13.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 335/97


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Diċembru 2008

dwar in-noninklużjoni taż-żejt tal-għadam fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8083)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/943/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikulari r-raba’ sub-paragrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprevedi li Stat Membru jista’, matul perijodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fil-lista tal-Anness I ta’ din id-Direttiva li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika, filwaqt li dawn is-sustanzi qed jiġu eżaminati b’mod gradwali fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2002 (2) u (KE) Nru 2229/2004 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu eżaminati bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi ż-żejt tal-għadam.

(3)

Għall-aċidu taż-żejt tal-għadam l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġew eżaminati skont id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 1112/2002 u (KE) Nru 2229/2004 għall-firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jaħtru lill-Istati Membri Relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti tal-eżami u r-rakkomandazzjonijiet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) skont l-Artiklu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Għaż-żejt tal-għadam, l-Istat Membru Relatur kien il-Belġju u t-tagħrif kollu rilevanti tressaq f’Ottubru 2006.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat iż-żejt tal-għadam skont l-Artiklu 24a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Abbozz tar-rapport tar-reviżjoni għal din is-sustanza ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fis-26 ta’ Settembru 2008 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni.

(5)

Matul l-investigazzjoni ta’ din is-sustanza attiva mill-Kumitat, b’kunsiderazzjoni tal-kummenti li waslu mingħand l-Istati Membri, ġie konkluż li hemm indikazzjonijiet ċari li jista’ jiġi mistenni li għandha effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u b’mod partikolari d-dejta kruċjali nieqsa ma tippermettix li tiġi stipulata d-doża aċċettabbli ta’ kuljum (id-DAK), u d-doża akuta ta’ referenza (ArfD) u valuri bħal dawn huma meħtieġa biex titwettaq l-valutazzjoni tar-riskju. Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-operatur hija ikbar minn 100 % tal-livell aċċettabbli tal-espożizzjoni tal-operatur (AOEL) fix-xenarji kollha mudellati. Barra minn dan, tħassib ieħor identifikat mill-Istati Membri relaturi fir-rapport tal-eżami hu inkluż fir-rapport ta’ reviżjoni għas-sustanza.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-eżami taż-żejt tal-għadam u dwar jekk kienx biħsiebu jsostni jew ma jsostnix aktar is-sustanza. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew investigati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, il-preokkupazzjonijiet identifikati ma setgħux jitneħħew, u l-eżamijiet li saru fuq il-bażi tal-informazzjoni ma wrewx li jista’ jiġi mistenni li, fil-kundizzjonijiet tal-proposti ta’ użu, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-żejt tal-għadam jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artiklu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk, iż-żejt tal-għadam m’għandux jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom iż-żejt tal-għadam jiġu rtirati fi żmien ta’ perjodu preskritt u ma jiġġeddux u li ma jingħatawx awtorizzazzjonijiet ġodda għal prodotti bħal dawn.

(9)

Kull perijodu fuq ir-riħ mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom iż-żejt tal-għadam għandu jkun limitat għal 12-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati fi staġun wieħed ieħor ta’ tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom iż-żejt tal-għadam jistgħu jibqgħu disponibbli 18-il xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għaż-żejt tal-għadam skont l-Artiklu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE rigward il-proċedura regolari u mgħaġġla għall-eżaminazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha, bil-ħsieb ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I (4) tagħha.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iż-żejt tal-għadam mhux se jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkollhom iż-żejt tal-għadam jiġu rtirati sat-12 ta’ Ġunju 2009;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom iż-żejt tal-għadam mhi se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kwalunkwe perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mit-12 ta’ Ġunju 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 168, 27.6.2002, p. 14.

(3)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(4)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.