn 0,01 mg/kg PCP, filwaqt li jitqiesu l-inċertezza mkabbra tal-kejl, wara l-kontrolli mwettqa skond l-Artikolu 5, m'għandux jidħol fil-katina tal-ikel u tal-għalf. Il-prodotti mhux konformi għandhom ikunu mormija b'mod sigur, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali. (5)

Artikolu 10

Rapporti

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) b'kull konsenja li jinstab li fiha aktar minn 0.01 mg/kg ta’ PCP filwaqt li jqisu l-inċertezza tal-kejl.

Kull tliet xhur l-Istati Membri għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni rapport dwar ir-riżultati kollha tat-testijiet analitiċi msemmija fl-Artikolu 5(1). Dawn ir-rapporti għandhom jitressqu matul ix-xahar wara kull kwart tas-sena.

Artikolu 11

Revoka

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/352/KE hija rrevokata.

Referenza għad-Deċiżjoni mħassra tkun imfissra bħala referenza għal dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2(1), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ konsenji tal-oġġetti tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 1 li ntbagħtu mill-pajjiż ta’ oriġini qabel l-1 ta’ April 2010 akkumpanjati minn rapport analitiku kif stipulat fid-Deċiżjoni 2006/352/KE.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 117, 1.5.2008, p. 42.

(3)  ĠU L 187, 16.7.2002, p. 30.

(4)  http://www.crl-pesticides.eu/library/docs/srm/QuechersForGuarGum.pdf

(5)  ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni