15.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/70


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Diċembru 2009

li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE li tistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi u territorji li minnhom l-importazzjonijiet ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati, gastropodi tal-ibħra u prodotti tas-sajd huma permessi

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 9870)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/951/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ verifiki uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprovdi li prodotti li joriġinaw mill-annimali jistgħu jiġu importati biss minn pajjiż terz jew parti ta’ pajjiż terz li jidher fuq il-lista msawra skont dak ir-Regolament. Ir-Regolament jispeċifika wkoll kundizzjonijiet speċjali għall-importazzjoni ta’ molluski bivalvi, tunikati, ekinodermi, gastropodi tal-ibħra u ta’ prodotti tas-sajd minn pajjiżi terzi.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprovdi li fit-tfassil u l-aġġornamenti ta’ listi bħal dawn għandhom jitqiesu l-verifiki min-naħa tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u tal-garanziji min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-konformità jew ekwivalenza mal-liġi tal-Unjoni dwar l-għalf u l-ikel u regoli dwar saħħet l-annimali kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar verifiki uffiċjali mwettqa biex jaċċertaw li tkun ġiet ivverifikata l-konformità mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel, saħħet l-annimali u regoli dwar il-benessri tal-annimali (2).

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/766/KE tas-6 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi u territorji li minnhom l-importazzjonijiet ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati, gastropodi tal-ibħra u prodotti tas-sajd huma permessi (3) telenka dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 u għaldaqstant huma f’pożizzjoni li jiggarantixxu li dawk il-prodotti esportati lejn l-Unjoni Ewropea jissodisfaw il-kundizzjonijiet sanitarji stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biex titħares saħħet il-konsumaturi. Għaldaqstant, l-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-importazzjonijiet ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-ibħra fi kwalunkwe forma u intiżi għall-konsum mill-bniedem huma permessi, filwaqt li l-Anness II tagħha jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi u territorji li minnhom l-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd intiżi għall-konsum mill-bniedem huma permessi.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 2076/2005 tal-5 ta’ Diċembru 2005 li jistipula arranġamenti tranżizzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004, (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-perjodu li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2009. Dawn il-miżuri jinkludu deroga mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 fejn jingħad li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ molluski bivalvi u ta’ prodotti tas-sajd mill-pajjiżi elenkati, rispettivament, fl-Annessi I u II tar-Regolament kemm-il darba, fost l-oħrajn, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż jew territorju terz tkun ipprovdiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-garanziji li l-prodotti inkwistjoni jkunu nkisbu skont kundizzjonijiet tal-anqas ekwivalenti għal dawk li jirregolaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-Unjoni.

(5)

Il-Kanada fil-preżent hija inkluża fil-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005. Il-verifiki min-naħa tal-Unjoni fil-Kanada biex jevalwaw is-sistema ta’ verifika attwali li tirregola l-produzzjoni ta’ molluski bivalvi intiża għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, li l-aħħar waħda saret fl-2009, flimkien mar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar miżuri sanitarji biex titħares is-saħħa pubblika u dik tal-annimali fir-rigward ta’ kummerċ ta’ annimali ħajjin u prodotti tal-annimali (5) tas-17 ta’ Diċembru 1998, li jikkonċerna l-ekwivalenza reċiproka bejn l-istandards Kanadiżi u dawk tal-Unjoni għall-molluski bivalvi ħajjin, jindikaw li l-kundizzjonijiet applikabbli fil-Kanada għall-molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-ibħra ddestinati għall-Unjoni Ewropea huma ekwivalenti għal dawk pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti.

(6)

Il-Groenlandja fil-preżent hija inkluża fil-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005. Il-verifiki min-naħa tal-Unjoni fil-Groenlandja biex jevalwaw is-sistema ta’ verifika attwali li tirregola l-produzzjoni ta’ molluski bivalvi intiża għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, li l-aħħar waħda saret fl-2009, flimkien ma’ garanziji pprovduti mill-awtorità kompetenti fil-Groenlandja, jindikaw li l-kundizzjonijiet applikabbli f’dak il-pajjiż terz għall-molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-ibħra ddestinati għall-Unjoni Ewropea huma ekwivalenti għal dawk pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti. Għaldaqstant, il-Groenlandja għandha tiġi inkluża fil-lista fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/766/KE.

(7)

Il-verifiki min-naħa tal-Unjoni fl-Istati Uniti biex jevalwaw is-sistema ta’ verifika attwali li tirregola l-produzzjoni ta’ molluski bivalvi intiża għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, li l-aħħar waħda minnhom saret fl-2009, indikaw differenzi bejn l-istandards Amerikani u dawk tal-Unjoni għall-molluski bivalvi ħajjin imma ma identifikawx riskji serji għas-saħħa tal-bniedem ħlief għaż-żona tal-kultivazzjoni fil-Golf tal-Messiku. L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qablu li jeżaminaw l-ekwivalenza reċiproka bejn l-istandards tal-Istati Uniti u dawk tal-Unjoni għall-molluski bivalvi ħajjin. Għaldaqstant huwa f’loku li jiġu awtorizzati, fuq bażi temporanja, l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-ibħra mill-Istati Uniti, esklużi l-molluski bivalvi kkultivati fil-Golf tal-Messiku. Din l-awtorizzazzjoni temporanja għandha tiġi riveduta sitt xhur wara d-dħul tagħha fis-seħħ b’mod li jitiqesu r-riżultati tal-eżami tal-ekwivalenza bejn l-istandards tal-Istati Uniti u dawk tal-Unjoni għall-molluski bivalvi ħajjin.

(8)

L-Angola, l-Ażerbajġan, il-Benin, il-Kongo, l-Eritrea, l-Iżrael, il-Mjanmar, il-Gżejjer Solomon, Sant’Elena u t-Togo fil-preżent huma inklużi fil-lista tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005. Il-verifiki min-naħa tal-Unjoni biex jevalwaw is-sistema ta’ verifika attwali li tirregola l-produzzjoni ta’ prodotti tas-sajd intiżi għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, li l-aħħar waħda fl-Angola saret fl-2007, fl-Ażerbajġan fl-2007, fil-Benin fl-2009, fil-Kongo fl-2009, fl-Eritrea fl-2008, fl-Iżrael fl-2009, fil-Mjanmar fl-2009, fil-Gżejjer Solomon fl-2007, f’Sant’Elena fl-2003, u fit-Togo fl-2009, flimkien ma’ garanziji pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Angola, l-Ażerbajġan (għall-kavjar biss), il-Benin, il-Kongo (għall-prodotti tas-sajd maqbuda, imnaddfa (fejn hu l-każ), iffriżati u ppakkjati fl-imballaġġ finali tagħhom fuq il-baħar biss), l-Eritrea, l-Iżrael, il-Mjanmar (għall-prodotti tas-sajd maqbuda fil-beraħ biss), il-Gżejjer Solomon, Sant’Elena u t-Togo (għall-awwisti ħajjin biss), jindikaw li l-kundizzjonijiet applikabbli f’dawk il-pajjiżi terzi għall-prodotti tas-sajd iddestinati lejn l-Unjoni Ewropea huma ekwivalenti għal dawk ipprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti. Għaldaqstant, dawk il-pajjiżi terzi għandhom jiġu inklużi fil-lista fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE.

(9)

Barra minn hekk, sabiex jitqiesu d-differenzi fil-garanziji pprovduti minn dawn il-pajjiżi terzi, jeħtieġ li jiġu previsti ċerti restrizzjonijiet fil-listi fl-Anness I u II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE.

(10)

Sant’Elena, Tristan da Cunha u Ascension jikkostitwixxu Territorju Barrani uniku. Madankollu, minħabba li dawn il-gżejjer huma ‘l bogħod minn xulxin u, fil-prattika, huma ggvernati b’mod separat, dawn għażlu li jwaqqfu awtoritajiet kompetenti separati li jkunu responsabbli mis-sikurezza tal-prodotti tas-sajd. Għaldaqstant, l-inklużjoni ta’ Sant’Elena bħala pajjiż terz li minnu huma awtorizzati l-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd ma għandhiex tkopri l-gżejjer ta’ Tristan da Cunha u Ascension.

(11)

Għall-fini ta’ kjarifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandhom jiġu emendati t-titli tal-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE. It-titlu tal-Anness I għandu jagħmilha ċara li l-importazzjonijiet ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati, gastropodi tal-ibħra u prodotti tas-sajd, kemm jekk ħajjin, iffriżati jew ipproċessati, huma awtorizzati biss mill-pajjiżi terzi inklużi f’dan l-Anness. It-titlu tal-Anness II għandu jagħmilha ċara li dan l-Anness ikopri l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd kif iddefinit fil-punt 3.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (6), ħlief għal dawk koperti mill-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni. Din id-distinzjoni hija neċessarja minħabba li r-rekwiżiti tal-Unjoni applikabbli għal dawn iż-żewġ gruppi ta’ prodotti huma differenti.

(12)

Id-Deċiżjoni 2006/766/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/766/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu tal-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

Lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-importazzjonijiet ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-ibħra ħajjin, iffriżati jew ipproċessati għall-konsum mill-bniedem huma permessi  (*)

(*)  Inklużi dawk koperti mid-definizzjoni ta’ prodotti tas-sajd fil-punt 3.1, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).”"

(b)

l-entrata għall-Kanada li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-Awstralja:

“CA

IL-KANADA”

 

(c)

l-entrata għall-Groenlandja li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għaċ-Ċile:

“GL

IL-GROENLANDJA”

 

(d)

l-entrata għall-Istati Uniti li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għat-Turkija:

“US

L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

Sal-1 ta’ Lulju 2010 biss

u

esklużi l-importazzjonijiet ta’ molluski bivalvi kkultivati fl-Istati ta’ Florida, Texas, Mississippi, Alabama u Louisiana.”

(2)

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mill-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 320, 18.11.2006, p. 53.

(4)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83.

(5)  ĠU L 71, 18.3.1999, p. 3.

(6)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55. L-Anness I, “3.1. ‘Prodotti tas-sajd’ tirreferi għall-annimali kollha tal-ilma baħar u tal-ilma ħelu (ħlief għall-molluski bivalvi ħajjin, ekinodemi ħajjin, tunikati ħajjin u gastropodi tal-ibħra ħajjin, u l-mammali, ir-rettili u ż-żrinġijiet kollha) sew jekk slavaġ u sew jekk tat-trobbija u li jinkludu l-forom, il-partijiet u l-prodotti edibbli kollha ta’ dawn l-annimali.”


ANNESS

“ANNESS II

Lista ta’ pajjiżi terzi u territorji terzi li minnhom huma awtorizzati l-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem, ħlief għal dawk koperti mill-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni

(Pajjiżi u territorji msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004)

Kodiċi ISO

Pajjiżi

Restrizzjonijiet

AE

L-EMIRATI GĦARAB MAGĦQUDA

 

AG

ANTIGWA U BARBUDA

L-awwisti ħajjin biss

AL

L-ALBANIJA

 

AM

L-ARMENJA

Dawk il-gambli biss li huma ħajjin u mhux imrobbija, il-gambli pproċessati bis-sħana u mhux imrobbija u gambli ffriżati mhux imrobbija.

AN

L-ANTILLI OLANDIŻI

 

AO

L-ANGOLA

 

AR

L-ARĠENTINA

 

AU

L-AWSTRALJA

 

AZ

L-AŻERBAJĠAN

Il-kavjar biss

BA

IL-BOŻNJA u ĦERZEGOVINA

 

BD

IL-BANGLADEXX

 

BJ

IL-BENIN

 

BR

IL-BRAŻIL

 

BS

IL-BAĦAMAS

 

BY

IL-BELARUS

 

BZ

IL-BELIŻ

 

CA

IL-KANADA

 

CG

IL-KONGO

Il-prodotti tas-sajd maqbuda, imnaddfa (fejn hu l-każ), iffriżati u ppakkjati fl-imballaġġ finali tagħhom fuq il-baħar biss

CH

L-IŻVIZZERA

 

CI

IL-KOSTA TAL-AVORJU

 

CL

IĊ-ĊILE

 

CN

IĊ-ĊINA

 

CO

IL-KOLUMBJA

 

CR

KOSTA RIKA

 

CU

KUBA

 

CV

IL-KAP VERDE

 

DZ

L-ALĠERIJA

 

EC

L-EKWADOR

 

EG

L-EĠITTU

 

ER

L-ERITREA

 

FK

IL-GŻEJJER FALKLAND

 

GA

IL-GABON

 

GD

GRENADA

 

GH

IL-GANA

 

GL

IL-GROENLANDJA

 

GM

IL-GAMBJA

 

GN

IL-GINEA

Dak il-ħut biss li ma jkun għadda minn l-ebda tħejjija jew ipproċessar, għajr għat-tneħħija tar-ras, it-tindif, it-tkessiħ u l-iffriżar. Il-frekwenza mnaqqsa ta’ verifiki fiżiċi, prevista fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/360/KE (ĠU L 158, 25.6.1994, p. 41), ma għandhiex tiġi applikata.

GT

IL-GWATEMALA

 

GY

IL-GUJANA

 

HK

ĦONG KONG

 

HN

IL-ĦONDURAS

 

HR

IL-KROAZJA

 

ID

L-INDONEŻJA

 

IL

L-IŻRAEL

 

IN

L-INDJA

 

IR

L-IRAN

 

JM

IL-ĠAMAJKA

 

JP

IL-ĠAPPUN

 

KE

IL-KENJA

 

KR

IL-KOREA T’ISFEL

 

KZ

IL-KAŻAKISTAN

 

LK

IS-SRI LANKA

 

MA

IL-MAROKK

 

ME

IL-MONTENEGRO

 

MG

IL-MADAGASKAR

 

MM

IL-MJANMAR

Il-prodotti tas-sajd maqbuda fil-beraħ u ffriżati biss (il-ħut, gambli u gambli kbar tal-ilma ħelu jew tal-ilma baħar)

MR

IL-MAWRITANJA

 

MU

IL-MAWRIZJU

 

MV

IL-MALDIVI

 

MX

IL-MESSIKU

 

MY

IL-MALAŻJA

 

MZ

IL-MOŻAMBIK

 

NA

IN-NAMIBJA

 

NC

IL-KALEDONJA ĠDIDA

 

NG

IN-NIĠERJA

 

NI

IN-NIKARAGWA

 

NZ

NEW ZEALAND

 

OM

L-OMAN

 

PA

IL-PANAMA

 

PE

IL-PERÙ

 

PF

IL-POLINEŻJA FRANĊIŻA

 

PG

IL-PAPUA NEW GUINEA

 

PH

IL-FILIPPINI

 

PM

SAINT PIERRE U MIQUELON

 

PK

IL-PAKISTAN

 

RS

IS-SERBJA

Ma tinkludix il-Kosovo kif iddefinit mir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Ġunju 1999

Il-ħut frisk sħiħ biss minn qabdiet fil-beraħ mill-ilma baħar

RU

IR-RUSSJA

 

SA

L-ARABJA SAWDIJA

 

SB

IL-GŻEJJER SOLOMON

 

SC

IS-SEYCHELLES

 

SG

SINGAPOR

 

SH

SANT’ELENA

Ma tinkludix il-gżejjer ta’ Tristan da Cunha u Ascension

 

SN

IS-SENEGAL

 

SR

IS-SURINAM

 

SV

EL SALVADOR

 

TG

IT-TOGO

L-awwisti ħajjin biss

TH

IT-TAJLANDJA

 

TN

IT-TUNEŻIJA

 

TR

IT-TURKIJA

 

TW

IT-TAJWAN

 

TZ

IT-TANŻANIJA

 

UA

L-UKRAINA

 

UG

L-UGANDA

 

US

L-ISTATI UNITI

 

UY

L-URUGWAJ

 

VE

IL-VENEŻWELA

 

VN

IL-VJETNAM

 

YE

IL-JEMEN

 

YT

MAJOTT

 

ZA

L-AFRIKA T’ISFEL

 

ZW

IŻ-ŻIMBABWE”